Noti Editorjali #6

ma’ Ryan Falzon

« Jien dejjem għedt, jiena ħa nikteb fuq l-idea ta’ dominanza, fuq l-idea ta’ aggressjoni, fuq l-idea ta’ intrużjoni, invażjoni, permezz ta’ vettura u l-ħoss tagħha u l-kulur tagħha. Biss sibtni nikteb fuq xi ħaġa ħafna iktar doċli, ħafna iktar ratba. Sibt lili nnifsi nikteb fuq il-ħruġ tal-Ħadd waranofsinhar bil-karozza. Kienet għażla għax ħsibt ħafna fuqha, għax ovvjament il-ħruġ bil-karozzi llum il-ġurnata jsir ukoll. Il-Ħadd filgħodu kmieni huwa l-unika slott fejn wieħed jista’ joħroġ vettura klassika u ma jsibx daqshekk traffiku, forsi joħroġ ħafna iktar moħħu mistrieħ li mhux ħa jsib dak il-ġenn. Jekk għandu karozza ta’ preġju li tista’ tkun involuta f’aċċident... Imma jiena qed inħares lejn il-ħarġa klassika ta’ wieħed kiel, ħareġ il-karozza b’mod ċerimonjuż għall-aħħar, saq għal xi mkien, baqa’ fil-karozza. Ittratta l-karozza bħala estensjoni tad-dar, bħala kamra tad-dar, mar lura u daqshekk. Dan ġeneralment qatt ma ħareġ mid-dar, jiġifieri qisu baqa’ f’ambjent domestiku… Meta aħna ngħidu ħarġa l-Ħadd bil-karozza waranofsinhar ħafna drabi jiġu f’moħħna xi koppja anzjani jew koppja bit-tfal, biss ukoll hemm kultura fost iż-żgħażagħ li għadha b’saħħitha ħafna u kien ta’ faxxinu kif it-teknoloġija u l-avvanzi għenu biex il-karozza ġiet domestikata iktar minn qatt qabel. Jieħdu l-laptop magħhom jaraw Netflix fil-karozza u jġibu takeaway. Il-vettura li għandha l-potenzjal illi timxi u ddur u tiċċaqlaq tibqa’ statika, u vettura oħra tiġi sserviha. Jiena għalija dik hija affaxxinanti, il-fatt li qisek bqajt hemm, qisek litteralment qbadt kamra minn ġod-dar ħriġtha u poġġejtha xi mkien ieħor imma xorta bqajna fil-konfini tad-domestiċità. » .

Dekorazzjoni art-nouveau