Nixtieq inżomm djarju, biex forsi nsib irkaptu ta’ ħsibijieti u nġiegħel lil dawn l-ideat għażżenin jieħdu forma. Xtrajt ktieb ġdid apposta. Iswed u rqiq, jidħol fil-basket, bil-karti bojod bil-linji griżi. Hawn nikteb xi ħaġa ġdida, u bil-Malti. Ġieli nemmen li jien m’għandix xi ngħid; li m’għandix x’nikteb. Ngħid, jien min jien biex nistenna li xi ħadd ħa jaqra kliemi? Tifhmunix ħażin — dan mhux xi sinjal ta’ kemm jien dħulija. Dan sintomu nevrotiku. Din skuża, għax il-kitba diffiċli, taqlagħlek fwiedek, tirrikjedi ħafna xogħol. U jekk m’għandix xi ngħid, mela ’qas ħaqq il-battikata. Imma jekk int kittieba, tikteb trid. M’hemmx x’tagħmel. Forsi f’ħajja oħra niġi għasfur, dawk dejjem isibu xi jgħidu. Ili s-snin nikteb. Dawn l-iskużi mhumiex ġodda. Suppost ili li tgħallimt u aċċettajt li meta tibda tikteb xi ħaġa, mhix se tkun perfetta mill-ewwel. Jaf ma tkun perfetta qatt, anzi. Imma fil-bidu, l-importanti li jirnexxilek tniżżel xi ħaġa fuq il-paġna. Anki jekk tkun xi ftit tan-nejk. Il-kitba ġieli nimmaġinaha bħall-iskultura: irid ikollok biċċa tafal biex tibda tagħtiha forma. Ħa taħdimha u tarmi minnha mhux ħażin sakemm toħroġ il-figura li taqbel ma’ dik li kellek f’moħħok meta ġietek l-idea. U l-ewwel kitba dik kulma hi, tafal.
15 ta’ Marzu 2024
Dat-temp ikrah xebbagħni. Illum il-bard. It-temp imsaħħab, u x-xita nieżla. Bħal daż-żmien dejjem jaqbduni ftit dwejjaq. Ġismi jrid ix-xemx. Biex nikkwota lil Virginia Woolf: “Iva, jistħoqqli rebbiegħa.” U veru. Dad-dawl għammiexi jgħajjini, iqabbadni l-emigranji. Ix-xitwa rrassenjajt ruħi għaliha; nipprova nqisha bħala opportunità biex niberna, biex nistrieħ. Kieku nista’, fix-xitwa kulma nagħmel inqatta’ s-sigħat twal naqra fuq is-siġġu ħdejn ir-radiator għas-sħana, u nsajjar borom enormi soppa, u nitgeżwer sew, u nixrob it-te. Ix-xitwa nixtieq li tkun żmien meta nirkupra, biex insaħħaħ moħħi u ġismi għas-sena li ġejja, u biex noħlom dwar proġetti u ideat ġodda. Imma x-xogħol irid ikompli; il-kontijiet iridu jitħallsu; l-iskadenzi jkomplu joqorbu. Dejjem hemm għoxrin elf ħaġa x’tagħmel. Allura la jasal Marzu, li f’dal-pajjiż iħobb jitnikker u jillajma, inħossni burnt out sew. Għax ix-xitwa suppost spiċċat. Ir-ranċis diġà tela’, u s-siġra taċ-ċirasa faċċata tat-tieqa tal-kamra tas-sodda ffjorixxiet, bil-fergħat mimlijin fjuri bojod silġ li jżeffinhom ir-riħ. Iċ-ċinċa rħilha tibni l-bejta fis-siġra tal-qastan. U r-rebbiegħa waslet, avolja x-xemx ittardjat. Xi kultant nemmen li “l-annimal artab ta’ ġisimna”, biex nissellef frażi minn Mary Oliver, irid sens ta’ ħin ċikliku — nemmen li ġismi jaf aħjar minn moħħi li l-affarijiet jibdew, jiffjorixxu, jinħasdu u jispiċċaw, imbagħad jerġgħu jibdew. Waqt l-ewwel millennju EK, l-istudju tal-ħin u l-istaġuni kien mezz biex in-nies iħossuhom eqreb id-divin. Fost in-nies importanti ta’ dak iż-żmien kien ir-raħeb Ingliż Bede, li kiteb il-ktieb De Temporum Ratione madwar is-sena 725 EK. Hawn kiteb dwar il-computus, dixxiplina tal-matematika li fil-Medjuevu kienet strumentali fil-formulazzjoni tal-kalendarju, għax biha kienu jikkalkulaw id-data tal-Għid u dati oħra importanti għar-reliġjon Nisranija. Apparti minn hekk, kienet tinvolvi fehim taċ-ċikli tal-qamar, it-tranżizzjonijiet tal-istaġuni u l-immarkar tas-solstizju u l-ekwinozju. Għal Bede u l-kontemporanji tiegħu, dan is-suġġett kien imxappap b’essenza sagra, għax kienu jemmnu li l-istruttura ċiklika tas-sena tiżvela veritajiet profondi dwar l-univers u l-Ħallieq. Sadanittant, fis-sistema tagħna, it-temporalità għandha sura differenti. Daqshekk iċ-ċiklu; minflok, ir-ritmu hu ddettat mill-kapital, bl-iskeda tal-ħaddiem imsawra skont il-paga. Il-ħin tagħna f’did-dinja, minflok mhu rigal mogħti minn Alla, issa hu riżors li rridu npartuh għall-flus sabiex ngħixu.
Illum, meta nasal id-dar wara x-xogħol, nixgħel l-ispeaker fil-kċina u nitfa’ Blue ta’ Joni Mitchell sakemm insajjar borma kusksu, u nkanta: I wanna be strong, I wanna laugh along / I wanna belong to the living / Alive, alive, I want to get up and jive / I want to wreck my stockings in some jukebox dive / Do you want, do you want, do you wanna dance with me, baby?
16 ta’ Marzu 2024
Inqum ma niflaħx. Għandi riħ. Nibqa’ d-dar biex ma mmarradx lil tax-xogħol, speċjalment la kulma fadal ġimgħa u nofs sakemm niftħu x-show. Nibla’ Sudafed u tnejn Panadol u nitgeddes taħt il-friex. Nisma’ lil R idur fil-kċina, isajjar u jisma’ lil Leonard Cohen. “Famous Blue Raincoat.” Wara ftit, jitfaċċa fil-kamra tas-sodda b’gabarrè f’idejh. Fuqu: platt b’biċċtejn toast, bajda mgħollija, larinġa u kikkra kafè. Nirringrazzjah. Nagħtas. R jidħol jaħdem fl-istudju waqt li niekol. Nixgħel Netflix fuq il-laptop u nara episodju Queer Eye bil-qattusa rieqda maġenbi. Tmur għajni bija, u meta nqum ikunu diġà s-sagħtejn u nofs. Nidħol ninħasel u nħossni ftit aħjar. Barra għadu l-maltemp. Nerġa’ nintefa’ fis-sodda u nagħmel ftit sigħat naqra The Manningtree Witches ta’ A.K. Blakemore, rumanz semistoriku dwar il-kampanja vjolenti kontra s-“sħaħar” ġewwa Essex fl-1640ijiet. Inniżżel kopja ta’ The Discovery of Witches ta’ Matthew Hopkins, li dak iż-żmien kien jissejjaħ Witchfinder General, u li kien iffissat bl-immaġini tas-saħħara u tax-xitan — tant, li qatel mat-tliet mitt mara bl-iskuża li kienu sħaħar. M’għandix moħħ naqrah bħalissa, imma nżommu għax forsi nsibu utli għal esej li għandi f’moħħi nikteb iktar ’il quddiem.
20 ta’ Marzu 2024
Qabel ma nidħol xogħol illum, niltaqa’ mal-ħabib.a tiegħi, C, ġewwa Vauxhall. Xita qliel, imma fil-kafetterija fejn nidħlu hemm is-sħana u l-kenn. Qed idoqqu playlist tas-sebgħinijiet: Lou Reed, Bowie, Fleetwood Mac. Hawn atmosfera sabiħa. Mat-tieqa hawn bandiera Palestinjana. Il-ħanut żgħir u l-ixkafef ħdejn it-twieqi mimlijin bottijiet zalza, ġamm, marmellata, żebbuġ u biskuttini tal-Mulino Bianco, li ma tantx issibhom Londra. Nixtri borża Pan di Stelle u nintefgħu bilqiegħda, inbilluhom fit-te u nitkellmu dwar il-poeżija u l-politika. C għadhom kif lestew il-PhD fil-poeżija u jgħiduli li minħabba t-tnaqqis fil-fondi fir-Renju Unit, hawn ħafna inqas impjiegi fl-akkademja issa milli kien hemm meta bdew il-PhD ħames snin ilu. Fit-teatru wkoll għandna sitwazzjoni kerha. Dejjem iqaċċtu l-fondi pubbliċi biex lil sħabhom biljunarji ma jintaxxawhomx iktar. Ix-xahar li għadda, il-Kunsill tal-Arti wissa li l-artisti u l-organizzazzjonijiet li jitqiesu bħala “too political” jirriskjaw li jaqtgħulhom il-fondi għalkollox. “Too political” tinħass ewfemistika. Tgħid xi tfisser? Taħt il-bandiera Palestinjana jien u C nitkellmu dwar l-Anti-Protest Bill tas-sena li għaddiet, u dwar kif iktar ma mmorru iktar inħossuna niżżerżqu lejn il-faxxiżmu. B’riċessjoni globali, it-tibdil fil-klima, il-liġijiet antitrans, u l-ġenoċidju fil-Palestina, jekk qatt kien hemm żmien biex tkun “too political” huwa issa. Għalfejn qegħdin l-artisti mela, jekk ma nistgħux inkunu “political”?
22 ta’ Marzu 2024
Inħossni ftit down dalgħodu. Nagħmel kikkra kafè iswed u nerġa’ nidħol fis-sodda, naqra The Interpretation of Dreams ta’ Freud, sakemm isir il-ħin biex nidħol Slack għax-xogħol. Illum ġejja twila — naħdem mid-dar sa nofsinhar, u iktar tard sitt sigħat rehearsal. Idoqq nofsinhar u nintebaħ li għadni ma kilt xejn, u dahri muġugħ ta’ kemm ili mgħawġa quddiem il-laptop. Inqum u nitmattar. Nagħmel ftit stretching fis-salott. Illum veru m’għandix aptit immur ġirja, avolja suppost illum imissni. Letarġija kbira. Minflok, inqatta’ għaxar minuti fil-poża Jathara Parivartanasana, u f’Balasana — “child’s pose” — immiss moħħi mal-art u nieħu n-nifs bil-mod. Illesti ftit ikel: nimmaxxja nofs avokado bi ftit tewm frisk, naqra żejt, u tadam imqatta’. Ngħalli bajda u nagħmel ftit te fil-kikkra favorita, sewda bit-tikek bojod, li xtrajt minn Dunnes meta mort ngħix Dublin, tlettax-il sena ilu. Waqt li niekol, nara episodju ta’ How To with Jon Wilson, li rrakkomandathuli ħabibti. Pjuttost weird, imma simpatiku u qisu jaqbel ma’ dil-burdata malinkonika li għandi fuqi llum. Jien u niekol, tidħol żunżana mdaqqsa minn ġot-tieqa u tibda ddur mas-salott. Il-qattusa tiġġennen, tgħid ekekekek u tiġri warajha. Ma rridhiex toqtolha lil dil-messaġġiera tar-rebbiegħa. Naqbad tazza u nistenna sakemm iż-żunżana tieqaf tistrieħ fuq il-pjanu. Imbagħad bil-mod inpoġġi t-tazza fuqha bħal gaġġa trasparenti, u nżerżaqha fuq biċċa karta biex naqbadha. Neħlisha fil-gallarija u għal mument qisha tieqaf, stenduta u mbagħad ittir ’l hemm. Il-qattusa tagħmel in-nervi talli interrompejtilha l-kaċċa. Nagħtiha erba’ Dreamies biex nikkunslaha, u kollox jintesa.
28 ta’ Marzu 2024
Naħdem mid-dar dalgħodu. Iktar tard għandi telefonata mill-isptar. Il-mobile jdoqq fl-4pm u fuq il-linja hemm mara li tgħidli li taħdem mal-ispeċjalista u ħa ssaqsini xi mistoqsijiet biex tara jekk hux kollox sew. Ili bil-Crohn’s minn mindu kelli għoxrin sena, u dawn iċ-check-ups rutina. Il-mara fuq il-linja għandha aċċent li għall-ewwel taħsbu Ingliż, imma iktar ma titkellem iktar ninduna li għandha intonazzjoni partikolari — u familjari ħafna. Kif kważi tkun spiċċat it-telefonata, ma nistax ma nagħmilhiex il-mistoqsija.
“Sorry if this is intrusive, but are you Maltese?”
“Ili ntella’ u nniżżel għandix nistaqsiha lilek dil-mistoqsija,” tgħidli, bil-Malti. Nieħu r-ruħ nisma’ l-lingwa. Nidħqu, u nitkellmu ftit bil-Malti, dwar kemm ilna hawn, kemm nimmissjaw il-ħobż tal-Malti u x-xemx u l-pastizzi u l-familja. Nistagħġbu bis-serendipità ta’ dil-laqgħa telefonika.
30 ta’ Marzu 2024
Is-Sibt. R iqajjimni fit-tmienja dalgħodu, jistaqsini rridx il-kolazzjon fis-sodda. Ovvja li iva. Sakemm isajjar, nixgħel il-lampa ta’ maġenb is-sodda u naqra kapitlu ta’ Meander, Spiral, Explode ta’ Jane Alison. Jogħġobni ħafna dal-ktieb, miktub b’ħila kbira. Fih, Alison tissuġġerixxi forom ta’ narrattiva li mhumiex is-soltu maskuloċentriżmu. Titbiegħed mill-wirt Aristoteljan ta’ espożizzjoni-qofol-denouement. Nammetti li l-istruttura tal-Vjaġġ tal-Eroj insibha utli ħafna meta nkun qed infassal storja. Fil-fatt, fid-dramm li qed nikteb bħalissa, qed nużaha b’mod esklussiv — imma peress li l-protagonist hu stilla tal-films tal-azzjoni, jistħoqqlu hekk. Xorta, għal proġetti oħrajn nixtieq nipprova nesperimenta b’forom inqas riġidi. Meta jien u Marta ktibna Blanket Ban, qgħadna ’l bogħod apposta min-narrattiva lineari, u għażilna xi ħaġa li iktar tixbah lil dak li Alison issejjaħlu “meander”. Forsi anki narrattiva li tixbah struttura ta’ ċelloli fejn bosta stejjer jinsabu maġenb xulxin, li jinkorporaw xi ħaġa ikbar — tip ta’ ġisem li d-demm tiegħu huwa l-ilma mielaħ tal-Mediterran. Nipprova naħseb dwar kif nista’ nuża dawn in-narrattivi differenti meta nkun qed nikteb l-istejjer qosra li qed naħdem fuqhom bħalissa. Jitfaċċa R bil-kolazzjon. Nieklu fis-sodda waqt li naraw episodji antiki ta’ Frasier, bil-qattusa ma’ saqajna. Għodwa ħelwa.
Waranofsinhar, immorru fiċ-ċentru biex nimmarċjaw kontra l-ġenoċidju ġewwa Gaża. Hawn ħafna nies illum — ’il fuq minn mitejn elf ruħ. Baħar bnadar Palestinjani, placards u sinjali, nies lebsin il-keffiyah. Kull fejn tħares, nies mixjin b’solidarjetà. Hemm min ixejjer il-bnadar Palestinjani mit-tieqa ta’ darhom kif il-folla tgħaddi minn quddiemhom. Hawn ħafna familji bit-tfal, koppji żgħażagħ, gruppi ta’ ħbieb. Hawn bnadar jirrappreżentaw diversi unions, organizzazzjonijiet u entitajiet, kollha jsejħu għall-paċi. Ta’ quddiemi qed iżomm placard tal-kartonċin, li fuqu kiteb kliem il-poeta Refaat Alareer, li qatluh f’Diċembru flimkien ma’ membri oħra ta’ familtu f’attakk immirat mill-ajru. Dan hu l-kliem: “Jekk jien għandi mmut / ħalliha ġġib it-tama / ħalliha ssir ġrajja.” Il-folla tkanta: “Aħna lkoll Palestinjani”, u nkanta magħhom, kuntenta li qiegħda hawn, nimmarċja ma’ tant nies. Kuntenta li qiegħda hawn, ġisem fost bosta, bħal struttura ta’ ċelloli maġenb xulxin, ninkorporaw xi ħaġa ikbar.
1 ta’ April 2024
Inħoss l-istaġun jinbidel. Qalbet is-siegħa. Hawn dawl bellezza. Inħossni mwielda mill-ġdid. Ninħasel u nilbes u sakemm noħroġ mid-dar is-sema jkun laħaq sar griż u x-xita tkun bdiet nieżla u jkolli nerġa’ nidħol ġewwa għall-kowt u l-umbrella. Ili hawn żmien u għomor u l-umbrella dejjem ninsieha. Xita. Bard. Inħossni ħa niġġennen. Għax l-istaġun inbidel żgur, u l-ħajja l-ġdida bdiet, u fl-għadajjar fil-park hemm il-papri b’ruxxmata flieles ġodda fjamanti.
Il-ġimgħa l-oħra ftaħna x-show li ilna x-xhur naħdmu fuqu. Xogħol ta’ teatru immersiv ġewwa Vauxhall. Kont ili ma naħdem mhux mid-dar, minn fuq il-laptop, u meta offrewli dax-xogħol kważi stkerrahtu, tant kont drajt il-kumpanija tiegħi nnifsi; ir-ritmu solitarju. Imma issa veru qed nieħu gost b’dir-rutina ġdida. Fi triqti lejn ix-xogħol nieqaf fl-istazzjon biex nixtri kafè. Lil tal-ħanut sirt nafha ftit, u dejjem nieħu pjaċir inkellimha. Spanjola, u llum it-tnejn neqirdu fuq it-temp. Minn daqshekk irnexxielna nintegraw f’dal-pajjiż. Tgħidli li Spanja bħalissa hemm il-bnazzi u tixtieq tmur tqatta’ ftit żmien għax-xemx, imma ma tistax għax daqt għandha l-eżamijiet. Tagħtini shot espresso b’xejn u nirringrazzjaha.
Ma tantx għandi bogħod sa Vauxhall bit-Tube. Għaxar minuti kollox. Nitfa’ l-headphones f’widnejja u narma nisma’ l-mużika. Erġajt bdejt nisma’ lit-Talking Heads. Kont għamilt karriera ffissata fuqhom meta kelli xi 16-il sena. “This Must Be The Place” dejjem tagħmilli burdata tajba. Illum xogħol sad-9pm. Is-soltu ma niftħux nhar ta’ Tnejn imma llum qed nittestjaw xi affarijiet u nagħmlu t-taħriġ dwar in-nar. In-nar jien nibża’ minnu mhux ħażin, u dan it-taħriġ iktar qed iqabbadni ansjetà. Naraw filmati ta’ mobiles jisplodu, karozzi jieħdu n-nar, djar vampa.
Żmien twil ilu, wara l-gwerra, in-nanna kienet għadha żgħira, tgħix ma’ familtha l-Belt, fi Strada Sant’Ursula. Darba minnhom, waqt li kienet qiegħda tinħasel fil-kamra tal-banju, l-ispiritiera fil-kċina ħadet in-nar. Meta xammet id-duħħan u misset il-pum tal-bieb sabitu jikwi, u kellha taqbeż tliet sulari biex issalva. Kienet ixxurtjata li taħt it-tieqa, xi żewġ sulari ’l isfel, kien hemm il-ħbula tal-inxir tal-ġirien li laqgħuha, u d-daqqa ma ħadithiex għalkollox. Salvat, avolja bl-għadam miksur.
Hemm ħolma li ġieli noħlomha. Fiha, jien ngħix ġewwa appartament f’torri fejn tgħix ukoll mara anzjana, imma fis-sular ta’ fuq nett dejjem hemm nar jaqbad. Ma jagħmel l-ebda ħsara u kulħadd ikompli għaddej qisu ma ġara xejn; just dejjem jaqbad — bħal dik ix-xena f’Synecdoche New York. Dejjem trid toqgħodlu attenta, u lil din l-anzjana ili ngħidilha biex toħroġ minn hemm — biex tmur tgħix xi mkien differenti. Imbagħad, darba minnhom, l-anzjana taqbeż minn ġot-tieqa tas-sular ta’ fuq nett. Qabel ma nqum, xi ħadd jgħidli, “Your Gran fell.” It-torri ta’ Grenfell rajtu jaqbad b’għajnejja. Waħda mill-agħar xeni li qatt rajt f’ħajti, avolja mill-bogħod. Kien kmieni filgħodu l-għada li qabad, u fi triqti lejn l-iskola rajt kolonna duħħan iswed tiela’ ’l fuq lejn is-sema.
Illejla waqt il-brejk niċċekkja l-mobile u nara l-aħbar li l-IDF attakkaw u qatlu seba’ voluntieri tal-World Central Kitchen, ġewwa Gaża. Dan avolja kellhom il-permess mill-IDF stess li jsuqu f’dik it-triq, u minkejja li kienu f’karozzi mmarkati sew bil-logo tal-organizzazzjoni tagħhom. L-Iżrael qed jgħidu li l-attakk sar bi żball — imma dan kien attakk sistematiku. L-attakk fuq Gaża ilu għaddej iktar minn sitt xhur issa. Inqatlu ’l fuq minn tletin elf persuna, ħafna minnhom tfal. Kuljum fuq Instagram nara xi oxxenità ġdida. Suldati jitnejku bin-nies maqtula, lebsin l-affarijiet ta’ taħt tan-nisa Palestinjani, u jsuqu fuq nisa u tfal bit-tankijiet biex jgħaffġuhom. Xi kultant inħossni veru ddisprata b’li qed jiġri. Xi kultant, inħoss li hemm is-sular ta’ fuq jaqbad, imma kulħadd għaddej qisu ma jafx x’inhu jiġri, jew qisu ma ġara xejn.
2 ta’ April 2024
Dalgħodu mmur sal-gym u nqatta’ nofs siegħa niġri fuq it-treadmill. Kont ili ftit, u kelli bżonnha. Nisma’ lil Rage Against the Machine waqt li niġri, u iktar niġri bi pjaċir u żvog. Qatt ma ssoponejt li jien waħda minn dawk in-nies li jiġru, imma ma nafx x’ġara. Forsi bl-età qed ninbidel — boqq. Dejjem nissorprendi ruħi li qed nieħu pjaċir, anki b’nifsi maqtugħ. Togħġobni dik is-sensazzjoni ta’ rush li tiġi wara li tkun ilek għaddejja xi għaxar minuti, u moħħok jiskot, u kulma jeżisti n-nifs u l-mużika li tkun qed tisma’. Il-ġirja nibdieha bil-mod, u nżid ftit ftit fl-intensità iktar ma mmur, u b’hekk inkun nista’ nibqa’ għaddejja. Imma mbagħad l-aħħar żewġ minuti nisprintja b’kemm għandi saħħa; inħossni se ntir. Meta nispiċċa, qalbi tkun qisha xi blast beat tħabbat. Għarqana xraba u ħamra nar, nagħmel għaxar minuti stretching biex ninżel mis-sema, mimduda mal-art, nilheġ, nilheġ, negħreq u nilheġ u niddi minn ġewwa, nirradja s-sħana qisni bozza.
Illejla naqbad it-Tube u mbagħad il-ferrovija lejn Norwood, fejn ġejt mistiedna nagħti workshop dwar kif tikteb in-nonuman. Is-sena l-oħra kont diġà ġejt nitkellem dwar il-ħin u l-passaġġ taż-żmien fil-kitba, u nħossni kuntenta li rġajt hawn. Illejla hawn ħmistax-il persuna fil-klassi, kollha minn sfond differenti. Hawn min ilu ħafna snin jikteb, min għadu jibda, min jaħdem ġo bank imma dejjem xtaq jikteb il-poeżiji, min għandu erbat itfal, u min ma tantx ilu jgħix l-Ingilterra. Nibda b’eżerċizzju faċli, fejn ngħidilhom jiktbu xi ħaġa mill-perspettiva ta’ annimal — jew il-pet tagħhom stess, jew xi annimal li raw fuq xi dokumentarju, jew ħamiema fi Trafalgar Square. Waħda minnhom tikteb poeżija sabiħa u tenera dwar x’jiġifieri tkun tħobb meta tkun bugħarwien. Nitkellmu dwar kif nistgħu niddeċentralizzaw l-esperjenza umana. Ngħidilhom ftit dwar it-teorija ekokritika, u dwar xi kitba importanti għall-kuntest: The Silent Spring ta’ Rachel Carson, Walden ta’ Henry David Thoreau, Politics of Nature ta’ Bruno Latour, The Country and the City ta’ Raymond Williams. Naqralhom poeżija dwar orsa bajda li spiċċat mitlufa f’belt industrijali fis-Siberja fl-2019, meta s-silġ fejn kienet tgħix fl-Artiku sar ilma. Dil-poeżija dejjem tbikkimni. Jisimha “A Polar Bear in Norilsk”, ta’ Sue Riley. Rebħet il-Premju Ginkgo fl-2019. Niddiskutu kif nistgħu nużaw ir-ripetizzjoni, l-alliterazzjoni, u l-punteġġatura biex niddefamiljarizzaw il-lingwi umani; kif noħolqu xbihat ġodda u perspettiva annimaleska anki bil-lingwi tagħna stess. Sal-aħħar tas-serata hawn min għandu l-bażi għal xogħol ġdid — drammi u poeżiji u stejjer. Minn kollox. Inħossni sodisfatta ħafna llejla. Kemm nixtieq nagħti iktar minnhom dal-workshops.
10 ta’ April 2024
Inqum tard għax ilbieraħ kont xogħol sa billejl. Insajjar żewġ bajdiet u nixwi biċċa ħobż sourdough friska. Niekol mal-mejda fis-salott ħdejn it-tieqa għax irrid inħoss ix-xemx fuq wiċċi. Ilu ftit ma jkolli ġurnata off, u llum beħsiebni noqgħod chill, forsi nagħmel ftit ħin nikteb xi storja. Waqt li niekol, qed nisma’ Dark Side of the Moon tal-Pink Floyd. Kull ftit snin nerġa’ niġġennen fuqu. Inqaxxar mandolina. Ikanta Roger Waters, “Breathe, breathe in the air / Don’t be afraid to care.” Il-mandolina ħelwa u mmerrqa sew. Ix-xemx taħraq, sabiħa. Barra, in-nies għaddejjin rekbin ir-rota, is-siġar imtlew weraq, m’hawnx sħaba waħda. Jieqaf farfett lewn oranġjo għal sekonda tnejn fuq il-margerita li għandi fil-gallarija. Nobżoq żerriegħa tal-mandolina. Tidħol żiffa ħelwa tmellisli xagħri, tqalleb il-weraq tas-sardinella. Jibdew l-ewwel noti ta’ “The Great Gig in the Sky”. Leħen ta’ raġel jitkellem: “I’m not afraid of dying…” Nagħlaq għajnejja biex il-mużika nismagħha sew. Inħossni għad għandi erbatax-il sena nismagħha għall-ewwel darba, mimduda fis-sodda fid-dar fejn trabbejt, bix-xemx dieħla mit-tieqa u l-mużika ddoqq minn fuq cassette tal-monti li kont xtrajtu għax sieħbi fuq l-internet, li kien jgħix South Dakota, qalli nisimgħu ħa jibdilli ħajti. U dak iż-żmien ma kienx hemm Spotify u Apple Music, u lanqas Napster, u jekk ridt tisma’ xi ħaġa ridt jew tixtri kopja tagħha jew iċċempel xi DJ fuq Island Sound u titolbu jdoqqha. U din mhix tant radio-friendly, u ħadd mhu ħa jdoqqhielek hekk. Ma rridx inkun nostalġika, u għadni ftit żgħira wisq biex nibda ngħid għax fi żmieni… imma xi kultant naħseb dwar kif l-internet bidel il-mod kif nikkunsmaw il-mużika u l-kultura. Meta kont żgħira l-mużika kienet tant parti integrali ta’ ħajti. Kont inġemma’ l-pocket money, imbagħad immur b’Lm7 l-Exotique u nqatta’ l-isbaħ siegħa ndur u nifli d-diski, naqbadhom b’idi. Nixtri album, tan-Nirvana, pereżempju, jew tal-Led Zeppelin, Rush, Stone Temple Pilots (minn dejjem kelli gosti naqra anakronistiċi, ma jimpurtax), imbagħad ġirja lura d-dar ħa nintefa’ fis-sodda (jew mal-art fis-sajf) u nisma’ l-album. U meta qlajt portable CD player għall-Milied, bidilli ħajti. Fil-vann tal-iskola, fuq is-seat ta’ wara, nisma’ l-mużika. U l-albums kienu objets d’art: is-sleeve li tinfetaħ f’poster, bil-kliem kollha stampati. Kollha kont nitgħallimhom. Jekk xtrajt album kont nagħmel ġimgħat sħaħ iffissata fuqu, donnhom dawn l-artisti qed ikantaw fuq ħajti, fuq l-emozzjonijiet privati tiegħi. Nifqa’ moħħi nisma’ Blue ta’ Joni Mitchell u Rumours tal-Fleetwood Mac u nħoss il-malinkonija ta’ mħabba li jien, tifla ta’ ħmistax, ma kont qatt esperjenzajt, imma dawn l-affarijiet kien għad jiġi żmien li nħosshom b’mod profond. Illum, ma nafx. Ma tantx infittex mużika ġdida u ’qas niftakar l-aħħar darba li smajt album mill-bidu sal-aħħar. Inbidlu l-affarijiet. Kulma rrid nara u nisma’ nsibu f’temp ta’ sekondi. M’għadx hawn l-antiċipazzjoni. U ma nafx, forsi aħjar hekk. Imma xi kultant naħseb ix-xenqa parti mill-pjaċir .