24 ta’ Novembru 2022
Is-sitta u għoxrin ġurnata minn 96
Wow, illum il-burdataNoah: Qed inħossni ’l bogħod mill-idjoma Maltija llum; din xi ħaġa li tiġrili ħafna u tqabbadni ħafna tferfir, imma kulma nista’ nagħmel nipprova nisma’ kemm nista’ u nżomm ħafna dinjiet f’moħħi, biex kliem Ira jmexxi u jinħass ta’ veru u viċin tal-qarrej bil-Malti.
Kumbinazzjoni oħra minn dawk tal-univers; għal dan iż-żmien, Novembru 2022, kont qed nagħmel il-mużika għall-performance Sitt Ġrajjiet, bil-kitba ta’ Leanne Ellul bħala parti minn Żigużajg, u dis-sena (2025) qed nerġgħu ntellgħuha. Il-kitba ta’ Leanne tiffoka fuq il-gwerer u l-mard, u kwistjonijiet oħra, b’mod wiesa’ u ħafna logħob bil-kliem. Qed insibha interessanti nerġa’ nisma’ t-test f’kuntest għalkollox differenti. Tliet snin fihom; kollha kemm aħna nbdilna. Leanne qaltli l-aħħar darba li t-teatru jtiha ċerta nostalġija partikolari u naqbel magħha; tibni komunità li wara xahar, xahrejn tisparixxi, u titgħallem taċċetta t-tmiem tal-forma li jkun ħa l-proċess partikolari sakemm jibda li jmiss. Jien u naqra fuq l-iżvilupp tax-xogħol ta’ Ira, u l-performances infilsati bejn ix-xogħol fil-lab, bdejt niftakar f’din is-sensazzjoni. U bħal Ira, naħseb din id-darba għandi lenti iktar ċara fuq ix-xogħol, imma wkoll, jien ħafna iktar għajjien.
ħadet xejra oħra.
Rajt lil Astrid iġġib fliexken bid-demm tal-mogħoż u l-fniek — kienu sbieħ!
Il-problema fit-tmexxija ta’ Kyra ta’ dawn in-nisa (it-tekniċi tal-laboratorju fid-dipartiment tagħna kollha nisa ta’ mezz’età) hija kwistjoni ta’ valuri — soċjalisti vs kapitalisti. Hija kwistjoni ta’ fehmithom dwar il-ħajja, il-mod kif jagħżlu li jingaġġaw mad-dinja.
Hija dwar il-fehmiet differenti li għandhom dwar l-effiċjenza.
In-noti tiegħi:
Assay Riproduttiv Endrokrinoloġiku
Menu — Siemens — healthinners
AFP
Androstenedione
AMH
DHEAS
Estradiol Imsaħħaħ
Free beta-hC6
FSH
hC6
LH
PAPP-A
PIGF
Proġesteron
Prolactin
sFLT-1
SHB6
Testosteron II
Estriol Mhux KonjugatQed nieħu gost nieħu naqra libertà bit-termini xjentifiċi. Forsi niftakru li fl-aħħar mill-aħħar kollox logħob bil-kliem.
25 ta’ Novembru 2022
Is-sebgħa u għoxrin ġurnata minn 96
Għandi ħafna dubji fuq dan kollu.
Ġismi juġagħni.
Nimmissja d-dija li kelli meta kont mitlufa fl-imħabba.
Id-dubji jikkunsmaw l-enerġija, u mhumiex seduċenti.
29 ta’ Novembru 2022
It-tmienja u għoxrin ġurnata minn 96
Filgħodu — imċajpar sew.
Ħlomt bin-Nanna. U ħafna xita.
Konna qed nippruvaw nidħlu f’xi knisja, imma kien diffiċli.
Kont qed nipprova nlibbisha l-ħwejjeġ. Kienet nofsha hemm.
Fiżikament hemm. Mentalment, mhux daqstant.
*
Filgħaxija — il-ġurnata għaddiet malajr.
Klijent minnhom, Argenx, tawna kejk.
Ix-xjentisti wkoll iħobbuh iz-zokkor.
30 ta’ Novembru 2022
Id-disgħa u għoxrin ġurnata minn 96
Illum għamilt l-ewwel ELISA tiegħi.
Eculizumab.
Marret tajjeb.
Ara r-ritratt.

1 ta’ Diċembru 2022
It-tletin ġurnata minn 96
Kważi terz.
Inħoss it-toqol ta’ li qed “nibni żewġ karrieri f’daqqa.” Dak li nagħmel professjonalment tista’ ssejjaħlu karriera?
Illum kienet wisq. Wisq laqgħat waħda f’waħda, u oħra waqt l-ikel, bl-Olandiż.
Ix-xogħol jaf ikun sabiħ u jaf ikun possibbli tagħmlu, taħdem ma’ ħafna nies b’ħafna proġetti, imma jixorbok ukoll.
Hawn ħafna potenzjal biex titgħallem u tiskopri affarijiet ġodda hawnhekk.
Clara bagħtitli messaġġ mimli emozzjonijiet, tad-dwejjaq.
Qasamli qalbi. Qaltli li qed tibża’.
Għala jimirdu n-nies tajbin? Kif nista’ nkun hemm għaliha u nieħu ħsiebha, inkun ġentili, u nkun l-aħjar verżjoni tiegħi nnifsi għal ħabibti?
2 ta’ Diċembru 2022
Il-wieħed u tletin ġurnata minn 96
Illum il-Ġimgħa. Sabiħ tispiċċa ġimgħa xogħol.
Lisanne kienet qed tgħallimni fuq l-ELISA CFHR2/2.
Hi minn dipartiment differenti (Biologicals) u daqsi fl-età.
Il-ġurnata li qattajna flimkien marret tajjeb; nieħu gost nitgħallem affarijiet ġodda.
Urietni app eċċellenti għall-grafika u t-tabelli — Prism GraphPad.
Fi żmieni kont nuża xi add-on banali u inkonvenjenti tal-Microsoft.
Lisanne stednitni biex ningħaqad mat-tim tagħhom tal-pub quiz, u waqt l-ikel staqsejtha jekk taħsibx li l-arti u x-xjenza humiex kombinazzjoni stramba. Qaltli li ma tantx taf artisti, u li hija xi ħaġa sabiħa li jien pont bejn iż-żewġ dinjiet. Irrepetiet ħafna l-kelma “kreattività”, li x-xjenza mhux kreattiva; avolja qablet li, fil-prinċipju, ix-xjenza wkoll qed tfittex dak li mhux magħruf, bħalma tagħmel l-arti. Ħassejt li qisu kien hemm xi biża’ min-naħa tagħha dwar dil-“kreattività” enigmatika. Hemm wens fl-istrettezza tan-numri. Qed niftakar f’lecture ta’ Michael Weinman dwar il-Filosofija tal-Matematika — forsi n-numri mhumiex stretti u jikkontrollaw daqskemm naħsbu. Bħal Bruno Latour, huwa wkoll sab il-fluwidità fil-prattiki tal-laboratorju. Latour miet ftit xhur ilu. Inħossni xxurtjata li ltqajt miegħu.Kelli kurżità fuq dan l-inkontru u staqsejt lil Ira dwaru. Qaltli li meta kienet l-iskola tal-arti kienet qattgħet xi żmien Pariġi. Latour innifsu ma impressjonahiex wisq, ta’ filosfu anzjan li kien, imma l-komunità li nġabret madwaru ispirawha.
Lisanne qaltli wkoll dwar zijitha, li llum għandha tnejn u tmenin sena u li fis-sittinijiet kienet teknika tal-laboratorju. Kienu jiġbdu d-demm u l-awrina bil-pipetta billi jerdgħuha b’ħalqhom stess. Din xi ħaġa li lit-tekniċi kontemporanji, u lil-leġiżlaturi tal-Prattika Tajba fil-Laboratorju, kienet tkexkixhom sew illum.
Għedtilha dwar l-artista WhiteFeather li tagħmel dixxijiet tal-petri DIY mill-fliexken tal-ħġieġ. Iffantasizzajna flimkien dwar soluzzjoni iktar ekoloġika għall-platti tal-plastik tal-ELISA li tuża darba biss. Nużaw ħafna minnhom fil-lab ta’ kuljum. Ħġieġ? X’kienu jużaw qabel? Meta żviluppat bħala teknika tal-laboratorju l-ELISA?
7 ta’ Diċembru 2022
It-tlieta u tletin ġurnata minn 96
Diffiċli għal Jimmy biex jaqta’ s-sigaretti.
Niżżilt Mood Tracker, is-saħħa mentali tiegħi ma tantx hi stabbli.
Ittestjajt l-IgD tal-metodu tagħna, u l-metodu Siemens.
Qrajt artiklu tad-daħq dwar x’DIY jagħmlu x-xjentisti fil-laboratorju. Ħafna jużaw l-ispinners tal-insalata biex jispinnjaw l-affarijiet.
Il-bank tad-demm kien ittwitja f’Marzu li lesti biex jgħinu lill-Ukrajna bid-demm.
X’leġiżlazzjoni hemm bżonn biex id-donazzjonijiet tad-demm jaqsmu l-fruntieri tal-pajjiż?
8 ta’ Diċembru 2022
L-erbgħa u tletin ġurnata minn 96
Ma tantx ġraw affarijiet illum.
Ix-xogħol bl-Atellica kien tedjanti.
Għada l-aħħar ġurnata l-laboratorju qabel ma mmorru wpZimmer għal residenza.
Hawnhekk kulħadd eċitat għax jien sejra residenza tal-arti.
Għala daqshekk kurjużi dwar l-arti tiegħi?
Huwa biss għax taħlita mhux tas-soltu ta’ attivitajiet?
9 ta’ Diċembru 2022
Il-ħamsa u tletin ġurnata minn 96
Dawn huma l-iskoperti tiegħi:
-
Envigo.com =) – ibigħu l-fniek tal-Indi, u demmhom, għar-riċerka.
-
Is-soluzzjoni ta’ Alsever hija soluzzjoni tal-melħ isotonika u bbilanċjata. Tintuża normalment bħala antikoagulant u preżervattiv tad-demm, u tippermetti l-ħżin tad-demm sħiħ f’temperaturi tal-friġġ għal madwar għaxar ġimgħat. Jaf tkun utli għall-kit DIY biex tanalizza l-ormoni d-dar.
Allura llum għamilna żball.
Ittestjajna l-kampjun il-ħażin.
Ittestjajna s-serum tal-fenek tal-Indi flok tal-bniedem.
Allura r-riżultati mhumiex validi.
Ups!
Insomma, għall-inqas nafu li l-assay huwa speċifiku għall-bniedem.
Dan kollu daqsxejn redikolu.
Ċaw għalissa. — > Antwerp. Veru eċitata u ħerqana biex inqatta’ ftit ħin mal-arti tiegħi.
.
.
.
.
.
.
.
.
.
.
Imbagħad kien hemm l-orrur tal-uġigħ u l-infjammazzjoni tan-nervituri f’rasi…

23 ta’ Diċembru 2022
Hello Solstizju. Hello Qamar Mitluf. Hello Marija, u ċ-ċelebrazzjoni ta’ Kristu.
Jgħidu li huwa portal potenti ta’ tiġdid. Tajjeb biex jiġu stabbiliti l-intenzjonijiet.
Għadni kif għaddejt minn orrur ta’ aspettattivi jikkrollaw quddiemi u wġigħ fiżiku inkredibbli; inħossni dgħajfa ħafna, mimlija mistoqsijiet dwar id-direzzjoni tal-ħajja.
’Qas naf x’intenzjonijiet nista’ “nħawwel”. Vera nħossni ħażin; m’għandi l-ebda xewqa.
Forsi ċarezza? U saħħa?
Noħroġ minn dad-dlam, inkabbar ftit saħħa interna. Dak l-istat meta nkun nista’ niddependi fuqi nnifsi, l-għarfien li nista’ nqum u niċċaqlaq u nattiva l-affarijiet.
U ċarezza fil-bżonnijiet u fix-xewqat tiegħi.
Għalissa, dlam u serħan biss.
26 ta’ Diċembru 2022
Ili marida ġimagħtejn issa.Ira tikkomunika din l-informazzjoni f’footnote u b’ċerta distanza medika. It-taħlit tad-diskors mediku, personali, astroloġiku huwa intenzjonat ħafna f’dawn id-djarji. Qed inħossha tipprova tiġbed lejn mod differenti kif inħarsu lejn is-saħħa u l-mard. Illum aħjar, mil-lat ta’ enerġija għall-inqas, imma għadni bis-sogħla u b’rasi u għadmi juġgħuni. Il-burdata naqra aħjar ukoll, imma xorta nxaqleb lejn id-dipressjoni. Jim qed jgħid li għandi burnout u b’mod ċar mhux ġej mill-arti imma minn dal-impenn ta’ kuljum tax-xogħol. Naħseb għandu raġun. Iwaħħaxni l-ħsieb li mmur lura l-uffiċċju. Dil-marda, dil-waqfa, kienu terremot, l-ewwel mument biex naħseb, nieħu nifs, u noqgħod miegħi nnifsi.
L-aħħar sentejn kienu (għadhom) diffiċli.
Nimmissja dak is-sens ta’ avventura. Nimmissjani niżfen u nidħaq.
Għalissa, naf li l-qari u l-kitba jġibuli l-ferħ, ftit sens, u tifsir.
3 ta’ Jannar 2023
Is-sitta u tletin ġurnata minn 96
innovagen.com/goat-antibody-production
Din kumpanija Żvediża li żżomm il-mogħoż u tinjettahom għall-antikorpi li jintużaw mill-kumpaniji bijoteknoloġiċi.
“Jittieħdu tliet kampjuni tad-demm tul l-iskeda tal-immunizzazzjoni. Kull kampjun tad-demm ta’ 150ml fih madwar 3g mill-ammont totali ta’ IgG (immunoglobulina G).”
Grazzi, mogħoż, talli ddemmu għalina! Għall-iżvilupp tat-teknoloġiji mediċi tagħna tal-bniedem.
Din it-tgħaqqida bejn l-analitika tas-saħħa tal-bniedem u l-annimali — mogħoż, firien, fniek tal-Indi, fniek, ġrieden, ħnieżer — tolqotni ħafna.
Għamilt folder bil-karti li stampajt u skoperti oħra interessanti.
Sibt ftit informazzjoni dwar il-provvisti tad-demm fil-militar Olandiż. Għala titkellem fuq il-gwerra u l-preparazzjonijiet militari dil-kumpanija Olandiża?
Iktar tard, iffantasizzajt fuq monologu fil-ftuħ ta’ performance. Kieku npoġġi fuq pultruna fuq in-naħa tax-xellug tal-palk. Li nitkellem f’mikrofonu jew le jiddependi fuq kemm hu kbir jew intimu t-teatru. Kieku jibda hekk:
“Għażiża udjenza, jien mill-Ukrajna, u naħdem f’istitut xjentifiku. Minħabba dawn iċ-ċirkostanzi, dal-aħħar qed naħseb ħafna fuq id-demm. Id-demm mitluf fil-kamp tal-battalja, id-demm iffriżat meħtieġ biex jissalvaw ħajjiet il-midruba, u d-demm maħżun pulit fil-laboratorju tal-istitut xjentifiku fejn naħdem. Ħsibt fuq ir-relazzjoni bejn dawn il-postijiet ġeografikament imbegħdin, konnessi bin-nixxigħat tad-demm tan-nies — u tal-annimali.
“Il-ħsibijiet tiegħi l-oħra relatati mad-demm kellhom x’jaqsmu mal-ġeneru tiegħi. Il-biċċa l-kbira tal-ġin, nidentifika bħala mara, u f’dawk il-każijiet, din l-awtoidentifikazzjoni tikkoinċidi mal-markaturi bijoloġiċi tiegħi. Il-bijoloġija hija tant ippreġudikata, binarja u skaduta fil-politiki tagħha tal-ġeneru. Noħlom b’bijoloġija li tħaddan u titteorizza l-fluwidità tagħha. Peress li l-fruntieri bijoloġiċi kollha huma porużi, membranużi, u dejjem għaddejjin minn tibdil — aħsbu f’ċellola jew arterja li qed tittrasporta d-demm — l-ebda minn dawn il-ħitan ma huma fissi, iċċimentati jew impenetrabbli. Il-ħitan taċ-ċelloli huma solidi biss fir-relazzjoni tagħhom mad-dinja ta’ barra. Il-livelli tal-ormoni wkoll il-ħin kollu jiċċaqalqu, fi stat ta’ fluss, jinbidlu kostantament, allura d-definizzjoni tal-ġeneru fi stat ta’ tibdil u bħala spettru hija ħafna iktar viċin tal-fehim tiegħi tad-dinja. Imwaħħlin fil-formazzjoni Rinaxximentali, il-Bijoloġija u x-xjenza għadhom iridu jlaħħqu ma’ dawn il-perspettivi fluwidiGħalija hija inqas kwistjoni ta’ “progress” — il-binarjetà hija mibnija fl-ontoloġija Rinaxximentali, jiġifieri iktar irid isir moviment ’il bogħod minn din l-ontoloġija milli pass “’il quddiem”, kif naraha jien.
ta’ kif naraw u nifhmu d-dinja.
“L-astroloġija hija forma oħra tal-għerf li tispirani. L-istilel jinsabu ferm ’il bogħod mil-laħam imdemmem u ankrat fil-ġisem. Imma xi ħaġa fil-poetika tal-istilel tqanqalli r-relazzjoni tiegħi mal-bijoloġiji terrestri. Waħda mill-karatteristiċi umani tiegħi hija l-ossessjoni bil-bilanċ. L-axxendent tiegħi huwa Libra;Jekk ittraduċejt Tawr u Skorpjun, teknikament trid tiġi Miżien. Imma Libra tingħaraf ħafna iktar. (Ifhem, użajt Skorpjun u mhux Għaqreb.) Hawnhekk ippruvajt indaħħalhom it-tnejn.
tista’ tgħid li l-ossessjoni bil-bilanċ hija pjuttost karatteristika tas-sinjal tal-Miżien. Għal mument wieħed f’ħajti ħsibt li biex nipprattika l-ġeneru tiegħi sew, kelli noqgħod attenta sew għall-bilanċ tal-ormoni tiegħi. L-endokrinoloġija femminili ma tantx ġiet studjata sew, u f’ħajti ltqajt ma’ tobba li qaluli, ‘L-ormoni tan-nisa huma misteru.’ Ħsibt li jekk ningaġġa mal-misteru tiegħi, inkun qed infittex il-bilanċ.
“Dan l-aħħar, il-fehim tiegħi dwar il-bilanċ evolva. Minn mindu l-gwerra saret preżenti fil-prinċipji li jiffurmawli l-kuxjenza, indunajt li l-bilanċ paċifiku, ġentili u kulur pastell jiġi malajr u jgħib mill-ewwel. Il-bilanċ huwa stat ta’ fluss, ċaqliq, u tibdil kontinwu. Il-vjolenza, il-ftuq u l-qerda huma forzi mħabblin mal-aspirazzjonijiet li joħolqu l-bilanċ. Allura l-ġeneru tiegħi wkoll jiġi tip ta’ ftuq. Jien kemm raġel kemm mara. Jien dinja ormonali li qed issir. Il-fehim tiegħi tal-bilanċ evolva u inkorpora t-terminoloġiji tas-solidarjetà u r-reżistenza. Biex tibqa’, kwalunkwe stilla teħtieġ li tibqa’ konnessa mal-ġisem u mal-fluss tad-demm tagħha.”
Imbagħad jintfew id-dwal. Inqum mill-pultruna u nitlaq mill-palk biex inbiddel f’kostum ieħor. Jintwera video tal-embrijoġenesi ta’ salamandra.
Ok, dal-monologu ta’ ftuħ mhux perfett. Huwa bidu.
4 ta’ Jannar 2023
Is-sebgħa u tletin ġurnata minn 96
Ninduna li diffiċli nirrifletti wara ġurnata nħossni għajjiena…
Imma iktar kmieni kelli xi ħsibijiet. Kif insibhom…?
Ħsibt dwar kif, qabel, kont inqis l-osservazzjoni tal-materja bħala attività ewlenija fil-laboratorju. Issa ninduna li l-komunikazzjoni mal-magni, it-tagħmir u r-robotika hija parti daqstant kbira. Meta ngħid komunikazzjoni, mhux qed infisser biss li tkun taf tuża xi ħaġa, jew liem buttuni tagħfas biex tieħu funzjoni uffiċjali. Qed nirreferi wkoll għal dak l-għarfien “sigriet” u “prattiku” kollu li tikseb — kif tqarraq bil-magna biex tagħmillek dak li inti trid minkejja s-settings uffiċjali, kif verament tinterpreta — jew tinjora — is-sinjali ta’ twissija.
Innutajt ukoll il-kura speċjali li l-kollega tiegħi Yvonne kienet qed tinvesti fir-relazzjoni tagħha mal-kampjuni tad-demm — kif kienet qed tħares lejhom, wieħed wieħed, tara liem hu mdardar, liem fih il-lipidi, liem għandu bżonn iċ-ċentrifugazzjoni, jew it-taħlit — l-għarfien, tassew, huwa intimu ħafna. Imma għala dir-relazzjoni mal-fluwidi fit-tubi tal-ħġieġ tevoka tip ta’ sensazzjoni differenti fija (insejħilha kura, attenzjoni) mentri għarfien simili ħafna u profond tad-deżiderji tal-magni, li wkoll huwa fehim sigriet, intimu u privat tal-“ieħor”, ħafna drabi nħossu bħala frustrazzjoni? Għalfejn ma nirrabjawx mal-likwidi talli ma jtuniex ir-riżultati li nixtiequ, imma niffrustraw ruħna mat-tekniki, mal-magni, talli huma difettużi minnhom infushom — jistabbilixxu limiti, kriterji ta’ aċċettazzjoni, imbagħad ifalluhom? Il-fluwidi jiġu analizzati b’parametri differenti — imdardar, aħmar, abjad, wisq volum, mhux biżżejjed volum, vojt, mimli — dawn deskrizzjonijiet kwalitattivi, mhux kwantitattivi; u probabbli dawn il-kwalitajiet jiddettaw relazzjoni differenti.
Illum kejjilna l-IgG fil-kampjuni. (L-immunoglobulina klassi G huwa markatur ta’ defiċjenza immunitarja possibbli.)
Kien hemm storja li Yvonne qasmet magħna dwar assay ħażin immens biex jitkejlu l-livelli tal-alkoħol fid-demm. Apparentament qatt ma ħadem, u l-kejl kien dejjem jiġi barra mil-limiti presupposti.
Hemm aħna, l-analiżi xjentifika li suppost affidabbli!
Iż-żjara t’ommi għaddiet.
Kienet bejn sabiħa u diffiċli.
Speċjalment l-aħħar ftit ġranet meta dħalt lura x-xogħol.
L-appartament żgħir wisq, bażikament ma kellniex spazju.
Hi jkollha bżonn ħafna spazju.
Dawn id-deżiderji kollha, l-ammont enormi ta’ bżonnijiet u deżiderju għall-imħabba u r-rikonoxximent, qatt ma jistgħu jiġu ssodisfati. U nuqqas ta’ għodod biex nankraw mal-art u nirregolaw.
Għandi ħafna x’nitgħallem — Inħoss sodisfazzjon b’dak li hemm. Is-sempliċità. Li nagħmel inqas.
5 ta’ Jannar 2023
It-tmienja u tletin ġurnata minn 96
(messaġġ lil Jimmy)
“Ġieli dal-post jinħass qisu kulħadd jaf is-sigriet li fil-verità xejn ma jaħdem jew jagħmel sens f’dal-proċeduri xjentifiċi — imma l-ftehim bejnietna kollha huwa li nagħmlu tabirruħna li kollox solenni u li huwa l-Verità. Imbagħad kulħadd jitbissem lil xulxin bl-edukazzjoni bl-għarfien ġewwieni tas-sigriet.”
Illum sirt naf li waħda mill-kollegi qed tipprepara xi linji gwida ġenerali għal kif għandek tiżviluppa ELISA. Jaf ikunu utli għall-kit DIY tiegħi tal-ormoni.
Issa li kieku dal-istitut xjentifiku huwa kult?
Hemm dawk li jemmnu — dawk li ma jafux is-sigriet; u hemm dawk li jitbissmu bl-edukazzjoni.
6 ta’ Jannar 2023
Id-disgħa u tletin ġurnata minn 96
L-albumina umana taġixxi bħala wieħed mill-iktar modulaturi sinifikanti tal-pressjoni onkotika tal-plażma, u tiffunzjona biex tittrasporta varjetà ta’ sustanzi msejħin ligandi. Dawk il-ligandi ttrasportati permezz tal-alumbina tas-serum jinkludu ligandi endoġeni, bħal bilirubin, ioni, aċti xaħmija, u ligandi eżoġeni, bħad-drogi.
Togħġobni dil-immaġni ta’ fluss u trasport li qed iseħħu ġewwa fija. Illum, l-osservazzjonijiet u r-riflessjonijiet tiegħi huma iktar fuq id-dinamika u r-relazzjonijiet tal-bniedem milli fuq ix-xjenza. Jew dawn xjenza wkoll?
10 ta’ Jannar 2023
L-erbgħin ġurnata minn 96
Illum kienet ġurnata mingħajr wisq x’nirrapporta.
Qed nistudja l-ELISAjiet. Kif jaħdmu t-tipi differenti, xi jfissru t-terminoloġiji u t-taqsiriet, fejn ħa nsib ir-reaġenti, minn liem armarju nġib il-pipetti, u minn fejn insib affarijiet konsumabbli oħra. Bil-mod qed niġi kkonvertita.
Se jirnexxili nġib l-arti lura lejn dil-komunità tiegħi għatxana għad-demm?
11 ta’ Jannar 2023
Il-wieħed u erbgħin ġurnata minn 96
Illum il-mit tar-robotika reġa’ ġie sfidat. Il-mit: “Ir-robots qegħdin f’ħajti biex jagħmlu kollox b’mod perfett.”
Tkellimna fuq l-assay ta’ Radha, li mar ħażin. Yvonne enfasizzat li t-tort mhux ta’ Radha imma ta’ EVO (ir-robot). Ir-robots żgur li għandhom rwol importanti fil-ħajja tagħna tal-laboratorju — u mhux eżattament bħala entitajiet li jagħmlu l-ħajja iktar faċli. Yvonne titkellem dwar l-Atellica bil-ħlewwa: “Jien inkun slijm — ġentili — miegħu [għalija l-Atellica mara] — u hu jkun ġentili miegħi wkoll.” Hemm dil-affezzjoni, dil-intimità, ħaddiema bnedmin fil-laboratorju li jirrelataw mal-kollegi robotiċi tagħhom.
Qrajt artiklu dwar l-esperimenti tan-NASA u ma nistax nieqaf naħseb dwar l-astronawti jilagħbu l-logħob bħat-tfal u ż-żgħażagħ bil-flus tat-taxxi.
Hemm xi ħaġa tas-subien f’did-dinja. Mhux neċessarjament maskili jew patrijarkali — kif kieku tgħid il-femminista ta’ ġo fijaJien ukoll ittini ħafna wens u buzz din l-idea li kollox il-ħin kollu fluwidu u jiċċaqlaq. L-idea tal-fluwidità sabiħ norbtuha ma’ dak li jagħmilna, iċ-ċaqliq bijoloġiku li nistgħu naħsbu miegħu fil-ħsieb dwar l-effetti soċjali. Din, u l-paragrafu dwar ir-relazzjonijiet differenti bejn il-ħaddiema, il-likwidi u l-magni huma ftit mill-partijiet favoriti tiegħi mill-kitba ta’ Ira, u nħosshom jiftħu ħafna ħsibijiet.
Kollox jiċċaqlaq u l-punt huwa ċ-ċaqliq u t-tibdil kontinwu; jekk inħaddnu u naħsbu maċ-ċaqliq, nafu nirreżistu l-forzi li qed jippruvaw b’mod vjolenti jimponu l-waqfien, l-istasi u l-mewt. Din xi ħaġa li kemm il-partiċelli subatomiċi, iċ-ċelloli, id-demm, l-annimali, il-pufti, in-nies f’dijaspora, in-nies kolonizzati, in-nisa u n-nanniet ilhom jafuha s-sekli.
Fil-ħsieb miktub kellna nitgħallmuha m’għand Amitav Ghosh, Donna Haraway, Tim Ingold, Eduardo Kohn, Achille Mbembe, Karen Barad, Marilyn Strathern, Edouard Glissant, Anna Tsing, Eric R. Stanley, Robin Wall Kimmerer, Katherine McKittrick, u l-bella compagnia; avolja jekk taqrahom sew kollha jgħidulek li aħjar tisma’ m’għand il-pjanti. — imma tas-subien. Sempliċiment subien li jridu jilagħbu l-logħob. Logħob teknoloġiku li jiswa ħafna flus — fejn ħadd ma jaf eżatt il-kawża jew ir-riżultat, għalfejn nagħmluh dan, jew xi rridu niksbu — sempliċiment qegħdin hawn u issa, u aħna okkupati bir-regoli u l-attività nnifisha. Għax gost tibni dinja fejn kulħadd jilgħab il-logħob sigriet.
Ma ddejjaqnix. Is-subien u l-bniet għandhom jilagħbu.
Illum ħassejtni ditektiv fil-laboratorju — ninvestiga għala waħda mit-tekniċi kienet qed twettaq l-assay ħażin. U fil-verità kulma hi komunikazzjoni bażwija m’għand ta’ fuqha li ma tistax issib il-ħin (wisq impenjata) biex tispjega b’mod li t-teknika tisma’ u tinstema’.
Buzz tkun ditektiv. Jagħmel sens fil-logħba.
Naħseb li l-eroj kontemporanju huwa d-Ditektiv.
12 ta’ Jannar 2023
It-tnejn u erbgħin ġurnata minn 96 (indunajt li minn hawn ’il quddiem għamilt żball jien u ngħodd il-ġranet, erġajt ktibt il-wieħed u erbgħin ġurnata minn 96, imbagħad żgarrajt għall-kumplament tal-ġranet fil-ġurnal oriġinali. Ikkoreġejtha hawn jien u nittajpja.)
Għamilt ELISA CFHR2/2 flimkien ma’ Lisanne.Ira tuża “performed”, li hu verb sinifikanti għaliha u għall-kuntest tad-djarju, bis-sens doppju ta’ “performance” ta’ proċedura xjentifika u “performance” fil-kuntest artistiku. Qed nipprova naħseb f’verb li huwa iktar viċin jew forsi jagħti element ta’ performance, spettaklu, teatru, prestazzjoni eċċ.
Ir-riżultati ma tantx ġew tajbin.
Imma gost tagħmel xogħol prattiku!
Ħafna buffers, parametri, ingredjenti li rridu nsibu rkaptu tagħhom…
13 ta’ Jannar 2023
It-tlieta u erbgħin ġurnata minn 96
Hemm paralleliżmu bejn iż-żmien xjentifiku tal-antibijotiċi — oqtol oqtol oqtol il-batterja — u l-konkwista tal-gwerra.
Illum kien diffiċli — ħin minnhom ġie attivat fija s-sindromu tal-impostur. Ġara preċiżament waqt il-laqgħa ma’ Kyra u Anna. Forsi l-preżenza tagħhom? U l-ELISA li għamilt ma’ Lisanne ħarġet ħażina wisq, baxxa wisq.
Fl-istess ħin Jimmy qiegħed Malta u qed jiddeskrivili d-dija tax-xemx u l-ħajja sempliċi tiegħu. Irid (għandu fantasija) li “nkun għalliem, niżżewweġ mara korpuża, nistad għall-klamari.” Tinstema’ qisha l-ġenna.
Fittixt impjiegi fil-bijoloġija f’Malta u telgħuli ħafna. Għalliem-lettur tal-Mikrobijoloġija u l-Bijokimika l-MCAST. Forsi jkun tajjeb? Forsi mod kif nikkoreġi l-pjanijiet?
Ħa nara, niffantasizza. Dejjem nivvinta perkorsi ġodda ta’ professjonijiet-xogħlijiet-ħajjiet, huwa l-passatemp tiegħi. Huwa mod kif nedha u jfakkarni li dejjem hemm mod, possibilità, bidla potenzjali kull darba li nħossni “mwaħħla fit-tajn”.
Forsi Masters part-time fil-Bijoxjenzi, l-Università, ħa nkun nista’ naħdem bħala Ematologa?
Lista ta’ aspetti +/- Malta vs Amsterdam:
Ix-xemx, in-natura, il-klima, il-familja viċin, ħajja sempliċi, inqas ambizzjuża.
Traffiku frustranti, nuqqas ta’ infrastruttura, u sensazzjoni li qed nitgħaffeġ.
—
L-affarijiet speċi ta’ jaħdmu meta titgħallem kif tħaddimhom.
Għalja; ix-xitwa tal-ħara.
16 ta’ Jannar 2023
L-erbgħa u erbgħin ġurnata minn 96
Illum studjajt l-ELISA MBL (Manose Binding Lectine) għal ġurnata sħiħa.
U tfixkilt l-affarijiet bażiċi, konċentrazzjoni vs dilwizzjoni.
C1V1 = C2V2 hija l-formula tal-ġurnata!
Iz-zekzik mhux ċajt. L-atmosfera jtaqqalha.
16 ta’ Jannar 2023 (personali)
Uffff illum kien veru diffiċli.
Xita bla waqfien, nuqqas ta’ dawl.
L-atmosfera x-xogħol mhix sabiħa — dal-uffiċċju miftuħ, nobogħdu, dejjem inħoss l-għajnejn fuqi, dejjem nissuspetta li xi ħadd qed jiġġudikani (l-insigurtajiet tiegħi? ovvjament).
U n-nuqqas tal-lingwa. Kemm nixtieq nitkellem l-istess lingwa! Li nifhem sew.
Premenstruwali u għajjiena.
Nixtieq li l-ħin ikun tiegħi, ħini.
Għandi bżonn nagħmel inqas fix-xitwa, u qabel il-period. Dan kollu wisq. Għandi bżonn is-sempliċità u l-mistrieħ bħalissa.
17 ta’ Jannar 2023
Il-ħamsa u erbgħin ġurnata minn 96
Kont ħa naqbiżha li nilloggja fid-djarju llum…
Naħseb li d-dinja kummerċjali qed tiblagħni, tfesfisli f’widinti li dil-ħaġa li bdejt nikteb hawn, dan l-impenn, mhux importanti, tat-tfal; li hemm prijoritajiet iktar importanti — ix-xogħol, il-flus, l-istat ta’ adulta…
Illum tant kelli folders fuq id-desk li kont qisni f’xi farsa tal-qamel: ’qas stajt tarani minn wara l-munzell folders. Folders mimlijin data xjentifika — numri numri numri esperimenti — vortiċi iswed li qed jiblagħni.
18 ta’ Jannar 2023
Is-sitta u erbgħin ġurnata minn 96
Iddeċidejt. Ħa nitlaq.
Għandi bżonn — irrid — ħa jkolli ħajja iktar sempliċi.
U ħa nitgħallem ngħożżha u napprezzaha.
Nagħti n-notice fl-1 ta’ Frar.
19 ta’ Jannar 2023
Is-sebgħa u erbgħin ġurnata minn 96
Kwotazzjoni minn Imagined Communities ta’ Benedict Anderson:
“Għax juri li mill-bidu n-nazzjon ġie kkonċepit fil-lingwa, mhux fid-demm, u li wieħed seta’ jiġi ‘mistieden’ fil-komunità immaġinarja — in-naturalizzazzjoni…”
22 ta’ Jannar 2023
Qamar Mitluf. Clara telqet. Veru kienet sabiħa li qattajt ftit ħin magħha.
Għandi wġigħ ta’ ras, ħadt pirmla.
Forsi norqod naqra iktar.
Xi ħaġa qed tissawwar. Ira, il-ferħ huwa l-indikatur.
Ma tantx għadhom jiġbduni l-avvenimenti artistiċi dal-aħħar, u l-post li morna lbieraħ kien naqra “bleħħ”.
Li ngħallem lill-istudenti ispirani ħafna; ħassejtha tikkargani. Nista’ nimmaġinani nsir għalliema.
Irrid dar kbira Għawdex — bil-kmamar, l-istudios, u garaxx (ħalluni noħlom!) — fejn nistgħu ngħallmu, u nuru, u nospitaw — il-ħbieb, l-artisti. U jekk il-gwerra tkompli? Pandemija oħra? Irrid inkun ħdejn familti — il-familji tiegħi (hemm żewġ familji issa, dik Ukrena u dik Maltija).
23 ta’ Jannar 2023
Illum mort għal interview ma’ Wacker.
Mar tajjeb.
U mhux ħa nieħdu.
25 ta’ Jannar 2023
Għandi l-COVID. Qiegħda bis-sick, bqajt id-dar.
Kollox juġagħni, speċjalment sidri.
31 ta’ Jannar 2023
It-tmienja u erbgħin ġurnata minn 96
Rasi ddur bid-data u n-numri kollha madwari.
Imma għandom għall-inqas xi tip ta’ tweġiba?!
Il-mod ta’ kif jopera dal-post jaf ikun arbitrarju ħafna kultant.
Qed nirrepeti darba wara l-oħra li l-“assolut” ma jeżistix.
M’hemmx verità bil-“V” kbira. M’hemmx ideal, m’hemmx assolut, m’hemmx mod perfett, soluzzjoni, tweġiba.
X’ħila trid biex tinnaviga dawn l-inċertezzi kollha!
1 ta’ Frar 2023
Id-disgħa u erbgħin ġurnata minn 96 .