Bil-Moħbi fil-Beraħ

Omar N’Shea

Fil-5 ta’ Frar 1998, għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu, it-tidwir tal-karozzi fil-Ġnien tal-Gżira kien ferm aktar mgħaġġel mis-soltu. Il-biċċa l-kbira tal-karozzi kellhom pjanċi li għal bosta min-nies li kienu fil-ġnien dak il-ħin kienu magħrufa; is-sidien jew is-sewwieqa tal-karozzi spiss kienu jinżlu jduru darbtejn jew tlieta mal-parking tal-ġnien, imma ma kinux it-tip li joħorġu mill-karozza. Ibaxxu s-sit tax-xufier, u joqogħdu jħarsu, daqqa bil-ħġieġ tat-tieqa mniżżel, daqqa mtella’ kważi kollu. Ħafna drabi kont tara d-duħħan tas-sigaretti ħiereġ minn ġox-xaqq li jifdal. L-irġiel li kienu barra mill-karozzi tagħhom — kważi kulħadd kien jinżel bil-karozza ħlief dawk li kienu mill-Gżira stess — inġabru fi gruppi żgħar, min ġol-ġnien innifsu, u min viċin tal-lampier il-kbir ta’ barra. Dik il-lejla, id-diskors la kien ikkampjat u lanqas kellu ħafna affetti u mutetti fih. Mhux bħas-soltu. La kien hemm battibekki meħudin mill-films u lanqas kummenti fuq is-srum u l-pakketti. La ħjata, la mudelli, la kantanti u la min hu dieħel u lanqas min hu ħiereġ. Kulħadd kien qisu qiegħed hemm għax telgħet ix-xemx f’nofs ta’ lejl u ma kienx jaf x’se jaqbad jagħmel. Il-kelma bdiet tiġri malajr li, ftit sigħat qabel, parrukkier ta’ ċertu ċelebrità nstab, fis-salon tiegħu mhux bogħod wisq minn hemm, f’għadira demm b’daqqiet ta’ sikkina f’rasu, għonqu u sidru. Lill-parrukkier kulħadd kien jafu: fit-tmeninijiet, ħafna sinjorini kienu jew imorru jitgħallmu l-ħjata jew jaqtgħu x-xagħar. Il-ħajjata magħrufa kienu t-Tessoni, Ashley, u Charlie tal-Gżira, li kienu bdew jibnu karriera tajba b’introjtu konsiderevoli għall-intrapriża żgħira li kellhom. Dawk li kienu mħajrin lejn id-dinja tax-xagħar ċertament li kienu semgħu b’Alfie li, iktar minn parrukkier, kien “hairdresser” u li, flimkien ma’ Chris u José, kif ukoll ma’ Manwel tal-Village Gossip, il-Mimì, u s-Sapuna, kien beda juża teknika u prodotti minn Londra. Alfie kien magħruf aktar forsi minħabba li kien imur fuq il-programm Arzella, ippreżentat minn Charles Xuereb, u fl-istudio jagħmel il-highlights fuq il-mudelli b’barnuża tal-gomma ġo rashom, joħroġ minnha troffa troffa b’labra tas-suf irqiqa u jagħtiha waħda pinzell bleach waqt li jitħaddet fuq it-teknika, iż-żebgħa, il-peroxide, u l-prodotti. Għal ħafna rġiel gay fit-tmeninijiet, din kienet il-modernità, u l-modernità kienet fuq ix-Xandir Malta! Dawn kienu l-aħħar snin tal-Gvern Laburista u x-Xandir kien totalment Laburist, dinja għalkollox parallela, b’ħajt sod madwaru mibni mill-Bojkott. Norman Hamilton u Josette Grech kienu jlaqqgħu ħafna talent għal sigħat sħaħ fuq Sibtijiet Flimkien, imma l-ispazju verament queer fix-Xandir kien Arzella, fejn ix-xandir pubbliku beda, bl-immaġinarju tiegħu, idjoma li kienet infurmata mis-simboliżmu internazzjonalment queer. Kienet idjoma li fil-qalba tal-komunità, pereżempju dik tal-klikka tal-Ġnien, kienet tinftiehem sew, avolja mingħajr invokazzjoni preċiża. Mhux għax ma kienx hemm sinjorini Nazzjonalisti; naturalment kien hemm. Imma jekk dawn kienu ftit iktar puliti, x’aktarx kienu jiltaqgħu ġewwa, fi klikek żgħar. Il-Ġnien għalihom, jekk kienu jmorru, kien post fejn igawdu għal ftit il-manjieri tal-klassi tal-ħaddiema, li wara kollox kienu jassoċjawha mal-maskulinità virili. Bħas-sinjorini edukati kollha, kien ukoll ir-rwol tagħhom li jimpurtaw is-simboli tal-estetika kanonika gay: il-films, il-moda, id-drogi.

F’dik il-lejla tal-1998, in-nies li kienu ġol-Ġnien tal-Gżira ma kinux hemm biex, bħas-soltu, iħufu, imma niżlu minħabba li ċelebrità mid-dinja tal-moda u tax-xagħar ġiet maqtula u minħabba li r-reazzjoni immedjata ta’ kull min kien il-Ġnien dak il-lejl kienet li jassumu li l-qtil kien att vili ta’ omofobija. Dak il-lejl, bosta mill-komunità gay marru l-Ġnien tal-Gżira mhux biss għall-gossip iżda wkoll għall-vantaġġ primarju li wieħed jista’ jieħu minn spazju pubbliku — is-sigurtà.

Matul il-ġurnata, il-Ġnien, kif kien jissejjaħ, kien post għall-familji, għall-pikniks u għat-tfal biex jilagħbu fuq il-bandli; billejl, il-Ġnien kien isir spazju għall-ħufar u għas-sess, speċifikament għas-sess bejn l-irġiel. Irġiel gay kienu joħorġu sal-Ġnien, waħedhom jew ma’ xi ħbieb, biex jgħidu kelma jew biex isibu ftit intimità u privatezza fil-beraħ. L-irġiel li fil-lejla tal-qtil ta’ Alfie kienu fil-Ġnien tal-Gżira ma kontx normalment tarahom miġburin hekk flimkien f’nofs ta’ lejl. Kont, minflok, tilmaħhom jimxu waħedhom ’il fuq u ’l isfel fuq il-bankina bejn it-triq ta’ ġewwa li tagħti għall-baħar u l-ġnien innifsu, jew jimxu waħedhom ġewwa l-arbuxelli u s-siġar. L-etikett tal-ħufar kien jirrikjedi li s-“sinjorini, jiġifieri l-irġiel gay u out, jisseparaw meta jaslu u taparsi qegħdin waħedhom għax l-irġiel straight — “normali” — li jinżlu jħufu kienu jitkexkxu jekk jaraw roqgħa sinjorini jħufu flimkien, u allura ma jazzardawx jersqu viċin. F’dan il-kuntest soċjali, il-komunità kellha użanzi stabbiliti għal-lingwaġġ li tuża, b’terminoloġija li tagħmel distinzjoni bejn min kien omosesswali u min kien gay. L-omosesswali, dik il-persuna li dwarha jintqal li hi “hekk”, kienet dik il-persuna li tfittex intimità fiżika u emottiva ma’ persuni tal-istess sess imma mhux neċessarjament interessata li tgħix dan id-desiderju fuq livelli oħra, bħal ngħidu aħna li tgħix ħajja kulturalment ingaġġata jew politikament attiva. Il-persuna gay, mill-banda l-oħra, kienet dik li diġà tidentifika bħala omosesswali, però kienet ukoll tmur oltre l-ġibda lejn l-istess sess u tfittex li ssawwar l-identità tagħha madwar l-orjentazzjoni. Dan x’aktarx minħabba l-fatt li din id-differenza tkun sawret il-mod ta’ kif sabet ruħha fid-dinja, jiġifieri, mhux biss kif tilbes, timxi, u titkellem iżda wkoll x’kotba taqra, x’mużika tisma’, kif tħares lejn il-politika, ir-reliġjon, u l-ekonomija, saħansitra fejn tmur tixrob, tiżfen, taħxi, u x’tip ta’ ħbiberiji toħloq u ma’ min. L-omosesswali kien komdu fid-dinja kif inhi; il-gay ma kienx. Ried jibdilha. L-omosesswali kien hekk biss fl-intimità; il-gay kien gay anki meta ma kienx qed jaħxi. Fil-kuntest tal-ħufar, imbagħad, kien hemm in-“normali; dawn ma kellhom ebda ħajra jew interess li jidentifikaw b’mod ieħor ħlief bħala straight avolja kienu jħufu, jgħabbu l-irġiel, u mhux neċessarjament dejjem ħadu r-rwol attiv top.

Lejn it-tmiem tas-seklu għoxrin, jiġifieri fis-snin tmenin u disgħin f’Malta, irġiel li kienu jfittxu intimità ma’ rġiel oħra għamlu patroċinju ta’ spazji pubbliċi definiti — bħal latrini, ġonna, u bajjiet — primarjament għal għanijiet ta’ intimità fiżika u sesswali iżda wkoll bħala spazji fejn ħafna setgħu jkunu queer mingħajr ma jħabbtu wiċċhom ma’ intolleranza u theddid. It-tendenza li tfittex l-intimità fi spazji pubbliċi kienet maqsuma ma’ ħafna pajjiżi lil hinn mill-gżira tal-Mediterran, ovvjament, iżda l-kuntest lokali ta lok għal użu partikolari tal-ispazju ddeterminat mill-attributi tal-post innifsu. In-nisa u l-irġiel bejniethom ukoll kienu jfittxu postijiet fejn jistgħu jkunu fiżikament intimi — jew għax kienu għadhom jgħixu mal-ġenituri, jew għax kienu qed jaqilbuha lill-mara jew lir-raġel. In-nemmiesa wkoll. Imma l-ispazji tal-ħufar queer ma kinux biss irkejjen magħżula għall-opportunitajiet li joffru — jiġifieri dlam, siġar, u aċċess. Kienu wkoll imkejjen fissi bi tradizzjoni warajhom, li jiffunzjonaw bħal stati żgħar fejn jinħolqu komunitajiet interni organizzati madwar l-identità u l-prattika sesswali, jiġifieri ċ-ċittadinanza sesswali, u madwar riti u ritwali impurtati mis-soċjetà inġenerali li jiġu modulati għall-bżonnijiet tal-komunità.

Fl-immaġinarju eteronormattiv, il-ġonna u l-bajjiet huma oqsma għar-rikreazzjoni tal-familji u tat-tfal. F’dak queer, spazji pubbliċi bħal dawn għandhom l-affordanza li jintużaw għall-għanijiet ta’ intimità u ritwali soċjali queer. Jekk nimxu mat-teorija ta’ “bla futur” ta’ Lee Edelman, allura nistgħu nagħmlu sens minn din is-sovverżjoni queer ta’ dawn l-ispazji permezz tal-att tas-sess fi spazji pubbliċi. Edelman isostni li l-patrijarkat eteronormattiv jaħtaf il-kostruzzjoni tal-futur f’idejh u jippreżentah bħala ideal utopiku magħġun mal-idea ta’ progress. F’dan il-qafas, il-figura tat-tfal tiġi approprjata preċiżament bħala tama li dan il-futur iseħħ u jirnexxi, u allura l-kwistjoni tal-futur bħala kostrutt normattiv għandu mkebbeb mal-loġika interjuri tiegħu l-futur fil-forma tat-tfal u l-post tagħhom fl-immaġinarju pubbliku. Ir-ridefinizzjoni ta’ spazji bħall-bandli tat-tfal tal-Ġnien tal-Gżira f’post fejn tiżvolġi intimità sesswali, allura, issir att sovverżiv immirat lejn il-mod kif l-istat jaħtaf spazji pubbliċi biex jagħmel viżibbli u jgħolli l-ideal tal-familja eteronormattiva.

Fil-ktieb Cruising Utopia: The Then and There of Queer Futurity, José Esteban Muñoz juri kif il-ħufar spiss isir f’postijiet fejn il-bijografija storika tal-lokalità jew il-karatteristiċi ġeografiċi tagħha jippermettu din il-prattika. L-irġiel li kienu jħufu f’dawn il-lokalitajiet kellhom isibu modi ad hoc u rudimentali kif jikkalkulaw ir-riskju, kif jilqgħulu u sa ċertu punt jevitawh, u biex jinnegozjaw l-identitajiet sesswali u soċjali tagħhom b’mod sigur. Il-ħin tal-ħufar, pereżempju, kien wieħed mill-fatturi użati minn dawk li jħufu biex jimmanipulaw il-funzjoni normattiva tal-ispazji soċjali tagħhom: postijiet pubbliċi ħafna, bħall-Ġnien tal-Gżira, kienu jsiru spazji għall-ħufar queer billejl biss, filwaqt li oħrajn, bħal bajjiet diżabitati jew il-Ġnien tal-Bombi, kienu jintużaw kważi esklussivament binhar minħabba li l-aċċess ma kienx immedjat u allura fid-dlam isiru perikolużi. L-aċċess kien fattur ieħor li wkoll kien jiddetermina kemm kien ikun “pubbliku” l-ispazju għall-ħufar. Iktar ma kien ikun hemm aċċess, jiġifieri iktar ma kienet tkun ċentrali u tagħti fil-għajn iż-żona tal-ħufar, iktar kienet tkun mgħammra biex tiġbed mhux biss irġiel gay u out imma wkoll dawk bisesswali jew bikurjużi, u allura iktar kienet tkun inklużiva bħala żona ta’ ħufar. Żona tal-ħufar bħall-Ġnien tal-Gżira, bil-beraħ pubbliku tiegħu, kellha triq fuq ġewwa moħbija mit-triq ta’ barra b’ringieli ta’ siġar li bihom wieħed kien jista’ jħuf bil-moħbi. U allura, bosta minn dawk li ma kinux out, jew li għalihom l-idea li tidentifika s-sesswalità tagħhom ma’ xi kategorjia partikolari tal-identità kienet ħaġa aljena, setgħu jfittxu intimità ma’ rġiel oħra mingħajr ma jrendu viżibbli l-ħufar tagħhom. Setgħu jħufu bil-moħbi fil-beraħ.

Il-popolarità tal-Ġnien tal-Gżira kienet proprju minħabba l-aċċessibilità tiegħu: stajt tgħaddi “tara x’hemmmill-karozza mingħajr ma toqgħod tmur tipparkja xi mkien ’il bogħod fejn ħadd ma jara u jagħraf il-karozza tiegħek, fit-toroq residenzjali tal-Gżira jew Ta’ Xbiex, u mbagħad ikollok timxi lejn il-Ġnien fit-triq ewlenija ta’ barra — ma jmurx jgħaddi xi ħadd tal-familja jew tax-xogħol. Minflok dan kollu, fil-Ġnien stajt tibqa’ dieħel bil-karozza, stajt tgħaddi u ma teħilx, speċjalment meta ridt biss tieħu nejka u mhux issib klikka sinjorini tafhom u teħel parlata lejl sħiħ.

Taħt il-lampa ewlenija tan-nofs, fuq in-naħa ta’ barra, bilqiegħda fuq kaxxa tad-dawl miżbugħa ħadra, bejn żewġ siġriet tal-oleandru u taħt siġra tal-palm, kien ikun hemm il-klikka tas-sinjorini veterani tax-xena, dawk li fit-tmeninijiet kellhom ħamsin sena; jew il-buċċ, b’żaqqhom barra u xorz tal-jeans imqatta’, xi katina rqiqa tad-deheb u par mustaċċi. Jew inkella sinjorini sew sew, xagħarhom twil, culottes u flokk tas-SEPARÉ — ditta tal-ħwejjeġ b’ħanut żgħir ġewwa Taormina. Kultant, biex tgħid irfist l-antiporta tal-kontinent, kont tmur jumejn tiżvoga mas-sinjorini Sqallin u Ġermaniżi f’Taormina, tiżfen bi mrewħa f’idek maż-żeffiena tal-“Lakomija”.

Fl-istess ħin, fil-Ġnien bdew jinħolqu saffi soċjali ħafna aktar kumplessi: il-klikka tal-Maltin veterani tax-xena taħt il-lampa ta’ barra — jiġifieri fl-iktar post ċentrali u mdawwal — kellha status kważi ta’ elite, bejn minħabba l-fatt li dawn kellhom suġġettività politika b’saħħitha ħafna għax kienu out, u bejn għax bl-ilbies u l-affetti tagħhom ħolqu semjotika tal-ġisem viżibbli u li tintgħaraf immedjatament bħala gay. Mill-banda l-oħra, fil-karozzi kien hemm il-ħufaturi “normali”: jew miżżewġin jew introverti jew nemmiesa jħarsu, jilagħbu bih u jisimgħu r-radio. Bejniethom kien ikun hemm għaddejja logħba ta’ ħars, komunikazzjoni bl-għajnejn u sinjali oħra bil-ġisem. Jack Halberstam jitkellem dwar dan il-lingwaġġ tal-ħufar f’Wild Things: The Disorder of Desire u jgħid li permezz tiegħu wieħed jinnaviga ġo spazji urbani biex joħloq spazji queer fejn id-desiderju jista’ jersaq lejn il-konnessjoni. Imbagħad ġewwa l-ġnien, fuq il-bankijiet tal-ħadid, kienu jintefgħu dawk li għalihom is-sess kien l-uniku mod kif seta’ jieħu forma dak id-desiderju stramb u soċjopolitikament irrikonoxxibbli ta’ ġibda lejn raġel ieħor: dawk li wara moħqrija familjari, soċjali, u politika, baqa’ biss fihom l-eku jirbombja u jimraħ billejl; dawk li kienu vittmi ta’ stupru u swat li l-unika konnessjoni mad-dinja kienet li jibqgħu jirrepetu t-trawma ewlenija lejl wara lejl, mimdudin għarwenin fuq bank fid-dlam ċappa, jistennew li xi ħadd ideffes xi flixkun fis-sħana umduża ta’ sormhom, jew li jitfi s-sigarett fuq il-parċmina ta’ daharhom.

Niftakrek tkellimni u tgħidli kif kien iħallik marbut mal-ħadid tat-taraġ tad-dar li fiha kont ilek tgħix mindu kont tifel, qabel imur lura għand ommu, il-mara u t-tfal, u jħallilek skutella tal-klieb bi ftit ikel biex titrejjaq sa ma jiġi jiftaħ il-katnazz qabel imur ix-xogħol filgħodu, għax kien jgħir, kien jibża’ li se toħroġ tħuf matul il-lejl imma ma setax joqgħod miegħek għax il-lejl ma kienx tiegħu. Niftakrek sewwa tħares u tiffissa lejn id-Dr Martens iswed tal-ġilda li kont għadni kif xtrajt minn Londra, u kif, bil-ħeffa ta’ annimal notturn, inżilt tilagħqu u tgħidli li jien it-tough guy tiegħek. Sawwatni, tough guy. Obżoqli u sawwatni tough guy. Jien tiegħek.

Dawn kienu s-soluzzjonijiet ad hoc li nibtu minn realtajiet soċjali u ġeografiċi madwarna biex jinħolqu kuntesti u spazji fejn ċerti nies setgħu jkunu parti minn komunità moħbija fil-pubbliku, li titgħallem timxi, titkellem, tħares, u tilbes, biex tissinjala kodiċi maħruġ, miftiehem u rreċiprokat. B’dal-mod, allura, Strada Rjali pereżempju stajt tgħixha fuq tal-inqas żewġ saffi ta’ kodiċi soċjali: li timxi mal-protokoll sanzjonat mill-komunità inġenerali, jew li timxi u titfa’ sinjali ma’ kullimkien perċepibbli għal dawk bħalek biss. Qisha mażunerija tal-ġeneru, is-sess, u l-identità: ta’ ġewwa, interjorizzata, ikkodifikata b’mod rigoruż, u li tinbena u tiżżarma ħafif ħafif mingħajr ma tuża prostetika li tista’ ġġibek ħati ta’ sovverżjoni. Dan ma kienx il-każ għal persuni trans fit-tmeninijiet, pereżempju, fejn il-prostetika kienet parti integrali mill-espressjoni u l-performattività tal-identità tagħhom. B’hekk, il-kodiċi gay kien li titfa’ sinjali espliċiti; dak trans kien li tibni kodiċi ta’ aġir li ma jagħtix fil-għajn, magħmul minn prostetika materjali — tal-ġisem u tal-aċċessorji — li jaħbi t-tranżizzjoni.

Il-ħufar, bil-kontra tal-qoħob, ġeneralment ma jinvolvi l-ebda ħlas jew tranżazzjoni finanzjarja; għall-kuntrarju, huwa ekonomija soċjali u sesswali bbażata fuq politika demokratika tal-esplorazzjoni tad-desiderju u erotiżmu antikapitalista. Din il-politika laqgħet ukoll irgiel li, għal raġunijiet oltre l-orjentazzjoni tagħhom, fittxew l-espressjoni sesswali, jew l-iżvog intimu, ma’ rġiel oħra f’kuntest fejn tħoss li jista’ jkollok opportunitajiet aktar mifruxa. Il-ħufar ma kienx riżervat biss għal min kien omosesswali, bisesswali, jew bikurjuż, iżda wkoll għal dawk li kellhom fetiċċi — speċjalment ta’ cross dressing — jew diżabbiltà ġenitali. Għal dawn, il-kuntest normattiv ma kienx ideali minħabba l-mistħija, l-intolleranza, jew minħabba li dawn il-modalitajiet ta’ suġġettività ma kinux sanzjonati bħala maskulinità, u konsegwentament kienu mistkerrha u meqjusin bħala abberrazzjonijiet. Dan kien ukoll parti mill-prassi tal-ġeneru u s-sesswalità qabel ġew iffurmati kategoriji identifikatorji u normattivi anki għall-omosesswali stess. Fit-tmeninijiet stajt tinżel tħuf u ma tmurx id-dar tqatta’ xagħrek għax int gay; l-aqwa li tkun “għamilt”, fejn “għamilt” kien l-ewfemiżmu li jindika li tkun mort tħuf u għabbejt. Raġel li kien “jagħmel” — jew li kien “imur”, għax “iħobb” — kien preċiżament raġel li kien jinżel iħuf però kien jidentifika bħala eterosesswali u allura għalih l-intimità kienet tkun biss żvog jew avventura; jiġifieri, “jagħmel, imma mhux ‘hekk’!”

Qabel l-attiviżmu u l-advocacy groups, l-uniċi forom ta’ ribelljoni u anarkiji antieteronormattivi kienu li ma tħallix lill-ġenituri jġennuk biex tiżżewweġ, li tinżel tħuf, u li tintilef minn sensik fuq dancefloor. Għall-inqas dik kienet l-intenzjoni għax meta tħares mill-viċin, jidher ċar li anki f’dawn l-ispazji siguri kienu jiffurmaw ġerarkiji ta’ poter, esklużjoni u diskors ostili. Pereżempju, fil-Ġnien tal-Gżira, fost il-ġuvintur żgħar li kienu għadhom kif ħarġu fix-xena — id-debuttanti gay — l-irġiel miżżewġa, speċjalment Maltin, ma tantx kienu jinżlu tajjeb ħafna. Ħafna drabi, biex jimminimizzaw l-espożizzjoni u l-viżibbiltà, uħud minn dawn ma kinux jinżlu mill-karozza imma jibqgħu jduru fuq it-tarmak jew jimxu ’l bogħod. Dawn kienu jitpoġġew f’kategorija għalihom: jekk gay imma miżżewweġ, ma tantx kont issib ħniena fi lsien in-nies: dejqa-imdejqa-miżżewġa-liżbjana.

Il-kultura ossessivament iffissata fuq l-atletiċiżmu kienet ukoll teskludi l-obeżità u d-diżabbiltà. Però din l-esklużjoni ma kinitx tapplika għall-irġiel normali li jmorru mal-irġiel, għax in-“normalità” kienet tikkumpensa għal dawn in-“nuqqasijietbil-buċċaġni. Dan sakemm il-moviment tal-orsijiet ħaddan l-ideali ta’ iġsma diversi u estetizza l-ħxuna u s-suf. Kien hemm ukoll is-“sinjorinaġni, jiġifieri l-aġir ta’ persuni gay ikkampjat ħafna mimli affetti tal-idejn, ix-xufftejn, l-għajnejn, żeglig tas-sorm, u espressjonijiet iperboliċi bl-użu ta’ aġġettivi ta’ intensità qawwija u b’repetizzjoni, bħal pereżempju “inħobb sew sew” jew “tidher sew sew”. ll-miżżewweġ gay — imma mhux in-“normali” miżżewweġ — kien ġifa għax l-omosesswalità kienet titqies iktar deterministika mill-eteronormattività; illum nifhmu aħjar li tista’ tkun miżżewweġ ma’ mara imma “tħobb”, avolja tidentifika bħala etero. L-oppost, jiġifieri li raġel gay jikseb intimità temporanja mas-sess oppost ma tantx kienet titqies possibbli. Dan x’aktarx minħabba li d-diskors tal-interjorità awtentika kien fil-qofol tat-teoriji tas-sess u l-ġeneru li kien għadu ġej mill-attiviżmu biex l-omosesswalità titneħħa mid-Diagnostic and Statistical Manual of Mental Disorders (DSM) tal-American Psychiatric Association fl-1973, wara l-irvelli ta’ Stonewall erba’ snin qabel. Ħaġa tal-iskantament, pereżempju, hija l-impressjoni li kellhom uħud gay, li raġel straight huwa ħafna aktar flessibbli u versatili sesswalment minn raġel omosesswali, qisu ġaladarba tiltaqa’ mal-omosesswalità, tinbela’ mill-permanenza tal-loġika interjuri tagħħa. Din il-loġika ssostni li l-eterosesswalità hija temporanja, għoqda ta’ kostrizzjonijiet li meta jinħallu tinbeżaq il-verità ta’ wara s-sess, dak li Michel Foucault kien ikkonċepieh bħala l-ħajbu li hemm mistobħi wara s-sess.

Illum insibu eku ta’ dan fil-loġika eteronormattiva, fejn naraw it-terrur ta’ xi ġenituri li t-tfal tagħhom jiġu “groomed”, jew ta’ rġiel omoterrorizzati li jekk jaqgħalhom ix-xugaman fix-shower tal-gym se jsiru gay, loġika li turi biċ-ċar li bosta m’għandhomx ċertezza fis-sesswalità bħala fenomenu deterministiku u bijoloġiku monolitiku, imma jemmnu li tista’ tiġi magħġuna b’mod performattiv u b’insistenza u repetizzjoni. Dan huwa fenomenu stramb ħafna għal min iħares lejn it-teorija tal-ġeneru mill-viċin minħabba li teoristi bħal Judith Butler ukoll isostnu li l-ġeneru huwa kostrutt soċjali u konsegwenza ta’ atti ripetittivi sanzjonati mill-istat u l-kulturi normattivi tiegħu. Stramb għaliex fost in-nies queer li jħobbu jikkwotaw lil Butler, l-identità għandha kważi sinsla deterministika li meta tilqagħha ġo ħajtek, inti tibda tgħix ħajja awtentika. Imbagħad fost il-kritiċi l-iktar storbjużi, dawk li jridu jaħarqu l-kotba ta’ Butler għax isostnu li l-identità u l-ġeneru huma binarji naturali u deterministiċi, issib bosta li jemmnu li l-“gayyaġni” tista’ tinfluwenzak. Fil-qofol ta’ dan id-diskors hemm ovvjament it-terminu “kostrutt” li ħafna tawh firxa semantika kbira meta, fil-fatt, Butler qalu li l-kostrutt huwa dejjaq, permanenti, u ssedimentat daqs il-ġenetika. Hawnhekk spiss tinqabad thewden is-suġġettività omosesswali: tgħid il-coming out huwa forma ta’ restrizzjoni ta’ sesswalità ħafna aktar fluwida?

F’Malta, il-ħufar, fi spazji fejn l-aċċess kien naqra iktar diffiċli, kien riżervat għal matul il-ġurnata — il-Bombi, il-Blata u l-Garaxx tal-Ġnejna, u Pembroke — filwaqt li spazji faċilment aċċessibbli, u għalhekk aktar “pubbliċi”, kienu ffrekwentati billejl. Iż-żoni tal-ħufar ta’ binhar kienu fil-biċċa l-kbira qrib il-baħar — il-Ġnejna, Pembroke. Dan minħabba li l-blat u l-baħar joffru l-possibbiltà li min kien hemm seta’ jneħħi ħwejġu u jħuf għarwien fil-ħofor bejn blat tal-qawwi u fil-kmamar tal-fdalijiet ta’ bini militari kolonjali Ingliż. Iżda fis-snin disgħin, f’dagħdigħa demokristjana, l-istat beda juża tattiċi ta’ sorveljanza li fihom pulizija bl-uniformi, mgħammra bi trombi u speed boats, bdew iduru l-bajjiet u jimponu l-ordni pubblika.

Il-Bombi, jiġifieri l-buskett li jinbeżaq mis-swar ta’ barra tal-Belt bejn Sa Maison u l-Furjana, jokkupa spazju reżonanti ħafna fl-immaġinarju omosesswali Malti mhux biss għaliex kulħadd jaf bih — saħansitra dawk li ma jafu xejn dwar il-kulturi u l-prattiki tal-ħufar f’Malta — iżda wkoll minħabba l-liminalità tiegħu, mifrux bejn id-daħla miftuħa u viżibbli għall-Belt Valletta u l-ħruġ lejn il-bliet urbani sekondarji tal-Ħamrun, il-Furjana, u l-Imsida. Il-ħufar binhar ġewwa l-Bombi kien possibbli peress li kien iseħħ fil-foss eżatt taħt il-ħitan tal-Furjana, ftit imbiegħed mit-triq bis-siġar tal-buskett. Jekk tħares fuq ix-xellug minn fuq tal-linja int u dieħel il-Belt, is-siġar taż-żnuber huma s-siparju bejnek u bejn il-prattikanti. Il-buskett tal-Bombi għadu jiġbed ħafna rġiel — mhux biss gay, omosesswali, bisesswali u bikurjużi — minħabba li l-preżenza fil-buskett innifsu mhux neċessarjament indikazzjoni ovvja għala wieħed qiegħed hemm. Fl-istess ħin, il-Bombi jagħti aċċess faċli għall-ħaddiema tal-Belt u l-madwar waqt il-break tax-xogħol.

Is-City Lights — fi żmienu ċinema tal-films pornografiċi fil-qalba tal-Belt — kien viżibbli wisq għal ħafna nies puliti u/jew professjonisti u ġeneralment kien iffrekwentat aktar minn nies lokali, minn ħaddiema tas-sess trans, u rġiel anzjani, u allura kellu suq libidinali ieħor.

Iż-żoni tal-aċċess pubbliku u l-baħar kienu informalment mgħassa minn dawk li kienu jassumu r-rwol ta’ għassiesa biex jieħdu ħsieb jindikaw il-wasla tal-pulizija tal-iskwadra mobbli jew patrol boats tal-armata. Dan kien ifisser li, ħafna drabi, l-omosesswali kienu jew ifittxu x-xquq bejn blat tal-qawwi, jew fil-fosos bejn il-ħitan urbani u ż-żoni tal-imsaġar.

Spazji pubbliċi oħrajn fejn il-ħufar kien iseħħ fil-beraħ u matul il-ġurnata kienu l-latrina tal-Belt, taħt l-Ajkla — quddiem il-Phoenicia Hotel — u l-Funtana. F’dawn il-postijiet, il-ħufar kien juża dik l-istrateġija tal-ħars u l-logħob tal-kuntatt tal-għajnejn biex joħloq saff ta’ komunikazzjoni u sinjalazzjoni li jgħaddi taħt ir-radar ta’ dawk li mhumiex qed iħufu.

L-ispazji tal-ħufar jiddeterminaw il-mod kif il-ġisem jgħix u jiċċaqlaq fihom. Il-ħufar ta’ binhar huwa aktar inklużiv ta’ rġiel li mhumiex fil-beraħ, ta’ rġiel bisesswali u bikurjużi, speċjalment dawk li huma miżżewġa f’għaqda eteronormattiva. Matul il-ġurnata, faċli tiżgiċċa mis-sorveljanza familjari jew professjonali, faċli taħrab ħarba mix-xogħol; matul il-lejl, is-sorveljanza hija iktar ovvja. Il-ġisem fid-dlam jafda ħafn’inqas. Il-ħufar billejl kien mill-biċċa l-kbira jiġbed irġiel omosesswali. Fis-sajf, il-ħufar sar aktar impenjattiv partikolarment mal-irġiel Ingliżi u Ġermaniżi. Mis-snin sebgħin sad-disgħinijiet, Malta kienet fuq il-mappa tat-turiżmu sesswali gay. Taormina kienet ilha destinazzjoni għall-omoturiżmu Ġermaniż għal għexieren ta’ snin. Dan minħabba li kienet werrieta ta’ orjentaliżmu sfrenat mir-ritratti — problematiċi ħafna — tal-Baruni Wilhelm von Gloeden li kien intefa’ Taormina jiġbed ir-ritratti ta’ subien għarwenin, midlukin biż-żejt taż-żebbuġa, iħarsu lejk mir-ritratt qishom it-tfajjel li jistiednek teħodlu ħawħa mill-bixkilla fil-pittura ta’ Caravaggio. Taormina għoliet ħafna meta s-sinjorini Ġermaniżi sinjuruni ntefgħu hemm iberbqu d-Deutschemark roża u Malta, allura, laqgħet lil dawk li ġiethom irħas jinżlu naqra iktar ’l isfel fil-Mediterran. Saħansitra, bdew ġejjin anki rġiel gay mill-kontinent biex jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu, u x-xena queer bdiet tara iktar Ġermaniżi u Żvediżi. Fl-istess ħin, fis-snin tmenin fl-Ingilterra kien hemm żieda fis-sorveljanza tal-omosesswalità speċjalment tal-ħufar f’postijiet pubbliċi bħal-latrini fit-toroq prinċipali u l-ġonna pubbliċi, u allura l-irġiel Ingliżi ħarbu mill-konvenzjonijiet tad-dinja l-qadima u marru lejn eks kolonji Brittaniċi bħal Hong Kong, Singapore u Malta. Malta attirat tip partikolari ta’ rġiel gay Ingliżi, speċjalment irġiel bojod tal-klassi tal-ħaddiema minn żoni urbani jew suburbani sekondarji ta’ Middle England, irġiel li f’pajjiżhom stess ma kinux igawdu minn wisq privileġġ. Dawn ġabu magħhom il-gaypop tal-Communards, il-poppers, il-possibbiltà li tmur lura magħhom, u l-furrax. Interessanti kif avolja l-irġiel gay Maltin, fil-biċċa l-kbira, adottaw magħhom passività kemm soċjali kif ukoll sesswali — bla dubju infurmata mir-relazzjonijiet kolonjali internalizzati u sedimentati — xorta waħda rnexxielhom joħolqu karattru u identità ta’ grupp lokali. Dan il-fenomenu huwa attestat bnadi oħra fl-eks kolonji, partikolarment fl-etnografiji queer ta’ Eng-Beng Lim li, b’eku ta’ Edward Said, jargumentaw li d-diskors dwar il-fenomenu queer “Asian Boy” ġewwa Singapore, għalkemm jirrappreżenta proċess ta’ “awtoorjentalizzazzjoni” — billi jirriproduċi binarji razzjali u kulturali li ġew mogħtija mill-Ingliżi matul il-ħakma tagħhom — xorta waħda jisfida kemm il-mudelli Ewro-Amerikani tal-identità gay persistenti globalment kif ukoll dawk eteronormattivi lokali.

Il-Ġnien kien il-post fejn kont tmur wara li tmidd ’l ommok anzjana, marida, waslet fl-aħħar, fis-sodda, għax “ħutek miżżewġin, bit-tfal, dawk ikollhom x’jagħmlu; u int gay, “x’tagħmel m’għandekx ħlief tieħu fuq spallejk il-piż tat-trobbija tal-ġenituri fix-xjuħija u fil-mard. Allura kont tinżel il-Ġnien tgħid kelma; ommok ’qas int out magħha, u issa xjaħet, u inutli tgħidilha, xorta waħda, għax: one, ma tifhimx; two, omofobika — tgħidli li ħlief tgħajjar il-pufti tat-televixin ma tagħmilx; u three, ’qas biss għandek boyfriend, x’se taqbad tgħidilha? Żgur li mhux se tgħidilha li meta hi tidħol tistrieħ wara t-talb, ir-rużarju, u t-timxit ta’ xagħarha, int tinżel terdgħu l-Ġnien tal-Gżira! Tgħidli li kont issibha bi tqila tagħmel il-code switch mid-dar għall-ħufar, li Donna Summer fl-isterjo tal-karozza bejn Birkirkara u l-Gżira kienet tgħinek terħilha naqra, li kont tintefa’ tgħid kelma taħt il-lampier ta’ barra l-Ġnien l-ewwel, tisma’ l-bulettin tas-sinjorini u tgħid tiegħek, x’ġara l-lejl ta’ qabel, għax bqajt iddur u tagħqad sal-ħamsa ta’ filgħodu, tistenna lil tal-ħobż jiġi jitbattal u jistrieħ qabel imur il-forn, “għax inkella jagħmel ġurnata jhewden bih imqajjem”. Professjonalment, tgħallimt tagħmel il-kontijiet, u ġġib il-kapaċitajiet tiegħek fir-rakkuntar: kemm għassiesa għaddew, kemm kien hemm pulizija fil-karozza, kemm waqqfu nies fit-triq ta’ barra. Tirreferi għall-irġiel jew bin-numru tat-tarka tal-karozza, jew b’xi laqam.

Is-sobrikett fix-xena mhuwiex fenomenu biss lokali, ’qas xejn. Indunajt li huwa universali meta ntfajt niffissa fuq Jean Genet u kont nagħmel il-ġranet nixrob il-kafè għand il-Prego ta’ South Street u naqra fuq is-sinjorini Pariġini b’laqmijiet elaborati qishom vrus ta’ talb Marjan. Imma tagħna kienu jifqgħu lil kulħadd bid-daħk. Eżatt kont issibhom, imma dejjem kont iżżomm amment li tħallihom għal bejnietna: it-Topo, il-Ġobon, il-Woodpecker, il-Ħajta, id-Dova, il-Pamela, il-Kekina Kukuuper Kerringtin Kowbi, il-Fallon, it-Tabù. Fix-xena tal-ħufar, is-saffi kważi diglossiċi tal-vernakular kienu importanti li tosservahom bir-regoli mhux miktuba tal-Akkademja tas-Sinjorini: bejn il-ħbieb, kulħadd isejjaħlek bil-laqam ta’ mara; xħin jiġi raġel, tirriversja għall-buċċaġni. Inkella ma tgħabbix.

Fis-sajf, meta d-demografija tal-Ġnien kienet tinbidel u ssir iktar internazzjonali, spiss kont tisma’ fuq il-furrax. Il-furrax kellu prevalenza għolja f’dan l-istaġun u s-soluzzjoni għalih kienet flixkun Quellada lotion. L-HIV kienet għadha ma tissemmiex wisq fix-xena; għalkemm kienu diġà tilfu ħajjithom tnejn jew tlieta mill-klikka, il-virus kien għadu ma bediex jinfirex lokalment. It-terrur tal-HIV daħal ġewwa Malta aktar fost l-eterosesswali l-ewwel, u aktar bejn dawk li kienu jużaw l-eroina milli fost dawk li kienu jipprattikaw is-sess bla protezzjoni. Il-furrax kien problema iktar imminenti u x’aktarx illi l-iġene sesswali kontra l-furrax kienet laħqet derriet sorveljanza tal-ġisem — u qajmet il-waħx tal-paranojja — li serviet ta’ preparazzjoni għal meta wasal il-virus tal-HIV. Dawn l-affarijiet kont tisma’ fuqhom mingħand il-klikka ta’ taħt il-lampier ta’ barra. Hemmhekk kont tisma’ fuq min għandu l-furrax, fuq kif għandek tilbes qalziet ta’ taħt abjad u tiċċekkja għal tikek ħomor filgħodu u tqaxxar is-suf kollu jekk jaqbdek il-ħakk għax inkella l-furrax jinfirex mas-suf kollu, fuq min kien mar jgħix barra u ġie lura u seta’ laqqat il-virus, fuq minn fejn tista’ tiddobba flixkun poppers jew tixtri daqqa Deca jew Winstrol. L-isterojdi kienu moda lejn l-aħħar tat-tmeninijiet u l-bidu tad-disgħinijiet meta l-AZT, jiġifieri l-ewwel kura cocktail tal-HIV, bdiet iċċekken u tnixxef id-dehra tal-ġisem, speċjalment tal-wiċċ, ta’ min kien fuqha u għalhekk, fix-xena ta’ Londra, New York u Miami, bdew jintużaw l-isterojdi u bdiet tiżvolġi kultura ġdida ta’ maskulinità li tesebixxi l-ġisem bħala massa muskolari f’saħħitha biex topponi l-ottika tal-inxif tal-ġisem bl-AIDS.

Iż-żoni tal-ħufar mhumiex biss spazji għal inkontri sesswali iżda huma wkoll siti ta’ parentela alternattiva u soċjalità. F’dawn iż-żoni, l-irġiel gay kienu jitgħallmu mhux biss dwar il-prattiki tas-sess, it-tixrid tal-mard u l-profilassi iżda wkoll jadottaw prattiki informali ħafna li bihom jinħolqu qraba alternattivi għal dawk tal-familja, u li magħhom iġibu ġerarkiji interni ta’ komunità li ssostni ruħha avolja mingħajr ebda istituzzjoni li tirrappreżentaha soċjalment jew politikament. Bħalma nsibu fi strutturi oħrajn ta’ parentela, l-appartenenza tinbena fuq l-użu tal-lingwa: fix-xena tal-ħufar stajt titgħallem tuża l-lingwaġġ bit-termini tiegħu, termini u espressjonijiet li llum ġew approprjati u trivjalizzati għal għanijiet ta’ kummiedja fil-kultura popolari normattiva, bħal “haw’ oħt” jew “faqgħa sew” jew “kemm inħobb, ħi”. Fl-istess ħin, waqt il-ħufar, tiġi pprattikata b’mod intensiv is-sorveljanza interna tal-ħufaturi. Għalkemm l-istruttura hija somatodemokratika, fis-sens li ma tagħmilx distinzjoni kbira bejn klassi soċjali, xeqlib politiku, edukazzjoni, u età, xorta waħda kienet tiżvolġi sorveljanza klinika bid-diskors fuq il-ġisem. Għandi f’moħħi, pereżempju, it-tixrid ta’ informazzjoni li wieħed diġà jkun jaf fuq ħufatur minn barra l-klikka — jiġifieri wieħed li jinżel għax jagħmel jew għax iħobb — speċjalment fuq dettalji bijografiċi u anatomiċi, u preferenzi sesswali. Kienu jiġu elenkati l-forom u daqsijiet tal-ġenitali b’eżattezza klinika, min kien iġorr il-proteżi, min kien miżżewweġ u min kien isofri minn melankolija eġakulatorja jew kellu t-tendenza għad-dispjaċir u l-aggressjoni wara li jġibha. Kienet komuni li, min kien jinżel biex jagħmel biss, għax altrimenti kien iqis lilu nnifsu bħala “normali”, jew min kien “hekk” imma kellu reżistenza għall-interjorità u l-orjentazzjoni omosesswali, kien iwissik biex “jekk tarah barra” — jiġifieri barra l-kuntest tal-ħufar, bħallikieku l-beraħ tal-Ġnien kien jiġi esperjenzat bħala spazju ta’ ġewwa — ma tkellmux. Ovvjament, hawnhekk kien ikun hemm il-weġgħa li dan il-bniedem ma jridx jassoċja miegħek jew għax in-nies jafu li int gay jew inkella għax int tidher u allura jekk jiġi assoċjat miegħek jinkixef hu jew jinħolqu suspetti fuqu. Ħafna drabi, il-veterani tax-xena kienu jwissu liż-żgħar biex ma jintrigawx ma’ rġiel bħal dawn, jew “jekk se tgħabbi, għidlu hekk int qabel jgħidlek hekk hu”. Din il-parentela alternattiva kienet tinħoloq sabiex tikkumpensa għat-telfien ta’ parentela mill-istituzzjoni formali tal-familja peress li bosta kienu dawk li minħabba l-fatt li kienu out, ġew imkeċċija mid-dar u mill-post tax-xogħol. Il-membri tal-familja kienu jwarrbuhom, u jgħidulhom li kienu jibżgħu li l-preżenza tagħhom setgħet tnibbet ideat perversi dwar l-identità sesswali fin-neputijiet.

Il-parentela alternattiva kienet — u għadha — informali ħafna, u għalhekk, fis-soċjetà inġenerali, meta tinqala’ xi ħaġa bħall-mard, il-persuna tispiċċa tiġi mbiegħda mill-komunità billi jingħalaq jew jiġi bblukkat l-aċċess għaliha, u tiġi ħajġekkjata mill-familja jew mill-istat. Din il-familja sekondarja lanqas ma kellha s-setgħa timmaniġġja l-identità tal-persuna ġaladarba din timrad jew titlef ħajjitha, bħalma ġara lil bosta nies fil-komunità, speċjalment persuni trans. Dawk il-persuni li għexu b’identità oħra u b’isem ieħor minn dawk li kellhom fil-familja formali, tilfu l-identità li kienu ħolqu għalihom infushom malli mardu, u speċjalment meta mietu. Fil-mard u fil-mewt, l-istat — bħala familja, bħala sptar, jew bħala l-proċessi burokratiċi wara l-mewt — jagħtik identità u jidfnek skont il-parametri aċċettabbli u normattivi tiegħu.

Biss però, sakemm kollox miexi sew, il-parentela alternattiva taħdem tajjeb. Biex, allura, tikkumpensa għat-telfien ta’ familja ġenetika, tinħoloq strateġija li biha l-ħbieb jiġu disesswalizzati. Dan il-proċess iseħħ — inkonxjament — billi persuna li magħha trid toħloq ir-rabta ta’ parentela tiddaħħal fi struttura ta’ diskors fejn tiġi ffemminizzata b’isem ta’ mara, ġeneralment jew isem meħud minn xi sensiela televiżiva li magħha tassoċja lil dik il-persuna jew inkella billi tuża l-verżjoni femminili tal-isem, tant aħjar jekk bil-Malti. Dan il-proċess li jiffemminizza, u allura jiddisesswalizza, lis-suġġett joħnoq il-possibbiltà li tinbet ġibda sesswali lejn dik il-persuna. Dan għax, ġaladarba ssejjaħ lil sħabek b’isem ta’ mara, titwarrab il-possibbiltà li jinbet id-desiderju lejn dik il-persuna. B’hekk jinħoloq spazju affettiv ġdid ma’ dawk li issa saru ta’ ġewwa. Għalkemm min iħares minn barra jimmaġina forma ta’ att teatrali jew performance, internament, din l-imġiba għandha loġika importanti ħafna għall-koerenza tal-komunità. Ħafna ħbiberiji profondi u b’saħħithom li damu tul ħajjiet sħaħ ġew iffurmati b’dan il-mod, u mhux għax, a priori qatt ma kien hemm il-possibbiltà ta’ attrazzjoni bejn il-persuni involuti. Biex imbagħad iżżomm milli tinbet xi forma ta’ interess erotiku, kont tirrepeti espressjonijiet bħal: “ma tarax ma mmurx ma’ dik; mela jien liżbjana!” F’dan id-diskors, allura, mhijiex biss il-persuna l-oħra li tidħol fil-loġika ta’ din l-istruttura ta’ diskors iżda anki dak li qed jitkellem.

Din l-istrateġija kellha konsegwenzi tanġibbli. Fix-xitwa, meta ftit li xejn kien ikun hawn turisti, il-ħufar fil-Ġnien kien imajna għaliex ħafna min-nies li kienu jinżlu kienu tax-xena u allura kien internalizzat fihom diġà dan id-diskors ta’ disesswalizzazzjoni. Il-ħufar kien allura jiddependi fuq dawk li kienu jew fil-closet — u li allura għalihom l-omosesswalità kienet biss l-att sesswali — jew fuq l-irġiel “normali” li kienu jħufu biss u li ma kellhom ebda kuntatt ieħor max-xena. Ġieli kont issib klikka sinjorini adulti jilagħbu ta’ Charlie’s Angels. Fl-istaġun tat-turiżmu din is-sitwazzjoni kienet tiġi riżolta b’mod prattiku ħafna: il-Maltin kienu jħufu lill-barranin. U biex din il-prassi tieħu sew, fl-immaġinarju gay Malti kienet nibtet l-idea li l-barranin maskili u buċċ ħafna, u allura b’potenzjal ta’ sesswalizzazzjoni tremend. L-orjentaliżmu internalizzat jirrappreżenta ’l-barrani b’maskulinità normattiva u b’saħħitha u lill-persuna Maltija gay bħala effemminata u debboli, u miġbuda lejn il-perverżjoni. Fil-parentela alternattiva nistgħu naraw kif il-komunità ta’ nies omosesswali u gay impurtat kważi bis-sħiħ it-tabujiet tas-soċjetà ta’ madwarha biex issaħħaħ id-drawwiet tagħha. Jekk nimxu ma’ Claude Levi-Strauss fix-xogħol tiegħu Elementary Structures of Kinship, nistgħu ngħidu li din il-parentela kellha funzjoni strutturali fejn il-projbizzjoni tas-sess bejn membri ta’ klikka bl-idea li “dik oħti” ħolqot regoli informali però riġidi immens ta’ kif l-individwi jirrelataw ma’ xulxin għall-ordni soċjali interna. Jew inkella, jekk insegwu l-ideat ta’ Marshall Sahlins fil-ktieb Stone Age Economics, napprezzaw aktar il-varjazzjoni soċjali, saħansitra universali, tat-tabù tal-inċest u naraw kif isaħħu d-dinamika tal-grupp, joħolqu spazji ta’ ġewwa u ta’ barra, u jipproteġu l-interessi soċjali tal-membri.

Il-patroċinju tal-Ġnien tal-Gżira għadda minn żewġ stadji ta’ tnaqqis. L-ewwel fażi seħħet lejn l-aħħar tas-snin disgħin meta l-amministrazzjoni Nazzjonalista bdiet timplimenta politika ta’ ġentrifikazzjoni. Biex spazji pubbliċi jieħdu dehra aktar allinjata ma’ ideali Ewropej, l-amministrazzjoni bdiet tirkupra u tapproprja mill-ġdid żoni pubbliċi għar-rikreazzjoni eteronormattiva billi tinstalla sistemi ta’ sorveljanza CCTV u dwal fil-ġonna pubbliċi sabiex jipprojbixxu lill-irġiel gay milli jbiddlu t-tifsira u l-funzjoni ta’ dawn l-ispazji. Għadhom jiċċirkolaw ħafna stejjer dwar dak il-jum li n-nies marru jħufu l-Ġnien tal-Gżira bħas-soltu u sabuh kollu mixgħul. Il-Ġnien inbidillu ismu, u sar “Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa”. It-tieni fażi ta’ tnaqqis wasal mal-bidu tas-cybercruising, jiġifieri l-ħufar fuq l-apps tas-sess bħall-Gaydar u Grindr. F’dan il-kuntest, is-soċjalità queer twarrbet mill-ħufar u bdiet tiżvolġi aktar fil-beraħ, saħansitra mxandra fuq l-istazzjon televiżiv tal-Partit Laburista meta l-kumpanija Rainbow Productions evolviet fl-istazzjon One u bdiet il-mainstreaming tat-tieni modernità gay Maltija .

Lee Edelman jiżviluppa t-teorija tiegħu “bla futur” fil-ktieb No Future: Queer Theory and the Death Drive, pubblikazzjoni ta’ Duke University Press, 2004. Cruising Utopia: The Then and There of Queer Futurity ta’ Jose Estaban Muñoz huwa pubblikazzjoni ta’ NYU Press, 2009. Jack Halberstam jitkellem dwar il-lingwaġġ tal-ħufar fil-ktieb tiegħu Wild Things: The Disorder of Desire, Duke University Press, 2020. Eng-Beng Lim jitkellem dwar il-performattività gay f’kuntest globali-neoliberali f’Glocalqueering in New Asia: The Politics of Performing Gay in Singapore li deher fit-Theatre Journal, 57:3, Ottubru 2005. Eng-Beng Lim, bħal ħafna oħrajn, jibni fuq Orientalism ta’ Edward Said, ippubblikat fl-1978 minn Pantheon Books. Għal dan l-esej, użajt ukoll Cruising, space and surveillance: decolonizing sexuality in Singapore ta’ Ahmad Salehin u Laura Vitis fi Globalizations, 17:7, 2020. Elementary Structures of Kinship ta’ Claude Levi-Strauss huwa pubblikazzjoni ta’ Eyre & Spottiswoode, 1969. Marshall Sahlins jitkellem dwar it-tabù tal-inċest fi Stone Age Economics, Aldine-Atherton, 1972. Loco Mía, u mhux “Lakomija” kif konna nsejħulhom, kienu (u għadhom) grupp ta’ mużiċisti-żeffiena minn Spanja li bdew il-karriera tagħhom fil-clubs ta’ Ibiza fit-tmeninijiet.

Dekorazzjoni art-nouveau