Immur in-National Theatre, nara Mnemonic tal-Complicité. Meditazzjoni fuq il-memorja, fuq l-oriġini, fuq l-imħabba. Nieħu gost nara lil Khalid Abdalla, attur li tant inħobb u nirrispetta, fuq dak il-palk. Meta niftakru xi ħaġa li tkun ġrat, qatt ma nkunu qegħdin niftakru l-ġrajja nnifisha; niftakru memorja ta’ memorja ta’ memorja tal-ġrajja — u l-memorja u l-immaġinazzjoni huma l-istess proċess. Jekk ma tistax tiftakar il-passat, jgħid il-persunaġġ ta’ Abdalla, ma tistax timmaġina l-futur. Dan l-aħħar qed naħseb ħafna dwar x’tip ta’ futur jista’ jkollna — l-aħbarijiet jindikaw li l-futur ħa jkun ikrah. Mimli katastrofi u traġedji, mard, sħana, ilma, bard, mewt. Imma jekk forsi nistgħu nimmaġinaw futur differenti — lil hinn mir-regħba tal-kapitaliżmu, mibni fuq solidarjetà, fuq umanità, fuq imħabba… forsi nistgħu niftakru li għad hemm raġunijiet biex nitqabdu għal futur aħjar. Mhux kollox mitluf.
21 ta’ Lulju 2024
Inqum u nsajjar il-kolazzjon għalija u għal R. Xakxuka u ħobż frisk, larinġ u kafè tajjeb li xtrajt mill-ħanut ta’ ħdejna lbieraħ. Nieklu, nilbsu, noħorġu. Naqbdu t-Tube sa Morden Hall Park, li bħalissa qed ifur ħadrani bil-fjuri u ħaxix selvaġġ. L-arja niedja u ħajja bil-ħsejjes tal-annimali li jgħixu hawn. Ħin minnhom nara ħaxixa m’ogħla hawn, biz-zokk oħxon u tundjatura fjuri bojod. Għall-ewwel naħsibha Heracleum mantegazzianum (giant hogweed) u nieħu qatgħa, għax dik perikoluża ħafna. Tant, li meta taraha trid tirrappurtaha lill-kunsill lokali biex jiġu jeħilsu minnha. Jekk tmissha tista’ tagħmik, u tikkawżalek fitofotodermatite permanenti — jiġifieri fejn tkun għamlet kuntatt mal-ġilda, jekk dik il-parti tara x-xemx, tinħaraq u titlagħlek nuffata. Dil-ħaxixa relikwa tal-kolonjaliżmu u l-Imperu Ingliż. Tikber fil-Kawkasu, imma bħal ħafna pjanti oħra li ssib hawn ġiet impurtata fl-Ewropa fis-seklu dsatax bħala novità għall-ġonna tal-borgeżija. Fl-era Vittorjana, fil-quċċata tal-Imperu, kienu għamlu karriera jieħdu l-pjanti mill-kolonji sabiex joħolqu ġonna spettakolari fl-Ingilterra. Għamlu ħsara kbira lill-bijodiversità meta introduċew dawn l-ispeċijiet invażivi, bħall-giant hogweed, għad-detriment tal-ispeċijiet nattivi. Il-giant hogweed l-ewwel li ġiet iddokumentata fl-Ingilterra kien fl-1817, meta tpoġġiet fuq il-lista ta’ żrieragħ ta’ Kew Gardens. F’episodju riċenti ta’ Blindboy Podcast, jispjega kif il-ħakkiema Protestanti fl-Irlanda fis-seklu dsatax kienu jużaw il-giant hogweed minflok ħitan, billi jqegħduhom madwar l-art privata tagħhom — li kienu, ovvjament, serquha mill-Irlandiżi. Kienu jafuhom sew l-effetti koroh ta’ dil-pjanta, u fil-fatt għalhekk użawha — biex jekk xi Irlandiż jipprova jidħol jieħu lura artu, iweġġa’ b’mod permanenti.
Infittex fuq Google: “Giant Hogweed Morden Hall Park”, u nsib sit li jgħid li hawn ma tikbirx; minflok hawn il-cow parsley (is-sorfolja salvaġġa, jew Anthriscus sylvestris) li tixbah ħafna lill-giant hogweed, imma mhix perikoluża. Id-differenza, skont das-sit, hi li l-giant hogweed ħafna itwal mill-cow parsley. Ma nafx jien, imma li qed nara quddiemi fihom fuq sitt piedi. Itwal minni. Ma rridx nieħu riskju, u allura nersqu ’l bogħod, u nagħmel rapport fuq is-sit tal-kunsill biex jiġu jaraw huma.
R jipponta lejn is-sema. Hemm żewġ astuni ħomor itiru. Jiġbdilhom erba’ ritratti qabel ma jkomplu jtiru ’l hemm. Xtaqna naraw il-bies (magħrufin bħala Maltese Falcons) li nafu li hawn bejta tagħhom hawn das-sajf. Imma jevaduna. Minflok, naraw: malvizzun prim, malvizz iswed, bumistur, spanjulett, rundun, margun, ċawl u, ovvjament, pitirross.
29 ta’ Lulju 2024
Nagħmel sagħtejn xogħol mid-dar, imbagħad nimxi għaxar minuti sal-kafetterija biex forsi nikteb xi ħaġa hemm, għax id-dar mhux jirnexxili nikkonċentra. Inħossni mdejqa, avolja ħarġet ix-xemx. Kulħadd brat summer, imma d-dipressjoni mhix brat.
30 ta’ Lulju 2024
Sħana. Illum telgħet 32°C. Naħdem fuq il-mejda maġenb it-tieqa miftuħa beraħ. Nitfa’ load fil-magna. Il-ħoss tal-magna jwennisni. Ma nafx għala.
1 ta’ Awwissu 2024
Awwissu. Iż-żmien bħal blata titgerbeb għan-niżla. Immur nagħmel test tad-demm u jdumu kwarta biex isibuli vina. Il-labra jdawruha u jgħawru biha u jolqtuli nerv. Fl-aħħar joħroġ id-demm. Idi titbenġel. Nixtieq li kont waħda minn dawk li jemmnu fl-astroloġija. Nixtieq nemmen li d-destin preskritt, u jien kulma rrid nagħmel nirkeb, nilbes is-seat belt u nitlaq.
4 ta’ Awwissu 2024
Inqum fis-sebgħa avolja l-Ħadd, u ma jirnexxilix nerġa’ norqod. R qiegħed Glendalough għal konferenza. Waħdi fl-appartament. Inbill l-ottini fil-kafè u nintefa’ nikteb mis-sodda. Fit-toroq ħarġu l-faxxisti jirvellaw. Ninkwieta dwar il-futur. Ninkwieta ħafna.
5 ta’ Awwissu 2024
Fil-ħanut insib il-ful frisk, u nixtri nofs kilo biex nagħmel il-kusksu. Għall-kolazzjon, nixwi biċċa ħobż u nidlikha bl-irkotta, u nikolha bil-ful nej. Fuq il-borża tal-ful jgħidlek “qis li ssajjarhom qabel ma tikolhom”. Boqq. Jien, bħall-Maltin kollha, ili niekol il-ful nej minn mindu kont żgħira.
7 ta’ Awwissu 2024
Il-faxxisti jkomplu jirvellaw. Jippruvaw imorru jħarbtu Walthamstow, imma noħorġu kotra antifaxxista u nwaqqfuhom. Inħoss forza elettrika, nimmarċja ma’ sħabi. Le għall-faxxiżmu. Dil-belt tagħna. Ma naċċettawx. Ma naċċettawhiex dil-mibegħda vjolenti. Niddiżgusta ruħi bil-midja jirreferu għall-irvell bħala “Pro-British Protests”, minflok ma jgħidu x’verament hu: razziżmu, estremiżmu, Iżlamofobija. Niddiżgusta ruħi bil-politikanti jiskandalizzaw ruħhom, daqslikieku m’ilhomx għexieren ta’ snin huma stess jimbuttaw l-aġenda kontra l-immigrazzjoni.
8 ta’ Awwissu 2024
Dalgħodu mort għax-xogħol volontarjat. N tgħidli li qed tibża’. Tibża’ toħroġ fit-triq. Tibża’ fil-lukanda fejn tgħix. Ħarbet mill-gwerra f’pajjiżha, ġiet hawn, u xorta tħoss li ħajjitha fil-periklu. Id-dinja tinħass f’xifer id-diżastru. Faxxiżmu fl-Ingilterra. Ġenoċidju fil-Palestina, fis-Sudan, fil-Congo. Uragani. Nirien. Dulluvji. Lin-nies li jipprotestaw it-tibdil fil-klima jwaħħluhom snin twal il-ħabs. Trump ħa jerġa’ jirbaħ. Transfobija fl-Olimpjadi.
Illejla: zunnarija l-forn immarinata bl-għasel u s-soy. Is-soundtrack tal-White Lotus. Ħafja. Żiffa ħelwa. Te tal-bużbież. Noħlom. Niddispra. Noħlom.
12 ta’ Awwissu 2024
Fl-aħħar għandi skrivanija. Xtrajtha u armajtha u poġġejtha fl-ispazju bejn is-sodda u l-ħajt. Żgħira, imma tiegħi.
16 ta’ Awwissu 2024
Ngħid lil S li qed inħoss id-dipressjoni titqawwa. Tissuġġerili naqra l-esej On Lying Fallow, ta’ Masud Khan. Jiddeskrivi l-esperjenza ta’ “lying fallow” — metafora agrikola fejn art tkun maħruta imma mhux miżrugħa. Din hi deċiżjoni attiva min-naħa tal-bidwi, li jaf li l-ħamrija trid tistrieħ, li m’għandniex nużawlha n-nutrijenti kollha. Khan jgħid li anki aħna rridu nsibu żmien fejn inkunu “fallow”, mistrieħa. Irridu noħolqu “stat tranżitorju ta’ esperjenza, mod ta’ kewn li hu kwetudni allertata…” Stat ta’ mistrieħ, imma mhux ta’ għażż jew ħela ta’ ħin. Mistrieħ, imma miftuħ għad-dinja. Immur mixja fil-park. Nipprova nkun miftuħa għall-pjaċiri ż-żgħar li toffrili l-mixja. Iċ-ċawla fuq il-ħaxix maż-żgħar tagħha, tgħallimhom ifittxu l-ikel. Ir-russett ħdejn l-għadira li kien jimxi hawn mas-sieħba qabel ma mietet is-sena l-oħra, u issa jiġi waħdu. Il-pitirross li, avolja mistħi, isegwik miexja qalb is-siġar.
17 ta’ Awwissu 2024
Noħroġ ma’ sħabi. M tagħlaq sninha; immorru nieklu f’restorant Lebaniż. Noqogħdu bilqiegħda barra. Fl-aħħar nofs siegħa, tibda xita ħafifa li tkessaħ l-arja. Nibqgħu fejn aħna, nieklu kejk tal-lumi u nixorbu t-te. Iktar tard, nimxu fix-xita lejn id-dar. Taħt id-dawl tal-lampi kollox jidher imsaħħar. Id-djar Vittorjani ta’ Kennington, is-siġar, il-qamar, ix-xita u jien, miexja ma’ sħabi.
20 ta’ Awwissu 2024
“Ħalli l-mistoqsijiet imexxuk, mhux it-tweġibiet,” jgħidli R.
21 ta’ Awwissu 2024
Volontarjat. Illum għandi f’ħoġri tarbija ta’ sitt xhur minn Gaża. Evakwati għall-Eġittu f’Jannar; l-omm tqila. Lit-tarbija u ommha jħalluhom jidħlu l-Ingilterra bħala refuġjati; lill-missier le. Għax refuġjati, ma jistgħux jerġgħu jidħlu l-Eġittu, fejn qiegħed il-missier. L-omm, li għandha biss xi għoxrin sena, waħedha tieħu ħsieb tarbija, f’pajjiż fejn ma taf ’il ħadd.
28 ta’ Awwissu 2024
Tħossok għajjiena, kważi fis-sakra, wara nofstanhar mimduda għax-xemx, tgħum fl-ilma kiesaħ, tiekol l-għeneb u d-dulliegħ u l-galletti bid-dipp tat-tonn. Kuntenta li M ikkonvinċietni niġi magħha. L-aħħar ftit jiem tas-sajf f’Londra; l-ewwel u l-aħħar darba li se ngħum dis-sena, f’pixxina pubblika ġewwa Crouch End.
5 ta’ Settembru 2024
Spiċċa s-sajf. It-temp qaleb f’daqqa. Skont l-aħbarijiet, minn issa ’l quddiem ġej il-bard. Ix-xita dalgħodu. Id-dwal tal-karozzi riflessi fl-għadajjar. It-tisfir tat-tajers fuq it-tarmak. Bilqiegħda mal-iskrivanija, liebsa kalzetti tas-suf. Ġejja l-ħarifa. Ġranet qosra. L-għabex fl-erbgħa ta’ waranofsinhar. Riħ. Ġerżijiet. Kpiepel. Xalel. Xemgħat. Skuża biex noqgħod id-dar naqra, nikteb. L-ispettaklu tal-mewt fin-natura: is-siġar lewn in-nar; l-għasafar fuq zkuk għarwenin, il-brimba fil-kantuniera tas-salott, weraq niexef mal-art, l-iskojjattlu jittallab. Kollox jibda. Kollox jintemm. Kollox jinbidel. Anki l-ferħ. Anki n-niket .