Nifs: Kaos u Poeżija #3

Il-kaos u l-barokk

Franco “Bifo” Berardi (tr Karl Baldacchino)

L-era moderna warrdet b’espansjoni impressjonanti tal-isfera tal-esperjenza: l-iskoperta tad-dinja l-ġdida u t-tixrid tat-testi stampati wittew it-triq għall-espansjoni tal-esperjenza u l-arrikkiment tal-immaġinazzjoni. Dan, imbagħad, wassal għall-fantażmagorija strumblanti hekk imsejħa “barokka”. Ir-Rinaxximent umanista tas-sekli erbatax u ħmistax kien twaqqaf fuq l-asserzjoni taċ-ċentralità tal-perspettiva tal-bniedem fil-viżjoni tal-pajsaġġ, fil-projezzjoni tal-ispazju, u fil-kostruzzjoni tad-dinja. L-Era ta’ Skoperta splussiva li segwiet immultiplikat il-perspettivi potenzjali.

Fis-seklu sittax, il-kultura Spanjola kienet speċi ta’ teatru ta’ proliferazzjoni vertiġinuża ta’ perspettivi li José Antonio Maravall sejjaħ “kosmoviżjoni barokka”. Folol taʼ nies ġejjin mill-kampanja ħakmu l-ispazji urbani, u r-riefnu ta’ esperjenza urbana li segwiet ipprovokat inflazzjoni ta’ tifsir u speċi ta’ splużjoni tal-identità. Fl-istess sena li Kristofru Kolombu niżel fuq l-art Amerikana, il-ħakkiema Spanjoli ordnaw it-tkeċċija tal-infidili. Il-pajjiż kien għadu ħiereġ minn tliet sekli ta’ gwerra reliġjuża: l-identità reliġjuża, l-identità etnika u l-identità soċjali issa daħlu fit-taqlib tal-modernità. L-interrogazzjoni bażika kellha x’taqsam mal-fidi reliġjuża u l-appartenenza etnika: f’kelma waħda, mal-identità, kunċett bla sens u nassa psikoloġika. Fil-kuntest Spanjol tal-aħħar tas-seklu ħmistax, “Int min int?” kienet mistoqsija doppja. Kienet tfisser, x’inhi l-oriġini tiegħek? Inti Nisrani pur jew l-antenati tiegħek tħalltu mal-infidili? Fl-istess ħin kienet tfisser ukoll, x’pożizzjoni soċjali għandek?

Id-diffikultajiet u l-avventuri tar-rumanz pikaresk (dak il-ġeneru letterarju li kien qed jemerġi mill-kundizzjoni urbana u mill-kunflitt bejn il-borgeżija u l-proletarji urbani) huma msejsa hawn. Picaro huwa xi ħadd li m’għandu xejn: l-ebda proprjetà, l-ebda xogħol, lanqas iċ-ċertezza tal-oriġini tiegħu. Għalhekk, il-picaro huwa xi ħadd li qed ifittex. Il-picaro, fil-fatt, huwa buscòn, wieħed li jfittex. X’qed ifittex il-picaro? Qed ifittex kollox, u l-ewwel nett lilu nnifsu — l-oriġini tiegħu, l-identità tiegħu. L-istrumblar li Góngora jsejjaħ “ġenn” (locura) u Quevedo jipperċepixxi bħala “diżillużjoni” (desengano) kien l-effett ta’ din id-diterritorjalizzazzjoni ta’ perspettivi u proliferazzjoni ta’ stimuli. Il-barokk huwa tranżizzjoni, skont Deleuze. Tranżizzjoni minn xiex għal xiex? Seħħet fluttwazzjoni enormi fis-semjosfera Ewropea meta, permezz tat-teknoloġija tal-istampar, it-test miktub infirex fost popolazzjoni urbana kbira, waqt li l-esplorazzjonijiet ġeografiċi wessgħu bil-kbir il-limiti tad-dinja magħrufa. Dan iċ-ċaqliq wassal biex il-moħħ kollettiv jittawwal lil hinn mill-fruntieri tal-ordni antropoċentrika li ġiet asserita mill-kultura Rinaxximentali. Dik l-ordni kienet imħarbta mid-diżordni magħmul mill-bniedem tal-modernità barokka: l-artifiċju ħa post in-natura, locura ssostitwiet ir-raġuni, u l-apparenza ħadet post l-eżistenza. Mitluf fil-labirint urban, fil-battalja bla waqfien għas-sopravivenza u l-akkumulazzjoni, ir-raġuni nbidlet f’astuzja u l-qies ġie sostitwit mill-forza. Il-buscòn — dak li medhi jfittex — sar is-simbolu tal-kundizzjoni l-ġdida.

It-tinja, il-frattal: dawn huma l-figuri tal-immaġinazzjoni barokka. Il-barokk oriġina mill-frattalizzazzjoni vertiġinuża tal-ordni umanista. Għall-ewwel darba, l-inflazzjoni dehret bħala fenomenu ekonomiku u semjotiku. Ikkatapultata għal dimensjoni planetarja, l-ekonomija Spanjola theżżet minn taqlib soċjali u mill-inflazzjoni, waqt li l-psikosfera Spanjola ġġennet minn proliferazzjoni ta’ sinjali: inflazzjoni ta’ tifsir, locura. L-inflazzjoni ekonomika sseħħ meta jinħtieġu iktar u iktar flus biex jinxtraw inqas u inqas oġġetti, u l-inflazzjoni semjotika sseħħ meta iktar u iktar sinjali jixtru inqas u inqas tifsir. Il-kaos tfaċċa fl-aċċelerazzjoni sfrenata tal-infosfera matul iż-Żmien tad-Deheb Spanjol, u huwa f’din il-konġunzjoni li hija msejsa l-immaġinazzjoni barokka.

Imbagħad, fl-era tar-rivoluzzjoni xjentifika, tal-industrijalizzazzjoni u tal-istati nazzjon, il-borgeżija razzjonali pprevaliet, u s-sensibbiltà barokka rtirat biex tħuf lejn il-marġini tal-arti moderna u l-filosofija. Imma fl-aħħar tal-modernità, ir-razzjonaliżmu beda jbatti, u fl-għabex tal-umaniżmu li qed ngħixu fih illum, hija perċettibbli fluttwazzjoni enormi oħra. Ir-raġuni ġiet sottomessa għall-awtorità finanzjarja, b’tali mod li l-kultura tal-appartenenza ħadet post ir-raġuni universali u r-riżentiment identitarju ħa post is-solidarjetà soċjali. Il-legati tal-umaniżmu u l-Illuminiżmu xxejnu flimkien mal-wirt tas-soċjaliżmu. Is-soċjaliżmu, madankollu, reġa’ lura fis-sura tas-soċjaliżmu nazzjonali: id-diskors u l-aġenda politika ta’ Trump, Putin, Salvini, Erdogan u Modi. Il-wegħda tal-irkupru tas-sigurtà ekonomika li nqerdet mill-globalizzazzjoni neoliberali hija marbuta mal-wegħda tal-għoti tas-setgħa lin-nazzjon (il-partikolarità identitarja) kontra dawk li ma jappartjenux għalih.

Fit-tinjiet tas-sensibbiltà kuntrattwali li tirriżulta mir-renju diġitali tal-astrazzjoni u mir-ritorn aggressiv tal-identità, f’sens barokk qed infittxu ritmu ġdid.


Indeterminazzjoni u kaos

Wara Newton u Galileo, il-fiżika mekkanistika moderna kienet ibbażata fuq l-idea ta’ lingwa li tgħaqqad — il-lingwa tal-matematika — li suppost kellha tkun adatta biex tissemjotizza l-ħolqien kollu. Aktar tard, l-iżvilupp tal-bijoloġija u l-bijoġenetika rnexxew fuq is-suppożizzjoni ta’ kodiċi deterministika li tirregola l-iżvilupp tal-organiżmu. Fil-ħamsinijiet, fużjoni ta’ fiżika u bijoloġija wasslet għall-iskoperta tad-DNA. Il-ġisem b’hekk beda jitqies bħala l-iskjerament u l-attwalizzazzjoni ta’ kodiċi, ta’ ordni impliċita responsabbli għat-twettiq tal-ħajja. Din il-viżjoni mekkanika tan-natura nzertat ma’ prassi ekonomika bbażata fuq il-kapaċità tat-tikjil ta’ kollox: il-ħin tax-xogħol bħala s-sors tal-valur ekonomiku, u l-valur imkejjel bħala prodott tal-ħin tax-xogħol. Fis-soċjetà industrijali, id-determinabbiltà tal-valur ekonomiku kien ibbażat fuq il-fatt li l-ħin tax-xogħol kien definibbli bħala terminu medju. Wieħed seta’ jiddetermina l-valur ekonomiku ta’ oġġett billi jikkalkula l-ħin li kien soċjalment meħtieġ sabiex jipproduċih.

Iżda lejn l-aħħar tal-industrijaliżmu modern, ir-relazzjoni deterministika bejn ix-xogħol, il-ħin, u l-valur issa qed ixolji fid-dimensjoni kaotika tas-semjokapitaliżmu. Meta l-kapaċità tat-tikjil tal-valur ixxolji, meta l-ħin isir aleatorju u singulari, l-idea nnifisha tad-determinazzjoni tibda tgħib. Dan jaffettwa l-isfera tax-xjenzi naturali wkoll, fejn jiġi abbandunat id-diskors tad-determiniżmu u joħodlu postu l-prinċipju tal-indeterminazzjoni.

Fis-seklu dsatax, Pierre-Simon de Laplace ppreveda intelliġenza universali li kapaċi tkun taf kull stat u evoluzzjoni possibbli tal-esseri:

Intelliġenza li, fi kwalunkwe mument, setgħet tifhem il-forzi kollha li bihom in-natura hija animata u s-sitwazzjonijiet rispettivi tal-esseri li jiffurmawha, li kieku barra minn hekk kienet vasta biżżejjed biex tissottometti din id-data għall-analiżi, kienet tiġbor fl-istess formula l-movimenti tal-akbar korpi tal-univers u dawk tal-iċken atomi. Għal tali intelliġenza xejn ma jkun inċert, u l-futur, bħall-passat, ikun miftuħ għal għajnejha. Il-moħħ tal-bniedem joffri, fil-perfezzjoni li kien kapaċi jagħti lill-astronomija, xebh debboli għal din l-intelliġenza.

Din l-intelliġenza universali tkun kapaċi tiġbor b’formula waħda l-movimenti tal-akbar korpi u l-movimenti tal-iċken atomi, u għalhekk, bħala konsegwenza tal-esklużjoni ta’ kwalunkwe inċertezza, tkun kapaċi tbassar il-futur. Din l-intelliġenza tkun determinista f’sens doppju: tkun il-kawża ta’ determinazzjoni minn ġewwa nett u fl-istess ħin tkun il-kuxjenza li tippresjedi fuq kwalunkwe relazzjoni deterministika li sseħħ fin-natura.

Iżda r-razzjonaliżmu deterministiku ta’ Laplace ma ssopraviviex l-iżvolġiment tal-epistemoloġija l-ġdida: il-kunċett tal-kaos daħal fil-qasam xjentifiku meta l-ordni progressiva tal-modernità bdiet tisfaxxa u meta l-forza distabbilizzanti tas-suq finanzjarju bdiet tipperikola l-ordni ekonomika tal-industrijaliżmu. Il-kunċett ta’ indeterminazzjoni obbliga li tiġi maħsuba mill-ġdid ir-relazzjoni bejn il-moħħ u d-dinja f’termini ta’ indeċidibbiltà, u f’dan il-punt il-kaos daħal fit-taqbida.

Fix-xjenza, bħal fil-ħajja, is-sekwenza ta’ avvenimenti kultant tista’ tilħaq livell ta’ kumplessità tant għoli li perturbazzjoni żgħira jaf ikollha effetti enormi u imprevedibbli. Nitkellmu dwar “il-kaos” meta tali indeterminazzjoni tinfirex sew. “Kaos” ifisser ambjent kumpless wisq biex jiġi dikodifikat mill-inkwadraturi spjegattivi disponibbli tagħna, ambjent li fih il-flussi jiċċirkolaw malajr wisq biex jiġu elaborati mill-imħuħ tagħna. Il-kunċett ta’ kaos jindika kumplessità densa u mgħaġġla wisq biex tiġi deċifrata minn moħħna. Il-kaos illum jieħu post speċjali fl-isfera tax-xjenzi soċjali, hekk kif l-ordni taċ-ċiviltà moderna qed tisfaxxa.

Iċ-ċiviltà moderna tista’ tiġi deskritta bħala l-proċess ta’ kolonizzazzjoni tar-realtà bil-forza tal-liġi, f’sens doppju. Il-liġi xjentifika riedet tirriduċi l-proċess li bih il-materja fiżika ssir għar-ripetizzjoni ta’ mudell, waqt li l-liġi politika kienet att lingwistiku li jasserixxi norma konvenzjonali u mbagħad jimmira li jobbliga l-attività soċjali tikkonforma għaliha. Is-sottomissjoni tal-kaos naturali mill-ordni umanistika tal-kejl (ma ninsewx li “ratio”, bil-Latin, tfisser kejl) kienet karatteristika kruċjali tal-kolonizzazzjoni kulturali tad-dinja mill-Ewropej. Iċ-ċiviltà kienet — jew aħjar, kienet maħsuba bħala — it-trasformazzjoni tal-Kaos f’Ordni. Dik it-trasformazzjoni implikat att ta’ matematizzazzjoni tad-dinja li ppermetta kommensurabbilizzazzjoni (l-ipproporzjonar u s-sottomissjoni għall-kejl). L-għarfien xjentifiku jimplika limitazzjoni tal-ispazju ta’ dak li hu rilevanti, il-qtugħ ’il barra ta’ dak li hu irrelevanti. Bl-istess mod, il-moħħ politiku ma jistax ikun deċiżiv mingħajr ma jillimita l-ispazju ta’ dak li hu soċjalment rilevanti. Huwa biss dak li hu rilevanti mill-perspettivi tal-għarfien u tal-iggvernar li huwa verament elaborat mill-moħħ modern. Insa l-irrazzjonali, insa l-mitoloġija, insa l-ġenn u d-delirju. Dawn l-aspetti se jiġu ssegregati fil-manikomju li l-psikjatrija qed tibni biex tipproteġi l-Illuminiżmu mid-dlam.

Machiavelli jiddistingwi l-isfera tal-Fortuna (fortuna) mill-isfera tar-Rieda (volere). Il-prinċep huwa l-persuna (maskili) li tissottometti l-Fortuna (ix-xorti, li hija femminili) għar-rieda maskili — għall-kejl, għall-ordni u l-prevedibbiltà. Il-Fortuna hija l-kaos li dejjem tistaħba fit-tinjiet ta’ moħħ il-bniedem, u jekk il-Prinċep irid jiggverna, irid b’mod preventiv inaqqax katina dejqa ta’ avvenimenti mit-territorju infinit tal-Fortuna. L-infinità mudlama u irriduċibbli tal-kaos tinsab fil-konfini tal-ordni stabbilita. Ir-ritmu huwa ċ-ċavetta li jippermetti s-sinkronizzazzjoni bejn il-Fortuna u r-Rieda, bejn ir-realtà u r-raġuni. Iżda hija parti ċkejkna biss mill-isfera tar-realtà li tista’ tiġi ssinkronizzata mar-raġuni, u parti ċkejkna biss mill-Fortuna li tista’ tkun sinkronizzata mar-rieda politika. Dil-parti ċkejkna hija dik li tissejjaħ “rilevanti” mill-awtorità intellettwali tal-Ordni. L-iggvernar huwa dejjem illużjoni, hekk kif il-kuxjenza politika tnaqqax katina ċkejkna ta’ avvenimenti soċjali rilevanti u tipprova tipproteġi dan l-ispazju — l-ispazju taċ-ċiviltà — mill-oċean ta’ materja mhux gvernabbli tal-madwar.

L-intensifikazzjoni diġitali tal-fluss semjotiku kissret ir-ritmu li writna miż-żmien modern. Meta r-ritornell tar-razzjonaliżmu u r-raġuni politika jikber tant li ma jistax jipproċessa u jmexxi l-flussi ta’ informazzjoni li qed jipproliferaw fl-infosfera nnetwerkjata, l-ilqugħ protettiv tar-rilevanza jitkisser, u ma nkunux nistgħu niddistingwu iktar dak li hu rilevanti minn dak li mhux. Jekk iċ-ċiberspazju huwa l-intersezzjoni virtwali ta’ stimuli mentali infiniti, u ċ-ċiberħin huwa r-ritmu mentali tal-ipproċessar ta’ dawn l-istimuli, kif jista’ ċ-ċiberħin jiġi aġġornat sal-punt li jipproċessa ċ-ċiberspazju diġitali tal-lum? Sa fejn naf jien, ma nistgħux inħaffu r-ritmu mentali tagħna lil hinn minn ċertu limitu li huwa fiżiku, emozzjonali u kulturali.

Meta l-aċċelerazzjoni taċ-ċiberspazju tkisser ir-ritmu tal-ħin mentali, u ma nibqgħux inkunu nafu x’inhu rilevanti u x’inhu irrilevanti fl-ambjent ta’ madwarna, dan huwa dak li nsejħu “kaos”: l-inkapaċità li nattribwixxu tifsira lill-fluss, il-kollass tal-qafas ta’ rilevanza tagħna. F’dal-punt tinfirex vibrazzjoni speċjali tar-ruħ, dik li nsejħu “paniku”: ir-reġistrazzjoni suġġettiva tal-kaos .

José Antonio Maravall jitkellem dwar il-barokk f’Culture of the Baroque, traduzzjoni mill-Ispanjol ta’ Terry Cochran, Manchester University Press 1986. Il-previżjoni ta’ Pierre-Simon de Laplace tal-intelliġenza universali hija kkwotata minn Chunglin Kwa fi Styles of Knowing: A New History of Science from Ancient Times to the Present, traduzzjoni mill-Olandiż ta’ David McKay, University of Pittsburgh Press 2011.

Dekorazzjoni art-nouveau