L-Awtoma u l-Bestja
Ilna minn 9/11 ’l hawn ngħixu fi żmien ta’ apokalissi. Dakinhar bdiet gwerra bejn il-potenzi tal-Punent u l-ġiħadisti fanatiċi. Osama bin Laden rebaħha l-konfrontazzjoni tiegħu ma’ George W. Bush. Din hija verità li ma titwemminx u li aħna obbligati nirrikonoxxu aktar minn ħmistax-il sena wara l-bidu tal-Gwerra bla tmiem u suwiċidali fuq it-Terroriżmu. Bin Laden mejjet, veru, imma mill-post ċelestjali fejn jgħammar, jitbissem hu u jara l-aguniji li l-aktar pajjiż b’saħħtu fid-dinja jinsab mgħaddas fihom bħala konsegwenza tal-provokazzjoni tiegħu, tal-idjozija tal-klann Bush-Cheney, u fuq kollox, tal-qawwa invinċibbli tal-kaos. Tinsewx li dawk li jiġġieldu kontra l-kaos se jiġu megħluba, għax il-kaos misqi mill-gwerra.
Fl-2016 dħalna f’fażi ġdida, li tista’ tiġi definita bħala waħda ta’ gwerra ċivili globali: it-terrur kiseb il-vantaġġ fil-maġġoranza l-kbira tal-pajjiżi tad-dinja, u se jibqa’ hekk peress li l-potenzi tal-Punent donnhom ma jistgħux jifhmu li mhijiex kwistjoni ta’ forza militari meta l-ġlieda hija bejn iċ-ċiniżmu u d-disperazzjoni. Id-dominanza tal-Punent imbuttat lill-maġġoranza tan-nies tal-pjaneta f’kundizzjoni ta’ dsiprament totali, waqt li s-suq neoliberali fl-istess ħin ippermetta t-tixrid ċiniku ta’ armi ta’ kull tip. Numru kbir ta’ nies mill-aħħar ġenerazzjoni, partikolarment fid-dinja Iżlamika iżda mhux biss, qegħdin f’tant disperazzjoni li jippreferu jmutu milli jgħixu. Huwa għalhekk li ma jistgħux jitwaqqfu; huwa għalhekk li qed jirbħu. Fl-24 ta’ Awwissu 2017, is-CNN irrapporta dikjarazzjoni mill-KCNA, l-aġenzija tal-aħbarijiet immexxija mill-istat tal-Korea ta’ Fuq, li “L-Istati Uniti m’għandhomx jinsew li l-avversarju tagħhom huwa armat b’armi nukleari u missili ballistiċi” u għandhom “iqumu mill-mod antikwat ta’ ħsieb tagħhom li arthom hija sikura u li l-mewt hija affari ta’ ħaddieħor.”
Il-qasma li qed tkisser lir-Renju Unit (dawk li jridu joħorgu mill-UE kontra dawk li jridu jibqgħu), l-Istati Uniti (il-liberali kontra s-suprematisti), Spanja (l-unjonisti kontra nofs il-popolazzjoni Katalana), u ħafna pajjiżi oħra tad-dinja mhijiex diviżjoni politika, jew oppożizzjoni li eventwalment tista’ tiġi ġestita f’kuntest demokratiku ta’ kunflitt ideoloġiku. Hija diviżjoni kulturali li qed tiddiżintegra s-sisien stess tas-soċjetà u qed twassal għal forom ta’ gwerra ċivili ftit jew wisq fatali. Dil-qasma li diffiċli tissewwa tista’ titqies bħala oppożizzjoni bejn dawk li kulturalment mhumiex kapaċi jaċċettaw il-proċessi tal-globalizzazzjoni u l-minoranzi urbani li huma kulturalment ippreparati biex jagħmlu dan. Din mhijiex essenzjalment diviżjoni ekonomika: mhux kull min jiċħad il-globalizzazzjoni ġie żvantaġġat minnha, u, aktar importanti minn hekk, mhux kull min jirrassenja ruħu li jgħix fl-orizzont globali qed jagħmel profitt minnha. Pjuttost, din id-diviżjoni hija essenzjalment bejn il-ħila u l-inkapaċità li wieħed jimmaġina dimensjoni kosmopolitana ġdida għall-futur. Iżda l-maġġoranza tal-popolazzjoni tal-Punent issa qed tirribella kontra l-globalizzazzjoni u tipprova titlob lura ritorn impossibbli għas-sovranità. Mhux se jiksbu dak li jridu għax dak li jridu huwa impossibbli, iżda l-impotenza tagħhom se tqanqal biss aktar rabja, aktar razziżmu, u aktar aggressjoni.
Għalhekk nistaqsi lili nnifsi, tista’ l-apokalissi tiġi evitata, jew maħkuma? Kif jimplika l-kunċett tal-antropoċen, diġà tard wisq. “Għaliex huma r-riħ jiżirgħu u l-irwiefen jaħsdu,” tgħid il-Bibbja. Ix-xejriet ta’ devastazzjoni ambjentali, qerda militari, u tifrik soċjali issa ħadu karattru irriversibbli u jalimentaw lilhom infushom; għandhom it-tendenza li jespandu l-effetti tagħhom u li jeliminaw kull kontromiżura possibbli. Il-brutalità qed tiddomina dejjem aktar ir-relazzjonijiet soċjali, u l-mutur ekonomiku tal-produzzjoni qed jitmexxa dejjem aktar minn awtomatiżmi inevitabbli.
L-Awtoma u l-Bestja huma ż-żewġ forom separati ta’ eżistenza ta’ żmienna: in-newrototalitarjaniżmu u l-gwerra ċivili globali huma l-forom tal-ħajja li qed jitfaċċaw fuq l-orizzont tal-futur.
Hemm awtopilota fl-evoluzzjoni tal-bniedem?
Skont rapport tal-Oxfam li ġie żvelat fil-pubbliku fil-konferenza ta’ Davos f’Jannar 2018, fl- 2016 l-inugwaljanza laħqet il-quċċata: 82 fil-mija tal-ġid prodott dik is-sena nħataf mill-1 fil-mija tal-popolazzjoni tad-dinja li diġà tippossjedi żewġ terzi tal-ġid tad-dinja. Din mhix ċajta jew esaġerazzjoni: din hija prova dokumentata tan-natura miġnuna tal-assolutiżmu finanzjarju. Bħal pompa tad-dranaġġ, il-kapitaliżmu finanzjarju qiegħed jerda’ l-ħajja mill-organiżmu tas-soċjetà umana, b’rata li qed taċċellera kull sekonda.
Il-mistoqsija hi, għaliex in-nies qed jagħmlu dan? Għaliex frazzjoni żgħira tal-umanità qed takkumula ammont inkonċepibbli ta’ ġid, filwaqt li l-maġġoranza assoluta tal-umanità qed tirrigressa lejn il-miżerja? X’jimmotiva din l-approprjazzjoni enormi ta’ riżorsi komuni? Tabilħaqq, hemm motivazzjoni, jew il-loġika tal-akkumulazzjoni finanzjarja awtomatikament tipproduċi dan l-effett irrazzjonali u immorali? Fl-aħħar nett, x’inhu l-punt li jakkumulaw u jaħżnu biljuni bla għadd li qatt ma jistgħu jiġu skambjati għal oġġetti jew pjaċir f’din il-ħajja?
Ma naħsibx li r-regħba tispjega biżżejjed din il-konċentrazzjoni estrema ta’ ġid f’idejn il-ftit. Għandna pjuttost nispjegaw din l-inugwaljanza irrazzjonali f’termini ta’ istint ta’ sopravivenza evoluzzjonarja? Nista’ tabilħaq nitkellem dwar istint evoluzzjonarju tal-umanità, teżisti ħaġa bħal din? Probabbilment le, imma qed nipprova nsib tip ta’ awtopilota fl-evoluzzjoni umana. L-istint ta’ sopravivenza huwa allert illum, għax inħossu (anke jekk għandna t-tendenza li niċħdu l-evidenza u nirrifjutaw dan l-għarfien fl-inkonxju kollettiv tagħna) li l-ħajja ċivilizzata fuq il-pjaneta qed toqrob lejn tmiemha. L-inkonxju kollettiv tagħna qiegħed jħoss li l-aħħar ġirja goffa qed toqrob minħabba tant proċessi xejn ma jwaqqafhom u irriversibbli: il-proliferazzjoni tal-armi nukleari, it-tisħin globali, l-iskarsezza tal-ilma, l-espansjoni demografika u d-deżertifikazzjoni, u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-kollass mentali, it-tixrid tad-dipressjoni u l-paniku. F’dan il-punt totalment jagħmel sens li l-bniedem, kemm jekk konxjament jew le, qiegħed jipprepara biex jaħrab mill-pjaneta Infern? U li tipprepara biex taħrab mill-infern huwa inkonċepibbilment għali. Il-1 fil-mija tal-umanità qed tipprepara għal din il-ħarba, u teħtieġ ammonti kbar ta’ riżorsi finanzjarji biex tagħmel dan.
Fantaxjenza distopika? Forsi. Madankollu, tinsewx li fl-aħħar ħamsin sena l-fantaxjenza distopika pproduċiet l-aktar pjani direzzjonali preċiżi tal-iżvilupp soċjali u politiku tagħna.
Issa nifhmu x’ried ifisser Günther Anders f’Wir Eichmannsöhne meta kiteb: “nistgħu nantiċipaw li l-orrur tar-Reich li ġej se jisboq bil-kbir l-orrur tar-Reich tal-bieraħ. Bla dubju, meta xi darba wliedna jew ulied uliedna, kburin bil-‘komekkanizzazzjoni’ perfetta tagħhom iħarsu minn fuq nett tal-elf sena reich tagħhom ’l isfel lejn l-imperu tal-bieraħ, lejn l-hekk imsejjaħ ‘tielet’ Reich, dan se jidher għalihom sempliċement esperiment minuri u provinċjali.” In-Nażiżmu ta’ Hitler, li fit-tieni nofs tas-seklu li għadda qisnieh megħlub u annullat għal dejjem, kien biss esperiment ta’ anniħilazzjoni. Dak l-esperiment falla, iżda l-kundizzjonijiet issa huma stabbiliti għall-implimentazzjoni tiegħu. Il-hacker Nażista u troll bit-tatwaġġ tas-swastika, magħruf bl-isem tiegħu online “weev”, kiteb fuq blogg tal-Alt-Right: “Irridu npoġġu lil dawn in-nies fil-forn… Resqin lejn kriżi Malthusjana. Il-livelli tal-plankton qed jonqsu. In-naħal qed imutu. Hemm irvellijiet dwar it-tortilla fil-Messiku, l-ogħla prezzijiet tal-qamħ fi tletin sena jew aktar… Il-mistoqsija li rridu nwieġbu hija: Kif noqtlu erbgħa mis-sitt biljun ruħ fid-dinja bl-aktar mod ġust possibbli?” Naħseb li dan huwa s-sottotest semiserju, semikonxju tal-aġenda mressqa taħt l-istrixxun tal-governanza finanzjarja. Il-kultura ta’ Trump (aħfruli l-kuntradizzjoni) hija l-Illuminiżmu Mudlam li jikxef id-dinamika l-aktar profonda tal-kapitaliżmu finanzjarju.
Etika apokalittika
Erba’ deċennji ta’ riforma neoliberali rrilaxxaw etika apokalittika: kemm l-empatija kif ukoll l-universalità, iż-żewġ għeruq tal-imġiba etika, ġew imqaċċtin. L-empatija, il-perċezzjoni tal-ġisem tal-Ieħor bħala estensjoni tal-ġisem tagħna stess, tinsab taħt theddida li qiegħda dejjem tikber. Minn meta r-riformisti neoliberali poġġew il-kompetizzjoni fil-qalba tal-ħajja ta’ kuljum, u minn meta l-konnettività diġitali ssostitwiet il-konġunzjoni fiżika fl-isfera tal-komunikazzjoni soċjali, il-kundizzjonijiet psikokulturali tal-empatija ddgħajfu. Bl-istess mod, l-universalità tar-regola etika inqalgħet mill-għeruq mill-proċessi tal-globalizzazzjoni. Il-globalizzazzjoni hija bbażata fuq il-primazija tal-kompetizzjoni ekonomika, u l-kompetizzjoni effettiva titlob it-tħassir tar-regoli kollha — morali, politiċi, jew xorta oħra. Din ix-xejra lejn l-anniħilazzjoni tal-ġudizzju etiku tidher li qed titma’ lilha nnifisha, u għalhekk hija irriversibbli; l-effiċjenza ekonomika hija bbażata fuq li jiġu injorati l-implikazzjonijiet etiċi tal-azzjonijiet, u għalhekk l-imġiba etika ssir ineffiċjenti.
F’test tal-1946 bit-titlu Die Schuldfrage, Karl Jaspers iddistingwa bejn in-Nażiżmu storiku u n-Nażiżmu kwintessenzjali. In-Nażiżmu storiku ingħeleb, itenni, iżda l-kult tal-effiċjenza ma ingħelibx, u dan il-kult tal-effiċjenza huwa l-qalba tan-Nażiżmu kwintessenzjali. Il-kompetizzjoni ekonomika ma taċċetta l-ebda regolamentazzjoni politika, l-ebda limitazzjoni etika: iċ-ċiniżmu, in-nuqqas ta’ rispett sistematiku għall-etika, huwa karatteristika komuni tan-Nażiżmu u l-kult neoliberali tal-kompetizzjoni. Id-differenza tinsab fil-fatt li n-Nażiżmu kien ibbażat fuq il-vjolenza politika u d-dittatorjat militari, filwaqt li l-kompetizzjoni globali tal-lum hija bbażata fuq l-inkorporazzjoni ta’ awtomatiżmi teknoloġiċi fil-ġisem ħaj tas-soċjeta.
Huwa għalhekk li r-ribelli li ħarġu jipprotestaw kontra s-summit tal-G7 ġewwa Hamburg f’Lulju 2017 ġarrew strixxun li jilqa’ ’l kulħadd fl-infern. Il-mistoqsija li rridu nwieġbu issa hija, nistgħu nitkellmu dwar l-imġiba etika fl-infern? L-ewwel tweġiba li tiġi f’moħħi hija le. Le, għax fl-infern l-empatija tagħmel ħsara lilha nnifisha. Is-sensittività empatika, fil-fatt, hija bieb miftuħ għall-influss tat-tbatijiet ta’ madwarna. Huwa għalhekk li fl-infern in-nies għandhom it-tendenza jżommu għalihom infushom u jagħlqu l-bibien empatiċi tagħhom — sabiex jevitaw li jiġu mweġġgħin mill-vjolenza li qed tinfirex u mit-tbatija ta’ madwarhom.
Fir-rumanz tagħha tal-1993 Parable of the Sower, Octavia Butler toffri premonizzjoni distopika ta’ dinja miżgħuda vjolenza, ġuħ, u wġigħ, fejn in-nies huma tant imdorrijin bl-infern ta’ madwarhom li huma emozzjonalment indifferenti u stupidi. Fil-ktieb, tifla żgħira tbati minn marda rari li t-tobba tagħha jsejħu “sindromu delużjonali organiku.” Dan huwa kif tirrakkonta l-kundizzjoni tagħha:
[Missieri] dejjem għamilha tabirruħu, jew forsi emmen, li s-sindromu tal-iperempatija tiegħi kien xi ħaġa li stajt nelimina u ninsa dwarha. Il-kondiviżjoni mhijiex reali, wara kollox. Mhix xi maġija jew poter extrasensorjali li tippermettili nħoss l-uġigħ jew il-pjaċir ta’ nies oħra. Hija delużjonali. […]
Ma nista’ nagħmel xejn dwar l-iperempatija tiegħi, irrelevanti x’jaħseb jew x’jixtieq missieri. Inħoss dak li nara lil ħaddieħor iħoss jew dak li nemmen li jħossu. L-iperempatija hija dak li t-tobba jsejħu “sindromu delużjonali organiku.” Kanna. Tweġġa’, dak li naf. Minħabba l-Paracetco, il-pillola ċkejkna, dik il-mediċina li ommi għażlet tieħu wisq minnha qabel ma mietet biex wellditni, jien miġnuna. Inħoss ħafna niket li mhux tiegħi, u li mhux reali. Imma li jweġġa’.
Suppost naqsam il-pjaċir u l-uġigħ, imma m’għadx fadal wisq pjaċir illum il-ġurnata.
L-empatija hija fil-fatt piż u żvantaġġ ekonomiku f’soċjetà fejn il-kompetizzjoni tiddomina kollox. It-tbatija ta’ ħaddieħor hija irrilevanti mill-perspettiva tal-attur ekonomiku, li jaf sew li mors tua vita mea (mewtek ħajti). U l-pjaċir ta’ ħaddieħor huwa bl-istess mod irrilevanti, għax jew ma jinqabadx, jew ma jeżistix, jew jitħawwad mal-wirjiet artifiċjali tar-reklamar tal-ferħ.
Peress li dan il-ktieb huwa dwar in-nifs bħala tfittxija vibrazzjonali biex wieħed jissintonizza mal-ambjent tiegħu, irrid ngħid f’dan il-punt li fl-isfera soċjali (l-isfera tal-kospirazzjoni) din it-tfittxija bħalissa hija ddestinata li tfalli. In-nies iħossu din l-impossibbiltà u jkollhom it-tendenza li jsiru egoisti u ċiniċi, u għalhekk dipressivi u jistmerru lilhom infushom. Peress li s-solidarjetà ġiet ikkanċellata, fadal biss il-vendetta: il-vendetta tal-foqra kontra l-oppressati (ir-razziżmu), il-vendetta tal-oppressati kontra n-nisa (il-vjolenza maċista), il-vendetta ta’ kulħadd kontra kulħadd (il-brutalità).
Għalhekk qed nipprova nisposta l-qasam tat-tfittxija vibrazzjonali mill-kospirazzjoni soċjali għall-iskadenza kosmika, għax-xoljiment tal-individwu (jien) fid-dimensjoni kosmika tax-xejn. X’inhu r-ritmu tax-xejn? Il-vibrazzjoni orgażmika hija eżempju ta’ sintonizzazzjoni mar-ritmi bijografiċi ta’ ġisem ieħor: l-għarqa fl-inkuxjenza tista’ f’daqqa waħda tiftaħ beraħ il-bibien tal-perċezzjoni kosmika. Il-Franċiżi jsejħu l-orgażmu petite mort (mewta żgħira), li tfisser telf jew dgħufija intensa momentarja tal-kuxjenza li tippermetti viżjoni tax-xejn u fl-istess ħin tiftaħ il-possibbiltà li tisemma’ għall-ħoss tal-kaosmożi.
Il-filosofija trid b’mod konxju ssawwar kunċetti għas-sintonizzazzjoni tal-moħħ u l-ġisem mal-proċess li nsiru x-xejn. Il-poeżija trid tipprepara l-pulmuni tagħna biex jieħdu n-nifs bir-ritmu tal-mewt.
L-aħħar nifs ta’ Lazzru
Il-mewt kienet oġġett ta’ ċaħda psikoloġika fl-isfera illuminata tal-modernità. Il-kult tal-poter li enerġizza l-iżvilupp kapitalist immarġinalizza u kkanċella l-kuxjenza tal-mortalità tagħna, l-impermanenza tagħna. F’L’Échange symbolique et la mort, Jean Baudrillard jirrifletti fuq il-mewt bħala rotta sovversiva ta’ ħarba. Tenħtieġ, b’mod urġenti, perċezzjoni ironika tal-mewt, u l-poeżija bħalissa qed taħdem fuq hekk.
Fl-aħħar album tiegħu, Blackstar, li huwa meditazzjoni fuq il-mewt, David Bowie issogra jħares ironikament lejn l-estinzjoni tiegħu stess. Xiħ, marid u sabiħ, b’faxxa fuq għajnejh, il-video mużikali tiegħu tas-silta ewlenija tal-album jurina ktieb żgħir bi stilla sewda fuq il-qoxra tiegħu u jħabbar lilna, is-superstiti, li l-mewt hija x-xefaq tal-ħajja. Liebes ta’ serp, Lazzru jqum mill-qabar u jiżfen u jiftakar fil-ġranet meta fis-snin sebgħin u l-bidu tas-snin tmenin fi New York aħna konna ngħixu lkoll bħal rejiet. “Sa ma wasalt New York / Kont qed ngħix ta re,” ikanta Bowie. It-trab imbagħad wiegħed il-ħajja ta’ dejjem. U ħajja ta’ dejjem ksibna. Nies moribondi jiżfnu fuq il-palk. Il-video ta’ “Blackstar” huwa eżilaranti, imnikket, u ta’ qsim il-qalb: “Fil-jum tal-eżekuzzjoni, fil-jum tal-eżekuzzjoni / In-nisa biss jinżlu għarkupptejhom u jitbissmu […] Xi ħaġa ġrat fil-jum li miet / L-Ispirtu għola metru mbagħad iġġenneb / Xi ħadd ieħor ħadlu postu, u b’kuraġġ għajjat / (Jien stilla sewda, jien stilla stilla, jiena stilla sewda).”
Bowie jurina s-sbuħija tax-xjuħija, meta x-xjuħija tiġi pproġettata b’mod konxju u ferrieħi lejn l-eternità tax-xejn. Fis-silta “Lazarus”, mill-album, ikanta: “Ħares ’l hawn fuq, jien fis-sema / Għandi farretti li ma jistgħux jidhru / Għandi dramm, ma jistax jinsteraq / Kulħadd jafni issa / Ħares ’l hawn fuq, sieħbi, jien fil-periklu / M’għandi xejn x’nitlef / Ninsab daqshekk fl-għoli, li moħħi qed jdur / Il-mobile waqagħli għal isfel.”
Minn Silicon Valley tiġi l-wegħda tas-sopravivenza teknoloġika eterna u fil-Brażil xi kirurgi jwiegħdu li jneħħu t-tikmix kollu ta’ Lazzru. Iżda din il-wegħda bla togħma tal-lonġevità tinxtamm falza. Aħna trab u t-trabijiet ifakkruna li aħna trab. Ħadd qabel Bowie ma kien jazzarda jkanta dwar il-mewt b’dan il-mod, jidħaq, jiżfen u jibki, u jimxi b’lura fil-gwardarobba sepulkrali u jisparixxi wara l-bieb tal-gwardarobba, imbagħad jagħlaq il-bieb. Tiftakru lill-Maġġur Tom jgħaddi mill-bieb tal-vettura spazjali u jidħol fid-dlam infinit? “Dan huwa l-Maġġur Tom lill-Kamra tal-Kontroll / Qed ngħaddi mill-bieb / U qed niggalleġġa bl-aktar mod partikolari / U l-kwiekeb jidhru differenti ħafna llum.” Erbgħin sena wara, xi ħadd isibu mejjet u ttrasformat f’ġebla.
Matul ħajtu kollha David Bowie interpreta l-mutant, l-aljen, il-viżitatur. Fil-film ta’ Nicholas Roeg tal-1976, The Man Who Fell to Earth, Bowie, bl-isem ta’ Newton, jiġi fid-dinja minn pjaneta mbiegħda, fejn in-nixfa qed thedded l-estinzjoni totali. Huwa ħalla lil martu u lil uliedu fuq il-pjaneta mbiegħda tiegħu u wiegħed li jirritorna biex isalvahom min-nixfa qerrieda. Għalkemm huwa d-detentur ta’ għarfien teknoloġiku avvanzat, huwa jisfa megħlub mill-brutalità tal-bnedmin. Newton jista’ jara l-futur, iżda l-futur iċċarrat, għalhekk jinbidel f’Bowie u jibqa’ mwaħħal fuq il-pjaneta Dinja, iddisprat u waħdu, mingħajr possibbiltà ta’ ħruġ.
Mysterium Coniunctionis
Wara biljuni ta’ snin ta’ evoluzzjoni, is-sustanzi inbidlu fi kliem. Wara li kkombinaw u rrikkombinaw l-atomi għal għadd ta’ eoni, f’ċertu punt (inċert) il-materja daħlet fiċ-ċiklu tas-sinifikazzjoni. Il-gwerer, l-imħabba, l-eċitament, u l-eleganza segwew, u organiżmi sensittivi telqu jimxu id f’id fuq il-pont li jittraxxendi l-abbiss primordjali tan-nuqqas ta’ tifsir. Għalhekk semmejna l-millennji u bqajna fil-quċċata tal-għolja, inħarsu bit-tama għal dawl fil-bogħod.
Imbagħad kollox ixxejjen bħala effett tal-aċċelerazzjoni, u issa s-sinjali umani qed jerġgħu lura għall-magma oriġinali tagħhom, fejn id-dawl jiddi għall-ebda għajn u l-informazzjoni hija eternament siekta. Fraġli hija l-arkitettura tal-ferħ u tqila hija l-arkitettura tad-dipressjoni, kif kulħadd jaf. Ilkoll nafu mill-esperjenza li d-dija tiddellel faċilment, filwaqt li d-dlam li jirriżulta mhux daqshekk faċli neliminawh.
Ejjew naħsbu dwar l-oxxillazzjoni bejn id-dlam u d-dija fl-istorja tal-movimenti soċjali. Ejjew naħsbu dwar l-isplużjoni f’daqqa ta’ ewforja fl-insurrezzjonijiet urbani, fil-kooperazzjoni sovversiva, fil-ħolqien kondiviż, fl-okkupazzjoni illegali, u fl-okkupazzjoni fit-tul ta’ bini, toroq u pjazez. Moviment soċjali huwa essenzjalment illużjoni kondiviża ta’ simpatija fost organiżmi konxji u sensittivi li jingħaqdu flimkien fi proċess soċjali.
Is-soċjetà hija sfera immaġinarja fejn proċessi differenti ta’ sinifikazzjoni jintisġu flimkien u jinterferixxu. L-organizzazzjoni simbolika ta’ din l-isfera immaġinarja hija effett tas-sinifikazzjoni.
Jiena niddefinixxi “sinifikazzjoni” bħala l-bini ta’ pont ta’ illużjonijiet kondiviżi fuq l-abbiss tal-assenza tat-tifsir. Ir-realtà, għall-kuntrarju, tista’ tiġi deskritta bħala l-projezzjoni psikodinamika ta’ flussi mentali bla għadd li jintisġu flimkien u jaqsmu ’l xulxin, u li jibnu kastelli ta’ lingwa li nsejħulhom b’ismijiet differenti: ċivilizzazzjoni, storja, rivoluzzjoni, komunità.
L-iskuntentizza teżisti — dan huwa faċli biex tifhmu. Huwa iktar diffiċli li wieħed jasserixxi x’inhi l-kuntentizza, u jekk fil-fatt teżistix xi mkien. Nistgħu nargumentaw li l-kuntentizza hija perċezzjoni vaga tal-armonija tal-jien intern mal-fluss kontinwu tal-perċezzjoni, u kif ukoll is-sinkronija f’daqqa u każwali ta’ vibrazzjoni singulari mal-logħba kosmika. Il-Kristjani jsejħu dan l-istat “grazzja”. Aħna nesperjenzaw il-kuntentizza bħala s-sospensjoni konxja tad-dehra tal-abbiss. F’dawk il-mumenti ta’ sospensjoni, aħna nistgħu nibnu xi ħaġa: pontijiet fuq l-abbiss innifsu.
In-nuqqas ta’ bażi, il-vojt, u d-dekompożizzjoni tal-persuna fiżika: dan huwa l-abbiss li l-bnedmin kollha qed jesperjenzaw. Iżda n-nisa u l-irġiel jistgħu jimxu ferħana fuq dan l-abbiss jekk jifhmu li l-ħbiberija tinsab fil-ħila li taqsam l-illużjoni tat-tifsir. Meta l-illużjoni tat-tifsir tigi kondiviża, ma tibqax illużjoni: issir realtà. Il-pont fuq l-abbiss huwa d-djalogu li jippermetti l-kondiviżjoni ta’ viżjoni, ta’ aspettattiva, ta’ intenzjoni. Dan id-djalogu huwa bbażat fuq ritornelli ta’ rbit ta’ xejn, u jeħlisna mill-biża’ li ma nkunux. Li ninħelsu mir-rieda li ngħixu hija l-kundizzjoni biex sa fl-aħħar inkunu ħajjin. Il-pont fuq l-abbiss tan-nuqqas ta’ tifsir jista’ jieħu ħafna forom: l-imħabba, it-tenerezza, il-ħolqien kollettiv, l-alluċinazzjoni, u l-moviment. Dawn il-forom iwelldu l-esperjenza fiżika tat-tifsir.
It-tifsir mhuwiex preżenza, iżda esperjenza. It-tifsir huwa effett tas-sinifikazzjoni li ma jappartjenix għan-natura, iżda jeżisti biss fil-kuxjenza: kompożizzjoni galleġġanti ta’ flussi newroloġiċi, ta’ materja tal-ġisem u psikoloġika li tieħu forma. Il-ħbiberija hija l-kundizzjoni għall-esperjenza — l-eżistenza — tat-tifsir .