Kelli f’moħħi nagħmel daqsxejn ta’ proġett is-sena d-dieħla, ilni ma ntella’ xi ħaġa.
Tajjeb, bħalissa hemm il-fondi miftuħin, tista’ tittanta xortik tapplika.
Ta’ min ija, għalkemm il-flus mhux kollox, u saru proġetti mill-aqwa kważi bix-xejn.
Nippjanaw xi ħaġa malajr?
M’għandix aptit illum, pejjipt u qisni sikspenz xaħam ġo karta.
U le, noħduha chill u nħażżu xi ħaġa bejnietna. Dawwar ieħor ara. Jien kelli f’moħħi nagħmlu naqra ta’ reċta, play, performance, xi ħaġa hekk.
Ija, x’ħa nirreċtaw tgħid?
Nirreċtaw Malta.
It-titlu: L-effetti tal-ħolma Muscatjana u t-tessut soċjopolitiku tal-gżejjer Maltin fis-sena 2023.
Int tista’ tkun President tar-Repubblika li, waqt li Malta barriera radam, diversions u tumbati b’binjiet imqammla tilgħin u niżlin, int iżżomm sieket, titkellem biss meta jkun propost żvilupp mostruż ieħor, din id-darba fit-triq tiegħek, maġenb id-dar tiegħek, imiss ma’ sormok.
U jien, min ħa nkun?
Int agħmilha ta’ membru tal-Moviment Graffitti li, flok qgħadt tixxaħxaħ Sant’Anton tilgħab ta’ Adam u Eva tippassiġġa fil-Ġnien tal-Eden, mort Kemmuna filgħodu kmieni titfa’ d-deckchairs il-baħar u taħtaf lura l-ispazju pubbliku. Għal dil-parti naħsbu għall-fondi biex inġibu kor professjonali jintona kantaliena Gregorjana “Ħalluhom jaqalgħu lira” mill-bidu sal-aħħar tar-reċta.
Kulħadd irid jaqla’ lira.
Tal-grocer jagħtik pakkett ilma ma’ xirja ta’ mitt ewro u jagħmillek timbru logo tal-ħanut, punt ma’ kull għaxar ewro li tonfoq. Iżjed kemm tonfoq iżjed tieħu punti ħa timla l-kartuna u tieħu wieħed sapun tal-platti, riħa agħżel int, f’idejk, għall-gosti tiegħek. L-estate agent iwikkilek kaxxa tal-bricks bis-servizzi mgħoddija ħażin, investiment b’veduta t’għalqa mmarkata għall-bini, blokka kwieta ta’ tnax kollox. Min bena ħa jżomm il-penthouse imma toqgħodx tiffittah, f’każ ta’ ħsara jew diżgwid, hemm inqabbdu maniġer tal-blokka, jiġi minni u jkellmu hu, ħalli l-affarijiet isiru b’serjetà. Tista’ wkoll tiffranka xi ħaġa tixtri minn fuq il-pjanta, il-bennej jaf nutar jagħlaq għajn waħda u avukat jagħlaq oħra. Il-branding agency ibellagħhielek li jagħmillek website tant tajba li tidher l-ewwel fil-lista fuq Google, u titfaċċa fuq kull rokna mbiegħda u mudlama tal-internet. L-interior designer li jidher fuq it-televixin bilqiegħda fuq pultruna sieq fuq sieq ifakkrek b’ton solenni li s-salott li tuża f’okkażjonijiet speċjali qdiem u ta’ min jaqla’ l-kamra mill-qiegħ la qegħdin fiż-żifna, nagħmlu fireplace tal-ġebla Maltija bil-lavur fil-kantuniera u niftħu tieqa żgħira tagħti għall-kċina. Lussu tgħaddi l-ikel b’kumdità meta jkollok il-mistednin. L-irkantatur jiffittak li hu imperattiv ikollok biċċa xogħol ta’ kull artist Malti modern, tiswa kemm tiswa, jekk trid l-istima ta’ kollezzjonist serju. Artisti tas-seklu l-ieħor eh, Gabriel Caruana, Antoine Camilleri, Esprit Barthet, dawk. Ta’ issa, it-tajbin, mur l-istudio, ġib ruħek ta’ pastaż, waqqgħalhom il-prezz, tqammel għal ħamsin ewro, u meta jibdew jiżmagaw u jbulu taħthom jew ikunu taħt it-trab, bigħ bil-għoli.
Ma jogħġbunix dawn ir-rwoli.
Mela —
Int irreċta xiħa verġni qatt ma missha raġel, pro-life b’kartellun ta’ embrijun u xemgħa f’idek quddiem il-parlament. Int chef, ir-restorant tiegħek, tikkummenta Malta tal-Maltin u tisloħ lill-ħaddiema barranin. Int oqgħod poġġi l-fjuri u x-xemgħat u r-ritratti fuq il-monument ta’ Daphne. U int, beritta mdeffsa f’rasek, kull tant ħin xkupa kollox fil-karretta. Int, tbigħ il-karozzi second hand bir-Rolex mal-polz, issaqsi lill-klijenti jridux turbo ġo mneħirhom, ħamsin ewro top il-full. Int, ilbes ta’ Baħħu Gazzu u kull tant ħin ħanxar, jaħliiii! Hekk, għall-gost.
X’jaħli imma?
Imbagħad ngħidlek f’widnejk.
U jekk xi ħadd isaqsini, x’ngħidlu?
Għidlu li kulħadd jaħli. Anki l-Perit Mintoff kienu jgħidu li jaħli. Int ħaddiem bil-bawżer ma’ sieħbek, issuqu nemla ssaqqu r-roundabouts fis-sebgħa u nofs ta’ filgħodu titkellmu fuq il-ħamiem u n-nisa sbieħ ta’ Sajf Ma’ Gaffiero Productions. Int Indjan tqassam l-ikel bil-mutur isserrep mal-karozzi, attent li ma jiksħux l-erba’ ċipsiet li qed iġġorr wara dahrek għax tispiċċa tħallas kollox int, u jaf titlef xogħlok ukoll. Int miżżewġa, kuntenta biss meta tbarri. Int uffiċjal ta’ Transport Malta jissara jagħmel xogħlu sew f’babilonja ta’ toroq magħluqin u tabelli maqlubin. Intom ilagħbuha ta’ grupp adulti koppji jew single tixtru s-CBD u l-vape tal-flavour, idduqu t-togħmiet kollha. Tal-ħanut iħalltilkom il-livell tan-nikotina u extra strong flavour tat-tuffieħ kif tħobbuh intom, oqogħdu ilagħbu hekk, daħħnu, ħudu pjaċir u ħallih ħa jonfoħ, kuġin.
Min jaf kieku hawn nirreferensjaw ’il-Midnight Express, meta kienu jaqbduk b’biċca blokka tal-Għarab, ħażina pesti, u jagħmlu reċta sħiħa waqt roadblock, passiġġati fil-qrati u multa żgħira?
Inżabbu. Tirfisx kallijiet.
Imma tinsiex, Midnight Express inħadem Malta u jekk nirreferu għalih bħala kuntest kulturali fl-applikazzjoni tal-fondi, jaf nakkwistaw punt.
Għandek punt.
Is-suġġett: Malta.
Għala fuq Malta r-reċta? Għajejna nisimgħu fuq dil-qaħba Malta.
Id-dinja hi Malta, Malta hija d-dinja.
Jekk is-suġġett ikun Malta, jgħinna nġibu l-fondi. Ir-reċta taqa’ taħt enrichment tax-xena artistika Maltija, produzzjoni teatrali għall-komunità, ko-mu-ni-tà, fhimt? Żvilupp tat-talent lokali, investiment fil-ġenerazzjonijiet, imħallsin bl-exposure u l-ħolm simplistiku. Il-viżjoni idillika li ta’ barra qed jistennew lilna, u aħna tajbin u uniċi għall-fatt li aħna Maltin bl-identità kumplessa eżotika tagħna. Ħallihom ħalli jiggustawna u jagħmlulna żiżi fuq rasna.
Mhux faċli tikteb fuq Malta. M’għadux faċli tikteb fuq Malta, jekk qatt kien. Faċli tpinġi ’l Malta tribujiet, il-blu professjonisti, il-ħomor bl-ispanner f’idhom u l-boilersuit żejtnija, Maltin kontra Għawdxin, tan-North u tas-South, tal-Belt, tal-Kottonera, iż-Żwieten, ta’ wara l-mina. Faċli l-antieroj ħalliem iħobb lil Malta kif jaf hu, iħambaq l-ideat irħas tiegħu ta’ nibnu pont imsaddad bejn iż-żewġ gżejjer b’waqfa Kemmuna, inħallsu lin-nisa jikkuntentaw ikabbru ż-żejżiet ħalli nkunu ferħanin u kulħadd iċarrat ħalqu. Faċli l-viżjoni infurmata ta’ soċjetà magħquda qaqoċċa bis-saħħa ta’ xena artistika impenjata u inklussiva. Viżjoni ppożizzjonata bir-riħ impoppa, il-qlugħ bl-emblema miftuħin pagun, il-boxxla ssettjata direzzjoni fondi pubbliċi, lagħqiżmu u paroli fieragħ. Faċli l-viżjoni ta’ Malta bħala l-aħħar stadju qabel apokalissi stil Nostradamus, fejn barra kollox jaħdem arloġġ u Malta erezzjoni disfunzjonali waħda.
Żmien il-firda spiċċa. Illum Malta magħquda taħt il-kappa tal-flus. Id-distinzjoni spiċċat. Malta post fejn titfa’ l-flus fil-karus. Karus minn dawk il-ħomor, tal-fuħħar, li ddeffislu u trosslu ż-żgħar u l-kbar, sakemm jimtela u tkissru biex tgħodd iċ-ċenteżmi u tillixxa l-karti tal-ħamsin. Tmur tiddepożitahom il-bank u fit-triq lura tippjana li tgħaddi għand Kelina biex tixtri karus ġdid, qabel tiftakar li Kelina żarmat u flokha hemm Convenience ieħor.
Malta kuntenti ma nirbħux, basta nieħdu sehem u nieħdu pjaċir u nesponu ruħna u ndaħħlu xi ħaġa fil-but.
Min jonfoq u min irekken.
Min jaqla’ u min jirkeb.
Min iħallas minn imnieħru u min itajjarhom.
Malta gżira ta’ ħin mejjet. Malta taħlilek ħinek.
Malta ma tistħix minn Alla li ħalaqha. Malta twiegħdek u ma twettaqx.
Malta post fejn trid titgħallem li ’l min jaħralek f’idek ma taħsibhiex darbtejn iċċappashulu ma’ wiċċu, b’vendikazzjoni.
Malta ma tistax toħlom.
Il-ħolm imut meta timxi mal-liġi, tagħmel kollox mal-pjani, tħallas il-miżati u l-multi u r-regolamenti kollha, imbagħad tinduna li ta’ maġenbek ma ħallas xejn u mar aħjar minnek għax tawh żewġ sulari żejda.
Il-ħolm imut meta żżur l-aħħar proġett ta’ tisbiħ u tinduna li proġett ħadrani jfisser radam, siġar nani, green walls, pajpijiet ħoxnin tad-dripp, erba’ bankijiet skomdi u rħama kbira b’isem il-ministru u s-sindku u l-viċi u l-voluntiera.
Il-ħolm imut meta tara r-riklami tal-gaming magħmula minn preżentaturi li jimlew il-programmi b’mistednin iwissu kontra kull tip ta’ vizzji u abbużi.
Malta rokna fejn ma’ min ilek tinnegozja żmien jaħxik għax issa ħuh ħaġa waħda mal-ministru u għandu l-power.
Malta ddaħħlek fi xkora.
Malta post fejn il-ħuta minn rasha tinten.
Malta forma ta’ ħuta, mela l-logo tal-proġett nagħmluh ħuta lampuka bħat-10c l-antika għal naqra nostalġija u punti massimi fl-applikazzjoni.
Buli int, ġewwa x-xilep!
Is-sett: is-sett faċli u ma jiswiniex flus. Kemm narmaw scaffolding u erba’ fallakki nkallati biċ-ċarċir ta’ konkos u tikħil. Nistgħu norbtu żewġ bozoz inemnmu bil-fildiferru ppuntat maqtugħ bl-addoċċ.
U le, wisq ovvju. Is-sett irid juri xi ħaġa oħra.
Washroom glorifikata bħala penthouse, veduta ta’ ħwejjeġ minxurin, appoġġi bojod, bjut ġonna bil-pjanti jibku bewla ilma u xi erjal tat-televixin imqadded. Loki f’każin bi xkaffa mera mwaħħla f’kantuniera. Flat tal-gvern miżbugħ magnolia f’kuritur imħallat familji onesti u oħrajn mhumiex. Booth privat fi strip club ġeneriku Paceville, fejn żeffiena minn kull rokna tal-globu, ħaddiema tal-bar u bouncers bla liċenzja kollha konfoffa, ħadma waħda kif ħa jisirqu ’l xi barrani jfittex nejka tajba fl-aħħar lejl vaganza. Ġnien pubbliku mudlam bil-bozoz maqtugħin, tabelli vvandalizzati u tankijiet imfawrin ħara tal-klieb. Bar tal-ħaddiema mżejjen bit-tifkiriet ta’ Isard du Pont, trakkijiet imberflin, boxers bl-ingwanti lesti għall-ġlied u pitbulls b’widnejhom imqasqsin. Sala kkundannata bix-xibka tas-saqaf skeletru fl-Isptar Monte Carmeli, kulħadd ħallata ballata, xjuħ abbandunati, xorb u logħob, drogi u kundizzjonijiet. Kamra mwarrba fil-kwartieri tal-Partit, fejn jiltaqa’ min irid jinnegozja l-faħam miblul. Bank trankwill il-pjazza tar-raħal, bħad-diska ta’ Enzo Gusman. It-teatru ta’ Piano, basta mhux fix-xitwa, għax ikollna nġibu sponsor tal-inċirati u l-umbrelel.
Naħseb li għandna nkunu ambizzjużi u nħarsu lejn il-Fosos tal-Furjana. Open air.
Wisq. Imqar l-Istitut Kattoliku. Jekk insibu, xi bini mitluq u nlibbsuh naqra dawl atmosferiku. Naħseb jaqblilna iżjed għall-iskop tagħna.
Qbilna. Innovative use of space that should enrich the accessibility and perception of the cultural scene.
Il-mużika: x’mużika ħa ndoqqu?
Naħseb l-aqwa għażla għall-punti massimi hi xi ħadd għadu jibda, u mhux is-soltu Chiara, Tenisha, Ira — dik għadha tkanta? — jew il-kor ta’ Phyllisienne Brincat. Xi ħadd iħarbex wara d-decks inġibu, xi waħda ċċenċel il-kitarra, xi wieħed jirriċikla l-lirika fuq l-emozzjonijiet imqallba tal-ħajja, basta din tkun l-ewwel dehra pubblika wara ftit videos ta’ suċċess limitat imxandrin live mill-kamra tas-sodda, ħwejjeġ imqallbin u qliezet ta’ taħt imferrxin.
L-azzjoni: x’inhi l-azzjoni f’din ir-reċta?
Mhux wisq. Ser jiġri ħafna, imma fl-istess ħin, ma jiġri xejn ta’ sustanza. Nistgħu niftħu b’xena nsuqu minn fuq flyovers nofshom kompluti waqt li nqallbu l-Facebook weqfin fit-traffiku, ritratt wara l-ieħor ta’ Malta lura fil-passat, l-għelieqi, il-mogħoż jirgħu u jmeċilqu, it-tfal jilagħbu ħafjin, toroq vojta, il-bini żewġ sulari. Malta tikkuntenta lil min iħobb imur sal-Lidl għal offerti fażulli ta’ ħaxix imnawwar u gallettini skaduti, bil-karozza impurtata mill-Japan, jidgħi fit-traffic imma jikkonsla għax l-AC silġa u t-tank tad-diesel mimli full u waqt li jsuq pass ta’ nemla juża l-Bluetooth biex iċempel parlata m’ommu, hands free, bla riskju li jaqla’ ċitazzjoni mingħand warden għassa moħbi wara siġra, għax l-aħħar tax-xahar magħna. Lussu kbir. Malta lussu għal min moħħu ma jwassalx li l-ħin moħli fit-traffiku, fil-karozza, ġej jew sejjer ix-xogħol, mhux imħallas għalih. Maqbud f’serbut għax il-flyover ma solvietx wisq u l-oħra suppost tlestiet sena ilu, imma sabu katakombi u b’rispett tar-residenti ma ħadmux billejl u l-maltemp għamel ħerba u l-materjal skars. Jekk hawn se nagħmlu projection ta’ xi ritratti tal-ħerba, ara li ngħattulu kunjomu ’l-kuntrattur.
Xena ta’ artisan market kulħadd ipejjipha homegrown, jonfoħ id-duħħan itajjar il-positive vibes, ibigħ il-ġizirajjen importati mill-Indja bl-ixkejjer u msielet fildiferru b’ħaġra falza taparsi prodotti lokali magħmulin b’ħafna mħabba ġejja mill-qalb safja. Wara nassistu għal session yoga bil-qliezet issikkatti żżejjed u rġiel b’leħja twila, għajnejhom magħluqin, bilqiegħda, riġlejhom imsallbin, itambru fuq strumenti primittivi.
Xena minnhom tkun kju ta’ nies quddiem il-magna tal-fliexken. Xiħ jissarra jdeffes landa kbira tat-tlaħliħ tal-ħwejjeġ għax hekk sema’ fuq ir-radju u int tindaħalx għax jien nafhom l-affarijiet tiegħi, sakemm il-magna tiżboxxla, tintefa u kulħadd idawwar denbu jkaxkar xkora fliexken jistennew li jiġu msarrfa ftit ċenteżmi. Il-magna tagħmel ħsejjes indimunjati waqt li x-xiħ jissara magħha, qisu ġej it-terremot tal-apokalissi dritt minn qiegħ il-baħar.
Xena fejn grupp żgħir ta’ voluntieri f’kappella minsija minn Alla jagħmlu raffle hamper u jirbħuh huma stess, għax ħadd iżjed ma xtara biljett. Hawn id-dawl ikun aħmar dirett fuq il-pakkett rigal u l-atturi jġibu ruħhom semibalali.
Xena logħba futbol tat-tfal, missier perpetwalment iddispjaċut, iħabbat mal-fence indannat, jixxuttja s-seats għax il-kowċ tal-Under 12 preferenzi, u ’l ibnu jilagħbu għaxar minuti kollox. Iċ-ċekċik tal-ħadid ikun itarrax, ħalli joħroġ id-disprament.
Xena ta’ erba’ attivisti jaħarqu gaffa u jisprennjaw l-anarkija mal-mobile toilets f’isem ir-rivoluzzjoni u l-avventura.
Xena oħra tkun ta’ koppji siekta jieklu Marsaxlokk fil-weekend, il-Ħadd f’nofsinhar, imeximxu l-ħut attenti għax-xewk, naħa baħar imdardar, naħa karozzi jħokku man-nies, warajhom il-monti, quddiemhom luzzu jinxef minn passata ħoxna verniċ tal-Hempel. Id-dawl minn wara jgħammex lill-udjenza, jimita x-xemx Mediterranja. Multisensory experience.
Xena ta’ gabbana tokkupa nofs ġnien pubbliku, fejn wieħed jgħajjat biex iżidlu ċipps bla melħ mal-ħobża, l-ieħor jingħi għal te vojt, oħra tordna bezzun mhux ftira kunservafażolabaslaperżutbajdasalamiblatadam, u ieħor f’rokna jilgħab in-numri fuq l-idejn.
Nistgħu nqajmu naqra eċitament u nagħmlu xena għawma nudista f’bajja mwarrba.
Jew xena fejn tfajla tmur dates ma’ ġuvintur differenti mit-Tinder u ssib li wieħed sekond kuġin, l-ieħor in-neputi tal-ġar il-ġdid, l-ieħor l-eks ta’ kollega, ieħor insietu mill-Junior College u hu ma nsieha qatt, ieħor isewwu għand l-istess mekkanik, u biex ma tiġġieled ma’ ħadd, taħxihom kollha kemm huma, kif iħobbu huma.
Ġuvni bidwi trankwill fuq xogħlu, f’għalqa kannabis imdawra qasab taparsi jkabbar il-ħaxix tal-borma. Hawn, l-użu tal-ismoke machine jrid ikun eċċessiv, biex ma ninsewx ninkluduh fl-ispejjeż proposti.
Provi ta’ reċta għall-Ġimgħa l-Kbira wara x-xogħol, fejn jinqala’ argument kbir dwar in-natura tar-relazzjoni bejn Sidna Ġesù Kristu u l-figura tal-Veronika.
Ikla fniek l-Imġarr jew il-Baħrija, politikanti jagħtu bil-minkeb, imeċilqu d-dejf u jieħdu selfies imbissma mal-familja u l-kanvażers, il-Ħadd it-tajjeb ħbieb, inkomplu naħdmu, imma llum noħduha vaganza nonoraw it-tradizzjonijiet Maltin, għax biċċa laħam bħal din ma ssibha mkien ħlief fil-ġenna tal-art li hi Malta.
Ċorma żgħażagħ u mhumiex joqomsu għalenija fuq l-imwejjed f’after party ta’ ħanut bil-bieb magħluq u mużika ddamdam.
Nagħmlu biċċa fuq li taparsi kulħadd jitlaq minn Malta u tispiċċa gżira deżerta?
Le, wisq tad-dwejjaq naħseb f’hekk. Mhux kulħadd jitlaq. Jitlaq biss min jixba’ mill-kazzati jgħawru fil-laħam il-ħaj, bit-tama li, għall-inqas, il-ħaxi jkun distakk biżżejjed li ma tarahx ma’ kull kantuniera, f’kull min mingħalih laħaq. Min qed isaltan ġor-renju inċestwuż hawn jibqa’, jaħxi u jbambal u jkattar u joktor.
L-intervall: fl-intervall nuru clips satiriċi.
Video qasir ta’ kantant ġeneriku Malti jdoqq “Xemx” u “Sweet Caroline” fuq ajruplan sejjer missjoni l-Kenya bi grupp voluntieri, idoqqilhom ħalli jferraħhom, u raġel fuq wara jsodd widnejh. Video qasir #tbt ta’ street party minn tal-Covid idoqqu “Xemx” u “Sweet Caroline”, ixejru mill-gallarijiet u jċapċpu lin-nurses waqt li jgħaddu l-ikel minn gallarija għal oħra.
Video qasir ta’ merħla waqt tieġ iwerżqu “Xemx” u “Sweet Caroline”, u xi ħadd jiżloq. Video qasir ta’ ċelebrazzjoni ta’ rebħa tal-kampjonat tal-futbol, jgħollu t-tazza, iħanxru “Xemx” u “Sweet Caroline”, wieħed jolqot lill-ieħor, u jaqbdu jagħtu. Video qasir ta’ attività tal-massa fuq il-Fosos, singalong “Xemx” u “Sweet Caroline” touching me touching you, jaqbdilha sormha u ttihielu ġo wiċċu qabel joffrilha linja u jirranġaw kollox, marsusin fil-mobile toilet imġiddem pesti. Video ta’ tlett irġiel fl-2023 lebsin tas-Slaten Maġi u kif jaslu l-pjazza biż-żwiemel, għal ftit briju, idoqqu “Xemx” u “Sweet Caroline”. Maż-żeglig, wieħed jispiċċa bla turban u żiemel minnhom jiftaħ bexxiexa f’nofs il-folla. Tidħol tixtri tibdila u tisma’ “Xemx” u “Sweet Caroline”. Wara, it-Travellers b’dak l-aċċent Għawdxi Amerikan, u xi ħadd isabbat il-ħwejjeġ bl-ispalliera b’kollox ġol-hangers għax xeba’ jisma’ l-istess u jitlaq ’il barra, qalbu mgħarrqa dagħa.
Tajjeb li l-arti mhux dejjem serja u noħolqu lok fejn kultant nidħqu tnejn, għala le?
Dan il-kunċett inniżżluh fl-applikazzjoni. Noħolqu ftit ironija billi nitolbu l-udjenza jieħdu video jkantaw “Xemx” u “Sweet Caroline” f’sitwazzjonijiet assurdi, biċ-ċans li jirbħu tnejn kafè u biċċtejn arti valur ta’ mitt ewro. Daqsxejn outreach.
Il-kostumi: awtentiċi miċ-Centro Moda jew xi kazz ta’ teleshopping ieħor. Ħwejjeġ vintage u mill-bazaar kif moda, imbagħad nerġgħu nbigħuhom. Ħwejjeġ esklussivi lussużi, imqar għall-preżentaturi tas-serata. Niddubbaw sponsor minn xi designer Malti li jdeffes is-salib ta’ Malta jew xi Widnet il-Baħar fuq kull but u għonq, ma jmurx ninsew li aħna Maltin kburin. Ma jmurx il-barranin jiġġudikaw fuq il-prodott innifsu u jinsew li Malta gżira żgħira żvantaġġata; tħassarna daħħalna ħallasna ħu ħsiebna. Nikkollaboraw mal-istudenti creatives tal-MCAST, joħorġu b’xi ħaġa innovattiva huma, basta rħisa, inkella toħroġ minn buthom. Naħdmu ma’ xi kumpanija tal-karnival u mmorru fuq il-grottesk. L-atturi jużaw il-ħwejjeġ tagħhom ta’ kuljum, u neħilsu ħafif.
Tajjeb wisq. Tal-aħħar, meta d-dati tar-reċta, ħalli nibbukkja l-leave mix-xogħol?
Nibgħatlek id-dati eżatt meta nagħlaq u nissottometti l-applikazzjoni.
Bilħaqq, ’qas għedtlek. Mhux ħa nagħmluha r-reċta.
Eh le? Għala le?
Għax ma tawniex fondi .