Djarju #2
Davinia Hamilton

Tistgħu tgħiduli min jien?

Davinia Hamilton

Ġejt Għawdex għal btala ma’ wħud minn sħabi ta’ Londra. Ilna ngħidu ftit li rridu mmorru btala flimkien — xi mkien għas-sħana, fejn hemm l-ikel bnin u l-inbid tajjeb, u fejn nistgħu mmorru nimxu għax-xemx u niddiskutu d-dinja. Sibnieha ftit diffiċli nsibu xi mkien mhux għali infern — il-Greċja, Sqallija, il-Marokk, il-Kroazja. Xi ħadd minn sħabi fl-aħħar qal, “Naf li din forsi xi ftit awkward għax pajjiżek, imma Malta qisha destinazzjoni perfetta, le?”

Vera awkward, imma kellhom raġun. Sibna farmhouse l-Għarb għal prezz raġonevoli, qtajna l-biljetti tal-ajru, u hawn aħna. Dejjem inħossni ftit stramba meta sħabi barranin jiġu miegħi Malta. Ħassejtha ħafna din speċjalment fil-bidu tar-relazzjoni ma’ R. Stħajjiltu meta qiegħed Malta qed jara xi ħaġa intima ħafna. Stħajjiltni jien meta lil xi nies ngħidilhom li nistudja l-psikanaliżi u jisktu f’daqqa jew jgħidu xi ħaġa speċi, “allura, qed taqrali moħħi?” (Nixtieq.) U mbagħad jiftħu qalbhom miegħi, jgħiduli dwar tfulithom, jitolbuni nispjegalhom għalfejn ibatu. “Għidli għala jien kif jien. Lil sħabi nurihom art twelidi u nħossni donni qed nitlobhom, “Issa la qegħdin hawn fejn trabbejt; issa la qed tieklu l-ikel li tant inħobb; issa li mixjin fit-toroq ta’ tfuliti, ixxommu l-arja mielħa, taraw dawn l-ikoni reliġjużi kull fejn tħarsu, taraw niesi: tistgħu tgħiduli min jien?”

U nieħu pjaċir vigarju, narahom jesperjenzaw din l-art għall-ewwel darba. Nara lil Malta kif jarawha huma: ġdida, iddifamiljarizzata, ġabra ta’ mumenti, ta’ oġġetti; parzjali, mhux sħiħa, mhux entità ħa tiblagħni. Naraha b’għajnejn ġodda u hi ġmiel. Ġenna. Kif qatt tista’ titlaqha ’l dil-gżira? Hi żgur qatt ma titilqek. U issa jien taparsi gwida, ngħidilhom l-aneddoti, nispjegalhom l-istorja ta’ din l-art (avolja ma tantx nifhem) u nirrikkmandalhom il-bajjiet, is-siti turistiċi, il-pastizzi. U issa jien responsabbli għad-divertiment ta’ kulħadd. Qisu meta tistieden in-nies id-dar imma fuq skala nazzjonali.

Qed nieħdu pjaċir. Avolja pjuttost bard, u qam ir-riħ. Apparentament, il-ġimgħa l-oħra għamlet is-sħana. Oħti tgħidli li ġibna t-temp ta’ Londra magħna. Mhux sħana biżżejjed għall-għawm. Minflok, immorru nimxu. Nimxu mal-irdum tal-Għarb, nieħdu r-ritratti tal-baħar imqalleb, nisimgħu l-għasafar jgħannu. Hawn ħafna qerd in-naħal bħalissa, u għasafar tal-bejt bħal dejjem, zakak u pespus. Nimxu lejn iċ-ċentru tal-Għarb, nixtru l-ikel mingħand il-grocer (sħabi ffissati fil-ħelwa tat-Tork). L-ikel frisk u bnin. Nixorbu kafè qawwi filgħodu u nieklu l-ħobż tal-Malti bil-ġbejna friska u l-ful u ħafna bżar. Insajrilhom kapunata jew kusksu, jew naqbdu taxi u mmorru nġibu xebgħa ftajjar mingħand il-Maxokk. Bħali, il-favorita tagħhom il-ftira tal-ġbejniet. Naqbdu l-fast ferry u mmorru ġurnata l-Belt. Filgħaxija nieklu l-ġobon u l-prosciutto u ż-żebbuġ u nixorbu ħafna nbid. Inkantaw karaoke u nippruvaw niddiskutu l-iktar ktieb riċenti ta’ Copjec, imma ma jirnexxilniex nikkonċentraw. Indoqqilhom mużika Maltija għal qalbi: Brikkuni, Djun, Brodu, Xtruppaw, 1905, Michael Azzopardi, Karmaġenn. Niżfnu.


30 ta’ April 2024

Noħlom stramb: morna naraw xi djar fit-Tramuntana ta’ Londra u fil-kamra ta’ fuq kien hemm l-anġli, kollha wiċċ Alexander Skarsgård. Ma nafx xi tfisser.

Filgħaxija wara x-xogħol nesperjenza biċċa teatru immersiv: xogħol ġdid li jsir kollu f’telefonata. L-esperjenza jisimha Lennox Mutual, u taparsi qed iċemplulek minn kumpanija tal-insurance — u skont l-għażliet li tagħmel waqt it-telefonata, tiżvela biċċiet tal-istorja. Jogħġbuni wisq dawn l-esperjenzi innovattivi.


3 ta’ Mejju 2024

Ġurnata twila twila xogħol, erba’ shows wieħed wara l-ieħor. Filgħaxija, imbagħad, jien u R immorru naraw produzzjoni ta’ Bluebeard ġewwa Battersea Arts Centre. Il-produzzjoni mtellgħa minn kumpanija magħrufa, id-direttur hi waħda ta’ stoffa. Bluebeard storja li minn dejjem kienet taffaxxinani. Oriġinarjament miktuba minn Charles Perrault fl-1697, hi l-istorja ta’ mara li tiżżewweġ raġel sinjur u tmur tgħix miegħu fil-palazz tiegħu, ’il bogħod minn familtha. Lejl minnhom, tidħol fil-kamra sigrieta tiegħu, fejn kien wissieha li qatt m’għandha tmur, u ssib l-iġsma tan-nisa kollha li ġew qabilha. Fl-1979, Angela Carter kitbet verżjoni ġdida tal-istorja li tikkunsidra b’mod differenti l-politika tal-istorja ta’ Perrault. F’idejn Carter, Bluebeard issir analiżi tas-sesswalità femminili, u r-relazzjoni u l-poter bejn in-nisa u l-irġiel — fejn għal Perrault il-ħtija kienet tal-mara diżubbidjenti li (bħal Eva u Pandora qabilha) kienet kurjuża żżejjed, għal Carter il-problema tal-istorja hi għalkollox differenti. Carter tuża l-istorja biex tikkritika l-patrijarkat u s-sors tiegħu, li għaliha huwa l-ħarsa maskili li titħanżer bin-nisa u tikkunsmahom. Il-Marquis ta’ Carter hu fetixista skopofiliku li għalih in-nisa huma priża tal-kaċċa. Il-protagonista tara l-ħarsa tar-raġel immultiplikata fil-mirja li jħarsilha minn ġo fihom; taraha wkoll fil-kotba tal-pornografija li ssib madwar il-palazz, fejn tara xbieha ta’ xebba għarwiena mbikkma, tissawwat minn irġiel immaskrati. Il-verżjoni ta’ Carter hi test importantissimu għal-letteratura femminista, u f’daż-żminijiet ta’ wara l-#MeToo, fejn naraw ħafna narrattivi dwar vjolenza fuq in-nisa, hawn post għaliha din l-istorja.

Imma dil-produzzjoni ħallietni ddiżappuntata. L-atturi kienu fenomenali, u apprezzajt l-għażliet stilistiċi li ppreżentaw il-ħrafa bl-estetika taċ-ċirku jew il-cabaret, imma ħassejtni offiża bil-mod goff kif il-messaġġ politiku (u dgħajjef ħafna) — li n-nisa għandhom dritt ikunu siguri meta jkunu mixjin weħidhom — kien qisu miżjud wara. Inħass li qaluh biex sempliċiment ikunu qaluh. Mhix idea ġdida, u mhi radikali xejn. U din hija problema li nara ħafna fit-teatru Ingliż illum il-ġurnata — b’verżjoni fjakka u milquetoast tal-femminiżmu biex tissodisfa l-ħarsa bajda borgiża. In-narrattiva ta’ “walk home safely” hi waħda faċli u affettiva. Ma tantx fiha ħsieb. Ovvja li kulħadd għandu jkollu dritt ikun sigur meta jkun miexi barra. Hija immaġini konvenjenti għax tirreferi għall-periklu pperċeput li lkoll inħossu meta nkunu mixjin weħidna, speċjalment fid-dlam. Imma tinjora r-realtà li, għall-maġġoranza tan-nisa li jiġu vvjolentati mill-irġiel, il-periklu s-soltu ma jinsabx fi triqthom lejn id-dar, iżda fid-dar stess, mill-irġiel li suppost iħobbuhom.


10 ta’ Mejju 2024

Is-sħana waslet ċumm bumm. Filli għadni bil-ġerżijiet tas-suf nixxennaq għal roqgħa xemx, u filli tant hi sħana li bilkemm niflaħha l-libsa perpura ta’ ġewwa. Imma m’iniex ingorr. B’dix-xemx nieħu r-ruħ. B’dix-xemx Londra kollha tieħu r-ruħ. Kemm hi sabiħa dil-belt fix-xemx! Kull min tara miexi barra, jitbissem, ipexpex għajnejh wara n-nuċċali tax-xemx, irewwaħ wiċċu b’idu.

Ma tantx għandi xogħol dalgħodu, tliet sigħat kollox. Wara, nidħol nieħu shower kiesaħ. Nilbes libsa sal-irkoppa u par trainers, u xagħri għalxejn qgħadt innixxfu u nillixxah għax xorta ħa ntellgħu qagħqa fuq rasi, ħa nħoss iż-żiffa ħelwa m’għonqi. Naqra lipstick aħmar u tlaqt ’il barra. L-għasafar orġja llum, kollha jgħannu u jtiru minn hemm għal hawn, minn hawn għal hemm. Ix-xemx tisreġ, is-sema kaħlani bla tebgħa, u s-siġar oxxenità ta’ ħdura. Kulur is-sess. Kulur il-ħajja. Illum sejra niltaqa’ ma’ żewġt iħbieb Maltin li jgħixu hawn. Waħda minnhom stednitna nieklu għandha. Fejn toqgħod għandha bitħa sabiħa mimlija pjanti u pitirrossi u mejda tonda. Nistħajjilna qegħdin Malta. Sajret. Hawn riħa tfuħ ħa taqagħli żaqqi. Fuq il-mejda: platt ħobż frisk, skutella mimlija żejt taż-żebbuġa skur u msaħħab li mid-dehra biss tkun taf li tajjeb sew. Plattina oħra żagħtar, u platt żebbuġ tajjeb minn ta’ Sqallija. Imbagħad, platt risotto bil-kurrat u l-lumi u parmiġġjan tajjeb u ħafna bżar. Tferrgħalna l-inbid abjad kiesaħ silġ, jinżel għasel. Ġranet bħal dawn ngħix għalihom. Il-ħin jinġibed u jestendi; l-ikel tajjeb, il-kumpanija tajba, bix-xemx fuq wiċċi, daqsxejn imxengla bl-inbid. Ix-xemx. Ix-xemx. Ix-xemx kollox.


15 ta’ Mejju 2024

M’iniex insib biżżejjed ħin għall-kitba, u t-telfa qed inħossha sew. Ix-xogħol qed jiġi l-ewwel. U meta nispiċċa u nasal id-dar, kulma jkolli aptit u ħila nagħmel, wara l-faċendi, hu li naqra ftit paġni minn xi ktieb, u nintefa’ norqod. Lanqas TV m’għandi ħajra nara. Ideat kemm trid. Dik li tkiddni. Issa li għandi xi ngħid, m’għandix ċans ngħidu.


16 ta’ Mejju 2024

Illum niltaqa’ ma’ J is-Southbank Centre u nagħmlu sitt sigħat sħaħ niktbu l-ewwel għoxrin minuta ta’ play ġdida. Qed tara? Mhux impossibbli l-kitba meta tkun ippjanata. F’Lulju għandna scratch night ta’ dil-play quddiem udjenza, għoxrin minuta kollox, imma mod tajjeb biex tara x’tip ta’ reazzjoni ħa jkollha l-udjenza. Play dwar l-alt-right, dwar il-mewt tal-verità fil-kultura kontemporanja, u dwar il-fenomenu tal-cancel culture li, jekk xi darba kien mod kif issir ġustizzja, issa sar spettaklu ta’ sadiżmu. Avolja t-temi ibsin, meta nispiċċaw l-ewwel abbozz ninduna kemm hi fil-fatt tad-daħq. Nieħu pjaċir nerġa’ naqraha u nidħaq waħdi. Nispera li l-udjenza tidħaq, u forsi waqt id-daħq ikun hemm ukoll il-ħsieb.

Wara, immur mixja fuq is-Southbank. Dil-parti ta’ Londra vera togħġobni. Nimxi max-xoffa tat-Thames. Ngħaddi t-Tate Modern u l-Globe Theatre. Nibqa’ miexja sa Borough, u minn hemm naqbad it-Tube lura lejn id-dar. Nasal fit-8pm u barra għadu d-dawl. Inħobbu s-sajf f’dil-belt.


19 ta’ Mejju 2024

Dal-weekend ħdimt tletin siegħa fi tlett ijiem. Issa l-Ħadd billejl, daqqu l-ħdax u għadni nasal id-dar wara xift ta’ tnax-il siegħa. Għajjiena mejta. Għadni ma kilt xejn illum ħlief insalata waranofsinhar u pakkett crisps bejn show u ieħor illejla. Kif nidħol, nagħmel sandwich bil-perżut u t-tadam u nieklu bilwieqfa nserraħ mal-counter tal-kċina. Il-qattusa tiġi titfissed u tittallab u nagħtiha biċċa perżut. Nixrob tazza ilma u nidħol fis-sodda fejn R ġa rieqed. Kif inkun se norqod, nirċievi messaġġ mingħand oħti li mietet iz-zija ta’ missieri u ninħasad. Konna qed nistennewha, għax kellha kważi 108 snin. Imma kienet pjuttost b’saħħitha għall-età li kellha u qisna wara li għalqet il-mija kollha bdejna nemmnu li ħa tgħix għal dejjem. Kienet ilha soru minn meta kellha sbatax-il sena. Mietet Ruma, fil-kunvent fejn kienet tgħix. Ma tantx konna close, imma xorta nħossha. Ma jirnexxilix norqod. Nintefa’ fuq is-sufan sat-tlieta ta’ filgħodu, naqra u niskrollja l-mobile sa ma tmur għajni bija.


20 ta’ Mejju 2024

Xi kultant inħossni qisni qed naqa’. Donnha l-art infetħet taħti żmien twil ilu, u ili s-snin naqa’, nantiċipa l-mument meta ħa ninstabat.


22 ta’ Mejju 2024

Illejla qiegħda Dublin, fl-ispare room tal-ikbar ħabiba tiegħi, H. Ġejt hawn għax għada ħa niltaqgħu ma’ E u S, u ħa nsuqu sa Donegal. E l-iktar ħabiba antika, ili nafha minn mindu kellna erba’ snin. Konna l-iskola flimkien; kbirna flimkien. Kemm hi u kemm H ilhom Dublin ’il fuq minn tnax-il-sena, u l-ħin li jirnexxilna nqattgħu flimkien hu prezzjuż ħafna, speċjalment issa li E għandha t-tfal. Dejjem nieħu pjaċir niġi Dublin. Belt għal qalbi ħafna. Niftakar is-sena li qattajt hawn, meta tlaqt minn Malta. Kont għadni żgħira!


23 ta’ Mejju 2024

Indumu erba’ sigħat insuqu minn Dublin sa Donegal. Ħin minnhom nieqfu għal kikkra te u nindunaw li qegħdin f’pajjiż għalkollox differenti — l-Irlanda ta’ Fuq. Strambi u arbitrarji l-fruntieri. Jien hawn u int hemm. Din tiegħi u dik tiegħek.

Meta naslu fid-dar li krejna nistħajjilna qegħdin f’xi ħolma. Maġenbha, kaskata żgħira li tagħti għal nixxiegħa li ddur ma’ nofs il-perimetru tad-dar. Maqtugħa għaliha. Hawn ħafna ħafna siġar, u hawn il-kwiet għajr l-għasafar u l-ilma. Nidħlu fid-dar u nispakkjaw. Niftħu flixkun inbid u nsajru fil-kċina: tiġieġ il-forn bil-karrotti, brokkoli, qarabagħli u patata. Inqattgħu serata sħiħa nitkellmu. Fuq kollox. Kelli bżonnha din.


24 ta’ Mejju 2024

Filgħodu S diġà qiegħda isfel. Lestiet il-kafè u nferra’ kikkra u mmur inpoġġi ħdejha fil-konservatorju, fejn hemm veduta sabiħa tan-nixxiegħa. Kif inkunu qed nitkellmu, nisimgħu “beeeeq! beeeeq!” u faċċata naraw nagħġa u żewġt iħrief għaddejjin. Nogħrok għajnejja biex inkun ċerta li mhux qed noħlom. Nixtieq nista’ ntajjar ir-responsabbiltajiet kollha u niġi nagħmel xahar hawn, waħdi, għall-kwiet, nikteb.

Iktar tard, immorru nimxu s-Slieve League Cliff Walk. Mhix mixja faċli; għandek siegħa kollha għat-telgħa. Imma meta tasal fil-quċċata, il-veduta ta’ barra minn hawn. L-irdumijiet vasti jespandu ’l barra fl-Atlantiku lejn l-orizzont, akkumpanjati mill-isfond sabiħ tal-Wild Atlantic Way.

Nixtru hot chocolate u npoġġu fuq banketta biex ingawdu l-veduta. Ħdejna hawn żewġt irġiel, għandhom forsi ħamsin sena, jitkellmu bl-Ingliż imma b’aċċent Ewropew — Olandiżi jew Belġjani. Xi kultant jieqfu jħarsu lejn l-irdum fis-skiet. F’daqqa waħda wieħed minnhom jibda jkanta minn taħt l-ilsien. Tom’s Diner ta’ Suzanne Vega.

L-ieħor jistaqsih, “X’se tixtrilha lill-mara?”

L-ewwel wieħed jieqaf ikanta. “Ma nafx, ta.

“Ixtrilha fwieħa. Xi ħaġa sabiħa.

“Hm.

“Tiftakar l-aħħar darba għedtlek tixtrilha piġama, imma ma ridtx? Imbagħad meta għednielha qalet li kieku vera kienet tieħu pjaċir biha. Missek smajt minni.

Ir-raġel jibqa’ sieket għal mument. Imbagħad, b’ton li jimplika irritazzjoni ħafifa, jgħid: “Forsi jmissek dejjem tgħidli inti x’għandi nixtri għall-mara tiegħi. U jerġa’ jibda jkanta. It is always nice to see you / Says the man behind the counter / To the woman who has come in / She is shaking her umbrella / And I look the other way / as they are kissing their hellos / And I’m pretending not to see them / And instead I pour the milk. .

Aqra l-entrata li jmiss:

Kollox veru kollox falz

Hemm skritturi Eġizzjani mill-1200 QEK li jiddeskrivu sintomi tal-emigranji. It-tabib Grieg, Ippokrati, fl-400 QEK jikteb dwar uġigħ ta’ ras bit-taqlib viżiv. Fit-tieni seklu EK, Aretew tal-Kappadoċja jiddeskrivi fenomenu ta’ wġigħ ta’ ras li jaffettwa naħa waħda biss — u minn hawn nieħdu l-kelma moderna emigranja; bil-Grieg ἡμικρανία (hēmikranía), jiġifieri nofs il-kranju. Kien hemm żmien fejn kienu jaħsbu li l-emigranji kienu marka ta’ intelliġenza, u żmien ieħor fejn l-emigranji kienu meqjusin marka ta’ moħħ dgħajjef — speċjalment fost in-nisa li, meta kienu jbatu minn uġigħ kroniku kienu (u xi kultant għadhom) jitqiesu bħala “isteriċi”. Avolja l-emigranji jistgħu jaffettwaw lil kulħadd, huma ħafna iktar komuni fin-nisa — waħda minn kull ħames nisa; wieħed minn kull ħmistax-il raġel — fatt li jispjega għala ma tantx nafu dwarhom u x’jikkawżahom, peress li sal-lum, fil-mediċina, l-uġigħ tan-nisa mhux stmat bl-istess mod daqs l-uġigħ tal-irġiel. U l-uġigħ diffiċli tesprimih. Nista’ nipprova niddeskrivi s-sitwazzjoni; nista’ npinġilkom pittura ta’ ġismi jbati. Imma l-fenomenoloġija tal-uġigħ ma tiġix trażmessa. Il-kliem li għandna biex niddeskrivu l-uġigħ hu dgħajjef: rasi taħraq, ittanbar, twaħwaħ. Il-verità tal-uġigħ mhix hemm. Hi verità li tinsab midfuna fit-taqliba ta’ kull ġisem. Esperjenza kbira u waħdanija. Jien: fis-sodda, wiċċi mqarras, nitqalleb u nagħfas rasi b’idi; ġismi f’dak il-mument jikkmanda li nagħtih l-attenzjoni. Fil-ħin tal-uġigħ m’hemmx passat u futur; m’hemmx pjanijiet u spekulazzjoni. Hemm biss il-ġisem u l-mument.

Dekorazzjoni art-nouveau