Erġajt lura Malta. U ilni ġa sena hawn. Bla ħsieb kienet din, ġita tas-sajf bħal kull sena oħra iżda din id-darba fost affarijiet oħra, kienet aħbar kerha li żammitni hawn. Ejja ngħidu li kien u għadu jagħmel sens li jien, Romeo, ninsab hawn. Sirna nafu li missieri kellu kanċer fl-istonku, ikrah ferm, tal-biża’ waħx. Imnalla kellu l-għasafar biex jedha u lil ommi, li hi l-pilastru tal-familja u mingħajrha ma nagħmlu xejn. Imnalla kellna ftit minn dawn l-għasafar id-dar magħna għax lil ommi ħabbewha wisq, u hi lilhom. Ommi tqala waħda kellha, u ħarġulha tnejn f’daqqa. Ifhem, mhux eżatt hekk l-istorja. Kellha tissielet miegħi sew biex ħarġitni. Ara oħti, dik ħarġet qisha kienet fuq żurżieqa llubrikata biż-żejt. Hekk nimmaġinaha, nieżla gass mal-pjanċa daqslikieku kienet l-iSplash & Fun. It-tabib kien ħaseb li tewmin tifla u tifel kien ħa jkollha ommi. Imma meta ħriġt jien ma kellix saħħa nitkellem (aħseb u ara kemm kellha ommi miskina, wara battikata bħal dik) u ma stajtx ngħidilhom li jien tifel inħoss li ridt inkun u mhux tifla. Iddeċidew għalina u kitbuna tifla u tifla. Kemm jien u kemm oħti konna nafu li żbaljaw, imma għedna: forsi dan żball li bilfors kellu jseħħ. Naħlef li ma kienx għaddieli minn moħħi li żbalji bħal dawn kienu ħa jibqgħu jkarkru s’issa. Għalaqt 32 sena s-sajf l’għadda; Lulju u l-Iljun.
Missieri, issa, jinsab ħafna aħjar. Il-kimo kien kiefer, kien iħossu veru marid meta jerġa’ lura d-dar, xagħru ovvjament kien ħfieflu, imma xtrajnielu barnuża u kien hemm żmien fejn jien sirt il-barbier tiegħu wkoll. Ma nixtieqx nidħol f’wisq dettall dwar dak li għadda minnu, u l-iktar ħaġa importanti għalija issa hi li l-operazzjonijiet irnexxew. Qed jidher sabiħ u f’saħħtu, kwiet m’għandux, ċajt problematiku għadu jagħmlu, il-frieħ jiżdiedu kuljum ukoll. L-għajnuna mingħandu ma tieqaf qatt; dibattiti jaħarqu jkollna kemm trid, ġieli naqblu, ġieli le; kultant anki nibku xi bikja ’l hemm u ’l hawn, kemm jien kemm hu, dwar affarijiet kompletament opposti.
Fuq l-istonku għandu arma qisha dik tal-Mercedes bil-biċċa ta’ fuq nieqsa, jew aħjar tas-Citroën, bi vleġġa waħda imma, mhux tnejn. Għedtlu nista’ npinġilu linja dritta ’l fuq jew vleġġa preċiż taħt dik li ġa għandu. Imma t-tpinġija jobgħodha. Kburi b’dil-marka fuq stonku li m’għadux hemm; u ifhmuni, għandu biex. Kien jgħid li jibża’ ħafna mill-isptar, iżda jien kuraġġ ta’ barra minn hawn kulma rajt fih. Jiddispjaċih li kellu jgħaddi minn waħda bħal din. Id-dwejjaq ġieli nilmħu f’għajnejh fil-ħin tal-ikel. L-ikel iħobbu wisq, iħobb isajjar u jinqala’ fil-kċina wkoll. Inaddaf le! Kulħadd fil-familja tiegħi bravu fil-kċina. Ommi tifla waħidha, qatt ma kienet misset borma sakemm kienet għadha tgħix m’ommha u missierha. Iżda meta żżewġet u kellha lilna, riditx jew le, titgħallem kellha. ’Qas temmen, kulma kellha tlieta u għoxrin, qisha tifla żgħira kienet meta kellha lili u ’l oħti. Jgħiduli li meta kont tarbija kien hemm żmien li ma ridtx naf biha. Mur għidilna li kellna nsiru ħaġa waħda. Lura fuq l-ikel u fuq missieri. L-għaġin u l-ħut l-iktar li jaf isajjar iżda l-kapaċità tiegħu hija l-party food; kollox imqatta’ delikat, imżejjen kemxejn camp jew kitsch, nistħajlu mis-snin sebgħin. F’kemm trodd salib jiksi mejda bil-platti. Kollox bl-għaġla u bħal logħba. Kif l-ikel ikun kollu lest u s-sink ikun imfawwar platti, tarah jgħawweġ dahru, idejh it-tnejn lura bil-pala tħares ’il fuq, fl-istess ħin jilwi għonqu lura għajnejh iħarsu lejn is-saqaf tal-kċina u jgħidilna “issa għajejt”. Idur u jintefa’ għal tulu fuq is-sufan. Jien, kif nisma’ daż-żewġ kelmiet, nordna ’l ommi biex ma tazzardax tmiss platt imġiddem u mmur immidd idi u nagħmilhom jien. Il-punt li rrid nagħmel magħhom huwa dan: meta ommi ssajjar, tnaddaf warajha; l-irġiel mhuma u m’għandhom xejn iktar speċjali, u l-ħasil tal-platti jgħodd għalihom ukoll.
Bħala familja nħobbu noħorġu nieklu flimkien, iżda issa missieri ma tantx għandu post fejn iqiegħdu l-ikel u naf li dan hu dispjaċir kbir għalih. Ix-xorb qatt m’għamel għalih, mhux xi wieħed tal-każini jew frekwenti tal-ħwienet fejn jiltaqgħu klikka rġiel jixorbu bejniethom. Sigarett qatt ma miss, tgħidx kemm jeqred meta jara ’l oħti tpejjep. Taf x’jagħmilni ferħan? Il-fatt li l-għaxqa tiegħu hi li jitma’ lin-nies; kemm-il darba ngħidlu li qisu xi feeder. Jekk xorob tazza nbid b’kollox kemm ilu ħaj! Pinta birra ttellgħu high, imħallta ma’ kalmanta wara xi kedda tajba fuq ix-xogħol jew argument jaħraq ma’ xi ħadd minna. Missieri jħobb ikollu kontroll tiegħu nnifsu. Iżda ġieli rajtu jintilef u bħal donnu jinħall xi ftit ukoll. L-hena tiegħu jarana niżfnu. Ħutu qaluli li meta kien żgħir kien jimprovizza ta’ ballerina fil-kuritur tad-dar, li hi interessanti għalija għax fil-ġenerazzjoni tiegħu, u fil-verità anki f’tiegħi, iż-żfin kien mistkerrah meta assoċjat mas-subien.
Kont ilni ma ngħixx m’ommi u missieri żmien twil, ħdax-il sena bejn wieħed u ieħor. Sibt ruħi lura d-dar u qisni kemm komplejt minn fejn kont ħallejt. Meta nħares lura lejja nnifsi l-iktar ħaġa li ninnota, u li kultant tħassibni, hi kemm kont kwiet u ta’ ftit kliem meta kont żgħir. Ninkwieta għax qisu kelli baħħ f’moħħi, bħal donnu kien vojt. Minkejja dan ommi u n-nanna dejjem jgħidu li dejjem kont qisni ħosbien, u fir-ritratti minn dak iż-żmien hekk nidher ukoll. Nipprova nikkonvinċi lili nnifsi li dan għax kien għad ma kellix kliem għal dak kollu li ridt ngħid. Il-futbol kien il-mod kif stajt nesprimi dak il-kliem kollu li kien għadu ma tlissinx. Iż-żfin kont narah bħala gost tat-tfajliet, dak iż-żmien kont nistħi wisq niċċaqlaq mar-ritmu. Wara l-istorja tal-ballerina ma smajtx stejjer oħra fejn missieri żifen. ’L ommi niftakarha tgħidli li fit-tieġ jekk għamel tliet minuti jiżfen b’kollox, dik iż-żifna obbligatorja msejħa l-first dance. Għalhekk, inħossni ferm kuntent nirrakkonta esperjenza li se nibqa’ ngħożżha f’qalbi sakemm immut. Nikkunsidraha bħala performance mimlija biża’, vulnerabbiltà, ġenwinità, onestà, imma kellha wkoll xaqq ta’ tama minn aspett ta’ saħħa, kif ukoll ta’ enerġija femminili li rari jew diffiċli tilmaħha fil-missier.
Missieri dejjem nisimgħu jgħid li biż-żmien ma tibqax tistħi. Kien jgħid li meta kien żgħir missieru kien jgħid li hu stramb, probabbli l-mistħija kienet toħroġ bħala stramberija, u meta kiber u kellu lili l-istess kien jgħidli, għax jien kont mistħi u kwiet ħafna u forsi minħabba f’hekk kont inkun diffiċli u ma nitħallatx ma’ tfal oħra. Issa missieri żgur li m’għadux jistħi u naħseb lanqas jien.
“What’s A Girl To Do” ta’ Fatima Yamaha ffissat fuqha, u kont naħlef li l-aqwa performance li qatt rajt tiegħu kienet meta qabad jimbaram ma’ din id-diska — però le, kont sejjer żball. Kelli mmur lura fil-videos tal-mobile, is-17 ta’ Novembru 2020 hija d-data eżatta. Mitluf fid-diska ta’ Saâda Bonaire, “You Could Be More As You Are”, bilqiegħda fuq is-sufan, ir-refuġju tiegħu, saqajh bdew jiċċaqalqu bil-mod il-mod mar-ritmu tad-diska, jigdem xufftejh b’għajnejh magħluqin, ġismu jitbandal kemm kemm b’movimenti ġentili u senswali, mitluf totalment f’dinja oħra. Waqt li bdejt niġbidlu l-video tpaxxejt bis-sbuħija tal-vulnerabbiltà li ntilef fiha.
Sadanittant ommi tfaqqa’ d-daħq minn fuq is-sufan ta’ faċċata. Tliet minuti u tlettax-il sekonda. Daqshekk għaddew sakemm id-daħq inbidel f’biki iżda xorta fil-forma ta’ daħq. Missieri issa jgħatti wiċċu biż-żewġ pali ta’ jdejh u jibda jibki, niffoka fuq wiċċu u nwaqqaf il-filmat sbatax-il sekonda wara. Hawn kien għad baqagħlu xi tliet xhur oħra sa ma kien jgħaddi mill-operazzjoni maġġuri li kellu jagħmel. Il-kimo kien ġa beda.
Kien hemm raġuni oħra li żammitni hawn. Kien wasal il-mument, li kien ilu ġej minn dik il-ġurnata tat-twelid, li fl-aħħar sibt il-vuċi (għax il-kliem kont bejn wieħed u ieħor ġa sibtu) biex ngħid lil ommi u ’l missieri bl-iżball li għamlu t-tobba u l-qwiebel. Stħajjiltni rġajt lura għal meta kelli xi sittax-il sena, fil-kċina bilqiegħda fuq ħoġor missieri, inħossni kemxejn stramb, bħas-soltu, għax ma kontx kapaċi nesprimi xi tip ta’ emozzjoni. Dak iż-żmien kont ippruvajt nikkoreġi l-iżball permezz ta’ żball ieħor, għalkemm jien ma narahx żball. Il-kelma “liżbjana” kienet pjuttost ħarxa, allura konna nużaw “gay”. Liżbjana, liżbjana, liżbjana — kelma sabiħa tant, ġejja minn Lesbos, il-gżira li fuqha kienet tgħix Saffo, poeta daqshekk prolifika. Il-għala jistmerruha tant in-nies dil-kelma, anki xi wħud mil-liżbjani stess? Mara-raġel, liżbjana, dal-kliem smajtu jintqal minn uċuħ koroh. Koroh mhux għax irrid ngħajjarhom b’xi difett lil dawn in-nies li probabbilment wiċċhom ’qas biss kien ikun ikrah; għax dan min jien biex ngħid x’inhu ikrah u x’inhu sabiħ? Koroh sforz il-mibegħda li toħroġ mill-fond ta’ qalbhom, tul griżmejhom, iddur dawra tond ma’ wiċċhom, tidħol f’għajnejhom u terġa’ tispiċċa f’nofs ilsienhom sakemm jobżqu dan il-kliem odjuż. Dawn l-uċuħ kienu jfakkruni li l-veri mostri huma bnedmin bħali u bħalek u mhux il-bestja ta’ “Beauty and the Beast”. Kelli ġugarell li kont sirt inħobbu għalkemm pupi tal-Barbie qatt ma ridt. Imma darba missieri ġabli Ken li kien jinbidel fil-Bestja u oħti kellha l-Barbie li kienet tinbidel f’Belle. Inkun skjett, il-bestja tfakkarni fija. Il-maskra ċkejkna tiegħu żammejtha avolja lil Ken le.
Ta’ sittax-il sena nħlist mis-saħta tal-eteronormattività. In-nisa dejjem għoġbuni u ammirajthom u dejjem rajthom interessanti ħafna, iktar minn, pereżempju, bosta mill-irġiel cishet. Imma xi vuċi ġewwa fija minn dejjem qaltli li mara jien m’iniex. U allura ridt nara xi stajt nagħmel biex it-tifel li dejjem kont, insir. Il-kotba għallmuni ħafna, sirt naf nużahom sew, avolja iktar tard f’ħajti. Il-vjaġġ li nibda nsir naf lili nnifsi beda ta’ għoxrin sena, eżatt kif tlaqt minn hawn Malta. Minn baħħ ta’ kliem u geġwiġija ġo moħħi għal ħafna kliem u geġwiġija ġo moħħi, ikkurati b’attenzjoni u ħafna ħin, imma qatt biżżejjed. F’relazzjoni, fil-kċina jew fis-sodda dejjem “hu” kont, fil-kartolini tal-Milied prinċep, qatt prinċipessa. U lanqas prinċipessi għax għaxar snin ilu, għalkemm kont ġa qiegħed Londra, pronomi fil-plural kont għadni ma nafx dwarhom u lanqas il-kelma “trans” ma kont bdejt nidħol fiha wisq. It-tfajla li kont noħroġ magħha kienet qed tagħmel it-teżi tagħha dwar in-nuqqas ta’ konnessjoni bejn it-trattament tal-NHS u t-teorija transfemminista. Tiegħi kienet dwar x’jitqies “normali” u x’le. Mhux ħa nidħol wisq fihom. Ma kellix ħsieb nikteb test fit-tul. Wara l-O-levels bil-Malti qatt m’erġajt ktibt. Għarukaża naf, iżda ħassejtni iktar komdu nesprimi ruħi fil-fond bl-Ingliż u bit-tpinġija. Is-sess, l-identità u dak kollu li hu queer kelli kliem għalih bl-Ingliż biss, daqslikieku l-lingwa Ingliża, kif ukoll it-tpinġija kemm fuq il-karti kemm fuq ġismi, kienu jgħinuni ninħeles mill-mistħija u l-istramberija li l-ilsien Malti kien jinfilsa fija. Bħallikieku kont inħossni persuna oħra Londra. Kont iktar liberu u ftit imbiegħed mill-biża’ li mlietni bih ir-reliġjon Kattolika. Għalkemm qisni ħrabt lejn Londra, xorta waħda kont bqajt taħt l-influwenza ħażina tagħha. Waħda mill-akbar problemi kienet is-sess — u mhux ovvja jekk dan is-suġġett aħna l-Maltin għadna s’issa nqisuh tabù? ’Qas nilħqu naħxu u ninħabbu, ninħabbu u naħxu li ma kontx tarani nwaddab il-lożor ġol-magna tal-ħasil u lili fix-shower. Minbarra dan kelli wkoll disforja kbira imma ma kellix idea kif nindirizzaha ħlief billi nkompli nkun kemxejn stramb ma’ min iħobbni u jrid jifhimni. Lanqas kont għadni naf li hekk kelli, jew li hekk jgħidulha.
Ħassejt li fis-soċjetà cishet ma kontx meqjus bħala persuna sesswali u jien allura aċċettajt li m’iniex, mingħajr ma ppruvajt nurihom mod ieħor. Ippreferejt li ma jsaqsunix mistoqsijiet bħal “mela int m’għandekx boyfriend?” fost bosta mistoqsijiet banali bħal dawn. Forsi ġietni tajba li ma kinux jistaqsuni, għax kieku ma kontx niddedika l-aħħar ħdax-il sena ta’ ħajti nirriċerka dwar is-sesswalità u l-ġeneru. Xogħli u ħajti ħaġa waħda, magħqudin bħal kull tip ta’ maħbubin. Il-maskulinità mit-twelid kienet ġewwa fija imma, peress li ma kontx issoċjalizzat u kkundizzjonat bħala raġel, kont iffortunat li l-maskulinità tossika ma ħakmitnix. Ippruvajt nistudja ċerti karatteristiċi biex ta’ madwari jibdew jarawni kif kont nara lili nnifsi jien. Dawn kienu l-karatteristiċi ħelwin li jagħmlu parti kbira sew tal-maskulinità. Ta’ madwar seba’ snin ippruvajt inqaxxar il-leħja, kont ninnota lil missieri u ridt nagħmel bħalu, niftakar ċar qisu dan l-episodju seħħ ilbieraħ, bilkemm inlaħħaq biex nara wiċċi fil-mera, fuq il-ponot ta’ subgħajja ta’ saqajja, attent li ħadd mhu fil-viċin, ix-xafra tal-Gillette f’idi b’konċentrazzjoni tremenda tersaq viċin ta’ ħaddejja. Kulma niftakar li ġara wara hu li kelli wiċċi skarnat imma biss bil-mistħija, kont inżilt lura fuq l-għarqub, il-Gillette issa f’idejn il-ġenituri tiegħi. Tant kont iffukat fuq l-azzjoni li ma kontx intbaħt bihom telgħin fil-kamra tal-banju ta’ fuq. Ma tantx ferħu bija u ma ntihomx tort, wiċċi kien għadu fin, u hekk kien ħa jibqa’, qisu sorm ta’ tarbija. Forsi ma xtaqunix b’wiċċi kollu qatgħat tax-xafra.
Idi fil-but, insaffar u nixxuttja l-ġebel — dawn kienu xi azzjonijiet oħra li kont ninnota li ma tantx kienu jinżlu sew meta “tifla” iġġib ruħha b’dal-mod. Jien, għall-kuntrarju, kbirt nagħmilhom. Kont insaffar qabel bdejt nitkellem; it-tort mhux tiegħi, żgur li le, iżda ta’ missieri. Allura ma fhimtx kif darba qisu gerger għax kont qed insaffar. La tifla u lanqas tifel mid-dehra ma kont ikkundizzjonat, għasfur l-ewwel u qabel kollox. Probabbli “bilateral gynandromorph” maqsum bl-eżatt min-nofs, naħa waħda tifel u l-oħra tifla. Ifhem, idi fil-but u nixxuttja l-ġebel aħjar milli noqros sorm ta’ xi tfajla bħalma rajt kemm-il darba quddiem il-McDonald’s tal-Belt. Subien għalihom u bniet għalihom, kif jista’ jkun? Reġgħu ħaduni lura fiż-żmien tal-preċett, hemm kienet l-ewwel darba li nnutajt dan il-fenomenu f’ħajti. Irġiel għalihom u nisa għalihom u jien ma kellix ħjiel fejn ħa npoġġi lili nnifsi. L-irġiel jibagħtuni fejn ommi jew in-nanna jew iz-zija, u jien imħawwad għax il-libsa tal-preċett kont inżajtha mal-ewwel ċans wara l-quddiesa, u minflokha lbist salopettes bil-bermuda, qisni baħri mingħajr tpinġija. Ovvjament kont għadni wisq żgħir. Rari ltqajt ma’ xi raġel li bellahni jew ispirani li nkun hu jew bħalu, speċjalment mill-karattru. Iċ-ċajt vojt qatt ma daħħaqni speċjalment meta kien ikun sessist, omofobiku jew razzist; iżda mid-dehra l-irġiel kienu kburin sew b’dil-ħila tagħhom. Probabbilment għalhekk dabbruni lejn ommi, in-nanna jew iz-zija. Jien, la meta kont żgħir u lanqas issa li kbirt ma affaxxinani daċ-ċajt, pjuttost sensittiv ħafna għalih u jimlieni b’rabja kbira. Iċ-ċajt m’għandux isir għad-detriment ta’ nies oħra u l-biċċa l-kbira taċ-ċajt li smajt kien kollu kemm hu hekk. Nassigurakom li nħobb nidħaq u wiċċi mhux dejjem serju. Ħasra li n-nisa Maltin tal-ġenerazzjoni tan-nanna u ta’ ommi kienu mħarrġin minn ċkunithom jitkellmu fuq id-dar u t-tindif, tfal, ikel u mard. Għax kieku kont inkun kuntent bilqiegħda ħdejhom. Ommi wkoll kienet tixba’ b’dad-diskors, miskina kellha raġun. U mid-dehra għadu jsir sal-lum dal-paroli. Nieħu gost meta tgħidli, “Imnalla kien l-inbid.” Niggustaha u tferraħni meta tgħidli hekk. Dejjem naqbeż għaliha minn meta kont żgħir, imma meta kbirt bdejt nagħmel dan b’mod iktar politiku. Missieri jieħu għalih għax jgħidli li qatt ma naqbeż għalih. Dan mhux il-każ. Jien u ommi niġġieldu l-iktar fuq il-Knisja. Dejjem ngħidilha li jien kontra l-istituzzjoni għaliex fidi għandi u nitlob u nemmen li hemm Alla — Alla Trans ovvjament. Tibqa’ tipprova tiddefendiha u ngħidilha, “kif jista’ jkun tiddefendi dawk li huma tant kontra nies bħalek u bħali?”
Ma nafx kif kien ġie d-diskors fuq is-sħaħar — eh, ija, għedtilhom li għandi ħbieb sħaħar. Ngħiduha kif inhi, in-nisa bis-sens kollha sħaħar. Ninkedd meta ommi tippreferi tibqa’ temmen fis-sħaħar li tgħallmet dwarhom mill-ħrejjef jew il-films, probabbli miktubin minn irġiel bojod eterosesswali, milli tisma’ x’għandi x’ngħidilha jien. Kollu għalxejn imma. Issa din żgur taf x’għamlitilhom lin-nisa l-Knisja, kemm-il saħħara qatlet — litteralment, u anki metaforikament — kemm-il mara li kellha viżjoni, li kienet intelliġenti u li ma riedet l-ebda raġel jikkmandalha ħajjitha. Mara li riedet l-indipendenza tagħha. L-irġiel cis beżgħu mill-mara anki ġo djarhom stess. Xħin saru jafu dwar l-ixkupa tathom rashom! Il-biża’ mis-sesswalità femminili li tipperverti din l-għodda domestika għall-pjaċir tal-mara nnifisha. Nieħu gost nimmaġina dawk in-nisa tad-dar li ġew imqarrqa biex jemmnu li kienu privileġġati li ma kellhomx għalfejn jaħdmu u li setgħu jibqgħu d-dar, jaqbdu l-ixkupa jew id-Dyson u jtiru fil-għoli tas-smewwiet, meta r-raġel tagħhom iqabbżilhom l-ostja. Ħalli nieqaf nitkellem fuq il-Knisja u t-tagħlim tagħha fuq in-nisa għax inkella ma niqafx u qed ninduna li issa li rġajt lura fuq dil-gżira qed nerġa’ nagħtiha wisq importanza ’l-Knisja, avolja dan kollu ħin mitluf. L-iktar li xtaqt nikteb hu fuq id-djarju tiegħi tat-testosteron. Nixtieq nikteb bil-Malti fuq dan. Fl-aħħar mill-aħħar jien Malti u forsi huwa d-dmir tiegħi li ngħid kelmtejn fuq l-esperjenzi tat-tranżizzjoni tiegħi s’issa bi lsien twelidi.
Poeżija bl-Ingliż li ktibt hija “Acne & Horny” fuq ktejjeb ċkejken li tathuli ħabiba tiegħi tal-qalb. Djarju qisu veru seta’ kien ta’ Romeo. Warda fl-aħmar imnaqqxa fuq qoxra tal-ġild ħadra. Minflok fuq Ġuljetta qed nikteb fuqi u fuq it-T. Lit-tfajla tiegħi niktbilha poeżiji imma ġeneralment nibgħathomlha email jew niktibhom fuq karta tal-kompjuter. Darba għamiltilha ktieb; ħadt il-ħin fuqu, ma kienx kliem biss. Hi tiktibli veru sabiħ, tikteb sabiħ b’mod ġenerali. Meta tmur lura lejn Barċellona tħallili koċċ ittri ċkejknin imferrxin mad-dar. Taħt l-imħadda, jew fil-wax ta’ xagħri, fil-kexxun tal-qliezet ta’ taħt. Tgħidx kemm iferrħuni, speċjalment meta ma nkunx għadni sibthom kollha u mbagħad, meta ma nkunx qed nistennieha, titfaċċa poeżija minn imkien. Akne u Qarn. Qatt ma kont naf li qarn hija t-traduzzjoni tal-kelma “horny”; jew le, forsi mhix korretta, hekk jew b’hekk Google Translate qed nuża. Insomma, saħna — “Akne u Saħna”. Huwa pjuttost riċenti li qbadt naħseb fuq min jien u x’jien fir-rigward ilsien ommi — il-Malti. Bżajt nikkonfronta bis-serjetà s-sesswalità u l-ġeneru tiegħi meta kont noqgħod Malta. Kien biss meta tlaqt lejn Londra ta’ għoxrin sena li bdejt insib kuraġġ biex niskoprih dan, bl-għajnuna tal-kotba, iżda wkoll billi għall-ewwel darba f’ħajti ftaħt ruħi emozzjonalment, kif ukoll ippruvajt naċċetta verament min jien b’inqas biża’ u sens ta’ mistħija. Madankollu, il-fatt li kont qiegħed ngħix Londra, u li kont espost biss għal dawn is-suġġetti bil-lingwa Ingliża, malajr bdejt nirrealizza li kull meta bdejt ninżel lura Malta, speċjalment dan l-aħħar, u issa li qed inqatta’ żmien ferm itwal hawn, il-vokabularju Malti tiegħi huwa traġikament nieqes, l-iktar meta niġi biex nitkellem fuq dawn is-suġġetti — suġġetti li jinfurmaw min jien u fuq xiex nitkellem fil-ħajja ta’ kuljum. Inħossni eċitat li hemm baħar ta’ vokabularju queer li għad irid jiġi vvintat bil-Malti. U nippreferi li nkunu aħna n-nies queer, anzi kwir, li nwellduh, inrabbuh u nrawmuh, jekk hemm bżonn anki bl-għajnuna tal-Google Translate u mhux ta’ xi profs straight daqs lanza.
Mhux li ilni ħafna ninjetta t-testosteron fil-patata. Dan ix-xahar imissni s-seba’ waħda. Bidliet rajt, għalkemm għadni fuq doża pjuttost żgħira, 125ml fix-xahar. Enanthate jisimha. Matthew, ħabib tiegħi li sirt naf sew din l-aħħar sena, qalli li biex ma nweġġax wisq, insaħħan għal xi tliet minuti l-kunjett biex il-likwidu ma jkunx daqshekk magħqud u b’hekk ma jweġġagħnix ħafna meta jibda dieħel ġo fija. Għadni ma tgħallimtx intaqqab lili nnifsi, imma Shannon, kuġinti, ners u kull xahar tiġi u ttaqqabni hi. Inħossni veru xortija tajba li għandi kuġina daqshekk qalbha tajba. Sittin sekonda ddum dieħla l-labra; jien personalment ma nweġġax f’dil-biċċa, l-uġigħ inħossu mal-ħin, meta l-likwidu jibda jiskopri ġismi. L-ewwel idur f’sormi u hemm għandu fejn idur mhux ħażin, u mbagħad jerħilha għal fejn jiddeċiedi hu. Jien ngħinu ftit billi nċapċap tnejn fuq patatti u nimmassaġġaha ftit. Ponot fuq dahri u saħna kbira huma l-ewwel effetti li kelli. Ifhem, ma kelli l-ebda xewqa li nerġa’ lura għall-adolexxenza fit-tletinijiet, imma meta tħares lejha minn perspettiva iktar pożittiva, hi ħaġa pjuttost speċjali li tgħaddi minn żewġ pubertajiet f’ħajtek. Nistħajjilni Transformer. Daqskemm jixtruhom lil uliedhom dawn il-ġugarelli tat-Transformers, ma nafx għala xi wħud mill-ġenituri jieħdu xokk jew jitqarrsu meta t-tfal tagħhom jgħidulhom li huma trans.
Ilna neżistu aħna, minn żmien il-qedem. Qabel ma kien hawn terminu għalina; jekk m’iniex żbaljat il-kelma “transgender” ma kinitx teżisti sal-1965. Saċerdoti magħrufa bħala gala ġew dokumentati 4500 sena ilu. Fil-Greċja tal-qedem, fi Friġja, kif ukoll f’Ruma jissemmew il-gallae. Dawn ġibdu l-attenzjoni ta’ studjużi klassiċi permezz tal-ilbies, id-diskors u l-imġiba mhux konvenzjonali tagħhom. Kienu ttimbrati bħala “femminili” mill-kontemporanji tagħhom, minkejja l-fatt li l-gallae twieldu bil-ġenitali maskili. Dawn kienu emarġinati fis-soċjetà Griega u iktar u iktar fis-soċjetà Rumana minħabba li kienu jġibu ruħhom b’mod li jmur kontra l-ġeneru tagħhom. Niftakar l-ewwel ftit snin li bdejt nistudja Londra kont skoprejt il-hijras. Fil-komunità tagħhom fl-Indja dawn jippreferu jsejħu lilhom infushom kinnar jew kinner, ħlejjaq mitoloġiċi li jeċċellaw fil-kant u ż-żfin. Il-hijras huma rikonoxxuti uffiċjalment bħala t-tielet sess fis-sottokontinent Indjan. Fil-bidu tas-seklu dsatax, il-hijras ġew attakkati mill-awtoritajiet kolonjali Ingliżi. Dawn ippruvaw jeradikawhom u ġew imsejħa “tribù kriminali”. Fit-Tajlandja, fl-Arabja u fl-Afrika, nies bħalna eżistew. Fl-Afrika, ħafna soċjetajiet kellhom rwoli tradizzjonali għan-nisa kif ukoll irġiel trans, saħansitra hemm uħud minnhom li rnexxielhom jgħixu fl-era moderna minkejja l-ostilità tremenda li kellhom jesperjenzaw riċentament. Insomma, bħan-nisa, il-persuni trans ilhom theddida għall-patrijarkat. Imma l-persuni trans mhux tant faċli teħles minnhom għax dawn WARRIORS kienu u WARRIORS jibqgħu, għandhom tarka għal kull pronom ħażin li titfgħulhom kif ukoll għal kull diskriminazzjoni li qatt inħolqot kontrihom. Imma jekk jogħġobkom, ieqfu issa u agħtuna nifs, bil-liba serjetà qed ngħidilkom. Din l-aggressività tiegħi hija biss indirizzata lil dawk li jitnejku jew li pereżempju jsibu l-użu tal-pronomi inutli, jew diffiċli, u mhux għall-alleati.
Qed inkabbar pesisa żgħira, tistħajjilha bebbuxu żgħir, taħsbu mistħi jekk tilmħu meta nofs rasu tkun imdaħħla f’qoxortu, imma rari tilmħu hekk bħalissa. Jien u naqra, ma’ kull paġna jkollu bżonn joħroġ, ħa jġenninni. Moħħi u hu biċċa waħda bħalissa — miskina jdejja u t-tfajla. Il-klinika jiġu jgħidulek li t-tkabbir t’isfel ħrafa jew gidba tal-internet. L-ego tan-nies cis jibqa’ jaffaxxinani. Jaħsbu li jafu iktar minna; mhux li kien jaħasra, inħossni iktar trankwill kieku, żgur. Naraw ikollix insir endokrinologu maż-żmien.
Is-side effects it-tajbin s’issa huma dawn:
Iktar mustaċċi
Bidla fil-leħen (avolja “nista’ naqdik xi ħaġa oħra, Sinjura?” għadni nismagħha)
Pesisa/bebbuxu żgħir
Erba’ sufiet taħt geddumi
Saħna
Il-ħżiena s’issa huma:
Akne fuq dahri
Forsi ftit iktar nervuż
Saħna ta’ bagħal
… imma le, ma rridx inżid fid-diskors li meta wieħed bħali jibda jinjetta l-ormoni jsir iktar aggressiv, kunfidenti, ċert minnu nnifsu, eċċ. B’xorti kbira għalija, jien ma ġejtx soċjalizzat bħala raġel. Mhux dejjem kont naraha bħala xorti tajba din, imma kont għadni żgħir u moħħi ma kienx daqshekk matur, allura ma kienx jidħol wisq fil-fond, kien jaħseb biss fuq l-apparenza. Wegħedt lili nnifsi li meta nieħu l-ormoni raġel trans ħa nkun; rajtha bħala ass ieħor għall-futur tar-raġel, jekk mhux għall-umanità kollha. Ovvjament, mhux jien per se, iżda r-raġel trans (kemm jekk irid jgħid li hu trans u kemm jekk le). Kapaċi jeqred il-maskulinità kif nafuha sal-lum u jwellidha mill-ġdid, kif għandha vera tkun; ġentili, biċċa waħda mal-femminilità. Forsi jien, bħala raġel trans, huwa dmir tiegħi li nistinka biex insalva r-raġel mill-miżerja tiegħu. Il-maskulinità patrijarkali (u dwar din inħeġġiġkom taqraw lil bell hooks) qed teqridna kollha kemm aħna; jien nemmen li mingħajr femminilità — u din hija parti wkoll tal-maskulinità — la jibqa’ fjuri u lanqas iljuni, lanqas bnedmin.
“Basta tħobb in-nisa daqshekk, dejjem taqbeż għalihom, femminist kbir, u ħa ssir raġel issa! Ittradejthom, mort kontrihom.” Smajtha ħafna din; nixtieq ngħid li minn widna tidħol u mill-oħra toħroġ, imma fil-verità, kull darba nimtela b’tilja nervi hekk kif nisma’ dal-kliem. Kif jista’ jkun għadna naħsbu hekk? Kulħadd jiftaħar bl-intelliġenza u t-tolleranza tiegħu imma rari niltaqa’ magħhom. Iktar trasparenti minn Casper il-fantażma ġentili. L-intelliġenza iktar tinftiehem li qiegħda fl-investimenti materjali, bħal x’biċċa negozju għaddej biha bħalissa jew x’karozza daħħalt. Trid tkun intraprenditur f’Malta, daqslikieku dan hu l-iskop ewlieni bħalissa, biljett one-way għall-ġenna. Jien ċert li mhux dieħel mela. Ifhem ħafna nies, u l-Knisja, ilhom li kkundannawni. Imma ġa għedtilkom li Alla Trans hi/huma | hu/huma.
Il-ġenna kwir u tilqa’ lil kulħadd. Anki jekk int cishet.
Għandi wiċċi batut bħalissa. Għajnejja diżastru u xufftejja wkoll. Ilni x-xhur hekk; mort għand it-tabib darba għal għajnejja u darb’oħra għal xufftejja. Kollu ta’ xejn, il-problemi hemm għadhom. Ħmura, uġigħ, qoxra u ħakk. Ekżema wara rkoppti — eh, u m’ilux sibt qasma żgħira taħt widnejja. Allerġija forsi, jista’ jkun nuqqas ta’ vitamini. Qrajt li l-vitamina D tajba għall-irġiel trans, kuljum nieħu doża. Inħossni ffrustrat. Nobgħod inħares lejn il-mera bħalissa. Niftakar kien ikolli dawn is-sintomi meta kont għadni żgħir ħafna. Qed naħseb li t-T tista’ tkun il-kaġun għala qed jiġrili dan, avolja ċert m’iniex. Għamilt ftit riċerka. Kont diġà naf li ma kinitx ħa tkun faċli għax rari rajt nies oħra b’sintomi bħal dawn jiktbu fuq l-esperjenzi tagħhom. L-iktar li ssib fuqhom huma s-side effects il-komuni, kemm tajbin u inqas tajbin. Iltqajt ma’ test dwar xi ħaġa relatata mal-għajnejn u l-ormoni, imma kemm-il suġġett niflaħ nirriċerka fuqu! Apparti minn hekk nistmerr infittex fuq l-internet meta s-suġġett ikollu x’jaqsam mas-saħħa, għaliex kollox jiżviluppa f’kanċer jew xi ħaġa tal-biża’ oħra. Ara jien anki ngħaddi minn quddiem l-isptar nibża’. Iffrustrat, għax nhar it-Tnejn li ġej għandi t-tieni appuntament mal-endokrinologu. Dan hu l-ewwel appuntament minn meta bdejt l-ormoni u li ħa jkolli ċans nistaqsih fuq is-sitwazzjoni b’wiċċi. Nemmen li 95.5678910% ħa jgħidli li t-T mhux il-kaġun ta’ dan kollu u veru jista’ jkun li mhux u nispera f’Alla Trans li ma jkunx, imma naf li dat-tabib ma jridx jgħinni u t-tweġiba mhux ħa tkun ibbażata fuq riċerka aġġornata imma fuq riċerka ġeneralizzata li tiffoka biss fuq persuni cis — għalihom dawn, in-nies non-binary u n-nies trans mhumiex prijorità. Għadu ma jistax jifhem xi jridu jgħidu biha dawk in-nies li huma non-binary. Jien u nikteb dal-kliem ikolli aptit nifqa’ l-kompjuter, biki ġo qalbi għandi kemm trid, għax dak ma jistenninix biex intih il-permess. Nhar it-Tlieta għal għand id-dermatologa — ħa naraw x’għandha x’tgħidli din ukoll. L-aħħar li mort ’qas kelli xejn pil fuq wiċċi. B’idejha taħt geddumi hi u tiflihuli għall-ponot bdiet tistagħġeb tismagħni ngerger. Bħal donnha riedet tgħidli li, filwaqt li l-biċċa l-kbira tan-nies iridu jneħħu s-suf, jien qed nara kif ħa nkabbru. Xtaqt ngħidilha, “imma mustaċċi għandi ftit, le?” Kelli ħafna inqas dik id-darba, kont ilni biss xahrejn fuq it-T. Kurjuż x’ħa tgħidli din id-darba.
Nitlobkom, intom min intom, fejquli wiċċi, inħossni ikrah, skomdu u muġugħ.
Il-lingwa Maltija ddejjaqni għax kollox maqsum bejn maskil u femminil, impossibbli taħrab mill-binarju. Fl-istess ħin tgħidx kemm qed inħobbha bħalissa għax nieħu gost li fl-aħħar qed nuża l-pronomi veri tiegħi. Ħaġa żgħira u għandna ħafna iktar affarijiet serji x’nindirizzaw iżda nemmen li meta persuni bħali jisimgħu l-pronomi tagħhom jiġu rrispettati tfeġġ tbissima ċkejkna f’qalbhom. Għall-inqas jien inħossni bħal meta l-għalliema tal-Malti tiegħi fis-sekondarja kienet sejħitli sabi ħażin għall-ewwel darba. Wiċċi xegħel b’ferħ mhux tas-soltu, mhux materjalistiku. Fraħt iktar milli meta missieri kien jixtrili kaxxa sħiħa stickers tal-Panini għall-album tat-Tazza tad-Dinja. Għadni niftakarha d-daħqa fuq wiċċi, daħqa bl-għajnejn; kelli xagħri qasir, il-buttuna tal-qmis miftuħa u l-ingravata ħoxna u qasira, għax hekk kienet il-moda dak iż-żmien. Mill-qadd ’il fuq ma kontx ingerger imma mill-qadd ’l isfel kienet storja oħra kompletament differenti. Ktibt poeżija bl-Ingliż dwar dan u ħa nipprova nittraduċiha bil-Malti:
Niżżel id-dublett
U kixef qmis twila
Minn taħt
Ix-xorz tan-nylon
Ileqq iswed
L-ingravata tbandlet bejn
Is-saqajn imħarrġin fil-futbol tagħha
L-arja nħasset iktar friska
Ma ħassx iktar pressjoni
Il-kuritur
Ma kienx iktar bħal waħx
Mexa daqslikieku
Il-catwalk kienet
kollha kemm hi tiegħu
Pxiexen kbar imxew
Komdi daqslikieku
Reġina tiżfen jew
Messi fil-grawnd tal-futbol
Il-ġisem jagħli
Fjammi tal-ħtija
Ħtija ta’ sikwit interrotta
Bil-laħam li hu marid
Jinħaraq u jħoss
Id-dmugħ bl-għaraq
Illum kelli telefonata li t-top surgery, li tissejjaħ ukoll masculinising chest surgery, kienet skedata għat-2 ta’ Ġunju 2022. Ilni xi sitt xhur li mort għall-konsultazzjoni. Irrabjat miegħi nnifsi li għadni m’għamilthiex. Ifhem, ma kontx ħa nagħmilha fiż-żmien li missieri kien ħa jkollu l-operazzjoni tiegħu. Miskina ommi kieku, kien ikollha iktar fuq xiex tinkwieta, b’żewġt irġiel kemxejn dgħajfin. Imma f’moħħi kelli li, wara li missieri jirkupra, immur niġri nagħmilha. Ma tantx ġrejt għax ħa nkun għaddejt sena oħra b’dawn il-balliet fuq sidri. Ma nixtieqx li nittrattahom daqshekk ħażin iżda l-mibegħda tiegħi lejhom dejjem hemm kienet u ma nistgħux inkomplu sejrin hekk, ngħixu flimkien u ma nitħamlux. Mhu tort ta’ ħadd, la tagħhom u lanqas tiegħi u għalhekk nixtieq li sa Ġunju nsiru nirrispettaw lil xulxin imqar ftit ħalli meta nsellmu ’l xulxin darba għal dejjem tkun tislima bejn żewġt iħbieb u mhux għedewwa. L-irjus tal-bżieżel (kemm hi ħelwa din il-kelma: nippliet jien kont nafhom, qatt ma kelli ħjiel li jissejħu hekk) hemm ħa jibqgħu għax jogħġbuni u b’hekk ħa nagħżel li nżommhom. Allura iktar u iktar irridu naraw x’nagħmlu u nibdew ninġiebu bil-mod il-mod. Illum għandi pjaċir ninfurmakom li l-bżieżel u jien ħa nkunu iktar ġentili ma’ xulxin.
Mela t-Tnejn mort għand l-endokrinologu: il-kaos li qed jiġri f’wiċċi bħalissa probabbilment m’għandux x’jaqsam mat-testosteron. It-testijiet tad-demm juru li t-testosteron għadu 7.49: tela’. Għadni lura, ta’ raġel ikun xi 15. U ija, nasal xi darba. Żiedli d-doża: 250ml issa. Kurjuż biex nara kif ħa nħossni u x’differenzi ħa nara.
Ma kontx ħa niktibha s-sentenza li ġejja imma kull stampa li titfaċċa f’moħħi nixtieq nurihielkom. Hulk, b’xebgħa suf li taħtu l-ġilda ħadra ma tibqax viżibbli, għaddej fit-triq għassa għal dak ir-raġel fil-karozza li jfettillu jittanta xi tfajla għaddejja bi kwietha għal għonq it-triq. Miexi b’dik il-mixja soda ta’ raġel tipiku Malti, b’dirgħajh miftuħin u sidru ppuppat, u bil-pala t’idu jtajjar lilu u l-Isuzu, lilu u l-BMW, lilu u l-bajla tal-konkrit dirett ġo sħaba mimlija tniġġis li ħalla l-vann tiegħu stess.
It-Tlieta mort għand id-dermatologa, assiguratni li t-T m’għandux x’jaqsam ma’ x’inhu jiġrili f’wiċċi. Kuntent. Apparentament il-klima ta’ Malta tagħmilli dan il-kaos ġo wiċċi. Ekżema. Għedtilha li jien Romeo issa; għoġobha. Indunat li s-suf kiber taħt geddumi u fuq xufftejja, u dwar leħni qaltli li jekk tismagħni fuq it-telefown issa ma tkunx taf jekk hux leħen ta’ raġel jew ta’ mara. Il-binarjetà ma neħilsu minnha qatt, imma dak il-ħin kont kuntent b’li smajt.
Ferrħitni. It-trattament għall-akne ħa nħalluh għalissa, hekk jew b’hekk dahri dejjem mgħotti jien. Għada nagħlaq seba’ xhur mit-twelid il-ġdid. Inzerta ħabat mal-birthday t’ommi. Darba f’ħajjitna ħa nkunu għalaqna żmienna flimkien. Irrid nixtrilha kartolina u xi bukkett fjuri sabiħ. Tapprezzahom ħafna l-kartolini u jistħoqqilha l-isbaħ fjura tad-dinja. Dan ma jistax ikun għax fil-verità l-isbaħ fjura tad-dinja hija hi. Il-bukkett mimli bix-xewk tal-Madonna u l-ħaxixa tal-kanali, il-favoriti tagħna t-tnejn.
Kemm int naïve
Jaħasra x’int belha
Wieħed agħar mill-ieħor
Miskina, kemm ma taf xejn
Dejjem l-istess tip issibhom
Imma allura ma ndunajtx?
Kemm m’għandekx xorti mal-irġiel
It-tort tiegħek
Fidila
Jekk int mara bħal oħti, żgur li smajtha dil-kantaliena t’hawn fuq, kemm mill-irġiel kif ukoll min-nisa stess. Ma nafx għalfejn nibqgħu nistagħġbu kif inhu possibbli li mara jkollha relazzjoni ma’ wieħed li tispiċċa ħażin minħabba abbuż. “Imma allura ma ndunajtx?” Qżież dawn li jibqgħu jirraġunaw hekk. Imbilli raġel ma jsawwatx mara ma jfissirx li ma jistax ikun qed jonqosha ’l ommu, ’l oħtu, ’il-ħabiba, ’it-tfajla, ’il dik li taħdem miegħu, ’il-madre terra nnifisha. Huwa veru, sieħbi, li t-tort mhux tiegħek li twelidt ittimbrat b’dis-saħta, imma wieħed bħalek ħoloq dal-virus tossiku li jabbuża lil dawk kollha li mhumiex int jew hu jew jien la nilħaq il-15, l-ammont totali ta’ testosteron. Fil-verità nixtieq li kellna l-iskola tal-maskulinità tenera u mhux tal-etikett. Flimkien nistgħu neqirdu l-biċċiet koroh tal-maskulinità u nerġgħu nibnuha mill-ġdid. Le! Mhux naïve, intelliġenti iktar minnek xbin, bella u mhux belha, taf ħafna iktar milli taf int, indunat u għalhekk tkellmet u telqet, it-tort huwa biss tal-patrijarkat u mhux tiegħek, sbejjaħ.
Qomt bid-dmija fuq l-Emporio Armani Exchange abjad silġ li tatni t-tfajla fil-Milied u li għadni kif żanżant ilbieraħ. Ma ridtx nilbsu biex jibqa’ qisu ġdid. Inħares lejn id-demm u taqbadni diqa, imma qed nipprova naċċettah kemm jista’ jkun. Intih il-ħin tiegħu sakemm fl-aħħar jixba’ u jħallini darba għal dejjem.
Lill-missirijiet u l-ommijiet ta’ kull min kellu jgħaddi mill-istorja tal-“ħabiba”. Ħabiba — kull tfajla li qatt kelli kemm meta kont meqjus liżbjana u kemm issa. Tipo, il-ħbieb li tieħdu d-dar kollha tkunu ħxejtuhom? Ġieli, ifhem, ġraw xi affarijiet ma’ ħbieb imma mhux kollha kemm huma; u jekk taf li hi t-tfajla tiegħi għax ma ssejħilhiex hekk? Għalfejn kull relazzjoni tiegħi tibqa’ tiġi meqjusa bħala ħbiberija? Mela, mara u raġel li mhux miżżewġin u ilhom jgħixu flimkien, jew tafu li huma koppja, issejħulhom miżżewġin għalkemm mhumiex, u lili għalkemm intom ċerti li jien għarus tibqgħu tirreferu għat-tfajla tiegħi ħabiba. U meta kont żgħir u kontu ssaqsuni jekk għandix “boyfriend”? Ġieli nara toqol kbir fl-ilsien ta’ ħafna nies, fosthom ġenituri, ħbieb u nies oħrajn, meta jiġu biex jirreferu għal xi ħaġa li mhix naturali għalihom. Dak it-tip nistħajjilhom għadhom kif taqqbu misluta fi lsienhom.
Ilni ma nikteb żmien twil. Nixtieq nikteb fuq waħda mill-iktar affarijiet importanti ta’ ħajti li għadni kif għaddejt minnha għaxart ijiem ilu, però kulma nista’ naħseb u nikteb dwaru bħalissa huma cowboys qosra bħali fil-BMWs, sigarett fl-id li qed iżżomm l-isteering disgħin grad miċ-ċentru tal-istonku għall-minkeb li jibqa’ ħiereġ kemxejn barra mit-tieqa. Polo shirt tat-Tommy, wiċċ ismar, qatgħa xagħar friska tal-barbier u t-tfajla iperfemminili ftit pulzieri ogħla fis-seat tal-passiġġier. In-numru tal-pjanċa LAJF. Hemm grupp ta’ nisa maskili li nilmaħ madwar il-Belt, ġeneralment jien inkun miexi u huma fil-karozza. Għandi xewqa kbira li nsir nafhom, niddokumentahom, ninkludihom fl-arkivju ta’ Rosa Kwir imma kif nibda m’għandix idea. L-affarijiet inħobb li jiġru organikament u mhux sfurzati, naf li jista’ jkun proġett bellezza kif ukoll importanti iżda huma jridu jkunu jixtiquh dal-proġett daqskemm nixtiequ jien. Lil dawn in-nisa-rġiel kont nilmaħhom meta kont żgħir u kont inħossni home mingħajr ma naf. Ma stajtx nifhem, jew nispjega lili nnifsi, għala kien ikollhom impatt tant kbir fuqi dawn in-nies. L-attitudni tagħhom ipermaskili ddejjaq lill-maġġoranza tan-nies li kont nagħmilha magħhom jien. Kont nifhem li xi wħud minnhom kienu forsi ġellidin, jew kif ġieli kont tismagħhom jgħidu, ta’ qattagħni. Jista’ jkun li hekk, imma mhux kollha, u għalkemm kont żgħir ġa kont naf li dawn il-liżbjani, nisa-rġiel, kienu jiġu meqjusa kollha l-istess bħal ħafna minoranzi.
Ir-raġuni kienet biss għax dawn marru kontra n-normi konvenzjonali ta’ x’għandha tkun mara. Kienu ta’ theddida kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa — għal raġunijiet differenti. Innutajt ukoll li sfortunatament kienu jiġu meqjusa bħala nies koroh. Kemm-il darba għaraft wiċċ diżgustat malli jilmaħ persuna hekk. Kulma stajt nara kien lili nnifsi fihom u qalbi qaltli li jgħidu x’jgħidu dwarhom, dawn in-nies estetikament kienu verament sbieħ; il-maskulinità kienu qed jinterpretawha ħafna aħjar u isbaħ mill-irġiel infushom. Fil-każ ta’ ġlied, mhux qed niġġustifika l-vjolenza imma jien qatt ma kelli għalfejn niġġieled; twelidt komdu, middle-class. Mhux għax f’din il-klassi m’hemmx vjolenza imma hemm stil ta’ vjolenza, hemm stil ta’ maskulinità, xorta tossika, imma kif naqbad nispjega — iktar “pulita”, iktar ħaxxejja. Hemm raġunijiet għala dak li jkun jaġixxi b’ċertu mod. Minn fejn ġejja dik ir-rabja jew aggressjoni?
Kont qed naqra In a Queer Time & Place: Transgender Bodies, Subcultural Lives ta’ kittieb li vera nħobb, Jack Halberstam. Fil-ktieb jitkellem fuq każ famuż ta’ Brandon Teena, raġel trans li kien ġie stuprat u maqtul fl-1993. “Mod wieħed kif l-istorja ta’ Brandon Teena tista’ titqabad mal-ħajjiet misturin wara l-isterjotipi (ta’ white trash, ta’ min jagħmilha ta’ ġeneru ieħor) hu billi jingħata lok lil uħud min-nisa li Brandon ħareġ magħhom jispjegaw ruħhom u jartikolaw ix-xewqiet straordinarji tagħhom. Fil-ġirja medjatika biex jinkixfu l-motivazzjonijiet wara l-mod kif Brandon għamilha ta’ raġel, bosta mir-rapporti dwar il-każ injuraw il-fatt li n-nisa li ħareġ magħhom kienu, attivament, jippreferu lil Brandon minn irġiel konvenzjonalment maskili minkejja l-fatt li din l-għażla ma kinitx toffrilhom wisq vantaġġi soċjali. Tfajla wara l-oħra fil-filmat tikkaratterizza ’l Brandon bħala ġuvni tal-fantażija, ġuvni tal-ħolm, raġel li jaf ‘kif xtaqet tiġi ttrattata mara’. Gina tiddeskrivih bħala romantiku, speċjali, jagħti l-attenzjoni, u Lana Tisdale ssejjaħlu, ‘il-ħolma ta’ kull mara’. Nistgħu nikkonkludu li Brandon issodisfa u saħansitra ppromova l-ideali romantiċi li t-tfajliet tiegħu kkultivaw dwar il-maskulinità. L-awtopreżentazzjoni ta’ Brandon għandha tinqara, skont jien, bħala kritika li xxellef il-maskulinitajiet tal-klassi tal-ħaddiema bojod li kellu madwaru; iżda, fl-istess ħin, l-imġiba performattiva tiegħu ta’ maskulinità kavallereska hija implimentazzjoni makakka tal-maskulinitajiet hekk imsejħa rispettabbli tal-klassi medja li jirrappreżentaw ideal romantiku Amerikan tal-irġulija. Mir-rapporti li taw in-nisa dwar ir-relazzjonijiet tagħhom ma’ Brandon nifhmu li hu mhux biss offrielhom, intenzjonalment, trattament li ma setgħux jistennew mill-ġuvintur tal-lokal, iżda wkoll irrikonoxxa l-kumplessità kemm ta’ kif jifhmu lilhom infushom kif ukoll tax-xewqiet tagħhom.”
Sibt ktieb ieħor jismu Il-Ħabs: L-Istorja tal-Ħabsijiet f’Malta mill-1800, ta’ Edward Attard. F’kapitlu minnhom dwar il-ħabsin nisa, Attard jirrakkonta l-istorja ta’ Marija Schembri magħrufa bħala “ix-Xuxana”. Fl-1878 Schembri kienet instabet ħatja ta’ qtil u ntbagħtet il-ħabs għal għomorha. Dak iż-żmien, il-ħabsin nisa kienu jinżammu l-Ospizio, il-Furjana, iżda malli ntebħu li Marija kellha karatteristiċi maskili, ittrasferewha Corradino, il-ħabs tal-irġiel. Francis Ebejer kiteb fuqha fir-rumanz tiegħu Il-Ħarsa ta’ Rużann. L-istorja sseħħ f’Ħad-Dingli, u Ebejer isemmi l-gruppi kriminali li kienu joperaw madwar l-għerien t’hemmhekk. Lix-Xuxana jsejħulha “dik il-mara-raġel” fir-rumanz. “Mara-raġel” normalment jintuża biex jgħajru ’l-liżbjani — kont għadni żgħir meta tgħallimt x’verament ifisser dan it-terminu u lil min kienu jgħiduh. Kienet ukoll l-ewwel darba li fhimt kif tista’ tħoss l-uġigħ, is-sens ta’ mistħija u l-frustrazzjoni kollha f’salt. Niftakarni nħossni mifxul u ma nistax nifhem kif nies li jien kont narahom daqshekk sbieħ u b’saħħithom kienu jitkellmu fuqhom b’mod daqshekk negattiv. Imma jien ċert li lili n-nies kienu jarawni bħala wieħed minnhom. Domt ħafna biex mhux biss naċċettah, imma nagħmlu tiegħi dak it-terminu, u nistħi ngħid li kien hemm żmien meta kont skomdu ħafna li n-nies kienu jarawni bħala “mara-raġel”, tant li kont nasal nagħmel li nista’ biex nibdel id-dehra tiegħi, sempliċiment minħabba l-istigma li kellha dik il-kelma. Nixtieq li ma nibqax nirreferi iktar għax-Xuxana bħala mara, fis-singular femminil, imma bħala gwerrieri trans — WARRIOR — li kellhom jissieltu man-normi tas-soċjetà biex ikampaw. Mhux qed infaħħarhom għall-kriminalità tagħhom, imma ma rridx nirriduċihom biss għal sempliċiment qattiela. Ħajjithom żgur kienet ikkumplikata, żgur li l-espressjoni tal-ġeneru tagħhom ma kienx jinżel tajjeb dak iż-żmien. Fis-seklu 21, in-nies għadhom jistmerru lil dawk li ma jikkonformawx mal-ġeneru. U dawn ta’ kuljum għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjonijiet ta’ periklu għal ħajjithom. Aħseb u ara kemm kienet iebsa l-ħajja għax-Xuxana dak iż-żmien.
Fil-fatt, bħalissa qed nirriċerka films li huma fl-ispettru ta’ maskulinità trans, peress li avviċinawni mill-Otherness Archive biex nikkollabora magħhom. Dan huwa arkivju viżiv li jiddokumenta films kwir u l-pijunieri taċ-ċinematografija kwir, u huwa wkoll spazju għal films kontemporanji kwir. Dis-sena l-fokus qiegħed fuq l-esperjenza trans maskili. Dan l-arkivju jinteressani għax jisfida ċ-ċensura storika ta’ temi omosesswali, trans u razzjali, u minflok, jenfasizzahom bħala rappreżentazzjonijiet tal-kunċett ta’ “otherness” li jistħoqqilhom l-istess rikonoxximent, jekk mhux iktar. Otherness. Bil-Malti diffiċli nittraduċiha b’kelma waħda; ikolli nagħti tifsira minflok: dik il-kwalità li tenfasizza d-differenza. Għalissa se ngħidha bl-Ingliż: Otherness. Nixtieq insibha bil-Malti daqskemm hi użata fit-testi li naħdem bihom. Forsi alterità? Jew dik “alterity”? Insomma, permezz ta’ dawn ir-rappreżentazzjonijiet, iċ-ċinema kwir qed jirnexxilu jidħol f’narrattivi u suġġettivitajiet li jagħmlu l-esperjenza ċinematografika iktar rikka.
Rabja u aggressjoni u wġigħ. Kważi tliet ġimgħat wara l-operazzjoni. Uġigħ mhux bħall-ewwel ġimgħa, imma sidri għadu juġagħni sew. L-irjus tal-bżieżel inqas suwed, u l-Bactroban qed jirnexxili nagħmlu mingħajr ħlewwa ta’ qalb, biki u qrid. Iżda l-kbir kien għadu ġej għax il-kirurgu tani eżerċizzju ġdid x’nagħmel, u dan ferm agħar. Irrid nimmassaġġa l-iscar tissue ta’ madwar sidri. (Fittixt “scar tissue” bil-Malti u sibt li jgħidulha “merk”. Kelma stramba u ġdida għalija. Din veru jużawha n-nies?) Irrid nagħmel dan għal sitt ġimgħat sħaħ sakemm nerġa’ mmur narah. L-uġigħ tiegħi mhux għal dejjem u daqt inqażżeż lil kulħadd indur u nippoża b’żaqqi barra. Imma għal xi wħud dan mhux il-każ. Bi sfortuna kbira, Samantha, oħti t-tewmija u l-iktar persuna għażiża f’ħajti, għandha marda kronika, fibromalġija biex inkun eżatt. Marda taż-żobb. Oħti reġgħet rebħitha s-sodda.
Samantha mara mill-isbaħ, minn ġewwa u barra. Meta kienet żgħira hi kienet l-imqarba minna t-tnejn. Veru konna kwieti, imma hi kienet ftit iktar fuq tagħha għax jien kont mistħi, dejjem imħasseb u ftit li xejn kliem. Il-biċċa l-kbira konna ningwalawha ħafna, ġieli spiċċajna niġġieldu a la Power Rangers, ħabba r-remote jew il-kompjuter. Imma, meta konna niġu fit-trouble ma’ missieri u ommi, konna nsiru ħaġa waħda. Ilna magħluqin id-dar xi sitt ijiem. L-uġigħ reġa’ sabha, kulma rnexxielha tiskappah tlett ijiem, wara ġimagħtejn sħaħ għand ommi fis-sodda. Il-kliem “għajejt, xbajt, x’qed nagħmel hawn, din mhix ħajja” jinstema’ f’widnejja bħal dak il-ħoss li jibqa’ f’widnejk wara lejl mużika trance. Wiċċha jbiddel il-kulur minn isfar għal griż u abjad f’temp ta’ sekonda, għajnejha mbikkmin, imdejqin, iffrustrati u rrabjati. U aħna anki meta jkollna wġigħ ta’ ras ingergru u ġieli anki nieqfu minn dak li nkunu qed nagħmlu, aħseb u ara tqatta’ parti kbira minn ħajtek muġugħ. Uġigħ sadist insejjaħlu jien, sadist mingħajr il-kunsens, eteronormattiv għal alla tiegħu. F’għoxx il-liba wġigħ. Inbusha, inżommilha jdejha, nidlikha bil-Bio Oil, l-istess wieħed li nuża biex nimmassaġġa sidri. L-ebda minn dawn ma jtaffu l-uġigħ, kemm jien u kemm hi nafuh dan. X’taqbad tagħmel? Ħafna ma jifhmuhiex persuna bħal oħti. Jippreferu joqogħdu fuq dik l-istorja fuq l-Instagram ta’ dik il-ġurnata ħanina li berkitha bil-get-out-of-pain card. Veru tidher tajba, jgħidulha. Ma jemmnukx, hux, li tbati minn dal-uġigħ għax jarawk fl-istorja rasek ’l isfel jew f’xi “child pose”, jew iżżegleg sormok bi drink f’idejk, b’xufftejk impittrin, b’daħqa sabiħa. Imma għajnejk ħadd ma jafhom daqskemm nafhom jien, dak il-mument f’dik l-istorja kemm jien u kemm int nafu kemm nixtiequ nwaqqfu l-ħin fuq dan il-vultaġġ ta’ wġigħ, uġigħ li jħallik tkompli b’ħajtek għax sar sapportabbli fejn l-uġigħ l-ieħor.
Cocktail ta’ pirmli
Vogues
Minute steak
Orżata bil-lumi
Ilma kiesaħ
Ġiex imħaded
Walker proprjetà tal-Mater Dei
Uġigħ
Tas-saqajn, widnejn, idejn, ras, għajnejn, qalb
Dmugħ, eżasperazzjoni, spażmu
Spażmu
Isteriżmu
Il-Fendi żanżannieh
Fl-aħħar waqajna bih
Samurai Butterfly.
Darba meta kont żgħir veru xtaqt naqbad farfett f’idi. Ma ġinix f’moħħi li dan kien jiżen biss 500mg. Immaġina tkun miexi meta f’daqqa waħda oġġetti massivi darbtejn id-daqs ta’ blalen tal-bowling jitgaraw fuqek minn fuq għal isfel. Tal-biża’, le? L-istess ħaġa għal farfett meta s-sema jobżoq taqtira xita ta’ xi 70mg. Farfett ma jmutx jekk tiddeċiedi taqbdu persuna li taf x’qed tagħmel, bħal lepidotterologu, imma ta’ tifel żgħir li kont ma kelli l-ebda idea kif nagħmel dan. Għadni niftakar ċar ħafna l-ewwel u l-aħħar qtil tiegħi ta’ farfett. Jew meta għorokt il-petala ta’ fjura bejn is-swaba’ ta’ idi sakemm spiċċat fix-xejn. Ix-xokk, is-sorpriża li ħadt kienu kbar iżda kien wisq tard biex insalva mqar biċċa ta’ ġewnaħ, ta’ petala.
Ġwinħajk bħalissa iktar qishom dawk tal-anġli li tara fil-festa, immuskulati, b’saħħithom imma ma jtirux. Cybertonian butterfly nixtieqek kont, tal-ħadid. F’għajnejja, f’moħħi, dejjem ittir narak, anki meta ġismek ikun ferut, minfud mil-lanez. Frida Kahlo spjegat l-uġigħ bil-pittura tagħha “The Wounded Deer” u lilek ħa nsejjaħlek “My Wounded Butterfly”. Nixtieq li dawk il-lanez kienu ta’ Kupidu għax probabbli kieku mhux uġigħ qed tħoss imma mħabba bl-addoċċ. Niġi ħdejk kuljum, nieħdok tpejjep sigarett fil-gallarija. “Ejja mmorru sa Café del Mar,” jgħidlek missieri. Biex nieħdok mis-sodda sal-gallarija nagħmlu pit-stop għal fuq is-sufan. F’id waħda għandi t-tazza bl-orżata, lighter, u pakkett Vogue, u fl-id l-oħra nżommok minn qaddek ħalli żgur ma taqagħlix. Nixtieq nerfgħek imma sidri ma jiflaħx strapazz għalissa. Nikxiflek sidri kuljum, u nistaqsik jekk hux qed jikbruli lura. Imwerwer minnha dil-ħaġa, dil-ħolma ħlomtha iktar minn darba kemm ilni li għamilt l-operazzjoni. In-nefħa normali, naf. Qalli l-professur, fittixt fuq Google, tkellimt ma’ sħabi li ġa għamlu bħali. Nieqaf neqred meta nisimgħek tgħidli kemm jien ħelu u kemm int ferħana għalija. Nerġa’ nilbes il-compression vest, u niġi fuq is-sodda maġenbek.
Naħseb fik oħt, u f’dawk in-nies li l-lejl iġibilhom biża’ u agunija. Nimmaġinak rieqda mingħajr uġigħ, moħħok mistrieħ, ħolm sabiħ. Imma bi dwejjaq kbar f’qalbi naf li probabbli qed tokrob fil-friex, idejk f’idejn ommi fid-dlam u s-skiet.
Sbejħa tal-Junk Yard.
Id-dwal sħan tal-karozza flimkien mal-qamar kwinta jdawlu s-saqqu f’nofs junk yard mimlija metall, tajers, tapizzerija, u marki organiċi taż-żejt. Il-friex jintefgħu fuq iż-żrar simili għad-drappijiet li tara fil-pitturi tar-Rinaxximent. Il-ħoss tal-magna ttektek, il-grillu jiddi, u int mixħuta taħt il-friex b’facecloth fuq moħħok, high għal Alla tiegħek, missieri u ommi t-tnejn ħdejk imbellhin, imbikkmin bl-inkwatru tal-Madonna u l-Bambin fuqhom, riħa ta’ kannabis toqtol, żlieġ, daħna u silenzju mimli wġigħ.
Ma nistax norqod imma għajjien. Il-pjanti reqdin, id-dwal uħud ftit mixgħulin oħrajn ftit mitfijin, karozza tinstema’ fil-bogħod u l-muturi tal-aircondition jikkompetu mal-kelb jinbaħ u l-friġġ tgerger qisha żaqqi meta ma nitmagħhiex. Il-lejl jinstema’ sabiħ u romantiku, melankoniku, idi bejn kuxxtejja ssir parti mill-orkestra rrejżjata bi speed li jlaħħaqha ma’ tal-Honda Civic.
Id-daħqa tiegħek ta’ eżasperazzjoni, flimkien man-nifsijiet li kont għadek kif ġbidt mill-vape, intilfu mal-lejl, iżda f’widnejn ħuk baqgħu jidwu anki wara jumejn.
Ix-xahar ta’ Ġunju. Li jfisser li hawn xebgħa tfal lesti għaż-żwieġ. Purċissjoni ta’ nies qosra bi lbies abjad u beige, frilli u domni, u żraben tat-tibdila, mixjin b’passi żgħar u mgħaġġlin jitqatlu mas-sħana li ħierġa mill-asfalt, issa waslet viċin tat-taraġ tal-parroċċa, bil-lest għaż-żwieġ u għal close-up ħelu ta’ ritratt. Il-qniepen, it-talb, it-trance ħiereġ mis-subwoofer tal-karozza li kellha ddur mar-roundabout għax hekk ordnalha l-pulizija, u r-riħa tal-Maxims jerġgħu joħduni lura għal meta jien ukoll kont wieħed minn dawn in-nies qosra lesti għaż-żwieġ. Nixtieq li nerġa’ lura u nlibbisni bil-ġlekk u l-qalziet. Iż-żwieġ ma nemminx fih. Iżda narah skuża tajba għal party, ilbies, karozzi, żwiemel, żfin, u fjuri sbieħ.
Ostji
Inbid
Kannapè
G&T
Il-maskulinità studjajtha sew minn meta kont żgħir. Nifli kull dettall għalkemm ħafna ġesti kienu jiġuni naturali. Ħafna rġiel tarahom jaqbdu jew iżommu l-gremxula, is-serp, il-bebbuxu tagħhom. Bħal meta tarbija tmiss widnejn ommha. Jien, dal-aħħar, qed noqgħod naqbdu l-bebbuxu fantażma tiegħi, għax il-ħin kollu sħun. Ma naqbdux biex nuri d-dominanza, imma forsi biex nikkalma .