Es Sidr #3

Kibli

Omar N’Shea

Dak li hemm ġo fik se nobogħdu għall-kumplament ta’ ħajti.
Otman Salem Otman, 15 ta’ Lulju 1972

Ir-riħ li jvenven ’il  fuq lejn it-Tripolitanja u l-Mediterran ma jsib l-ebda xkiel hu u tiela’ min-naħa t’isfel tal-Libja. M’hemmx muntanji li jwaqqfuh jew jikkalmawh. Jiltaqa’ biss ma’ ftit għoljiet, l-ogħla fosthom ta’ tmien mitt metru u allura mhux biżżejjed biex twaqqaf il-kibli milli jibqa’ tiela’ għal alla tiegħu jġorr eluf ta’ tunnellati ta’ ramel lejn il-baħar. L-għoljiet ixeqilbu u mbagħad jimteddu fuq Ġefara, dik il-medda kbira ta’ art li tħalli lil Tripli, Żuwara u Es Sidr igawdu t-temp tajjeb kważi s-sena kollha. Meta jqum ir-riħ fid-deżert, il-kanvas tat-tined jibda l-ewwel iperper u wara jissara donnu jrid jitqaċċat mill-irbit. Il-weraq tal-palm iħaxwex u jħaxwex, u meta r-riħ iżid jinstabat u jfaqqa’ qisu biċċiet tal-injam jitqatlu ma’ xulxin; iz-zkuk iżaqżqu u jitbandlu, jitgħawġu u jingħu, jokorbu u jiddrittaw, jistrieħu u jerġgħu jibdew jissaraw biex jixpakkaw. Malli x-xefaq iżellaq l-ewwel dawl, foga ħamra ta’ ramel iċċajpar kullimkien. L-arja tiħxien u titqal, toqol li jserraħ fuq il-kpiepel t’għajnejk u jbexxaqhomlok, qajla tagħraf lil min qiegħed quddiemek. Il-kibli jdawwar il-belt f’deżert. Idardar il-baħar. Ir-ramel sħun u bajdani jsir niedi u griż. Meta jasal, il-kibli jimla bir-ramel aħmar it-toroq, il-karozzi u d-djar, ramel li jistrieħ fuq xfar l-għajnejn, jidħol jistaħba mal-ħanek, iqarmeċ taħt id-dras, u jinżel jigref l-inforra tal-pulmun. Jiffjamma l-arja. Imarrad il-bliet. Jixħet satar ta’ foga mdardra, imħammra b’taħlita ta’ majka, klorit, tafal u kwarz qisha tiċpisa demm, bħal magħmul fl-arja. U l-kibli jibqa’ tiela’ ’l  fuq, iġorr miegħu partiċelli virali u batterji. Jitfa’ fil-baħar il-ħadid, il-potassju, il-fosfru u n-nitroġenu u jiffertilizza l-wiċċ tal-ilma. Jibda sekwestru tal-karbonju li joħloq komunitajiet ta’ mikroorganiżmi li jaqbdu mal-plankton mejjet, itaqqluh u jgħarrquh fil-fond. Xejn ma jwaqqfu milli jħott ir-ramel tad-deżert fil-bliet kostali ta’ Żuwara u Es Sidr; meta jixħtu, jaqa’ maġenb l-għaram tar-ramel abjad lellux li kien ġab miegħu l-Grigal u qiegħdu tul il-kosta kollha. U bejniethom, ftit metri ta’ steppa għerja mċappsa, terren immewweġ li xi kultant jiġi kkultivat biex jirgħu n-nagħaġ u l-mogħoż. Imma l-ekwilibriju huwa immensament prekarju u ftit biss trid biex tisfratta l-bilanċ ekoloġiku kollu. Il-kibli tella’ miegħu l-ġinnijiet tad-deżert li tajruni ’l  bogħod minn ommi u ġabuni hawn, kien jgħidli Salah meta kont żgħir. Meta wasal għandna, imlielna d-dar bil-magħmul, u dewwaqli l-apokalissi.

Il-kitba ta’ Otman bdiet titjieb. Beda jikteb sew bil-magħqud u s-sentenzi fihom inqas żbalji grammatiċi. Bejn l-Ingliż li kien qed jisma’ fuq ir-radju kull filgħaxija, il-qari u l-ħbiberiji li beda jagħmel fuq il-post tax-xogħol, l-Ingliż tiegħu beda jsir iktar familjari u l-idjoma iktar mexxejja. Fil-11 ta’ Ottubru 1972 irrispondieha għaż-żewġ ittri li kitbitlu fit-2 u fit-3 tal-istess xahar. Kien għadu kif beda s-sawm, erbat ijiem qabel. Iebsa ma tikolx, ma tixrobx u ma tpejjipx mill-erbgħa ta’ filgħodu sas-sebgħa ta’ filgħaxija. Jien li jdejjaqni mhux li ma nikolx jew ma nixrobx; jien it-tipjip jeqridni. Inkun mejjet biex inqabbad sigarett. U ovvjament nimtela tilja nervi u nispiċċa l-ħin kollu burdata ħażina. U iktar qed ninqata’ waħdi issa. Kulħadd għadu jredden fuq il-funerali tal-fedajin Palestinjani li ġabu hawn mill-Ġermanja. Inżilna qalb il-folol, eluf ta’ nies kien hemm, kulħadd jitlob waqt li t-twiebet tal-fedajin bdew joqomsu qishom it-tebut ta’ Nasser fuq eluf ta’ jdejn. Imxew bihom minn Pjazza Italja saċ-ċimiterju ta’ Sidi Munaidiss, kulħadd jgħajjat biex l-Iżrael jinqered darba għal dejjem. Kulħadd għadu jitkellem fuqhom imma mbagħad ngħidlek iktar la narak għax bħalissa moħħi biss fik — ’qas nista’ nemmen li għadek tridni wara li ilna ma naraw lil xulxin tliet snin u xahrejn. Mejjet biex inkun ħdejk; għandi qalbi qed tfur għalik. Qalbi, intik kelma ta’ raġel li se niżżewġek. Jien ma jindaħalli assolutament ħadd; jien is-sid ta’ ħajti. Niddeċiedi jien. Issa tara kif nixtri kollox għad-dar. Anki karozza. Jgħidilha li l-Libja pajjiż enormi, li għandu ġenn biex idawwarha mal-postijiet li jaf u juriha l-ġmiel li hemm. Imma ħallina mil-Libja issa. Għidli kollox, jekk jogħġbok, għidli dak kollu li qed tagħmel. Hi bagħtet tgħidlu li qed tbati meta tara t-televixin u taqra, u weġibha li la jasal kien se joħodha għand tal-għajnejn: imma għax ma tmurx waħdek? Għax se toqgħod tistenna lili u tgħarraq għajnejk? ’Qas hu ma kien qed iħossu tajjeb: din mhix ħajja; suppost ilna miżżewġin tliet snin u kieku żżewwiġna meta ltqajna, kieku għandna t-tfal issa. Xebbgħuh in-nies jistaqsuh għala għadu mhux miżżewweġ: u tifhimhom, għax ftit snin oħra nibdew nixjieħu u mbagħad għidli int kif se nsibu lil min jieħu ħsiebna.

Reġa’ kitbilha tlett ijiem wara, fl-14 ta’ Ottubru 1972. Beda jinkwieta għax ma reġax sema’ mingħandha f’Ottubru u jaf li tħobb iġġerri bil-karozza għax spiss tgħidlu fl-ittri tagħha kemm kienet tieħu gost tagħfsilha l-karozza ġdida li kienet xtrat. Għandi ħafna ritratti tagħha ta’ daż-żmien, ħdejn il-karozzi li tixtri u spiss terġa’ tpartat ma’ oħrajn iktar ġodda. Jgħidilha li f’Ottubru kienu waslu żewġ Maltin oħra f’Es Sidr, wieħed ta’ 38 sena mill-Mosta u l-ieħor ta’ xi ħamsin sena mill-Gżira, it-tnejn mekkaniks tal-marina. Imma qed igergru għax il-paga mhix tajba biżżejjed — qed jitolbu 250 lira sterlina fix-xahar imma qed jaqilgħu biss 160. Il-kumpanija ma tridx taf u tgħidx kemm huma rrabjati u mdejqin hawn. Wieħed minnhom inqabad fil-ġenn tal-funerali li kien hemm Tripli meta wasal minn Malta. Jibagħtilha l-awguri għal għeluq sninha u jgħidilha li għandu rigal għaliha, libsa tan-nisa stil Marokkin: Nixtieq nibgħathielek imma nibża’ li tintilef fil-posta. U veru rrid narak biha, narak liebsa libsa bħal nisa oħra. Se tagħmel xi ħaġa biex tiċċelebra? Kemm nixtieq qiegħed hemm ħa ngawdi miegħek jien ukoll. Inħobbok, inħobbok imma għadek ma bgħattlix ritratt tiegħek fil-karozza ħa nara x’karozza xtrajt. Iktibli, veru, għax qed ninkwieta fuqek, li ġralek xi ħaġa jew li weġġajt.

Fit-18 ta’ Novembru 1972 kitbilha li ġurnata qabel irċieva żewġ ittri mingħandha imma li kien ċar li mhux l-ittri kollha li tibgħatlu bdew jaslulu. Jagħtiha x’tifhem li jaf għalfejn mhux qed jirċievu l-ittri ta’ xulxin u li waħda mill-ittri li bagħtitlu damet sbatax-il ġurnata biex waslet; imma jispjegalha la jasal Malta. Waqt li naqra dawn l-ittri tal-aħħar xhur tal-1972, nibda nissuspetta li Otman kien qed jibża’ jikteb ċerti dettalji. Ftit mill-korrispondenza ta’ bejniethom bdiet tintilef jew iddum ħafna biex tasal, u wħud mill-paġni jew ritratti bdew jisparixxu. Jgħidilha biex tirrispondi din l-ittra tal-aħħar u tieqaf tiktiblu: qed jiċċekkjaw l-ittri kollha issa, u l-posta qed iddum sew. Kollha qed jiftħuhom l-ittri. Kulħadd jaf x’inhu għaddej. Missieri qalli li xi ġimagħtejn ilu nqabad ajruplan tal-Lufthansa minn Beirut u tniżżel hawn. In-nies isefsfu li se jinqala’ l-inkwiet. U qed jiġu għal xi nies, jistaqsu ħafna mistoqsijiet. Missieri qalli li arrestaw wieħed minn fuq ix-xogħol tiegħu, ħadd ma jaf għala. Imma qalli li kien hemm xi kliem dwaru, li kien raġel pervertit. Imma hawnhekk ħadd m’għadu jitkellem. Kulħadd qed jibda jibża’. F’dawn ix-xhur, waqfet ukoll il-kritika politika li spiss kien jikteb dwarha fl-ittri tal-bidu. Jgħidilha biss li se jkellimha sew meta jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ. Għala bdiltha? Sabiħa imma nispera li b’saħħitha. Tħobb wisq iġġerri bil-karozza.

Qalilha li kienu kważi waslu fl-aħħar tar-Ramadan u tas-sawm li kien qed ikiddu. U kellu aħbar tajba fl-aħħar: ġej Malta. Jekk kollox imur kif nixtieq, nasal fis-16 jew fis-17 jew fit-18 ta’ Diċembru; jekk le, nasal fit-22 jew fit-23. Se nipprova noqgħod għal tliet ġimgħat jew erbgħa. Imma l-ġimgħa d-dieħla nibgħat ngħidlek eżatt meta se nasal. Tiktiblix għalissa. Sakemm tasal l-ittra tiegħek, inkun qiegħed ħdejk. Jistaqsiha biex issiblu post fejn jista’ joqgħod waħdu għax ma jħobbx joqgħod għand in-nies u jgħidilha li għandha tafdah. Jistaqsiha wkoll jekk hemmx ħwienet li jbigħu qomos u qliezet sbieħ. U sib post fejn nistgħu mmorru għall-Milied u l-Ewwel tas-Sena, u noħodkom kollha jien, lilek u l-familja tiegħek, niċċelebraw flimkien. Imma obdini fil-Milied u ilbes il-libsa sabiħa li xtrajtlek mill-Marokk.

Fl-ittri tal-bidu ta’ Diċembru beda ġej id-dubju. Ma nafx xi ġralek. Għala mhux tibgħatli ritratti tiegħek? Mhux qed tafdani li qed inżommhom fuqi? Taħseb li qed ngħaddihom lil irġiel oħra jew inħallihom jiġru? Jew li qed jaħtfuhom l-uffiċjali tal-gvern biex jedhew bihom? U għala qed tiktibli b’ton biered sew? Ma nafx xi ġralek. Fil-folder Dex sibt ittra, u żewġ kopji tagħha, li kienet bagħtitlu l-kumpanija Oasis Oil wara li laqgħet it-talba tiegħu li jieħu tnejn u erbgħin jum off. Hemeż l-ittri mal-kitba tiegħu biex juriha li kien minnu li ġej Malta. Qatt ma kont qrajthom sew dawn l-ittri li kitbet il-kumpanija imma dan l-aħħar indunajt li, peress li huma miktubin bl-Għarbi, allura forsi stajt insib il-kunjom proprju tiegħu. L-ittra tindirizzah fit-tielet persuna u tirreferi għalih b’ismu komplet. Ma tantx hu mbiegħed wisq minn kif ġie trażliterat fl-Anglosassonu, però huwa differenti. Issa li naf x’kien ismu proprju, u allura ismi proprju, jibdew deħlin ħsibijiet li qatt ma ridthom.

Il-leave kien se jibda fit-13 ta’ Diċembru u l-pjan kien li l-ewwel imur Tripli għal ftit ġranet u mbagħad itir lejn Malta fis-17 ta’ Diċembru. L-ajruplan tal-linja Libyan Arab Airlines kellu jinżel f’Ħal Luqa fit-8:30pm. Oħti tixtieq ħafna tiġi miegħi imma għandha l-iskola; però tibda l-btajjel fil-11 ta’ April 1973 u wegħedtha li se nġibha Malta miegħi. Oħti tħobb ħafna tieħu r-ritratti; dak li bgħattlek fejn il-baħar bil-kitarra hi ħaditu. Tixtieq tiktiblek imma l-Ingliż tagħha għadu batut wisq. Qed titgħallem imma.

Imma fl-aħħar ittra li bagħtilha qabel wasal Malta, dik li kiteb fl-4 ta’ Diċembru 1972, qalilha li kien għadu kif irċieva ħames ittri f’daqqa mingħandha. L-ittri mlewh bil-ferħ, biss waħda minnhom dejqitu għaliex fiha qaltlu li probabbli ġej Malta biex jorqod magħha u mhux għax irid li jkunu verament flimkien. Jgħidilha li dan mhux minnu, li m’għandu l-ebda intenzjoni li jfittixha biss għas-sess, li jrid juriha kemm hu kapaċi jġib ruħu sew, juriha li jaf joqgħod bla mara. Issa tara, nagħmlu kif trid int. Jekk trid li ma mmissekx, nobdi. Imma jfakkarha li jrid joqgħod waħdu, li jixtieq li ssiblu appartament xi mkien ċentrali ħa jkun jista’ joħroġ jixtri biex isajjar u jagħmel il-qadi, u mhux biex immur infittex is-sess ma’ nies oħra u nġibhom id-dar. Jien tiegħek mhux ta’ ħaddieħor. X’se tagħmel? Se tkun qed tistennieni l-ajruport?

Otman wasal Malta fis-17 ta’ Diċembru 1972, tliet snin wara li kienu ltaqgħu għall-ewwel darba. Hawnhekk ikolli ndur għal arkivju ieħor biex nipprova nsir naf kif qattgħu l-ħin tagħhom f’dak ix-xahar. Bdejt infittex fil-file Dex biex nara nsibx xi noti. Sibt envelopp b’xi karti rqaq, kważi trasparenti, karta ħarir li bħalha kien ikun hemm fl-albums tar-ritratti bejn paġna u oħra. Fuqhom kien qed jgħallimha tikteb bl-Għarbi: hi tniżżel il-kelma bl-Ingliż fuq ix-xellug u fuq il-lemin hu jikteb l-ekwivalenti bl-Għarbi korsiv. Nibda ninduna li għallimha tikteb u għalhekk għandha l-kitba tixbah sew lil tiegħu. Wara ftit kliem, bdew ġejjin sentenzi sħaħ. Nipprova nġib kemm nista’ dettalji dwar iż-żjara tiegħu mill-ittri li bagħtilha meta reġa’ lura Tripli f’Jannar: insib li kien għadda l-Milied u l-Ewwel tas-Sena hawn, ġo flett fi Triq Sir William Reid, il-Gżira, u kien spiss imur jixrob il-bar ta’ Bruno, fejn xi drabi kienet tmur miegħu hi. Għandi memorja distanti immens ta’ dan il-post u tas-sid, però tiġi lura bil-mod il-mod meta nħalli l-ħsieb jimlieli l-memorja bl-irwejjaħ u l-ħsejjes minn tfuliti, riħa qarsa ta’ birra twaħħal mal-art kmieni filgħodu, ta’ rmied u loqmijiet tas-sigaretti, ta’ purtieri mbaskta bid-dħaħen tat-tabakk, ta’ għaraq u adrenalina li rħew fil-post dawk li kienu hemm jiżżagħblu l-lejl ta’ qabel, ta’ bewl imranġat mhux maħsul. Jibda ġej lura wkoll it-tqarmiċ tat-tazzi mkissrin taħt is-sandli tal-plastik isfar li kont nilbes fis-sajf biex meta ngħum bih ma jidħollix ix-xewk tar-rizzi. Forsi ommi kienet taħdem hemm? Ma kien hemm ebda raġuni oħra għala filgħodu konna mmorru biex tkellem lil Bruno u hu jtini flixkun kannella bit-tikketta roża mimli juice tal-ħawħ u jħallini ndoqq id-diski fil-jukebox. Niftakar l-aċċent ta’ Bruno, u mal-memorja ta’ leħnu jidħlu jtektku bħat-tkaken tas-sinjorini fuq l-irħam tad-dar tal-Iklin memorji oħra: Salah jixxengel ’il  barra biż-żarbun kulur id-deheb f’idu u l-lapes t’għajnejh imżelleġ, igemgem il-kliem ta’ diska minn taħt l-ilsien; Mahdi u xi Libjani oħra ħerġin mill-bieb jitpeċpċu xħin tolqothom ix-xemx. Niftakar xi nisa xagħarhom miżbugħ isfar li kienu jaqbdu miegħi u jistaqsuni biex nurihom fejn qiegħda d-duda. U jien nistħi. U kulħadd jidħaq. Imma l-memorja tieqaf ħesrem hemm. Dan l-aħħar kont sibt dokument online dwar kwistjoni li Bruno kellu l-Qorti ta’ Malta, imma ma rġajtx sibtu issa li veru nixtieq naqrah.

Minbarra l-karti li fuqhom kien qed jgħallimha tikteb bl-Għarbi, sibt ukoll ftit ritratti bid-data ta’ Diċembru 1972. Sibthom moħbijin ġol-inforra ta’ album tal-ġilda kannella mimli ritratti tal-ewwel safra li ħaduni magħhom ommi, Sylvia u Peter, Ruma. Kelli sena u fir-ritratti mhux ċar x’inhi eżattament ir-relazzjoni ta’ bejniethom. Kont naf li f’għajnejn ommi, ir-ritratti kienu l-arkivju personali tal-familja żgħira tagħna u jekk kienet titkellem biss ftit dwar il-passat, leħinha u ġrajjietha spiss kont insibhom fir-ritratti. Ommi kienet iġġorr kamera tar-ritratti kull fejn tmur, u jien qatt ma rmejt ritratt li ħadet hi jew li żammet. Illum inżomm ritratt tagħha waqt li qed tiġbed ritratt tal-mara li kienet tħobb, għax jien hekk niftakarha, tħares lejn id-dinja u l-maħbubin tagħha mil-lenti ta’ kamera tar-ritratti. Kienet toħodha kontrija sew meta kont nirrifjuta li toħodli ritratt f’xi avveniment li għaliha kien importanti. Nhewden spiss fuq x’se nagħmel bir-ritratti kollha li ħadet, li ħallietli ġo albums mimlijin stampi kkurdati f’sekwenza li biha riedet tgħidli storja. Fl-esej tiegħu “Between Memory and History: Les Lieux de Mémoire”, Pierre Nora jsostni li l-memorja moderna hija “arkivjali” għaliex “tiddependi kompletament fuq il-materjalità tat-traċċi, l-immedjatezza tar-reġistrazzjoni, u l-viżibbiltà tal-immaġni”. Nora jgħid li l-memorja hija dawk il-proċessi li bihom il-passat jista’ jiġi lura għandna, proċessi magħmula minn regoli u prattiki li jiggvernaw il-preżent, li jipprovdu l-qafas biex it-tifkira tista’ sseħħ. Jgħid ukoll li “nitkellmu tant fuq il-memorja għax fadal tant ftit minnha”. Ritratt jaf jibni dak il-proġett ta’ tifkir, imma jaf ukoll iħottu, ibandlu bejn l-inkonxju ottiku li ritratt jippreserva imma li l-għajn mhux dejjem tara, u l-konxju li jiffiltra dak li hu ppreservat. Dawk biss għandi jien, ritratti. Ritratti, u teoriji dwar ir-ritratti. Għandi ritratti li jimlew il-vojt ta’ stejjer li ntesew, li ħadd ma ried jiftakarhom, li kulħadd beża’ minnhom, li tħassru. Inħares lejn dawn ir-ritratti li huma l-arkivju li minnu nipprova nibni t-tieni żjara ta’ Otman, imma ninduna li għamilt ħajti noħloq affett wara ieħor mir-ritratti, li qed ngħix esperjenza li fil-verità qatt ma għaddejt minnha jien, li hija tiegħi mhux għax għextha f’mod immedjat imma għax ġibtha minn ritratt. Alison Lansberg issejjaħ dan il-proċess wieħed ta’ “memorja prostetika” fejn ir-ritratt iħallina nesperjenzaw memorji li mhumiex tagħna direttament imma li kapaċi ninternalizzawhom daqslikieku kienu. Bla ma naf, insibni naħseb fuq kemm kellha raġun Audre Lorde meta kitbet li l-ġenealoġija tal-identità tagħna hija magħmula mhux biss minn dak li kien preżenti f’ħajjitna imma anki minn dak li ma kienx. Għax jekk Otman qatt ma kien fiżikament f’ħajti, kien preżenti mir-ritratti tiegħu li kien hemm imxerrda mad-dar tan-nanniet, uħud għall-wiri, oħrajn moħbijin fil-kxaxen bejn srievet tad-dota li nannti kienet twarrab għan-neputijiet, u oħrajn ġo kaxxi maqfula fil-gwardarobba tagħha. U minn dawn ir-ritratti li spiss kont infittex waqt li kulħadd ikun rieqed — nipprova niftaħ il-kxaxen u l-gwardarobbi mingħajr ma jismagħni ħadd — inħolqot forma stramba ta’ affett lejh, forma li tista’ tissejjaħ postmemorja: missieri huwa ritratt, stampa li minnha tqanqluli ħafna emozzjonijiet, sura li magħha kelli rapport twil u kkumplikat, xbieha li magħha tkellimt u li lilha bżaqt u stkerraht. Iħares lura lejja mir-ritratt u jien nistħi minnu. Nipprova nkellmu imma narah ikrah, irqiq, qasir, xagħru mġiegħed. Imma ma stajtx ngħid li ma kellix missier għax Roland Barthes kellu raġun, ir-ritratt huwa dak-li-kien, id-dak-li-kien li ma stajtx niċħad imma stajt nistkerrah, li ma stajtx ingiddeb imma li stajt nitnejjek bih.

Għamilt ħajti nqalleb fir-ritratti biex forsi nsir naf iktar dwaru u dwarha, kull ritratt potenzjalità kbira, possibbiltà li l-istorja tibda titrembel u tinfetaħ quddiem għajnejja, infittex fir-realtà awmentata ta’ xbieha fotografika biex forsi ttini ħjiel ta’ min kienu dawn in-nies. Insib lil Otman bi qmis lelà, ingravata u libsa bl-istrixxi vertikali, pulit u llamtat, jippoża ma’ qanpiena lewn id-deheb imdendla ma’ siġra tal-Milied. Nagħraf li kien qiegħed id-dar ta’ Fuq il-Borġ tan-nanniet għaliex hemm purtieri ħomor taparsi tad-damask u t-tiżjin tas-siġra għaraftu minn tfuliti. Insibu b’idejh marbuta liebes libsa pulita sewda u qmis bajda, l-istess ilbies li kien kitbilha dwaru, li kien għadu kif xtara minn Tripli. Insibu jixrob maz-ziju Salvu għand il-Ġurat, liebes qmis roża miftuħa u ġlekk iċċangjat. Magħhom hemm Libjan ieħor li ismu ma nistax niftakar. Narah mgħannaq ma’ Sunny, it-tnejn jitbissmu wiċċhom għad-dawl. Irrid li r-ritratti jgħiduli min kien imma naf naf naf li r-ritratt huwa apparenza, li l-memorja ma tgħidilniex stejjer.

Però nibqa’ nfittex. Moħbija fl-album tan-nanniet kien hemm tliet ritratti oħra li kienu meħuda f’dan iż-żmien ukoll. Minnhom insir naf li fl-aħħar tas-sena marru s-Salini Bay Hotel, jieklu, jixorbu u jiġbdu r-ritratti tax-show li kien hemm il-Pharaoh’s Den, ta’ żeffiena nisa bojod u twal u rqaq jiddandnu b’kostumi mżejna bil-lewlu, l-antaċċoli u r-rix. F’Diċembru kienu marru wkoll il-Buskett Road House. Hemm ritratt wieħed tiegħu u tagħha flimkien: ommi liebsa din il-libsa sewda Marokkina bħal kaftan tal-bellus bil-ħjata kulur id-deheb mal-għonq. Kienet il-libsa li kien xtralha u li kien riedha tilbes biex titrawwem fil-kultura Libjana li kien kitbilha dwarha. Kienet il-libsa mdendla fil-gwardarobba tal-kamra ż-żgħira għand in-nanna. Fl-ittri kien diġà beda jinsinwa biex tiffemminizza ruħha, biex tilbes bħal tfajliet oħra, biex titgħallem tkun fil-kumpanija tan-nisa, biex tagħmel affarijiet li huma eleganti, biex titkellem b’vuċi baxxa u b’ton delikat. U forsi ommi kienet qed tipprova tikkonforma dan iż-żmien? Jew forsi kienet għadha qed tipprova tagħmel sens mill-identità u s-sesswalità tagħha? Naf li fir-ritratti tagħha meta kienet waħedha, ħdejn il-karozzi li kellha, ommi kienet diġà bdiet tibdel id-dehra tagħha f’waħda l-ewwel androġena u mbagħad aktar maskili. Imma forsi ma’ Otman kienet qed tesperimenta? Forsi kien opportunità? Leħħa ta’ kosmopolitaniżmu? Forsi kien xi ħadd li setgħet timraħ miegħu? Forsi riedet wild biex tkun tista’ tidħol fil-loġika ta’ riproduzzjoni normattiva għan-nies omosesswali, u allura wara t-twelid tiegħi setgħet tieħu n-nifs fil-liżbjaniżmu? L-omm liżbjana kienet tnebbaħni li ma nistax nibqa’ ninħeba wara l-omosesswalità tiegħi biex niġġustifika l-fatt li ma rridx tfal. Ħafna qabel wennisni d-diskors dwar il-falsità tal-kontinwità normattiva, għal snin twal ġarrejt toqol kbir u sens ta’ ħtija li kont jien li waqqaft il-linja ta’ niesi b’din id-deċiżjoni. Darba qaltli li kien madwar iż-żmien li ltaqgħet ma’ Otman għat-tieni darba li l-omosesswalità kienet għadha kif daħlet, jew forsi aħjar ħarġet, fid-diskors pubbliku, li hi stess bdiet tqis b’serjetà possibbiltajiet ġodda ta’ kif setgħet tifhem lilha nnifisha. Marisa, ħabiba t’ommi, tgħidli li l-liżbjani ġew imħassra darbtejn mill-istorja, l-ewwel bħala nisa u mbagħad bħala liżbjani. Iva, il-liżbjaniżmu ma kienx imsemmi fil-kodiċi legali Malti, u l-omosesswalità kienet tirreferi kważi dejjem u esklussivament għall-omosesswali rġiel, imma ma jfissirx li Malta stajna ngħixu f’relazzjoni liżbjana bil-miftuħ. U għal uħud minna ma kien hemm xejn kuntradittorju f’li konna liżbjani però ridna t-tfal. Ħafna riduhom għax il-mara kienet meqjusa falliment meta kienet tibqa’ xebba, u jekk raġel ma ttihx wiċċ, kien ixerridha li int liżbjana. Imma kien hemm min riedhom minkejja li kienu lesti jgħixu ħajja ma’ mara oħra.

Mort infittex ossessivament fit-teżijiet akkademiċi u fid-diskorsi parlamentari biex nara x’kien qed jintqal dwar l-omosesswalità dak iż-żmien li Malta kienet qed toqrob lejn il-Libja u Otman ġie kkargat biex idawwar lil ommi f’mara. Kien proprju f’dan iż-żmien li feġġet il-kontroversja bejn il-bżonn ta’ progress soċjali u t-tħassib dwar l-implikazzjonijiet morali u soċjali ta’ tibdil fil-liġi dwar l-adulterju u l-omosesswalità. Il-Ministru tal-Ġustizzja, Anton Buttigieg, kien ippreżenta l-ewwel abbozz ta’ liġi dwar id-dekriminalizzazzjoni tal-omosesswalità fil-Kodiċi Kriminali ta’ Malta fl-20 ta’ Novembru 1972 (kważi sena qabel id-deċiżjoni influwenti li ħadet l-Assoċjazzjoni Psikjatrika Amerikana li l-omosesswalità ma tibqax titqies marda mentali, u tneħħiet mid-“DSM, id-Diagnostic and Statistical Manual of Mental Disorders). L-abbozz kien jipproponi emenda għal Kapitlu 12 tal-Kodiċi Kriminali biex is-sess kunsenswali bejn irġiel adulti jiġi dekriminalizzat. B’hekk, l-omosesswalità titqies daqs l-eterosesswalità u l-Qorti tinvolvi ruħha biss jekk persuna tressaq ilment. Is-sess bejn l-irġiel biss kien reat u allura l-liġi kienet qed tiddiskrimina kontra l-omosesswali rġiel għaliex l-omosesswalità bejn in-nisa ma kinitx reat. Kien għalhekk li wħud mill-membri parlamentari vvutaw favur l-emenda.

Biex jintlaħaq dan il-għan, l-omosesswalità ġiet diskussa minn perspettivi mediċi u xjentifiċi. L-opinjonijiet tal-membri parlamentari f’dan ir-rigward ma kinux jaqblu. Anton Buttigieg fetaħ id-diskors b’appell lejn l-awtorità medika, għalkemm wera ċerta ambigwità: l-omosesswali huma nies morda, iżda din mhix raġuni biżżejjed biex jiġu mitfugħin il-ħabs. Dom Mintoff ħa pożizzjoni differenti u insista li l-omosesswali mhumiex morda, iżda mwielda hekk. It-tabib Vincent Moran esprima tħassib dwar in-natura tal-omosesswalità u qal li l-omosesswali ma kinux normali mija fil-mija u li l-problema kienet mentali aktar milli fiżika. George Hyzler, ukoll tabib, ma qabilx, u sostna li l-omosesswalità kienet żbilanċ ċellulari, filwaqt li l-ambjent tat-trobbija seta’ jkollu influwenza fuq jekk wieħed jikbirx omosesswali jew le. Buttigieg żied fuq din l-osservazzjoni: jekk l-ambjent joħloq l-omosesswalità, allura aħjar ma jitpoġġewx il-ħabs għax jaf jipperikolaw u jdawru rġiel oħra lejn l-omosesswalità. Hyzler qabel imma qal li jekk mhux il-ħabs, allura jitpoġġew fl-isptar psikjatriku; biss qal ukoll li ħafna nies jippreferu ma jmorrux l-isptar psikjatriku minħabba l-istigma soċjali.

Fl-istess ħin, kien hemm membri li riedu japprofondixxu l-fehim xjentifiku dwar il-persuni omosesswali. Tabib ieħor, Ċensu Tabone, talab għal iktar riċerka. Ugo Mifsud Bonnici qal li mhix kwistjoni ta’ riċerka imma ta’ interess pubbliku, jiġifieri jekk il-pubbliku għandux interess li l-omosesswalità ma tibqax reat. It-tnejn opponew it-tibdil billi sostnew li peress li ħadd ma kien qed jitressaq il-qorti fuq atti omosesswali, allura xi ħtieġa kien hemm li tinbidel il-liġi? Mintoff wieġeb li l-argument kien wieħed ta’ prinċipju u mhux ta’ prattiċità, għax jekk il-liġi tibqa’, xorta tibqa’ problematika u rilevanti. Guido de Marco u George Hyzler qajmu wkoll il-mistoqsija dwar x’inhu normali u għalkemm Hyzler ma kienx iqis l-omosesswali wisq differenti minn irġiel oħra qal li ħafna minnhom iġibu ruħhom b’mod effemminat, jużaw leħen ta’ mara, u jiżbgħu xagħarhom. Żied li din l-imġiba tintuża bħala mezz biex juru lil ħaddieħor li huma omosesswali u b’hekk ikunu jistgħu joffru servizzi relatati mal-prostituzzjoni. Joe Brincat irrimarka li l-omosesswalità kienet viżibbli f’kulturi differenti b’mod differenti u osserva li ħafna mill-każijiet f’Malta kienu jinvolvu baħrin Ingliżi, filwaqt li fost il-Maltin l-omosesswalità kienet moħbija. Mintoff żied li — bħall-inċest u s-suwiċidju li kienu meqjusa bħala sagrileġġ — l-omosesswalità qatt ma kienet iddikjarata u għalhekk ma kienx hemm statistika li tikkonferma l-prevalenza tagħha, iżda dan ma jfissirx li ma kinitx teżisti.

F’editorjal ta’ dak iż-żmien, In-Nazzjon Tagħna kitbet li n-nies mhix kuntenta b’din il-liġi perikoluża u ftit wara, fis-6 ta’ Jannar 1973, Leħen is-Sewwa rbombja l-istess sentiment billi ddeskriva l-omosesswali bħala nies morda u mhux kompletament normali. Fis-seduti parlamentari tax-xhur bejn Novembru 1972 u Jannar 1973, waqt id-dibattiti dwar it-tibdil f’din il-liġi, l-argument morali ngħata post ewlieni. Tabone semma l-ittra episkopali tal-Isqfijiet, li wissiet li din il-liġi kienet theddida għas-sisien tas-soċjetà, partikolarment għaż-żwieġ u l-familja. Madankollu, Mintoff insista li l-moralità għandha tiġi pprattikata skont it-twemmin tal-individwu, filwaqt li Brincat fakkar lill-Kamra li mhux kull att immorali huwa reat. Brincat staqsa jekk atti bħall-masturbazzjoni għandhomx ukoll jiġu kriminalizzati. Tabone sostna li l-familja Maltija hija n-nukleu tal-istat, u li hemm il-periklu li jkun hemm żieda fl-omosesswalità u t-tixrid tal-perverżjoni sesswali fil-pubbliku. Kien forsi għalhekk li l-membri parlamentari fuq in-naħa tal-Malta Labour Party insistew li dawn l-atti għandhom jibqgħu permessi biss fil-privat u mhux fil-beraħ. Albert Hyzler, membru parlamentari Laburist, semma l-każ ta’ persuna li kienet tgħix fil-biża’ ta’ rikatt biex jargumenta favur it-tibdil fil-liġi, għaliex din tista’ sservi ta’ protezzjoni għal persuni omosesswali speċjalment dawk li kienu qed jiġu mhedda. Mifsud Bonnici, iżda, esprima dubji dwar kemm din il-liġi setgħet tassew tnaqqas ir-rikatt, peress li sostna li l-persuni omosesswali xorta kienu se jibqgħu jgħixu fil-biża. Bħal De Marco, ried ukoll jipproteġi lill-ġuvintur ta’ bejn it-18 u l-21 sena; fil-fatt, it-tnejn urew tħassib dwar l-effett tal-omosesswalità fuq iż-żgħażagħ, partikolarment il-periklu li l-minuri jiġu influwenzati għax jibqa’ l-fatt, kien qal De Marco, li min mhux matur sesswalment jista’ jiġi ppervertit.

Fid-diskussjoni deher ukoll il-biżamill-konsegwenzi fil-ġejjieni. Dr Herman Farrugia tal-PN qal li l-gvern kien qajjem din il-kwistjoni bħala distrazzjoni waqt li kienu għaddejjin negozjati mal-Ingliżi dwar it-tmiem tal-preżenza militari tagħhom fil-pajjiż, biex Malta ma jkollhiex il-ħin tirrifletti sew fuq il-konsegwenzi. Staqsa jekk l-emenda kinitx approvata mill-Knisja, u Buttigieg wieġeb li l-Knisja qablet li l-omosesswalità hija marda u moralment illeċta. Farrugia wera biża’ li din il-liġi tiftaħ il-bieb għal leġiżlazzjonijiet oħra bħad-divorzju u l-abort.

Fid-29 ta’ Jannar 1973 sar it-tielet qari; 28 ivvutaw favur l-emenda u 26 kontra. Dakinhar ukoll, fil-Ministeru tal-Commonwealth u tal-Affarijiet Barranin, iltaqgħu s-Segretarju tal-Ministeru Maurice Abela u l-Ambaxxatur Libjan Busatta Thulthe biex jirratifikaw il-ftehim li kien sar bejn Malta u l-Libja fil-5 ta’ Ottubru tal-1972 meta Lorry Sant u Joseph Cassar kienu telgħu Tripli jiltaqgħu mal-Ministru tad-Djar Mahmoud Ahmad al-Mangoush u l-Ministru tax-Xogħol Abulati al-Obeidi. Skont Salah, dakinhar ukoll bosta Libjani mill-milieu queer li kien jiġri fih hu kienu bdew jippjanaw biex jeżiljaw lilhom infushom lejn Malta.

Fit-22 ta’ Jannar 1973, kitbilha li wasal lura l-Libja. Dak iż-żmien, fl-arkivju ta’ ritratti personali tagħha, feġġet il-mara li għexet magħha għal snin twal wara. Qed niktiblek mid-dar; hawn kulħadd maġenbi. Qed jagħmluli t-te kif nagħmluh aħna, mhux bħal tagħkom. Karima u Hussein qed jinbxu ’l  xulxin. Ma naħsibx li naf kif ngħidlek jew nispjegalek kemm qed nimmissjak u kemm inħobbok. Jiġu biss quddiem għajnejja l-aħħar mumenti li rajtek qabel tlaqt, meta rajtek ixxejjirli waqt li jien kont tiela’ t-taraġ għall-ajruplan. Issa ili jumejn ma nisimgħek tgħidli “haw’ qalbi” jew “sorry love”. Ilbieraħ mort inkellem lil dak li jikri d-djar hawn u għedtlu biex isibilna post, forsi nikru xi mkien għall-ewwel. Bilħaqq, nhar is-Sibt, it-titjira lura Tripli ħadet biss nofs siegħa. Malajr wasalna. Imma meta wasalt, missieri ma riedx ikellimni; kien maħruq għax riedni nkun hawn fil-Milied tagħna; qatel nagħġa u stenna li jien inkun hawn magħhom u mbagħad niġi lura. Ġibtlu skuża: għedtlu li kont qed nistenna l-flus jaslu Malta biex naqta’ l-biljett lura l-Libja. Naħseb emminni.

Fit-2 ta’ Frar 1973 Otman kitbilha li rċieva erba’ ittri mingħandha, waħda minnhom ittra li kienet bagħtitlu fis-6 ta’ Diċembru, qabel ġie Malta. Jaħseb li n-nies tal-kmand rivoluzzjonarju qed jaqraw l-ittri kollha issa, jaraw x’se jsibu fihom. Inħobbok ħafna iktar milli tista’ taħseb int, biss qed nibda ninkwieta li l-affari għadu ma ġiekx. Mur iġri għand dak it-tabib li qallek bih ħuk Salvu u kellmu kemm jista’ jkun malajr. Nibgħatlek kemm trid flus. Tibqax tistenna jew titlajja. Mur issa għand dak it-tabib, Jos. Hawnhekk għandna tip ta’ mediċina biex tneħħi, tip ta’ ħaxixa li titfagħha fl-ilma u tħalliha toqgħod għal ftit ġranet u wara tixrobha. Tneħħi mill-ewwel biha. Naf lil xi ħadd li jista’ jġibli ftit minnha imma qalli li ma jistax jiġi Tripli mid-deżert qabel tliet ġimgħat oħra. Imbagħad sakemm nibgħathielek Malta — se ddum biex tasal għandek. Aħjar tmur mill-ewwel għand it-tabib li jrid jieħdok għandu ħuk; mur malajr imma. Għidlu lil Salvu jieħdok u nirranġa miegħu jiena; nibqa’ nafhulu sa ma mmut.

  1. 1. Qalbi, mur neħħih issa. Aħjar issa milli iktar tard. Toqgħodx tistenna. Iktar tard jistgħu jinqalgħu l-kumplikazzjonijiet. Isma’ minni. Mur neħħih u niżżewġek mill-ewwel.
  2. 2. Irrid niżżewġek. Ara int meta, jekk hux f’Mejju jew f’Ġunju. Jekk f’Ġunju, noqogħdu ġimagħtejn Malta u wara mmorru xahar honeymoon Franza jew Spanja, agħżel int. Jekk trid li niżżewġu f’Mejju, mela niġu lura Tripli u wara mmorru honeymoon f’Ġunju. Jien ma rridx nersaq lejn l-Ewropa f’Mejju għax tkun għadha l-kesħa xi dwejjaq.
  3. 3. Mur iġbor il-karti u ċ-ċertifikati li għandek bżonn. Jien issa nagħmel l-istess u noħodhom biex jaqilbuhom għall-Ingliż minħabba l-gvern tagħkom u l-ambaxxata. Ara naqra wkoll kemm għandna bżonn flus biex nagħmlu tieġ sura ta’ nies u kemm biex nixtru żewġ ċrieket.

Sitt xhur oħra nkunu miżżewġin. Imma isma’ minni u mur neħħih issa għax se jispiċċaw jgħidu fuqna. Mhux għalija, Jos; jien ma jimpurtanix x’jgħidu fuqi, imma għalik u għalih; la jikber isibha bi tqila jisma’ dal-kliem fuqna. U mhux tajjeb għall-familji lanqas. Mur neħħih issa. Ara kemm irid dak it-tabib li jaf bih Salvu. Jekk tneħħih, tferraħni għall-kumplament ta’ ħajti.

Ħaġ’oħra: la niżżewġu ma nerġax niġi naħdem fid-deżert; nibqa’ Tripli ħdejk. Issa tara kemm ikollna ħajja sabiħa flimkien. Haninty inhobk havna havna rohy albey. Nixtieq qiegħed ħdejk, nisimgħek tkellimni bil-Malti. Ibgħatli aħbar tajba, qalbi. Għidli li mort għand it-tabib u li għamilt dak li għandek tagħmel. Se nibgħatlek ritratt tiegħi ġo qalb dalwaqt.

Fl-ittra tas-6 ta’ Frar 1973, miktuba fuq karta rqiqa ċelesti bil-linji rqaq suwed u fjuri ħomor fl-isfond, qalilha li kien għadu kif irċieva tliet ittri mingħandha u li r-ritratt tiegħu f’qalb għadu mhux lest. Il-ħin kollu naħseb fik u fuq dak li ġralek. Naf li t-tort tiegħi. ’Qas norqod ma nista’ issa u lanqas niekol m’għandi aptit. Ġismi nixef bl-inkwiet. Spiċċajt — qed inħossni bla saħħa. Nixtieq immut; jien hemm bżonn li mmut mhux int. Għidli qalbi, mort għand dak it-tabib li kellmek fuqu Salvu? X’qallek? Qalbi, qed niffitta lil ħabib tiegħi li kellu l-istess problema ma’ mara hawn u ġabli skoss boroż ta’ ħxejjex li n-nisa jużaw hawn biex ikorru: niġem, difla, ċikuta, u għobbejra. Waħda minnhom trid tbaħħar bejn saqajk biha; taħraqha fuq platt u toqgħod fuqha u d-duħħan li jitla’ meta taħraqha trewħu lejn bejn saqajk. Sieħbi ġabli wkoll frotta, qisha larinġa imma qarsa ħafna. Jekk tiekol minnha teħles dakinhar stess. Imma jgħidu li titlef ukoll ħafna demm. Qalli li se toħodha waħda li jafha u jgħidli x’jiġri eżattament; imma jien nippreferi li tmur għand it-tabib u mhux hekk, b’dawn l-affarijiet li ma naf xejn fuqhom. Jekk jogħġbok, isma’ minni u pprova mur neħħih Malta; jien se nara x’jista’ jsir hawn imma naħseb iktar għandek ċans tneħħih malajr hemm.

Kemm taħseb li għandna bżonn flus biex nagħmlu t-tieġ? Wara taf fejn sejrin? L-Ingilterra? Nagħmlu xahar hemm. Ftakar li nħobbok imma li nixtieq ħaġa waħda biss: neħħih issa.

Fit-8 ta’ Frar il-Gvern ta’ Malta u l-Gvern tar-Repubblika Għarbija tal-Libja ffirmaw trattat ġdid ġewwa Kastilja. It-trattat kellu l-għan li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn iż-żewġ pajjiżi, ibbażati fuq ugwaljanza, interess reċiproku u rabtiet oħra eżistenti. Lorry jispjegali sew l-għan tat-trattat: l-idea kienet li ċ-ċittadini u l-kumpaniji Maltin u Libjani jkunu jistgħu jinvestu faċilment f’xulxin, basta li l-gvern tal-pajjiż fejn qed isir l-investiment jaqbel u japprovah. Kienu żguraw ukoll li l-investimenti u l-profitti tagħhom ikunu protetti, jiġifieri ħadd ma seta’ jmiss jew jieħu l-flus tagħhom ħlief jekk dan ikun għall-ġid tal-pubbliku — u anki f’dak il-każ, kienu jingħataw kumpens ġust u f’ħin qasir. Żewġ affarijiet oħra importanti kienu li l-investituri jkollhom trattament ġust u ugwali, u ma jkunx hemm diskriminazzjoni jew ostakli oħra li setgħu jagħmlulhom ħsara. Jekk tqum xi problema jew tilwima dwar kif il-ftehim kellu jiġi applikat, kienu jaqblu li l-ewwel jippruvaw isolvuha bejniethom, u jekk ma jirnexxilhomx, jirreferuha lil xi tribunal indipendenti biex jagħmel ġustizzja. Il-ftehim kien se jidħol fis-seħħ ladarba ż-żewġ pajjiżi jgħarrfu lil xulxin li l-kundizzjonijiet legali tagħhom ġew sodisfati. Kellu jibqa’ validu għal għaxar snin, u jekk ħadd ma jitlob biex jieqaf, kien jerġa’ jiġġedded awtomatikament. F’każ li wieħed mill-pajjiżi jkun irid itemm il-ftehim, kien hemm bżonn javża sena qabel. Kien ftehim, żied Lorry, li għen biex jinħoloq ambjent fejn il-flus u l-investimenti setgħu jimxu ħielsa bejn Malta u l-Libja, b’ħarsien għall-investituri u b’regoli ċari biex jippromovu s-sħubija bejn iż-żewġ pajjiżi. Ħafna Libjani bdew ġejjin hawn u l-Maltin imorru hemm.

L-ittri ta’ Otman bdew ġejjin kważi kuljum. Fl-14 ta’ Frar 1973 qalilha li ma jafx għala qed tibqa’ tiddubitah. Taf li nħobbok u nwiegħdek li se niġi f’Marzu biex nitgħarrsu u niżżewġu fis-7 ta’ April. Iddeċidejt id-data jien. Kieku nista’, niġi issa stess imma ma nistax għax ma jtunix leave minn hawn. Għandi ġimgħa waħda biss, imma f’ġimgħa x’se nagħmel? Irrid ġurnata biex immur mid-deżert għal Tripli, jumejn biex ituni l-visa, ġurnata oħra l-bank, u f’jumejn żgur mhux se niżżewġu. Ipprova rraġuna naqra bħali u ħallik milli niġi malajr. Għinni naqra, Jos, u jekk ittini daqqa t’id inti, ngħinek ħajtek kollha. M’għandi l-ebda intenzjoni li niddiżappuntak, imma jekk qed taħseb hekk, jew jekk niesek qed jgħidulek hekk, allura aqbad kollox u ejja hawn — nibgħatlek il-flus u ejja hawn u niżżewġu Tripli. Imma anki jekk niżżewġu, se jkollok tneħħih lil dak li għandek ġo fik; jien ma rridx tifel li jkun bagħal ippastardjat. M’għandi l-ebda dubju li hu tiegħi, ifhem, imma aħna hekk ngħidulu lil min jitwieled qabel iż-żwieġ. Neħħih. Jekk trid, nipprova niġi u nieħdok Londra jew il-Kajr biex tneħħih. X’għamel dak it-tabib li qallek bih Salvu? Siefer? Għadu ma ġiex lura? Jew qed tigdeb? Qalbi, temminni jekk ngħidlek li qed ninkwieta iktar minnek jien? Qatt ma tiġini waħda tajba lili. ’Qas temmen jekk ngħidlek, imma aptit ta’ xejn m’għandi. M’għadni nħoss assolutament xejn. ’Qas iqumli mhu qiegħed. ’Qas nimmaġina biss. Il-ħaxi problemi biss ġabli f’ħajti lili. Ma rridx naħxi iktar. Imma issa għandna dil-problema. U min jaf missierek kieku jinduna. U jien problemi biss: problemi meta kont Malta, problemi fuq ix-xogħol, u issa int, ma tiflaħx, tqila. Ħa niġġennen. Spiċċajt nitkellem waħdi. Ġejt lura Tripli minn Malta mimli ferħ imma malli għedtli x’ġara, sirt qisni raġel ta’ sittin sena. Nhewden u ngedwed waħdi. Kont qed nippjana kollox, anki t-tfal. Imma mhux hekk. U għalija problema ikbar; għax int twelled u ssir omm imma jien nibqa’ b’xejn. X’se nieħu jien ħlief inkwiet? Tlift kollox. Tlift anki l-memorji ta’ kemm ħabbejna lil xulxin, ta’ kemm dħaqna u żfinna, ta’ kemm għamilna flimkien. Issa jien niġi niżżewġek kif wegħedtek, u daqshekk. U toqgħodx tagħti kas ta’ dak li jgħidu n-nies. Naf eżattament x’inhuma jgħidu fuqek. Naf. U naf min huma ż-żewġ nisa li qed jgħidu fuqek. Waħda minnhom hija ommok stess. Tagħtix kas ta’ li tgħidlek. Naf li tridek tibqa’ magħha, anki b’xi tifel jew tifla ma’ saqajk. L-aqwa li ma tiżżewwiġx, hekk trid ommok. Tħallix in-nisa jitnejku bik. Imma naf li int trid iżżommu; naf. Irrabjat biss miegħi nnifsi. Però nwiegħdek li niġi Malta u niżżewġek. Jiddispjaċini ta’ din l-ittra. Suppost qed niktbu affarijiet sbieħ lil xulxin. Jekk trid iżżommu, żommu. M’iniex irrabjat. Naf li tiegħi. Naf li se jkollu wiċċi.

Lanqas jien ma kelli dubju li Otman kien missieri. Id-dar tan-nanna, wiċċu kien iħares lejja minn quddiem il-mużajk-mera tal-vetrina li fiha n-nanna kienet iżżomm ix-xorb, it-tazzi tal-festini u r-ritratt taż-żwieġ tiegħu m’ommi. F’wiċċu kont nara wiċċi. Id-dar tan-nanniet, fejn trabbejt, wiċċi kien iħares lura lejja minn kullimkien: wiċċi fuq is-sottospecchio, mal-ħajt tal-intrata, fuq it-twaletta, fil-vetrina tat-tazzi tal-kristall, quddiem ix-xemgħa tal-Madonna, fuq il-komodina, il-gradenza, il-unit, it-tavolina u t-televixin. Kien hemm wiċċi tat-twelid, tiegħi tarbija, ta’ tifel żgħir, tal-preċett, tal-griżma, tiegħi pageboy fit-tieġ taz-zija, u tiegħi parrinu tat-tifel ta’ sieħbet ommi. Għand ommi, wiċċi kont narah fuq il-komodina tagħha: kien hemm ir-ritratt tal-ewwel passaport tiegħi u ritratt tiegħi ġuvni li kien ħadli Raol, Olandiż li kont iltqajt miegħu waqt il-ħufar il-Belt u li baqa’ jiġi Malta darbtejn fis-sena. Ommi kien għoġobha u poġġietu ġo frejm tal-ħġieġ. Darba kont skoprejt li warajh kienet poġġiet ritratt tiegħi liebes ta’ mara. Ridt l-art tiblagħni bil-mistħija, però ma ridt ngħidilha xejn. Ħallejtha taħseb li forsi ridt nibda nilbes ta’ mara, li se nibda nieħu l-ilbies bis-serjetà. Wiċċi kien iħares lejja minn kull kantuniera, bħallikieku kien hemm il-biża’ jew ir-riskju li Otman se jiġi joħodni u se tibqgħalhom biss il-memorja tiegħi fir-ritratti li ħadu, jew li jien se nipprova nnessihom min kont, li se nibda nilbes, u li huma riedu jfakkruni li kelli passat.

Ta’ tifel, kienet tibqa’ tirbombja ġo widnejja l-idjoma tal-wiċċ li kienu jużaw in-nies tal-klassi tan-nanniet. Ikexkixni l-immaġinarju Malti li jqis il-permeabbiltà tal-wiċċ u l-kulur, il-kontorni u l-linji tiegħu bħala portal għal interjorità tal-waħx: wiċċ ta’ liba, wiċċu u sormu xorta, wiċċ t’aħdar, wiċċ imċappas bil-ħara, wiċċu tost, wiċċ ta’ gidmejmun. Is-sinjorini li sirt naf meta ħriġt fix-xena kienu ħelwin u jien, minflok kont ninġibed lejhom, spiss kont inħoss inferjorità kbira. Għax wiċċi ma kienx biss wiċċ Otman, wiċċ ta’ Libjan, imma kien ukoll wiċċ ta’ tifel mill-milieu ħażin, tal-klassi baxxa, bis-snien ta’ quddiem imħassrin u mgerrmin u allura meta nitbissem kont ngħatti ħalqi b’idi tal-lemin. Biex norqod, billejl, meta jibdew itektku, kont immur niftaħ il-kabinett tax-xorb u mill-ewwel flixkun li jiġi f’idi kont nitfa’ ftit fuq balla tajjar u nigdem fuqha sakemm insikket it-twerżiq tal-ħanek. U drajt. Ta’ età żgħira kont innittef ħuġbejja għax xi ħadd kien qalli li għandi s-suf iswed wisq. Darba, żerżaqt ix-xafra min-nofs ta’ kull wieħed minn ħuġbejja lejn imnieħri u ħadt in-naħa l-ħoxna. Twerwirt li se tiġi ommi u taqbadni, u allura waħħalt stikka man-nofs. Meta ġibdithieli biex tara xi ġrali, ikkonfermat f’rasha li se nibda nilbes ta’ mara. Qaltli biex ma nerġax inwaħħal l-istikka u li jekk irrid nara kif inhuma n-nies bħali, mela għandi mmur narahom jippassiġġaw ix-xatt ta’ Tas-Sliema. Meta llum il-ġurnata nħares lura lejn ir-ritratti ta’ tfuliti, nara għajnejn miftuħin beraħ u kurjużi, daħkanin, ileqqu, imqarbin, xufftejn imlaħħma u kbar, simetriċi, ħaddejn ħamranin, ġilda dehbija — min jaf min kont inkun kieku fi tfuliti u żgħożiti rajt f’wiċċi dak li nara f’dawn ir-ritratti llum? Meta tlaqt minn Malta, wiċċi baqa’ suspettuż. Passaport? Għarbi? Id-dinja ġibditli l-attenzjoni lejn wiċċi, ġegħlitni nħares lejja nnifsi kif kienet tħares lejja hi. Immappjatli fuq wiċċi politika li għamluha tiegħi anki jekk qatt m’għextha, komplotti u intriċċi li qatt ma ħaddant u li qatt ma għaraft. Fil-bars ta’ Pariġi qaluli li għandi wiċċ ta’ nittien: fuq wiċċi ġiet ipproġettata saħna u maskulinità li jien qatt ma għaraft, u allura meta l-aġir tiegħi ma kienx jilħaq l-aspettattivi tal-erotiżmu orjentalist, l-irġiel li kont niltaqa’ magħhom kienu jdabbru ’l  hemm. Faris jgħidli li jaqla’ l-istess kummenti fuq Grindr illum: għandek wiċċek ta’ Għarbi sew, kemm ili biex immur ma’ wieħed minnkom. Meta ġej ħa ttaqqabni? Tajbin biex naħxu imma mhux biex nidħlu d-dar għand ommok. Tajbin biex nittrattawkom ta’ żibel, imma mhux tajbin biżżejjed biex noħorġu ma’ sħabkom. Il-konservattivi queer bojod ilhom għaddejjin bir-razziżmu fuq Grindr: no Blacks; no Asians, imma l-Għarab orrajt għax fuq ġisimna għandna mmappjati ż-żejt, il-flus, u l-kilba bla qies għat-toqba tas-sorm. Dawn is-sinjalazzjonijiet li kelli mmappjati fuq wiċċi issa qed infittixhom fuq wiċċ Otman u fil-kitbiet tiegħu. U x-xebh huwa ħaġa tat-twerwir sew: inebbaħni li se jkolli ngħix ħajti kollha nħares lejn persuna fil-mera li ma nafx, lejn wiċċ missieri. Il-preżenza tiegħu fuq wiċċi u l-wirt li ħallieli fil-fattizzi, ma nistax naħrab minnhom. Il-wiċċ, jikteb Chris Abani, mhux biss dak il-laħam li jiksi l-istrutturi tal-għadam imma huwa wkoll ir-rifless, dak li naraw jew li rridu naraw fil mera. Nara wiċċ magħġun minn żewġ razez, minn żewġ kulturi, minn ġirien li ma jafux lil xulxin. Wiċċ missieru, arah! U jien nhewden fejn ħallejt wiċċi. Forsi Otman telaq għax ħalla lilu hawn fija? Forsi għax ħadtlu wiċċu jien u baqa’ bla wiċċ? Forsi għax blajtlu dak kollu li kien qed ilesti għalih innifsu? Forsi ħadtlu wiċċu biex meta jiġi jikolni jara r-rifless tiegħu, iħenn għalija u jħallini bi kwieti? Forsi għalhekk qatt ma fittixtu, għax dejjem rajtu hemm quddiemi, jikber miegħi, ikellimni lura, u nara n-nies ikellmuh? Forsi l-omosesswalità kienet l-unika ħarba mid-destin ta’ wiċċu fuqi, soluzzjoni biex ma nkunx kompletament hu? Li naf hu li qatt ma ħassejt affinità fiżika ma’ nies ommi; qatt ma qsamt magħhom xebh jew lewn tal-ġilda. Meta kont nisma’ x-xafra tobrox ma’ wiċċ in-nannu waqt li jqaxxar il-leħja fil-mera żgħira li kellu, ibillha ġo fliskatur żgħir isfar mimli misħun u sapun, kont immexxi għajnejja mat-tidwir tax-xafra biex nara nilmaħx xi struttura jew għadma li tixbah lil tiegħi, imqar angolu wieħed. Nifli għajnejh, snienu, ħuġbejh u ma nsibni mkien. Qatt ma rajt ir-rifless tiegħi f’wiċċu, u tant xtaqt.

Jien, wiċċi dejjem kien idejjaqni. Wiċċi kien jiġbed wisq attenzjoni. Malta ma kontx nidher Malti, avolja wħud minn sħabi kienu iktar somor minni: int Libjan? Eġizzjan? Tuneżin? Kont meqjus iswed u allura, ikrah. Is-subien bojod kienu sbieħ: in-nanna kienet issejħilhom ġinġrin jew wiċċ ta’ bambin u t-tfajliet kienu dejjem jiġru warajhom u jibagħtulhom l-ittri sigrieti kollha fwieħa u żlaċċu. Tgħallimt malajr li tfal bħali kienu koroh, li ħadd ma kien jiġri warajhom, li kellhom jikkumpensaw ħafna iktar biex jitqiesu. Imkien ma rnexxieli ngħaddi ta’ abjad, lanqas il-Libja. Il-bjuda qatt mhi kwistjoni biss ta’ lbies jew manjieri, ta’ apparenza jew aċċent. Il-bjuda hija affett. Iktar ma tipprova tippoża b’ċertu mod jew titkellem b’reġistru pulit u edukat, iktar tiġbed l-attenzjoni lejn kemm taf timita, kemm kważi jirnexxilek tqarraq b’min qed jisimgħek, u kemm għandek widna mimetika tajba. Imma ’l-bojod proprja qatt ma tixtrihom kompletament. Lil ftit minn sħabi Maltin li kienu mrobbija jitkellmu bl-Ingliż, din ħasdithom sew meta tfarfru u emigraw lejn Londra. Spiss, f’din il-belt li huma kienu jaħsbu li hi l-kapitali tagħhom, kienu jiġu mistoqsija mnejn huma, għax l-aċċent partikolari, qisu Taljan. Din qatt ma kienet ferita fis-suġġettività ta’ dawk li kienu mrobbija jitkellmu bil-Malti, imma fost dawk li trabbew Malta bħala barranin, jiġifieri dawk li jitkellmu dwar Il-Maltin bħallikieku huma stess barranin u qegħdin hawn għax it-temp tajjeb, din kienet għafsa ta’ qalb u tnawwira nobis fis-suġġettività. Ħafna minnu huwa tort tal-klassi soċjali u d-diskors tal-privileġġ. Fi ċrieki kulturali Pariġi u Londra, però, ma tantx kien hemm aptit li n-nies jisimgħu fuq kemm hi kerha Malta minn aspiranti borgiżi li trabbew jitkellmu bl-Ingliż tal-puliti. It-tfittxija kienet għal narrattivi postkolonjali mhux għal stejjer kutrumbajsi ta’ meta n-nanna kienet mistiedna għand xi familja tas-soċjetà pulita. Tant iktar beda jinstema’ mqanżaħ, qarrieqi u poxt id-diskors tal-borgeżija dwar kif għandna niddikolonizzaw waqt li jkellmu lil xulxin u lil familthom b’Ingliż mimetiku tal-kolonizzatur. Niftakar uħud minn sħabi jitkellmu dwar dan bil-miftuħ, dwar il-ħasda li nħasdu meta f’daqqa waħda l-ħarsa imperjalista waqgħet fuqhom, meta ġew imħallta ma’ dawk il-Maltin li kienu għamlu għomorohom jistkerrhu u jitnejku bihom. Ftit minnhom għamlu snin sħaħ jissieltu kontra familthom li kienet ċaħdithom mill-esperjenza diretta tal-Malti u tellgħathom bit-twemmin li huma differenti. Bħala lagħaqa tal-Ingliżi, ma kellhom l-ebda ħjiel tar-rabja li Maltin oħra kienu mrobbijin fiha lejn il-bjuda politika u kulturali. Imma fost dawk li kienu mdorrijin jisimgħu mingħand il-ġenituri u n-nanniet dwar il-pussess li kellhom l-Ingliżi fuq l-art Maltija u r-riżorsi tagħha — fuq kemm kienu mwarrbin minn postijiet ġo arthom stess, fuq kemm żoni kienu pprojbiti għal min kien Malti, fuq kemm meta telqu l-Ingliżi l-eġemonija kulturali waqgħet f’idejn dawk li mimetikament ippruvaw joħdulhom posthom anki fid-diskors — fosthom kienet trawmet loġika antimperjalista li daħħlithom fiċ-ċentralità tad-diskors modern, irrelevanti kemm kienu jafu jitkellmu bl-Ingliż u kemm kellhom aċċent tajjeb.

L-affett tagħna jibqa’ dejjem barra, qatt mhu tajjeb biżżejjed. Tagħna dejjem jgħajjat naqra iktar, iħammeġ naqra iktar, jinkwieta naqra iktar. Aħna emottivi, mhux razzjonali. Aħna barokki, mhux minimalisti. Aħna nervużi u ħħesiljati, mhux trankwilli u bierda. Imbaqbqin mhux glaċjali. L-abjad kalm u kompost; aħna eċċessivi u aggressivi. Biss l-affett mhux bilfors jibqa’ dejjem irriżolt. Fl-esej tiegħu “Feeling Brown”, José Esteban Muñoz jelabora t-teorija tal-affett biex jindika strateġiji u għodod ta’ ħsieb li bihom dawk l-iltiema tal-affett normattiv jistgħu jaħarbu min-nassa tal-eġemonija tal-affett li dejjem iddur mal-bjuda. Hawnhekk, Muñoz jaqleb ta’ taħt fuq il-metodu analitiku dwar l-etniċità: l-etniċità mhix kategorija analitika fissa, jiġifieri mhix dak li aħna, imma hija waħda performattiva, jiġifieri l-etniċità hija dak li nagħmlu. U jekk nitfgħu taħt il-lenti analitika l-etniċità tan-nies bojod, u nħarsu lejha mill-perspettiva tal-affett, insibu li l-affett tal-bjuda mhu xejn ħlief “nuqqas”, dak li Muñoz isejjaħ “assenza ta’ affett”. Il-bjuda, allura, mhix biss differenza kulturali imma hija wkoll differenza affettiva, differenza ta’ dawk l-emozzjonijiet li jgħinuna ninnavigaw ħajjitna. Jekk aħna l-eċċess, il-bojod huma n-nuqqas, il-baħħ. U l-eċċess mhux essenzjaliżmu li waqa’ mis-sema; l-eċċess huwa kobba ta’ reazzjonijiet affettivi għall-ostakli kollha li jitpoġġew quddiemna bħala minoritajiet, ostakli li min jitrawwem fil-privileġġ qatt ma jkollu jseffaq wiċċu magħhom.

Il-Ħadd, 18 ta’ Frar 1973. Jiktbilha bl-għaġla għax bagħtitlu żewġ ittri fil-posta express u waħda fil-posta normali. Tinstema’ veru mbaqbqa. Nifhem għax jien ukoll qiegħed veru ħażin hawn waħdi. M’għandi ’l  ħadd ma’ min nitkellem. Imma mhux sew li t-tnejn li aħna mbaqbqin. Ħalli lili nitbaqbaq. Int ipprova kkalma naqra, u ieqaf ibla’ l-pirmli li qed tibla’. Issa naraw kif se nagħmlu. Normali li tkun imdardra u ma tiflaħx. L-ewwel xahrejn hekk. Issa jgħaddilek. U ħadd mhu se jinnota li int tqila għalissa. Għadu ż-żmien. Niżżewġu u naraw fejn se mmorru biex tneħħih wara ż-żwieġ. Ma nistgħux noqogħdu sejrin hekk għax se nitilfu kollox bejnietna. Ninkwieta wisq li titlef dak li tħoss għalija. Il-ħin kollu nhewden jekk għadekx tisħon meta taħseb fija. Jekk mhux tixtieqni bħalissa, toqgħodx tinkwieta. Jgħaddilek. Jien ukoll — mhux qed jiġini l-aptit u mhux qed iqumli. Forsi mmur għand it-tabib għax ma nafx x’inhu jiġrili. Qed nirranġa l-karti biex inkun nista’ mmur l-ambaxxata. Jgħidilha li nefaq 800 lira fix-xejn f’Diċembru imma li rnexxielu jwarrab xi ħaġa u qed jibagħtilha ċekk b’xi ħaġa tal-flus. Isma’, tinkwieta xejn. Issa nneħħuh dak li għandek. Mhux se ngħid ’l  ommi li int tqila għax inġenninha. U jekk ma jitwelidx hawn, ’qas ħadd ma jemmen li hu tiegħi; jaħsbu li hu ta’ ħaddieħor. Il-karti kważi lesti; qed jaqilbuhom għall-Ingliż.

Iddeċidejt li ma mmiss xejn mill-kliem li kiteb fl-ittri ta’ Marzu. Se nħalli lilu jitkellem għax irrid nisimgħu miegħek, irrid li nisimgħu leħnu flimkien, irrid li bħali xxomm l-adrenalina li qed tqattar mill-forma tawwalija tal-ittri, mis-sentenzi li jiżżerżqu ’l  isfel lejn il-lemin waqt li qed jipprova jikteb fuq karta bla linji, irrid li tgħinni naqrah mingħajr ma niġġudikah, naqrah bi ftit distanza, nagħdru. Irridek tgħidli li hu mbeżża’, imwerwer. Irridek tgħidli li forsi jien ukoll kont nagħmel hekk, kont nitqanżaħ u nisforza l-istess kliem minn ġo fija, kont inżerżaq u nxengel l-ittri tiegħi sakemm inċappashom żlieġa fuq l-abjad tal-karta jwerżaq f’wiċċi.

5 ta’ Marzu 1973. Irċevejt sitt ittri mingħandek: li bgħattli fil-21, it-22 u t-23 ta’ Frar u tliet ittri oħra minn Jannar li weħlu fil-posta. Min jaf għala. M’għedtlix jekk irċevejtx iċ-ċekk imma jien żammejt kopja tiegħu: in-numru huwa 059364 u n-numru tal-ittra rreġistrata huwa 2879. Ibgħat għidli malli jaslulek. Jien naħseb nasal fl-4 ta’ April. Niżżewġu fis-6, jew fis-7, jew anki fit-8 tax-xahar jekk trid. M’għandix idea x’tagħmlu intom imma naħseb li jien, missierek u ħuk se jkollna bżonn l-ilbies u int libsa bajda. Ara x’hemm bżonn u għidli. U niżżewġu fil-knisja ta’ Ħal Lija, dik iż-żgħira li wrejtni, hux? Jien xejn mhu problema għalija ħlief dak li għandek ġo fik. Dwejjaq kbar għandi għax din it-tarbija ħassritli kollox; issa la titwieled jiġu t-tobba tal-qorti hawn biex jaraw jekk hux tiegħi jew le. Il-liġi hekk tgħid hawn; u jekk mhux tiegħi, ma nafx x’jiġri. Għadni m’għamilt xejn fuq id-dar; m’għandix moħħ. Se niżżewġek għax int trid hekk, u mhux għat-tarbija. Stajt forsi nħobbu imma ġabilna problemi kbar bejnietna. Dak li hemm ġo fik se nobogħdu għall-kumplament ta’ ħajti. U mhux jien biss, kulħadd se jobogħdu għax bagħal. U jien nista’ nagħmlilhom hekk lill-familja tiegħi? Familti nies rispettabbli sew; missieri joqtol ruħu b’idejh kieku. Min tridu jħobbu lil dan il-bagħal ta’ ġo fik?

U naħseb li nduna b’xi ħaġa diġà għax qed jarani mitluf fil-ħsieb. Il-ħin kollu jistaqsini x’għandi. Jekk tarani ’qas tagħrafni. Bla saħħa. L-inkwiet qed jgħawwarni. Xi ħadd minna huwa persuna ħażina, Jos, ma nafx jekk hux jien jew int. Kieku ma ġejtx lura wara l-1969, kieku ma rġajtx ktibtlek, kieku ma konniex nidħlu f’dan l-inkwiet kollu. U mur ara, wara kollox l-ittri tiegħek bla sugu, qatt ma tiktibli xejn. Qatt ma tgħidli xejn ħlief Otman ejja, ejja malajr, iddumx ma tiġi. Iddumx. Iddumx. Nobgħodha din il-kelma, iddumx. Xi kultant jidħolli suspett ġo moħħi, li int ħalliela, li m’intix mara onesta. Tibqax sejra biha, tibqax tgħidli “iddumx, iddumx”. Ġej, ġej, ġej… ġej. L-ajruplan irid iġibni minn Tripli għal Malta. Ġej, jew fl-1 ta’ April, jew fit-2 jew fit-3. Jien m’iniex lest, għadni ma lestejt xejn hawn. M’għandniex fejn noqogħdu jew fejn immorru. U ara kif iġġib ruħek meta nasal għax ġej Ħadi miegħi u Ħadi t-tifel t’oħt ommi. Tkellem bħan-nies, toqgħodx tpejjep u tixrob qisek raġel. Jew insomma agħmel int, għax jien se niżżewġek għax trid hekk int. Jien ma jimpurtanix. Qed inħossni ħa niġġennen; kollox jiġini ħażin. ’Qas ġismi ma jrid iqumli issa. Qiegħed id-dar, m’għadni nħoss xejn.

8 ta’ Marzu 1973. Illum, it-tifel t’oħt ommi, Ħadi Matug, mar il-bank biex jibgħat xi flus lil ħuk imma l-bank qalulu li ma jistax. Jiġifieri, jekk għandek għaxar liri, jew ħmistax-il lira, tihom lil Salvu u mbagħad intihomlok jien la niġi (għax kitibli biex nibgħatlu xi flus). Issa la nasal Tripli nibgħatlu xi flus imma mid-deżert ma nistax għax m’għandniex permess nibagħtu flus barra mill-pajjiż. Imma Tripli għandi xi ftit kuntatti u xi ħaġa nirranġa żgur għidlu. Jiddispjaċini li ma laħqitx waslet l-ittra tiegħu qabel ġejt naħdem.

Qalbi, nispera li tinsab tajba u mhux bħali — jien miżerja. Indannat. Dwejjaq kbar ġol-istonku tiegħi għandi. Kieku ma ġejtx Malta f’Diċembru, kieku… aħjar ħadni Alla f’Diċembru milli ġejt Malta. Taħseb li nistgħu nsibu l-hena f’xulxin issa, wara dan il-kliem ikrah li qed ngħidlek? Taħseb li tista’ tħobbni tismagħni nitkellem hekk? Kelli ħolma sabiħa li għebet għal dejjem. Forsi int it-tort ta’ kollox, int li kont tgħidli biex nibqa’ għaddej. Ittrattajtni ħażin lili b’dan il-kliem. Alla tiegħi kemm nobgħodha lil din it-tarbija ta’ ġo fik, kemm nobgħodha. ’Qas naħseb fuqha biss ma rrid. Nobgħod kollox u lil kulħadd. Il-ħolm ta’ ħajti tnawwar kollu. Ma rridx inkun miżżewweġ, ma rridx nibqa’ f’din il-ħajja. Xejn ma jserraħni jew iferraħni jew ifarraġni. Il-ħin kollu nistaqsi lili nnifsi, imma għala dejjem tgħidli biex nibqa’ għaddej, biex inġibha ġewwa, għax tieħu gost li nġibuha flimkien. Għala? Biex niżżewġek? Għala? Dak li għamiltli mhux sewwa, ma nagħmlux mod li ta’ xi ħadd ieħor, hux, u qed tgħidli li hu tiegħi għax taf li mhux se nħallik waħdek, li xorta se niżżewġek? Missieri joqtol ruħu b’idejh u ommi tiġġennen jekk ngħidilhom. Ħuti mhux se jkellmuni iktar. Se nġib diżunur fuq niesi. Il-Gvern Libjan ukoll se joħodha kontrija. X’se nagħmlu? Neħħih minn hemm. It-tort tiegħi imma, it-tort kollu tiegħi. Imissni noqtol lili nnifsi issa. U kollox qed idejjaqni issa, anki kliemek. Iddejjaqni ħafna titkellem baxx; iddejjaqni meta tgħid “sormi” jew “żobbi”. Mara-raġel titkellem hekk. U ieqaf pejjep. Tidher kerha tpejjep. Qisek raġel. Jekk ma tiqafx, nieħu l-affarijiet f’idi jien. Malta m’iniex ġej waħdi; ġej Ħadi miegħi. Ipprova ġib ruħek sew quddiemu għax kollox imur jgħid fuqek Tripli. Jien se nipprova mmur sal-Kajr ħa nara nsibx xi mkien fejn nistgħu mmorru wara li niżżewġu biex tneħħi dak li hemm ġo fik.

Salvu kitibli biex nibgħatlu xi flus, għaxar liri. L-affarijiet naqra kkumplikati hawn biex nibagħtu l-flus u jien diġà bgħattlu xi £23. Issa Ħadi jipprova jirranġalu. Lilek bgħattlek ċekk ta’ £122 Maltin. It-tieġ f’idejk imma ara li jkun hemm party tajjeb. Inħobbok.

9 ta’ Marzu 1973. Qed inħossni ftit aħjar illum, forsi Alla jieqaf miegħi u kollox imur kif nixtieq. Fl-invit ikteb hekk ara: ismi, isem missieri, isem missier missieri u l-kunjom. Jien jisimni Otman Salem Otman N’Shea. Issa jekk trid tikteb kollox la Ingliża, Mr and Mrs Otman N’Shea, ara int. Naqbel li nikru karozzi u sala u li jkollna naqra ta’ festin tajjeb. Wara kollox, darba biss se niżżewġu. Waqaft tpejjep, imma? U jekk jogħġbok ieqaf eqred biex niġi malajr; qisek ma tafdanix. Ġej, naħseb fl-1 ta’ April jew ġurnata qabel. Imma ħa ngħidlek din biss: għid lil ommok ma toqgħodx tistaqsini biex naqleb it-twemmin tiegħi, biex ma toqgħodx tizzika minn taħt u minn fuq biex insir Nisrani jien ukoll. U mur irranġa dik is-sinna nieqsa li għandek qabel it-tieġ. Issa nipprova nasal ftit qabel u mmorru flimkien inlestuhom dawn l-affarijiet. Sellili għal missierek. Ma nista’ nġib xejn miegħi ħlief dak li wegħedt lil zitek u lil Victor. Forsi nsib xi basket għal ommok. Inbusek u ngħannqek miegħi. Jien m’għandi l-ebda problema bik; il-problema tiegħi huwa dak li hemm ġo fik.

11 ta’ Marzu 1973. Irċevejt seba’ ittri mingħandek, l-aħħar waħda tal-5 ta’ Frar. Tgħidli li l-problema hija tiegħek biss, imma jien ninkwieta iktar minnek. Forsi tant ridt li jkollok tarbija li x-xewqa tiegħek stess ġabitna fejn qegħdin. Taħsibx li se nitilqek waħdek, kif qed jgħidulek. Taħsibx li t-tarbija mhux se jkollha missier, kif qed jgħidulek. Imma dan ma kienx il-pjan tagħna. Il-pjan kien li ngawdu ftit flimkien, insiefru, induru d-dinja, ingawdu ġisem xulxin. Nifirħu. Għadna żgħar wisq biex ikollna t-tfal. It-tfal trid taħseb għalihom, mhux iġġibhom hekk, bi żball. Forsi ħallejtni nġibha fik biex ikolli niżżewġek bilfors? Le le, xejn ma jien kuntent, la għalija u lanqas għal familti. Mhux sew fuqhom. X’sena tal-biża’ ġiet fuqi: kieku ma ġejtx Malta f’Diċembru, ma konniex nispiċċaw fejn qegħdin issa. Naħseb Alla jobgħodni sew: meta ġejt lura, ix-xita kissret it-triq kollha u parti mid-dar. Issa hemm int marida b’dik it-tarbija ġo fik, ommok ma nafx xi nqalgħalha, u jien m’għandix biżżejjed flus biex niżżewġu, nixtru d-dar u l-għamara u mmorru honeymoon f’salt. Kissirna l-ħolma li kellna. Insa ara, għax jien issa se jkolli nġorr dan it-toqol kollu fuq spallti mhux int. Tgħidli li trid tiżżewweġ qabel, biex it-tarbija jkollha missier. Niżżewġu qabel. Issa niġi fl-aħħar ta’ Marzu jew fl-1 ta’ April u niżżewġu, mhix problema. U jekk ommok tħallik, oqgħod magħha bit-tarbija. Naħseb mhix se tkeċċik ’il  barra żgur, għax hekk trid dik, li int toqgħod magħha. Ma tridekx titlaqha. Agħmel int. Jien tista’ tagħmel li trid. Niżżewġu, oqgħod hemm, u tista’ tgħammidha t-tarbija jekk trid. Tista’ anki toħodha l-knisja. Mhix biċċa tiegħi. Biss niġi niżżewġek żġur. Issa jekk trid teħles minnha dik it-tarbija, għad baqagħlek ftit ċans. Staqsejt sew hawn, imma l-Libja l-ebda tabib ma jagħmel dawn l-affarijiet. Malta għandek iċ-ċans u ma tridx. Mela jekk trid immorru l-Kajr. U xi ħadd hawn qalli li tista’ tneħħi bin-nagħniegħ, jew x’jisimha dik ix-xitla li tfuħ. Jekk tagħmel te qawwi tan-nagħniegħ u tixorbu filgħodu għal tlett ijiem, forsi tneħħi.

Trid tkun b’saħħtek meta jkollok problema, mhux dgħajfa. Din hi l-liġi li tiggverna l-ħajja nnifisha. Għid lil ommok li se tibqa’ ftit magħha wara li niżżewġu. Imma isma’, fil-fatt lanqas biss naf x’naqbad ngħidlek. Naf li nobgħod lil kulħadd, kemm fil-Libja kif ukoll f’Malta. Kulħadd jindaħal. Lilek, lil missierek u lil Salvu biss inħobb. Imma għidli x’se tagħmel. Ma tistax tibqa’ tistenna. Mur u neħħih. Jekk trid, nibgħatlek 500 lira sterlina u mur l-Italja ma’ ħuk u neħħih hemm jekk Malta daqshekk problema għax kulħadd iparla. U jekk trid titlaq mingħand ommok, għidli wkoll u nikrilek flett Malta jien stess. Li għandek bżonn nagħmlu. Imma nobgħodha sew lil din it-tarbija li hemm ġo fik. Nobgħodha. Qatt ma nista’ nsir inħobbha sa ma mmut. Imma ħa ngħidlek xi ħaġa issa: mur għand it-tabib li għedtlek bih jien Malta, mur u għidlu li lesta ttih tnejn jew tliet mitt lira u neħħih. Ineħħihulek żgur. U jekk qed tibża’ tmur għandu, mur l-Ingilterra jew l-Italja fejn trid. Anki l-aħħar tad-dinja nħallaslek biex tmur sakemm tmur u teħles minnha din it-tarbija. Inħobbok, emminni, imma qed inħossni se niġġennen.

Kont diġà qrajt xi siltiet minn dawn l-ittri qabel ma rġajt sibthom, u l-ewwel darba li kont rajthom għand ommi l-kliem ta’ Otman kien ħasadni, għawwarni, qallibni. Niftakar li għalaqthom niġri għax ma ridtx nara x’qal iżjed, u ma ridtx inkun naf jekk ommi wkoll kinitx qed tippjana li tneħħi. Mhux għax kelli xi terrur mill-fatt li forsi din it-tfajla ta’ għoxrin sena — minn Malta, minn ġo raħal żgħir, miġbuda iktar lejn in-nisa milli lejn l-irġiel, tqila qabel iż-żwieġ minn raġel Libjan li bilkemm kienet tafu ħlief minn sensiela ta’ ittri li kien jiktbilha meta jisħon waħdu fil-kamra ta’ kumpanija taż-żejt — setgħet forsi timmaġina jew tippjana li teħles minn tqala kkumplikata u tkompli b’ħajjitha. Mhux għalhekk. Imma għax ma ridtx li ommi tkun taf li qrajthom. Ma ridtx li l-qari ta’ dawn l-ittri jġib lil ommi fis-sitwazzjoni fejn ikollha tispjegali xi ħaġa, jew fejn tħoss li trid tgħidli li veru tħobbni u li mnalla ma neħħitnix. Ma ridtx nimmaġina lil ommi thewden u tinkwieta li jien issa sirt naf u allura tibda tistaqsi lilha nnifisha kinitx deċiżjoni tajba li wellditni. Ma ridtx nibda nwaħħal f’dan kull darba li jinqalagħli xi intopp. Is-soluzzjoni psikika tiegħi, li nnutajt ġranet wara fil-mod ta’ kif irrakkuntajt is-sejba lil sħabi, kienet li waqt li bdejt naqra l-ittri ta’ Otman, ħassejt li jien kont diġà preżenti fihom, li jien kont bħal trab kosmiku jivvjaġġa fil-baħħ tal-univers u li tar ’l  hawn għax kien jaf li din se żżommu, se ġġissmu, se tferrgħu fl-għajxien. Lil ommi neħħejtilha jew ħadtilha kull aġenzija li kellha fid-deċiżjoni jekk iżżommx jew le, u tfajtha kollha fuqi mhux biex nitkabbar iżda biex neħlisha mill-jasar tal-għażla u biex neħles lili nnifsi mid-dubju.

Konna tkellimna dwar id-deċiżjonijiet iebsa li kellha tagħmel bħala persuna queer dikjarata biex trabbini bħala omm-missier u meta kont nipprova nagħmel rendikont tat-toqol li ġibtilha f’ħajjitha, kont bdejt nemmen li kien imiss lili nagħmel il-pass li nsir missier-omm. Però, irreżistejtha politikament. Min-naħa tiegħi, dejjem ħsibt li l-kunjom kien wisq fittizju biex inkomplih jien — li kien se jinħall malajr malli jinbeżqu fuqu erba’ taqtiriet tax-xita. Kont nistaqsi jekk l-omosesswalità tiegħi kinitx saħta ta’ Otman, inkanteżmu tiegħu jew invokazzjoni lil bedudu, il-qerda ta’ dak li żammet ommi biex tisfidah, iż-żarmar tas-saħna li ġabitu Malta f’Diċembru tal-1972, il-qatgħa li ħasditu u nebbħitu li żobbu rikbu, li dawru għal sormu u nħexa bih stess. Dan ħsibtu kemm-il darba, imma għasarli msarni ħafna iktar meta sibt ruħi ma’ Maria ġewwa Catania fl-aħħar tat-tmeninijiet.

Maria kienet it-tfajla li kont nintefa’ magħha dak iż-żmien; ikbar minni, taf il-qoħob tal-Belt, ta’ Tas-Sliema u Paceville, taf lil kulħadd, u tgħix waħedha. Kienet tħawwad: ġeneralment tħobb in-nisa imma taħxi mal-irġiel. Bħali. Fuq hekk konna naqblu imma kellna tipi differenti. Kienet tħuf irġiel puliti, jitkellmu bl-Ingliż, mingħajr interess f’relazzjoni. Kienet tgħidli, aħjar jekk ikunu single, għax il-miżżewġin ma teħles minnhom b’xejn. Kien ħabbilha wieħed iżgħar minnha sew, u ma kellha l-ebda ħajra twelled jew trabbi. Għal Maria, it-twelid kien biżżejjed biex jagħmilha omm, tabbandunahx jew le. U omm qatt ma riedet tkun. Kienet kundizzjoni umana li qatt ma riedet tmiss magħha jew li tħalliha tiddefinixxiha. Lanqas riedet li ġisimha qatt jagħti forma għal xi ħajja esterna minnha stess, xi prostetika mġissma minn laħamha u ilmijietha. Id-dmija tal-affari, l-ovulazzjoni, l-uġigħ li kien jaqsamha meta tkun qiegħda bih, il-gost li kienet tagħtiha nejka tajba, l-orgażmi multipli rreplikati u mmultiplikati meta ssib mara li taf tilagħbilha bih sew, tgħaxxixha meta tħoss is-swaba’ u l-ilsien jilagħbu fuq barra — dan kollu għal Maria ma kellu l-ebda konnessjoni mal-maternità. Għoxxha kien ibandalha minn infern li jġegħelha tokrob u tolfoq għal estasi li ġġegħelha tingħi u twerżaq — ma setgħetx timmaġinah maxtura.

Qaltli biex immur magħha Catania. Fuq it-Tirrenia, matul il-vjaġġ ta’ billejl lejn Sqallija, f’maltemp tat-twerwir li beda jbandal il-vapur u jaqlibna ta’ taħt fuq, għedtilha li kont sibt xi ittri ta’ missieri, li kien qal lil ommi biex tneħħi meta nqabdet tqila, li kien irsista sew biex ommi tmur għand tabib li kien iħenn għan-nisa. (Dak iż-żmien, il-ħniena kienet spiss tiddeffes fl-ewfemiżmi u fil-milieu li trabbejt fih, il-ħaddiema tas-sess kienu dawk li jħennu għal raġel fil-bżonn.) Maria għannqitni magħha: ommi wkoll kienet kważi se tneħħi meta nqabdet bija. Missieri kien irranġalha biex tmur għand spiżjar li kien iħenn għan-nisa. Kienet imwerwra u ma riditx tmur f’sensiha. Xorbot xarba gin qabel marret, biex twaħħal fis-sakra meta tħares lura u tiftakar. Meta waslet, l-ispiżjar daħħalha ġo kamra fuq wara, ġegħelha tinża’ u ttella’ saqajha t-tnejn fuq il-mankijiet tas-sodda li kellu. Imma kienet itterrorizzata u telqet tiġri ’l  barra. U żammet. Warajja imma kienet inqabdet darb’oħra u missieri ma kienx qiegħed sew; l-ewwel beda jiġbed u mbagħad wara jaħraq il-pipa, u d-dejn beda jikolna. Kienet marret minn jeddha għand l-ispiżjar, ’qas biss qaltlu lil missieri li kienet inqabdet. Imma Maria ma riditx tibqa’ titkellem fuqha: iktar ma nżomm dawn iċ-ċelloli li għandi ġo fija, iktar nitwerwer minn dak li se nagħmel. Qisni qrajt għoxxi b’mod ħażin, qisu ġie xi ħadd u kitibhuli b’lingwa oħra f’daqqa waħda. Dak li hemm ġo fija huwa dak li ħalla xi ħadd li ried ibattlu ġo mara, laqx ta’ raġel sħun li jekk ittih il-lala, isir bniedem. Ma nistax ma naħsibx fuq Otman meta niftakar fil-kliem ta’ Maria, fit-tbatija u s-sens ta’ ħtija li għawwar lil ommi minn ġewwa matul is-snin kollha li kellha trabbini waħedha, tipprovdi għalija, tara kif se tpoġġini xi mkien ’il  bogħod mill-għaraq u l-adrenalina ta’ Triq l-Imsida, iġġorrni magħha kullimkien u niġri minn id ta’ mara għall-oħra, imrobbi minn komunità ta’ nisa fi żmien meta l-mara moderna kienet qed tipprietka biex it-tfal jitrabbew fil-familja nukleari, omm, missier u borma. Illum niċċelebra t-trobbija li kelli, u nrodd ħajr lill-persuna li laħħmitni u ħadet ħsiebi, imma naf li ħajjitha, b’xi mod, intemmet meta żammet. Maria kienet irranġat biex tmur teħles Catania dakinhar. Wasalna fix-xita u morna dritt fl-indirizz li kienet tatha ħabibitha li kienet taħdem ġo club Paceville. Meta wasalna, sibna garaxx kiesaħ silġ u sitt siġġijiet; fuq tnejn minnhom kien hemm żewġ tfajliet Maltin oħra li huma wkoll kienu fuq il-vapur magħna. Għarafthom. Imma l-ewwel sejħu lil Maria.

Maria qatt ma qaltli x’ġara hemm ġew; dakinhar qalet ftit li xejn. Lanqas kielet. Xtrat żewġ ġinsijiet minn fuq il-monti u xi fwejjaħ mir-Rinascente qabel inżilna u serqet menù ta’ restorant biex taparsi morna nieklu hemm. Għamilt ftit sigħat mimdud maġenbha fuq is-sodda tal-lukanda li krejna għal dakinhar, inżiegħel biha u ngħidilha li kienet ħadet id-deċiżjoni t-tajba waqt li nimmaġina kif kienet tkun ħajjitna kieku welldet u jien sirt missier it-tarbija, kieku ddeċidejna li ngħixu flimkien ta’ ġenituri. Id-deċiżjoni ta’ Maria kienet waħda iebsa, waħda li baqgħet f’moħħha għal snin twal. Baqgħet tfakkarni kull sena fid-data ta’ meta morna ġurnata Catania. Imma forsi l-għażla ma kinitx tagħha biss; forsi l-għażla kienet ukoll ta’ dik il-farka trab kosmiku li għaddiet minn fuqna bħal meteorita u ddeċidiet li ma tinżilx ’l  hawn. Forsi baqgħet għaddejja lejn dinja naqra iktar ikkulurita jew forsi kellha aptit tibqa’ ddur u ddur u tagħqad mal-univers.

22 ta’ Marzu 1973. Irċevejt tliet ittri mingħandek, tal-1, it-2 u t-3 ta’ Marzu. Grazzi. Il-flus li bgħattlek tista’ tmur tixtri xi affarijiet għat-tieġ bihom, jew stennieni u la nasal immorru flimkien. Ktibtli li qed tfittex biex tikri dar għal sena. Għala sena? Mhux se ndumu Malta sena żgur, Jos. Jekk trid issib tikri xi mkien għal tlieta jew erba’ ġimgħat, tajjeb. Sakemm inkun hemm jien ikollna fejn noqogħdu. Imma mhux beħsiebni noqgħod ġej u sejjer minn Tripli għal Malta għaliex ma nistax u m’għandix il-ħin. Il-gvern jagħtina visa limitata u hemm limitu wkoll fuq kemm flus nistgħu noħorġu. Jekk trid li ngħixu hekk, li naraw lil xulxin tliet ġimgħat fis-sena, mela allura ma niżżewġu xejn u nibqgħu ħbieb, kif aħna. It-tieni nett, jien ma tantx inħobb il-kumpanija; nippreferi noqgħod waħdi. Jekk tixtieq li tkun imdawra bin-nies, bil-familja tiegħek, mela jien nippreferi ma niżżewġu xejn. Forsi din is-sena tkun waħda iebsa għalina, nikbru flimkien minnha, min jaf. Forsi dawn l-isfidi li se ngħaddu minnhom flimkien ikabbruna. Forsi flimkien nistgħu nibdew mix-xejn u nitilgħu ’l  fuq. Imma żgur mhux se niżżewġu u mbagħad inħallik Malta; żgur li le.

U nispera li waqaft tpejjep issa u li bdejt tibdel ftit l-aġir tiegħek; taf li trid tibda ħajja ġdida issa, ġo pajjiż ġdid; ħajja ġdida, modi ġodda. Temp u klima ġodda, kollox ġdid. Mhux se tkun tista’ toħroġ tixtri waħdek, jew tmur iddur waħdek, jew tkellem lin-nies kif tagħmel Malta. Lanqas tħares lejn in-nies ma tista’. Trid tkun onesta f’kollox. U daqt se tkun omm jekk iżżommu; trid tibdel naqra l-mod kif iġġib ruħek fid-dinja. Ipprova tkellem bħan-nies; il-kliem baxx m’għandekx bżonnu. Jekk taqbel, allura tista’ ssir marti. Nipprova ngħinek kif nista’, nipprova nsib mod ta’ kif ngħinek. Jekk tiġi miegħi, intik isem Għarbi li jixraqlek. M’hemmx għalfejn tibdel ir-reliġjon għalija; ibdel biss jekk tħoss li qed tersaq lejn il-fidi tiegħi u togħġbok. Imma wliedna bilfors ikollhom jieħdu l-fidi tiegħi u jkollhom ismijiet Għarab. U jekk ommok jew il-kappillan jibdew jeqirdu u jagħmluha tal-ħelwin miegħi biex naqleb għall-fidi Nisranija, se naqlgħalhom l-inkwiet. Għax fil-fatt aħna nemmnu f’dak li temmnu intom, imma aħna nemmnu iktar. U jien għala għandi mmur lura flok ’il  quddiem? Il-fidi tiegħi ipprogressat fuq tagħkom; jien ma mmur lura qatt. Jiġifieri, għidilha żżomm ħalqha magħluq u żżomm il-fidi tagħha għaliha lil ommok. Għax smajtha darba tgħidlek “ħallih, ħallih, Jos, BELMOT BELMOT YEEGE LEL TRIQ” (fhimtha; jiġifieri bil-mod il-mod jiġi għat-triq tagħna). Taħseb li ma nifhimhiex imma kollox nifhem; inħalliha tgħid jien. Ara ’l  missierek inħobbu daqs missieri; iġib ruħu b’mod normali. Jien dawk in-nies jogħġbuni, nies normali. Kieku ommok bħalu f’kollox, kieku int għandek l-aħjar familja imma ommok dinja għaliha. Nieħu gost insejjaħ lil missierek missier, u bħali, ma tantx iħobb in-nies. Jinqata’ waħdu. Meta kont Malta, is-36 jum li għamilt hemm, int dejjem iġġorr lil xi ħadd miegħek; qatt ma tkun waħdek. Qatt ma kellna ftit ħin għalina waħedna. Imma ieqaf iktibli biex niġi; ġej żgur. M’hemmx għalfejn tinsisti għax iddejjaqni. Aħjar nieqaf hawn illum u nipprova nsib ftit serħan fl-irqad. Ma rridx ngħidlek iktar kliem ikrah.

L-għada ta’ din l-ittra, it-23 ta’ Marzu 1973 , fit-8:00 Zulu, RAF Luqa rċevew id-distress call HAZY 32 minn ajruplan Amerikan tat-tip EC-130 li kien fi triqtu lejn Ateni. EC-130 irrapporta li żewġ Mirage Libjani bdew jisparaw fuqu waqt li kien qed itir lejn il-Grigal u talab permess biex jinżel Malta. L-ewwel attakk sar tliet minuti qabel il-Mayday call fil-latitudni ta’ 34°10’ mit-Tramuntana u t-tieni wieħed fil-latitudni ta’ 34°20’ mit-Tramuntana. Il-Mirage Libjani baqgħu wara l-ajruplan Amerikan imma meta laħqu l-34°30’ dawru denbhom u lebbtu lura. Minn fuq l-art, l-inċident kien qed jiġi segwit mill-istazzjon tar-radar tal-Madliena u mid-direttur tal-Avjazzjoni Ċivili, li meta kkuntattjawh l-RAF dwar l-attakk, qalilhom li kien diġà jaf bih u li r-radar tal-Madliena kien qed isegwi l-ajruplan Amerikan. L-Air Commodore bagħat jgħid li l-Libjani kienu ddiżappuntati sew bit-tmexxija tar-radar tal-Madliena, li bdew iqisuh bħala theddida għal-Libja, u li minħabba dan, setgħu jinqalgħu problemi diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi. Min-naħa tagħhom l-RAF ċaħdu li kellhom il-kontroll tal-ajruplan Amerikan, u allura r-Renju Unit ma riedx jieħu r-responsabbiltà tal-inċident. Il-ġurnalisti bdew jissaraw biex jieħdu xi informazzjoni mingħand l-Ambaxxatur Amerikan John I. Getz, li min-naħa tiegħu beda jistaqsi kif għandu jirrispondi biex l-Amerka tkun tista’ tikkontrolla n-narrattiva u ma jinqalax iktar taħwid diplomatiku. Filgħaxija, waqt avveniment soċjali, Getz iltaqa’ mas-segretarju parlamentari Wistin Abela. Iżda Abela ma kellu l-ebda ħajra jitkellem dwar l-inċident ma’ Getz: il-Gvern ta’ Malta ma jixtieqx li jkollu x’jaqsam f’din il-biċċa. Wara kollox, l-attakk sar fi spazju tal-ajru internazzjonali u m’hemm l-ebda raġuni għala Malta għandha tmur titkarrab għal xi spjegazzjoni, la mingħand il-Libjani u lanqas mingħand ħadd. Li Abela ma kienx qal lil Getz kien li l-Maltin kellhom ir-recording tal-komunikazzjoni bejn l-ajruplan Amerikan u l-RAF. Malli wasal lura, Getz bagħat telegramma lill-Commander in Chief European Command fil-Ġermanja u infurmah li, fl-opinjoni tiegħu, Wistin Abela qallu preċiżament dak li Mintoff ried li jintqal pubblikament, forsi minħabba l-fatt li Mintoff ma ried bl-ebda mod joħloq skumdità diplomatika ma’ Gaddafi jew jidħol f’xi kwistjoni taħraq mal-Libja. Ġimgħa wara, Getz iltaqa’ ma’ Mintoff wiċċ imb wiċċ biex jiddiskutu memorandum tan-NATO. Getz ried jistaqsi dwar l-attakk fuq l-ajruplan Amerikan imma Mintoff kellu f’moħħu li jistaqsi dwar l-impjant ta’ disalinazzjoni Westinghouse li ried iġib Malta u li dwaru kellu l-appoġġ tal-politikanti Libjani, imma mhux tal-esperti tekniċi. Ftit ġranet wara, fl-4 ta’ April 1973 l-Istati Uniti saru jafu li Westinghouse kienet xoljiet il-kuntratt ta’ bejgħ tal-impjant lil Malta. Dakinhar, fi Tripli, Gaddafi beda jkellem lill-membri tal-kmand rivoluzzjonarju fuq pjan li kellu: aħna mhux kolp ta’ stat għamilna, aħna għamilna rivoluzzjoni. Aħna ħlisna mill-jasar. Imma hemm xi nies li se jibqgħu jemmnu lill-barrani meta jgħidilhom li aħna mhux poplu wieħed, li aħna gruppi differenti, li għandna lingwi differenti. Aħna kollha Libjani hawn. U kollha nitkellmu bl-Għarbi.

Iżżewġu fil-11 ta’ April 1973. Iż-żwieġ imniżżel fir-reġistru pubbliku bin-numru 834/73. Fir-reġistru hemm l-età u l-professjoni tagħhom: hu 27 u jaħdem ma’ impjant taż-żejt u hi 21 u seftura. Iż-żwieġ interrazzjali tagħhom kien statistikament sinifikanti, tant li jissemma fl-istudju ta’ Joe Vella Gauci li għamel mal-University of London u ppubblikat bit-titlu Islamic Law and Mixed Marriages in Malta fl-1991. Ma’ tagħhom hemm id-dettalji tal-koppja l-oħra li bħalhom kienu mħalltin u żżewġu dik is-sena: hu 39 u hi 14. It-tieġ kien imħejji malajr imma tal-Haro kienu tawha libsa tat-tieġ biex toħroġ ta’ nies. Kienet differenti minn ħafna lbiesi ta’ dak iż-żmien u jekk tħares lejn ir-ritratti, trid tkun taf biex tinduna li tqila, għalkemm ċert li kull min kien jafha kien induna għaliex hi kienet irqiqa u atletika. Il-libsa tat-tieġ illum naraha biss fir-ritratti però niftakarha sew fi tfuliti. Niftakar li n-nanna kienet iżżomm ħafna fliskaturi tal-plastik kbar taħt is-sodda u f’wieħed minnhom, aħdar ċar, kien hemm il-libsa tat-tieġ t’ommi mitwija u mqiegħda ġo borża tal-plastik. Meta bdejt nitfarfar, kienet neħħietha minn hemm u qegħditha ma’ lbiesi oħra li kien hemm fin-naħa tal-lemin tal-gwardarobba tal-kamra ż-żgħira, il-kamra li kont ninqafel fiha matul il-ġurnata biex nisma’ l-mużika u nintefa’ kobba naqra ħdejn l-għatba tal-bieb li jagħti għall-bitħa interna fejn jgħaddu l-katusi tad-dranaġġ tal-blokk, nisma’ fl-isfond il-ġirien jieklu, jinħaslu, ikantaw, jilletikaw u jinħabbu.

Waranofsinhar, kienet l-hena tiegħi nqalleb fil-gwardarobba tal-ilbiesi tal-evening li n-nanna tgħidli kien ġabhom Otman mil-Libja, nara x’se nilbes, eċitat bil-logħba li nista’ nilbes l-ilbiesi li kien hemm moħbijin fiha. Noħroġhom mill-boroż tal-plastik, inxommhom, naqlagħhom minn mal-ispallieri, inniżżlilhom iż-żipp ta’ wara u nidħol fihom bħalma nidħol f’banju ilma sħun, nitgħannaq mal-bellus iswed tqil u twil li jkaxkar mal-art kollu fosos u dendul tal-ħġieġ taparsi kristall tqil ċomb fuq quddiem, ilellxu taħt il-linfa tas-seba’ bozoz fil-kamra. Waranofsinhar, kont nilbes il-Libja, biż-żewġ bibien tal-gwardarobba miftuħin, imwerwer li xi ħadd se jqum u jinduna mill-ħġieġ ikkusksjat tal-bieb tal-kamra tas-sodda. Waranofsinhar, kont inħares fin-nofs tal-gwardarobba fejn kien hemm twaletta, mera, żewġ pupi tat-toilet paper bil-libsa tas-suf magħmula bil-ganċ, u ritratt taz-zija Salvina żżommni waqt xi festin meta kont għadni qed nitgħallem nimxi, u narani ninbidel f’xi ħadd li ma nafux, l-aqwa li mhux Otman.

Minn fuq it-twaletta, iz-zija t’ommi Salvina kienet tkompli miegħi mir-ritratt. Iz-zija Salvina kienet ruxxana, ferrieħa, ċajtiera, daħkana, u ddisprata. Xorbot kemm felħet inbid sakemm tant saret qawwija li ma kinitx tiflaħ taħdem jew tqum minn bilqiegħda. Id-dinja kienet tiġi għaliha. Ommi kienet tgħidli li meta ndunat li kienet raħlija, kien troppo tardi; indunat kemm hi sabiħa d-dinja tard wisq, u ddisprat. Issakkret fir-raħal, tqabbad lil dik u ’l-oħra jmorru jixtrulha l-inbid, mardet u kompliet tixrob sakemm ix-xorb raqqadha. Ir-ritratt l-ieħor tagħha d-dar kien dejjem imgeżwer u moħbi fil-kexxun tas-sideboard u joħroġ biss fix-xahar tal-mejtin biex nieħdu ċ-ċimiterju fejn difnuha fil-komun. Salvina kienet krepuskolari ħafna fid-dar tan-nanniet u meta kbirt, ippruvajt niskava l-istejjer tagħhom għax kont kważi konvint li f’raħal żgħir bħal Ħal Lija l-għajdut jiġri u allura forsi nsir naf xi ħaġa. Darba smajt nofs storja, li nannti kienet tħobb raġel li ħadithulha oħtha. Niftakar in-nanna rekluża fl-aħħar snin ta’ ħajjitha, il-vanità kienet qaflitha priġuniera ġo flett tal-gvern, tobgħod il-laħam imdendel taħt dirgħajha u t-tħattib li bdiet tiżviluppa fi xjuħitha. Kienet toqgħod attenta għall-qanpiena tal-mejtin u ċċempel ir-raħal biex tara min kien għadda. Fix-xitwa tal-1991, waqt funeral li rajna nieżel minn quddiem id-dar għaċ-ċimiterju, niftakar lin-nanna ssabbat rasha mal-ħġieġ tal-bieb tal-gallarija, tgħeżżeż snienha u tigdem il-ponn tagħha stess biex issikket lilha nnifisha. Ir-ritratt ta’ Salvina ma kienx reġa’ ħareġ mis-sideboard wara dakinhar, lanqas fix-xahar tal-mejtin.

Fir-ritratti tat-tieġ, Otman ismar, irqiq, u għandu xagħru mġiegħed. Jidher imdejjaq, għajnejh miksurin, imwerwrin. Ma kellux il-ħila jitbissem, lanqas għar-ritratti. Jidher li ma riedx jersaq lejha waqt il-festin li għamlu f’sala tat-tiġijiet fil-wied ta’ Birkirkara, maġenb il-garaxx fejn bosta drabi kont immur m’ommi meta kien jiġiha l-aptit tpartat il-karozza ma’ waħda ikbar, tiġri iktar, iktar lussuża kif kienet tħobb. L-album tat-tieġ ta’ ommi u Otman kont ukoll naħbih fil-kexxun t’isfel tas-sideboard, taħt ir-ritratt ta’ Salvina. Kienu żżewġu fil-knisja tas-Salvatur. Dejjem ippruvajt nifhem kif kien iddeċieda li jiżżewweġ fi knisja Kattolika waqt li Gaddafi ntefa’ jżarma l-knejjes ta’ Tripli biex jaqlibhom f’moskej. Probabbli għal Otman, ir-rit taż-żwieġ kien vojt, ma jfisser assolutament xejn ħlief att ġeneruż lejha biex ma tkunx xebba u omm maqbuda fi lsien in-nies.

Meta tfarfart, u n-nanna kienet xjaħet wisq u tilfet kull interess f’dak li kienet tgħożż f’dik il-gwardarobba, l-ilbiesi kont qassarthom, dejjaqtilhom, qaċċatthom, u lbisthom fis-serati tas-sinjorini. In-nanna mingħaliha li qed tidfen il-Libja fil-gwardarobba u tneħħi l-intiena tat-tnawwir bil-boċċi tal-kamla, u jien kont qed niżżagħbel biha fuqi mar-ritmi mgħaġġla tal-mużika elettronika u l-ewforija tal-MDMA. Biss waqt li qed nikteb, ġie lura dawl abjad iħaxwex f’għajnejja u miegħu ġab ukoll memorja oħra, memorja tal-ġurnata meta ddeċidejt li noħroġ il-libsa l-bajda mill-qiegħ tal-gwardarobba u nilbisha, insir ommi fit-tieġ tagħha, mhux għax kelli xi aptit li nsir hi, imma għax ridt inħares fil-mera u narani nixbah lilha u mhux lil Otman. Qgħadt attent li ħadd ma jisma’ t-tħaxwix tal-borża — id-dar tan-nanniet kien hemm sorveljanza assoluta biex xejn ma jinħareġ minn postu. Kellha riħa qadima. Id-drapp kien tqil u t-tull aħrax. In-naħa ta’ fuq kienet għamla ta’ flokk iffjurit u bdiet tisfar sew għax kienet magħmula minn materjal plastifikat. In-naħa t’isfel, metri fuq metri ta’ tull. Magħha kien hemm kappell abjad bil-pizz iperper u jmewweġ u b’żigarella ħoxna tas-satin mad-dawra kollha. Ħassejtni mdejjaq mill-ewwel f’dak l-ilbies goff u tqil, u meta ħarist fil-mera, imlibbes bil-libsa u l-kappell, minflok rajt lil ommi, ġejt wiċċ imb wiċċ ma’ missieri liebes ta’ mara.

Jumejn wara t-tieġ ta’ Otman u ommi, fit-13 ta’ April 1973, Gaddafi niżel ivenven bħall-kibli fuq il-belt ta’ Żuwara u beda r-rivoluzzjoni kulturali tal-Libja. Fid-diskors tiegħu lil Amażigħ tar-reġjun, li kellhom għeruq twal u passat itwal mal-belt li kienu fiha, Gaddafi beda jħambaq li l-Libja hija pajjiż Għarbi. Ieqfu isimgħu mill-barrani li ġie hawn jivvinta li aħna mhux poplu wieħed, li ġie hawn jivvinta li aħna poplu magħmul minn razez differenti. Jekk se tibqgħu temmnu dan, allura intom ilkoll għedewwa tar-rivoluzzjoni. Jekk ommkom tgħaddilkom il-lingwa tal-Amażigħ, allura ommkom qed treddgħalkom ħalib il-barrani. Intom Libjani. Ir-rivoluzzjoni kulturali ġabet magħha l-ġinnijiet mid-deżert, u l-irġiel tal-kmand rivoluzzjonarju marru jifqgħu bieb bieb biex jarrestaw lill-pervertiti Libjani. Dakinhar, Mintoff kien lest biex itir lejn Tripli fuq żjara uffiċjali. Iżda fl-aħħar minuta, it-titjira ġiet ikkanċellata u ma marx. Ħadd ma jaf għala Mintoff ma marx jiltaqa’ ma’ Gaddafi. Biss, ftit ġranet wara, meta l-Libja talbet biex ikun hawn iktar titjiriet tal-linja tal-ajru Libjana lejn Malta, Mintoff qatagħha li din ma kinitx se titħalla ssir. Forsi ried jipproteġi l-linja tal-ajru ta’ Malta, jew forsi l-kibli beda jaqta’ nifs kulħadd.

Fl-2009 kont qiegħed fil-Pjazza tal-Martri fi Tripli, miexi fid-direzzjoni tal-baħar biex immur niltaqa’ ma’ Faris. Flimkien konna nqattgħu s-sigħat nixorbu n-Nescafé bil-ħalib tal-bott u z-zokkor u nreddnu ġewwa ħanut tat-te f’nofs il-ġnien li kien hemm fit-tarf tal-pjazza. Waqt li qed inserrep bejn mijiet ta’ karozzi Daewoo bojod u vannijiet li jġorru n-nies, minflok karozzi tal-linja, nisma’ l-ħornijiet jiddnu bl-ittikaġni li jġib miegħu l-kibli u nxomm l-irwejjaħ imxaħħmin tax-xiwi tal-laħam mir-ristoranti ta’ taħt il-loġoġ, smajt lil xi ħadd jgħajjat ismi min-naħa l-oħra tat-triq. Fi Tripli ismi ma kienx jagħti fil-widna u allura ma ħaristx biex nara kienx qed isejjaħ lili. Imma mill-ġenb t’għajnejja rajt lil xi ħadd jipprova jaqsam it-triq u jxejjirli. Kien Salah. Kont ilni fuq tliet snin ma narah. Is-snin kollha li għadda Malta, Salah kien mikul mill-paranojja assoluta li ’l-familja taslilhom l-aħbar li jilbes, jippuftja mal-irġiel u jaħdem fit-triq. Issa, imma, ir-raġel li kien jgħix miegħu Malta kien tefgħu ’l  barra wara ħafna snin jgħixu flimkien. L-aħħar ftit drabi li kont rajtu, tard billejl jitlajja fuq il-bankina ta’ Buġibba b’wiċċu kollu makeup, kien inxtorob sew, ħaddejh se jtiru minn fuq wiċċu u l-wardiet sfrundati, ix-xedaq angolat u maskili jitħakkek mat-truf tal-imsielet dendula, ħuġbejh fartasa u mimlijin bil-lapes iswed. Induna li ndunajt. Qalli li mhux qed iħossu sew, li kien qed jegħja malajr. Kellu ħabta joħroġ ritratt ta’ meta kien iżgħar minn ġol-handbag, f’waħda mill-ilbiesi li tant kienu jsaħħruni meta kont tifel, u li kien jilbes meta jiżfen fil-barijiet tal-Gżira. Dak iż-żmien kien beda jgħidli wkoll li jixtieq imur lura l-Libja, li mejjet biex ixomm l-irwejjaħ ta’ dar ommu.

Għannaqni miegħu kemm felaħ u beda jmissli wiċċi qisu ma baqax jafda ’l  għajnejh, qisu l-mard kien beda jġennu. It-tgħanniqa tiegħi kienet l-ewwel maħsuda u mbagħad ikkalkulata. Salah kien spiċċa — ma kien għad baqa’ xejn minnu. Perpura fil-ħmura mrammla ta’ Tripli. Wiċċu mlewwen b’kuluri li qatt ma rajthom fuq bniedem, sfumaturi ta’ vjola u aħdar u isfar u griż ikanġu f’xulxin. Ġejt tifttex lil Otman? staqsieni. Għedtlu li le, li ma kelli l-ebda ħajra mmur infittex fejn joqgħod, jew jekk għadux ħaj. Kont diġà ssilitt sew miegħi nnifsi biex nasal ngħid ’l  ommi li xtaqt immur ngħix Tripli; ma ridtx li taħseb li kont ingrat ta’ dak kollu li għamlet miegħi, li, wara kollox, ridt immur niġri nfittex lil dak li kien ħallieha trabbini waħedha. Ħadt ħafna ħin biex nispjegalha, u biex nikkonvinċi lili nnifsi, li ridt immur il-Libja biex nipprova nifhem ftit b’mod dirett dak li kont għamilt ħajti kollha naħrab minnu, dak li stkerrahtu bl-iktar mod kategoriku, dak li dfintu flimkien ma’ kull kumment li qatt qlajt u smajt fuq il-Libjani. Ma kelli l-ebda idea x’kont qed nitbiegħed minnu, ma kellix ħjiel xi tfisser tkun Libjan. Meta wasalt il-Libja, il-Libjani laqgħuni b’ospitalità li sturdietni; int Libjan, merħba ġo darek, int issa oqgħod hawn magħna għax int wieħed minna. Int tagħna. Int Libjan. Salah qabadni labranzetta u serraħ miegħi. Bdejt inħossu jipprova jimbuttani biex joħodni lejn il-loġoġ imma saħħa ma tantx kien għad baqagħlu. Bdejt nibża’ nistaqsih x’għandu — parti minni ma riditx tkun taf; il-parti l-oħra ma riditx tammetti li kont naf. Kien qed jaħseb fuqi u dik id-distrazzjoni, għal ftit, nessietu lilu nnifsu. Imxi fil-ġnien ħa nieħdu kafè, ħa nkellmek. Żommni sew għax nogħtor. Waqt li konna mexjin, izappap u jserraħ għadmu maġenbi, beda jfesfes minn taħt l-ilsien bil-Malti. Ara xi tgħid, fhimtni. U ara ma tmur ma’ ħadd. Jekk għandek xi messaġġi, ħassarhom u armi s-SIM card. Tafda lil ħadd, speċjalment mill-gym. Jekk trid tiltaqa’ ma’ xi ħadd, issa nagħtik numru jien; jiltaqgħu d-dar ta’ ħabib tiegħi barra Tripli. Hawnhekk kulħadd għajnejh fuqek. Tidher li Libjan imma tidher li m’intix minn hawn. Timxi differenti, tilbes differenti, tħares differenti. U dan l-aħħar imtlejna tilja għassiesa, kulħadd jispija u jugża. Ma baqa’ xejn x’tagħmel f’dan il-pajjiż ħlief tfittex lil min mhux qed jobdi u tikxfu ħa tidher li qed tagħmel dmirek. Armiha s-SIM card, u mur ixtri waħda ġdida. Jekk se tmur tfittex lil missierek, ara ma tgħidlux li int hekk. Hawnhekk jitfgħuk il-ħabs jekk jaqbduk, u jekk isibuk taqilgħu, rasek barra tispiċċa minn missierek stess. Ma kienx jiflaħ iktar u staqsieni jekk għandix karozza. Meta għedtlu li iva, qalli biex inwasslu d-dar.

Fil-karozza, qbadna t-triq ta’ Gargarex u bdejt insuq ’il  barra miċ-ċentru. Salah intelaq lura fis-sit u qisu beda jħossu iktar komdu. Ħares lejja b’għajnejn għajjiena, miksurin imma ferrieħa, tbissem u beda jkanta taħt l-ilsien. Ġew memorji ta’ Salah id-dar tal-Iklin filgħodu, idawwar ix-xugaman turban tan-nisa ma’ rasu, jilbes in-nuċċali tax-xemx u jkanta Aħwak ta’ Abdel Halim Hafez. Il-kliem beda ġej lura. Aħwak, wa atmanna law ansak; wa ansa ruħi wajak; wajn daaqt teba fdak, law tensani (inħobbok, u qed nittama li ninsiek; u li ninsa ruħi miegħek; u jekk ruħi tintilef, tibqa’ tiegħek jekk inti lili tinsa). Se mmur nagħmel it-testijiet tad-demm l-isptar illejla, qalli. Ma jafux x’għandi. Qed inħossni qed nittiekel minn ġewwa, kuljum ftit inqas saħħa. U x’jiġri hawn jekk int seropożittiv, Salah? staqsejtu jien. Le le, fejn qed tmur b’moħħok. Imma dak il-ħin bħal donnu ssumma; beda jilgħab bil-bżieq f’ħalqu, lanqas seta’ jibilgħu. Forsi ma missni semmejtlu xejn imma għalija kien ovvju x’ġara. Le le, ma jistax ikun. Imma ż-żewġ leżjonijiet fuq dirgħajh kienu ċari. Wassaltu d-dar u qalli biex nitla’ fuq nixrob belgħa te. Erfajtu għax ma felaħx joħroġ mill-karozza u meta dħalna wasal ħuh. Ġabli t-te fuq gabarrè bħalma kien hemm imdendel fuq il-ħajt tan-nanna, qalli li kien għamel xi żmien jixtieq jiġi Malta imma mbagħad waqaf jistudja u daħal pulizija. Lil Salah tlabtu n-numru, għannaqtu, u soqt lura lejn il-post fejn kont noqgħod. Xi jumejn wara ppruvajt inċempel imma ma rrispondieni ħadd. Meta wasalt id-dar tiegħu, qaluli li ħuh il-kbir kien ħadu l-moskea jitlob. Mort nistennieh barra imma meta għadda ftit ħin sew, ippruvajt nersaq lejn id-daħla biex nara fejn qiegħed. Imma minn bieb ieħor fil-ġenb rajt skoss irġiel f’geġwiġija ħerġin iħaffu u tnejn minnhom iġorru ’l  Salah mitluf minn sensih. Dak il-ħin, bħal erġajt smajtu jsefsifli f’widnejja: Meta l-kibli wasal għandna, imlielna d-dar bil-magħmul, u dewwaqli l-apokalissi. .

“Between Memory and History: Les Lieux de Mémoire” ta’ Pierre Nora kien ippubblikat f’Representations 26, pubblikazzjoni University of California Press 1989. Prosthetic Memory: The Transformation of American Remembrance in the Age of Mass Culture ta’ Alison Lansberg huwa pubblikazzjoni Columbia University Press 2004. Audre Lorde titkellem dwar l-identità, kif nikkwotaha jien hawnhekk, f’Sister Outsider: Essays and Speeches, pubblikazzjoni Crossing Press 1984. Roland Barthes jitkellem dwar il-fotografija f’La Chambre claire: Note sur la photographie, pubblikazzjoni Gallimard 1980. Qrajt What Were the Prevailing Social and Political Attitudes to Homosexuality in 1972 and How Did These Bear on the Decriminalisation of Homosexuality?, teżi tal-baċellerat ta’ Eman Borg, Università ta’ Malta, 2021. Chris Abani jikteb dwar il-wiċċ f’The Face: Cartography of the Void, pubblikazzjoni Restless Books 2014. Qrajt ukoll “Islamic Law and Mixed Marriages”, teżi tal-MA ta’ Joe Vella Gauci, School of Oriental and African Studies, l-Università ta’ Londra, 1991. “Feeling Brown: Ethnicity and Affect in Ricardo Bracho’s The Sweetest Hangover (and Other STDs)” ta’ José Esteban Muñoz deher f’Theatre Journal vol. 52 nru. 1, Johns Hopkins University Press.

Dekorazzjoni art-nouveau