Kieku ma kinitx qed thewden jaf kienet tħossha kuntenta bid-dehra tagħha. Għax vera jixirqilha dal-lipstick aħmar, pariġġ is-sandli, u joħloq kuntrast sabiħ mal-ġilda vampireska tagħha. U llejla bil-libsa l-ħadra (issikkata fejn suppost) għax it-tali jħobb is-siġar. Hekk kiteb fuq il-bio tat-Tinder. U l-flus. Dik ma kitibhiex imma kiteb li jaħdem mal-BetEasy.
X’kienet ħolmot eżatt? Għamlet kważi ġurnata sħiħa bla ħjiel tal-ħolma, u issa li dieħel lejl ġdid, hi u tirranġa wiċċha qabel ma toħroġ, ġietha din ir-riħa ta’ memorja ta’ ħolma li tinħass antika, imma li m’ilhiex wisq li kienet qed tiġi proġettata fil-kurituri ta’ moħħha. Kulma setgħet tiftakar kien sens ta’ dwejjaq mit-tip li tħoss meta tmur vaganza u tixba’ meta tkun għadha lanqas għaddiet nofsha.
Le, qaltlu lit-tali tal-BetEasy, xi l-Madonna jismu? Steve? Simon? Xi ħaġa bl-esse. U le, tenniet waqt li ħasset il-ġilda ta’ fuq ix-xewka ta’ daharha tinstelaħ mal-blat ta’ wara d-Dragonara, u żewġt iswaba’ jwarrbulha l-qalziet ta’ taħt u jmellsu l-ġilda laxka ta’ taħtu. Le, u b’idha pruvat twarrablu idu minn bejn saqajha, u kienet sorpriża li kienet imxarrba sew u tħawdet b’din l-inkongruwenza bejn il-moħħ u l-għoxx. U meta mill-ewwel reġa’ poġġa idu ma reġgħetx ippruvat tneħħiha.
Irridek ta, lanqas tista’ timmaġina kemm irridek, taf x’ħaxja sa naħxik! Ħossu. Ara daqsiex ġibtuli. Ħa tibqa’ bix-xewqa llejla meta tista’ tieħu daz-zokk ġo fik? Taf x’sejħitli l-aħħar tfajla li rqadt magħha? L-istmu! Taf x’inhu istmu? Biċċa art dejqa li twassal minn art għall-oħra, imma hi użatha b’mod allegoriku, għax wassaltha f’post ieħor, f’livell ieħor fejn qatt ma kienet waslet. Taf x’inhi allegorija?
Għaliex istmu, u mhux, ngħid jien, pont, jew jekk niġu f’dan, karozza tal-linja jew scooter, jew kwalunkwe biċċa art li mhix sqaq?
Naħseb għax kienet Griega, dit-tfajla. U dik minn hemm ġejja, istmu. Sabiħa hux il-kelma? Fallika wkoll hux, ix-xbieha ta’ istmu? U anki fallika mill-Grieg ġejja.
Ħasset ġismu iebes jagħfas fuqha, u hi u tmissu malajr malajr moħħha għamel analiżi statistika bbażata fuq il-ħamsa u tletin raġel li qatt ħxiet f’dawn l-aħħar sitt snin, jew minn mindu ndunat li fil-fatt mhix kerha dagħwa jew għall-inqas, anki jekk hi, xorta hemm irġiel lesti jaħxuha, u f’kemm trodd salib ikkonkludiet li għalkemm xi ftit ikbar mill-medja skont l-etniċità tiegħu, zokk ma kienx. Forsi fergħa mdaqqsa. Ħasset wiċċu ruxxan u żejtni u sħun u bla leħja xejn iħakkek ma’ wiċċha, u hi qisha f’morsa, tingħafas, tingħafas, sakemm il-le saret iva, u taf int, xi ħadd għaref darba qal li mitt le u iva waħda jagħmlu iva. B’iva hemm ċans tajjeb li sa siegħa oħra tkun lura f’postha taħt il-friex. Waħidha.
Lilha ma wassalha mkien partikolari l-istmu. Ħin minnhom kważi ġieha d-daħq tħossu joqmos qisu fenek u jintrass ġo fiha, hu u jingħi f’widintha b’ċertu sens ta’ urġenza u b’dak l-aċċent partikolari. Qed inħossok, qed inħossok, qed inħossok.
Tabilħaqq, tliet kwarti wara — hi u titnaddaf u taħbi l-qalziet ta’ taħt kollu ċaflis taħt is-saqqu — ftakret ismu. Alastair.
Taf min hu Ali la Pointe?
Ovvja li naf min hu Ali la Pointe, min jaf kemm smajt eloġji dwaru minn mindu kont fini daqs nitfa. Eloġji xi ftit ġustifikati, ngħiduha kif inhi, ir-raġel kellu l-bajd skużi l-espressjoni, imma fl-aħħar mill-aħħar jibqa’ l-fatt li kien injurant u illitterat u kriminal. Il-vjolenza qatt ma ssolvi xejn.
Naħseb iktar il-Franċiżi kienu vjolenti.
Imma l-vjolenza trid tiġġilidha bil-vjolenza, ma taħsibx? Il-Franċiżi mhumiex xi nies vjolenti, le? U jien naf x’jien ngħid, għax magħhom ngħix u naħdem. Kif taf b’Ali la Pointe?
Minn dak il-film antik.
Il-Battalja t’Algiers? Xi mitt darba wrewhulna l-iskola. Biċċiet minnu ġibduh barra d-dar ta’ nannuwi.
Jiftakar il-battalja nannuk?
Iva, mela, anki n-nanna, kienu għadhom żgħar, kienu għadhom kif iżżewġu. Imma ma kellhomx x’jaqsmu mat-taħwid, forsi kienu mħabbtin wisq, taf int, ikollhom x’jaqsmu ma’ xulxin. Daħaq. Kellhom għaxart itfal fuq kollox… Mhux ħażina dil-lager imma nippreferi Stella, għandhom Stella?
Niddubita, weġbitu, xi ftit diżappuntata bin-nuqqas ta’ interess f’Ali la Pointe. U bħal b’vendikazzjoni ddeċidiet ma tkomplix tipprova, u għal ftit minuti komplew jixorbu ċ-Cisk fil-kwiet ta’ bejniethom u l-istorbju ta’ madwarhom, fuq it-taraġ tal-Ġugar, waqt li qagħdet taħseb li setgħet għamlet użu aħjar tal-ġurnata off. Torqod. Taħsel il-karozza. Twieġeb dak il-messaġġ ta’ ħabibtha Abby minn xi xahrejn ilu. Kif waslet fl-aħħar boqqa kienet se ssellimlu u tibda miexja lura lejn il-karozza imma minn ħalqha ħarġet proposta li jmorru passiġġata. U ħaditu sal-breakwater, u l-baħar kien kalm u kien hemm il-kwiet għax l-għada kienet ħa tibda l-iskola u l-familji kienu żarmaw. U meta poġġew fuq il-blat qalet lilha nnifisha li llejla le, se żżomm saqajha magħluqa, kienet għadha xi ftit misluħa, u xorta dat-tali ma tantx kien fih għaxqa. U għada xogħol jum sħiħ.
Mhux illejla, qaltlu xħin poġġa dirgħajh madwar spallejha u b’sebgħu l-kbir beda jmellsilha l-parti ta’ fuq ta’ sidirha.
Għaliex le? Erbat ijiem oħra mmur, nitlaq lura Franza.
Ma ġibtx kondom.
M’hemmx għalfejn nagħmlu s-sess, tafx, nistgħu nitfissdu ftit ukoll. U ħanini, kieku ma ridtx tħawwad ftit ma kontx iġġibni hawn, hux? Jaqaw tħobb tinki int?
U qabdilha jdejha u ressaqha lejn xofftejh u biesha, imbagħad qegħedha fuq l-ebusija ta’ bejn kuxxtejh, u ra ħuġbejha jintrefgħu b’sorpriża, u qalilha li m’ilux bagħat il-bżieq lil tal-ancestry.com u ħareġ li hu tletin fil-mija Alġerin, erbgħin fil-mija Berber, ħmistax fil-mija Franċiż u ħmistax fil-mija Niġerjan. Naħseb dawk il-ħmistax fil-mija qegħdin ikkonċentrati f’post wieħed, qalilha b’daħqa, u hi daħqet ukoll u kompliet miegħu, u kompliet tmellsu. Għax x’inhu l-punt li tgħid le jekk taf li mbagħad se tgħid iva?
U hu u jinstabat ġo fiha, b’żobbu li frankament kien kbir wisq biex jagħtiha pjaċir, u jsabbatha mal-blat ta’ Marsamxett, jisolħilha rkejjen li kienu ħelsuha mill-istmu, hi u tinkwieta li qed jitqattgħalha l-flokk kważi ġdid, waqt li f’moħħha tidwi l-mantra kif-iż-żobb-sibt-ruħi-hawn-kemm-nixtieq-qatt-ma-twelidt, għaddielha l-ħsieb li jekk dal-proxxmu jħabbilha, issemmi t-tarbija Ali, għal Ali la Pointe. Hekk, ħa joħodha t-tagħlima.
L-għada, wara li kienet ħadet xi dmija u kellha mument rari kwiet, sabet messaġġ mingħandu fuq Tinder. Ħadt gost ilbieraħ li ltqajna lol, għall-bidu dejjaqtni, ġejja b’Ali la Pointe lol, imma kuntent li ssaportejt lol :)
Tinder ma jgħoddx għalija, Mindy.
Mindy tabiba ġdida qiegħda rotation fis-sala. Qed tgħinha ddaħħal cannula ġo xwejħa rieqda raqda fonda mewt. Mindy għandha misluta fuq ix-xaqq ta’ sidirha, u kultant, meta tkun qiegħda milwija tagħmel xi ħaġa u l-flokk tal-uniformi jaqa’ ’l quddiem, taraha tlellex bejn par żejżiet żgħar.
Missek tipprova FetLife.
Mindy! Qed tarani ħxint daqsekk?
Baħnana. FetLife. Fetish. Life. Hemm irġiel orrajt. Nisa wkoll, skont x’jogħġbok, like. Ittihomx ħafna kunfidenza. Imma aħjar minn Tinder, hemm inqas boloh. Jew boloh mod ieħor.
Agħżel il-fettiċji tiegħek. U għamlet minuta tiċċassa lejn l-iscreen tal-mobile taħseb jekk għandhiex xi fettiċju. Li tikkuntenta lil dak li jkun anki jekk kulma jkollha aptit hu li ma tagħmel xejn, qisu b’vendikazzjoni lilha nnifisha, dak fettiċju? Mid-drop down menu għażlet is-sottomissjoni.
U tabilħaqq sewwa jgħidu li għal kull yin hemm yang, għax prattikament kull raġel li kien hemm fuq l-app kien jidentifika bħala dominanti u l-messaġġi bdew deħlin bħal pastizzi, Hello, tħobb tintrabat? X’size taż-żarbun tilbes? Aw sabiħa tħallini nobżoqlok f’ħalqek kieku? Tinżel s’Għawdex ħi ħa nieħdu ftit gost, inħallaslek il-vjaġġ? Trid tiltaqa’ miegħi u mas-sub, nieħdu drink, imbagħad naraw?
Qatt ma kienet parti minn threesome, u wisq anqas wieħed b’dinamika dom/sub, u għaliex le? Għaliex iva, jekk niġu f’dan? Għax għandha kważi tletin sena u qatt ma kienet fi threesome, u kif qatt tista’ tgħid li għexet jekk qatt ma kienet fi threesome? Jien Louis Theroux, qed nagħmel dokumentarju dwar nies liminali. Jien Louis Theroux, se nqatta’ tant ħin magħhom li se nsir inħobbhom u nagħdirhom, u mhux ser jiddispjaċini bl-attenzjoni u l-ħin li nkun tajthom, u huma se jgħidu din it-tifla vera empatika u taf tmur man-nies.
Bilqiegħda bejn Don u Amelia għand il-Happy Horse tal-Gżira, ippruvat tordna birra imma qalulha hawn happy hour fuq il-cocktails, two-for-one, kompli magħna.
Jien Louis Theroux. U kieku x’jagħmel Louis Theroux? Kieku Louis Theroux jordna cocktail bit-two-for-one. Purple Rain please, qaltlu lill-wejter.
Għada xogħol?
Iva, xogħol, inti xogħol?
Iva, xogħol. Mal-armata.
Ajma ħej.
Ajma ħej xiex?
Ajma ħej nispera m’intix bħal dawk it-tnejn li qatlu lil dak ir-raġel.
E, int minn dawk li jħobbu s-suwed?
Il-konfrontazzjonijiet normalment kienet tevitahom daqs il-bard ta’ Jannar. Amelia kienet qed tilgħab bil-mobile, imbagħad bħal iddeċidiet li ssalvaha u qalet, Ajma Don, tilgħabha tal-KKK, safrattant taħdem fuq il-vapur tas-salvataġġ.
Nistgħu nbiddlu s-suġġett, il-Ħadd imqaddes, m’għandix aptit nitkellem fuq suwed u dgħajjes.
Illallu. Xogħol pjuttost ammirevoli u bil-bajd, irrispettivament milli taħseb.
Bil-bajd, sakemm niltaqgħu ma’ xi mejjet u nintefa’ naqla’ mal-ġenb tal-vapur.
U daħqu, imbagħad waslu l-cocktails, tnejn kull wieħed, u ntefgħu jixorbu u jitkellmu fuq affarijiet frivoli. Il-Purple Rain kellu kulur is-sapun tal-art u togħma ta’ mistura. Kif kienet qed tlesti l-ewwel wieħed bdiet tħoss rasha tiħfief, u l-kliem beda ħiereġ iktar malajr minn ħalqha, u ħasset id Don fuq kuxxtejha u dieħla bil-mod il-mod taħt id-dublett u ftakret li ma kinitx liebsa qalziet ta’ taħt għax hekk kien qalilha tagħmel, u Amelia daħqet u qaltlu oqgħod bravu Don, u rrealizzat li kien qed jagħmel l-istess ħaġa lilha, u forsi ħabba l-Purple Rain, imma ħassitha komda ma’ dawn it-tnejn, anki jekk kienu differenti minnha, imma, hemm aħna, ġralha bħal Louis Theroux, serqulha qalbha dawn il-proxxmi li qabel illum qatt ma basret li ħa titħabbeb ma’ nies bħalhom, hu suldat hi awditur, u spiċċat fil-Landrover bejniethom, qisha qiegħda fuq tank tal-gwerra hu jiffingerjaha minn naħa (meta ma kienx qed ibiddel il-gerijiet) u Amelia tmellsilha kuxxtejha min-naħa l-oħra, imbagħad fl-appartament ta’ Don is-suldat id-dom, fejn komplew jixorbu, imbagħad intefgħu fuq is-sodda bil-lożor suwed, ibusu lil xulxin u jwaddbu l-ħwejjeġ mal-art, u Don niżel ibus lil Amelia, imbagħad ġibidha biex idduq lil Amelia hi wkoll u qatt ma kienet daqet għoxx, u kien għoxx sabiħ, lixx u roża bħal tal-pornstars, u t-togħma ma dejqithiex hi u taħxiha bi lsienha, u waqt li qiegħda għaddejja, Don ħadha minn wara, u qabel ma ftakret tgħidlu jiġi barra, ħassitu jerħi ruħu fiha b’ħanqa li iktar tistenna li tisma’ barra xi razzett milli ġo maisonette fil-Fgura u Amelia wkoll bdiet tingħi u tgħawweġ daharha, imbagħad Don intelaq fuqha minn wara qisu ċarruta, u hi ntelqet bejn saqajn Amelia, wiċċha ma’ kuxxtejha umdi bl-għaraq, bżieq u żlaċċu.
Grazzi, din qatt ma tħallini nġibha ġewwa, qalilha, hu u jqum minn fuq daharha u jintefa’ żaqqu ’l fuq maġenb Amelia.
Ħeqq, ma taqbilx miegħi l-pill, qalet Amelia b’ton daqsxejn difensiv.
Għandek wisq nejk, qalilha u biesha bil-mod fuq ngħasha, u hi rekknet xufftejha maqbudin fi tbissima bejn għonqu u geddumu. Tant kienu jidhru ħelwin li ħassitha ftit imqallgħa bl-għira.
Suppost ġieha ġimagħtejn ilu. Forsi qed iħawwad. Hi u żżomm idha u l-manku tat-test ’il bogħod mill-bqija ta’ ġisimha, biex ma joqtorx il-bewl li inevitabbilment spiċċa ma’ jdejha fuq kuxxtejha, rat linja ħamra tifforma mix-xejn taħt it-tieqa ċkejkna tat-test, imbagħad linja oħra ħdejha.
Tgħolli ħuġbejha. Għax avolja kienet qed tistennieha, xorta ħassitha xi ftit sorpriża b’din il-konferma li ġisimha kien għammieli.
Tqala minn ħamsa tispiċċa f’korriment, ħafna drabi fl-ewwel trimestru, ftakret lettur tal-ostetrika tgħidilhom. Mhux bix-xorti li għandha hi imma.
Minn fejn int? Mill-Afganistan għal Gwadalupe, għal Santa Lucia u lura għall-Mali. Malta.
Għandek tqala mhux mixtieqa? Iva.
Tixtieq tagħmel abort bl-għajnuna ta’ Women Help Women? Iva.
Jekk taċċetta, nibagħtulek il-mediċina bil-posta, u aħna nipprovdu għajnuna u sapport permezz tal-emails. Iva, naċċetta.
Meta kien l-ewwel jum tal-aħħar menstruwazzjoni? Il-5 ta’ Settembru.
Ċerta li tixtieq ittemm din it-tqala? Tridx tmur.
Tħoss li din hi d-deċiżjoni tiegħek? Huwa importanti li d-deċiżjoni tkun tiegħek u ma tħossokx sfurzata li ttemm it-tqala kontra l-volontà tiegħek. MHUX DIĠÀ STAQSEJTNI? IVA.
Tbati minn… Minn xejn ma nbati, tiskanta. M’hawnx persuna inqas problematika minni.
Jekk tixtieq, agħti r-raġuni għala ddeċidejt li tabortixxi. Aqbeż.
Tissottometti l-formola u tibda l-istennija. Tipprova ma taħsibx, imma ma’ kull jum li jgħaddi, tiżdied ftit iktar l-ansjetà. Fl-istonku tħoss għoqda li taqtgħalha l-aptit, u ma tafx hix ġejja mill-embrijun jew l-inkwiet li jekk ma jasalx il-pakkett tkun l-ikbar ħaxja li qatt inħxiet. Mas-seba’ jum ta’ stennija jasal il-pakkett (ommha: xi rċevejt? Graziella: par imsielet; ommha: dejjem tixtri l-imbarazz, aħjar tfaddal), u miegħu forsi b’kumbinazzjoni forsi le, jasal id-dardir, minn kmieni filgħodu, dardir li jippersisti mal-jum.
Tieħu l-ewwel pirmla. Filgħaxija tiltaqa’ ma’ Mindy u jmorru jieħdu pizza l-Belt għax inzertaw it-tnejn li huma off, u tiftaħ qalbha magħha xħin ma ssibx x’tgħidilha, u Mindy tgħidilha toqgħod attenta għax meta kienet rotation l-Emerġenza darba daħlet waħda wara li ħadet il-miso u b’xortiha li għalqet għajn waħda l-konsulenta. Għax iċ-ċuċ ippanikkjat u fetħet ħalqha, qaltilha, int għidilhom li din tqala mixtieqa ħafna, like. Għajnejn Graziella ffukati fuq ħabel tal-mozzarella bejn ħalq Mindy u slajs pizza li ma ried jinqata’ b’xejn. Għidilhom li kont għadek kif xtrajt iż-żebgħa għall-kamra tal-baby, like, safra, jew ħadra jew li trid, imma mhux roża jew blu, għax jaqbduk. Ilbes ċurkett tat-tieġ, t’ommok jew hekk. Jinqata’ l-ħabel tal-mozzarella u jinżel ma’ geddumha, għonqha, sal-misluta ta’ bejn iż-żejżiet. Graziella titqalla’ ma’ kull gidma dieħla f’ħalqha.
Ibgħatli jekk tmur l-Emerġenza, Graz, vera, nispera li le, ovvja, imma kieku niġi ħdejk jekk inkunu kwieti. U twegħedha li mhux se tispiċċa l-Emerġenza, imma jekk tiġi f’dan tibagħtilha.
Taqbad tal-linja għax sellfet il-karozza ’l ommha (Fejn sejra, ma? Fejn tridni mmur? Ma nafx, għalhekk qed insaqsik), u ma’ kull tumbata tħoss l-istonku tiela’ u tagħmel sforz biex tibla’ u tħoss it-taqligħ tiela’ kemm kemm fil-gerżuma, u tkompli sejra hekk, tibla’ l-bżieq u tispera li tilħaq tasal sal-pjazza, imma xorta, kif għaddew iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija, ħasset ħalqha jipproduċi kwantità allarmanti ta’ bżieq u malajr malajr daqqet il-qanpiena u b’sinkronija ħalqha mtela bil-biċċiet tal-pizza kemm kemm diġeriti, u rnexxielha taħżen kollox f’ħalqha sa ma waqfu u nfetħet il-bieba quddiem l-istejġ, imbagħad mill-ewwel battlet kollox maġenb il-bank isfar lellux, bin-nies fuq tal-linja bla dubju jiċċassaw lejha, probabbli jaħsbuha ħara mejta.
L-għada kienet xogħol matul il-jum. Hi u għaddejja minn pazjent għall-ieħor, kull xħin kienet tkun se tinsa, id-dardir fl-istonku kien ifakkarha. Jien ma nibżax, din avventura, jien Louis Theroux, ippruvat tgħid lilha nfisha. Imma Louis Theroux m’għandux utru, u għalhekk qatt ma kien se jkollu jagħmel abort waħdu.
Aħjar waħdi.
Sabiħ kieku kelli xi ħadd miegħi, imma aħjar waħdi milli xi ħadd jistressjani. Hekk jew b’hekk din il-basla mea culpa mea culpa, le? U culpa tal-istmu-lapointe-suldat, imma xiex, tgħidilhom? Imbagħad xiex? X’se tieħu? Se jiġi jżommilha idha dal-bhima bi tlett irjus, se jfissidha u jimlielha l-hot water bottle?
Aħjar waħidha, il-hot water bottle timlieh hi. Idejn għandha.
Filgħaxija marret lura d-dar, xorbot il-brodu li sajret ommha u qalet kelmtejn fuq ix-xejn magħha, imbagħad telgħet f’kamritha u mill-pakkett ċkejken tal-plastic trasparenti li kienet ħbiet fil-kaxxa tal-injam fejn iżżomm l-imsielet, ħarġet l-erba’ pirmli, u poġġiethom bejn il-ħanek t’isfel u x-xoffa, tnejn fuq kull naħa. Daħħlet pad fil-qalziet ta’ taħt, imbagħad telgħet fuq is-sodda u daħlet taħt il-friex. Waqt li kienet qed tistenna li jinħallu l-pirmli, intefgħet bla ħsieb tiċċassa lejn l-Instagram. Ritratt t’Ali la Pointe, jixrob cocktail minn tazza/ananas-imħaffra-biex-issir-reċipjent f’Kemmuna, tifkira tal-isbaħ parti tal-vaganza. Buġarrun. Ieqaf segwi.
Kif il-pirmli kienu kważi ġew fix-xejn, bdiet tħoss id-deni tiela’, bħalma qalulha li jista’ jiġri l-istruzzjonijiet, u ħarġet tnejn panadol mill-komodina u niżżlithom ma’ boqqa ilma. Ftakret fil-hot water bottle. Hi u tfittxu qalb il-ħwejjeġ tax-xitwa, ħasset dardir kbir fl-istonku u marret tiġri fuq il-loki li mnalla kien maġenb il-kamra, u tellgħet kollox, il-biċċiet tal-karrotti u ċ-ċanga, il-karfus u l-panadol.
Reġgħet imteddet fis-sodda u tgeżwret fil-friex biex tbatti l-kesħa tad-deni. L-iskumdità li kellha fl-istonku bdiet tħossha tinfirex mal-bqija ta’ ġisimha, sa ma laħqet l-utru u l-madwar, u hemm bdiet tinbidel fi wġigħ għall-ewwel sottili, iżda mbagħad beda jitqawwa. Tqartset iktar fil-friex, bħal biex tifga dan l-uġigħ li sammarha mas-saqqu, bħal ħaddiela tal-għoxx. Għalqet għajnejha bit-tama li tmur għajnha biha, imma bdiet tħoss moviment qisu trembil tal-imsaren imma iktar ’l isfel, u b’istint reġgħet ħarġet tiġri lejn il-kamra tal-banju, poġġiet fuq il-loki u ħasset gliegel ħerġin minnha, u ħarset ’l isfel u rat il-bjuda taċ-ċeramika mtebbgħa b’demm skur u mgħakkar, u l-ilma tal-loki jsir kulur aħmar skur. Ħasset il-muskoli jissikkaw waħidhom, imbagħad bħal biċċa boċċa żgħira tiżżerżaq minn ġo fiha u taqa’ b’ċafċifa żgħira ġol-ilma, u sakemm baxxiet rasha biex tħares laħqet għerqet fl-ilma karg bid-demm. Ġietha xewqa li tistad ġol-ilma tal-loki u tfittex dak li forsi għadu kif ħareġ minnha u tħares lejh, tgħoddlu s-swaba’ ta’ jdejh u saqajh jekk kellu, b’interess xjentifiku, b’interess ta’ mara li setgħet tkun omm. U tgħidlu nħobbok. Aħfirli. Naħfirlek. Aħjar hekk. Emminni. Ġibdet il-katina, u l-ħmura tgħammdet bl-ilma ċar sakemm telqet għalkollox.
Id-deni kien beda jbatti, imma l-uġigħ u d-dardir baqa’ għaddej. Reġgħet daħlet fis-sodda. Hekk kif sabet pożizzjoni komda, imkebba qisha mumja, semgħet il-mobile jivvibra.
Ejj, kif int sabiħa?
L-istmu. Fejn is-soltu tħalli ġranet, jekk mhux ġimgħat u xhur, biex twieġeb messaġġ, dan qabdet u weġbitu. Forsi biex taljena ruħha mill-uġigħ, forsi għax riditu jħoss xi ftit mill-iskumdità li kienet qed tħoss hi.
Insomma, kelli ġranet aħjar.
Xi nqala’ ħi?
Tgħidlu? Tgħidlu.
Bis-serjetà?
Iva.
Imma lesta?
Naħseb.
Ma nafx x’naqbad ngħid. Meta sirt taf?
Ftit ġimgħat ilu.
U m’għedtlix? Ħasset li kien qed jippanikkja t-tali, u tgħidlu li hemm hemm u m’hemmx għal xiex jinkwieta, dawn affarijiet li jiġru.
Wara minuta tara +4476954629442 qed jikteb messaġġ tidher u tisparixxi u terġa’ tidher u terġa’ tisparixxi, isaqsiha jekk taħsibx li jista’ jkun tiegħu.
Jista’ jkun, imma ma kontx l-uniku wieħed biex inkun onesta.
Kienu qabli, jew warajja? Biex ikolli idea. Għaliex m’għedtlix, għid?
Ma xtaqtx drama żejda biex inkun onesta. U x’kont sa tagħmel mill-uffiċċju tal-BetEasy?
Kif qed tħossok, aħjar? Gidbet li qed tħossha aħjar.
Skużani imma ma nistax nieqaf naħseb fuq il-possibbiltà li jista’ jkun tiegħi.
Forsi iva, forsi le, ħeqq. Għala, kont tkun trid iżżommu kieku?
Mhux neċessarjament, imma sensazzjoni stramba. Imma int, fil-fond ta’ qalbek, taħseb li hu tiegħi? Fil-fond ta’ qalbha ma tagħmlilha l-ebda differenza ta’ min hu.
Tista’ tagħtini ftit dettalji jekk jogħġbok, tipo meta kellek l-aħħar period u meta mort mal-irġiel l-oħra?
Dan bis-serjetà? Ħa joqgħod jilgħabha ta’ Poirot? U tħarref li meta marret miegħu kien għadu kif waqfilha l-period u għalhekk ma kienx hemm xi ċans kbir. U deher li ħa r-ruħ, u qalilha li jixtieq li tħossha aħjar ma ddumx, u hi rringrazzjatu u reġgħet serrħitlu rasu bħalma sserraħ ras pazjenti li jsaqsuha jekk hux se jmutu, u qaltlu li għajjiena u ħa tidħol torqod, u xtaqu l-lejl it-tajjeb lil xulxin. U l-lejl, għalkemm ma kienx tajjeb, ma kienx ħażin għaġeb għax dritt marret għajnha biha.
Dak il-lejl ħolmot ħolma minn dawk li ma jkunu jridu jispiċċaw b’xejn, li l-irġiel kollha li qatt raqdet magħhom kienu kollha f’post wieħed, post vojt bla karatteristiċi, sejjaħlu xi tip ta’ limbu jekk trid, u hi kienet qed tiflihom imma huma ma setgħux jarawha. Kien hemm minnhom għarfithom. Rat lil Paul, li kien l-ewwel wieħed li marret miegħu meta kienet f’sakra mejta f’party ta’ lejliet l-Ewwel tas-Sena. Jamie, l-ewwel wieħed li ħxieha f’sormha, bi żball għax tfixkel it-toqob fid-dlam qal. Alan, li kien neħħa l-kondom f’nofs ħaxja nkiss inkiss. Omar, li tellagħha s-sema għal lejl u jum, imbagħad għosfor. Kien hemm oħrajn li ma kinitx tafhom, iżda din l-inkonsistenza ma qajmithiex. Għall-ewwel dehru xi ftit mifxulin, dawn l-irġiel, imbagħad bdew jippruvaw jaqtgħu x’ġabhom flimkien kollha f’daqqa, x’għandhom komuni bejniethom, u wħud minnhom bdew jingwalawha flimkien u ffurmaw klikek, u bdew jitħaddtu fuq affarijiet ta’ kull xorta u ħadd minnhom ma semma lil Graziella. Imbagħad inbidel l-isfond u minflok fil-baħħ kienu kollha bilwieqfa f’linja maġenb xulxin fuq tarf ta’ rdum, b’idejhom u saqajhom marbutin ma’ ta’ xulxin jiffurmaw katina ta’ iġsma. Kienu kollha lebsin qalziet ta’ taħt, ta’ min abjad, ta’ min iswed, ta’ min inkaxxat, ta’ min le. Kienu kalmi, rashom baxxuta, qishom l-ostaġġi tal-ISIS qabel ma jaqtgħulhom rashom. Xtaqithom kienu iktar ippanikkjati, xtaqithom jitolbuha teħlishom, għax issa qiegħda faċċata tagħhom u setgħu jarawha. Ftit warajha hemm ommha, li bi ftit rabja tistaqsiha ħa terġa’ twaqqagħhom? U iktar lura hemm Louis Theroux b’wiċċ serju jħares lejn ix-xena ta’ quddiemu, iżomm geddumu b’żewġt iswaba’. Issa kellha bastun twil jew lasta ta’ xkupa fl-id il-leminija, u kienet taf li kulma kellha tagħmel hu li timbotta wieħed mill-irġiel ta’ quddiemha u jaqgħu wieħed wara l-ieħor bħal waqt mewġa Messikana, ġol-baħar salvaġġ ta’ taħt l-irdum .