L-użanza tal-ħarġa bil-karozza, ta’ ejja mmorru nduru dawra ħa jgħaddi l-ħin, għadha waħda b’saħħitha. Il-Ħadd waranofsinhar, għadek tara ringieli ta’ karozzi bin-nies ta’ kull età kkakkmati fihom — f’lokalitajiet b’veduta fejn wieħed jista’ jsorġi l-vettura u jgawdi l-beraħ wara ġimgħa magħfus fit-traffiku. Jitpaxxa bix-xenarju li joffru l-parkeġġi bejn il-Blue Grotto u t-tempji, Ħad-Dingli u Baħar iċ-Ċagħaq, waqt li jiekol xi ħaġa jew jgħid kelma fil-karozza. Matul il-ġimgħa, mal-lejl, hi drawwa komuni li tara żgħażagħ dilettanti tal-karozzi miġbura l-Luxol jew il-parkeġġ tal-Addolorata tal-Marsa jammiraw il-vetturi ta’ xulxin. Oħrajn jinteressahom biss li jsuqu waqt il-kalma, relattiva, li taqa’ fit-toroq malli jidlam. Jitilgħu għand is-Serkin jew jgħaddu xi drive-thru jixtru l-ikel, u jibqgħu jduru jduru sakemm isibu lok jogħġobhom, u jieqfu hemm għal ftit. Id-drawwa li l-ħarġa tkun li wieħed joħroġ il-karozza mill-garaxx, isuq sa post, jibqa’ fil-karozza u jmur lura, ġejja mill-fatt li l-karozza titqies estensjoni tad-dar, kamra oħra, kemm fl-estetika u kemm bl-użu.
Fin-nostalġija popolari ta’ diversi Maltin u turisti li żaru l-ġżejjer fl-aħħar kwart tas-seklu għoxrin, speċjalment turisti Brittaniċi li baqgħu jiġu vaganza hawn għax-xemx, il-baħar, il-lingwa miftiehma u l-birra rħisa, Malta għadha tokkupa l-pożizzjoni ta’ mużew miftuħ ta’ karozzi klassiċi. Karozzi klassiċi mhux biss skont ir-regolamenti uffiċjali, dawk il-vetturi li fil-preżent jaqgħu fil-kategorija ta’ vetturi li għandhom ’il fuq minn tletin sena. Mhux biss dawk bil-pjanċi tan-numri fuq sfond iswed, ittimbrati denji wara li għaddew minn taħt l-għajnejn skrutinju tal-awtoritajiet li kollox hu tal-epoka. Mhux dawk miżmuma għall-moxt u l-mera, għad-dawra tal-Ħadd, li f’sena joħorġu mill-garaxx drabi tgħoddhom fuq subgħajk. Sa tmiem id-disgħinijiet, il-karozzi klassiċi kienu dawk kollha fuq sieq waħda, uħud minnhom imorru lura għall-ħamsinijiet, li kienu rabbew l-għeruq u saru parti integrali mill-vernakular viżiv lokali.
Il-katalist għall-bidla fil-kultura lokali tal-karozzi kien it-test tal-VRT, introdott f’Malta fil-1999. Dan it-test beda jagħfas sew fuq l-emissjonijiet, u fi żmien sentejn ammont sostanzjali ta’ vetturi ġew volontarjament skreppjati, inkella weħlu mill-VRT u kellhom jintremew. Kienet dehra komuni li karozzi spiċċuti kienet tiskadilhom il-liċenzja, ineħħulhom in-numri u jħalluhom fit-triq, jew f’passaġġi tal-kampanja sakemm jinġabru b’rapport. F’intervent ta’ Triccas mal-Kemmuna Airways fil-programm Televixin fuq Net TV, waqt li qed ibassru kif se tkun il-ħajja wara li Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea, jesprimu sarkażmu fuq “il-kanna tal-VRT” u ottimiżmu li issa se neħilsu mill-karrakki u nixtru l-ġdid, “bye bye sadid”. (Minflok il-ġdid, waslu l-importazzjonijiet mill-Ġappun, u iżjed tard mill-Ingilterra.)
Qabel daħal il-VRT, l-aċċessibbiltà, l-abbundanza u l-faċilità li bihom kienu jissewwew karozzi bħal-Lada, il-Marina, il-Yugo u mudelli speċifiċi tal-Ford u l-Fiat, għenu sabiex dawn il-karozzi servew fuq li servew. It-terminu “ħobż il-fqir” għadu spiss jitla’ f’konverżazzjonijiet dwar użanzi u mudelli antiki, fejn ċerti mudelli għadhom meqjusa bħala punt ta’ aċċessibbiltà, meta l-klassi tal-ħaddiema lejn l-aħħar tas-sittinijiet kienet saret taffordja toħroġ karozza ġdida, waħda kull familja, li biha bdiet tmur u tiġi mix-xogħol fil-kumdità u l-privatezza. Dan seta’ jitqies bħala pass ’il quddiem, akkwist ta’ flessibbiltà lil hinn mix-xkiel li wieħed kien ikollu jbakkar biex jilħaq il-vann ipprovdut mill-post tax-xogħol, inkella jistenna x-xarabank f’vendi ffullati jew xi stage tal-ġebel riħa ta’ bewl taqsam. Dan l-akkwist ta’ vettura deher bħala liberazzjoni, issa li wieħed ma baqax jiddependi fuq il-pubbliku u l-individwu seta’ jopera b’mod privat. Fl-esej tiegħu Traffic, miktub fl-1959, Guy Debord jargumenta li l-karozza hija prodott sovran ta’ aljenazzjoni, u prodott essenzjali tal-kapitaliżmu. Debord jikkwota lil Le Corbusier fejn jgħid li l-ħin li wieħed jagħmel jivvjaġġa minn u lejn il-post tax-xogħol hija ħidma bla ħlas. Bħala soluzzjoni, Debord joffri l-idea li wieħed għandu jsib mezzi kif l-ivvjaġġar minn u lejn il-post tax-xogħol isir sors ta’ pjaċir fih innifsu. L-imħabba tal-Maltin lejn il-karozzi, lejn il-fatt li qegħdin isuqu, l-attenzjoni u l-fissazzjoni fuq il-vettura x’aktarx minn dejjem kienet dak is-sors ta’ pjaċir, kif ukoll kumpens għall-istat ħażin tat-toroq u għall-infrastruttura fqira. Aħjar maqbud f’karozza armata, sabiħa u nadifa milli maqbud ġo kaxxa tal-metall ordinarja.
Li wieħed ikollu karozza kien ukoll mezz sabiex ir-raġel joħroġ lill-familja dawra nhar ta’ Ħadd bil-karozza. Joħodhom il-Buskett, Ħad-Dingli, ġurnata baħar fis-sajf, jew jumejn Għawdex mingħajr ma jiddependu fuq il-limitazzjonijiet tar-rotot tat-trasport pubbliku. It-terminu “ħobż il-fqir” jestendi wkoll meta jitfaċċa xi vann Transit Mk 1 jew Mk2 li sal-lum għadu jintuża għal kull tip ta’ ġarr, ġbir tal-ħadid għar-rimi, jew ikkonvertit f’camper bla wisq xinxilli. Xi trakk Leyland ta’ quddiem ċatt għadu jridha, kollha tberfil, sidu daru m’ilux u għadu jaħdem bih kuljum jiġbed għal sidru, mgħobbi knaten tiela’ t-telgħa wieqfa ta’ barriera fonda. Id-diskors jinkludi l-magni BMC, li tant kienu robusti u rudimentali, li setgħu jitħaddmu bil-pitrolju, jew b’taħlita diesel pitrolju, bħalma hawn min jgħid kienet tintuża għall-karozzi tal-linja s-sofor.
F’filmati ta’ natura diversa minn dawk iż-żminijiet jinqabdu, b’intenzjoni jew aċċidentalment, qawsalla kuluri fit-toroq. Xi Anglia żewġ kuluri tal-ħamsinijiet għadha tterraq, avolja s-seklu wasal biex jispiċċa. Minis kontra Minis. Austin Cambridge fuq ġenb għax ix-shock absorber tal-lemin kaputt. Xi vann Prefect magħluq mgħobbi balal tat-tiben, bil-bibien ta’ wara marbutin b’qafla. Xebgħa Escort Mk1 fl-aqwa tagħhom, mudell li għadu s-sultan tas-slaten fi ħdan demografija partikolari tal-popolazzjoni Maltija. Capri. Cortina. Vauxhall taċ-ċoff. Xi Hillman bil-vjatku. Morris tal-kaxxa miżbugħin ċelest tal-Madonna, bil-faxx abjad, bil-fjuri mberflin biż-żebgħa taż-żejt taħt il-fanali, u ddedikati lil xi qaddis patrun tar-raħal, jew artist tal-films bħal Errol Flynn, Tyrone Power, Tom Mix. Il-karozzi kienu jissewwew, jitraqqgħu meta s-sadid jagħmel tiegħu, jinżebgħu, jitgħaqqdu, kollox minbarra jintremew. Is-sidien ta’ dawn il-karozzi kienu, fil-biċċa l-kbira, nies li għexu t-Tieni Gwerra Dinjija, u dawk tal-ewwel ġenerazzjoni li ġiet warajhom. Il-mentalità ta’ erfa’ u sorr għal meta tigi bżonn u l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi tal-perjodu, kollha b’xi mod għenu sabiex din il-konverżjoni organika żammet sa tmiem id-disgħinijiet. Mhux wisq ’il bogħod mill-famużi karozzi ta’ Cuba, fejn għadhom sal-lum jintużaw ħafna vetturi Amerikani tas-snin ħamsin minħabba embargo twil li waqqaf l-importazzjoni ta’ karozzi ġodda.
Kien hawn min jgħid li l-makkinarju tal-kostruzzjoni Inġliż kien jiġi jmut Malta. L-importazzjoni tal-krejnijiet Coles u t-trakkijiet mibnija fir-Renju Unit, bħal-Leyland u l-Bedford, kienet komuni ħafna Malta bejn il-ħamsinijiet u t-tmeninijiet. Bħala eks kolonja Brittanika, Malta kellha aċċess faċli għal vetturi mmanifatturati fir-Renju Unit. Bosta minn dawn il-vetturi kienu inizjalment importati għall-użu militari u governattiv, u ħafna minnhom eventwalment intużaw għal skopijiet ċivili. Il-popolarità tagħhom bdiet waqt ir-rikostruzzjoni ta’ Malta wara t-Tieni Gwerra Dinjija u l-iżvilupp infrastrutturali ta’ dak iż-żmien, fejn kien hemm domanda kbira għall-makkinarju tal-kostruzzjoni. L-użu mifrux ta’ dawn il-vetturi għamel is-sejba ta’ spare parts, minn sorsi lokali inkella impurtati, u l-manutenzjoni tagħhom aktar faċli. Għalkemm il-preżenza ta’ trakkijiet u krejnijiet Brittaniċi f’Malta baqgħet b’saħħitha għal għexieren ta’ snin, bdiet tonqos gradwalment bil-wasla ta’ alternattivi iktar moderni mill-Ewropa, u l-karozzi “tal-Ġapan”. Biss, min kien jiċċajta li l-vetturi antiki kienu jiġu jmutu Malta kellu żball. Il-vetturi kienu jintbagħtu Malta biex jiġu rxuxtati u jgħixu għal dejjem, hawn fejn il-klima ma tkiddhomx u sidhom jinqala’, kapaċi jagħmel il-mirakli bi spanner u bott Easy Start. Testimonju ta’ dan huma ismijiet u frażijiet imberfla mal-vetturi, bħal Born Again, Reborn, Back on the Road, Resurrection u Eternal Life. Mhix ħaġa kbira li l-ismijiet ta’ diski popolari, bħal Forever Young tal-Alphaville u Made in Heaven tal-Queen, imċafalsa mal-faċċata jew il-ħġieġa ta’ quddiem kienu hemm għall-istess raġuni.
Jien li kbirt f’Malta tad-disgħinijiet, għandi memorji ċarissimi ta’ karozzi b’kuluri vivaċi, jgħajtu, kollox daqqa ta’ pinzell minn landa Hempel, ladarba ma setgħetx tinsteraq iżjed żebgħa mingħand il-militar wara li telqu s-servizzi fl-1979. Ma kienx jimporta jekk il-karozza tqattarx iż-żejt, jew iddaħħanx, jew għandhiex bżonn ta’ ġebla mar-rota meta wieħed jipparkjaha f’niżla. L-importanti kienu l-istickers tal-Vibes jew il-Grotta mwaħħlin f’nofs il-ħġieġa ta’ wara, li tant kienu komuni fuq il-karozzi, kont taħseb li kienu joħorġuhom bihom mill-fabbrika, trim addizzjonali, bħall-GT jew is-Super. Trims addizzjonali oħra kienu xi sticker rettangolari ta’ Padre Pio Proteggimi ma’ waħda mill-ħġieġ tal-ġenb ta’ wara, jew dawk l-istickers tawwalin iswed fuq abjad I Love Jesus jew Jesus Loves Me. Strixxa tape tad-dawl ikkulurit it-tul kollu tal-vettura bħala gost. Fanali miżjuda max-xibka ta’ quddiem, jew nagħla mehmuża bil-fildiferru. Faxx tawwali mal-ħġieġa ta’ quddiem, visor kontra x-xemx personalizzat b’emblema personali: it-titlu grandjuż, il-laqam tal-familja, l-artist jew id-diska favorita, jew l-isem taż-żiemel imħażżin b’tipa soda, jew bil-magħqud. Stickers ġeneriċi, silwett ta’ Ozzy Osbourne jew Bob Marley, illużjoni ta’ żlieġa sewda jew ħamra mwaħħla fejn jiġi, graphics futuristiċi tribali li ndifnu darba għal dejjem mal-qalba tas-seklu. Bandalora fil-minjatura sfond aħmar u abjad, naħa s-salib ta’ Malta u n-naħa l-oħra xenetta ta’ luzzu, bil-bizzilla mat-truf. Għas-sajf kienet tintrama xi sunvisor li tinfirex mal-windscreen u żżomm b’suction cups insipidi, dawk ilellxu b’reklam tal-insurance jew prodott lokali, inkella oħrajn bi stampa ġenerika ta’ mudella Nordika tixxemmex bil-caption I LOVE MALTA. Il-famuż dendul ta’ qrun, dadi kkuluriti, siġar ikkuluriti mfewħa mal-mera, jew dawk kwadri juru mara bjonda bin-nokkli u żejżiet enormi, xi Pamela Anderson bil-malja ħamra ta’ Baywatch tippoppa minn wara l-windscreen maqsum ta’ Morris Minor minn tal-bidu.
Ta’ tifel li kont, dejjem xtaqt insib waħda minn dawn id-denduliet mormija, mhux biex noqgħod inħares lejn iż-żejżiet, imma biex ikolli, biex inkun parti mill-gwappi. Bħalma l-gwappi kienu jmorru jnemmsu lil Samantha Fox, li kienet ipparkjata f’kull garaxx Malti, f’dal-każ dak mudlam ta’ mekkanik ftit ’l isfel mill-mużew. L-istorja favorita tiegħu, li kien jirrepetiha lit-tfal kull ġimgħa, kienet dwar kif kien intasab jammira saqajn Samantha Fox kunċert sħiħ meta kantat Malta, f’disco jismu r-Raffles fl-1988, u kemm xtaq li wara l-kunċert kien hu li ħadha dawra bil-Cortina jimxi bis-sound li kellu dak iż-żmien. Dan il-mekkanik kellu wkoll kollezzjoni ta’ kalendarji fejn ix-xahar u d-data trid lenti biex tarahom, għax l-attenzjoni dejjem misruqa minn nippliet jgħammxu kristall, qtar mielaħ jiżżerżaq ma’ ġisem midluk żejt, malja kemm kemm tgħatti x-xaqq, u palma fl-isfond. Ħbieb iżjed avventurużi ma kinux jistennew li jsibu xi dendula li tqarmċet u ntremiet barra mit-tieqa, xi arma li żżerżqet minn fuq il-bagolli biż-żmien, imma kienu attivament jaqilgħu u jobormu armi tal-karozzi, tarki tas-salib ta’ Malta jew is-sofor tal-AA, jew ittri minn karozzi differenti sabiex jiffurmaw isimhom. Is-sangraal kienu l-boċċi tal-gear lever minn karozzi li kienu jitħallew miftuħin, jew bis-sokra difettuża. Barra l-famuża boċċa tal-biljard sewda, ħafna drabi mibruma mill-każin jew xi sala tal-logħob, imtaqqba u mwaħħla bħala maqbad tal-gear lever, kien hemm oħrajn ikkuluriti sew, b’saffi ta’ reżina qishom ġelu ffurmati f’pum, u xi ġugarell tal-ħelu tax-xorti bħal ajruplan, karozza jew żiemel inkastrati fihom. Oħrajn iżjed sofistikati kien ikollhom armi ta’ prestiġju fit-tlielaq professjonali, bħal Abarth, Ferrari jew Lotus. Minn informazzjoni li ksibt, uħud minn dawn il-pumijiet kienu jsiru f’xi fabbriki lokali waqt il-break minn materjal skartat, u jinbiegħu baxx baxx, tant li min kien jakkwista waħda kien iħossu li għola grad fil-ġerarkija tad-dilettanti.
Fid-diska “Il-Pjaċir Tiegħi”, mill-1985 jew l-1986, Triccas jagħti deskrizzjoni ċarissima ta’ Prefect sprennjat metallic b’faxx isfar skur, armat b’sett rimmijiet, karburaturi Weber 48 u stereo Roadstar li jifqagħlek it-tanbur. In-nisa kollha jitolbuh rikba meta jitla’ Buġibba, bil-garanzija li ħa jaħxi żgur grazzi għall-Prefect, li aħjar minnu m’hawnx. Il-Maltin iħobbuhom il-karozzi, il-personifikazzjoni tal-vettura, il-kumdità u l-prostetika tagħhom. It-terminu “Maltese trim” spiss jintuża f’siti fejn isir bejgħ ta’ karozzi klassiċi esportati minn Malta, u jirreferi għal modifikazzjonijiet u dekorazzjonijiet popolari f’Malta li jagħtu lill-vetturi dehra aktar sportiva, jew aggressiva. Dan kien jinkludi l-installazzjoni ta’ rimmijiet akbar minn dawk standard, seats tal-Ford Capri fuq l-Escort, u dekorazzjonijiet tal-chrome fuq vannijiet Transit. Karozzi bħall-Escort u s-Sierra spiss kellhom spoilers aftermarket, dashboards b’iktar strumenti, jew ħġieġ tinted.
Għandi memorji personali ċari ta’ karozzi partikolari, bħal:
Hillman Super Minx miżbugħ ileqq nofs ċelesti nofs blu tal-baħar, mgħobbi familja nhar ta’ Ħadd kmieni waranofsinhar, tiela’ ajruplan bil-qajla l-qajla t-telgħa ta’ Ħal Luqa. Isuq fin-nofs u l-karozzi ta’ warajh ikollhom jidħlu fil-karreġġata tan-naħa l-oħra biex jaqbżuh. Tul il-ħġieġa ta’ wara, sticker ivvektorizzata tar-Redentur ta’ Guido Reni, b’dik il-ħarsa ta’ agunija sesswalizzata, l-istess disinn li minn fuqu kienu jsiru t-tattoos fuq id-driegħ, is-sider, id-dahar miftuħ. Bl-istess arja u sigurtà ta’ Paulie tal-Goodfellas, il-Hillman jimxi bil-mod, imma jagħmel hekk għax ma kellu jżul min-nofs għal ħadd, lanqas jekk tiela’ ġuvni b’Fiat 131 oranġjo ruġġjata jagħfas magna miftuħa tarmi għoxrin lira petrol ħarġa minn Ħal Qormi sal-ajruport. Trid seba’ għajnejn biex tarah, idoqq il-Modern Talking fuq Pioneer ġdid, l-ixkaffa ta’ wara mtaqqba speakers, isemma’ t-triq, jinki, jinforza l-preżenza tiegħu bħala l-pezzonovante, jinvadi l-ispazju u jippretendi li kulħadd lest għal-logħob bħalu. Il-Hillman hemm jibqa’, karru funebri li xtara t-triq u ma jibża’ minn ħadd, għax Kristu miegħu u mhux ħa jħalli liż-żgħar jaqilbuhielu.
Ruxxmata Escort MK1 suwed, ħomor, vjola, bojod bir-rimmijiet tal-bziezen u l-ħġieġ iswed u kwotazzjonijiet mal-ħġieġ. Jinġabru ħdejn il-knisja, il-bandli, il-gabbana, il-każin, kollha kompetizzjoni min jagħmel l-aħjar ħarġa la ġenba, min għandu l-aħjar sound, min jgħaqqadhom l-iżjed, min jagħmel l-iżjed storbju meta jirrejżja. L-intrussività tas-sensi kienet fuq kull livell — sprej mera, trance jifqa’, riħa u togħma ta’ daħna, id tgħaddi senswali mal-kurvi tal-mudell nadif xummiema. L-istatus gangster tal-Escort kien immortalizzat f’films u f’sensiliet lokali, bħax-xena ta’ azzjoni f’Anġli the Movie (2005), fejn Escort aħdar metallic two-door misjuq mill-protagonisti pulizija ġie attakkat minn grupp ta’ rġiel bil-pump guns minn fuq trakk ta’ Farsons il-bypass tal-Imrieħel, sakemm sab Cortina ma’ wiċċu u, b’mod spettakolari, għola, tkaxkar, u ġie trietaq. Fl-ewwel episodju tas-sensiela Rubini (2011), Escort aħmar armat sa snienu jintuża bħala l-vettura li twassal lill-ħallelin quddiem garaxx li minnu tinsteraq vettura sportiva.
Triumph sprennjat il-kuluri tal-Ġamajka. In-naħa taż-Żurrieq, u bnadi oħra, ħafna mit-Triumphs kienu jmutu dakinhar tax-xalata tal-festa jew ċelebrazzjonijiet oħra, fejn wara li jaslu lura minn ġurnata l-Armier jew mill-grawnd, kienu jintrabtu bil-ktajjen qishom ferrovija u jinstaqu jissabbtu ġo xulxin sakemm jitriegħdu mix-chassis, li kellu ħabta jinfetaħ maż-żmien u jieħu l-forma ta’ luzzu.
Ford Pop ta’ molla waħda miżbugħ tal-Juventus, dejjem fuq is-Saqqajja r-Rabat.
Prefect ta’ xiħ minn Bubaqra, ħdejn il-kappella ta’ Sant’Agata, oranġjo jgħajjat li darba fix-xahar, sidu kien jagħtih passata bil-pinzell lewn it-trab tal-larinġ mixtri bl-użin biex tħalltu mal-ilma, ħalli jiġi qisu luminata, Fanta, Winner jew Sunkist, li tant kien ikun ikkonċentrat li jekk twaqqa’ fuq flokk abjad, minn dawk irqaq ta’ taħt, taċ-ċingi, tal-Abanderado, kienet tibqa’ tebgħa safra.
Il-vann Prefect b’mostru aħdar fuq il-bonnet, carrier tal-ħadid jiflaħ kanun fuq is-saqaf, komplut bil-logo tal-Ghost Busters mal-bibien ta’ quddiem ileqq biż-żebgħa taż-żejt, li m’ilux tfaċċa għall-bejgħ fuq Marketplace.
Partikolarment niftakar ċar BMW E30, griż kulur il-ġurdien, trid seba’ għajnejn biex tarah, b’TOP GUN miktuba daqs nofs il-windscreen, viċin fejn kont noqgħod. Riċentament dan il-mudell partikolari reġa’ sar imfittex ħafna, u l-prezzijiet tiegħu sparaw fl-aħħar snin. Dan meta wieħed iqis li għal nofs id-disgħinijiet, meta l-ewwel verżjoni ta’ dan il-mudell kellha madwar ħmistax-il sena, kienet moda li l-magna oriġinali tinbidel ma’ dawk il-magni mill-Ġappun, u ħafna E30, li kellhom il-body tqil u l-bżonn ta’ magna tiġbed biex jimxu, spiċċaw bit-Toyota u bl-Isuzu diesel, jekk mhux ukoll b’gearbox tal-Fiat. Lokalment, il-magni Ġermaniżi ma kinux popolari għax kienu kkumplikati u ma stajtx tbagħbas magħhom wisq, u aħna poplu li jħobb ibagħbas. U li jħobb kollox superlattiv. Hawn ma nirreferux għal magna bħala magna tal-1.6 litri, imma bħala magna “sixteen”, bl-Inġliż. Hemm ħafna iżjed potenza, assertività, dominanza meta wieħed jgħid sittax, milli wieħed punt sitta. Fi żmien il-kriżi globali taż-żejt fis-sebgħinijiet, meta l-petrol kien għola b’mod sostanzjali, Malta waslu l-magni Inġliżi Perkins u BMC, u ħafna karozzi tilfu l-magna oriġinali u ffittjaw fuqhom magna diesel. Il-magni u l-vetturi Ġappuniżi bdew jidħlu Malta ġmielhom lejn tmiem is-snin tmenin u l-bidu tas-snin disgħin, l-aktar permezz tal-prattika magħrufa bħala grey imports, jiġifieri mhux direttament mill-manifattur. Din it-tendenza kienet megħjuna mil-liġijiet stretti tal-ispezzjoni tal-vetturi fil-Ġappun u r-rata għolja ta’ tnaqqis fil-valur tagħhom, li għamlitha ekonomikament fattibbli biex jesportaw vetturi użati. Malta, li għandha sistema tat-traffiku fuq ix-xellug bħall-Ġappun, bdiet issir destinazzjoni adatta għal dawn il-vetturi right hand drive. Malli waslu l-magni Toyota Malta, mijiet ġew iffittjati fuq kull tip ta’ mudell, minħabba l-fama li ma jmutu qatt, la fix-xogħol, la bit-telqa, u lanqas bis-swat minn xi ġuvni moħħ ir-riħ. Raġunijiet oħra kienu marbutin mal-ħidma u l-kapaċità tal-karozza, fejn dilettanti żgħażagħ setgħu jinnavigaw u jarmaw b’mod awtonomu, bi ftit tagħlim u ħafna esperjenza. Fit-tmeninijiet u d-disgħinijiet, kienu komuni t-tbagħbis, it-tibdil u r-riborjar ta’ magni u komponenti mekkaniċi oħra li jżidu l-aċċellerazzjoni u l-veloċità tal-vettura. Kif ukoll l-alterazzjoni, l-eliminazzjoni, it-titqib sfaċċat jew il-bdil ta’ silencers tal-fabbrika ma’ oħrajn storbjużi. Imbagħad kienu popolari xeni kumplessi bl-airbrush fuq il-body, u modifikazzjonjiet tal-fibre influwenzati minn magazines bħal Max Power. Fl-istess żmien, ġew f’idejn iż-żgħażagħ karozzi performattivi Ġappuniżi, bħas-Civic, l-Integra, is-Celica, il-Glanza, li bla tbagħbis xejn kapaċi jtellgħu veloċità għolja f’ħin qasir. Kollox inxurjat fuq il-missier, iz-ziju, in-nanna għax l-aġenziji tal-assigurazzjoni kienu (u għadhom) jirrifjutaw li jinxurjaw magni kbar fuq sewwieqa żgħar. Fil-bidu tal-elfejnijiet, parallel mas-suq Ġappuniż — li żamm b’saħħtu permezz ta’ importazzjoni ta’ vetturi prattiċi u f’kundizzjoni eċċellenti, bħad-diversi varjanti tal-Vitz — l-importazzjoni tal-karozzi mill-Ingilterra sar suq vijabbli. Kemm mis-suq Ingliż, u kemm wara l-avvenimenti taċ-CHOGM, ġew fl-idejn ammont sinifikanti ta’ BMW affordabbli. Kif mistenni, mudelli b’qagħda aggressiva, komdi, meqjusa lussużi u b’magna kbira kienu kalamita għal ġuvintur ta’ tmintax, għoxrin, dawk li kibru jilagħbu Gran Turismo jew Grand Theft Auto fuq il-Playstation. Dawn il-BMW suwed bil-ħġieġ skur, komdi, veloċi u silenzjużi — sakemm ma jkunux imbagħbsa — prattikament ħadu post l-Escort fil-kultura popolari bħala l-karozza gangster. Fil-fatt, meta wieħed isegwi l-aħbarijiet lokali, rarament jissemma l-mudell tal-karozza involuta f’aċċident jew reat kriminali, sakemm ma tkunx BMW. Il-Brexit ġab żieda fit-taxxi fuq l-importazzjoni minbarra l-ispejjeż għoljin biex iżżomm BMW, u fl-aħħar erba’ snin it-Toyota Tercel, u sa ċertu punt l-Isuzu Gemini, saru l-BMW il-ġdid għall-ġenerazzjonijiet iż-żgħar. Dawn il-mudelli huma bażiċi ħafna, iżda għandhom dehra aggressiva ta’ karozza salon, u b’window tint, ftit decals, u settings tal-magna, kapaċi jkollhom qagħda u preżenza. Hemm ukoll interess f’mudelli bażiċi differenti, bħall-iSkoda Favorit, fost iż-żgħażagħ dilettanti. Dan l-interess hu biss frott tan-nostalġija — għax bħalma kellu n-nannu, għax jien fi Skoda trabbejt, dejjem niġri ma’ missieri biha.
Ikun żball li wieħed jippunta sebgħu u jitfa’ xi frażi bħal “Only in Malta” meta jitfaċċaw tali prattiki ta’ personalizzazzjoni fuq il-karozzi. Illum mhux popolari tħarbex isem id-diska favorita ma’ fuq tal-windscreen, imma xi stqarrija ta’ dominanza man-naħa t’isfel b’tipa simili għal dik uffiċjali ta’ Instagram, bħal Wanted, Blessed, Black Listed, Praise the Lowered, Insured by Mafia; u kultant, għadu jitfaċċa l-laqam tal-familja. F’pajjiżi fejn ir-regoli huma iżjed stretti u l-konfigurazzjoni fuq il-pjanċi tar-reġistrazzjoni huma differenti, hemm suq sħiħ sabiex wieħed jakkwista konfigurazzjoni li turi l-mudell tal-karozza speċifika tiegħu. Eżempju, jekk wieħed l-Ingilterra għandu mudell BMW 3 series 320i, jipprova jakkwista numru bħal BM33 20I, inkella waħda suġġestiva, bħal BA67 ARD, OR67 ASM, u W67 NKR. Dawn tal-aħħar ġew innutati u mneħħija miċ-ċirkolazzjoni fl-2017, meta d-DVLA qalet li l-lista tan-numri pprojbiti bir-reġistrazzjonijiet il-ġodda li jispiċċaw bin-numri 67 hija twila għaxar paġni u tinkludi mijiet ta’ kombinazzjonijiet. F’Malta, meta sar il-bdil tan-numri bi preparazzjoni biex ningħaqdu mal-Unjoni Ewropea, il-format inbidel minn dak ta’ M f’ċirku, ittra u ħames numri, għal pjanċa bi strixxa blu, tliet ittri u tliet numri. Hawn tfaċċaw pjanċi ormaj leġġendarji bħal SEX-001, SEX-069, VIP-007 u ITU-007, u oħrajn bi kliem bħal RAS, HOT, u UFO. It-Times of Malta rrappurtat li, bħalma ġara l-Ingilterra, ċerti numri bdew jiġu interpretati bħala ittri, bħal O88 li taf tinftiehem bħala parti minn kelma tispiċċa bl-ittri OBB. Fl-artiklu tissemma karozza fl-inħawi ta’ Raħal Ġdid, bin-numri XIZ-O88. Transport Malta kienet ġabret in-numri kollha li jispiċċaw bl-O88, u dan fost tgergir u akkużi ta’ diskriminazzjoni kontra min twieled fis-sena 1988, u xtaq ixandar dan il-fatt fuq in-numri tar-reġistrazzjoni tal-vettura tiegħu.
F’riklam tal-Kinnie mill-aħħar tas-sebgħinijiet, naraw familja tagħmel piknik, bil-bieba ta’ wara ta’ vann estate mgħollija, il-missier u l-bint bilqiegħda fil-vettura, mejda quddiemhom, u omm u tifel imdawrin magħha. Qishom qegħdin id-dar, fil-bitħa jew fil-veranda, nofs ġewwa nofs barra, fi spazju intermedjarju. Jista’ jkun li dan ir-riklam hu bbażat fuq ritratti meħuda nhar San Girgor, li juru xena simili ta’ nanna mġissma sorġuta fuq wara ta’ vann, tibla’ u tqassam l-ikel minn bixkilla maġenbha. L-estetika tas-salott ta’ dar Maltija mill-aħħar kwart tas-seklu għoxrin spiss ġiet applikata għal vetturi. Vannijiet Marina sofor, skartar tal-British Telecom, impurtati u mmodifikati bil-ħġieġ wara, imżejnin b’purtieri ffjuriti mfasslin mid-drapp li baqa’ meta saru dawk ġodda fis-salott li jintuża darba biss, fejn is-sufanijiet għadhom mgħottija bil-plastik, bħas-seats tal-Mercedes tal-ġwienaħ li għadha ġewża, li toħroġ biss sagħtejn tlieta kull nhar ta’ Ħadd waranofsinhar jekk ma tkunx xita jew riħ. Id-dashboard imżejjen tavolina, b’arranġament tal-fjuri tal-plastik, xinxilli, frilli tal-purtieri, jew bizzilla mad-dawra tal-windscreen, kalamita ta’ Kristu fuq spallejn San Kristofru jew ta’ Santa Rita, imwaħħlin mal-metall inkella inkullati. Il-moda fid-disgħinijiet kienet li, bħalma l-poġġaman u l-kċina tad-dar kellhom ikunu tal-kawba mastizz, kien hemm l-użanza li l-burduri tal-komponenti tad-dashboard ukoll kienu jinksew bi sticker ta’ njam finta. Dak iż-żmien kienu moda wkoll in-neons ikkuluriti minn taħt id-dashboards u s-seats. Bejn l-illużjoni ta’ materjal organiku u l-kulur fluworexxenti jinbeżaq minn xquq mudlama, din il-kakofonija kienet il-kitsch pereċċellenza. Mhux ta’ b’xejn fl-imgħoddi, bħalma kienu jitbierku d-djar darba fis-sena, kienu jitbierku l-karozzi meta sid devot kien idaħħal vettura ġdida.
X’joqogħdu jagħmlu n-nies fil-karozza nhar ta’ Ħadd waranofsinhar?
Jixorbu t-te mit-Thermos.
Iqallbu fil-mobile.
Jonogħsu fix-xemx.
Jaqraw xi ktieb jew il-gazzetta.
Jilagħbu l-karti.
Jisimgħu d-diski.
Jgħidu kelma.
Jargumentaw.
Dak kollu li kienu jagħmlu li kieku baqgħu bejn l-erba’ ħitan tad-dar.
L-iżjed l-iżjed, joħorġu għal mixja żgħira, basta mhux ir-riħ jew hemm tarf l-irdum viċin u l-passaġġ imħarbat. Dan il-ħruġ li jibda u jispiċċa fil-karozza mhux fenomenu tax-xjuħ. Hemm ċertu gost li tisma’ d-diski fil-karozza, fid-dlam, fix-xemx, mas-sewqan, waħdek, ma’ xi ħadd, ma’ sħabek wara tipjipa. Daż-żmien, fil-weekends u anki matul il-ġimgħa, hi użanza soda li gruppi ta’ żgħażagħ joħorġu bil-karozzi, l-iżjed invoga bħalissa l-BMW u t-Tercel, u jinġabru ġemgħat ħdejn is-Serkin tar-Rabat, jieħdu te u żewġ pastizzi. Fenomenu interessanti ieħor hu l-ipparkjar ta’ karozzi f’żoni kalmi, kwieti, bħal Għar Ħasan u ż-żona industrijali ta’ Ħal Far, il-Karwija u fejn San Loreto, li jiġu ż-żewġ naħat opposti tar-runway in-naħa ta’ Ħal Far, il-Buskett taħt it-tinda, Top of the World u l-inħawi. Spiss tara karozzi fid-dlam, bid-dija ta’ skrin ta’ laptop jew tablet ixxandar film minn Netflix, daqslikieku l-persuni fil-vettura qegħdin id-dar jaraw film. Din id-drawwa hija msaħħa mis-sistemi avvanzati tal-karozzi moderni, fejn l-iskrin tad-dashboard jista’ jgħaqqad mad-device personali ta’ sidha, u s-sistema ta’ ħoss tal-karozza tintuża biex toħloq effett surround immersiv, mingħajr ma tfixkel lil ħadd minn barra. It-teknoloġija għenet sabiex id-domestiċità fil-karozza tiġi naturali daqs ir-radju li wieħed kien jistenna li jsib imwaħħal f’kull vettura. Din l-użanza tenfasizza l-mod kif il-karozza tinbidel minn sempliċi mezz ta’ trasport għal spazju privat u multifunzjonali, fejn wieħed jista’ jgawdi attivitajiet tipikament assoċjati mal-kumdità tad-dar. Il-konverġenza bejn it-teknoloġija u l-ħtiġijiet ta’ privatezza u indipendenza twassal biex il-vettura ssir mhux biss għodda għall-ivvjaġġar, iżda wkoll kamra tal-ikel, salott jew kamra tas-sodda, u post fejn wieħed jista’ jirrilassa u jiskonnettja mill-bqija tad-dinja. L-għażla li wieħed joqgħod fil-karozza u jirċievi s-servizz hemmhekk, aktar milli jżur ristorant jew kafetterija, tħalli impatt fuq diversi livelli — mill-mod kif naħsbu dwar il-mobbiltà sal-perċezzjoni tagħna tal-ispazju pubbliku, il-bżonn tal-privatezza, u l-ħarsien tal-konfini personali. L-użu tal-karozza bħala spazju statiku minflok mezz ta’ vvjaġġar joħloq dinamika partikolari fis-soċjalizzazzjoni urbana. Wieħed jista’ jargumenta li din il-prattika toħloq realtà fejn il-karozza ssir estensjoni tal-ambjent domestiku — dar żgħira li fiha wieħed jista’ jiekol, jisma’ l-mużika, jew jiltaqa’ ma’ ħbieb mingħajr il-bżonn li jidħol f’ambjent aktar soċjali. B’hekk, il-funzjoni tal-karozza tinbidel minn mezz ta’ trasport għal spazju temporanjament statiku ta’ privatezza f’postijiet pubbliċi. Hawn, wieħed qiegħed jagħżel li jiżola lilu nnifsu f’konfini sikuri, u jagħżel li ma jesperjenzax l-ambjent tal-madwar u jaffaċċja l-interazzjonijiet aċċidentali li jġib miegħu l-qsim ta’ spazju pubbliku. Barra minn hekk, dan il-fenomenu joħloq relazzjoni ġdida mal-ispazju pubbliku. Hawn il-karozza qed tintuża bħala mezz ta’ konsum f’ċirkostanzi fejn il-konvenjenza qed tirbaħ fuq il-ħtieġa li wieħed joħroġ mill-vettura. Minflok jużaw ħwienet jew spazji miftuħa, qegħdin jagħżlu li jokkupaw spazju pubbliku fil-parkeġġi, ħdejn il-baħar, jew fil-kampanja.
Ħaġa oħra li kompliet tqarreb l-użu tal-karozza lejn dak tad-dar hija d-disponibbiltà tal-apps li bihom wieħed jista’ jordna t-takeaway ikun fejn ikun, u jiġi servut bil-mutur. Hawn, il-karozza, li għandha l-potenza li tivvjaġġa u tintuża biex twassal lil dak li jkun għal punt mnejn jixtri, qiegħda tieħu rwol statiku daqslikieku hi binja marbuta bil-pedament, u komda tħalli vettura oħra tforni lill-vettura pparkjata, daqslikieku kien lejl xitwi, dak li jkun ma kellux aptit jinqala’ minn daru, u jordna takeaway. Hi xena komuni li filgħodu wieħed jara ringiela boroż tal-Wolt, Bolt u oħrajn li nġabru minn ħwienet li jservu drive-thru, bħall-McDonald’s. L-iskart li jħallu wara li jlestu l-okkupanti notturni ta’ spazji li pparkjaw fihom mal-lejl, imbegħdin tul ta’ karozza, donnu jimmarka l-konfini ta’ kaxxa tal-parking. Ukoll, jekk passiġġier xeba’ fil-post, m’għandux għax jiġi ddettat mill-burdata u l-pożizzjoni ta’ poter li fiha jpoġġi lilu nnifsu x-xufier. Bi prezz raġonevoli, wieħed jista’ jordna vettura, taxi, biex tiġi tiġbru minn ġo vettura oħra, u xufier ieħor iwasslu fejn irid. Dan hu parallel mal-argument tal-liberazzjoni li kienet tiggarantixxi ċavetta ta’ karozza sa ftit ilu, kemm meta kull familja bdiet iġġib karozza, u wkoll iż-żmien fejn kulħadd kien iġib il-liċenzja malli jagħlaq it-tmintax. Illum, dak il-pass jista’ jinqabeż u l-komodifikazzjoni tal-vettura ssir tinkludi wkoll xufier. Jinqabeż ukoll minħabba prijoritajiet ogħla, spejjeż marbutin mal-akkwist tal-liċenzja u l-vettura, u forsi kuxjenza ambjentali.
Dawn l-attivitajiet pjuttost doċli esperjenzati fil-konfini ta’ karozza, iffaċilitati mit-teknoloġija u servizzi ġodda, jikkuntrastaw mal-kultura taż-żgħażagħ ta’ ftit ilu, fejn l-ankrar tal-karozzi billejl kien direttament marbut mat-tipjip tal-ħaxixa jew in-namur. Ovvjament ikun żball jekk wieħed ma jikkunsidrax l-użanzi l-antiki ma’ dawn il-ġodda. Wieħed jiekol, jara film, ipejjep u jnik fil-privatezza tal-irkejjen mudlama. F’dan il-kuntest, il-karozza toffri sens ta’ indipendenza u awtonomija — spazju fejn wieħed jista’ jħossu adult f’suq fejn l-aċċessibbiltà ta’ kiri u xiri ta’ proprjetà qiegħda dejjem tonqos. Il-vettura ssir kamra tal-ikel, salott, u kamra tas-sodda f’wieħed, tipprovdi l-privatezza u l-libertà li d-dar tal-ġenituri ma tantx tippermetti. Ħafna nies jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom sa età relattivament adulta u l-karozza ssir spazju intimu fejn wieħed jista’ jirrilassa u jissoċjalizza skont il-bżonnijiet u x-xewqat personali tiegħu.
Jaf ukoll li, migdumin min-nostalġija, komdi llum nippożizzjonaw ruħna bħala gżira distanti mill-kontinent, stat ta’ vaganza permanenti ta’ qabel ma ġie l-internet, qabel ma sirna membru fl-Unjoni Ewropea, dik il-ħlewwa mwaħħla fiż-żmien ta’ karozza baxxuta żżarżar it-trance f’Ħadd xemxi, mellies, fejn ix-xita u t-temp ikrah rari jħassru d-dawra ta’ waranofsinhar. Forsi hi din il-ġibda li fil-bidu tas-sena 2025 għajtet lil gruppi ta’ żgħażagħ kurjużi li marru fil-kju biex jieħdu gidma toast perżut u ġobon, naqra coleslaw u patata tal-pakkett mibjugħa minn ġo gabbana-vann armat fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli. Forsi kien tort wirt il-kultura tal-ħruġ tal-Ħadd bil-karozza li nibqgħu nieklu, nonogħsu, nisimgħu l-futbol Taljan, inniku, basta fil-karozza. Ħafna qagħdu fi kju twil, stennew sa siegħa sħiħa għal toast biex wara, fil-kumdità tal-karozza, poġġew il-mobile fuq id-dashboard u għamlu TikTok, imeċilqu u jiddikjaraw away away, frażi li juża Mr Sofrito, il-kok, fil-gabbana-vann meta jispiċċalu l-ikel. Dejjem fil-bażi sikura li toffri vettura, mhux fuq bank għall-frisk jiġbdu l-arja friska jew iħossu naqra żiffa, imma fil-karozza. L-importanti li taw kedda lir-rangers inaddfu l-laned taż-żibel imfawra u x-xagħri festa kaxxi tal-ġablow, ma jmurx iħallu l-kontenitur irejjaħ fl-ispazju sagru li hi l-karozza, jikkontamina l-arja tant li l-ebda siġra jew bott ċkejken ifewwaħ ma joqtol ir-riħa ta’ żejt, ketchup u latex .