Nieħu nifs twil ’il ġewwa, nimla l-pulmun bl-arja, u nogħdos. Jien u nieżel, nibla’ fil-vojt biex infaqqa’ widnejja waqt li nipponta ’l isfel. Qiegħed bla ċilindru fuq dahri u lanqas għandi piż tal-ħadid ma’ qaddi. Niffissa ħarsti lejn il-fond mudlam tal-qiegħ, iswed u sieket. Baħħ li jsejjaħlek, ifesfislek biex tersaq lejh, tintelaq fih, isserraħ ġismek fuq sidru artab. Dlam. ’Qas ir-raġġi tax-xemx ma jaslu biex idawluh. Infannad u nfannad u l-ilma jiksaħ ma’ wiċċi u ma’ abtejja. Inħossu iktar nadif, iktar safi. U nkompli nintelaqlu, u nħalli l-fond jiġbidni lejh. Inħoss in-nifs jieqaf, il-pulmun jitbattal u jiċkien, ġismi jiskot, moħħi jrażżan it-tgemgim, għajnejja jaraw biss il-baħħ, widnejja jisimgħu biss ħoss wieħed, monotonu, subsoniku, jirreverbera mill-qiegħ. Il-fond jiġbidni b’iktar saħħa, ninżel linja dritta mingħajr sforz, u nħallini nintelaq għal ġod-dlam. Imma ġismi jieħu l-kontroll tiegħu nnifsu, idawwarni għal fuq dahri u jaqlibni wiċċi ’l fuq. Nara roqgħa dawl fil-bogħod, taħt il-wiċċ tal-ilma. Ma nafx kif se nasal lura. Niftakar li ’l fuq mill-ilma hemm id-dawl, il-wiċċ, ix-xemx, is-sħana, l-art, ir-ramel, il-blat. Niddritta u niftaħ dirgħajja t-tnejn bħal imqadef, nagħmel sforz u nimbotta ġismi ’l fuq. Għatxan għan-nifs, saqajja jgħaġġlu, il-pulmun jitgħattan, id-dawl jgħammixni u nibda nħoss l-ilma l-ewwel jiftiel u mbagħad jisħon tul ġismi kollu. Nasal lura fil-wiċċ, nifsi maqtugħ, sidri mgħaxxex. Immidd saqajja fuq ir-ramel biex niġbed is-sħana għal ġo ġismi, laħmi fruntiera permeabbli. Il-baħar ta’ Żuwara jkanġi l-ispettru tal-ilwien kollha tal-ikħal u r-ramel li nimxi fuqu jogħrokli u jagħraxli l-qiegħ ta’ saqajja bħal ħaffiefa. Ix-xemx tixrobli l-ilma baħar minn fuqi u tħallili lega melħ ileqq u jilwi tul driegħi, fuq spallejja, ma’ ħaddejja. Mimdud fuq ir-ramel abjad, nisma’ fil-bogħod l-irbumbjar itanbar sieket tiela’ minn qiegħ l-art u nivvibra mal-frekwenzi tal-alkimija likwifikata ta’ miljuni ta’ snin li hemm miġmugħa fl-abbissi fondi taż-żmien, fid-dlamijiet, il-pressjoni u l-mewt tal-blat. Mill-qigħan titla’ fi mnifsejja r-riħa tal-eliżir narkotiku li jserrep fil-vini jiġru taħt id-deżerti, it-tundri u l-ibħra, l-ispirtu li jittajjar fl-arja mal-aħħar traċċi li jevaporaw fis-sema jaqbad. Prometeu misħut. Kull barmil żejt mixrub mill-blat issa miktub f’dejn. Kull belt mibnija b’ġidu saret magna tad-deżiderju, fortizza tas-solitudni mtellgħa bil-ħġieġ u l-azzar. Kull triq saret arterja tvenven b’ċaqliq ittikat u bla rażan, kull fjamma tar-raffinerija issa miktuba f’kuntratt jinħaraq. F’ismu bdew il-gwerer, tnaqqxu l-fruntieri, tħassru nazzjonijiet, inħatru mexxejja, tbiċċru u nqatlu ġenerazzjonijiet sħaħ. Pajsaġġi kbar ġew ikkundannati, oċeani issa kollha mgħottija bi sħunitu, foresti mibdula fi fjamma, smewwiet imċajpra bin-nifs tqil tiegħu. Xegħel iċ-ċiviltà, iffurmana, ħadimna, ordnana. Indiehes fil-ħajja ta’ kuljum, fil-plastik, fl-asfalt, fil-mediċini, fil-kożmetiċi. Infirex fil-lingwa, fil-politika, fil-fidi. Żelaq għal ġol-lampi sagri tat-tempji, għal ġol-mit ta’ providenza divina u d-destin manifest. Offerta-pesta. Jinżlu popli sħaħ għarkupptejhom quddiemu, profeti tal-estrazzjoni bla rażan, jitkellmu dwar riżervi infiniti u futur bla tmiem. Progress u Sigurtà. Iwissuna li jekk nieqfu nixorbu mill-bjar tan-naft, naqgħu fid-dlam tad-dlamijiet. Inħares taħti u nara jofroq ir-ramel, jitbewwaq u jiblagħni. Niftaħ għajnejja u nara bjar vojta qoxqox, nisma’ t-tifrik u t-tkissir tal-imperi mibnija bin-nar likwidu, l-art tegħreq fil-velenu tagħha stess. Is-sema jdur kontrina, l-ibħra jogħlew f’ribelljoni kiefra. Mhux biss qed jispiċċalna ż-żejt imma qed jispiċċalna ż-żmien, kien qalli Faris meta konna qed nitkellmu fejn il-funtana tal-mara u l-għażżiela, it-tnejn li aħna nħarsu lejn it-tankers deħlin fil-port ta’ Tripli. Jgħidu li se nsibu għejun ġodda, li t-teknoloġija se ssalvana. Imma forsi m’hemm xejn x’jinbena mill-ġdid. Forsi ż-żejt dejjem kien aberrazzjoni, ħolma tad-deni, titjira aċċellerata u bla kontroll lejn orizzont jaqbad. Forsi mhux żmien biex nibnu mill-ġdid hemm bżonn imma żmien li rroddu ħajr. Fil-karozza rajtu għadu mitluf u wara ftit smajtu jgemgem: wasal iż-żmien biex l-għelieqi taż-żejt jitħallew jistrieħu,ir-riggijiet jissaddu u l-pipelines jitmermru fis-skiet, it-torrijiet kbar tal-petrokapitaliżmu jitkissru u jinbidlu fi fdalijiet-tifkira ta’ żmien l-eċċess, ix-xmajjar suwed jinxfu u jikxfu l-għadam taċ-ċiviltajiet maqtula, il-monumenti tal-petrodollari, il-katidrali tal-karbonju, u t-tankers jitfarrku u jikkollassaw. U jintesew il-gwerer tal-Golf, id-Deepwater Horizons, u t-Tar Sands. U tieqaf iddaħħan l-aħħar raffinerija. U forsi s-sema jkun isbaħ minn qatt qabel.
L-ewwel ittra li kitbilha wara li żżewġu kienet kważi xahar wara, fil-5 ta’ Mejju tal-1973. Indirizzaha bħala martu l-għażiża. Skuża ruħu li ma kitbilhiex qabel — milli jidher, meta wasal lura Tripli sab lil tad-dar kollha morda u lil missieru inkwetat għax Ħadi kien qallu li se jasal lura l-Ħamis imma hu ma kienx mar id-dar dakinhar. Ħasbu li ġralu xi ħaġa. Karima, Keria u Mohamed kienu ma jifilħux sew. Jumejn wara li wasal telagħlu d-deni hu wkoll u għamel sitt ijiem ġewwa. Jgħidilha li ommu u ħutu l-bniet jixtiquha tmur Tripli. Missieru beda jfittex żewġ appartamenti biex jixtrihom u sab tnejn jiswew erbgħin elf sterlina. Naf li m’intix qed temminni. Biss għedt lil missieri li minflok nonfqu dawk il-flus kollha fuq żewġ appartamenti, aħjar ninvestuhom f’kumpanija kbira. Imma ma jridx jaf; qed iwebbes rasu. Qalilha li mar ifittex hu stess biex forsi jsib xi post għall-kiri. Sab wieħed b’żewġ kmamar tas-sodda u salott imma l-kmamar kienu żgħar wisq u milli jidher talbuh mitt lira sterlina: għedtlu biex iżommu għalih. Id-dar li għandna aħjar minn dawn l-appartamenti li qed nara, sakemm Alla jżommha soda.
Jgħidilha li rċieva tliet ittri mingħandha u jistaqsiha jekk irċevietx it-telegramma li bagħtilha li fiha kien qalilha li ma jiflaħx. Kif int? Kif sejrin l-affarijiet? Mhux aħjar tipprova tmur għand tabib? Ma tistax tibqa’ sejra hekk. Anki ommi qaltli li trid tmur għand tabib issa. U tibqax tiekol dak il-ħelu kollu u l-kejkijiet għax se teħxien. Qed ngħidlek għax qrajt ktieb fuq it-tqala u jgħidlek biex ma żżidx piż li m’għandekx bżonn. Naħseb li issa tinsab kuntenta u ferħana għax m’għandek lil ħadd ibewwes u jlambas fik matul il-lejl u jiffitta fik matul il-ġurnata. M’għandek ’il ħadd jgħidlek biex tieqaf tpejjep jew biex toqgħod naqra kwieta flok iddur u tagħqad bil-karozza minn post għall-ieħor. Issa tista’ tagħmel li trid waħdek. Tista’ tmur għand ħuk u l-mara tiegħu, għand zitek Salvina. Tista’ anki tmur għand dawk iż-żibel li zitek taħdem magħhom xħin trid u xħin jogħġbok. M’għandek lil ħadd iwaqqfek milli tħares lejn in-nisa u t-tfajliet, lejn l-ilbies tan-nies, lejn l-irġiel. M’għandek lil ħadd iwiddbek u jgħidlek biex tibdel il-mod ta’ kif iġġib ruħek. Issa qiegħda waħdek u tista’ tagħmel li trid. Ma naħsibx li tħobbni u timmissjani kif tgħidli fl-ittri li tibgħatli; meta nqabbel dak li tgħidli ma’ dak li tagħmel meta nkunu flimkien, ninduna li qed tigdibli, li mhux veru tridni u tħobbni. Hemm baħar jaqsam bejn dak li tgħidli u dak li turini. Fil-fatt, innutajt li wara li żżewwiġna, urejtni affarijiet li qatt ma kont naf fuqek, affarijiet li kkonvinċewni li qabel kont qed tirreċta. U taf għalfejn. Imma jekk ma tafx, mela aħjar ngħidlek f’din l-ittra.
Tlabtek biex ma tistidinx lil dak it-tip ta’ nies għat-tieġ tagħna; taf x’tip ta’ nies qed ngħidlek, m’hemmx għalfejn noqgħod niċċara l-kliem hawnhekk. Imma int stedinthom xorta. Għedtlek li nobgħodhom imma int qgħadt tieħu r-ritratti magħhom. Meta għedtlek li ridt narmi dak ir-ritratt fiż-żibel, qabduk in-nervi. Int żammejtu għax għedtli li ridt turih lil ommok, imma naf li ħadtu biex tieħu n-numru tiegħu u terġa’ tagħmel ieħor bħalu. Taħseb li jien ma nafhomx dawn l-affarijiet?
It-tieni ġurnata wara t-tieġ, tlabtni sigarett. Għedtlek le. Imma int ħriġt sigarett minn ġol-basket tiegħek u pejjiptu. Kieku ma kontx tqila naf eżattament x’kont nagħmillek. Imma se nżommha ġo qalbi u ma ninsieha qatt. Meta mmorru ma’ oħtok il-Premier, jaqbduk in-nervi jekk ma tpejjipx. Moħħok f’min hu dieħel u min hu ħiereġ. Il-ħin kollu tħares lejn in-nies. Jew forsi tridni ngħidlek fuq kif kont tidher dakinhar meta qabbadt sigarett il-bar ta’ Bruno? Ma flaħtx inħares lejk meta kellek is-sigarett f’ħalqek. Meta dakinhar staqsejtek biex tiġi miegħi, kont sempliċement qed nittestjak. Ħsibtek se tgħidli: mur waħdek f’dak il-bar, jien se noqgħod id-dar, ma rridx immur hemmhekk. Imma int ġejt miegħi u ntfajt tpejjep.
Sieħeb il-ġurnata meta kont sejjer. Meta staqsejtek biex nistiednu lil ħuk għall-ikel, minflok għedtli biex nieklu flimkien, jien u int biss, qabel nitlaq, mort tgħidlu biex jiġi jiekol magħna avolja ħames minuti qabel bdejt tgerger li kont qed tħossok ma tiflaħx. Anki l-mara ta’ ħuk qaltlek li forsi aħjar tmorru int u Otman biss, forsi tridu tgħidu xi affarijiet lil xulxin. Imma int għedtilha li m’hemmx għalfejn, li ma kellkomx xi tgħidu lil xulxin. L-istess meta mmorru nieħdu drink — ma taqlax għajnejk minn fuq in-nies; il-ħin kollu tħares. Iktar ma nobgħod il-kumpanija, iktar iġġorr in-nies miegħek kull fejn tmur. Fil-verità, int ma tinbidel qatt — tbiddel biss il-kumpanija li tkun magħha. Jekk ma tkunx Maggie, tkun mara oħra. U allura ttini x’nifhem li mhux veru nbdilt. Tajtni x’nifhem li l-aħħar ftit ġranet li kont hemm, minn wara t-tieġ sal-ġurnata li tlaqt, kont xbajt minni. Mhux qed ngħid li warrabtni milli nkunu intimi flimkien; mhux qed ngħid għalhekk. Imma mill-mod kif ġibt ruħek miegħi. Taf eżattament kif irrid li marti tkun, u int ma tagħmel xejn milli nixtieq.
Nibda nqalleb fl-album tat-ritratti tat-tieġ tagħhom, album abjad ikkuttunat b’nagħla fuq in-naħa tax-xellug u żigarella roża marbuta ċoff ħdejn il-kliem “Our Wedding” miktub bil-magħqud kulur il-fidda. Kien ikkurdat sew però ommi kienet ħallietu għand in-nanniet u qatt ma reġgħet ħarset lejh. Kien dejjem jiġri fid-dar minn kexxun għall-ieħor u jien spiss kont niftħu biex inħares sew lejn Otman u nqalla’ lili nnifsi niffissa fuq xagħru mġiegħed u ppettnat la ġenba. Fir-ritratti tat-tieġ, il-ġilda tiegħu tidher iktar skura milli tidher f’ritratti oħra. Fihom jidher imdejjaq, mixrub, imdawwar b’salt nies li jistkerrah. Jidher skomdu, qisu ’qas jaf iġib ruħu sew magħhom. Għajnejh qatt ma jħarsu direttament lejn ħadd. Xi ħaġa fil-mod ta’ kif iżomm lilu nnifsu turi li għalkemm mill-istess klassi soċjali tagħha, hemm differenzi li huma viżibbli, u ma jimmappjawx sew fuq xulxin. Mir-ritratti tat-tieġ jidher ċar li l-familja tagħha storbjuża, ferrieħa. Mill-ittri li bagħtilha hu, il-familja tiegħu tinstema’ mistħija u tal-ġabra. It-tieġ kien hemm il-qraba kollha: il-kuġini t’ommi ħelwin u jidher ċar li klassi aħjar minn tagħna għax zijitha Karmena kienet iżżewġet tat-tajjeb u saret pulita. Salvina wkoll kienet hemm, xagħarha qagħqa, geddumha boċċa, għonqha mlaħħam u mdendel, tiddandan b’kowt eleganti twil sal-art bil-fer mad-dawra tal-għonq u l-pavri. Tidher xurbana, għajnejha sakranazzi għandhom tleqqija brillanti, u rasha se tixpakka l-aħħar bil-pressjoni għolja u d-daħq tad-disprament. Nerġa’ naħlef miegħi nnifsi li xi darba mmur infittex u nistaqsi sew dwarha. Kien hemm ħuha Salvu, twil, imġissem, sabiħ u nejjieki u martu Mary b’libsa faqgħa bajda u sewda b’qafla tal-bellus iswed marbuta ma’ qaddha taqbad il-moda tas-sebgħinijiet. Kien hemm missierha, Saver, boqni u wieqaf, dahru miġbud lura, gustuż u ruxxan, u oħtha Janey, doċli u bi tbissima fissa ta’ mara raħlija li taf biss l-affett tal-mistħija. Imma tiddomina r-ritratti kollha fl-album kien hemm in-nanna Kelina, xagħarha qasir innukklat għall-okkażjoni bir-rollers il-kbar u liebsa libsa twila sal-art kulur aħmar demmi mżejna b’gamewwa tal-Fabiola fuq sidirha, dik il-mara bil-velu aħmar impittra fil-profil minn Jean Jacques Henner u li kont issibha f’kull dar imdendla mal-ħajt tas-salott jew tal-kuritur, spiss flimkien mat-tifel bil-libsa bluna ta’ Thomas Gainsborough. Għand in-nanna Kelina, apparti l-Fabiola fuq frejm ovali dendula fil-kuritur, kien hemm Miss Murray ta’ Thomas Lawrence fis-salott, u kien hemm żewġ stampi tat-tallaba ta’ Murillo fil-kamra tal-ikel. In-nanna kellha ħabta tixtri l-inkwatri bin-nifs mingħand Toni tal-fajjenza jew mill-Ħamrun, inkwatri li, meta jien bdejt insir konxju tal-klassi baxxa li niġi minnha, kienu jġegħluni nistħi meta jiġu għandna sħabi. Kont nixtieq li minflok dan l-imbarazz tal-ħabba gozz kellna pitturi taż-żejt mal-ħitan tad-dar u mhux tfal Vittorjani stampati fuq biċċa njama li l-puliti kienu jistkerrhu. Fid-djar ta’ sħabi tal-iskola kien hemm pitturi ta’ avukati u tobba biż-żejt fuq tila, Preti u de Favray, porċellana ta’ Delia, pasturi ta’ Napli; id-dar aħna kellna pasturi naïve tal-Bambin, ċeramika tar-riklami, u inkwatri kitsch. Imma kif turi sew Celeste Olalquiaga, dawn l-inkwatri u l-istampi joffru lill-klassijiet baxxi forma ta’ sostenn emozzjonali, mod kif id-dar tista’ ssir spazju sabiħ, post ta’ memorja u aspirazzjoni soċjali. Għal nannti u niesha, dawn l-oġġetti li ħafna jqisuhom bħala fallimenti estetiċi kienu frammenti ta’ maġija mitlufa, portali lejn dinjiet immaġinati fejn id-dinjità u l-eleganza huma aċċessibbli. Fis-sentiment iffriżat tagħhom, iżommu għaddej dak kollu li s-suq tal-arti ma jafx ikejjel: l-imħabba u l-qima lejn il-poetika tal-ħajja ta’ kuljum. Illum ninħasad xħin inħares sew lejn ir-ritratti tat-tieġ u nara lil nannti bil-Fabiola: Santa Fabiola, wara kollox, hija l-qaddisa patruna taż-żwiġijiet diffiċli, tan-nies divorzjati, tal-vittmi tal-abbuż u tal-adulteri. Ċert li nannti libset il-Fabiola għat-tieġ t’ommi għax kienet gamewwa mżewqa u mdawra b’ħajta deheb filugranu, u mhux għax kellha xi premonizzjoni fuq iż-żwieġ ta’ bintha. Tant inqas għax kellha xi idea, vaga kemm setgħet kienet vaga, li l-mara fil-gamewwa kienet qaddisa jew li x-xbieha tagħha kellha xi tifsira. Imma forsi l-Fabiola fuq sider nannti hija xhieda li s-simboliżmu jaħdem ferm aħjar meta jitħalla waħdu, imbiegħed mill-indħil u l-aġenzija tal-bniedem.
Inkompli nfittex biex nara nsibx xi ritratt li jista’ jagħti ħjiel kontra min kien qed jgħidilha fl-ittra. Nipprova nfittex fl-uċuħ u fl-ilbies. Ma nistax inkun ċert imma fuq wara, fejn hemm sett ta’ ftit ritratti bil-kulur, insib tnejn li mhux imdaħħlin fl-angoli kulur id-deheb li jżommu r-ritratti f’posthom. F’wieħed minnhom hemm dawk li naħseb li huma n-nies li Salvina kienet taħdem magħhom, familja sinjuri Lhud li ommi kienet affaxxinata sew bihom. Fis-snin ta’ wara Otman, sa meta tfarfart jien, ommi kienet tqatta’ ħafna ħin għandhom. Hemm tgħallmet tagħmel il-Matzo u timmalja l-għaġina taċ-Challah, titkellem bl-Ingliż sew u ġġib ruħha b’mod kompletament differenti minn dawk ta’ madwarha, saħansitra minn familtha. Għandhom tgħallmet ħafna mit-teknoloġiji tal-klassi tal-puliti li kienet tipprova tgħaddi lili meta tikkoreġili l-imġiba tiegħi jew tgħidli kif jixraqli nġib ruħi. Tgħallmet ukoll dwar it-twemmin u l-kultura tagħhom u dan kollu nissel fija interess qawwi biex meta sirt adult, dort għall-istudju tal-Ebrajk Qadim u l-istorja tat-Tora, tal-Mażoreti ta’ Tiberijadi fis-seklu sebgħa, tal-Karajiti u tal-Geniża fil-Kajr. Waqt li qed nikteb, tiġi żżurni wkoll memorja oħra — ommi tgħidli li l-ewwel darba li kien rani Otman, ftit wara li twelidt, minflok refagħni f’idejh, niżel ixommli rasi, ħares lejn ommi, u qalilha dan it-tifel mhux Għarbi, dan Lhudi. Otman ċaħadni malli rani. U dan kollu għalija llum huwa kkristallizzat f’oġġett wieħed: darba konna mexjin Londra jien u ommi u rajna menora ta’ seba’ friegħi ġo vetrina ta’ ħanut tal-antikitajiet; dak il-ħin stess, daħlet u xtrathieli biex inqegħedha f’kamarti, forsi simbolu tal-klassi li riditna nidħlu fiha jew forsi ta’ saħta kontra Otman, li ċħadnieh u qtilnieh kemm-il darba bil-faxxinu li rabbejna għall-kultura li kien jisħet.
Imma wara r-ritratt tal-familja Lhudija, kien hemm żewġ ritratti oħra ta’ klikka nies li jidhru differenti mill-oħrajn. Hemm tliet ġuvintur lebsin ħwejjeġ ikkampjati sew, qomos ikkuluriti u qliezet bil-qadd għoli ħafna, xagħarhom nokkli kbar, idejhom jistrieħu fuq ġenbhom, u wieħed minnhom qed jgħolli t-tazza tal-inbid ’il fuq minn rasu biex jippoża għar-ritratt. Ħdejhom hemm ukoll mara b’wiċċ serju ħafna, liebsa ġlekk u qalziet skuri, xagħarha qasir imġiegħed. Mill-mistednin nisa, hi biss ma kinitx bil-libsa. Inħares iktar bir-reqqa u ninnota li liebsa qmis bl-għonq twil u wiesa’ miftuħ fuq il-pavru tal-ġlekk u bl-ewwel tliet buttuni ta’ fuq miftuħin. Wiċċha jidher familjari, imma nħott kemm nipprova nħott mis-saffi li bnejt fuq il-memorja distanti ta’ dawn in-nies, ma nasalx biex nerġa’ nsib dak li dfint. M’iniex ċert jekk Otman kienx irrabjat għax stiednet lill-familja Lhudija għat-tieġ tagħhom jew jekk kinux in-nies imxeqilbin li dejquh. Fil-kitba tiegħu ma jindikax eżattament għax, milli jidher, ma kienx jasal jirreferi għalihom bi kliem dirett. Jiktbilha biss li jobgħodhom, li issa li żżewġitu trid tieqaf tarahom, li trid issir mara kif jixtieq hu, bil-manjieri u l-ilbies li jikkuntentaw lilu u lil familtu, u li ma jistunawx mal-milieu soċjali li ried joħodha fih.
B’hekk jibda lista ġdida ta’ dak kollu li jistenna mingħandha bħala martu. Jibda billi jiddeskrivi kif għandha tkun b’mod ġenerali: jgħidilha li martu trid tkun mara mija fil-mija, li trid tkun onesta, li trid iġġib lilu, u mhux lill-familja tagħha jew lil sħabha, l-ewwel. Wara, iniżżlilha lista oħra ta’ dak kollu li trid tibdel fil-mod ta’ kif iġġib ruħha. Trid tieqaf tpejjep kompletament; tinsa lil familtek — jien u int niġu l-ewwel; tinsa l-kumpanija ta’ nies oħra; tisma’ minni u tagħmel dak li ngħidlek jien; trabbi familja u turi ’l uliedek manjieri tajbin; tiġi warajja, anki jekk immur fl-aħħar tad-dinja jew jekk nidħol fil-ħażen; tkun qalbek tajba u onesta l-ħin kollu; ma tagħtix kas ta’ dak li jgħidu familti u familtek; inkunu viċin ta’ xulxin, mhux li tibqa’ Malta u tiġri minn post għall-ieħor, minn dar għall-oħra, minn persuna għall-oħra qisek karozza tal-linja. Jien irrid mara mhux xarabank. Il-ftit ġranet li qattajna flimkien, għamilniehom induru mill-Gżira għal Ħal Lija, il-Ħamrun u Tas-Sliema, induru u nagħqdu. Zitek tista’ tiġi kemm trid id-dar tiegħek, u oħtok tista’ tiġi b’tal-linja; imma int trid toqgħod id-dar, ġewwa, jekk trid tkun mara sew. Għedtlek li ma rridekx tmur iktar ġo dak il-flett fejn tmur zitek;tajtek ma nafx kemm-il ċans biex forsi tibda tisma’ minni. Għedtlek għalfejn importanti li ma tmurx hemm u stennejtek li se tinduna waħdek għala trid tieqaf tmur hemm. Taf għal xiex qed ngħidlek. Issa int marti u se tkun omm; trid tieqaf tmur hemm. U mbagħad tistaqsini fuq familti. Niesi jħobbuk, iridu jiltaqgħu miegħek; imma jien x’jinteressani minn niesi? Jien ma nisma’ minn ħadd; jien nagħmel li ngħid jien u li rrid jien. Kieku noqgħod nisma’ min-nies, kieku ma ġejtx niżżewġek. Imma jekk trid tibqa’ ssefter wara n-nies ta’ madwarek, agħmel int. Għidli u nibgħatlek il-karti tad-divorzju. Jien m’għandi xejn x’nitlef. Jien mhux se noqgħod ġej u sejjer bejn Malta u l-Libja: l-iktar l-iktar niġi ġimagħtejn jew tlieta fis-sena u daqshekk. Jien mhux se niġi iktar Malta. Hemm! Għedthielek! Dik il-verità! Agħżel imma, u għidli xi trid. Iktibli x’għamilt wara li tlaqt jien, jekk waqaftx tpejjep — jekk għadek tpejjep, ma rridekx iżjed. Agħżlu sew kliemek u fisser dak li tgħid. U jekk għandek bżonn xi flus, ibgħat għidli kemm trid u nibgħatlek.
L-għada, it-Tnejn, 6 ta’ Mejju 1973, bagħtilha ittra oħra. Tliet paġni, miktubin b’ħeffa mhux tas-soltu, b’linka blu imma b’kaligrafija pulita. Kitbilha bl-Ingliż u bl-Għarbi. Smajt li kien hemm qbil biex il-Gvern ta’ Malta jżid ukoll id-dettalji personali bl-Għarbi fuq il-passaport. Mur l-uffiċċju tal-passaporti u ibdlu; jekk ma jkollokx id-dettalji miktubin bl-Għarbi, ma jdaħħlukx il-Libja. Smajt ukoll li qed iħaddmu xi nies apposta biex jaqilbu l-kitba fuq il-passaporti għall-Għarbi. Jekk għandek bżonn xi flus biex tonfoq għalik innifsek, għidli. Ma rridx nisma’ li hemm min qed itik il-flus, anki jekk ikunu nies minn familtek stess. U x’għamilt? Mort għand it-tabib? Issa l-aħħar erba’ jew tliet xhur ma tibqax tħossok hekk; issa jgħaddilek. Nispera li tiddeċiedi li tiġi warajja l-Libja u ma tibqax hemm. X’ġara minn dak il-flett li kienu qed ifittxu ommok u missierek? Sabu xi mkien? Għadek tpejjep? Għadek tħobbni, jew inbidel kollox issa, anki dak li kont tħoss għalija? Għadni qed infittex dak il-ktieb li semmejtlek fuq l-Iżlam imma ma nistax insibu — mhux faċli ssibu miktub bl-Ingliż. U x’se tagħmel fuq it-twemmin? Ħsibtha ftit? Jien nixtieqek ħafna imma naħseb li int m’għandekx l-istess aptit għalija. Fuq l-aħħar paġna, jibagħtilha d-dettalji skont kif iridu jkunu miktuba bl-Għarbi fuq il-passaport: isimha, kunjomha, isem missierha (li ġabu ħażin, għax kiteb Salvu mhux Saver). Nara kunjomi proprja miktub ċar għall-ewwel darba.
Immur inqalleb u nfittex fid-dokumenti diklassifikati tal-Wikileaks għax vagament niftakar li kont rajt xi korrispondenza dwar il-passaporti. Insib id-dokument bin-numru 1973TRIPOL00594, mibgħut f’Mejju 1973. Ftit ġimgħat qabel, fid-diskors li kien għamel ġewwa Żuwara biex jafferma s-sovranità tal-Libja u jnaqqas l-influwenza tal-Punent, Gaddafi ddikjara l-bidu ta’ dik li sejħilha r-Rivoluzzjoni Kulturali. Niftakar lil Salah jgħidli li ma kinitx rivoluzzjoni tal-arti u l-letteratura imma waħda ta’ tindif ideoloġiku, ta’ ġlied kontra dak kollu li kellu l-inqas riħa tal-Punent. Dakinhar, Gaddafi kien ħabbar li waħda mill-akbar miżuri ta’ dan it-tibdil kellha tkun l-Arabizzazzjoni sħiħa tal-istat: il-liġijiet, il-pubblikazzjonijiet, is-servizzi pubbliċi, it-toroq u d-dokumenti uffiċjali kollha, inklużi l-passaporti tal-Libjani kif ukoll dawk tad-diplomatiċi barranin, li issa kellhom jiġu miktubin bl-Għarbi biss. Għal Gaddafi, l-Għarbi kien l-ilsien tar-rivoluzzjoni, tas-sovranità, tal-identità vera u tal-lealtà. L-ilsna l-oħra kienu kolonjali, barranin, suspettużi. Din il-mossa, però, qajmet kunflitti immedjati mal-ambaxxati barranin, speċjalment mal-Amerikani, li mill-ewwel bdew iħossuhom skomdi biex jimxu mar-regoli l-ġodda. Xi pajjiżi, fosthom Franza, iċ-Ċad, u n-Niġer, kienu eżentati, imma mhux l-Istati Uniti.
Wieħed mill-ewwel membri tal-korp diplomatiku li kienu sabu ruħhom f’dan il-kunflitt kien John Countryman, it-Tieni Segretarju tal-Ambaxxata Amerikana fi Tripli. Fl-1973, Countryman kien qed jinnamra mas-segretarja tal-Konsulat Amerikan f’Bengażi, Elena Fashan. Għalkemm kien hemm intoppi loġistiċi biex jiltaqgħu regolarment, it-tnejn baqgħu flimkien u bdew iħejju biex jiżżewġu Malta, mhux biss għax kien l-iktar post viċin fejn setgħu jiżżewġu imma għax kienu Kattoliċi sodi. Sadattant, però, il-Gvern Libjan beda jnaqqas drastikament in-numru ta’ diplomatiċi barranin fil-pajjiż, deċiżjoni li kienet wasslet għall-għeluq tal-konsulat f’Bengażi u t-trasferiment ta’ Fashan lejn Tuneż.
Wara żjara f’Tuneż biex jiffinalizzaw id-dettalji tat-tieġ, Countryman ipprova jidħol lura l-Libja, però twaqqaf fl-ajruport ta’ Tripli minħabba l-liġi l-ġdida dwar il-passaporti. Għalkemm kellu viża valida, l-awtoritajiet Libjani, taħt il-kmand tal-Kaptan Sulajman Shu’ayb, iddikjaraw li l-passaport tiegħu ma kienx validu minħabba li ma kienx bl-Għarbi. Ġie ordnat jerġa’ jitla’ fuq l-istess ajruplan u jdawwar denbu lura lejn Tuneż.
Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan u l-Ambaxxata Amerikana fi Tripli bdew jagħfsu u jirsistu biex isolvu s-sitwazzjoni. Charles Marthinsen, l-Aġent Deputat Kap tal-Missjoni (ADCM), ġie magħżul biex jagħti daqqa t’id. Marthinsen ipprova jinnegozja bl-invokazzjoni tad-drittijiet tad-diplomatiċi u tal-liġi internazzjonali; kien qalilhom ukoll li uffiċjali Libjani kienu wegħduhom li “ma kienx se jkun hemm problema”. Imma t-tieni tentattiv biex Countryman jidħol lura reġa’ kien għalxejn, minkejja l-isforzi diplomatiċi Amerikani. Id-deċiżjoni ma kinitx iktar f’idejn il-ministeru imma f’idejn il-militar.
Kien ċar li l-Libjani kienu qed japplikaw din il-politika b’mod selettiv, u allura l-Ambaxxata Amerikana ppruvat tilgħab logħba bi pjan ġdid li permezz tiegħu Countryman kellu jivvjaġġa minn Tuneż għal Pariġi u mbagħad jitla’ fuq ajruplan għal Tripli flimkien mal-Ambaxxatur Franċiż. L-idea kienet li, peress li l-Libjani ma kinux se jirrifjutaw li jdaħħlu lill-Ambaxxatur Franċiż, allura lanqas kienu se jirrifjutaw lil Countryman mingħajr ma joħolqu inċident diplomatiku faħxi. Iżda meta l-ajruplan niżel fi Tripli fis-6 ta’ Mejju 1973, il-Franċiżi ddaħħlu mingħajr problemi imma Countryman reġa’ twaqqaf. Flimkien ma’ xi membri tal-ambaxxata, Marthinsen kien mar l-ajruport biex jitkellem ma’ Shu’ayb imma żammewh jistenna għal sigħat sħaħ. Meta pprova jitlob l-intervent tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Libjan, Shu’ayb irrifjuta li jagħmel kwalunkwe sejħa.
Għalkemm il-Ministeru kien diġà qal li Countryman kellu jiġi aċċettat lura, l-awtoritajiet tal-ajruport baqgħu jinsistu li ma setax jidħol. Marthinsen saħaq li Countryman kellu viża valida u kien irreġistrat bħala diplomatiku, iżda Shu’ayb iddikjara li “l-ebda diplomatiku mhu eżentat minn din il-politika l-ġdida”. Wara konfront ta’ għoxrin minuta, l-awtoritajiet Libjani ordnaw li Countryman jitla’ lura fuq l-ajruplan. Meta Countryman irrifjuta, il-pulizija militari qabduh minn taħt dirgħajh u tellgħuh fuq l-ajruplan.
Dakinhar, lil Marthinsen iddikjarawh persona non grata u tawh 72 siegħa biex jitlaq mil-Libja. Biex jevita iktar umiljazzjoni fl-ajruport, l-Ambaxxata Amerikana organizzawlu ħarba sigrieta: wassluh bil-karozza lejn il-fruntiera Tuneżina u qasam bil-mixi b’żewġ bagalji f’idejh. L-Istati Uniti pprotestaw formalment kontra l-Libja u r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi komplew imorru għall-agħar. Għal Countryman, din l-esperjenza qerdet mhux biss il-karriera tiegħu fil-Libja, iżda wkoll il-pjanijiet personali li kellu ma’ Elena Fashan. It-tieġ f’Malta sfaxxa, u hu baqa’ Tuneż jistenna ordnijiet ġodda minn Washington.
L-ewwel darba li ġejt konxju tal-politika tal-passaporti kont fl-ajruport ta’ Arlanda, l-Iżvezja. Kienet waħda mill-ewwel drabi li sifirt ma’ sħabi. Inżilna minn titjira tal-British Airways minn Londra u meta wasalna għall-kontroll tal-passaporti, l-uffiċjal beda jistaqsini fuq ismi u kunjomi, kif ngħidhom, ta’ liem oriġini huma, minn fejn hu missieri, għala l-passaport huwa aħdar, għala l-kelma “repubblika” fuq il-qoxra kienet miktuba bil-“b” doppja u mhux b’waħda bħall-Ingliż, u għala kien hemm il-kitba bl-Għarbi fih. Fl-aħħar, staqsieni jekk il-passaport kienx falz. Ma kontx naf nirrispondi l-mistoqsijiet kollha: mhux kulħadd jaf xi jfisser ismu, u mhux kull isem għandu tifsira partikolari, avolja l-bojod jaħsbu li kull isem Musulman għandu xi għerq poetiku. L-uffiċjal ma setax jiddeċiedi kontx qed nigdeb jew le u sejjaħ lil ta’ fuqu. Niftakarhom iqallbu u jeżaminaw il-passaport bħallikieku qatt ma kienu raw dokument bħalu qabel, iħarsu lejh u jifluh mill-qrib qisu relikwa li waqgħet mis-sema, jogħrku l-karta bejn is-swaba’ u jħokku l-kitba bid-dwiefer jippruvaw iqaxxru u jikxfu l-gideb li ħasbu li fih. Dak il-ħin bdejt inħosshom qed ineżżgħuni u jbagħbsuni: x’inhu, wara kollox, il-passaport jekk mhux prokura ta’ ġisimna? Harsha Walia tgħid li l-arkitettura tal-fruntieri hija waħda ta’ diviżjonijiet, ġerarkiji u mewt; tgħid ukoll li fiż-żoni ta’ kontroll, meta s-senjalazzjoni li int Għarbi tkun ċara, ġismek ikun diġà ġie meqjus bħala wieħed suspettuż, refuġjat jew qarrieqi. Id-dritt tiegħek li taqsam il-fruntiera jiġi interrogat, xi kultant anki miċħud. Niftakarni ninkwieta li se jibagħtuni lura jew li se jżommuni ġo kamra maqful sakemm jiġi xi ambaxxatur Malti u jgħidilhom li kollox sew, jispjegalhom li dak passaport Malti, li mhux falz. L-ansjetà ffukatli ħarsti fuq kull paġna ta’ dan id-dokument li bilkemm kont kapaċi nżomm f’idi jew fil-but bil-biża’ patoloġiku tal-kulur aħdar li kienet nisslet fija nannti. L-aħdar kien lewn is-Sunna, lewn il-bandiera li kienet ittir fuq il-bejt tal-uffiċċju tal-Ġamaħirija Libjana fi Pjazza San Ġorġ il-Belt, lewn il-flokk tas-suf li kont ippruvajt nilbes biex nisfida s-superstizzjoni ta’ familti dakinhar li mort lura d-dar u sibt lil nannti fis-sodda qed itiha riħ ta’ puplesija. Minn kull paġna li beda jqalleb bdew jaqbżu ittri bl-Għarbi minn taħt ismi, minn taħt id-data tat-twelid, minn taħt in-nazzjonalità tiegħi. Sieħbi li kont qed nivvjaġġa miegħu kellu l-passaport il-ġdid, l-aħmar, u għadda żiffa. Imma dak għandu ismu Ingliż u għajnejh jibbru. Bdejt inħares lejh jiċċassa lejja u bdejt ninkwieta li se jeħel hemm minħabba fija. Wara ftit, l-uffiċjali qamu u ordnawli biex immur warajhom. Ħaduni ġo kamra u bdew jagħfsuni bil-mistoqsijiet. Għandek xi konnessjoni mal-Libja? Għandek xi ħbieb Għarab l-Iżvezja u sejjer tiltaqa’ magħhom? Illum konxju li l-passaport huwa piż storiku u affettiv, dokument li mhux biss jgħid min int imma li jgħid ukoll kemm tiswa d-dinjità tiegħek fil-mument li tgħaddi minn fruntiera. Konxju li l-passaport huwa teknoloġija ta’ inklużjoni jew esklużjoni, forma ta’ bijografija razzjalizzata, teknoloġija li timmarkak qabel jagħtuk ċans tiftaħ ħalqek, għodda li tirrikjedi minnek li tivvalida u tivverifika ruħek. Is-suspett tal-uffiċjali waqt l-ispezzjoni tad-dokumenti mhu qatt newtrali. Anzi, huwa razzjalizzat, politiċizzat, ġeopolitiku. Meta tiġi mmarkat fil-fruntieri u fiż-żoni ta’ kontroll u mitlub tiddikjara min int verament, dik l-interrogazzjoni ssir is-sit ta’ qsim psikiku vjolenti u l-oriġini tal-passaport tiegħi flimkien mal-ġisem imxaqleb ġo ġilda skura u xagħar bażuta ġew maqluba f’suspett minflok f’konferma ta’ jien min jien. Flok evidenza tal-jien, il-passaport aħdar Malti dawwarni f’suspett, ġissimni f’dubju. U jekk il-fruntieri huma mgħassa biex il-ġisem innifsu jiġi mmarkat qabel kollox bħala theddida, bħala ġisem ħati, allura Jasbir K. Puar kellha raġun meta dawn l-istrateġiji ta’ kontroll sejħitilhom “immuntar”, jiġifieri, dak il-proċess li bih isir il-ġbir tad-diskorsi kollha tal-istat f’dagħdigħa ta’ sorveljanza biex dak il-jien ma jitħalla qatt jitkellem għalih innifsu. Għal Puar, il-ġisem skur huwa dejjem irrazzjalizzat u l-iġsma li jidhru Musulmani mhux biss huma suspettużi imma jiġu mmuntati f’possibbiltà ta’ vjolenza. F’din il-loġika, ir-regħxa tgħolli rasha bħala prodott tal-mekkaniżmi ta’ dixxiplina li jintużaw fil-fruntieri minn uffiċjali tal-istat fuq iġsma kklassifikati qabel kollox bħala suspettużi, terroristi jew refuġjati. U mhux talli joħdulek l-awtonomija, talli jsikktuk sakemm iġibuk preżenza interpretata u interpellata minn ħaddieħor. Sakemm ġie uffiċjal ieħor iħares lejn il-passaport u kkonferma li ma kienx falz, kont diġà bżaqt fuq Otman elf darba, sħitt is-siegħa u l-mument li qatt ġie jbattlu Malta, u immaġinajt kemm kien ikolli ħajja ferm aħjar kieku kont abjad b’xagħri bjond, kieku kelli passaport nadif mill-ittri bl-Għarbi fuqu, kieku ma kontx minn din il-farka blat f’nofs ta’ baħar kif kienet turi l-mappa fl-ewwel paġna tal-passaport aħdar, kieku ma twelidx fil-Ġamaħirijat Malta.
Ħriġt niltaqa’ ma’ sieħbi nifsi maqtugħ, sturdut mill-ispettaklu ta’ setgħa u kontroll fil-fruntieri, dawk l-istess fruntieri li għal Achille Mbembe jesprimu b’mod kważi komplet il-vjolenza li tinsab taħt l-ordni dinjija. Meta l-ħarsa waqgħet fuq il-passaport aħdar bil-kliem Għarbi, u allura fuq ġildti skura u ismi Musulman, xi ħaġa fis-suġġettività tiegħi l-ewwel ixxaqqet u ftit wara nqasmet. Bejn mistoqsija u oħra, bejn kelma u oħra, bejn ħoss artikolat u s-silenzju infiniteżimu qabel il-ħoss ta’ warajh, f’dawk ix-xquq waqajt ma nafx kemm-il darba wara dakinhar f’bosta ajruporti tal-Punent, kull darba jwaqqfuni u jistaqsuni biex nidħol fil-kamra ħa jaraw il-bagalja u l-passaport, biex nivvalida min jien, biex nikkonvinċi lill-istat li jien m’iniex suspettuż. U domt ma ntbaħt li forsi kelli arma tajba x’nista’ nuża f’dawn is-sitwazzjonijiet, li stajt inbajjad l-etniċità Għarbija billi ninvoka għal darb’oħra l-omosesswalità bi kliemi u bl-affetti ta’ ġismi biex inkun nista’ ngħaddi mill-fruntieri.
Fit-taxi bejn il-venda fejn titilqek il-karozza mill-ajruport ta’ Arlanda u l-lukanda fejn konna se noqogħdu, ix-xufier, li kien mill-Angola, wissieni biex kemm jista’ jkun ma noħroġx għax dik il-ġimgħa kien inqala’ l-ġlied fuq każ ta’ razziżmu u n-nies tal-belt ma kellhomx xi grazzja partikolari magħna tal-ġilda skura. Ġilda skura. Skura. Għax mod tgħidha int lilek innifsek fl-interjorità maqsuma tal-psike tiegħek, u mod ieħor meta xi ħadd jitfagħhielek f’wiċċek. Beda jirrakkuntalna kemm kellu problemi hu stess minħabba li iswed u kemm l-affarijiet fil-pajjiż kienu qed jiggravaw. Jien u sieħbi nżilna mit-taxi mwerwrin, u ħlifna li kemm jista’ jkun ma nersqux ’il barra. Ftit wara, imma, ix-xamma ta’ belt nordika għal żewġ sinjorini Maltin kienet iktar b’saħħitha mit-terrur tar-razzisti. Morna nfittxu l-eqreb post fejn nieklu xi ħaġa u waqt li mexjin lura lejn il-lukanda għall-ħabta ta’ nofsillejl, rajna ċorma nies jistennew biex jidħlu ġo club. Mill-ewwel indunajna li kienu tal-familja. Kif wasalna ħdejhom, wieħed minnhom dendlilna żewġ biljetti u daħħalna fil-kju. ’Qas ilħaqt mort mal-bar biex inġib drink li ma kienx hemm wieħed maġenbi li żerżaqli pirmla. Stokkolma kienet raxxjatura estatika waħda wara l-oħra fejn is-smurija ta’ ġildti bdejt naraha tleqq dehbija. Stokkolma sirt suġġettività mimlija potenzjalità u bdejt ninża’ dak kollu li kien ili snin nistkerrah u nobgħod fija nnifsi fuq metri u metri ta’ ġilda bajda.
Meta Malta bdiet tinħall mir-rabtiet kolonjali, fuq ix-xefaq kien hemm il-biża’ li numru kbir ta’ Maltin se jispiċċaw qiegħda. Allura ħabat tajjeb li l-Libja kienet qed tinvesti u tiżviluppa fl-infrastrutturi taż-żejt u li kellha l-ħtieġa ta’ ħaddiema kwalifikati u tas-sengħa. Il-politiċi Maltin raw ’il-Libja bħala opportunità biex isolvu l-problema tal-qgħad fil-pajjiż: tant hu hekk li sal-aħħar tas-sebgħinijiet, il-Libja kien hemm madwar sebat elef Maltin jaħdmu fl-industrija taż-żejt jew fis-settur tal-kostruzzjoni. Hélène Thiollet issejjaħ dan it-tip ta’ dinamika politika fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq u tal-Lvant Nofsani “diplomazija bl-immigrazzjoni” u tgħid li l-immigrazzjoni tax-xogħol ma kinitx biss ħtieġa ekonomika, iżda wkoll għodda politika u strateġika użata mill-istati biex jilħqu ċerti għanijiet politiċi, speċjalment meta, bħal fil-każ tal-Libja, dawn il-pajjiżi ma kellhomx istituzzjonijiet b’saħħithom.
Godwin jgħidli li għamel erbgħin sena jaħdem il-Libja, mill-1971 sal-2011, meta bdiet ir-rivoluzzjoni. Ili nafu snin twal imma kien waqt it-tħejjija biex nikteb dan l-esej li tkellimna fit-tul dwar l-esperjenza tiegħu ġej u sejjer bejn Malta u Tripli. Godwin għandu wkoll għarfien tajjeb u dirett tal-kuntest soċjopolitiku tas-sebgħinijiet u t-tmeninijiet u memorja rrakkmata bid-dettalji ta’ xi ħadd li mdorri josserva. Ħadem ma’ numru sew ta’ kumpaniji, xahar hemm u xahar hawn. Kull darba li nitkellmu, infakkar lili nnifsi li r-rakkont tiegħu huwa l-istorja tal-ġenesi tal-klassi medja Maltija; għall-inqas ta’ dawk in-nies ġejjin mill-isfond bħal tiegħu, u li l-pagi li qalgħu l-Libja ma sparpaljawhomx. Ikkonfermali li qabel l-1971, il-Maltin kienu jitilgħu jaħdmu l-Libja bil-business visa ta’ 28 ġurnata, imma mbagħad, meta jiġu għall-pensjoni, ma kienu jsibu xejn. Mamo tal-Gżira, tal-karozzi, kien qed jagħżel in-nies biex jinżlu jaħdmu imma mhux hu biss kien hemm; kien hemm anki oħrajn. Kien Awwissu meta sejħuli biex naħdem magħhom. Qaluli li sejjer il-Libja u li m’għandix għal xiex ninkwieta għax hemmhekk in-nies jitkellmu qishom bil-Malti. Dak iż-żmien kien hemm ħafna kumpaniji Amerikani u jien dort ftit mhux ħażin. L-ewwel li mort kien ma’ kumpanija jisimha Amosis ġewwa Nafura. Imbagħad minn hemm kont mort Beda mal-istess kumpanija. U wara għamilt żmien naħdem fit-terminal ta’ Es Sidr. Nistaqsih hux Beda jew Beida. Le le, iweġibni. Int qed tfixklu ma’ al-Beida, l-ewwel post fejn il-Libjani ħaffru għaż-żejt. Jinduna li tfixkel hu issa. L-ewwel bjar li nstabu kienu Amar u Zelten. Nafura ma kienx terminal bħal Es Sidr; terminal huwa post minn fejn jiġu l-vapuri u jgħabbu ż-żejt. Ninduna li fl-ittri li kien jikteb lil ommi, Otman kien jgħidilha li qiegħed fid-deżert imma fil-fatt Es Sidr qiegħed fil-kosta tal-Libja. Godwin jgħidli li l-għalqa hija l-post minn fejn itellgħu ż-żejt u joħduh fl-istazzjon u minn hemm jippumpjawh. Ikun hemm dak li jgħidulu t-tank farm u wara ż-żejt jitgħabba għal fuq il-vapuri. Imma ma jkunx maħdum. Minn hemm kont mort il-103, tal-Occidental. Nistaqsih is-sena. Xi sentejn wara Beda, jiġifieri xi l-1973. Kien hemm żewġ għelieqi: il-103A u l-103B. Minn hemm, imbagħad, spiċċajt Gialo, tal-Waha. Nistaqsih jekk il-Waha kienx jisimha Oasis qabel u jgħidli li iva. Kienet ta’ kumpaniji diversi imma meta ħadhom l-NOC (jiġifieri n-National Oil Corporation Libjana meta Gaddafi nnazzjonalizza l-kumpaniji), kollha ġew b’ismijiet Għarab. Waha kien l-isem Għarbi. Waha kienet kbira sew: l-għalqa nnifisha kien jisimha Waha u kellha Gialo, Dara, u Es Sidr bħala Terminal. Imbagħad kien hemm terminal ieħor, f’Ras Lanuf kien, imma jien qatt ma ħdimt hemm. Jien spiċċajt minn mal-Oasis għax kienu ddejqu jħallsu għaxart elef lira lill-kuntrattur. Riedu jibdew jagħtu l-paga lilna. U kienu impjegawna direttament u qatgħu lill-kuntrattur min-nofs. Domt naħdem ma’ kuntrattur sal-1980. Fl-1983 iżżewwiġt. Il-kuntratturi mhux Maltin kienu. LBC, LBCC. Aħna konna nħallsu one fourth tal-bolla. U joħroġ dossier ta’ karti miġbura, ordnati, u mehmużin sew flimkien. Kien ikollna nġibu kuntratt biex inħallsu l-one fourth bolla. Malta, jekk kont taħdem hawn, kont tħallas nofs int u nofs min iħaddmek. Aħna konna nħallsu one fourth. Ara hawn ukoll dokumenti ta’ meta ħarġu din tal-bolla. Kont mort Kastilja; kienet ħarġet fil-parlament u ma avżaw lil ħadd. 1989. Dak il-ħin joħroġ dokument jismu “Brief Notes on Three Acts Enacted by Parliament in July 1989”.
Fuq ir-rigg kien hemm min jaħdem tnax-il siegħa u tnax-il siegħa. Kienu jsejħulu workover. Kien hemm xi bjar minnhom li kellhom, nagħmlu mod, 20% żejt u l-kumplament ilma. Jgħidli li meta beda jaħdem hemm, il-kumpaniji kienu għalqu skoss minn dawn il-bjar għax iż-żejt kien irħis wisq u ma kienx jaqblilhom jaħdmuhom. Imma meta għola l-prezz taż-żejt, anki dawk il-bjar bdew jiftħu. Għax bl-20% xorta trendi. Konna qed nitkellmu fil-kċina fejn Rose u Godwin ipoġġu u jilqgħu n-nies, fejn iħobbu jsajru bil-ħwawar li jkabbru fil-ġnien ta’ wara l-kċina. Godwin għandu ġibda lejn l-għarfien tal-ambjent u jaf l-isem speċifiku ta’ dak kollu li jdur magħhom: ħwawar, għasafar, annimali, siġar. Se jaqilbu l-ikel u jistaqsuni jekk irridx niekol. Ngħidilhom li kont għadni kif mort għand id-dentist u li aħjar jekk ma nikolx. Imma kafè ma ngħidlux le. Dak iż-żmien minn kull barmil żejt kienu jaqilgħu żewġ ewro — liri insomma, għax qed ngħidu fl-1972 — imma kulma kien ikollhom spejjeż kien żewġ liri (u dan qed ngħidlek kollox, anki wara li tkun qtajt l-ikel tagħna l-ħaddiema u l-ispejjeż l-oħra kollha). Jekk kienu jbigħuh għaxra, kien jiswielhom tnejn — bil-pagi tagħna, spare parts, kollox. Jien bħali kont nibda fis-sebgħa, nieqaf f’nofsinhar, nerġa’ nibda fis-sagħtejn u nispiċċa fil-ħamsa. Biss, jien kont standby għax, billi kont fuq l-air conditioners, kien ikolli mmur kull darba li tinqala’ xi ħaġa fil-kompjuter. Jien dejjem fuq refrigeration kont naħdem, mill-bidu. Ix-xogħol tiegħi kien bħala “refrigeration technician”. Dak iż-żmien, il-kompjuters u l-RTUs kienu kbar, daqs il-friġis, però diġà kellhom kompjuters kullimkien. Trid tkun taf ukoll li fl-iswitch gears kellhom l-air conditioners. Anki fil-control room tat-turbini kien ikun hemm l-air conditioner. Ngħidlu li Otman fuq it-turbini kien jaħdem. Nistaqsih x’inhuma t-turbini. It-turbini jħaddmu d-dawl. Kienu jaħdmu fihom il-mekkaniks, aħna ngħidulhom tal-instruments. It-turbini kienu jħaddmuhom biex jiġġeneraw l-elettriku. Kellna ħames turbini. Kien hemm bjar bil-Lufkin pump — dawk kienu bil-generator ħdejhom imma mbagħad kien hemm minnhom ikunu downhole, submersible pumps, bit-tubu, u jtellgħu huma. Dawk jieħdu l-highlines, minn feed għal feed, u kellhom il-crews tal-maintenance.
Godwin jgħidli li għamel żmien twil imur Tripli bil-vapur. Meta kien hemm is-sanzjonijiet fuq il-Libja, bilfors bil-vapur kelli mmur. Jgħidli wkoll li meta l-Mossad qatlu lil Fathi Shaqaqi fl-1995, ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja kienu tħarbtu. Shaqaqi kien jaħdem b’żewġ passaporti. Kienu ilhom jistaduh u fl-aħħar sabuh id-Diplomat Hotel ta’ Tas-Sliema. Daħal Malta mil-Libja imma kien bil-moħbi. Kienu telgħu żewġ aġenti tal-Mossad fuq mutur mill-Ġnien tal-Gżira, għax kienu fuq xi dgħajsa ankrata hemm, u sabuh ħiereġ mil-lukanda u faqgħuh. Dak iż-żmien kont immur il-Libja bil-vapur. Il-vapuri kienu komdi qabel imma meta bdew ġejjin il-familji saru skomdi sew. Qabel kont tista’ tieħu kabina imma meta bdew ġejjin il-familji, il-kabini kienu biss għalihom. Biss jekk iqum ir-riħ, kont neħel. Kelli kurżità jekk kienx jiftakar l-isem tal-vapur li kienu jmorru l-Libja fuqu. Jien kont immur bil-Garnata, imma mhux wieħed biss kien imur. Għamlu ħabta jmorru bil-katamaran ukoll. Kien jikrihom Charlie Stivala. Jibdew ġejjin memorji ta’ tfuliti x-xatt ta’ Tas-Sliema ma’ Jack u Junior, iż-żewġ Amerikani li ommi u Antoinette kienu magħhom fis-sebgħinijiet. Niftakarhom jaslu mil-Libja u jmorru dritt isarrfu ċ-ċekkijiet. Dak kien joqgħod maġenb ommok l-Iklin. Kien hemm modi oħrajn biex tmur Tripli fi żmien l-embargo, ifhem. Stajt tmur bl-ajru imma kienet ikkumplikata ħafna. Kien hemm min jaqsam il-fruntiera minn Tripli għal Tuneż u mbagħad jaqbad ajruplan minn Ġerba għal Malta. Jien qsamt darbtejn hekk; imma darbtejn biss għax b’kull rispett, it-Tuneżini ma kontx insibhom irġiel. Il-Libjani magħhom konna stmati sew aħna l-expats, speċjalment il-Maltin. Anki fi żmien Gaddafi. Fil-fatt, meta l-Libjani bdew jeqirdu biex il-gvern ineħħi l-expats, f’kungress minnhom Gaddafi telgħulu, qabad l-ispeaker, sabbtu hekk, u staqsihom “min ġej isewwih?” Ma rrisponda ħadd. “Meta tkunu kapaċi ssewwuh, ma nġibux iktar barranin,” qalilhom. Biss il-Libja kienet tibgħat ħafna ħaddiema u studenti barra, bħall-Ingilterra, għal korsijiet. Kienu jibagħtuhom sentejn jew tliet snin, kollox imħallas. Anki nies li kienu magħna kienu jibagħtu: technicians, electricians, tal-instruments. U l-iskejjel kienu jgħadduhom, saħansitra lil min ma kienx kapaċi, inkella s-sena ta’ wara ma kinux jibagħtulhom iktar studenti. Dan fi żmien Gaddafi qed ngħidlek, għax jien wara l-1969 mort. Imma fil-verità, ħafna minnhom kienu jmorru barra għan-nisa u biex jiskru. Ngħidlu li meta bdejt naqra l-ittri ta’ Otman mill-viċin, indunajt li hekk kien qed jagħmel hu wkoll; jiġi Malta minħabba l-affordanzi tax-xorb u l-qoħob. Il-fenomenu, fil-fatt, kien mifrux u wħud mill-intrapriżi tal-Gżira, ta’ Tas-Sliema u tal-Belt gawdew sew minn dan. Luis Martinez, fil-ktieb The Libyan Paradox, jgħid li l-ġuvintur Libjani kienu miġbudin sew lejn Malta mhux biss għax setgħu jiġu jixtru l-affarijiet Ewropej u Amerikani tad-ditta u mbagħad ibigħuhom Tripli u Bengażi fis-suq tal-kutrabandu, imma anki minħabba li għal dawn il-guvintur, Malta kienet “fażi fl-edukazzjoni sesswali tagħhom minħabba li hemm ħafna prostituzzjoni”. U biex tinnaviga Malta u tħallas lill-ħaddiema tas-sess u tixtri l-prodotti li ridt, kellek toħroġ id-dinari Libjani illegalment u mbagħad issarrafhom fuq l-idejn il-Belt. Ladarba kien jirnexxilhom joħorġu l-flus mingħajr ma jinqabdu, kont tarahom jinġemgħu fi gruppi u jibdew jippjanaw x’se jixtru, kif se jarmaw il-ħwienet tagħhom bl-aħħar moda meta jmorru lura, u kemm se jaqilgħu flus fis-suq ta’ Tripli. Dawn il-proġetti ta’ intrapriża żgħira, però, ma stajtx toqgħod fuqhom kompletamant għax ma kellek l-ebda garanzija li meta tidħol lura Tripli bil-vapur, tad-dwana ma kinux jisolħuk ħaj. Martinez, però, juri kif b’din is-sistema ta’ negozjar żgħir, uħud mill-ġuvintur Libjani stagħnew sew, tant li bdiet tinbet mhix biss għira imma wkoll diżillużjoni kbira fost dawk tal-qalba ta’ Gaddafi li kienu membri tal-Kumitat Rivoluzzjonarju li, però, sfaxxaw maqbuda jaħdmu f’xogħol li ma kien irendi xejn meta tqabbel ma’ dak li kienu jaqilgħu dawk li jinżlu Malta “jinvestu” flushom. Fil-fatt, uħud mill-biżnessa Libjani kellhom iktar flus barranin f’idejhom milli kellu l-bank innifsu. Il-ħaddiema taċ-ċivil Libjan, f’dan iż-żmien, kienu jaqilgħu biss 250 dinar fix-xahar, paga li kienet ilha ffriżata minn tal-inqas għaxar snin u biha ma kellhom l-ebda ċans jixtru l-prodotti li bdew deħlin minn Malta. Martinez isostni, fil-fatt, li l-għażla ta’ xi ġuvintur Libjani li jiġu Malta biex jinvestu fl-intrapriżi tagħhom bdiet tikxef bil-mod il-mod il-limitazzjonijiet tal-politika ridistributtiva tal-Ġamaħirija Libjana: “Meta fetaħ il-bieb għall-akkumulazzjoni tal-ġid, Gaddafi kien qed jittama li jneħħi l-attenzjoni taċ-ċittadini Libjani minn fuq sistema politika li kienet infniet.” Ir-riżultat kien l-aljenazzjoni ta’ kważi miljun ħaddiem Libjan li malajr bdew jaraw dan kollu bħala kuntradizzjoni ta’ dak li Gaddafi stess kien wegħedhom.
Fid-9 ta’ Mejju 1973, il-gazzetti ħabbru li l-kumpanija Maltija li kienet imqabbda biex tieħu ħsieb il-proġett ta’ bini residenzjali fil-Libja kienet bdiet isseffaq wiċċha ma’ sfidi kbar minħabba nuqqas ta’ qbil fost l-azzjonisti u minħabba problemi relatati ma’ prezzijiet baxxi. Id-diffikultajiet, fil-verità, nibtu minħabba nuqqas ta’ qbil bejn l-imsieħba Maltin, li wassal għal ineffiċjenzi fl-implimentazzjoni tal-proġett. Dakinhar ukoll, Otman kitbilha biex jgħidilha li rċieva mingħandha tliet ittri, l-aħħar waħda tat-2 ta’ Mejju, biex jistrumentalizza d-dipendenza ekonomika tagħha fuqu issa li żżewġu, u biex ifakkarha li hi issa saret il-proprjetà tiegħu, li għandu dritt għall-pussess tagħha. Jgħidilha li jekk missierha jrid jikri post u hi trid taqsam miegħu, mela hu lest li jibagħtilha l-flus. Imma mhux lest jibagħtilha l-flus biex tikri għal rasha. Ifakkarha li issa saret martu u allura m’għandhiex l-istess rabta li kellha qabel mal-familja tagħha. Issa trid tagħmel li jgħidilha hu. Jistaqsiha hix qed tistrieħ, tiekol u torqod biżżejjed issa li t-tqala avvanzat. Jistaqsiha x’qalilha t-tabib fuq saħħitha u fuq it-tifel li qed iġġorr. Ifakkarha li bagħtilha ittra twila: aħseb sew x’għedtlek fiha. Emminni ili mqajjem 39 siegħa! Naħseb ’qas qatt ma għamilt daqshekk sigħat imqajjem. Mort Bengażi minn Tripli, sitt mitt mil ’il bogħod mid-dar u ’l fuq minn tliet mitt mil ’il bogħod minn Es Sidr. Qatt ma kont mort Bengażi qabel. Rajtha għall-ewwel darba. Belt oħra fil-Libja. Qed immur hemm issa biex inġib xi spare parts għat-turbini. Xi darba mmorru flimkien u taraha b’għajnejk int ukoll. Imma jekk għadek tpejjep, qalbi, ibqa’ Malta u lili insieni. Sieħeb meta tkun għand Bruno — moħħok f’min hu dieħel u min hu ħiereġ, moħħok fl-ilbiesi ta’ dik u tal-oħra. Jien nixtieq li tkun moħħok miftuħ int, mhux moħħok magħluq. Jien nixtieq li tkun bħal oħtok, kwieta u ma titkellimx. Ridt ngħidlek li El Ħadi u Basher qalu lill-familja tiegħi kemm huma nies sew missierek u oħtok; qalulhom li missierek raġel tal-affari tiegħu, mid-dar għax-xogħol;li missierek ta’ unur u ġieħ kbir, li oħtok ma tiftaħx ħalqha quddiem in-nies u li meta tkellimha, tbaxxi rasha u ma tgħollix leħinha biex titkellem. Hekk trid tkun mara għalina. Jgħidilha li tħabbar li l-Libja se tasal delegazzjoni magħmula minn membri tal-Malta Labour Party u xi studenti biex jieħdu sehem fil-Konferenza Internazzjonali taż-Żgħażagħ, li għalihom hemm ippjanati ġiti edukattivi. Il-Maltin kollha joqorbu lejn il-Libja u int moħħok fin-nisa, moħħok biex tpejjep u titbiegħed minni.
12 ta’ Mejju, 1973. Għamiltu l-passaport? Nispera li għamiltu u li hemm il-kitba bl-Għarbi ħa tkun tista’ tidħol il-Libja mingħajr problemi. Nispera li qed tħossok aħjar issa bit-tqala. Saret biċċa xogħol kbira sew biex issib tikri jew tixtri post Tripli — ħafna nies ġew joqogħdu hawn issa, u mhux kemm tgħid ħa mmur insib post. Qed inħossni qisni m’iniex miżżewweġ; bilkemm qattajna ħin flimkien. Jerġa’ jirreferi għall-ittra twila li kien bagħtilha: ifhem sew xi ktibtlek hemm. X’se tagħmel? Ġejja, jew se tibqa’ Malta? Se tibqa’ tisma’ min-nies li jgħidulek li l-Libja mhux post tajjeb għalik? Malta ħadd ma jixtieqlek il-ġid. Trid tqum fuq tiegħek mhux tibqa’ qisek ir-rieqda, tisma’ minn dak li jgħidulek. Int ma tafx kif ngħixu hawn — trid tiġi u tara b’għajnejk. Staqsieha marritx għand it-tabib biex tara jekk it-tqala hix sejra tajjeb, jekk hix se jkollha tifel, jew tewmin. Jgħidilha li jaħseb li se jkollha tewmin subien għax hekk jixtieq hu. Jgħidilha wkoll li hemm għajdut fuq ix-xogħol li xi Maltin kienu involuti f’konfoffa mal-Ingliżi biex jeħilsu minn Gaddafi. Aħjar tiġi qabel iwaqqaf ’il-Maltin milli jidħlu l-Libja, jekk hu veru li qed nisma’.
Il-lakuni fl-ittri ta’ Otman xi kultant jirnexxili nimliehom bi stejjer li spiss kont nisma’ mingħand Salah u Issam minn mindu kont tifel. Issam kien jikkumpensa għar-riskju u l-viżibbiltà ta’ Salah b’riżervatezza kważi assoluta fil-pubbliku. Kien jerħilha biss meta konna nkunu d-dar u meta jixrob, imma barra kien joqgħod attent fejn imur u ma’ min jagħmilha, x’jilbes, kif jimxi u kif jitkellem. Issam jitkellem Malti tant tajjeb li jgħaddi kompletament. Jgħaddi wkoll ta’ raġel eterosesswali. Kien iħobb jirrakkonta l-istejjer ta’ konfoffi u spjunaġġ politiku li lili kienu jsaħħruni. Dawk in-nies ta’ Idris għamluha, kien jgħidilna fuq il-konfoffa li saret biex jitneħħa Gaddafi min-nofs fl-1973. Wara l-kolp ta’ stat, Gaddafi qalfat in-nies ta’ Idris kollha ’l barra, tefagħhom ġo ħabs jgħidulu l-Hilton xi mkien fejn il-baħar. Lil dawk is-sangisugi bħal Omar al-Shalhi u ħutu, dawk il-qatta nies mejtin bil-ġuħ li kont tarahom iduru mar-re għax ma kellux tfal, jaraw kif se jiddeffsu fix-xquq tal-poter, tefagħhom kollha ’l hemm. Lagħaqa tal-Ingliżi kienu u għalhekk marru għandhom. Omar al-Shahli kien qabbad lil David Stirling biex jieħu ħsieb il-pjan. Stirling kien waqqaf l-SAS, imma dak iż-żmien kien qed imexxi kumpanija militari privata jisimha Watchguard International. Kienu qed jippjanaw biex jaħbtu għal-Libja minn Malta bil-baħar, iħarrbu n-nies ta’ Idris mill-“Hilton” u jħalluhom jagħmlu kolp ta’ stat biex ineħħu ’l Gaddafi huma. Imma milli jidher, Stirling ma rnexxilux isib jott għall-merċenarji li seta’ jikri mingħajr ekwipaġġ u milli kienu jgħidu dak iż-żmien, tħassar il-pjan. Kien hemm min qal li fil-fatt kien waqqafhom il-Gvern Ingliż għax bdew jibżgħu minn diżastru diplomatiku.
Ftit wara li kont għamilt il-Griżma, waslilna filmat fuq VHS li kien għamel żmien jiġri fl-idejn sakemm Issam ħbieh f’wieħed mill-kxaxen tal-kċina tal-Iklin. Issam kien infurmat sew, u kien spiss jirnexxilu jiddobba videos mil-Libja miġbudin minn fuq it-televixin tal-Istat u mdaħħlin Malta bil-moħbi. Ħafna drabi kienu filmati ta’ nies mixlija li pprotestaw jew ħadmu kontra l-Kumitat Rivoluzzjonarju, dawk li Gaddafi kellu ħabta jsejħilhom klieb tat-triq. Meta nħares lura, niftakar li l-filmati ġieli kienu jibqgħu sejrin, saħansitra sakemm l-akkużati jiġu mgħallqa jew imħanxra pubblikament u mxandra fuq it-televixin biex jarawhom fid-djar. Il-filmat li kien hemm moħbi fil-kċina kien ta’ Sadek Hamed al-Shuwehdi. Shuwehdi kien arrestat xahar wara li seħħ attentat fuq Gaddafi mill-Front Nazzjonali tal-Ħelsien tal-Libja fl-1984. Kienu akkużawh li kien fost dawk li ħejjew il-pjan. Il-filmat kien meħud ġewwa paviljun tal-isports f’Bengażi u jiftaħ b’ġemgħa nies tgħajjat waqt li Shuwehdi, student attivist li kien għadu kif iggradwa fl-inġinerija ajrunawtika fl-Amerka, jitqiegħed bilqiegħda mal-art b’idejh marbutin. Fil-filmat jidhru erba’ mħallfin ma’ mejda mgħottija bi dvalja bajda u l-kliem “bir-rieda tal-poplu biss” miktub bl-aħdar fuqha, jaqraw l-akkuża lil Shuwehdi. L-akkuża kienet ta’ konfoffar u attiviżmu kontra r-Rivoluzzjoni. Meta rġajt sibtu dan l-aħħar u rajt partijiet minnu, innutajt li Shuwehdi kien liebes qmis bajda bil-buttuni ta’ fuq miftuħin u sidrija tas-suf sewda. F’mikrofonu li poġġewlu quddiemu, jibda jammetti li kien ikkonfoffa kontra Gaddafi meta kien qed jistudja ġewwa l-Amerka, li kien sar kelb tat-triq.
Dakinhar, kienu ħadu fil-paviljun ukoll numru kbir ta’ tfal tal-iskola li kien mingħalihom li sejrin jaraw xi logħba basketball. Minflok, però, kienu ġabuhom bħala spettaturi tal-kundanna ta’ Shuwehdi. L-erba’ uffiċjali-imħallfin ħabbru li Shuwehdi kien se jiġi mgħallaq biex ikun ta’ eżempju għal tradituri oħrajn. It-tfal tal-iskola ġew mistiedna jċapċpu u jgħajtu “viva r-rivoluzzjoni ta’ Gaddafi”. F’dagħdigħa sħiħa, il-ġemgħa bdiet tgħajjat biex Shuwehdi jinqatel quddiem kulħadd. Dakinhar ukoll, waħda mill-mijiet ta’ nies li kienu preżenti fil-paviljun għall-avveniment organizzat mill-Ġamaħirija kienet mara liebsa l-aħdar li dehret titbaqbaq u tinsulta lil Shuwehdi minn ġol-folla. Issam kien qalilna li dik il-mara kienet Ħuda Ben Amer. Isem Ħuda kien iqabbdek diqa kbira meta jissemma. Bil-Libjan kienet magħrufa bħala al-Xannaga, jiġifieri l-bojja. Fil-filmat, tidher tħambaq biex lit-traditur joqtluh minnufih, waqt li tgħajjat għajjat ta’ tifħir sfrenat għal Gaddafi. Il-klikka ta’ rġiel li kienu qed iduru ma’ Shuwehdi ħarġu l-forka, li ma kienet xejn ħlief tliet injamiet qishom lasta tal-futbol, u f’ħakka t’għajn, raġel liebes xalla u skufja bojod qabbadlu l-ħabel ma’ għonqu, u ħallieh jiddendel. Il-bojja u ta’ miegħu bdew jgħollu jdejhom u jgħajtu għajjat ta’ tifħir u ġieħ lil Gaddafi imma saqajn Shuwehdi baqgħu jferfru. Dak il-ħin, il-kamera daret fuq Ħuda u ġibditha tqum minn postha, titla’ ħdejh waqt li kien għadu jixxengel, taqbdu minn riġlejh u tinfexx tiġbdu ’l isfel biex jitgħallaq żgur. Iktar tard, meta ttieħed il-mortwarju, it-tobba qatgħuha li Shuwehdi kien għadu ħaj. Minflok ma tawh il-ħarsien mediku, però, ordnaw li jinqatel mill-ġdid. Għadni niftakar leħen Issam jitbikkem kull darba li kien jgħidilna li lil Shuwehdi mlewlu griżmejh u ħalqu bir-ramel sakemm ma setax jieħu iktar nifs. Gaddafi tant ħa gost bid-dagħdigħa ta’ Ħuda li ħatarha Segretarja Ġenerali tal-Kungress tal-Ispezzjoni u l-Kontroll. Biż-żmien saret influwenti sew u tlaħħqet darbtejn sindku ta’ Bengażi. Kellu ħabta jagħżel in-nisa li jħobbuh u jaħtarhom f’kumitati li kienu jgħassu lin-nies u jorganizzaw il-qtil pubbliku tagħhom. Ziti kienet waħda minnhom, kien qalli Issam.
Il-Libjani ta’ Malta ma kellhom l-ebda biża’ jitkellmu bil-miftuħ kontra Ħuda Ben Amer. Kien hemm min kien jammetti pubblikament li l-filmati kien rahom, u min kien ifesfislek xi ħaġa minn taħt. Ħuda, fi lsien in-nies, kienet opportunista u qattiela, miljunarja u ħalliela, bojja u lagħaqija ta’ Gaddafi, lesta tagħmel kollox għalih. Eżatt bħal missierha, kien jirrakkonta Issam, eżatt bħal Fathi Ben Amer, lagħaqi Gaddafist ieħor imbulmat bil-ħdura fl-istonku. Minn fejn taħsbu li tiġi l-ħdura ta’ bintu? Issam kien qalli wkoll li meta fl-1973 Gaddafi kien ħabbar li se jirriżenja, missier Ħuda kien tella’ lil ibnu fuq il-palk u b’sikkina f’idejh beda jhedded li joqtlu jekk Gaddafi jirriżenja. Imma Gaddafi kien qed jipprovoka biss, u hekk bdiet il-ħbiberija li għamlet lil Ħuda waħda mill-iktar nies b’saħħithom taħt ir-reġim tiegħu. Kien Gaddafi stess li tellagħha għaż-żwieġ fl-1982 waqt vjaġġ miegħu fl-Alġerija. Kienu jgħidu li toħroġ fil-pubbliku ġġorr pistola ma’ qaddha, u li għandha tip ta’ maskulinità li l-ebda raġel f’Bengażi ma kien ilaħħaq magħha. Għal ħafna nies, Ħuda hija l-inkarnazzjoni tal-brutalità kollha ta’ Gaddafi. Meta fl-2008 jien u Issam konna Tripli, ħuh kien qalilna li Ħuda kienet ordnat lill-uffiċjali kollha biex jisparaw bl-addoċċ fuq il-protesta paċifika kontra l-istampi tal-profeta li ġew ippubblikati fil-ġurnal Daniż Jyllands-Posten. Jekk ir-rivoluzzjoni tfalli, jien stess ngħallaq lil kulħadd b’idejja, kienet qalet Ħuda Ben Amer. Ftit wara s-17 ta’ Frar tal-2011, waqt li l-folol ħarġu jiċċelebraw fit-toroq ir-rebħa tal-protesta tagħhom, grupp minnhom kienu attakkaw id-dar ta’ Ħuda Ben Amer u tawha n-nar. Kien hemm ukoll għadd kbir ta’ posters b’wiċċha stampat fuqhom juru li kienet għadha waħda mill-iktar persuni mfittxija fil-Libja. L-arrest tagħha kien meqjus rebħa kbira għar-rivoluzzjoni.
GĦal min kien jaħdem il-Libja, kien hemm ukoll il-kwistjoni tal-bolla, qalli Godwin. Il-ftehim tal-1972 kien jippermetti l-validazzjoni tal-kontribuzzjonijiet li konna nħallsu l-Libja għas-Sigurtà Soċjali f’Malta, imma minħabba diffikultajiet prattiċi kien waqaf jaħdem. Il-Libjani kellhom ituna, nagħmlu mod, ħames miljuni — ma nafx eżatt kemm kienet is-somma — u aħna eżempju għednielhom irridu sebgħa. U ma setax isir qbil. Imma mbagħad qabeż Louis Galea u qal daqshekk, intom tridu tħallsu l-bolla hawn Malta. ll-ftehim il-ġdid tal-1990 kien joffri soluzzjoni iktar ċara u prattika għalina l-ħaddiema Maltin li konna naħdmu barra għax kien jippermettilna nikkontribwixxu direttament fis-sistema Maltija. Qabel, il-bolla hemmhekk kienet tħallashieli l-kumpanija. Imma meta tawni ittra biex intiha ’l-kumpanija, kien temmagħhieli ma’ wiċċi u qalli “this is not even worth the paper it is written on.” Issa jekk tikser saqajk, ma tridx tkun inxurjat mill-INAS. Louis Galea kien għamel li rridu nħallsu ma nafx kemm, imma jien ma ħallasthiex. Imbagħad, maż-żmien kelli ziju u mort inkellmu u qalli, tħallashiex. U mbagħad ħarrek lill-gvern. Qalli “ftakar, il-gvern qatt ma rebaħ kawża. Fhimtni?” U mbagħad kien hemm każ ieħor fi żmien Karmenu Mifsud Bonnici. Karmenu ried itella’ lil kulħadd il-Libja imma Gaddafi offrielu paga ekwivalenti għall-paga minima hawn jekk tagħmel l-overtime. Allura ħadd ma beda jitla’ għall-erba’ ġimgħat (erba’ ġimgħat u ġimgħa overtime).
Xtaqt li mmorru lura ftit fiż-żmien biex nifhem aħjar. Mintoff ried l-Ingliżi jitilqu ’l barra, u allura beda jmur għand Gaddafi. L-ewwel darba hu kien li tah il-flus biex iħallas liċ-ċivil. Għax jgħidu Gaddafi, Gaddafi kienu secure miegħu. Ngħidlu li skont l-ittri ta’ Otman, kien hemm tabib li Otman spiss kien jitkellem miegħu. Kien miżżewweġ mara Ġermaniża u kienet toqgħod Malta. Jien naf tabib — Zammit Maempel li mbagħad kien sar kuratur ta’ Għar Dalam. Imma int qed tirreferi għal Walter Delia, tal-ENT. Dak hu. Kien jaħdem Oasis. Dak kien jaħdem hemm diġà qabel ir-rivoluzzjoni. Kont staqsejtu x’ġara waqt ir-rivoluzzjoni u kien qalli li Gaddafi mill-ewwel bagħat lis-suldati biex jipproteġu lill-Maltin li kienu jaħdmu l-Libja. Gaddafi kien ordna biex il-kamp jiġi mdawwar bis-suldati. Kien hemm ukoll it-Tabib Vincenti, mill-Mosta. Kellna wkoll tabib li kien iggradwa mill-Italja, insejt x’jismu. Kont tgħidlu, għandi rasi tuġagħni, kien jgħidlek mur ġerrih. Dejjem igerger għax il-Libjani u l-Eġizzjani li kienu jiġu biex jinvistahom minħabba l-murliti kienu jgħattulu t-toqba ta’ sormhom. U kien igerger għax ma kienx ikun jista’ jinvistahom. Biss, il-fundamentaliżmu qatt ma kien jidħol kieku baqa’ Gaddafi, għax meta kien jara xi wieħed bid-daqna twila kien jiġbru. Anki meta jara n-nisa bil-kalzetti suwed, jiġborhom kollha. Jekk ikunu minn dawn mgħottijin, jiġborhom. Il-Maltin konna safe, l-aqwa li ma tilbisx ix-xorz. Għamilt ħbieb sew jien. Għandi ħbieb tal-qalb Libjani.
Fl-20 ta’ Mejju 1973 kitbilha l-itwal ittra li hemm fil-file Dex. L-ittra miktuba fuq karta tal-korrispondenza rqiqa, bil-linji bluni, ittra li mal-ewwel daqqa t’għajn diġà tidher meqjusa, irrabjata, ikkalkulata. Fiha jintefa’ jredden kemm jiflaħ, jgħidilha x’għandha tagħmel, jirrepeti u jirrepeti, jitkellem magħha fuqha stess, fuq dak kollu li qed tagħmel ħażin. Fl-ittra jibda jqis lilu nnifsu bħala vittma tal-maledukazzjoni tagħha, tal-klassi baxxa ta’ familtha, tal-indeċiżjonijiet u tal-indħil li għandha f’ħajjitha.
Bħal ħafna drabi oħra, jiftaħ b’rendikont ta’ kemm bagħtitlu ittri, id-dati u fejn irċeviehom. Mindu reġa’ lura l-Libja, irċieva biss disa’ ittri mingħandha: sitta fl-indirizz tad-dar u tlieta fuq ix-xogħol. Isemmilha l-ittra twila li kien kitbilha, u li kien għadu qed jistenna risposta għaliha. Però hi ma weġbitux u issa qata’ qalbu li qatt se twieġbu. Jgħidilha biex tħalliha, li ormaj jaf li mhix se tirrispondih, li hi tibża’ titkellem bil-fatti. Jgħidilha wkoll li mhux sorpriż li għadha m’għamlitx il-passaport: milli jidher, kienet qaltlu li għandha bżonn minn tal-inqas tliet xhur biex iġġib il-viża għal-Libja. Jgħidilha li viża trid ġurnata mhux tliet xhur imma jaf għaliex qed tigdiblu, jaf li ma tridx twelled il-Libja, jaf li trid twelled Malta, avolja hu ma jridx. L-ewwel nett, jekk jitwieled il-Libja, it-tifel ikun Libjan. It-tieni, int miżżewġa lili imma jien mhux miżżewweġ lilek f’għajnejn l-Istat Libjan u jekk tiġi issa nilħqu nirranġaw il-karti kollha mal-Qorti biex meta jitwieled ikun hemm kollox f’postu. Imma jekk se twelldu hemm, it-tifel se jkun Malti u qatt mhu se jtuh nazzjonalità Libjana. Jekk jitwieled Malta, it-tifel qatt mhu se jidher li hu tiegħi. Imma jekk tiġi u niżżewġu hawn, għall-inqas, ikun b’xi mod rikonoxxut u allura anki jekk twelldu Malta jkun jista’ jiġi hawn. Imma għall-inqas, jekk tiġi hawn u niżżewġu qabel jitwieled, it-tifel ikun f’ismi, ikun tiegħi. Għalissa, il-karti tiegħi għadhom jgħidu li jien għażeb; ma nidher imkien li jien miżżewweġ għax ma tajthomx ismek. Imma jekk tiġi, f’ħames minuti llestu kollox għax immorru niffirmaw il-karta taż-żwieġ il-qorti u neħilsu. Biss jekk m’intix ġejja hawn, jien se naħsel idi minnek. Diġà għedtlek. Imma int moħħok biex tisma’ minn ommok u minn Maggie; issa ibqa’ isma’ minnhom u tara kif fi kliemi tiġi; xi problemi se jkollok isseffaq wiċċek magħhom.
Jgħidilha li ddeċieda li mhux se jerġa’ lura Malta dik is-sena, lanqas biex jara l-wild tiegħu stess. Jgħidilha li għandhom frażi l-Libja, li dawk in-nies li jgħidu ċ-ċajt ikunu l-ewwel li jitnejku bik, biss dawk li jbikkuk, huma n-nies li jħobbuk l-iktar. Jgħidilha li forsi dak li se jiktbilha se tobogħdu minħabba fih, li se jweġġagħha, li se joqrosha. Imma ma jimpurtax. Żommha din l-ittra, għax wara sena jew tnejn, jekk terġa’ taqraha, tinduna li kont qed ngħidlek dan il-kliem għax ridtlek il-ġid. Jgħidilha li jaf eżattament x’inhu jiġri, li hemm min qed ifesfsilha biex hu jikrilha flett Malta u jixtrilha l-għamara u biex tmur ma’ xi ħadd tal-familja tagħha Tripli għal ftit, tgħidlu li ma togħġobhiex u terġa’ lura Malta u jkollha kollox mixtri u lest. U Otman jew jiġi hawn Malta, jew hi tkun tista’ tibqa’ waħedha u ħielsa u tibqa’ taħdem mal-Ingliża. Jgħidilha li meta qaltlu biex jixtru l-għamara Malta u mbagħad iġemmgħu biex jixtru l-affarijiet għal Tripli, urietu kemm ma kinitx onesta. Jgħidilha li kieku kienet mara onesta, kienet tmur il-Libja l-għada li żżewġu — imma kien jaf li se tagħmel hekk. Ridt biss inkun naf min int proprja. Jistaqsiha jekk hux veru tridhom għaliha, għal binhom, jew jekk tridhomx għal ommha: jekk tridhom għal ommok, jien m’għandix flus x’nonfoq fuq ħaddieħor. ’Qas li kieku rrid ma nista’ noħroġ dawk il-flejjes kollha mill-pajjiż. U jien irrid nixtri l-affarijiet għal hawn mhux għal Malta. Imma int tisma’ minn ommok u minn Maggie biss trid. Mela oqgħod hemm isma’ minnhom. U jekk trid flett u għamara mur aħdem għalihom. Jien meta niġi Malta nikri bl-għaxar liri kuljum jew immur ġo hotel, mela nixtri flett! U naf kif se tispiċċa: jew issefter għand l-Ingliża jew tiġri minn bar għal bar minn raġel għall-ieħor. Mur! Hemm l-Ingliża qed tistenniek! Hemm il-bar qed jistenniek! Imma mur u agħmel fattik: intom il-Maltin tridu tkunu sinjuri. Jien irrid ħajja bażika, mara u tfal onesti, sempliċi. Ma rridx djar u għamara. Jekk trid tibqa’ hemm, għidli u nibgħatlek il-karti tad-divorzju. Tkun ħielsa u tgħix kif trid int. Anzi, jekk trid nibgħatlek karta li jien mejjet, li ġrali xi ħaġa u tlaqt minn din id-dinja; ma jkollok ebda problema tieħu l-ħelsien li trid. U t-tifel tih isem Malti. Agħmlu Malti. Jekk trid, u sakemm nibqa’ naħdem, nibgħatlek mija jew 150 lira fis-sena, imma mhux f’daqqa. Nibgħatlek għoxrin jew tletin fix-xahar. Indunajt. Għalhekk qatt ma ordnajtlek tagħmel xejn, għax m’intix it-tip ta’ mara li raġel jista’ jgħidilha x’għandha tagħmel. M’intix xi mara li trid il-kwiet, is-sempliċità, il-familja. Agħżel int liem sptar trid tmur twelled fih, jew ħu parir mingħand familtek. Meta ġejt lura Tripli wara t-tieġ, għamilt għaxart ijiem ma’ tad-dar; ma kienx hemm mument imġiddem li fih ħassejtni miżżewweġ. Ma nafx x’jiġifieri tiġi lura d-dar u ssib lil martek tistenniek, tibkik, tixtieqek. Naf li se nweġġgħek bih dan il-kliem imma żomm din l-ittra u aqraha ’l quddiem, meta tkun marida f’qiegħ ta’ sodda, ħa tifhem sew x’kont qed ngħidlek, jew erġa’ aqraha meta t-tifel jiġi jistaqsik min hu missieru. U lesti ruħek, għax la jsir jaf li hu Libjan, jitilqek. Qed ngħidlek jien, la jsir jaf, mhux se jaċċetta li jkun hemm in-nies Maltin f’ħajtu. Se jħoss vojt li l-ebda persuna Maltija mhi se timlielu; se jħossu mitluf u waħdu. U taf xiex? Isir bħalek. Jekk trid iktibli. Se nkun Es Sidr.
Jgħaddi xahar u jiktbilha fl-aħħar ta’ Ġunju. Fuq in-naħa ta’ fuq tax-xellug, iħalli nota li fiha jgħidilha li jħobbha għal dejjem. Mar lura d-deżert bil-karozza u wasal fil-ħdax ta’ billejl. Irċieva żewġ ittri mingħandha, waħda tat-22 u l-oħra tal-24 ta’ Mejju. Jgħidilha li kien qed jistenna xi forma ta’ tweġiba mingħandha waqt li kien Tripli imma ma wasal xejn. Jgħidilha li jifraħ meta jirċievi mingħandha u li kien imdejjaq għax l-affarijiet ma kinux sejrin tajjeb. Milli jidher, ix-xita li niżlet qliel dik is-sena kienet fawret il-bir li kellhom id-dar u għarrqitilhom kollox. Ħafna nies il-Libja tilfu darhom u spiċċaw joqogħdu ġo lukanda. Jgħidilha li l-ħaddiema tal-gvern kienu qed jaħdmu erbgħa u għoxrin siegħa kuljum biex jitranġa kollox imma huma ma setgħux isibu vacuum car biex tiġi tiġbed l-ilma li fawrilhom id-dar. Forsi għalhekk ma smajtx mingħandek, għax l-uffiċċju tal-posta mhux qed jaħdem bħas-soltu. Kien għadu kif qatta’ tlettax-il siegħa fil-karozza minn Tripli sad-deżert, isuq f’riħ qawwi jfajjar ir-ramel mal-ħġieġ tal-karozza. Wara seba’ sigħat kellu jieqaf għax ma seta’ jara xejn, isuq biss ġo daħna ta’ trab u riħ ivenven. U malli wasal, ma sab lil ħadd ix-xogħol u kellu jibda jaħdem mill-ewwel, sas-sebgħa ta’ filgħodu. Issa qed iħossu ma jiflaħx sew għax qabditu l-influwenza. Ix-xita għadha nieżla qliel, jgħidilha, u l-kesħa xxoqq l-għadam. Fil-kamp, waqt il-ħin tax-xogħol, lanqas nistgħu naraw lil xulxin bid-dalma tar-ramel li r-riħ qawwi qed itella’ miegħu. Jibda jilmenta li nqalagħlu kollox f’salt, li se jkollu jagħmel overhaul tat-turbina u li biex ilesti għandu bżonn minn tal-inqas tliet ġimgħat. Jgħidilha li meta jaħseb fiha, jgħaddilu kollox. U jistaqsiha kif inhi, u jekk ommha għadhiex teqred bħas-soltu. Jgħidilha li jiddispjaċih li għamel 36 jum Malta u ddejjaq magħha imma li kien lest li jinsa dak li ġara u jerġgħu jibdew mill-ġdid. Biss lil ommok ma niflaħhiex iktar; kienet kbira f’għajnejja qabel imma issa tlift ir-rispett lejha. Naħseb tħobb lilha nnifisha naqra żżejjed. Ma nistax ninsa l-kliem li smajtha tgħid fuqi; ma nistax naħfrilha. Jien li nixtieq hu li int ma ssirx bħalha għax taf x’jgħidu, li l-omm u l-bint ħaġa waħda. Jien nixtieq li int tkun mara bi snienha bojod u qalbha bajda, mhux waħda bi snienha bojod u qalbha sewda. Qed iħares lejn ir-ritratti tagħhom u jgħidilha li jixtieq qiegħda maġenbu, rasha fuq spalltu.
L-14 ta’ Lulju. Jiktbilha b’ton formali u distanti. Jirringrazzjaha tal-ittra li bagħtitlu fl-4 ta’ Lulju tal-1973 fl-indirizz tad-dar; il-familja tiegħu bagħtithielu Es Sidr. Jiddispjaċih li m’għandhiex flus; ipprova jibagħtilha xi ħaġa f’ismu imma m’għandux qbil mal-gvern biex ikun jista’ jibgħat flus barra mill-pajjiż u peress li hemm limitu fuq kemm jista’ joħroġ flus, kien diġà bagħat kemm seta’ qabel it-tieġ, jekk tiftakar sew! Ifakkarha li lanqas Ħadi ma seta’ joħroġ iktar flus f’ismu għaliex meta ġie Malta ħareġ is-somma kollha li seta’. Baqa’ biss ħabib tiegħi li jekk ma laħaqx bagħat il-flus kollha lill-mara tiegħu l-Ingilterra, forsi jista’ jgħinek hu. Jekk il-mara tiegħu tilħaq tiġi hawn, allura nara jekk jistax jgħinek hu. Ħabib tiegħi sew min hu. Nipprova nibgħatlek xi ħaġa f’ismu; forsi sal-10 ta’ Awwissu tilħaq tirċievi xi ħaġa. Fl-ittra jgħidilha li tnejn minn ħutu bniet kienu għadhom kif spiċċaw 45 jum ta’ taħriġ obbligatorju mal-militar biex niffamiljarizzaw ruħna mal-armata. Taf kemm ħadu gost. Kulħadd imissu jagħmel perjodu qasir hekk — veru esperjenza sabiħa. Ħuti l-bniet veru kienu kuntenti. Jgħidilha li ħutu marru sew fl-eżamijiet tal-iskola din is-sena. Jerġa’ jfakkarha li ma kellu l-ebda interess li jberbaq il-flus biex ikollhom flett mikri Malta u mimli bl-għamara tagħhom. Jien Malta nixtieq niġi biss darba fis-sena, jew darba kull sentejn. Ma tarax se noqgħod nonfoq il-flus fuq affarijiet li ma ngawdix. Meta niġi Malta, noqgħod ġo lukanda. Ġejja tgħidli li ridt il-flus biex taqta’ biljett biex tiġi Tripli; jien nafek sew issa lilek. Int trid il-flus biex tibqa’ ma’ familtek. Trid 720 lira biex tixtri l-għamara, 90 għall-flett, u 120 biex tmur tixtri ’l ibnek fi sptar privat. Le le, mur ixtrih fl-isptar tal-gvern. Int ma żżewwiġtnix għax tħobbni, int iżżewwiġtni biex ibnek ikollu kunjomi. Għalhekk ħallejtek; kieku kien għalija, ma żżewwiġtekx. Issa ħielsa int; jekk trid terġa’ tiżżewweġ għidli u nibgħatlek firma biex nisseparaw. M’għandi l-ebda problema biex lil ibnek ittih isem Malti u mhux isem Għarbi. M’għandi l-ebda interess. Dik it-tarbija mhix biċċa tiegħi. U jekk nibgħatlek xi ħaġa tal-flus, nibgħathielek għax inħoss għall-proxxmu u mhux għax inħobbok. In-nisa m’għadni nħoss xejn għalihom. Issa nara kif nirranġa u darba fix-xahar nibgħatlek xi ħaġa tal-flus; imma toqgħodx tiktibli. M’hemmx għalfejn dawn il-ħafna ittri għax naf li flus biss trid mingħandi. U mhux se nersaq lejn Malta iktar — avolja wieħed li jaħdem miegħi, mill-Mosta, stedinni biex immur għall-festa ta’ Ħal Lija fis-6 ta’ Awwissu u oħra l-Mosta, fil-15, ta’ Santa Marija. Għedtlu li ma nistax niġi. Parir wieħed biss intik — titlifx dak li għandek mas-sinjura l-Ingliża. Dik ittik li trid u l-familja tiegħek jisolħu kemm jifilħu mingħandha. U issa tara kif tieħu ħsiebek wara li twelled, u tixtrilu l-ħwejjeġ lil ibnek. Għandhom biha familtek għax ittihom li jridu. Oqgħod magħha, emminni, dak li jixraqlek għax familtek hekk rabbewk lilek. Sellili biss għal missierek. Jiddispjaċini għalik.
Godwin jgħidli li kien jasal Tripli bl-ajruplan. Norqod hemm, u mbagħad filgħodu naqbad ajruplan ieħor u mmur on site. Ajruplan chopper. Kien hemm għelieqi taż-żejt li kellhom djar tal-ġebel, jorqdu tnejn f’kamra waħda. F’dawn kien ikollok il-mess hall u l-klinika. U mbagħad, qabel ma nqala’ l-inkwiet bejn l-Amerikani u l-Libjani, kien hemm dawk li kienu jgħidulhom commuters, jaħdmu ġimagħtejn hemm u ġimagħtejn Tripli. U int semmejtli post, kien hemm post, Giorginpopoli, fejn joqogħdu l-Amerikani u l-expats. Kien speċi ta’ villaġġ, bħal Santa Marija l-Mellieħa. U ma konniex noqogħdu dejjem mal-istess nies. Daqqa Amerikani, daqqa Maltin. Jekk tkun tonħor, jagħtuk kamra għalik. Din il-kamra kienet tikkonsisti f’żewġ sodod, tliet cupboards isfel, u tliet cupboards fuq, toilet, fejn taħsel wiċċek u doċċa. Filgħodu tmur għall-breakfast, u mbagħad tmur għax-xogħol. Fi żmien l-Amerikani kellna kollox.
L-Amerikani kien ilhom jippuntaw subgħajhom lejn il-Libja b’akkużi ta’ terroriżmu, spjunaġġ u kutrabandu ta’ armi, imma f’April tal-1986 iddeċidew li jtemmu r-relazzjonijiet diplomatiċi magħhom. Kien hemm ix-xniegħa li, f’Marzu ta’ dik is-sena, il-Libjani kienu sparaw missili mill-art għal fuq ajruplani tan-Navy u l-Amerikani rritaljaw. Imbagħad l-affarijiet komplew jiggravaw meta fil-bidu ta’ April splodiet bomba fuq titjira tat-TWA f’Argos, il-Greċja. Kienu mietu erbgħa u l-Amerikani akkużaw lil Gaddafi. Meta tlett ijiem wara, fil-5 ta’ April, splodiet bomba oħra, din id-darba ġewwa diskoteka f’Berlin tal-Punent jisimha La Belle fejn kienu jintefgħu s-suldati Amerikani, il-Gvern Amerikan iddikjara li kellu evidenza ċara li l-Libjani kienu involuti. L-Amerikani ħalfu li jirritaljaw u nedew Operation El Dorado Canyon. L-intervent kien maħsub l-Ingilterra, fil-48th Tactical Fighter Wing u tnieda fl-14 ta’ April. Erbgħa u għoxrin F-111 telqu minn RAF Base Lakenheath u ħames EF-111 minn RAF Heyford. Kellhom quddiemhom titjira ta’ 3 500 mil, b’erba’ waqfiet għall-fjuwil fl-ajru minħabba li kien hemm restrizzjonijiet tat-titjir. Meta bdew joqorbu lejn il-Libja, żewġ aircraft carriers tan-Navy, il-USS Coral u l-USS America, tajru erbatax-il strike aircraft tal-għamla A-6E u tnax-il F/A-18 u A-7 bħala support. Godwin jgħidli li dakinhar li l-Amerikani attakkaw f’April tal-1986, hu kien fid-deżert. Żmien Reagan kien. L-Amerikani kienu għadhom fuq Ġibiltà meta l-Maltin interċettaw is-sinjali tal-ajruplani u Karmenu Mifsud Bonnici kien ċempel personalment biex javża lil-Libjani li l-Amerikani kienu fi triqthom. Gaddafi rnexxielu jaħrab mir-residenza ta’ Bab al-Ażiżija ftit mumenti qabel l-attakk. Forsi kellhom għoxrin minuta ċans. Kulħadd ħareġ jiżbogħ il-karozzi blu biex l-ajruplani ma jarawhomx. Ħafna ħarġu jiġru f’waħda mit-toroq kbar biex jaqilgħu l-wires kollha għax ħasbu li forsi kien ikollhom jużawhom biex itajru l-ajruplani tagħhom. Saqu t-trakkijiet fit-toroq prinċipali u ħallewhom hemm biex l-Amerikani ma jkunux jistgħu jinżlu fuqhom. Operation El Dorado Canyon kellha fil-miri tagħha pjattaformi li l-Amerikani kienu konvinti li fihom kien hemm għaddejja attività terroristika. Fis-sebgħa ta’ filgħaxja, l-F-111 sparaw fuq l-impjant militari ta’ Ażiżija fi Tripli u l-kamp tat-taħriġ militari ta’ Sidi Bilal. Ftit wara, ħames F-111 tefgħu l-bombi fuq l-ajruport ta’ Tripli. L-Amerikani tilfu wieħed mill-F-111 b’żewġ piloti fih. Operation El Dorado Canyon ma fallietx, imma lanqas kienet xi suċċess kbir. Gaddafi ma weġġax fl-attakk, iżda ddikjara li t-tifla adottata tiegħu ta’ ħmistax-il xahar, Hana, inqatlet fl-istess lejl għalkemm din id-dikjarazzjoni baqgħet kontroversjali u ħafna baqgħu jgħidu li Gaddafi ma kellu l-ebda tifla adottata b’dak l-isem. Il-kmandant tal-48th TFW kien qal li l-operazzjoni laħqet saret kbira wisq u tilfet l-element ta’ sorpriża. Kieku użaw biss l-assi tan-Navy, kieku l-Maltin ma kinux javżaw lil-Libjani li kienu sejrin għalihom. Għal Gaddafi, l-Amerikani kienu qasmu l-Linja tal-Mewt, u ma kienx beħsiebu jaħfrilhom. Għalhekk baqgħu jħobbuna l-Libjani lilna, qalli Godwin, għax avżajniehom.
Es Sidr kien hemm il-vilel. Kull villa kellha salott u kċina u kienu ħdejn il-bajja tar-ramel. Min kien joqgħod fihom seta’ jmur il-baħar. Imma l-vilel kienu għall-kbarat tal-kumpaniji, mhux għalina. Jien ġieli kont immur nimxi dawk l-inħawi; kont nara l-kamaleonti u l-granċijiet. Anki għasafar ipassu kont nara; min jaf kemm kont inġib għasafar ħajjin miegħi. Jekk tajra taħbat ma’ xi ħaġa u tikser il-ġwienaħ, kont niġborha u nġibha hawn. Borok. Borok taf x’inhuma? Ngħidlu li le. Jgħidli li qishom papri. Bl-Ingliż American Wigeon, pintail. Monakelli jiġru kullimkien. In-naħa ta’ Dara kien hemm il-partridges, sand partridge, qisha summiena imma daqsxejn ikbar. Infatti, it-Tabib Zammit Maempel kien tela’ xi darbtejn qabel ir-rivoluzzjoni jikkaċċja dawn fid-deżert. Il-Maltin kienu jitilgħu. Il-Ministru tas-Saħħa Libjan kien daħal mal-Waha u kien iħaddem lil dawn it-tobba Maltin. Bishti kien jismu? Bishti, naħseb. Imma m’iniex ċert. Anki nersis Maltin kellna aħna. Mhux nisa ovvjament. Nisa xejn. Segretarji Tripli biss imma on site xejn. Dinja tal-irġiel. Lejn l-aħħar ġieli kien ikun hemm mara ma’ Schlumburger bħala mud engineer.
Lil Godwin ngħidlu li għal żmien twil ommi kienet ma’ Amerikan jaħdem il-Libja. Jack Rice, qalli. Ħasadni. Ma kontx naf li jaf. Kont naf li kien jaf lil ommi, imma mhux li kien jaf lil Jack. Kont naħdem miegħu. Darba lil ommok ma nafx kemm flus ġibtilha. Ġibtilha pakkett mimli dollari għax kienu se jixtru xi ħanut. U jidħaq. U nidħqu flimkien. Ngħidlu li l-ħanut li xtraw kien il-Café de Paris, tal-Gżira. Ngħidlu li Jack ried jadottani, saħansitra daħħalni ġo skola Bakersfield, California. Dak iż-żmien, jiġifieri fi żmien Mintoff, jekk kont barrani ried ikollok partner Malti biex tixtri u allura Jack daħħal lil ommok bi sħab miegħu. U sibtha hemm wara l-bar. Qaltli, “mela waslu fl-aħħar.” Jack kien company man il-Libja, imma dejjem fis-sakra, anki fid-deżert. Kienu jagħmlu l-birra jew l-ispirtu ġo still, jew xi bimalt. Kulħadd itella’ l-kits u jagħmlu l-istill: zokkor, ħmira, u lakbi. Għal-lakbi trid taqsam il-palma u tħalliha tqattar u tixorbu. L-Ingliżi kienu jagħmlu flash: zokkor, ħmira, ilma, u jħalluh jiffermenta u jgħadduh minn still, qisu lampik; u kienu jħalltuh bl-ilma għax kien joħroġ 70 proof. Tqabbdu bis-sulfarina, vjola. Flash. Gialo kellhom a/c żejjed, finta, daqs friġġ, li ma kien a/c xejn. Minn barra kien jidher hekk biss. Meta tiftaħ il-bieba ta’ dan l-a/c kien jagħti għal ġo kamra.Ridt tkun taf biha. Tidħol u ssib l-apparat biex jagħmlu l-flash… Ġieli kienu jibagħtuni nġib iz-zokkor minn Gialo village. Ħafna nies, imma, ma kinux jinteressaw ruħhom f’dak li kien qed jiġri madwarhom; immaġina, kien hemm min jaħseb li ż-żejt li ntellgħu kien żejt tal-ikel u naħseb ’qas kienu jifhmu meta l-Libjani jgħidu “naft” jew “batrul”. Aħna Malta konna nieħdu l-by-products: id-diesel, il-pitrolju, u l-petrol. Ir-raffineriji kienu jieħdu l-qatran u hekk. Ġieli kienu jieħdu l-gass. Qabel spiċċajt kont post jgħidulu — bħalissa m’iniex niftakar — kien hemm kwantità ta’ gass. Itellgħuh, jiċċilljawh f’chiller, u jixxippjawh għal Ras Lanuf likwidu. Sibt anki xi muniti qodma jien meta kont immur nimxi mal-baħar; u wieħed kien ġabli xi muniti tar-Rumani li sab viċin ix-xatt. Iffrejmjajthom. Ilhom għandi. Żammejt ftit kuntatt ma’ sħabi wara r-rivoluzzjoni u mbagħad wara, xejn.
Nistaqsih jekk jiftakarx lil Junior Meeks, li kienet miegħu Antoinette. Dak kien tal-affari tiegħu. Kien jimmarka bir bit-tazza li jobżoq fiha ċ-chewy tobacco. Ovvjament, ikunu diġà marru għamlu s-survey u s-seismic test. Imma mbagħad jiġi hu, iqiegħed it-tazza li jobżoq fiha fejn iridu jħaffru, u jqiegħed ġebla. Fejn isibu l-ġebla ta’ Junior, imorru u jħaffru. Ifhem, is-survey kien isir xi sentejn qabel imma Junior kien jiġi u jqiegħed it-tazza eżatt fil-post. Kien company man ukoll, bħal Jack. Kienu jmorru jaraw l-affarijiet kif sejrin u ħafna drabi, jekk isibu problema, kellhom isolvuha huma. B’hekk kienu jaqilgħu ħafna flus. Es Sidr kien hemm ukoll żewġ bugħaddasa Maltin. Wieħed minnhom kunjomu Degiorgio.
Ngħid lil Godwin li dan l-aħħar sibt ritratt ta’ ħabib t’ommi li kien telaq jgħix l-Awstralja għax kien omosesswali u familtu keċċewh mid-dar. Fir-ritratt, fuq wara, fejn l-ixkafef tax-xorb tal-Café de Paris il-Gżira, kien hemm ritratt imdaqqas ta’ Gaddafi. Jien min jaf kemm kienu jtuni ritratti ta’ Gaddafi u nġibhom hawn inqassamhom lil tal-ħwienet. Tal-ħwienet għamlu żmien iwaħħlu r-ritratti ta’ Gaddafi. Kont inġibhom mingħand tal-Kumitat Rivoluzzjonarju, speċi ta’ kunsill lokali imma fid-deżert. Xogħolhom kien li joqogħdu jitkixxfu fuq kulħadd. Pereżempju, jekk torganizza xi ħaġa u ma ttellax bandiera ħadra, kont taqla’ ċamata. Fhimtha? Imma meta kien hemm l-Amerikani l-Libja, gawdejna. Juices għoxrin kwalità; pancake — l-ewwel darba li doqt pancake kien fi żmien l-Amerikani. Kont inġibhom fil-basket. Ngħidlu li għalhekk kont nixrob il-Kool-Aid u niekol il-Hershey meta kont tifel, għax kien iġibhom Jack. Imbagħad qelbu meta nnazzjonalizzaw kollox. L-ikel mar lura. Il-konċessjoni ħaditha l-NOC u ġabu chairman Libjan. L-Amerikani telqu. Anzi l-Kanadiżi baqgħu. Kien hemm dispute. Taf meta ksirna l-fus mal-Libjani aħna? Meta Gaddafi kien ried li l-Fortizza tal-Mosta tintuża biex jinħażnu l-bombi f’post sigur u Mintoff qallu le, għax aħna neħilsu minn dawn l-affarijiet irridu mhux nitwikkew bihom. Imbagħad qabduha fuq il-bandieri; għax kull fejn kont tara kien ikun hawn bandiera tal-Libjani, itellgħu fejn iridu. Mintoff kien jisħaq biex tittella’ biss il-bandiera ta’ Malta. Kullimkien; kull min hu Libjan, kien itella’ bandiera ħadra. Kelli ħabib tiegħi Libjan, ħuh kien stazzjonat hawn. Kellhom ħelikopter tal-forzi armati Libjani tas-salvataġġ. Il-piloti kienu stazzjonati l-Hilton u jinbidlu. Il-memorji distanti sew però meta noqgħod ftit fil-kwiet inħallihom jidħlu, framment wara l-ieħor, stampa mċajpra, ħoss miksur, riħa maħruba. Ommi u Antoinette kienu jqattgħu ljieli sħaħ mal-Libjani l-Falcon Bar tal-Hilton fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet, u jien spiss kont inkun magħhom, fuq is-sufan aħdar, indawwar is-silġ fil-juice tal-ħawħ ġo tazza tal-ħġieġ bi stikka tal-plastik bil-falkun ta’ Malta fuqha u Joanne taqbad miegħi biex inkellimha.
Twelidt fid-9 ta’ Settembru tal-1973. Ommi tgħidli li ftit qabel qabadha l-uġigħ, kienet qiegħda l-Mellieħa. Meta niżżluha lejn l-Isptar San Luqa, kienet diġà bdiet il-Festa ta’ Ħaż-Żabbar. Tiftakar tħares mit-tieqa tal-kamra fejn kienu poġġewha u setgħet tara l-murtali tal-Grazzja. Daħlet twelled waħedha. Ma rrakkuntatli xejn iktar dwar it-twelid innifsu imma kull 9 ta’ Settembru, għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ waranofsinhar, kienet dejjem tibgħatli messaġġ u tgħidli li dak kien l-isbaħ mument ta’ ħajjitha. Kellha ħabta tiġi naqra sentimentali fl-okkażjonijiet il-kbar, xi ħaġa li qatt ma rajtha kuntradittorja mal-maskulinità li kienet sawret ġo ġisimha. Is-sentimentaliżmu jħobb jgħolli rasu fil-maskulinità tal-klassi soċjali tan-naħa t’ommi. Kont spiss nimmaġina, fi tfuliti, li għad jasal xi wild ieħor u jkolli ħija jew oħti, biss niftakar eżatt li waqaft nittama meta waqt maltempata qalila li fiha l-għargħar kien ġarr il-karozzi lejn l-Imsida u xeħithom bi ħdura fil-baħar u fost twissijiet biex ħadd ma joħroġ ’il barra, ommi ġiet għand in-nanniet titgħawweġ bi wġigħ f’ġenbha. Daħħluha tiġri l-Isptar ta’ Santa Katerina ta’ Ħ’Attard u, kif kienet tgħid in-nanna, neħħewlha kollox. L-għada, in-nannu kien ħadni ħdejha. Fil-memorja, il-kamra kienet mimlija silenzju u dlam imma kien hemm televixin żgħir fuq mejda u soru dieħla u ħierġa tfekren. Ommi kienet mixħuta fuq is-sodda u l-uġigħ issa kien waqaf. Ħarset lejja u tbissmitli. Kellha ħabta tgħaddi minn kollox mingħajr ma tgħidlek xejn.
Fi tmiem il-ġimgħa, kont immur noqgħod ma’ ommi l-ewwel is-Swieqi u xi snin wara, l-Iklin. Domt snin twal biex indunajt, però, għaliex fis-sodda m’ommi kien hemm mara, mhux raġel. L-ewwel kien hemm Sylvia imma l-memorja tiegħi mċajpra: jiġu biss frammenti ta’ oġġetti u affett — bitħa, xtieli tal-galletta, għodda tal-mastrudaxxa, ċana, u l-ħlewwa tal-imħabba ta’ qalb ċkejkna. Però telqet; sparixxiet. L-aħħar li rajtha lil Sylvia kont għadni kif għalaqt is-seba’ snin. Kienet tellgħetni fuq fid-dar tas-Swieqi, daħħlitni fil-kamra tiegħi, fetħet il-gwardarobba, ħarġet bott pirmli li kien moħbi ġo but ta’ ġakketta li kont ħriġt minnha, u bdiet tistaqsini jekk inħobbhiex. Tħobbni qalbi inti? Tħobbni lili? Ma kellix idea x’kienet qed tagħmel u għala bdiet tistaqsini dawn l-affarijiet. Kont żgħir wisq biex nifhem. Però niftakarha tibla’ l-pirmli mill-bott, taqa’ mal-art, u tiġbidni għal fuqha. Minn ħalqha bdiet ħierġa ragħwa bajda ċċarċar ma’ geddumha u tinfirex mal-madum abjad bid-dbabar kafellatte u griżi u tiżżerżaq għal fejn is-sieq tal-komodina u kompliet tistaqsini: tħobbni? Għajnejja bdew jippruvaw iduru lil hinn mid-dbabar tar-ragħwa imma ma stajt insib xejn fuq xiex inserraħhom. Meta waslet id-dar ommi, smajtha tgħajjat minn isfel. Niftakarha dieħla ttir fil-kamra u wara kollox isir dlam. Baħħ. Vojt. Skiet. Ftit ġimgħat wara, daħlet f’ħajjet ommi Antoinette.
Ommi kienet ma’ Jack. Antoinette kienet ma’ Junior. Ommi u Antoinette kienu flimkien. Però kont għadni ma fhimtx. Bdejt nifhem biss meta darba minnhom — kelli xi tmienja jew disa’ snin — Joanne, bint Antoinette, jiġifieri oħti fil-familja alternattiva tiegħi, kienet niżżlitni fil-garaxx tad-dar tas-Swieqi, maġenb il-ġnien imfewwaħ bis-siġar tal-lumi u tal-larinġ u x-xtieli tal-melissa, niżżlet il-qalziet u tefgħetli rasi fin-nida u l-umdità ta’ bejn saqajha. Intefgħet tindiehes miegħi u tgħidli biex nagħfasha, ejja, agħfasni kif ommok tagħmel lil ommi. Filgħaxija, ommi kienet sejħitli mill-kamra tas-sodda tagħha fuq u meta tlajt, sibt lilha u lil Antoinette fil-friex, bilqiegħda jpejpu. Ommi kienet liebsa dressing-gown blu bil-kaxxi bojod. Qaltli biex inpoġġi fit-tarf tas-sodda, ħarset lejja, u wissietni biex ma nerġax nagħmel dak li għamilt, li kont għadni żgħir wisq. Issummajt. Ridt ngħidilhom li jien ma kont għamilt xejn, li issa qed nibda nifhem, imma ħalqi kien marsus, ilsieni maqful ġo morsa ta’ regħxa u mistħija, rogħda u rabja. Għajnejja reġgħu bdew iduru żugraga mal-kamra biex ma jħarsux lejn ommi u bdew jintilfu fuq dettalji żgħar: iċ-ċavetta tal-bieba tal-gwardarobba, bid-dendula tal-ħajt ilellex; il-lighter il-ġdida, twila, irqiqa, kulur id-deheb, ġo kaxxa ħamra tal-Cartier miftuħa fuq il-komodina; il-bokkin ta’ Antoinette, oranġjo, imqiegħed eżatt fuq il-ħoġor tal-ashtray tal-kristall biex ma jaqax fil-plattina mal-irmied, il-bukketti tal-ward u l-petali tal-kewba mbuzzati fuq it-tustiera tas-sodda, il-mara mpittra bil-ġibs abjad fuq pannu blu, xagħarha mdendel u b’għanqud nokkli miġbur m’għonqha, u mara oħra, b’ġirakor perli imma għarwiena bilqiegħda fuq siġġu tar-rattan, qisu poster ta’ film, forsi Emmanuelle. Ma kellix il-ħila nitniffes, però għadni nagħraf fija dak il-post ġewwieni li waqajt fih, il-ħofra li tbewqet ġol-intern tiegħi stess u belgħetni. Għajnejja waqgħu fuq il-bokkin — il-bokkin oranġjo li Antoinette kienet tqabbadni nnaddfilha wara żewġ pakketti Rothmans aħmar, niftħu, nirrombla l-karti tal-kċina u ndeffishom fit-toqob irqaq tal-filtru u tal-bokkin innifsu u niġbidhom biex nimsaħhulha mill-qatran ħa tkun tista’ tiġbed in-nifs sew. Ommi ma kinitx tpejjep bil-bokkin għax il-bokkin kien tan-nisa u tas-sinjorini. Dak il-ħin ġietni t-togħma tal-qatran f’ħalqi għax ġieli kont noqgħod niġbed minnu taparsi qed inpejjep. Kull sigarett li pejjipt fl-għoxrin sena li għamilt indaħħan kellu, moħbi taħt saffi ta’ pjaċir u stmerrija lejn it-tipjip, it-togħma ta’ dak il-mument fil-kamra tas-sodda t’ommi.
U forsi wara dakinhar fhimt aħjar għaliex Joanne baqgħet issus warajja, tipprova ssibni waħdi, taqfel il-bieb tal-kamra, tinża’, tneżżagħni, timtedd fuqi, u tintefa’ tħokk u togħrok għoxxha ma’ wiċċi u ma’ ġismi u tisħon. Jien kont nagħlaq għajnejja biex ma narax imma kont dejjem inxomm riħa ta’ ħalib tal-gvern ħierġa minn ħalqha u minn laħamha mdellek. Meta kont niftaħhom, għajnejja kienu dejjem jaqgħu fuq ħaġa waħda u jiffissaw fuqha: il-ktieb Raja-Vidya: The King of Knowledge ta’ A.C. Bhaktivedanta Swami Prabhupada li ommi kienet poġġietli fuq il-komodina. Il-ktieb għadu għandi sal-lum fuq l-ixkaffa tal-kotba maġenb il-pultruna fejn qed nikteb dan l-esej. Hi tħokk miegħi u tisħon u jien nhewden fuq id-disa’ kapitlu tal-Bhagavad Gita u l-eternità tar-ruħ.
Meta kienu jiġu Jack jew Junior mil-Libja, kien ikun hemm ħafna ċaqliq id-dar tal-Iklin: Junior jagħmel il-ġranet jixrob il-birra, flixkun wara l-ieħor minn ġo kaxxa maġenb is-siġġu fejn kien ipoġġi b’maktur aħmar imdawwar ma’ rasu jdoqq il-kitarra u jgħanni l-folk Amerikan; Jack jixrob l-irqiq, jifli u jistudja l-pjanti tal-pjattaformi taż-żejt miftuħin bħal dvalji fuq il-mejda tal-ikel, u meta jgħolli rasu, jintefa’ jiċċassa fil-bogħod, lejn l-għelieqi tal-Iklin li jagħtu għan-Naxxar. Filgħaxija, kulħadd joħroġ fil-veranda, jixwu l-laħam, jixorbu l-inbid u jitkellmu fuq Reagan u Gaddafi. Jien kont naqbeż ngħum biex la nxomm l-inbid, la jtuni niekol il-laħam, u lanqas noqgħod nisma’ fuq il-Libjani. Kont nitqażżeż il-laħam u kont nitqażżeż lilhom. Kien ikolli ġenn u ferneżija biex Jack u Junior jitilqu lura lejn il-Libja ħa terġa’ tiġi l-kalma, ommi u Antoinette jorqdu fl-istess sodda, u mmorru lura għall-kliem bil-Malti, it-tisjir fil-kċina, u l-films tal-VHS fuq televixin tal-kulur Grundig mixtri bil-kutrabandu. Kont inkun mejjet biex Salah u Issam jerġgħu jiġu joqogħdu magħna, ngħum magħhom matul il-ġurnata u filgħaxija noqgħod ħdejhom narahom jitpittru u jippupjaw quddiem il-mera tas-seba’ bozoz, joħorġu l-kaxxi tal-parrokki u t-tkaken mill-gwardarobba ta’ Antoinette u wara kulħadd għal ġol-veranda, l-ilbiesi ħfief bojod tal-ħarir iperpru fiż-żiffa melliesa ta’ April u Mejju billejl, u jerġa’ jibda t-tipjip bil-bokkini twal, id-daqq tad-diski ta’ Sylvester u ż-żeglig, it-tisfir u l-għajjat meta Salah jitfa’ Ayonha ta’ Hamid al-Shaeri fuq it-Toshiba:
( عيونها (عيونها) لون البحر (لون البح
(لونها (لونها) ضي القمر (ضي القمر
Għajnejha (għajnejha) lewn il-baħar (lewn il-baħar)
Lewnha (lewnha) lewn id-dell tal-qamar (id-dell tal-qamar)
Kien dan iż-żmien li ndunajt sew li ommi kienet miġbuda lejn in-nisa. Illum, waqt li naqra l-ittri li kitbilha Otman, nara lil ommi taqra lilha nnifisha bil-kliem li qalilha, bil-mod ta’ kif ġegħelha tħares lejn l-imġiba tagħha stess, u ninduna li kull darba li ordnalha tibdel il-mod ta’ kif iġġib ruħha, iċ-ċanfir li ċanfarha bih, lilha kien qed juriha l-qagħda tagħha stess, jgħallimha hi min hi. Ninduna, allura, li kelli żball naħseb li l-liżbjaniżmu t’ommi kien politiku jew femminista biss, li kienet saret tħobb in-nisa għax kienet imxebbgħa mill-irġiel. U forsi ma kontx indunajt qabel għax kien hemm wisq iktar distrazzjonijiet li kienu jgħammxuni u jaħbuli l-fatt li ommi kienet tħobb mara bħalha. Kien hemm ix-xogħol ta’ billejl u allura jien ma kontx norqod sew qabel nisma’ l-karozza tagħhom ġejja lura kmieni filgħodu; kien hemm il-Falcon Bar tal-Hilton fejn konna niltaqgħu mal-ħbieb Libjani, jien inħares minn fuq sufan tal-bellus aħdar lejn il-kbar jitkellmu u jiżfnu waqt li nisma’ l-pjanu jeqred u jingħi u jżarżar u jongħos u jonħor u d-drinks jibqgħu ġejjn. Kien hemm il-Black Gold u ċ-Chequers, l-irġiel twal Amerikani lebsin bwiez u kpiepel tal-cowboys, qomos tal-Oasis u ġkieket bil-marka tax-Schulmberger, bokkla fuq bokkla taċ-ċinturin livell m’għajnejja. Kien hemm il-mużika tal-country and western u s-sigaretti. Kien hemm Antoinette, imdawra bl-irġiel, tinbaram mad-diski tal-jukebox itteptep dawl aħmar, aħdar, blu, isfar u oranġjo, issaffar u tkanta meta l-Matheus abjad kiesaħ jitlgħalha għal rasha.
Imma l-liżbjaniżmu t’ommi kien iktar diffiċli narah mill-omosesswalità tiegħi. Mhux għax ma ridtx, u lanqas għax kont qed nipprova naqrah b’xi mod ieħor, imma forsi għax fi tfuliti l-liżbjaniżmu kien normalizzat ħafna f’ħajti; ma kien hemm xejn ta’ barra minn hawn li żewġ nisa setgħu jgħixu f’intimità flimkien. Meta ntbaħt, ħassejt faraġ kbir u mill-ewwel mort ngħid lil sħabi, qabel ma hi stess kienet kellmitni. Biss dan l-aħħar, waqt li kont qed nagħmel ħsieb biex nikteb dan l-esej, kont għadni m’iniex ċert jekk għandix niddikjara l-liżbjaniżmu tagħha daqshekk bil-miftuħ fil-kitba. Il-liżbjaniżmu butch t’ommi ma kienx wieħed li jeskludi l-intimità mal-irġiel imma, bħal sħabha, kienet tibni relazzjonijiet affettivi ma’ nisa biss. Xi mkien ma kontx ċert jekk hux tajjeb li nikteb li kienet liżbjana, li kienet tħobb in-nisa, u li għaliha l-irġiel kienu biss impjieg, avolja hi kienet tgħix is-sesswalità tagħha fil-beraħ. Xi ħaġa bdiet twaqqafli idi. Forsi kien hemm diversi raġunijiet, jew skużi, għala bdejt inżomm lura: ommi m’għadhiex ħajja u mhux qiegħda hawn biex tiddefendi lilha nnifisha fuq dak li qed nikteb jien. U għalkemm kienet tgħix ta’ liżbjana dikjarata, ma tatni l-ebda kunsens li nikteb dwarha. Lanqas ma ridt immur niġri nfittex fil-kotba tat-teorija biex nipprova nagħmel sens mill-ħajja tal-persuna li rabbietni u nsib il-permess fit-teoriji ta’ ħaddieħor, avolja naf li hi stess kienet marret issus fil-kotba tax-xjenza u fit-teoriji soċjali biex issib mod ta’ kif tgħajjex u trabbi lili, dawk l-istess kotba li kont immur inqalleb fihom meta kont tifel biex nara t-tpinġijiet tal-irġiel għarwenin fil-paġni dwar l-adolexxenza. Però, iktar ma ħsibt dwar dan, iktar bdejt naħseb jekk il-biża’ li nikteb dwar l-omm liżbjana hux forsi l-laqx tal-omofobija li jibqa’ fina saħansitra meta aħna stess inkunu omosesswali dikjarati pubblikament. Biss is-soluzzjoni li sabet ommi kienet ’il bogħod minn dak li kien hemm imniżżel fil-manwali tal-ommijiet moderni: ommi dawret lilha nnifisha b’komunità ta’ nisa cis u trans tax-xogħol il-Gżira, u flimkien kienu sabu mod ta’ kif setgħu jgħixu ħajja libera, jaħdmu għal rashom, igawdu, ipoġġu, iħobbu lil xulxin, jiġġieldu bejniethom, u jrabbu ’l uliedhom. Ma kontx l-uniku tifel f’din il-komunità ta’ nisa — kważi kull mara f’din il-komunità kienet omm, u kull mara ppruvat trabbi b’xi mod jew ieħor. Kont naf li ma ngħixx ġo familja bħal ta’ ħaddieħor, u kien hemm drabi fejn xtaqt u ppruvajt nimita lil sħabi ta’ barra l-komunità biex inkun bħalhom, fl-aġir, fl-ilbies, fil-kliem, fl-affett. Imma s-sikkatura li kienet iġġib magħha l-ħajja t’hemm barra kienet iddarrasni wisq. Meta għalaqt l-għoxrin sena, iddeċidiet li tgħidli, u inkwetajt għaliha: kienet saret tħobb mara oħra li ħadd fil-komunità ma kien jaf, li kienet miġbuda lejn l-irġiel biss, u jien ma stajtx nifhem kif ommi setgħet issib intimità sħiħa ma’ persuna li ma tidentifikax ta’ liżbjana bħalha. Forsi għax il-kelma liżbjana kienet piż tqil iżżejjed, iebes wisq bħala terminu li bih tirrakkonta lilek innifsek? Illum, it-terminoloġija tal-identità faċli ssibha, imma għal ħafna snin, il-kelma “liżbjana” (bħall-kelma “Libjana”) kienet iżżarrad u tigref u tqatta’. Ħassejt għafsa xi mkien, ma kontx naf x’se naqbad ngħidilha. Staqsejtha jekk setgħux ikunu kuntenti u tbissmitli. Qaltli biex inħalli f’idejhom. Illum naħseb li kellhom raġun: forsi, wara kollox, m’hemmx għalfejn tirrakkonta lilek innifsek biex tħobb.
Il-permess li tikteb dwar dawk li huma mejtin mhux faċli tinnegozjah, la miegħek innifsek u lanqas magħhom. Tant inqas mal-qarrej. Inħares lejn ir-ritratti t’ommi u nistaqsiha jekk tridx taħseb miegħi, jekk nistax qatt insib irkaptu biex nidħol fil-memorji li għandi mkebbsa ġewwa fija u li b’xi mod jistgħu jgħinuni nħoll dan il-ħsieb marbut għoqda li jżommli l-permess. X’inhi l-kitba? X’jien nagħmel biha? L-istorja tal-ġisem — tal-memorji li jżomm ġo fih, uħud minnhom sħaħ u qrib tagħna, oħrajn moħbija sew taħt it-terrapien tqil tal-kliem li jarkivja, tal-affetti li jħoss, ir-regħxa li tgħaxxih, il-ħtija li tifnih, il-gost u l-pjaċir li jifqgħulu l-limiti ta’ ġildtu u jiftħuh għall-univers — għandha imminenza politika. Daqstant kull farka hena jew diżappunt, regħxa jew mistħija, kull trawma li, kif jgħid Ghassan Moussawi, tibqa’ timmanifesta żmien wara “l-avveniment”. L-ewwel persuna li nikteb fiha mhijiex l-ewwel persuna awtobijografika imma hija l-ewwel persuna li taħdem biex tibni dan l-arkivju tal-ġisem mimli bix-xogħol ta’ dak kollu li nħossu, xogħol li jibni s-suġġettività tagħna, l-apparat epistemoloġiku li għandu l-kapaċità jifqa’ kull verżjoni riġida mhux biss tal-oġġettività diżimġissma imma anki tat-temporalità lineari. Dan il-ġisem bl-arkivju tal-affetti tiegħu għandu l-ħila jkun hu stess qafas metodoloġiku, apparat ġenerattiv, metodu ta’ kitba. Il-ġisem u l-arkivju ta’ emozzjonijiet tiegħu la huma privati u lanqas huma irrazzjonali; anzi, huma forma ta’ għarfien li huwa immedjat kulturalment. Mhumiex biss stat intern imma huma wkoll forma ta’ relazzjonalità. Kien f’dan ir-raġunament li sibt il-permess, fil-fatt, li l-ewwel persuna li nuża hawn ma tkunx l-ewwel persuna tas-suġġettività li tinħeba biex timmunizza r-riċerka — kif għandha ħabta tagħmel fil-kitba akkademika fejn tinżamm mistura biex tarkivja t-teknoloġiji tal-affett ’il bogħod mill-aċċessibbiltà pubblika — imma l-ewwel persuna li tiġġenera dak li tħoss fir-relazzjonalità li aħna lkoll qegħdin maqbudin fiha. Lanqas ma nikteb dwar dawn il-persuni u dawn il-memorji biex ma jintesewx, biex nisqi u nwennes dik l-ansjetà patrijarkali tal-legat li tgħakkes u tifni l-ħsibijiet, imma nikteb għaliex nixtieq nuri li x-xogħol tal-arkivju tal-ġisem u tal-affett ta’ niesi qatt mhu meqjus. Nikteb biex nikxfu, biex nikxef kif l-istat jipprova jieħu l-kontroll ta’ ġisimna billi jisraq l-arkivju tas-suġġettività tagħna u jdawru u jisfruttah għall-użu tiegħu. Meta Otman beda jiktbilha, kitbilha biex jisqi l-immaġinazzjoni tiegħu waqt li jġerrih f’kamartu, mifni wara ġurnata xogħol isewwi t-turbini. Imma meta l-kuntratt soċjali deher fuq l-orizzont, Otman ġie maħkum mill-proċessi li bihom l-istat jikkontrolla s-suġġettività u jibni n-normattività. Allura beda jiktbilha biex jikkoordina kif għandha ssir mara, biex jiddetta x’inhi mara, kif timxi, kif titkellem, kif tidher, tilbes, iġġib ruħha miegħu, iġġib ruħha quddiem sħabu, xi tħoss, kif taħxi, x’tagħmel b’ġisimha, kif taħseb, meta u ma’ min għandha titkellem. Il-liżbjaniżmu t’ommi kien hemm qabel Otman, imma l-mod ta’ kif l-istat ipprova jikkontrolla s-suġġettività tagħha b’kitbietu mhux biss gerrixha imma għarrafha l-liżbjaniżmu tagħha x’inhu. Illum, nisma’ ġo rasi leħinha jgħidli li t-tfittxija għall-permess mhi xejn ħlief forma ta’ omofobija, li t-tfittxija għall-permess mhi xejn ħlief mod ta’ kif tkompli tħaddan l-idea li l-ħajjiet queer iridu l-permess biex jinkitbu, bħallikieku l-kitba qed tikxef xi sigriet li mhux suppost jintqal, bħallikieku mingħajr dak il-permess ikollok tikkoreġilna ħajjitna biex tippreżentana b’mod li nistgħu ninqraw.
Waqt li qed naħseb dwar dan, nipprova nżarma wkoll il-qafas ta’ ħsieb li hemm mibni biex jinżammu maqtugħin minn xulxin id-dinjiet tal-mara-liżbjana, tal-mara tax-xogħol u tal-mara-omm, bħallikieku huma dinjiet differenti, kuntradittorji. Immur infittex fil-letteratura min hi l-omm-liżbjana u kważi neħel. Insib lil Audre Lorde tikteb lil binha. Insib lil Maggie Nelson twelled. Imma nibqa’ ma naf xejn fuq l-arkivju ta’ ħsieb u affett ta’ ommi. L-ittri ta’ Otman u l-kliem ta’ Godwin jagħtuni ftit ħjiel tal-kuntest soċjoekonomiku li twelidt fih, tal-kundizzjonijiet materjali li għamluni possibbli, tal-prekarjetà ekonomika u s-soluzzjonijiet li ċerti nisa min-naħa l-baxxa tal-klassi tal-ħaddiema sabu għalihom infushom biex setgħu jieħdu ftit tan-nifs. Wieħed mill-ġirien dan l-aħħar qalli li kien hawn il-faqar; taħt l-Ingliżi kien hawn min jorqod taħt il-loġoġ tal-Belt. Fl-irħula, familja ma kienx ikollha biżżejjed biex tgħix. Fejn is-siġar taż-żebbuġ ta’ Strickland kien hemm is-suldati tal-Basutoland u allura n-nisa kienu jinżlu jitlajjaw. Faqar ikrah kien hawn. L-istejjer tan-nisa li nnegozjaw l-għajxien ta’ familthom b’ġisimhom taħt il-Kuruna Ingliża, mhux biss fil-bliet imma anki fi rħula żgħar, huma stejjer minsija u mitlufa. Imma jekk wara t-tluq tal-Ingliżi l-irġiel Maltin bdew jibnu l-klassi tan-nofs bil-flus li ġabu magħhom mil-Libja, uħud min-nisa tal-klassi t’ommi setgħu jieħdu ftit nifs meta l-Libjani bdew ġejjin Malta biex igawdu. Id-dipendenza ekonomika fuq il-ħniena ta’ Gaddafi u l-pagi taż-żejt li bdew idaħħlu t-8,000 ħaddiem Malti mil-Libja bdew jibnu faxxa ġdida fil-klassi tan-nofs. Din l-istorja tal-klassi borgiża nafha u naraha avolja mhix miktuba; imma x’kien l-affett li laqagħni f’din id-dinja fid-9 ta’ Settembru ma nafux. La għandi memorja u lanqas għaddietli l-memorji tagħha ta’ dakinhar ommi. Immur inqalleb u nfittex ritratti ta’ nies iwelldu, ta’ rjus ta’ trabi ħerġin minn toqba mbewqa fil-ġisem tal-bniedem, naqta’ nifsi naħseb li xi darba kont kobba hemm ġew, mgħammad bil-borża tal-ilma, mirsus ġo ġisimha, maġenb il-post fejn snin wara qalgħulha biċċiet mit-tumur u minn fejn dak li kien fadal infirex. Infittex u naqra dak li setgħet ħasset jew ħasbet waqt li ferrgħetni ’l hawn, lil din in-naħa tal-eżistenza, il-kumplessità ta’ ħsieb li hewdnet fuqu, kif se tgħajjixni, kif se tgħix hi, kif se tkun omm meta fl-istess ħin trid tkun liżbjana, kif se tikteb kliemha stess, imġibitha, kif se teħles minn Otman li qed jipprova jagħmilha l-mara li ried hu. Ma nafx kienx b’mod konxju jew le imma bid-deċiżjoni li tgħix il-liżbjaniżmu bil-miftuħ, u bil-fatt li Otman ħeles minn kull responsabbiltà li jkun xi ftit preżenti fit-trobbija tiegħi, ommi ħadet ir-rwol ta’ omm-missier li tħabbel sew mar-rwol ta’ liżbjana-butch fis-sesswalità tagħha u li fihom ma kont insib l-ebda kuntradizzjoni. Kienet ommi imma kienet ukoll missieri. U hawnhekk nibda niftakar l-ewwel darba li kellmitni dwar is-sesswalità u l-ħarsien tas-saħħa tal-ġisem adolexxenti. Naħseb li kienet ilha thewden kif se tkellimni fuq dan is-suġġett; indunajt minn leħinha, li qatt ma kien indeċiż jew mistħi ħlief dakinhar. Firxet fuq l-art tal-kamra tal-banju tal-Iklin, li kienu għadhom kif għamluha ġdida, xugaman-bandiera tal-Istati Uniti, strixxi u stilel li jien kont spiss indawwar m’għonqi waqt li nilgħab waħdi u ndur u ndur biex il-bandiera tinfetaħ f’mantell u jien ninbidel f’Wonder Woman. Firxitha mal-art ħdejn il-bidet, dak il-ħaġu ġdid li għand in-nanna ma kienx hemm bħalu u li meta kont innemmes kont nara lil Antoinette taħsel għoxxha fih, qaltli biex inneħħi l-qalziet, noqgħod fuqu, u ninħasel sew. Meta qaltli li kellha obbligu tispjegali xi tfisser issir adult, għedtilha li diġà kont naf kollox. Wiċċha sar vjola u telqet ’il barra. Jien qomt, dawwart ix-xugaman-bandiera-mantell ma’ għonqi, mort fil-mera, ħarist lejn wiċċi u bdejt indur u ndur sakemm il-Libja saret l-Amerka .