Ngħid għalija, meta nagħżel li nuża l-kelma “alterità”, nużaha biex nirreferi għat-tip ta’ “ieħor” li jikteb dwaru Levinas. L-alterità tal-Ieħor m’għandhiex x’taqsam ma’ meta ngħidu li xi ħadd ġie othered, ċjoè meqjus inferjuri, eskluż miċ-ċentru tan-normalità, abjected (din tkun kelma oħra ta’ min ningaġġaw magħha). Kif nifhmu jien, għal Levinas, l-alterità tal-Ieħor hija dik il-kwalità (anzi, hija nonkwalità, għax ma tinqabadx f’kategoriji) li lili twaqqafni milli nirreduċi lill-Ieħor għal sameness. (La qegħdin fiha, sameness kif tiġi bil-Malti? “Identiċità”? “Stessiżmu”? Hekk issuġġerew xi wħud fuq il-grupp Kelmet il-Malti fuq Facebook.) L-alterità, allura, mhijiex vjolenza (bħalma ġeneralment tkun meta xi ħadd jiġi othered); anzi, għal Levinas, il-vjolenza sseħħ appuntu meta l-alterità tal-Ieħor inwaqqgħuha għall-kategorija tal-familjari. B’hekk, inkunu ħnoqnieh lill-Ieħor, ġibnieh oġġett. Allura, “alterità”, għalija, iġġorr magħha konnotazzjonijiet ta’ fraġilità, valur, vulnerabbiltà li tinforma attitudni etika. Wara kollox, il-filosofija ta’ Levinas hija l-etika tal-alterità.