lil poeta li qalli li qed jikteb bħal wieħed vera xiħ dan l-aħħar 

Jasmine Bajada

il-kliem li ktibtli dalgħodu m’hediex.
għadni nhewden x’messni għedt
biex niskonġr’hom minn għadmek — 
minn leħnek. bexxaqtli tieqa bihom;
ilmaħtek bilqiegħda fil-kamra, waħdek,
diqitek tidwi fil-vojt għammieq.
mill-bogħod, imbagħad, ġew il-vrus…
qaluli li inti, poeta, m’għadekx tħożż hekk,
għall-gost. issa li qbadt ir-ritmu taċ-ċinju
tixtieqek għadek bilbla tgħanni binhar.
tibżax: l-istrument għadu f’idejk bla trab.
u inti bħal wieħed vera xiħ li jinsa kollox,
ank’isem ommu, qabel jinsa kif jaqbad
dak l-argunett ta’ dari. titnih kif titnih,
ħa jdoqqlok ħelu, sabiħ.

Dekorazzjoni art-nouveau