Djarju #1
Warren Bartolo

Il-mixja lura d-dar kienet twila sigarett wieħed

Warren Bartolo

L-ewwel ta’ Novembru. Illum għeluq snin ommi. Nibagħtilha messaġġ fuq WhatsApp, happy birthday ma nħobbok u nimmissjak ħafna. Nistaqsiha tibgħatli ritratt tagħha u hi tistaqsini l-istess. Ordnajtilha bukkett fjuri biex filgħodu jitwassal fl-uffiċċju tagħha bħala sorpriża. Wasal nofsinhar u għadni fis-sodda naqra l-aħħar ftit paġni ta’ Skyland (2020) ta’ Andrew Durbin. Iktar tard immur id-dar ta’ C biex nara l-aħħar episodju ta’ Real Housewives of Beverly Hills, għalkemm meta nasal għandhom nindunaw li l-episodju għadu ma ħariġx. Lura d-dar tard waranofsinhar nispiċċa Skyland. Filgħaxija nkaxkar lil S miegħi għal-leaving drinks ta’ T ġewwa l-bar Le Sarrasin, Belleville. L-għada għandu titjira lejn l-Awstralja fejn se jgħix ma’ ħabib tal-familja Melbourne mingħajr ma jħallas kera. Jiċċajta dwar ir-ritorn lejn Pariġi ftit snin wara fejn ikun kompletament trasformat mill-kirurġija plastika. B għamlu kejk delizzjuż taċ-ċikkulata u nintefgħu fis-salott naraw Terrifier 2 (2022), li kienu ssuġġerewlna biex naraw xi ħbieb tagħhom il-ġimgħa l-oħra meta konna l-club. Iżda nieqfu wara ħmistax-il minuta għax insibuh wisq gory. S jitfa’ film ieħor imma jien immur norqod.


4 ta’ Novembru 2023

Immur nipprotesta għall-Palestina ma’ S. Tibda Republique u tispiċċa Nation. Hemm min qiegħed bilwieqfa fuq it-tinda tal-bus stop itajjar duħħan bil-kuluri tal-bandiera tal-Palestina. Kulħadd jgħajjat Cessez le Feu!; imbagħad Nous sommes tous des Palestiniens!; kif ukoll Israël casse-toi, La Palestine n’est pas à toi! Qalbi taqbad tgħaġġel u ma nistax nieqaf inħares lejn l-għagħa li qed isseħħ madwari. Għall-ewwel għajnejja ma jistgħux jikkalmaw, iridu jaraw kollox, iħarsu lejn kulħadd, kull bandiera, iridu jaqraw kull slogan miktub fuq il-kartonċin li n-nies qed ibandlu u jmewġu fl-arja, Vive la lutte du peuple Palestinien! M’iniex imdorri fil-folol u l-istorbju jqabbadni l-ansjetà. Però s-sitwazzjoni hija prekarja. Kulħadd qed ixejjer il-bandiera tal-Palestina jew jorbotha m’għonqu. Hemm ħafna karrijiet ta’ NGOs u organizzazzjonijiet diversi li qed jappoġġjaw ’il-Palestina u aħna mmorru wara wieħed partikolari li nsegwu fuq Instagram. Filgħaxija mmorru d-dar ta’ E u nieklu dumplings bil-ħaxix u bil-kimchi (li ma jogħġobnix), pommes noisettes, u npejpu ftit. Imbagħad noqgħod nara lil B, E, u S jilagħbu Fortnite (ippruvajt nilgħab ftit ukoll).


5 ta’ Novembru 2023

Id-disgħa u nofs ta’ filgħodu u niġi l-Musée Picasso ma’ M. Ġejna kmieni għax antiċipajna li kien se jkun hemm linja twila. Peress li huwa l-ewwel Ħadd tax-xahar, inkunu nistgħu naraw il-wirja ta’ Sophie Calle mingħajr ma nħallsu għad-dħul. Calle hija waħda mill-artisti favoriti tiegħi minħabba li hi veru ddawwar il-mewt madwar subagħha. Il-Mużew stieden lil Sophie Calle biex tirreaġixxi u tintervjeni fuq ix-xogħol ta’ Picasso. Fil-ħames kamra, Calle taħdem fuq “La Mort de Casagemas” ta’ Picasso, “Grande baigneuse au livre”, “Paul dessinant”, “Homme à la pipe” u “La Nageuse”. Hi tgħid li ma kinux hemm meta żaret il-mużew għax kienu mislufin; u allura talbet lil konservaturi, ġardinara u ħaddiema oħra tal-mużewijiet biex jiddeskrivuhomlha. Tesibixxi wkoll il-pitturi fil-kamra iżda taħbihom wara purtieri bojod ċari b’testi stampati fuqhom fejn tiddeskrivihom jew tirreaġixxi għalihom. Jiġifieri waqt li qed naqraw it-test ta’ Calle, naraw il-pittura sfumata warajha mill-purtiera trasluċida. Fil-kamra ta’ fuq hemm disa’ tili miżbugħin griż bil-kwotazzjonijiet. Calle tgħidilna: “La couleur aveugle. J’ai demandé à des aveugles ce qu’ils perçoivent et confronté leurs descriptions à des textes d’artistes sur le monochrome. (Il-kulur agħmi. Staqsejt lil xi għomja x’qed jaraw u qabbilt id-deskrizzjonijiet tagħhom ma’ testi minn artisti dwar il-monokrom.) Waħda mit-tili tgħid: “D’abord il n’y a rien, ensuite il y a un rien profond. Puis une profondeur bleue. (L-ewwel m’hemm xejn, imbagħad hemm xejn profond. Imbagħad profondità blu.) Fil-kamra fl-ogħla sular, insibu lil Calle fl-espressjoni l-aktar morbuża tagħha: “Pas pu saisir la mort” ta’ Melanie Bilenker u Sophie Calle, “Autopsy” ta’ Jean-Baptiste Mondino — ritratt ta’ Calle mimduda, taparsi mejta — imbagħad hemm “Serie Parce que” ta’ Bob. Fil-kamra li jmiss, mal-ħajt, Calle tikteb “Merci de ne pas filmer ou photographier ma mère dans son cercueil”. (Jekk jogħġbok tiħux filmati jew ritratti t’ommi fit-tebut tagħha.) Il-kelma “souci” (inkwiet) tidher ħafna drabi madwar il-kamra: xi drabi magħmula minn friefet, xi drabi stampata b’materjal differenti, drabi oħra inkwadrata. “Ne vous faites pas de souci” (toqgħodx tinkwieta) kienu l-aħħar kelmiet li ommha qaltilha qabel mietet. Fil-kantuniera tal-kamra hemm ritratt kbir ta’ ommha fit-tebut tagħha inkwadrat bi gwarniċ oħxon iswed mimdud fuq żewġ siġġijiet biex tassew jinħass qisu tebut u aħna qisna qed inħarsu ġewwa fih. Nittawwal għad-dettalji. Fit-tebut ta’ ommha, nistgħu naraw biss xagħarha u għajnejha, ​​kull parti oħra ta’ ġisimha hija mgħottija b’memorabilia u kotba, fosthom ktieb ta’ Spinoza, soft toys, dehbijiet, ritratti u par tkaken. Hija tesibixxi wkoll testi mid-djarju ta’ ommha. Qrajt l-entrata 1995 – 11.12: “Je voudrais déjà voir Noël terminé. Peut-être voudrais-je voir ma vie terminée. (Nixtieq nara l-Milied mitmum diġà. Forsi nixtieq nara ’l ħajti mitmuma).

Fil-kamra li jmiss, insibu l-kollezzjoni ta’ Calle u oġġetti li kellha f’darha ġewwa Malakoff. Ommha u missierha issa mietu, u hi qatt ma kellha tfal. B’hekk tistaqsi lilha nnifisha (dejjem b’mod morbuż) x’se jiġri minn ħwejjiġha ladarba hi tmut ukoll. Fost il-kollezzjoni impressjonanti tagħha ta’ oġġetti, f’vetrina tal-ħġieġ, Calle turi l-kotba tagħha li ġew iddedikati lilha minn ħbieb bħal Hervé Guibert li kitbilha dedika għall-kotba tiegħu Le Protocole compassionel u Des Aveugles. Hemm ukoll xi lbiesi, għamara, u oġġetti li akkumulat matul iż-żmien fid-dar tagħha. Aktar tard matul il-ġurnata, waqt li qed infittex l-isem Sophie Calle fuq il-website tal-Musée de Picasso ttajpjajt “Sapp-” fis-search bar bi żball. Ftakart meta mort ftit dates ma’ wieħed Ingliż waqt li kont qed naħdem fuq Saffo. Hu baqa’ jsejħilha Sophie.


8 ta’ Novembru 2023

Inkompli naqra Train Lord (2022) ta’ Oliver Mol fejn kont ħallejt. Dan il-ktieb qed naqrah għax bażikament jitkellem dwar il-falliment tal-kitba u dwar il-fatt li ħafna drabi l-kittieba jkollhom jagħmlu xogħol ieħor barra x-xogħol tal-kitba. F’dan il-każ, Mol, jitkellem dwar meta kien jaħdem fuq ferrovija. Madwar is-13h30 naqbad il-metro lejn l-École militaire biex niltaqa’ ma’ wieħed (J) li kont ħadt drink miegħu s-sena l-oħra, wara waħda mix-xifts tiegħi fil-kafetterija. Ilbieraħ filgħaxija bagħatli fuq l-Instagram u stedinni għall-wirja Paris Photo li qed issir il-Grand Palais Éphémère — spettaklu fotografiku enormi minn galleriji differenti madwar id-dinja. Iltqajna ħdejn il-bank LCL ħdejn il-waqfa tal-metro École militaire u mxejna tul il-blokk lejn il-Grand Palais Éphémère li, kif spjegali hu, kien wieħed temporanju u li dak proprju kien daqsxejn aktar ’l isfel, iżda bħalissa qed jirrinovawh probabbilment għall-Olimpjadi li se jsiru s-sena d-dieħla. Nimxu ftit u mill-ewwel inħossni emozzjonalment maħkum. Fil-verità ma nħobbx wirjiet tal-arti bħal dawn. Ikun hemm wisq nies u bilkemm jirnexxili nikkonċentra fuq ix-xogħol b’mod trankwill. Inħares lejn ritratt ta’ Giorgio Sommer bit-titlu “Cratère du Vésuve” li ġibidli l-attenzjoni. Hemm ukoll ritratt ta’ Charles Baudelaire li ttieħed mill-ħabib tiegħu Étienne Carjat madwar is-sena 1863. Is-sid tal-gallerija, li hija ħabiba ta’ J, tgħidli li dan ir-ritratt huwa fil-fatt tiraġġ mir-ritratt oriġinali u mbagħad tgħidli prosit tax-xogħol li għamilt fuq Saffo (għax J qalilha dwari) u tgħidli li anki hi xtaqet tkun traduttriċi. Nimxu ftit aktar. J ikellem lil xi rappreżentanti tal-galleriji u ’l xi artisti, u jistaqsihom dwar il-prattika tagħhom. Noħorġu barra għal ħames minuti biex inpejpu sigarett malajr. J jgħidli li huwa impressjonat bil-Franċiż tiegħi. Jgħidli li ma jiftakarx li kien daqshekk tajjeb. Imma nistaqsi lili nnifsi kif għamel din il-konklużjoni; qatt ma kien semagħni nitkellem bil-Franċiż qabel. Aktar tard, meta tlaqna mill-wirja, jgħidli li għadu kif għamel trattament bil-laser f’wiċċu xi mkien fil-qrib. Jgħidli wkoll li kien għamel trapjant tax-xagħar Pariġi madwar sentejn ilu. Inpoġġu bilqiegħda għal espresso f’kafetterija fil-viċin u nkomplu nitkellmu dwar kirurġija estetika u kosmetika u kif aħna veru komdi b’dawn l-ideat. Ngħidlu ommi kultant tagħmel fillers u li l-aħħar darba li rajtha konna qegħdin inħarsu lejn il-mera tal-lift tad-dar meta qaltli Ah x’nixjieħ, waqt li tmiss wiċċha. Mhux tagħmel ftit botox? għedtilha. Eh mela nnutajt? esprimiet b’sorpriża. Imbagħad spjegatli kif għamlet 3mm ta’ filler f’kull ħadd u li hija komda tkompli din il-filler-era li qiegħda fiha. Darb’oħra mort il-klinika magħha u kuġinti biex naraw lil ommi tagħmel il-fillers fuq moħħha (ftit). Niġi lura d-dar, S għadu jaħdem fuq il-laptop. Għandu wisq klijenti bħalissa. U issa meta noħorġu rari jirnexxilu ma jintilifx fi ħsibijietu. Nimtedd fuq is-sodda tiegħi u nkompli naqra Train Lord, li fil-fatt beda jdejjaqni. Imma nkomplih xorta waħda għax għandi bżonn xi ħaġa ħafifa biex naqra u tgħinni nkompli nipposponi r-riċerka tiegħi. Għall-ħabta tat-20h30 noħroġ ma’ S biex nixtri birra kbira, chips au fromage de jura, u wejfers minn épicerie fil-qrib.


9 ta’ Novembru 2023

Għall-ħabta tas-19h niltaqa’ ma’ A (li kont qed noħroġ miegħu fis-sajf). Bagħatli fuq WhatsApp fil-bidu tal-ġimgħa u staqsieni kif jista’ jirritornali s-Cyborg Manifesto ta’ Donna Haraway li kont sliftu ftit xhur qabel. Staqsieni wkoll jekk irridx ir-rigali li kien xtrali għal għeluq snini qabel ma nfridna. Għalhekk niltaqgħu għal birra f’bar fil-qrib jismu Noir Noir. Immur inħossni ansjuż, ma kontx verament fil-burdata li nħarbat moħħi, jew niġi emozzjonali. Just xtaqt immur u nirritorna d-dar f’burdata trankwilla. Iżda, sorprendentament, hu kien f’burdata pjuttost tajba; dħakna ftit, għedna lil xulxin x’kien seħħ f’ħajjitna fl-aħħar ġimgħat u pejjipna ħafna. Qalli li ma jridx ikompli jaħdem fil-qasam tal-moda, u li minflok, irid imur lura l-Università biex jagħmel xi kors f’Gender Studies. Staqsejtu dwar kif sejjer il-proġett tiegħu u staqsieni dwar tiegħi. Aktar tard jagħtini r-rigali: parrokka ħadra ta’ tul bob (li hija simili għal dik li kien jilbes Guillaume Dustan) li kien jaf li kont qed infittex, photobook ta’ Hans George Berger u Hervé Guibert, u ġewwa l-kopja tiegħi tas-Cyborg Manifesto daħħal envelopp b’żewġ ritratti żviluppati li konna ħadna d-dar tiegħu — qalli li, jekk irrid, inżommhom jew naħraqhom. Tbissimt, u ridt nurih biċ-ċar li veru apprezzajt dawn ir-rigali.


10 ta’ Novembru 2023

Nipprova 3-MMC għall-ewwel darba. Nasal id-dar ta’ E għall-ħabta tal-23h, wara li ltqajt ma’ wieħed għal birra u ddiżassoċjajt tant li ħassejtni high. E u B kienu qed jiċċilljaw, jieklu u jilagħbu Fortnite u jixorbu l-inbid. S qiegħed date ma’ artist li kien qed jitkellem miegħu dan l-aħħar. E jiddeċiedi li jordna 3-MMC u għalhekk nistennew lil tad-delivery u wkoll li S jingħaqad magħna wara d-date tiegħu (spiċċa ġie fis-sagħtejn ta’ filgħodu). Meta jasal tad-delivery isfel, E jgħidli biex immur miegħu. Meta ninżlu u niftħu l-bieb, il-persuna li nsibu quddiem wiċċna tgħidilna c’est à vous? (għalikom?) U aħna nwieġbu ouiiii (ivaaaa). Nagħmlu linja kull 20 minuta u nispiċċaw innaddfu gramma sħiħa. Nitkellmu dwar affarijiet każwali, b’mod vulnerabbli u hekk, nisimgħu lil FKA twigs u lil Ariana Grande fost oħrajn. Bqajna ngħidu li se nitilqu dalwaqt imma eventwalment tlaqna hekk kif ix-xemx kienet qed tisbaħ fit-tmienja ta’ filgħodu.


11 ta’ Novembru 2023

Ix-xemx tielgħa u qed tipprova tifrex kamarti bl-aħmar krimżi tagħha. Imma l-purtiera nofsha magħluqa u d-dawl li jidħol jinkiser u jitħallat tul il-ħajt maż-żebgħa bajda u jinbidel f’roża biered. Jien taħt il-friex, inħossni verament sħun. Nibda nkellem lil kull profil li nsib fuq Grindr imma ma jirnexxilix insib lil xi ħadd ma’ min niltaqa’. Jew idumu biex jirrispondu, jew ma jwiġbux, jew mhumiex online. Irqadt għal tletin minuta, komplejt it-tfittxija tiegħi, imbagħad qtajt qalbi. Għall-ħabta tas-14h, mort dritt għall-protesta tal-Palestina ma’ S fil-pjazza ta’ Republique. Inħoss tensjoni fl-arja, dwejjaq, kważi sens ta’ qtugħ il-qalb, tipo rġajna hawn, iva. Jien iħossni supergħajjien, bilkemm nista’ noqgħod fuq saqajja. Ma rqadt kważi xejn ħlief ftit minuti u kelli bżonn biss li nkun fis-sodda. Bqajna fil-protesta għal siegħa u nofs, qbadna l-metro minn Couronnes u waqafna Barbès-Rochechouart u mxejnieha sad-dar. Qgħadna naraw The Girl with the Dragon Tattoo (2011) waqt li nieklu ikel Indjan li ordnaw B. Mort norqod fl-22h.


12 ta’ Novembru 2023

M’iniex ċert jekk hux il-comedown mit-3-MMC jew sempliċement id-dwejjaq ġenerali tiegħi iżda ma tantx qed inħossni tajjeb. Filgħodu mmur is-supermarket La Louve ma’ B biex nixtri xi affarijiet tal-ikel, inkluż l-aïoli (li apparentament kulħadd kien jaf bih ħlief jien), l-addiction il-ġdida tiegħi. Aktar tard niġu lura d-dar u nippreparaw biex immorru l-festival tal-kotba Offprint. Kellna ninżlu mill-metro li konna fuqha u nitilgħu fuq oħra għax grupp ta’ adolexxenti omofobiċi kienu qed iħarsu lejna u jidħku u jitmejlu. Fil-Pavillon de l’Arsenale, ngħidu hello lil C li kienu hemm mal-magazine tagħhom u niċċekkjaw l-istands l-oħra. Mill-ewwel inħossni megħlub mill-ammont ta’ nies u wkoll diżappuntat għax kulħadd jibqa’ jħakkek mal-istands u għalhekk ma stajtx fil-fatt nara l-kotba jew inħossni komdu nħares lejhom. U xorta waħda m’għandix biżżejjed flus biex nixtri xi ħaġa, allura wara 30 minuta diġà kont lest u ħriġt. Wara, nagħmlu passiġġata u nispiċċaw Aujourd’hui Demain biex nieklu. Ħadt mac and cheese vegan, taco ċkejkna u latte bil-ħalib tal-ħafur li verament wara għedt aħjar ma xtrajt xejn. Ma tantx nitkellem u lanqas S. Lura d-dar, il-burdata tiegħi tibda titjieb xi ftit. Nibda naħdem fuq proposta ta’ proġett. Aktar tard naraw Carrie 2 (1999) u mmur norqod kmieni.


19 ta’ Novembru 2023

Nispiċċa Death Valley (2023) ta’ Melissa Broder filgħodu. Kont qrajt il-kotba tagħha So Sad Today (2016), Last Sext (2016), u The Pisces (2018) meta kont qed nagħmel il-Baċellerat Malta u kelli fażi fejn kont qed nisma’ l-podcast tagħha eating alone in my car fuq tal-linja. Death Valley għandu l-istess ton apert, tipiku ta’ Broder. In-narratriċi, nassumu li hija Broder stess, tmur toqgħod ftit iljieli fil-Best Western f’post verament imwarrab. Missierha qed imut l-isptar u kellha bżonn tqatta’ ftit jiem waħidha. Ladarba hemm, tiddeċiedi li trid tmur fuq hike fejn f’daqqa waħda tilmaħ kaktus enormi, u tidħol fiha, u tesperjenza viżjonijiet li jissorprenduha. S jaqtagħli xagħri fil-kamra tal-banju, issa m’għadx għandi rqajja’ ta’ xagħar isfar mis-summer look tiegħi: xagħri issa reġa’ lura għalkollox għall-kulur naturali tiegħu. Nibda naqra Ice (1967) ta’ Anna Kavan. Filgħaxija nitkellem ma’ wieħed fuq Grindr u jistedinni biex immur għandu. Jgħix ftit toroq bogħod f’Rue de Clignancourt, 485 metru bogħod, skont Grindr. Naħsel snieni u mmur. Meta niltaqgħu fil-bieb fir-raba’ sular, ngħidlu hi. Hu jidher nerdy bin-nuċċali kannella u l-jumper beige. Immorru fil-kamra tas-sodda tiegħu u mill-ewwel nibda nbusu kullimkien. F’ħalqu għandu riħa ħafifa ta’ sigaretti u ninnota li t-tarf t’isfel ta’ snienu ta’ quddiem għandu tebgħa kannella żgħira (sinjal li jpejjep). Dan jixgħelni b’xi mod, inħossni eċitat. Huwa jilgħaqli sidri u għonqi. Nerdgħu żobb xulxin u hu jilgħaqli sormi u jdaħħal subgħajh fija. Nilgħaq dirgħajh minn għonqu għal idu u nerdagħlu l-biceps. Inxomm sidru, għandu riħa sabiħa tal-għaraq bid-duħħan, u nbusu, imbagħad nerġa’ lura lejn sidru u nkompli nbusu. Waqt li qed idaħħal subgħajh fija, niġbidlu rasu eqreb u nilgħaq ilsienu, imbagħad inpoġġi subgħajja f’ħalqu u jeħodhom u jilgħaqhom waqt li subgħajh għadhom fija. F’madwar 15-il minuta niġu. Inqum u ninnota li għandu ktieb ta’ Kafka (naturalment) edizzjoni Folio Classique ħdejn is-sodda tiegħu mal-art. Għandu wkoll fuljett fuq il-fireplace mill-wirja Over the Rainbow li kienet il-Pompidou sa ftit jiem ilu. Jien u nilbes nistaqsih ismu. Ulysse, jgħidli. O qatt ma ltqajt ma’ xi ħadd jismu hekk, minbarra Odysseus (mhux li ltqajt miegħu) ovvjament, ngħidlu. Jgħidli li jaf xi erba’ jew ħames persuni bl-istess isem. Naħseb li huwa komuni fi Franza. Ngħidlu, à toute, beau gosse (narak, gustuż). Jgħidli, c’est toi le beau gosse (int il-gustuż), naħseb forsi b’mod awkward qisu ħass li għandu jirritorna l-kumpliment. Il-mixja lura d-dar kienet twila sigarett wieħed. Iktar tard immur nieħu birra ma’ S ġewwa Royal Custine u wara mmorru lura d-dar għax B għamlu pizza homemade (ftit maħruqa imma tqarmeċ u tajba). Għadhom id-21h imma diġà qiegħed fis-sodda naqra Ice .

Dekorazzjoni art-nouveau