AR: الآخر DE: Andersartigkeit EN: alterity/otherness FR: altérité IT: alterità
Aphroconfuso (alterità, 01.05.2023)
F’Qarn Romeo Roxman Gatt jispekula dwar it-traduzzjoni ta’ otherness: “Bil-Malti diffiċli nittraduċiha b’kelma waħda; ikolli nagħti tifsira minflok: dik il-kwalità li tenfasizza d-differenza. Għalissa se ngħidha bl-Ingliż: Otherness. Nixtieq insibha bil-Malti daqskemm hi użata fit-testi li naħdem bihom. Forsi alterità? Jew dik ‘alterity’?” Waqt li konna qed neditjawha dehrilna li “alterità” hija soluzzjoni eleganti.
Aphroconfuso (alterità/oħraġni, 04.02.2024)
Fl-Ingliż otherness u alterity kultant jintużaw b’mod ftit differenti minn xulxin. Dan ġara biss fl-Ingliż minħabba d-disponibbiltà ta’ żewġ sorsi etimoloġiċi? Għandna bżonn distinzjoni bejn iż-żewġ termini? “Oħraġni” tinstema’ stramba ħafna, imma għal persuna mwielda fl-Ingliż u mhux midħla tat-Teorija, il-kelma otherness hija daqstant stramba. Fuq Google Ngram Viewer jidher ċar kemm din il-kelma saret tintuża fl-Ingliż l-iktar mit-tmeninijiet ’l hawn.
Omar (alterità/oħraġni, 09.02.2024)
Irridu forsi naħsbu wkoll dwar il-kelma Other/other li forsi tintuża bl-istess frekwenza. Bil-Malti jiddeffes il-ġeneru fin-nofs meta nduru għall-“Ieħor/Oħra” u fil-plural hemm ir-riskju li tintilef is-singularità ta’ Other. Forsi mingħajr din is-singolarità l-Other ma jibqax alterità? Ukoll, forsi nistgħu naħsbu ftit jekk “subaltern” [bil-Malti] huwiex terminu li nistgħu nużaw? Weħilt ukoll meta ġejt biex nikteb dwar il-proċess ta’ othering.
Davinia (l-Ieħor, 09.02.2024)
Nixtieq li nikkunsidraw ukoll it-terminu relatat li nsibu fil-psikanaliżi, the big Other (bil-Franċiż, l’Autre); jekk bil-Malti hux biżżejjed li ngħidu “l-Ieħor” (bl-I kbira) jew, jekk ħa nużaw “alterità”, il-kelma ssirx xi ħaġa bħal “l-Altern” biex tkun ċara li dawn huma kelmiet relatati. Kif qed jgħid Omar, il-fatt li l-kelma tinbidel skont il-ġeneru tikkumplikaha ftit mhux ħażin il-biċċa. Speċjalment jekk xi ħadd tiġih ix-xewqa li jittraduċi x-xogħol ta’ Lacan, fejn l-ittra A/a (Autre/autre) tiġi użata fil-mathemes u l-ekwazzjonijiet; din ma tistax issir jekk l-ewwel ittra tal-kelma tinbidel (i.e. “Ieħor/Oħra”).
Kurt (alterità, 09.02.2024)
Interessanti li l-Ingliż juża t-tnejn li huma, ċjoè alter- li ġejja mil-Latin (eż: alternate/alternative/alterity) u other li ġejja minn għerq Ġermaniku.
Ta’ min indaħħlu f’din id-diskussjoni lill-filosfu tal-alterità: Emmanuel Levinas. U għalkemm importanti ħafna wkoll li ndaħħlu lil Lacan (bħalma għamlet Davinia), il-filosofiji tal-Ieħor rispettivi tagħhom jippuntaw f’direzzjonijiet differenti. Ngħid għalija, meta nagħżel li nuża l-kelma “alterità”, nużaha biex nirreferi għat-tip ta’ “ieħor” li jikteb dwaru Levinas. L-alterità tal-Ieħor m’għandhiex x’taqsam ma’ meta ngħidu li xi ħadd ġie othered, ċjoè meqjus inferjuri, eskluż miċ-ċentru tan-normalità, abjected (din tkun kelma oħra ta’ min ningaġġaw magħha). Kif nifhmu jien, għal Levinas, l-alterità tal-Ieħor hija dik il-kwalità (anzi, hija nonkwalità, għax ma tinqabadx f’kategoriji) li lili twaqqafni milli nirreduċi lill-Ieħor għal sameness. (La qegħdin fiha, sameness kif tiġi bil-Malti? “Identiċità”? “Stessiżmu”? Hekk issuġġerew xi wħud fuq il-grupp Kelmet il-Malti fuq Facebook.) L-alterità, allura, mhijiex vjolenza (bħalma ġeneralment tkun meta xi ħadd jiġi othered); anzi, għal Levinas, il-vjolenza sseħħ appuntu meta l-alterità tal-Ieħor inwaqqgħuha għall-kategorija tal-familjari. B’hekk, inkunu ħnoqnieh lill-Ieħor, ġibnieh oġġett. Allura, “alterità”, għalija, iġġorr magħha konnotazzjonijiet ta’ fraġilità, valur, vulnerabilità li tinforma attitudni etika. Wara kollox, il-filosofija ta’ Levinas hija l-etika tal-alterità.
Ma nafx hix relatata (nixtieq nemmen li hija), imma l-informazzjoni fil-ħolqa tal-Ngram Viewer li tfajtu (kemm hi website cool [kuwl?], ma kontx naf biha!) turi li referenzi għal otherness u alterity jibdew jisparaw ’il fuq minn tmiem is-sittinijiet u iktar u iktar lejn il-bidu tat-tmeninijiet — iż-żewġ kotba l-kbar ta’ Levinas ġew tradotti għall-Ingliż għall-ewwel darba fl-1969 u fl-1981.
Inċidentalment, Beverly Agius kitbet teżi tal-MA fuq L-alterità fis-sensibilità lirika ta’ Immanuel Mifsud. Kontribuzzjonijiet ta’ dan it-tip, ċjoè, teżijiet li nkitbu bil-Malti (ġeneralment fuq kritika letterarja), huma utli ħafna għal dan li qed nippruvaw nagħmlu hawn, speċjalment biex naraw x’terminoloġija jagħżlu li jużaw meta jiġu għal ċerti kunċetti.
Għalhekk, għal dawn ir-raġunijiet, jien personalment ma kontx nuża “alterità” fil-kuntest li rrefera għalih Romeo (b’konnessjoni mal-Otherness Archive). Imma mbagħad għandi l-istess problema ta’ Omar: m’għandix idea x’kelma nistgħu nużaw għal othered.
Aaron (07.03.2024)
Omar (09.02.24) isaqsi: “Forsi mingħajr din is-singolarità l-Other ma jibqax alterità?” U Kurt (09.02.24) jagħmel intervent ieħor, ukoll importanti ferm: idaħħal lil Levinas. Levinas stess, infatti, huwa u japprofondixxi l-etika tiegħu, jibda juża terminu ieħor, terminu li għalih iżomm is-singolarità li semma Omar bla ma din tintilef fil-baħħ impersonali (il y a) ta’ l’autre/Autrui: it-terminu le prochain. Nistgħu allura nikkunsidraw il-kliem “ġar/ġara”, u anki “Ġar/Ġara”, bħala terminu iktar raffinat minn Other. Jew inkella (u hawnhekk nirreferi għat-terminu “la ġenba/laġenbiżmu” ta’ Noah Fabri f’konverżazzjoni oħra), kif ukoll biex inneħħu l-problematika tal-ġeneri: “ta’ maġenbi”; “il-ġenb tiegħi”; “maġenbiżmu” (prochain, b’mod newtrali, tfisser ukoll “next”, “next to”).
Apparti li dan it-terminu, għal Levinas, iżomm l-individwalità intatta u tanġibbli, hemm ovvjament l-eku bibliku fil-kelma “Ġar” (importantissimu għal filosfu bħal Levinas, li kiteb meditazzjonijiet twal fuq il-Bibbja u t-Talmud): Tu aimeras… ton prochain comme toi-même (Luqa 10: 27). Ikolli nistaqsi, allura: mhux diġà għandna kelma bil-Malti? “Il-proxxmu”? (“Int għandek tħobb… lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.”) Naħseb nistgħu nisiltu diversi forom minn dil-kelma.
Ħsieb ieħor, la dħalna fl-għalqa Franċiża: kif naqilbu d-dittum famuż ta’ Derrida: Tout autre est tout autre?
27.05.2024
Omar (16.03.2024)
It-terminu “proxxmu” jkopri sew it-tliet għoqdiet tal-Other (It-Trinità l-Oħra!) li huma 1) dak li mhux jien, 2) dak li mhux bħali, u 3) il-proxxmu ta’ maġenbi li hu differenti minni. “Il-proxxmu” jrendi speċjalment tajjeb il-kunċett tal-“proximate other”, biss naħseb li hu tajjeb li bil-Malti m’hemmx sens ta’ spazjalità fit-terminu u allura jiflaħhom sew it-tliet aspetti. Nistaqsi biss, però, jekk fit-terminu “proxxmu” nsibux biżżejjed ħjiel ta’ differenza “fil-qrib tiegħi”, “maġenbi”. Naħseb li hemm mumenti fejn niġu bżonn, għalhekk, dak l-Other li hu proxxmu “barrani”. Barra, barr, pereżempju mill-Vanġelu ta’ San Mark bl-Għarbi: صَوْتُ صَارِخٍ فِي الْبَرِّيَّةِ [Sawtu sarih fi al-barrijati]. Instema’ leħen fid-deżert/fis-selvaġġ (biex lill-Messija jagħmlulu triq fid-deżert fejn id-deżert huwa l-post ta’ barra, is-selvaġġ, dak li hu kaotiku u stramb, li fl-immaġinarju Babilonjan huwa dak il-post fejn m’hemmx ordni u allura jrid jiġi mmansat). Allura, jekk il-proxxmu huwa wieħed mis-saffi, l-ieħor huwa l-barrani. Fid-diskors politiku naħseb li l-Other mhux tal-istess nazzjonalità, familja, reliġjon tiegħi; mhuwiex “bħali”forsi, fiżikament jew kulturalment. Però, illum, ċertament ma jistax ikun totalment mhux bħali, assolutament “barrani”, speċjalment f’kuntest ta’ globalizzazzjoni, huwa parti mill-komunità umana. Ftakart, u togħġobni immens (ħsibt dwarha wara li qrajt il-kontribut ta’ Kurt), fl-idea, jew il-metafora, ta’ Miroslav Volf tat-tgħanniqa biex tesprimi mod ta’ kif tilqa’ lill-proxxmu/barrani/istranġier mingħajr ma żżeffen fin-nofs u tpoġġi l-bżonn tal-assimilazzjoni — u li fih, allura, nistgħu niftħu l-bieb u nipparteċipaw fl-ospitalità. Li ġġibna lura għal Levinas, li jqis lil YHWH bħala “infinitely Other”, ċioè proxxmu li ma jinbidel qatt u li wiċċ imb wiċċ miegħu niltaqgħu magħna nfusna (Imago Dei). Waħx u ġmiel. Aaron, qed niċċajta hawn ovvjament, però għal din li qed tipproponi (“Tout autre est tout autre?”) ġietni f’moħħi: “ma rridx u ma nistax inkun nafek imma nħobbok” u ovvjament, il-mod tremendament sabiħ ta’ kif Leo Bersani jimmaġina, wara Foucault, ir-relazzjoni omosesswali fi ħdan il-promiskwità, jiġifieri, dik l-unjoni mingħajr il-bżonn li ssir taf lill-proxxmu, mingħajr ma toqgħod tipprova tiskava dwaru xi tip ta’ għarfien. Imma fil-kuntest tal-politika tal-globalizzazzjoni, min hu dan l-ieħor radikalment barrani ta’ Derrida? Ukoll: il-maġenbiżmu (xi ġmiel ta’ terminu) imiss miegħi?
Loranne (għajr, 23.03.2024)
Issemmiet il-kelma “proxxmu” iżda mhux il-kelma “għajr” li fil-fatt tintuża meta ngħidu “ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Interessanti li “għajr” tfisser, skont id-dizzjunarju ta’ Mario Serracino Inglott: “1. qrib; sieħeb; proxxmu; ta’ ġewwa (u din interessanti meta tqis li Omar qed isemmi f’dal-kuntest il-kelma ’barrani’); u 2. minbarra; ħlief; eċċettwat; mingħajr; bla”. U b’dawn iż-żewġ tifsiriet donnhom opposti qisni nifhem li “għajr” huwa dik il-persuna l-oħra li mhijiex jien imma li mhijiex wisq ’il bogħod minni (ta’ ġewwa imma barra minni nnifsi) .