Is-Solitudni tal-Fotografu

Antoine Cassar

(Tigné)

Hawn xbin, trid kafè?
Minn ġol-džezva
jissawwab il-meraq ġamri
li ’l-qalb dalwaqt iġibha 
ġunġliena mġenġla.
Deħlin u ħerġin 
ħbieb u sangisugi,
sangisugi u ħbieb. 
Min ġej għal daħqa mqaħqħa
u għabra għerf,
min ġej ilaqqat qatra
mit-tlellix t’ismu,
min ġej jippoża
bil-ħnejjiet bil-ħbub bil-ħotob b’kollox
għal kjaroskur fil-ġelatina
tal-melħ fiddien.
Ħajduk tal-ktieb,
partiżan tad-dadaiżmu,
kewkba ħamra tal-kamera
u tal-kamra skura — 
il-ġinni tal-istanjata
jaf itella’ fil-wiċċ
sal-iċken farka dija
mistoħbija f’kull ruħ.
Ftit jew ħadd
ma jobsor però
li wara l-lenti
fejn l-iktar li jħossu
dilettant u battal.
Iktar ma jiżvoga,
iktar ma jiffoka
u jkejjel il-waqt
li jniżżel iż-żewġ terzi ta’ werrej
għal fuq il-buttuna,
iktar ikompli jagħfas
id-diqa mtaħħta ta’ ġo fih.
Eluf fuq l-eluf ta’ prints
ikaħħlu l-kmamar,
iżda mal-ħitan ta’ qalbu 
ritratt wieħed biss.
Meta fl-aħħar jirnexxilu
jirbaħ nofstanhar għalih,
jitfi kollox, jiġbed il-bieb warajh,
u jitlaq għal mixja siekta
bejn il-ftit bruk li fadal
max-xatt mixħut lejn il-Grigal.

Jibda l-filmat fuq il-liżar ċelesti
bħal tal-bajja ta’ Kótor. L-ewwel jiem
tal-lieva, l-erbgħa u tmenin, żiffa mielħa.
Telefonata. “Relja!, isma’ ħi,
iġri sal-kanċell, hawn tfajla Franċiża
ssaqsi għalik. Ħames mitt kilometru
biex tkun ħdejh. Libsa tas-sajf, kappell abjad
b’falda wiesgħa daqs it-tbissim fuq wiċċhom.

Jaqbeż il-fildiferru f’nofs ta’ lejl,
lejl kollu żerniq, żrienaq dejjem ġodda.
L-isbaħ ritratt qatt miġbud bil-werrej
qabel ma niżlet fuqu l-giljottina — 
ġiżimina daħkana fuq is-sodda. 

Dekorazzjoni art-nouveau