Blajt riħ. Kemm nobgħod. Għal xi l-erbgħa ta’ waranofsinhar ħadt żewġ Panadol u rqadt, u issa kważi s-sebgħa. U barra d-dlam. U nħossni diżorjentata, bi wġigħ ta’ ras u ħalqi xott. Għal mument, ma nafx fejn jien. Għal mument, għadni fil-kamra tas-sodda ta’ tfuliti f’Malta fid-disgħinijiet, imgeżwra taħt il-kwilt blu stampata bid-dniefel, għax kont iffissata fid-dniefel u l-baleni, u xtaqt li kont sirena. Għal mument, qiegħda fl-1995 fis-sodda għax ma mortx skola għax ma niflaħx, u l-qniepen tal-knisja qed idoqqu l-Ave Marija, u ommi qed issajjar il-minestra. Toqol konfuż. Le. Jien hawn. Londra. Fis-sodda tiegħi Londra u qegħdin Ottubru, u jien ma niflaħx, u R qed jagħmel it-te. Suppost kelli naħdem illejla imma ċempilt sick. Bilkemm niflaħ nitkellem. Inqum bilqiegħda fis-sodda, naqra Intermezzo ta’ Sally Rooney.
Ma nafx għala hawn daqshekk disprezz lejha. Xogħolha intelliġenti. Il-karattri tagħha osservati sew u kumplessi. Dan l-aħħar rumanz, stilistikament differenti. Stream of consciousness postmodern. Sentenzi ħesrem. Inverżjoni fis-sentenzi tas-suġġett u l-oġġett. Karattri kkonċernati bl-effett tagħhom fuq id-dinja, u fuq nies oħra. U Dublin. Għandi nostalġija sabiħa għal dik il-belt li għext fiha matul l-ewwel sena li għamilt lil hinn minn Malta. Rooney issemmi l-Workman’s Club u toħodni lura erbatax-il sena. Jien u sħabi nħejju biex noħorġu s-Sibt filgħaxija, kollha fil-kamra tiegħi. Nixorbu l-gin & tonic. Nagħmlu xagħarna u l-makeup. Ir-ritwal tal-preparazzjoni kważi iktar importanti mill-ħarġa nnifisha. Il-Pixies għaddejjin fl-isfond, minn ġol-ispeaker. Ashtray tfur. Riħa ta’ sigaretti u inċens. Liebsa libsa blu. Xagħri folt, il-frenża naqtagħha jien stess bl-imqass tal-kċina. Liebsa l-kalzetti ħoxnin, għax Dublin dejjem bard. Żarbun ċatt ħalli nkun nista’ niżfen. Xufftejja ħomor. Tlaqna, nirkbu l-karozza tal-linja lejn il-Workman’s. Il-Liffey sabiħa għaġeb billejl, il-qamar ileqq fl-ilma. Long Island Iced Teas, niżfnu għal Joy Division, New Order, The Smiths. Jekk xi ħadd isaqsini għan-numru tal-mobile u ma rridx nerġa’ narahom, nagħtihom numru b’ieħor u ma jiddispjaċini xejn. Erbgħa u għoxrin sena u għadni nibda. Ħadd ma jistennieni nidħol id-dar. Il-kamra tas-sodda għandha tieqa b’veduta tat-triq u billejl norqod waħdi ġo sodda kbira. Il-kamra li dak iż-żmien stajt tikriha għal €350 fix-xahar; illum il-ġurnata ’qas tibda bihom. Ħdejn is-sodda, xkafef mifqugħin rumanzi u poeżija, xemgħat u ritratti tal-familja. Matul il-ġimgħa nimxi lejn l-università u kull filgħodu ngħaddi minn quddiem il-plakka ta’ Leopold Bloom fi Clanbrassil Street. Nixrob il-kafè. Niekol bl-irħis. Tiġieġ bil-curry tal-bott. Spaghetti bil-pesto tal-bott. Toast bil-baked beans tal-bott. Naqra Ulysses (nipprova). Nikteb it-teżi fil-librerija tal-università. Nixrob il-Guinness. Inħoss id-dinja tinfetaħ quddiemi.
30 ta’ Ottubru 2024
Dalgħodu lmaħt ix-xemx u mort nimxi, u mnalla. Nimla mnifsejja bl-arja friska, kiesħa. Niċċaqlaq. Pass wara pass, dejjem ’il quddiem. L-ispettaklu tal-weraq nieżel. L-għadira qisha miżbugħa bl-akkwarelli. Hemm mara, miexja bil-kelb, kommossa daqsi — kif taqbiżni tgħidli, “Xi ġmiel hawn, hux?” Iva! Nimxi. Nibqa’ miexja, indur mal-kjosk tal-banda fejn hawn koppja jiżfnu t-tango. Il-fjuri salvaġġi saru kannella u nixfu; tapit ta’ weraq aħmar u dehbi taħt saqajja. Nimxi. Jekk trid tħossok kuntenta trid timxi, trid tara l-ħajja tirsisti.
15 ta’ Novembru 2024
Irrid ftit qastan.
Għandi, fil-kċina.
Ħa nitfagħhom fil-forn.
Issa sajjarthom.
Issa kilthom.
Kemm kienu tajbin.
6 ta’ Diċembru 2024
Lestejt The Forbidden Notebook ta’ Alba de Cespedes. Għoġobni ħafna. Ippubblikat l-Italja fl-1952, huwa l-istorja fittizja ta’ Valeria Cossati, mara miżżewġa ta’ mezza età, b’żewġt itfal adulti, taħdem f’uffiċċju. Ħajjitha saret ripetizzjoni, eku bla tmiem tal-istess dmirijiet banali, l-istess ġesti mrażżna. Hija priġuniera tad-dinja tagħha stess — dinja ta’ domestiċità, ta’ obbligu, ta’ sagrifiċċju. Għandha familja, iżda m’hemmx post għaliha nnifisha fid-dar. L-ebda kamra li tista’ ssejħilha tagħha. Il-ħitan jagħlquha, u darba minnhom, il-Ħadd filgħodu, tagħmel kapriċċ u tixtri djarju bil-qoxra sewda. Fih, se tikteb is-sigrieti tagħha — il-ħsibijiet tagħha, is-sentimenti tagħha, dawk l-affarijiet li ilhom repressi taħt il-piż tal-maternità, tal-ħajja tagħha bħala mara.
U hekk, fil-privatezza ta’ moħħha stess, Valeria tiskopri xi ħaġa li tissorprendiha: li għadha, fil-mod tagħha, sabiħa. Għadha mara kapaċi li tixxennaq, li trid, li tidher. Kemm ilu ma jħares xi ħadd lejha? Tikteb dwar li għadha kreatura tad-demm u l-laħam, minkejja snin ta’ negliġenza. Ġisimha, li darba kien tempju tax-xewqa, issa jħoss id-dell tax-xjuħija. Madankollu hemm hi, moħbija fil-kitba tagħha, dik it-teptipa konxja tal-ħajja, tifkira tal-vitalità midfuna taħt il-piż ta’ ħajjitha.
Tikteb ukoll dwar ir-relazzjoni tagħha ma’ ommha, u dwar bintha, u fl-att tal-kitba tibda tħoll il-ħjut li jorbtuha magħhom. X’tistenna minnha s-soċjetà bħala omm, bħala bint — dawn l-affarijiet mhumiex sempliċi daqskemm ħasbet. Issa tara li r-rabja u l-moralità jservu bħala tarka li tintuża biex tbiegħed minnha nnifisha x-xewqat tagħha stess; dawk ix-xewqat li qatt ma ffjorixxew mill-ħamrija ta’ ħajjitha. Ix-xewqa, dik il-ħaġa perikoluża, tant ilha repressa li tinħass marda.
Iżda fil-kitba tagħha tiskopri xi ħaġa radikali: il-libertà li terġa’ tikseb il-partijiet tagħha nnifisha li nxterdu, intremew, intesew. Li tkun sabiħa, li tħoss il-ferħ, li timxi fid-dinja u tidher. Id-djarju, allura, isir iktar minn kenn. Isir att ta’ sfida kontra dinja li titlobha tkun ċkejkna u siekta.
1 ta’ Jannar 2025
“It-tgawdija tas-sbuħija għandha kwalità speċjali ta’ sentiment li huwa kemxejn intossikanti. Is-sbuħija m’għandhiex użu ovvju, u lanqas mhu faċli li wieħed jara għaliex hija meħtieġa għaċ-ċivilizzazzjoni; iżda ċ-ċivilizzazzjoni tkun inkonċepibbli mingħajrha.”
–minn Civilisation and its Discontents, Freud
3 ta’ Jannar 2025
Meta nqum, niftaħ il-purtieri u s-silġ ileqq fuq il-bankina ta’ faċċata. Ix-xemx tiddi. Hawn intensità ta’ dawl u bard. Fil-park, kull werqa, kull biċċa ħaxix, irrakmata bil-ġelu. L-għanqbutiet imdendlin miz-zkuk tas-siġar saru ġiżirajjen tad-djamanti. Nara nifsi ħiereġ, abjad, minn ħalqi. Widnejja sħan taħt il-beanie. Inħobbhom dawn il-ġranet: il-luċidità tax-xitwa, l-arja safja ta’ Jannar. Id-dar nixgħel il-heater, niknes, nimsaħ l-iskrivanija bi spray riħa ta’ larinġ. Nagħmel kikkra te. Nixgħel xemgħa. Naħdem.
5 ta’ Jannar 2025
Xtaqt li kieku baqgħet il-borra. Xtaqt li kellna l-opportunità nilbsu l-iktar ħwejjeġ isaħħnu li għandna u noħorġu nimxu fis-skiet li jġib miegħu s-silġ. Imma dalgħodu dab kollox. Xita, minflok. Nibqgħu ġewwa. Insajru l-bacon u nixorbu l-kafè u nintefgħu naqraw fis-salott. Nispiċċa The End of the Affair, ta’ Graham Greene. Nammira kif Greene jinseġ mistoqsijiet ta’ twemmin fi storja li hi fl-aħħar mill-aħħar dramm domestiku — l-ansjetajiet banali tal-midinbin jelevahom fi kwistjoni metafiżika. Fid-disperazzjoni tal-protagonist Bendrix, Greene jinterroga l-inkonsistenza tal-fidi; jippożizzjona lil Alla bħala l-akbar “Ieħor” ta’ kull relazzjoni umana — l-għoqda li tittriangola kull dwett. Xogħol intimu ħafna, kronaka ta’ għira u niket.
4 ta’ Frar 2025
Ħolma stramba dal-lejl. Qed naħdem f’edifiċju kbir, b’ħafna uffiċini u mijiet ta’ impjegati. Kulħadd qisu jistkerrahni, u ma nafx għala. Minn ġot-tannoy nisma’ leħen: “Davinia Hamilton, għandna messaġġ għalik. Ejja sar-reception.” U allura nimxi sar-reception. Mixja twila, ħafna kurituri u lifts. Iżda meta nasal, il-mara fir-reception tgħidli, “Le, ħi. Il-messaġġ mhux għalik. Għal Davinia Hamilton oħra.” Jien xettika. “Imma żgur? Possibbli hawn Davinia Hamilton oħra taħdem hawn?” Imma tinsisti li le, il-messaġġ mhux għalija. M’hemmx x’tagħmel. Naqbad il-mixja lura għall-uffiċċju tiegħi, u fl-aħħar inpoġġi mal-iskrivanija. Jerġa’ l-leħen: “Davinia Hamilton, kellek raġun. Il-messaġġ fuq kollox għalik kien. Erġa’ ejja r-reception.” Imma nżabbab issa, għandi x’nagħmel. Immur meta nkun komda jien, mhux meta jgħiduli huma.
Kif tispiċċa l-ġurnata tax-xogħol, hekk kif inkun ħierġa biex immur lura d-dar, inħares lejn xi kollegi tiegħi u bejni u bejn ruħi naħseb, “Ara, dawn ’qas naf x’jisimhom.” Nimxu flimkien lejn l-istazzjon tat-Tube. Jidħqu bejniethom. Inħossni waħdi ħafna. Ngħaddu minn fejn ħanut tax-xorb u jistaqsuni nistax nidħol nixtrilhom żewġ fliexken whiskey. Ħeqq, ok hux; nidħol. Naqbad żewġ fliexken u noħodhom għand tal-counter, u din tistaqsini għall-ID. Noħroġ il-kartiera, imma nsibha vojta. Mhix hemm. Ma jimpurtax; nista’ nuriha ritratt tal-passaport fuq il-mobile. Imma lanqas dak ma nsib. Niftakar li għandi album fejn suppost hemm ritratt tal-karta tal-identità, imma meta niftaħ l-app, kulma nsib hu ritratt t’idi x-xellugija. Inqum.
Qed naqra In the Margins ta’ Elena Ferrante, u naħseb dwar il-forom tad-djarju u tal-esej, u l-użu tal-ewwel persuna. Perspettiva li nsibha komda, anki meta qed nikteb finzjoni, imma xi kultant tista’ tillimitak. Ferrante tiddistingwi bejn żewġ tipi ta’ kitba: kitba TAJBA li trebbħek il-premjijiet; u dik li hi ħafna iktar rari — il-kitba VERA. Issemmi kwotazzjoni ta’ Virginia Woolf, li tikteb dwar konverżazzjoni ma’ Lytton Strachey fejn tgħid li, meta tkun qed tikteb ir-rumanz tagħha, iddaħħal idha (idha x-xellugija?) “in the bran pie” u tqalleb bl-għama. Togħġbu, lil Strachey, din l-analoġija. U Woolf tkompli tgħidlu, “Iva, jien għoxrin ruħ”. Ferrante tosserva kif dak li jinqabad fin-nassa tal-kitba ma jgħaddix “mill-għarbiel tal-Jien singulari”. Il-kitba mhix sempliċiment dokumentazzjoni tal-ħajja kif inhi preċiża, imma polifonja li tingħata l-illużjoni ta’ vuċi waħda. Il-Jien tal-kitba hi suġġettività distinta, u din tfakkarna fid-distinzjoni li jagħmel Lacan bejn is-suġġett li jitkellem u s-suġġett tas-sentenza. U Ferrante tgħid: “Il-kittieba m’għandhiex isem. Hi pura sensibbiltà u ssostni ruħha bl-alfabett.”
Min hi din, issa, li qed tikteb dad-djarju? Min hi din, issa, li qed taqrah? Il-Jien tersaq mill-pinna tiegħi għal ġo moħħok — u fejn nispiċċa jien, il-kittieba? U fejn tibda int, il-qarrejja? Hawn messaġġ għalik. Le, mhux għalik; għalik l-oħra. Li fuq kollox tfisser int. Lanqas biss naf x’jismek.
5 ta’ Frar 2025
Lill-psikanalista llum niddeskrivilha l-ħolma tal-bieraħ, u nitħasseb dwar ir-ritratti suppost tal-ID. U nistaqsi, għala idi? F’daqqa waħda l-kelma “id” naraha bil-Malti.
Kemm nidħaq bil-qalb .