Nibda nqalleb fl-album tat-ritratti tat-tieġ tagħhom, album abjad ikkuttunat b’nagħla fuq in-naħa tax-xellug u żigarella roża marbuta ċoff ħdejn il-kliem “Our Wedding” miktub bil-magħqud kulur il-fidda. Kien ikkurdat sew però ommi kienet ħallietu għand in-nanniet u qatt ma reġgħet ħarset lejh. Kien dejjem jiġri fid-dar minn kexxun għall-ieħor u jien spiss kont niftħu biex inħares sew lejn Otman u nqalla’ lili nnifsi niffissa fuq xagħru mġiegħed u ppettnat la ġenba. Fir-ritratti tat-tieġ, il-ġilda tiegħu tidher iktar skura milli tidher f’ritratti oħra. Fihom jidher imdejjaq, mixrub, imdawwar b’salt nies li jistkerrah. Jidher skomdu, qisu ’qas jaf iġib ruħu sew magħhom. Għajnejh qatt ma jħarsu direttament lejn ħadd. Xi ħaġa fil-mod ta’ kif iżomm lilu nnifsu turi li għalkemm mill-istess klassi soċjali tagħha, hemm differenzi li huma viżibbli, u ma jimmappjawx sew fuq xulxin. Mir-ritratti tat-tieġ jidher ċar li l-familja tagħha storbjuża, ferrieħa. Mill-ittri li bagħtilha hu, il-familja tiegħu tinstema’ mistħija u tal-ġabra. It-tieġ kien hemm il-qraba kollha: il-kuġini t’ommi ħelwin u jidher ċar li klassi aħjar minn tagħna għax zijitha Karmena kienet iżżewġet tat-tajjeb u saret pulita. Salvina wkoll kienet hemm, xagħarha qagħqa, geddumha boċċa, għonqha mlaħħam u mdendel, tiddandan b’kowt eleganti twil sal-art bil-fer mad-dawra tal-għonq u l-pavri. Tidher xurbana, għajnejha sakranazzi għandhom tleqqija brillanti, u rasha se tixpakka l-aħħar bil-pressjoni għolja u d-daħq tad-disprament. Nerġa’ naħlef miegħi nnifsi li xi darba mmur infittex u nistaqsi sew dwarha. Kien hemm ħuha Salvu, twil, imġissem, sabiħ u nejjieki u martu Mary b’libsa faqgħa bajda u sewda b’qafla tal-bellus iswed marbuta ma’ qaddha taqbad il-moda tas-sebgħinijiet. Kien hemm missierha, Saver, boqni u wieqaf, dahru miġbud lura, gustuż u ruxxan, u oħtha Janey, doċli u bi tbissima fissa ta’ mara raħlija li taf biss l-affett tal-mistħija. Imma tiddomina r-ritratti kollha fl-album kien hemm in-nanna Kelina, xagħarha qasir innukklat għall-okkażjoni bir-rollers il-kbar u liebsa libsa twila sal-art kulur aħmar demmi mżejna b’gamewwa tal-Fabiola fuq sidirha, dik il-mara bil-velu aħmar impittra fil-profil minn Jean Jacques Henner u li kont issibha f’kull dar imdendla mal-ħajt tas-salott jew tal-kuritur, spiss flimkien mat-tifel bil-libsa bluna ta’ Thomas Gainsborough. Għand in-nanna Kelina, apparti l-Fabiola fuq frejm ovali dendula fil-kuritur, kien hemm Miss Murray ta’ Thomas Lawrence fis-salott, u kien hemm żewġ stampi tat-tallaba ta’ Murillo fil-kamra tal-ikel. In-nanna kellha ħabta tixtri l-inkwatri bin-nifs mingħand Toni tal-fajjenza jew mill-Ħamrun, inkwatri li, meta jien bdejt insir konxju tal-klassi baxxa li niġi minnha, kienu jġegħluni nistħi meta jiġu għandna sħabi. Kont nixtieq li minflok dan l-imbarazz tal-ħabba gozz kellna pitturi taż-żejt mal-ħitan tad-dar u mhux tfal Vittorjani stampati fuq biċċa njama li l-puliti kienu jistkerrhu. Fid-djar ta’ sħabi tal-iskola kien hemm pitturi ta’ avukati u tobba biż-żejt fuq tila, Preti u de Favray, porċellana ta’ Delia, pasturi ta’ Napli; id-dar aħna kellna pasturi naïve tal-Bambin, ċeramika tar-riklami, u inkwatri kitsch. Imma kif turi sew Celeste Olalquiaga, dawn l-inkwatri u l-istampi joffru lill-klassijiet baxxi forma ta’ sostenn emozzjonali, mod kif id-dar tista’ ssir spazju sabiħ, post ta’ memorja u aspirazzjoni soċjali. Għal nannti u niesha, dawn l-oġġetti li ħafna jqisuhom bħala fallimenti estetiċi kienu frammenti ta’ maġija mitlufa, portali lejn dinjiet immaġinati fejn id-dinjità u l-eleganza huma aċċessibbli. Fis-sentiment iffriżat tagħhom, iżommu għaddej dak kollu li s-suq tal-arti ma jafx ikejjel: l-imħabba u l-qima lejn il-poetika tal-ħajja ta’ kuljum. Illum ninħasad xħin inħares sew lejn ir-ritratti tat-tieġ u nara lil nannti bil-Fabiola: Santa Fabiola, wara kollox, hija l-qaddisa patruna taż-żwiġijiet diffiċli, tan-nies divorzjati, tal-vittmi tal-abbuż u tal-adulteri. Ċert li nannti libset il-Fabiola għat-tieġ t’ommi għax kienet gamewwa mżewqa u mdawra b’ħajta deheb filugranu, u mhux għax kellha xi premonizzjoni fuq iż-żwieġ ta’ bintha. Tant inqas għax kellha xi idea, vaga kemm setgħet kienet vaga, li l-mara fil-gamewwa kienet qaddisa jew li x-xbieha tagħha kellha xi tifsira. Imma forsi l-Fabiola fuq sider nannti hija xhieda li s-simboliżmu jaħdem ferm aħjar meta jitħalla waħdu, imbiegħed mill-indħil u l-aġenzija tal-bniedem.