Meta l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Anthony Mifsud Tommasi u l-Ispettur Charles Demicoli waslu bil-karozza f’Misraħ il-Ħelsien ftit wara t-tlieta ta’ filgħodu tas-7 ta’ Lulju 1980, ix-xamma tal-ġelatina maħruqa kienet għadha mifruxa fuq l-inħawi kollha ta’ Bieb il-Belt. Daru lejn it-teatru l-imwaqqa’ u, imnifsejh mimlija bl-irwejjaħ tal-isplużjoni maqbuda fl-umdità u s-sħana tal-lejl, Mifsud Tommasi ħares ħarsa madwar il-loġoġ li dak iż-żmien kienu jdawru l-misraħ fuq tliet naħat, u mill-ewwel ordna biex tibda tfittxija għal iktar splussivi fil-ħwienet l-oħra li kien hemm taħt il-loġoġ: Trafalgar, Clavis, ABC, Farsons, John Brown, l-ispiżerija. Ir-riħa ta’ ħadid maħruq kienet għadha ħierġa minn shutter ta’ wieħed mill-ħwienet ta’ taħt il-loġoġ li kien tar għal nofs il-misraħ, mgħawweġ u mixħut bħal katavru tal-metall. Mexa lejn in-naħa tal-lemin, widnejh miftuħin beraħ, jisimgħu l-biki ġej mill-bogħod, mill-gallariji tal-flettsijiet il-ġodda ta’ fuq, min-nies imqajma maħsuda f’nofs ta’ lejl mill-ħolm tqil li ġġib magħha l-umdità, u t-tgedwid tal-irġiel li kienu qed jixxabbtu maċ-ċint tal-balavostri biex jaraw x’kien qed jiġri taħt. Kien hemm min ipprova jinżel it-taraġ li kien jagħti mit-triq ta’ fuq għall-misraħ imma l-pulizija, li issa bdew telgħin mill-għassa, waqqfuhom. Mifsud Tommasi resaq iktar viċin tal-loġġa, jisma’ t-tqarmiċ tal-ħġieġ imfarrak taħt il-qiegħ taż-żarbun iswed qisha niżlet xita ta’ lewlu f’Lulju. B’saħħitha. Qajmet lil kulħadd. U ġejjin in-nies mill-Furjana. Il-linef tal-loġoġ bdew jitfgħu biżżejjed dawl u Mifsud Tommasi resaq lejn l-uffiċċju tal-Libyan Arab Airlines, waqaf eżatt qabel it-tarġa tal-loġġa, u ħares ’il ġewwa. Nugrufun kullimkien. Riħa ta’ njam maħruq u plastik imdewweb. B’saħħitha. Resaq viċin. Hemm poġġieha l-bomba, bejn ix-shutter u l-ħġieġa tal-faċċata. Aħjar indawru dit-toqba maħruqa bil-barrikati. Min-naħa tat-teatru wasal ukoll Stephen Borg Cardona, li dakinhar kien il-maġistrat tal-għassa. Miegħu kien hemm l-espert tal-isplussivi Joseph Portelli, il-Kuntistabbli Muscat u l-Perit Aquilina. Din għal-Libjani għamluha. Mifsud Tommasi ordna li wara l-inkjesta l-uffiċċju tal-linja tal-ajru jingħalaq bl-injam, imma kif kien qed jgħid hekk resaq fuqu wieħed mill-pulizija u fesfislu f’widnejh. Mifsud Tommasi qal lil Demicoli biex jerħi minn idu u jinżel malajr miegħu lejn il-palazz għax kien hemm attentat ieħor, issa fuq iċ-Ċentru Kulturali Libjan. Meta waslu, indunaw li n-nar ma rnexxilux jidħol ġewwa l-binja għax min ħareġ l-aħħar kien għalaq it-twieqi tal-ħġieġ li kien hemm wara l-purtelli tal-injam. Ftit wara, l-għassa ta’ Tas-Sliema rċevew telefonata anonima b’messaġġ li kien tqiegħed splussiv ieħor f’Villa Drago, fi Triq it-Torri, li fiha kien hemm l-Uffiċċju tal-Kumitat Popolari Libjan. Mifsud Tommasi mill-ewwel ordna li tibda t-tfittxija u ħareġ ordni biex dawk li kienu se jitilgħu fuq it-titjira tal-linja tal-ajru Libjan jidentifikaw il-bagalja tagħhom u ssir tfittxija fihom. Dakinhar, kelliem mill-Ambaxxata Libjana f’Malta għamel konferenza stampa li fiha qal li l-Ġemaħarija Għarbija Libjana Popolari Soċjalista qatt ma stenniet li jsir att bħal dan ġo pajjiż li l-Libja dejjem għenitu u xtaqitlu l-ġid u li qatt ma għamlitlu deni jew ħsara. Il-memorji tiegħi ta’ dakinhar suppost huma distanti sew; kont għadni tifel. Biss, iktar ma naqra dwar il-ġranet tal-ewwel ġimgħat ta’ Lulju ta’ dik is-sena, iktar jibdew ġejjin lura, l-ewwel bħal ċaqliq ħafif fl-ilma, imbagħad bħal ċafċif, u wara bħal mewġ fi grigalata.
Waqt li kont qed naqra d-dokumenti li hemm fil-kaxxa bin-numru 764 fl-arkivji tal-President Amerikan Richard Nixon, sibt telegramma li Mintoff kien bagħat lill-Ambaxxatur Amerikan għal Malta John C. Prizlaff, lura fl-4 ta’ Jannar 1972. Fiha Mintoff kien qallu li għamel ġurnata jċempel lil Nixon u lis-Segretarju tal-Istat Henry Kissinger għax ried jitkellem magħhom direttament. Prizlaff innota mill-ewwel li Mintoff kien maħruq li ma ċemplulux lura; wara kollox kienu huma stess li wegħduh li jekk iċemplilhom, se jirrisponduh. Skont dokumenti arkivjali oħra li jinsabu fl-istess kaxxa, il-Prim Ministru Ingliż Edward Heath ukoll ried ikellem lil Nixon dakinhar u kien bagħatlu telegramma biex iż-żewġ naħat jiltaqgħu u flimkien jagħtu ħarsa sew lejn is-sitwazzjoni f’Malta. Min-naħa tagħhom, l-Amerikani kienu jafu li ma kellhomx risposta għal Mintoff u allura ħallewh iċempel; riedu jistennew sakemm jispiċċaw il-laqgħat li kienu se jsiru mal-Ingliżi jumejn wara, fis-6 u s-7 ta’ Jannar 1972, biex jirrisponduh. Għal-laqgħat, l-Ingilterra bagħtet lid-Deputat Sottosegretarju Sir Thomas Brimelow biex jiltaqa’ mas-Sottosegretarju Amerikan Alex Johnson u ma’ rappreżentanti oħra tad-Dipartiment tal-Istat, fosthom Bob Ellsworth u Hal Sonnenfeld. Brimelow mar il-laqgħa biex ifakkar lill-Amerikani li l-għan ta’ Mintoff kien li jġib l-ekonomija ta’ Malta fuq saqajha biex b’hekk ikun jista’ jeħles mill-Ingliżi. Mar ukoll biex jgħidilhom li l-Ingilterra ma riditx iċċedi l-pożizzjoni tagħha fuq l-ammont li kienet lesta tħallas lil Malta fil-pakkett tal-Ingilterra/NATO biex tibqa’ tużaha bħala bażi militari. U biex iqanqalhom iktar, qalilhom ukoll li jekk l-Ingliżi jitilqu, probabbli Mintoff kien idaħħal lis-Sovjetiċi flokhom.
Mintoff beda jinkwieta li f’Malta kienet qed tikber sitwazzjoni perikoluża, u ddeċieda li jibgħat ittra lil Nixon fis-7 ta’ Jannar tal-1972. Illum din l-ittra għandha n-numru 2255Z u tinsab fl-istess kaxxa. Fiha Mintoff kiteb li fit-8 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel, waqt laqgħa tan-NATO Ministerial fi Brussell, membri oħra kienu qalu lill-Ingliżi biex jirrevedu s-somma ta’ £9.5 miljun li kienet qed iddaħħal Malta biex tintuża bħala bażi militari għall-barrani, imma l-Ingilterra baqgħet twebbes rasha. Mintoff kien konvint li l-Ingliżi ma bdew jagħmlu l-ebda sforz biex jikkoperaw mal-Gvern ta’ Malta biex il-forzi tagħhom iparpru ’l hemm. Ma kienu qed jagħmlu assolutament xejn. Anzi, minn għemilhom tinduna li qed jagħmlu minn kollox biex ikomplu jgħakksu lill-Maltin. Il-ħin kollu jniggżu minn taħt, probabbli bit-tama li l-Maltin ineħħu l-gvern demokratiku. Mintoff qal lil Nixon li xi aġenti Ingliżi bdew jippruvaw ibeżżgħu ’n-nies tal-commercial shipping milli jagħmlu t-tiswijiet f’Malta; saħansitra kienu bdew kampanja sħiħa fil-gazzetti Ingliżi kontra l-Maltin li jaħdmu f’pajjiżhom u ppruvaw jiżvijaw lit-turisti Ingliżi milli jiġu Malta għall-btajjel billi jdawrulhom ir-rotot. Il-British European Airways bdiet toħodhom Ċipru minflok. Basta għamluha bil-miktub li se jitilqu minn hawn malajr kemm jista’ jkun. Xejn m’għamlu! Għadu kollox l-istess. Dak li huma qed isejħulu żarmar mhu xejn ħlief ippakkjar tal-affarijiet tal-familji tas-servizz li qegħdin hawn. Il-kotba iva, dawk tefgħuhom fil-kaxxi biex joħduhom, imma l-armamenti hawn għadhom. Kollox juri biċ-ċar li qed jistennew li tinqala’ waħda li ġġegħelhom jużaw l-armi kontra l-Maltin, kontrina li lanqas għandna arma waħda. Ir-rappreżentanti tal-gvern tagħhom jibqgħu jgħidu le għall-idea li Malta titmexxa minn tekniċi tal-gvern Maltin u min-nies tagħhom flimkien, la fil-mitjar u lanqas fid-dawl u fit-telefonija. Kieku qablu ma’ dan kien ikun hemm kontinwità max-xogħol li għamlu huma, u l-affarijiet kienu jkunu iktar faċli. U nafu li dawn is-servizzi għandna bżonnhom biex l-ekonomija ta’ kuljum tibqa’ għaddejja.
Kien minħabba f’dawn iċ-ċirkostanzi li Mintoff ma setax jara mod ieħor ħlief li javża lill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda bil-periklu li dawn l-għemejjel bdew joħolqu, u kemm setgħu kienu ta’ xkiel għall-kisba tal-paċi fid-dinja. Biss, min-naħa tiegħu, Mintoff kien għamilha biċ-ċar li ma xtaqx li dan l-avviż lill-Kunsill ixekkel l-isforzi li qed isiru min-naħa tal-Gvern Amerikan biex in-negozjati bejn Malta u l-Ingilterra jibqgħu għaddejjin sakemm iwasslu għal qbil bejn it-tnejn. Il-Gvern ta’ Malta ried juri rieda tajba biex it-trattati jibqgħu sejrin ’il quddiem. Fil-fatt, fuq suġġeriment tat-Taljani, kienu ppruvaw jagħmlu laqgħa ta’ livell għoli bil-għan li jitranġaw l-affarijiet imma l-Ingliżi ma rrispondewx. Mintoff kien jaf x’riedu: riedu li Malta ċċedi b’mod assolut u bla kundizzjonijiet. Hemm xi mod ieħor għalina l-Maltin biex nieħdu ħsieb niesna, għajr li niġu għand il-Kunsill tas-Sigurtà? Min-naħa tiegħu, Pritzlaff ikkummenta li Mintoff qed jistenna risposta minnufih u jinstema’ ddisprat. Qed jistenna li l-Gvern Amerikan imexxi biex isir rimedju kemm jista’ jkun malajr, kien qallu lil Nixon.
L-għada, Dick Kennedy kiteb memorandum lil Kissinger li fih qallu li nota mingħand il-President setgħet taġevolah malajr lil Mintoff, forsi anki tberrdu ftit. Dakinhar stess, il-White House bagħtet messaġġ lil Mintoff mingħand Nixon. It-telegramma llum għandha n-numru 409. Intbagħtet ukoll verżjoni riveduta lill-Ambaxxata fl-istess ġurnata li fiha tpoġġiet enfasi fuq il-bżonn li ma sseħħx vjolenza. Dakinhar filgħodu, Mintoff kiteb nota ta’ ringrazzjament lil Nixon għat-tewġiba tiegħu. Qallu li hemm ftehim biex it-truppi Ingliżi jitilqu u li l-Ingliżi ma kinux lesti jaċċettaw dak li ried hu għal Malta. Mintoff saħaq ukoll li kien lest jinnegozja qbil li jħares l-interessi tal-Punent. Li ma qallux, però, kien li sadattant, hu stess kien stieden lill-Ministru tal-Komunikazzjoni Libjan Taha Sharif u li kien qed jistennieh jasal Malta dakinhar filgħaxija.
Taha Sharif kien raġel gustuż u imponenti; kellu x-xedaq skolpit u dehra virili, xagħru folt u mifruq fuq in-naħa tax-xellug, mixja kalma u kkunsidrata. Wasal fuq titjira diretta minn Tripli l-Ħadd billejl, fid-dlam. Marru jilqgħuh l-ajruport Dr Albert Hyzler, il-Ministru għall-Iżvilupp, u Busatta Thulthe, l-Ambaxxatur Libjan għal Malta. Dan kien ippreżenta l-kredenzjali tiegħu lill-Gvernatur Sir Anthony Mamo fis-6 ta’ Lulju tas-sena ta’ qabel (1971) l-għada li l-Libja u Malta kienu ħarġu komunikat li fih qalu li ż-żewġ pajjiżi kienu lesti biex jibdew jikkoperaw flimkien. Wara, kien ħareġ mill-Palazz tal-Gvernatur jiddandan f’karozza lussuża u mikxufa u għadda minn Strada Rjali jsellem lil ftit nies li kien hemm fuq il-bankini ta’ kull naħa. Mill-filmati ta’ dakinhar, jidher sew li ħadd ma kien ta kasu wisq. Hyzler kien daħal ma’ Taha Sharif fil-karozza u l-Ambaxxatur Thulthe mar f’karozza għalih. L-għan tal-laqgħa ma’ Mintoff baqa’ sigriet imma x’aktarx Sharif kien ġie Malta biex isiru taħditiet dwar kif seta’ jitmexxa t-torri tal-kontroll tal-ajruport ġaladarba jitilqu l-ħaddiema tar-Royal Air Force. Mintoff kien ordna ’l-Ingliżi biex jitilqu sas-Sibt, 15 ta’ Jannar imma dawn bdew jirreżistu li jitilqu hekk ħesrem. Kollox kien qed jindika li Mintoff stieden lil Taha Sharif biex il-Libjani jieħdu f’idhom il-komunikazzjoni tal-ajru. X’aktarx li kien ukoll għalhekk li ġimgħa qabel kienu waslu Malta grupp ta’ 48 tekniku mil-Libja. Imma l-Ingliżi ma ridux jafu: kienu konvinti li jżommu l-kontroll tat-torri u tal-impjanti elettroniċi ta’ ġo fih sakemm it-3,500 ħaddiem tagħhom kienu lesti biex jitilqu.
Fl-10 ta’ Jannar 1972, Mintoff bagħat telegramma oħra lil Nixon, illum arkivjata bin-numru 2308Z: forsi għaġġilt wisq u ma xtarrejtx biżżejjed il-patt ta’ Heath li fih qal li se jitilqu bil-kwiet. Il-Ħadd li għadda rċevejt messaġġ mingħandu dwar it-termini tat-tluq: altru milli qed jitilqu minn pajjiż li tqanna’ bihom għal 170 sena, iridu jitilqu ta’ ħakkiema u jħallu lil Malta qisha l-għadu skonfitt tagħhom. Heath irid iżomm kontroll fuq il-faċilitajiet kollha essenzjali, bħall-ajruport, għal perjodu ta’ żmien mhux determinat u jrid jitfa’ l-commandos armati tiegħu hemm — dawk il-commandos li kienu ġabu Malta biex iżommu ’l barra l-aggressuri tal-Patt ta’ Varsavja kontra l-membri tan-NATO. Naħseb li qed tara sew int ukoll issa li għalxejn tagħmel minn kollox u li tkun ħelu magħhom dawn. Dejjem tispiċċa taqlagħha fl-istonku int mingħandhom. Qatt ma ġġibha żewġ magħhom. Issa jew ma jridux li Malta jkollha ħbiberiji mal-alleati tagħha, jew qed jistennew biex iwaqqgħu l-gvern elett demokratikament. Ma nafx x’nista’ nagħmel iktar ħlief navża lill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda.
Fit-28 ta’ Jannar 1972, Otman kitbilha ittra oħra. Din id-darba l-karta li kitbilha fuqha tant hi rqiqa li kważi tista’ tara minnha, folji meħudin minn rima karti tal-ittri jinqatgħu minn fuq u li kien ikollhom gost f’wieħed mill-ġnub. Dawn li kiteb fuqhom hu kellhom żewġ wardiet ħomor fil-kantuniera t’isfel tax-xellug, naqra mqabbża. Karti sentimentali. Ix-xita kienet għadha nieżla qliel. Id-djar tat-triq tagħhom kienu qed jiġġarrfu. Kien għadu ma rċieva xejn mingħandha, imma forsi l-posta waqgħet lura minħabba l-għargħar li kien hemm. Jgħidilha li bagħtilha xi ritratti, u li jispera li rċiviethom. Qalilha li għalkemm kulħadd kuntent li se jiżżewwiġha, missieru kien konvint li l-ħajja fil-Libja mhix se togħġobha. Missieru ma kienx kellmu fuqha l-biċċa, imma kien jaqsam l-inkwiet tiegħu ma’ ommu. Kulħadd qagħad kwiet għax ħadd ma ried iħassarlu l-festi. L-għada kellu jmur lura Es Sidr, forsi jibda jġemma’ l-flus biex ikollu għad-dar u għat-tieġ. Qed iħossu joqrob lejha bl-istess mod kif il-Libja u Malta qed joqorbu lejn xulxin: smajna li lbieraħ telqu mil-Libja xi delegati tal-gvern biex iġibu l-ħaddiema Maltin hawn. Staqsieha x’dokumenti għandu bżonn biex jiżżewġu: forsi xi ċertifikati mingħand il-gvern, tat-twelid u mewt fil-familja? U probabbli rrid nittraduċihom għall-Ingliż u nġibhom Malta għall-gvern u għall-Ambaxxata tal-Libja, hux hekk? Sibt par buz, size 41. Trid nibgħathomlok?
Iċ-ċertifikati ta’ Otman qatt ma sibniehom, la hi u lanqas jien. Qatt ma kont fittixthom u qatt ma ridt inkun naf wisq dwaru sakemm ġejt bżonnhom bl-iktar mod urġenti. Ħafna minn dak li kont naf dwar Otman kont tgħallimtu waqt li kont ngħin lin-nanna tnaddaf is-sideboard tal-kamra tal-ikel u l-vetrina tal-ħġieġ li kien hemm fuqu. Fiha kien hemm ktejjeb żgħir, wieqaf bħal kartolina, li ommi bdiet timla bil-kliem u l-ismijiet ftit wara li twelidt jien. Kien hemm ritratt tiegħi tarbija ta’ ftit xhur, tarbija kwalunkwe, imgeżwer ġo xalla ċelesti wiċċi ’l fuq fuq gverta safra, mimdud fuq sodda kbira. U madwari siġra twila stampata fuq il-paġna li minnha joħorġu żewġt ifriegħi u minn kull fergħa werqiet kbar li fihom kien hemm spazju fejn tikteb. Kull fergħa kienet in-nisel: fuq ix-xellug kitbet ismu u isem niesu, fuq il-lemin kitbet tagħha u ta’ niesha. Minn din is-siġra kont tgħallimt isem missieru u ommu — Salem u Salma — u missier u omm missieru — Otman u Janine. Meta n-nanna kienet tqabbadni nfarfar it-tazzi tal-kristall ta’ dil-vetrina, kont inħares ftit lejn il-ktejjeb u nimmaġina lil Salma, mara xaqra, b’ġilda bajdanija mkemmxa sew, għajnejha żoroq, imwaqqfa u magħluba, liebsa velu aħdar skur u par imsielet dendula tad-deheb, tberraqli mill-angolu ta’ moħħi fejn jgħixu dawk li ħloqthom bl-immaġinazzjoni tiegħi. Forsi kienet qaltli xi darba ommi dwarha, forsi ivvintajtha jien lil Salma, għaġeb maħluq min-nisa li kont nara fuq il-gamewwi li kienet tilbes in-nanna jew dawk li kont nara taħt il-gvieret xitwin meta kont nibża’ norqod waħdi. Ġieli kont nimmaġina li Salma tant trid tarani li se tasal tibgħat lil xi ħadd joħodni mill-flett tal-gvern u żżommni għandha, maqful ġo did-dar fi triq kollha ramel u trab. L-idea kienet twerwirni u allura ndawwar il-ktejjeb tal-vetrina jħares ’il ġewwa biex ma nerġax nara isimha miktub iżebbeġ lejja. U n-nanna tiġi ssus warajja u tgħidli li qed inpoġġi kollox kontra.
Ftit wara li għalaqt it-tmintax-il sena, in-nanna kienet qaltli biex neħodha tiġbor il-permess tal-vot mis-Sala Parrokkjali ta’ Ħal Lija. Meta wasalna, il-vot tiegħi ħadd ma seta’ jsibu. Iċċekkjaw għal darba darbtejn u qaluli li ma kontx imniżżel fir-reġistru elettorali. Kieku kien għalija, tlaqna ’l barra u l-istorja waqfet hemm; in-nanna, imma, kienet pezzakustjoni. Bagħtuna minn uffiċċju għal ieħor sakemm ġiet ommi u bdiet iċċempel lil xi nies li kienet taf. L-għada morna l-kwartieri tal-pulizija. Qalulna li ismi kien tneħħa mir-reġistru, li ma bqajt nidher assolutament imkien. Rajt wiċċ ommi jkanġi l-ilwien, forsi għax bdiet tifhem iktar minni x’kien qed jiġri. Qalulha li tlift iċ-ċittadinanza Maltija tiegħi; li minħabba li ma kontx għamilt domanda formali biex titneħħieli ċ-ċittadinanza Libjana, in-nisel u ċ-ċittadinanza waqgħu awtomatikament taħt missieri. Ġejt imħassar mid-dokumentazzjoni formali tal-Istat. Ġejt imneżża’ mill-wirt politiku li għaddieli ġufha. Ġejt imqaċċat mill-għeruq li saqqietli u li kienu bdew jinfirxu taħt l-art għammiela ta’ Ħal Lija u tal-Iklin. Ġejt imċaħħad mid-dritt fundamentali li tani nisel ommi, id-dritt li nkun magħha, fuq artha, ġo darha, id-dritt li nuża l-grammatika tal-possessiv. Ġejt imbiegħed minn kull forma ta’ appoġġ legali, bijokulturali, u sovran. Ġejt imneħħi mil-leġġibbiltà amministrattiva, il-prostetika li tagħmlek finzjoni politika ħajja, suġġett bid-drittijiet. It-tifel Libjan. Irid joħroġ mill-pajjiż. Ma niftakarx wisq x’kien ġara dak il-ħin però niftakar biss li wiċċ ommi tgħawweġ u tkemmex u nxtorob. Leħinha karab karba li kienet ilha ma tinstema’ eluf ta’ snin. Għamilna żmien twil niġru minn dipartiment tal-gvern għal ieħor, mid-depot tal-pulizija għal Kastilja u lura, nawditjaw kull darba li dħalt u ħriġt mill-pajjiż minn fuq it-timbri fil-passaport aħdar, nitħabtu mal-uffiċjali tal-immigrazzjoni biex nuru li qatt ma kont tlaqt minn Malta għal żmien twil biżżejjed biex niġi ddeportat lejn il-Libja. It-tifel kellu jagħżel ċittadinanza waħda u la ma għażilx, se jkollu jmur lura l-Libja. Wara tliet snin ta’ qtugħ ta’ nifs, imdendel bejn l-għażla li ngħix bil-moħbi bħala Libjan illegali f’Malta jew li nsir nonentità maħrub minn Malta u ngħix bħala ekstra komunitarju fl-Ewropa, ommi rrassenjat ruħha li mmur ngħix il-Libja sakemm jitranġaw l-affarijiet. Imma fil-ħin wasal envelopp b’ċertifikat kbir li jiddikjara li Omar N’Shea ġie naturalizzat f’ċittadin Malti, interpellazzjoni tal-Istat li ħelsitni darba għal dejjem mill-obbligu li naddotta art missieri bħala l-art tiegħi, dak il-post li ma nafux u ma jafnix, dak l-imkien ta’ ramel u muntanji fix-xeqliba l-oħra tad-dinja. Daħħalt iċ-ċertifikat li tant ferraħ lil ommi u ’l nannti lura ġol-envelopp u poġġejtu fil-kexxun tal-iskrivanija. Imma l-ewwel ħaġa li għamilt meta sirt Malti fl-1994 kienet li tlaqt minn Malta. Wara tliet snin ngħix f’kundizzjoni politika sospiża, nitbandal bejn żewġ entitajiet bijopolitiċi, wara tliet snin maqbud f’dik li Louis Althusser isejjaħ “sitwazzjoni parodika”, nittallab mingħand l-Istat biex juża l-burokrazija performattiva u patrijarkali tiegħu biex jirrikonoxxini meta kien hu stess li ċaħadni, wara tliet snin ngħix bla prostetika formali tan-Nazzjon Sovran li jagħrafni bħala suġġett leġġibbli, iċ-ċittadinanza sovrana ma baqgħet xejn ħlief privileġġ li ma ridtx iktar, ċittadinanza li ħafna minn sħabi Maltin li kienu marru jgħixu Londra diġà kienu bdew jisħtuha meta beda jagħlqilhom iż-żmien li kienet tagħtihom il-Commonwealth biex jaħdmu fir-Renju Unit u kellhom jibdew ġejjin lura. Każbartha, bżaqt fuqha, irfistha u għattantha taħt saqajja. Inżajt il-prostetika kollha li kont ilbist biex ngħaddi ta’ Malti u mort ngħix l-Italja bħala ekstra komunitarju, b’passaport aħdar li kulħadd kien jaħsbu Għarbi.
Xhur ta’ skiet. Inqalleb biex insib xi ittra li timla l-vojt bejn l-aħħar ta’ Jannar u t-13 ta’ Mejju, 1972. Jgħidilha li ilu ma jisma’ mingħandha, li forsi trid jitlaqha fil-paċi. Sema’ li ltaqgħet ma’ xi ħadd ġdid, li rawha tiekol miegħu l-British Restaurant tal-Belt u li wara kienu qed jiżfnu flimkien. Ippruvajt niktiblek imma ma ridtx, mhux wara li sieħbi ġie Malta, iltaqa’ miegħek u għedtlu li spiċċajna. Imma jien u int twelidna għal xulxin, ħadd mhu se jidħol bejnietna u int miegħi biss tista’ tkun kuntenta. Issa tara, jekk veru nsejtni, la tarani terġa’ timtela bl-imħabba għalija. U jistaqsiha jekk tistax tgħinu la jasal Malta, forsi tiġbru mill-ajruport u tieħdu jsib flett fejn jista’ joqgħod. Forsi ddawru ftit ukoll, imorru l-Buskett Roadhouse. Anki bħala ħbieb biss, ma jimpurtax. U jekk dan li għandek issa jirrabja, nieqaf niktiblek. Ifakkarha li kienet tatu troffa xagħar minn tagħha u li kien ħadha miegħu meta mar lura. Jgħidilha li jħalliha fil-basket u jġorrha miegħu. Il-kitba terġa’ ssir masturbatorja. Il-ħin kollu mmellisha, inxommha u nbusha. Inħobbok, nimmissjak, inħossni waħdi, skużani se nieqaf inkellmek hawn fuq dawn l-affarijiet. Skużani imma ma nistax nirreżisti. U jaqta’ ħesrem.
Qattajt il-vaganzi tas-sajf tal-1980 kważi kollha d-dar t’ommi tal-Iklin. Il-patt magħha biex noqgħod hemm u nkun nista’ ngħum sa billejl, kien li nagħti daqqa t’id, nieħu ħsieb l-annimali, naħsel il-karozzi u niżbogħ ix-xatba. Il-pixxina kienet id-dinja tiegħi: nifta’ l-ġebel fin-naħa l-fonda u nogħdos għalih, intellaq ma’ min jinżel jgħum, u nara x’qabża se nivvinta: jew gabrijoli minn fuq il-madum jew għal rasi minn fuq il-bejt. Ngħum min-naħa għall-oħra u lura fil-qiegħ u nżomm in-nifs. Nitla’ niekol il-patata maxx, nagħti l-laħam u l-ħut bil-moħbi lill-klieb, u nerġa’ ninżel fl-ilma. Is-sajf tal-1980 ma lbistx flokk wieħed. Għamilt sajf bil-malja, norqod, inqum, ngħum u ninħasel fiha. Kienet malja żgħira, bi strixxi ħomor u blu, u stilel bojod — bandiera tal-Amerka. Fid-dar tal-Iklin tgħallimt naqra, nigdeb, innaddaf l-annimali, nagħżaq, ngħum, nitkellem bl-Ingliż, u nibża’. Speċjalment nibża’. Ta’ tifel kont dejjem nibża’ mid-dlam, u l-Iklin kont noħlom li hemm l-erwieħ għaddejjin purċissjoni minn wara l-bieb tal-ħġieġ tal-kċina u jduru dawra mas-siġra l-kbira tal-berquq, iġorru rashom f’idhom. Qatt m’għedt lil ħadd li kont narahom fil-ħolm, u qabel norqod kont nagħfas l-imħadda fuq wiċċi u meta nkun kważi se nifga ngħid lili nnifsi, aħjar nibża’ milli mmut. Ħabib tiegħi fil-klassi għamel żmien twil jgħidli li jara x-xitan jistennieh ġej mill-iskola fuq it-taraġ li kellhom malli tidħol mill-bieb. Jien, l-erwieħ tiegħi żammejthom għalija. Biss, il-biża’ fi tfuliti xi drabi kien jieħu xejra iktar konkreta. Is-sajf tal-1980, żewġ ħallelin kienu daħlu fuqna f’nofs ta’ lejl waqt li jien kont rieqed ma’ Filumena, omm il-mara t’ommi. Ommi kienu l-Gżira, xogħol. Jien kont rieqed ma’ Filumena, hi fil-kamra tagħha maqfula biċ-ċavetta u jien fil-kamra tiegħi, l-ewwel waħda wara l-bieb ta’ barra, fuq ix-xellug, bit-tieqa tagħti għax-xatba. Qajmuni d-dawl ta’ karozza u l-inbiħ tal-klieb. Għall-ewwel ħsibt li kienu waslu ommi u allura għalaqt għajnejja biex norqod. Imma ftit minuti wara li rajt id-dawl tal-karozza jintefa, bdejt nisma’ ħsejjes u tgedwid mhux tas-soltu. Kienu tnejn. Bdejt nismagħhom jissaraw mal-bieb ta’ barra. Wara ftit, żgassaw il-bieb u daħlu. Bdew ikissru u jfarrku kemm jifilħu. Bdejt nisma’ lil Filumena twerżaq, il-ħġieġ jitkisser, l-injam jinstabat mal-ħitan u mal-madum. Smajt il-mera l-kbira tal-intrata titfarrak, is-siġġijiet jiddamdmu mas-saqaf u mal-ħitan. Bdejt nistenna li jidħlu fil-kamra tiegħi, nistenna, nistenna. Moħħi ffriżat, stampa wieqfa, ħsejjes biss. Kollox intemm ħlief is-smigħ. Sonorità mġissma. Ħadd ma daħal fil-kamra tiegħi, u lanqas f’ta’ Filumena. Ma nafx jekk ommi waslux ftit wara jew ħafna; naf li meta waslu smajtha tgħajjat ismi. Filgħodu ġew il-pulizija, ħadu kemm felħu ritratti u bdew jistaqsuni xi smajthom jgħidu. Ma kontx smajt sew imma naħseb li wieħed qal lill-ieħor biex ma jidħlux fil-kamra ta’ wara l-bieb. Il-pulizija kienu sabu ras ta’ pupa mixħuta fl-ilma tal-pixxina, pupa li ommi kellha għal qalbha sew għax ħallithielha zijitha Salvina fil-wirt. Imma xejn nieqes. Tifrik biss.
Ommi ddeċidiet li billejl kien hemm bżonn raġel joqgħod magħna waqt li huma kienu jinżlu jaħdmu ġaladarba jien ma rridx immur għand in-nanna. L-għada kien ġie Tarek, Libjan ta’ 25 sena minn Tripli, ħabib t’ommi u li għalija kien qisu ħija l-kbir, u baqa’ hemm għall-kumplament tas-sajf. Atletiku, jaf jgħum sew, itellagħni fuq dahru biex naqbeż għal ġol-pixxina, joħodni miegħu fuq il-mutur, itellaq miegħi fil-baħar, jixwi l-ħut fl-għalqa fejn is-siġar tar-rummien, u jdoqq id-diski ta’ Blondie fuq l-8 track cartridges. Filumena kienet niżlet lura l-Furjana għax issa kien hemm Tarek magħna u Tarek kien ħa l-kamra tagħha. Imma darba, f’Ġunju, Filumena kienet telgħet lura għal xi ftit ġranet għax il-kbir tagħha, Ġużi, kienu tellgħuh jumejn bil-breakdown u bdiet tibża’ toqgħod waħedha. Ġużi kien raġel gustuż u ferrieħi sakemm ħakmitu dalmet ir-ruħ. Ma kinux iħalluh imur il-Belt waħdu, lanqas isuq il-Honda Civic, u lanqas jagħlaq il-bieb tal-kamra tal-banju meta jinħasel. Ġużi ma reġax ġie lura f’tiegħu. Għamel snin twal jiċċassa fil-vojt, iqabbad sigarett wara l-ieħor, ilissen nofs sillaba u jieqaf, donnu mitfluf jiġri wara ħsieb li baqa’ jaħrablu kull darba li kien kważi se jilħqu.
Lejl minnhom, wara ġurnata għawm, dħalt norqod fil-kamra tiegħi bħas-soltu. Ma tantx kien hemm wisq fiha: sodda kbira, gwardarobba minn ħajt sa ħajt fuq il-lemin, u fuq ix-xellug twaletta bil-mirja jinfetħu. Quddiem is-sodda, tieqa kbira li tagħti għal fuq ix-xatba. Kotba u cassettes mal-art. Il-ħajt ta’ wara rasi kien wallpaper sħiħ ritratt ta’ Brigitte Bardot, b’kappell, jeans bil-buttuna ta’ fuq miftuħa, u dirgħajha jgħattu sidirha għeri. Il-kamra tiegħi kienet il-maqdes tagħha. Imma l-memorja ta’ dan il-lejl mhix ċara daqskemm nixtieq: hija waħda miż-żewġ memorji li huma wisq imtappna biex inkun kompletament ċert minn dak li qed ngħid. Għal ħafna snin, din kienet memorja kważi kompletament mitlufa fl-abbissi mudlama li hemm ġo fina, fl-irdum li ssib meta tagħlaq għajnejk u tixħet ħarstek ’il ġewwa. Tifkiriet li waqgħu hemm, fil-Buskett imfannad tal-passat, fil-Maqluba tal-memorji. Naf li dakinhar Tarek kien daħal fil-kamra tiegħi, neħħa x-xorz tal-jeans li kien liebes, baqa’ bil-qalziet ta’ taħt iswed u tefa d-dawl. Qabeż fuq is-sodda, għaraxni kif kien jagħmel fejn il-pixxina qabel jixħetni fl-ilma, u dar fuq in-naħa tiegħu. Ma damx ma raqad għax bdejt nisma’ n-nifs tiegħu jitqal u jonħor ħafif. F’daqqa waħda moħħi beda jhewden thewdin kbir. Ġiet fuqi bħal fewġa ta’ riħa maskili — bdejt inxomm lil Tarek u r-riħa tiegħu bdiet issir iktar qawwija. Bdejt inxomm abtu, imnifsejh, xagħru, ħalqu, is-suf ta’ sidru. Bdejt nisma’ d-demm jiġri t-tul ta’ ġismu kollu, għargħar mgħaġġel u bla sabar, nara qalbu tħabbat u tħabbat bħall-iżgassar tal-bieb fil-kaxxa ta’ sidru. Bdejt nitriegħed u nibża’ imma r-riħa kienet qawwija u bdiet tiġbidni lejha u jien ma kellix is-saħħa nwaqqaf lili nnifsi. Ir-riħa bdiet ġejja iktar viċin, imnifsejja f’abtu, f’xagħru, fis-suf ta’ sidru. Riesqa, riesqa. Issa idi qiegħda fuqu, titriegħed imma bla kontroll. Issa idi fuq il-qalziet ta’ taħt iswed, ġismu mqajjem. Issa idu fuq idi u idi fuq idu u t-tnejn jagħfsu fuq ġismu. Issa Tarek qed ineħħili jdejja u issa qed jerġgħu jagħfsu fl-istess post. Jagħfsu u jagħfsu sakemm in-nifs ta’ Tarek beda jgħaġġel u ġismu mriegħed ibbies kollu.
Ma niftakar xejn iktar minn dak il-lejl. La naf xi ħsibt, la naf xi kliem għedt lili nnifsi, u lanqas naf kif irqadt. Il-memorja li jmiss fis-sekwenza hija tal-għada filgħodu. Qomt imwerwer. Mhux mibluh, bħalma qamu sħabi mill-ġrajja-ħolma tagħhom, imma mwerwer. B’xejn ma ridt noħroġ mis-sodda. Meta ommi bdiet tgħajjatli, għamilt il-kuraġġ u mort fil-kċina. Il-mejda kienet kobba dlam ġo kamra mdawla bi tlett itwieqi. Ommi tpejjep sigarett, Tarek iħares lejha mbikkem. Għall-ewwel ma bdejtx nifhem u l-kliem kien biss ħsejjes jirbumbjaw mal-ħitan tal-kċina. Imma wara li widnejja qagħdu ftit, bdejt nara l-kliem li bdew ilissnu ħiereġ minn ħalqhom u tiela’ ’l fuq, lejn is-saqaf tal-kċina, mad-duħħan tas-sigaretti. Itavia. Ustica. Ajruplan. Bomba. Gaddafi. Tarek. Dan kien il-kliem li smajt għall-ewwel. Sekwenza ta’ kliem li ma tagħmilx sens, imma li kellha s-sens kollu tad-dinja għalija: mhux qed jitkellmu fuq dal-lejl. U mbagħad kliem ieħor beda jimla l-vojt. Għand ommi waslu Salah u Mahdi, u mlew il-kċina bid-duħħan tas-sigaretti u l-arja ta’ konfoffa. Ommi bdiet tgħid lil Tarek biex ma jiċċaqlaqx mid-dar tal-Iklin, għax isibuh, għax issa żgur jibdew iduru jfittxu n-nies maħruba mil-Libja. Aħjar ma nitniffsux, smajthom jgħidu, ma jmurx ikun hawn in-nies ta’ Gaddafi jfittxu l-Libjani.
Ftit ġranet wara, Salah u Mahdi ġew filgħodu kmieni. Il-preżenza tagħhom fil-kċina reġgħet taqqlet l-arja u qisha mlietha bl-umdità. Bdew jgħidu lil ommi li matul il-lejl splodiet bomba fl-uffiċċju tal-Libyan Arab Airlines taħt il-loġoġ tal-Belt u li iktar tard, xi ħadd kien ipprova jqabbad l-uffiċċji taċ-Ċentru Kulturali tal-Ġemaħarija Libjana fi Pjazza San Ġorġ, dak li waqt il-ħakma Inġliża kien il-Main Guard imma li meta parpru l-Ingliżi, Mintoff, biex jibilgħu f’sormu bihom, kien ta lil Gaddafi biex jintuża bħala ċ-Ċentru Kulturali tal-Ġemaħarija Libjana. Tarek reġa’ beda jsemmi l-ajruplan li twaqqa’ fuq Ustica imma ommi dawret il-kliem. Imma forsi le, Tarek. Forsi mhux il-Libjani. Ilbieraħ Mintoff ħabbar li daqshekk żejt mil-Libja. Mhux se jagħtina iktar żejt bl-irħis Gaddafi. Hemm, ara fuq il-faċċata tal-gazzetta, qaltlu ommi. Fil-Parlament, ġurnata qabel, Mintoff kien ħabbar li Gaddafi kien se jieqaf jagħti ż-żejt lil Malta bi prezz tajjeb. Forsi għax issa qed nitkessħu li għandna ż-żejt? Forsi għax qed iġibu ’t-Taljani jgħarrxu taħt il-blat? Snin wara, meta kont naħdem Saipem f’Milan, iltqajt ma’ wieħed mill-uffiċjali li kienu ġew jistudjaw il-possibbiltà li jsir it-tħaffir għaż-żejt f’Malta. Dakinhar, imma, ma kienx jisimni Omar, u lanqas kont Malti.
Ħmistax-il sena wara s-sajf tal-1980, waqt it-tnedija tal-ktieb La minaccia e la vendetta ta’ Giuseppe Zamberletti li kont mort f’Milan, wieħed mill-ġurnalisti li kien hemm fil-kamra staqsa xi mistoqsijiet dwar Ustica. Ustica. Ustica, waħda mill-kelmiet li nipprova niskava u nġib lura minn dak il-kliem li kont nisma’ fil-kċina ta’ ommi, illum midfun fis-suffitt mal-għabra tat-tipjip. Il-kelma bdiet tirbombja ġo rasi u d-damdim qajjem l-affett li sejjaħ il-memorji mill-qiegħ. X’kellha x’taqsam Malta fil-bomba ta’ Ustica? Kemm hu minnu li Gaddafi kien maħruq li Malta kienet sejra tiffirma patt li jiggarantixxi n-newtralità tagħha wkoll mal-Italja u biex iwaqqafhom, heddidhom bl-attakk fuq l-Itavia? Huwa veru li ftit wara li Malta u l-Italja ffirmaw in-newtralità Gaddafi ordna li titqiegħed bomba fl-istazzjon tal-ferrovija ta’ Bologna, hekk, biex jurihom lit-Taljani li ma misshomx iffirmaw? U min kien li poġġa l-bomba l-Belt Valletta ftit ġranet wara? kompla jistaqsi l-ġurnalist. Forsi l-Maltin għax inħarqu li Gaddafi qatgħalhom iż-żejża? Jew jista’ jagħti l-każ li kienu s-servizzi sigrieti Franċiżi ta’ Giscard D’Estaing? Kien hemm ħafna sefsif f’ċerti ċrieki li l-Itavia niżżluh jew il-Franċiżi jew l-Amerikani għax mingħalihom li Gaddafi kien qed itir fuqu. Kien hemm min qal ukoll li l-għada tal-Itavia, Gaddafi mar jistaħba Malta u biex juruh li jafu li kien hemm, is-servizzi sigrieti Franċiżi poġġew il-bombi fuq kull għatba Libjana fil-Belt u f’Tas-Sliema. Dawn il-mistoqsijiet tal-ġurnalist bdew iqanqluli l-memorja, li bdiet ġejja lura bħal delirju tad-deni, tal-lejl li Tarek daħal f’kamarti, u tal-ġranet ta’ wara, ta’ Salah u Mahdi jsefsfu fil-kċina ta’ ommi fuq il-biża’ li jiġu warajhom il-Libjani ta’ Gaddafi. Dik il-ġimgħa stess, waqt sessjoni ta’ terapija psikanalitika, tlabt li nitkellem fuq din l-istorja li kienet bdiet ġejja lura mewġa wara mewġa. Għedt lill-psikanalist li kont immur għandu li kelli sesswalità prekoċi ħafna ta’ tifel, li niftakar li waqt dawra bir-rota fil-wied tal-Iklin kont sibt munzell stampi pornografiċi mormijin u li ħbejthom ġo kaxxa taħt is-siġra l-kbira tal-ħarrub wara l-kamra tan-nar. Dakinhar ħarġet il-kwistjoni tal-memorja suġġettiva: kont jien li mexxejt idi fuq Tarek? Kien Tarek li mexxieli idi fuqu? Il-prekoċità tiegħi kienet memorja vera jew memorja maħluqa minni bħala difiża psikika? Jien niftakar biss li kont imqajjem, li kont konxju, li dakinhar xammejt il-Libja fuq ġisem Tarek, u li l-Libja għadha sal-ġurnata mqaddsa tal-lum qalziet ta’ taħt iswed, bomba f’Bieb il-Belt, u bandiera kulur aħdar. Aħdar bħall-passaport Malti li fuq il-faċċata kellu l-kitba bl-Għarbi u li sa ma biddiltu f’dak vjola, kienu jwaqqfuni f’kull ajruport Ewropew u jistaqsuni jekk iniex imsieħeb ma’ xi grupp ta’ terroristi, jekk hux qed inġorr xi bomba fil-basket, u jekk għandix dinari Libjani fuqi. Aħdar bħall-qoxra tal-ktieb oħxon ta’ Haywood u Nahmad li bilfors kelli nistudja l-Għarbi minnu. Aħdar bħall-flokk li kont liebes meta n-nanna għaddielha riħ ta’ puplesija. Aħdar bħall-bott tal-iSprite li kont qed nixrob fil-kamra tal-lukanda fl-inħawi ta’ Marble Arch waqt li ommi kienet fuq is-sodda tikteb id-djarju u bdew deħlin l-aħbarijiet dwar l-istraġi li kienet qed isseħħ barra l-Ambaxxata Libjana ta’ Londra, u ftit wara, dwar il-qtil ta’ Yvonne Fletcher. Dakinhar indunajt li n-nanna kellha raġun, li l-aħdar inkwiet biss iġib, li l-aħdar misħut, u rmejt il-bott tal-iSprite fil-barmil taż-żibel li kien hemm ħdejn it-televixin, ġest li ma ntilifx ma’ ommi li ħarset lejja mis-sodda bid-diqa.
Nixon kien wiegħed lil Mintoff li ġaladarba Malta u l-Ingilterra jiffirmaw ftehim għal seba’ snin, l-Amerka kienet se tagħmel ħlas wieħed biss, ta’ darba, forsi biex jikkonsla lil Mintoff, forsi biex irażżnu ftit, jew forsi biex ma jibqax jersaq daqshekk viċin ta’ Gaddafi. Il-ftehim mal-Ingilterra ġie ffirmat fis-26 ta’ Marzu 1972 u Kissinger kien bagħat Malta delegazzjoni ta’ esperti ekonomiċi biex jagħmlu studju fuq il-qagħda tal-pajjiż; b’hekk l-Amerka tkun tista’ tagħmel kalkolu tas-somma li kellha tagħti lil Mintoff skont il-bżonnijiet li kien hawn. Imma sat-12 ta’ Lulju Mintoff kien għadu ma sema’ xejn dwar il-konklużjonijiet tad-delegazzjoni. Iddeċieda li jikteb ittra lil Nixon biex ifakkru fil-ftehim li kien hemm bejniethom u biex jgħidlu li kien għadu ma sema’ xejn dwar ir-rakkomandazzjonijiet li kienu għamlu l-membri delegati li kienu ġew Malta. Ġimagħtejn qabel, forsi biex iserraħlu moħħu, Ellsworth kien wiegħed lil Mintoff li r-reċensjoni tar-rapport kienet qed tinkiteb. Sonnenfeldt kien għadda l-ittra ta’ Mintoff lil Kissinger u qallu li s-somma kienet deċiża imma kienu qed jistennew lill-President jikkonfermaha. Mintoff qed jitlef il-paċenzja u jekk mhux se noqogħdu attenti, se jagħmel xi storja tinkiteb. L-għada kienu bagħtu konferma lil Getz, l-Ambaxxatur li laħħqu wara Prizlaff, li l-ittra kienet waslet għand Nixon u li dalwaqt se jirrispondih. Jumejn wara, Nixon ikkonferma d-deċiżjoni: il-Gvern Amerikan kien lest li jislef ħames miljun dollaru mid-Development Loan Fund biex ikun jista’ jinxtara tagħmir mill-Amerka, biex il-Maltin jitħarrġu fl-Amerka, u biex Malta tużahom jekk tiġi bżonn il-flus likwidi. Minnhom, Malta setgħet tixtri mit-tagħmir żejjed, mis-surplus, tal-Amerikani li jiswa bejn miljun u żewġ miljun dollaru, u biex tinvesti $350 000 minnhom f’għajnuna għall-iskejjel u istituzzjonijiet oħra bil-għan li jerġa’ jiddaħħal il-programm ta’ garanzija ta’ investiment privat (OPIC). Il-memorandum kien iffirmat minn Kissinger.
Fil-15 ta’ Lulju, Otman kitbilha biex jiskuża ruħu li ma weġibx l-aħħar ittra li bagħtitlu imma lanqas kien jaf x’se jaqbad jgħidilha. Kienet kitbitlu biex tgħidlu li sabet ittra mingħand wieħed li qalilha li hu ħabib tiegħu u li jismu Mohammad, li staqsieha biex jiltaqa’ magħha Malta, iddawru ftit u turih xi postijiet waqt il-btala li kien qed jaħseb li jagħmel fuq il-gżejjer. Mir-risposta tiegħu, Otman kien maħsud b’dan il-kliem. Qalilha li ma jaf lil ħadd jismu Mohammad li ġie Malta, li qatt ma ta isimha lil ħadd, lanqas lill-qraba tiegħu, li ma jistax jemmen li tista’ taħseb hekk fuqu, li qatt jasal jagħmel hekk, li jrid ikun qed jitlef moħħu biex jibgħat lil xi ħadd ikellimha mingħajr ma jgħidilha minn qabel. Mela jien se nagħti isem it-tfajla tiegħi biex xi ħadd imur ikellimha Malta? Kien diġà qalilha, erba’ snin qabel, biex ma tiktibx isimha u l-indirizz ġol-ittri li tibgħatlu. U lanqas fuq l-envelopp. L-indirizz tiegħek nafu, m’hemmx għalfejn tibqa’ tiktbu. Ried bilfors jara l-ittra li bagħtilha dan it-tali, biex forsi jagħraf il-kitba tiegħu, jew għall-inqas forsi jara min hu jekk jaqra ismu kollu. Hawn iktar minn sitt elef impjegat fil-kumpanija, kif se nsib min hu? Beda jidħollu dubju li kien xi ħadd li jaħdem fl-uffiċċju postali tal-kumpanija stess. Hemm sbatax-il wieħed jaħdem hemm, forsi wieħed minnhom? U hawnhekk kulħadd jismu Mohammad.
Qalilha li jiddejjaq li dejjem tistaqsih jekk hux miżżewweġ. Anki ommok, il-ħin kollu tizzika li għandi mara oħra hawn il-Libja. Le, għadni m’iniex miżżewweġ. U ma jimpurtax jekk int ħabbejt lil xi ħadd ieħor, jew jekk jien ħabbejtx lil xi ħadd ieħor, għax jien u int issa ta’ xulxin. Int is-sidt ta’ ġismi, l-imgħallma ta’ ħajti. Naf li nista’ mmur ma’ nisa oħra, jew niżżewweġ mara oħra, imma ma rridx — irrid nibqa’ nħoss dak li nħoss għalik. Imma int tħawwadni xi kultant: daqqa tgħidli li trid taqleb għar-reliġjon tiegħi, li trid it-tfal, u daqqa tgħidli li trid tibqa’ Malta. Imbagħad tiġi ommok u tgħidli biex insir Kattoliku, biex insir bħalkom. Ma nafx kif qed narak — jew qed tisma’ dak li jgħidulek in-nies fuqi, li mmur niġri mat-tfajliet Ingliżi, li jien miżżewweġ, li niġi Malta mingħajr ma ngħidlek biex niġri ma’ dik u mal-oħra? Issa la niġi nurik it-timbri fuq il-passaport u tara kif mhux veru dan li qed jgħidulek. Taf, u għedtlek li qatt ma kelli xi ħajra kbira niżżewweġ mara Libjana, u issa inqas u inqas nixtieq. Mhux se nikteb fit-tul dwar dan, Jos, għax ma nafx x’inhu jiġri. Ma nafx. Qed inħossni waħdi, ’qas ma’ tad-dar ma nista’ nitkellem, imma ma nafx x’qed jiġri. L-affarijiet mhux jogħġbuni u qed nisma’ tfesfis meta mmur nieħu l-kafè fi Tripli. Nixtieq nitlaq, nagħmel bħal sħabi u mmur nistudja barra, imma se jkolli noqgħod hawn ’ħabba l-familja. Jien il-kbir, u qatt mhu se jaċċettaw li nitlaq għal dejjem. U biex niġi Malta spiss naqra battikata għax hawn, fit-terminal ta’ Es Sidr, qegħdin sebgħa min-nies biss u wieħed qiegħed imsiefer fuq kors, ieħor ħareġ bil-btajjel, ieħor ħareġ bis-sick għal żmien twil, u x-xogħol ma jistax jieqaf, kollox irid jibqa’ għaddej 24 siegħa. Suppost naħdmu ġimagħtejn u noħorġu ġimgħa field break imma m’hawnx biżżejjed ħaddiema u allura nibilgħu x-xogħol aħna. Imma nwiegħdek li niġi xahar Malta, jew meta jkollok xi xahar off int, jew meta tagħlaq sninek. Bilħaqq, int fid-29 ta’ Ottubru, hux? Nimmissjak sew, u nbusek fuq ġismek. Qed iqumli. Naħseb wasalt għal waħda tajba. X’ħela ta’ ħin dawn is-snin — kieku qegħdin flimkien, ngħixu flimkien, norqdu flimkien kuljum, nagħmlu affarijiet tajbin flimkien, nagħmlu affarijiet ħżiena flimkien, ingawdu ġisimna flimkien. Kemm qed naħlu ħin. Jistaqsiha kif marret l-operazzjoni. Naħseb li kienet neħħiet l-appendix. Jgħidilha wkoll li Nagia għaddiet mill-eżamijiet kollha tal-iskola. Jagħlaq l-ittra bi ftit kliem bil-Malti mkisser li tgħallem mingħand sieħbu, tabib Malti li jaħdem miegħu u li kien iżżewweġ mara Ġermaniża u baqgħu jgħixu Malta: kam zohet le alla we elbanben ehalek lelly. Men aul ma rajtek habetak. Yena fi hobek havna. Elalo elalo.
Meta kien Tripli xtara pakkett karti tal-ittri bħal dawk li kien qed jikteb fuqhom, imma dawn ċelesti b’sitt wardiet roża fin-naħa t’isfel tax-xellug. Fis-27 ta’ Lulju 1972 irċieva żewġ ittri mingħandha. Jgħidilha li għadu qed ifittex min hu il-Mohammad li bagħtilha l-ittra imma min hu jilħaqlu għax kiteb biss ismu u Es Sider Terminal hemm ħafna jisimhom hekk. Qed jippjana biex jiġi Malta fil-Milied: issa skont kemm ituni off tax-xogħol. Fil-każ nagħmel erba’ ġimgħat fid-deżert u nistaqsi għal erba’ ġimgħat off bla ħlas. Issa jiddependi fuq meta jidħol lura dak li ħareġ bis-sick. Tlett ijiem wara, fit-30 ta’ Lulju, kiteb ittra ta’ ħames paġni, u l-karti għadhom imwaħħlin bil-kolla minn fuq. Fetaħ b’karba biex tibgħatlu ritratt: jekk jogħġbok, jekk jogħġbok, jekk jogħġbok. Jekk tħobbni ibagħtu. Jgħidilha li mar jiġbor ir-ritratti u ma għoġbuhx. Imma se jibgħathom xorta — imbagħad għidli jekk jogħġbukx jew le. Imxebba’ ġej u sejjer minn Tripli għad-deżert u lura, xahar wara xahar. Ilu ma joħroġ mil-Libja tmintax jew dsatax-il xahar issa, u qed jaqta’ nifsu. Xogħol biss. U s-sħana tifnik hawn, tħallik bla saħħa. Il-ħin kollu jaqra l-ittri tagħha — xi kultant jaqrahom tliet darbiet kuljum. Ġismi tiegħek. Te amo amore, te amo. Imma jien ninkwieta li tiġi hawn u tiddejjaq — il-ħajja tagħna hawn mhix bħal tagħkom. Isbaħ kemm tridha, speċjalment issa li hawn toroq ikbar, ġonna sbieħ, bini, bajjiet, xemx. Iċ-ċentru wisq sabiħ, qisek l-Italja. L-affarijiet qishom qed jitjiebu hawn — qed nibda nara bini ġdid tiela’, u toroq ġodda. Qed jgħidu li tliet snin oħra l-Libja se tkun isbaħ mill-Amerka. U hawn ħafna Libjani miżżewġin nisa barranin: Ġermaniżi, Taljani, Ingliżi. U qed nisma’ li huma kuntenti jgħixu hawn. Forsi tkun kuntenta int ukoll. U jien ħadd mhu se jindaħalli lil min se niżżewweġ: hekk jew b’hekk, jafu li jien ma rridx niżżewweġ mara Libjana. Ommi taf li nħobbok u n-nisa tal-familja l-ħin kollu jgħiduli biex niġi Malta, niżżewġek u nġibek miegħi hawn; imma ’l missieri ma nistax ngħidlu li nħobbok, jew li nħobb lil xi ħadd. Dawn l-affarijiet ma nistax ngħidhomlu. Aħna nistħu nitkellmu b’dak il-mod ma’ missierna. Aħna rġiel — ma nistax inkellmu hekk. Imma ommi qaltlu — u qalilha li ma fiha xejn b’daqshekk. Qalilha li lest itini xi flus ukoll jekk m’għandix biżżejjed. U aħjar jekk insibu post ġdid għax din id-dar issa qadima sew, u biex tirranġaha trid minn tal-inqas £1 500 — aħjar post ġdid b’dawk il-flus. Sibna waħda bi £8 000 imma qiegħda naqra ’l bogħod minn Tripli, sular wieħed, u mhix tajba għax, bejn li ż-żgħar iridu jmorru l-iskola u bejn missieri jrid imur ix-xogħol… imma ma rrid nikri mkien għax il-kera m’ogħla Alla. Tripli trid xi sebgħin lira fix-xahar biex tikri post bl-għamara. Bħalissa qed naqla’ bejn £185 u £200 fix-xahar fil-but, għax qed naħdem ftit sahra. Imma xbajt naħdem fid-deżert u jekk ikun hawn int, irrid li nkun qrib tiegħek u allura nsib xogħol Tripli. Imma issa ħallik minn dawn l-affarijiet: jien irrid biss li niżżewġu issa mhux meta jkollna xi erbgħin jew ħamsin sena. ’Qas naf jekk tafx kemm inħobbok — kull darba li naħseb fl-aħħar ġranet li qattajna flimkien ninduna li qed naqbad ġismi. Kemm jien mixtieq li nkun maġenbek, immissek… kemm nixtieq li qed nagħmlu flimkien, inbusek fuq ġismek kollu, u nerġa’ nbusek fuq ġismek kollu u nerġa’, u wara ndaħħal ġismi fik. Aħjar nieqaf nikteb hawn għax qamli. Ħa nispiċċa nġibha fil-qalziet. Sellili għal kulħadd u għaż-żewġ kuġini li ġew mill-Awstralja. Issa niktiblek mid-deżert.
It-8 ta’ Awwissu, 1972. Kemm jien xortija tajba llum — għadni kif irċevejt tliet ittri f’salt mingħandek — u waħda minnhom b’żewġ ritratti — wieħed minnhom tiegħek. Kemm huma sbieħ — speċjalment tiegħek b’xagħrek twil u bil-qalziet. Il-kelma qalziet ma jafx jiktibha bl-Ingliż u ħadt battikata kbira nipprova nifhem x’kienet il-kelma li kiteb: “trawiss”. Jekk jogħġbok, ibqa’ ilbes il-qalziet dejjem — dejjem. Ħallini ngawdi nara ġismek, ħallini nżommok miegħi bis-saħħa kollha li għandi. Iġġibni bla kliem — ’qas naf ngħidlek dak li nħoss għalik. Jistaqsiha biex tibgħatlu żewġ ritratti oħra — wieħed liebsa l-qalziet u l-ieħor bid-dublett. Jgħidilha li għandu bżonnhom kemm jista’ jkun malajr. Għala ried ritratt tagħha b’libsa u mhux qalziet? Biex jurih lil tad-dar? Hawnhekk nieqaf naqra u nipprova ngħożż il-memorji li jibdew ġejjin, ħsibijiet mimlija bir-riħa tagħha, qed inxommha qisha qiegħda ħdejja. Ommi u jien kellna ċajta bejnietna: spiss konna nħarsu lejn xulxin u ninfaqgħu nidħku meta xi ħadd kien jagħmel referenza għaliha liebsa dublett. Ommi libset dublett darbtejn biss mindu twelidt jien: l-ewwel darba fil-preċett u t-tieni darba meta qagħdet parrina fil-magħmudija tan-neputi tagħha. Għall-preċett tiegħi, ommi kienet xtrat libsa tal-bellus isfar naqra mitfi, ġlekk u qalziet. Għal taħtha kienet se tilbes qmis sewda naqra skullata u katina twila u rqiqa tad-deheb b’pendent tond bi skorpjun astroloġiku fuqu. Qatgħet xagħarha, bil-ġnub u wara iqsar mis-soltu. Kienet l-isbaħ li qatt rajtha. Kien se jkolli bokka kbira biha fil-preċett; u mnalla, għax jien ridt libsa bajda imma tal-Ascot House kkonvinċieha biex tixtrili waħda bluna, għax bajda naqra komuni u l-blu moda. Ftit sigħat qabel, imma, id-dar beda t-tgergir. X’jiġifieri ħa tilbes qalziet? Mhux biżżejjed tiela’ jitqarben l-ewwel darba bla missier, titla’ int liebsa ta’ raġel jonqos. Ommi marret lura l-Iklin u niżlet b’libsa sewda, bid-dublett, li kont ġieli rajt fuq it-tfajla tagħha f’xi okkażjoni speċjali. Xħin rajtha biha, għall-ewwel qabadni d-daħq imma ftit wara bdiet ġejja l-mistħija u s-swied il-qalb. Ma ridtx nitla’ l-knisja nagħmel il-preċett ma’ ommi liebsa ta’ mara. Kont diġà naf li jekk se titla’ l-knisja bid-dublett se tagħti fl-għajn iktar milli kieku marret bil-qalziet. Ommi qatt ma kienet tilbes ħwejjeġ tan-nisa u d-dehra tagħha dak iż-żmien kienet bdiet tittransja sew allura l-ottika kienet buċċ. Beda jkiddni wkoll il-ħsieb li se tħossha skomda u tan-nejk minħabba fija u ma kellhiex għalfejn, għax jien l-idea ta’ ommi bid-dublett kienet u baqgħet iddejjaqni sal-aħħar. Qabel wasalna, jien għaddast rasi imma mill-kantuniera ta’ għajnejja rajtha toħroġ mill-karozza, terfa’ rasha ’l fuq, titfa’ l-kartiera taħt abtha, u ssir mara quddiem għajnejja, transubstanzjazzjoni ikbar minn dik li dawret l-ostja fil-ġisem ta’ Kristu u li tqarbint biha għall-ewwel darba dakinhar. U apparti l-fatt li kont l-uniku tifel mingħajr missier waqt il-quddiesa, u għalkemm fil-paroċċa ħadd ma stenna li missieri se jimmaterjalizza għall-okkażjoni, kienet din il-bidla ta’ ommi f’mara waqt il-jum tal-preċett li ġegħlitni nħoss in-nuqqas tal-missier b’mod konkret. Ir-rit tal-preċett kien għalija tbandila bejn il-ġeneru u n-nisel, bejn omm liebsa ta’ mara u missier assenti-preżenti. Id-darba l-oħra li ommi libset ta’ mara ma kontx Malta; kont diġà mort nistudja barra. Rajtha biss fir-ritratti. Illum, ninnota li d-darbtejn li libset ta’ mara kienu fil-knisja u jiġi lura leħinha, darba waqt dawra bil-karozza billejl, bix-xita tħabbat fuq il-windscreen, kif konna nħobbu nagħmlu meta tibda xi ħalba sew, tgħidli li għadha tħossha ħażin, li tħoss sens ta’ ħtija stramb, meta tidħol ġo knisja; li kull darba li tidħol, tħoss il-ġudizzju, li tisma’ leħen li jistmerrha u jgħidilha li qed tgħix fil-ħażen, li ma jistħoqqilhiex tkun hemm. Kien wieħed mill-itqal mumenti li qatt kelli magħha — jien li tant kont kburi bl-identità tagħha iktar milli qatt kont b’tiegħi, jien li kont nara ’l ommi bħala l-fortizza kontra kull min kien jipprova jiskrupla bl-għażliet tagħha jew kull min kien jipprova jżeblaħha. Domna s-snin nitkellmu dwar dan il-mument u kien twil il-proċess li għaddejna minnu biex dfinna dak il-leħen u l-eku tiegħu. Ħassejtu mitmum biss waqt il-funeral tagħha; dakinhar, rajt il-ħtija li kienet tħoss tinħall taħt il-fawra tar-raqda ta’ dejjem.
Kitbilha, fit-23 ta’ Awwissu. Mar jagħmel tliet ilbiesi għand ħajjat Tripli. Kollox għoli infern. Nefaq £110. Imma sbieħ: waħda fl-aħdar, waħda fil-kannella, u waħda bluna bl-iswed. Issa nżanżanhom meta nkun miegħek. Se jogħġbuk sew. Mar jaqta’ xagħru qasir — qaxxru kollu: jekk tarani ’qas tkellimni. Imma issa la jikber naqra mmur nieħu ritratt u nibgħathulek. Imma qaxxartu għax jgħidu li meta tqaxxru, jikber iktar b’saħħtu. Kemm nixtieq qiegħed ħdejk bħalissa — ħa nbusek fuq kull parti ta’ ġismek. Nixtieq li qegħdin fis-sodda nagħmlu. Qalbi, kif toqgħod mingħajri? Kif tħossok? X’tagħmel meta jaqbdek u jkollok aptit? Toqgħodx tiddejjaq minni — għidli. Għandi bżonn inkun naf x’tagħmel meta jiġik l-aptit. Kemm nixtieq li qegħdin ġo sodda flimkien, naħxu sa ma mmutu fuq xulxin. Ma naħsibx li fhimtni, imma jien ridt ritratt tiegħek bil-qalziet, mhux bla ħwejjeġ. Ibgħatli wieħed qiegħda l-baħar, bil-malja. U wieħed b’xagħrek qasir ukoll. Skużani li ma ktibtlekx — kont imnerveż bix-xogħol u ma kelli aptit nagħmel xejn. Bdejt nara kollox dlam. Fl-ittra kitbilha lista ta’ affarijiet li hu jixtieq mingħandha: 1. Kun tifla sew, u taf eżattament x’jien ngħidlek; 2. Ieqaf pejjep darba għal dejjem; 3. Ħudni bħala żewġek, l-għarus tiegħek, sieħbek, ħuk, missierek; 4. Isma’ milli ngħidlek jien dejjem; 5. Ejja għix miegħi, anki f’xifer id-dinja; 6. Kun onesta; 7. Kun sinċiera miegħi. Jagħlaq bi frażi li ċertament irrabjatha sew: Jien ma nistax nieqaf inpejjep għax l-irġiel għandhom iktar problemi min-nisa. Forsi għalhekk ommi qatt ma telqet is-sigarett minn idha; forsi għalhekk meta bdiet taqta’ nifisha għax il-pulmun kien imtela bl-ilma waqt il-metastasi tal-karsinoma newroendokrinali, meta ċempilna biex tiġi l-ambulanza għax ħsibna li ma twassalx jekk noħodha jien fil-karozza, staqsiet lill-mara tagħha biex titfgħalha s-sigaretti fil-basket. Lili ma kinitx turini li baqgħet tpejjep wara l-operazzjoni, imma meta sirt naf li ma kinitx waqfet, ħadt gost tremend li la semgħet minni u lanqas mit-tabib. Forsi għaliha t-tipjip, bħal-liżbjaniżmu, kien ir-ribelljoni femminista kontra l-misoġenija, il-mod ta’ kif setgħet tgħix il-ġeneru tagħha f’Malta.
U jerġa’ jiktbilha jumejn wara. Idu qed tibda ttih. Juża linka sewda, korsiv kunfidenti u mgħaġġel. L-ortografija wkoll naqra aħjar imma l-idjoma għadha batuta. L-ittra tal-25 ta’ Awwissu miktuba b’kunfidenza fuq karta mingħajr linji u fejn il-linja tal-kitba hija soda u dritta. Fallika. Orizzontali. Diretta. Mgħaġġla. Ħadtli dak kollu li kien tiegħi, ħadtli moħħi, ġismi, ruħi. Jibda jitħassar lilu nnifsu u jobgħod ’il Tripli: kemm jien imdejjaq hawn. Xi dwejjaq hawn. Mill-miżerja ta’ Tripli għall-miżerja fid-deżert. M’hawn imkien fejn tmur; m’hawn imkien fejn tieħu gost. U int tiġi tgħidli, fl-ittra tas-16 ta’ Awwissu, li xbajt. Xbajt minn xiex? Int tmur tiżfen, tmur fil-clubs tixrob, tmur tgħum il-baħar — jien ili ma nersaq lejn il-baħar żmien twil. Dejjem xogħol. Kollox għalqu hawn — ’qas jekk trid tmur xi mkien ma tista’. Ma baqa’ xejn għad-divertiment. Jien ngħix bil-memorji biss: memorji tagħna nimxu ħdejn il-baħar, indoqqu d-diski, insajru, nagħmlu, norqdu, nerġgħu nagħmlu. U nibqa’ niftakar, u nġiegħel lili nnifsi niftakar u nerġa’ niftakar. Xi kultant nipprova nibdel il-ħsieb tiegħi u nara nistax ngħix mingħajrek: skoprejt li iva, nista’ nibdel dak li jaħseb moħħi imma ma nistax nibdel dak li tħoss qalbi. Ħaġa waħda biss tista’ ttemm dak li nħoss — jekk tibdilni ma’ raġel ieħor. U l-istess int jekk jien nibdlek ma’ mara oħra — anki int tieqaf tħobbni kieku. Nieqaf inħoss dan kollu għalik jekk insir naf li qed tiġri minn raġel għall-ieħor bħall-qħab tal-Gżira li jkun hemm fil-barijiet. Il-qaħba tibqa’ qaħba għal dejjem. Raġel qatt ma jħares lejn il-qaħba bħala mara, qatt ma jimmaġina li qaħba tista’ tkun martu — jaraha biss bħala qaħba, mara li tiġri mal-ġuvintur żgħar, li moħħha biss fil-pjaċir. Tagħmel ħames, tmien jew għaxar snin toqħob u tgawdi u wara ssib ruħha waħedha, mhux miżżewġa, bla tfal. Anki niesha jitilquha waħedha. U l-irġiel l-istess — jiġru minn mara għall-oħra, u meta jikbru jsibu ruħhom waħedhom — bla tfal, bla ħadd min jieħu ħsiebhom la jikbru. Jien dak li rrid mingħandek — li tkun tifla sew, ħafna ħafna tifla sew. Dak li rrid, fhimtni?
It-28 ta’ Awwissu 1972. Arthur Denis Clift, uffiċjal tal-Kunsill Nazzjonali tas-Sigurtà, kiteb memorandum lil Kissinger biex jgħidlu li, skont membru parlamentari Malti, Mintoff kien maħruq u rrabjat bl-għajnuna li bagħtet l-Amerka. L-ammont kien wisq ftit u wasal naqra tard. Mintoff beda jxerred il-kelma li l-Amerka riedet titnejjek b’Malta u mhux veru kellha rieda tajba jew xi ħeġġa partikolari biex tgħin. Beda jiġri għajdut li qed jgħid li l-ammont ma jiswa xejn meta tqabblu ma’ dak li offrew il-Ġermanja tal-Lvant, il-Ġermanja tal-Punent u l-Italja. L-Amerka jmissha tatna għexieren ta’ miljuni bħala rigal, mela hekk? bdew jgħidu li qal Mintoff. Xejn mhi se tieħu minn Malta l-Amerka u m’għandhiex ċans li s-Sitt Flotta se tidħol hawn. Dan kien fil-privat imma, għax pubblikament Mintoff kien faħħar l-Amerikani tal-qalb tajba li wrew bil-flus li kienu sellfu lill-Maltin. Clift ipprova jdawwar id-diskors: imma forsi l-karattru tiegħu, għax jgħidu li taqbiżlu malajr. Sakemm ma qagħadx jaqra t-tmaqdir li qlajna minħabba l-għajnuna li tajna lil Malta mill-kitbiet tas-Senatur Proxmire li ġew irrappurtati mir-Reuters u li waslu Malta. Tiskanta, l-Amerka ma jaf ħadd bihom dawn il-kitbiet, imma Malta milli jidher iva. Konna għaqlin li ma rbatniex il-flus mas-Sitt Flotta. Imma minn kliemu, forsi jista’ jkun li ma kienx neħħa l-idea tas-Sitt Flotta kompletament minn moħħu. Minn kliemu, Mintoff japprezza żgur kieku nlaqqgħuh mal-President. Qed jgħid li għadu ma ddeċidiex jekk jiġix il-laqgħa tal-Ġnus Magħquda. Ma jridx jiġi biex joqgħod bilqiegħda biss, imma jekk jirnexxilu jieħu xi ħaġa sura ta’ nies, jaħsibha sew u jaf ibiddel fehmtu. U aħjar noqogħdu attenti għax il-ħin kollu jberren u jserrep biex jara mnejn se jagħmel il-flus għal Malta. Moħħu f’Gaddafi. L-opinjoni ta’ Clift kienet li ma jagħmlu xejn dwar dan l-atteġġament ta’ Mintoff u jħalluh jhewden waħdu.
30 ta’ Awwissu 1972. Xebbgħatek il-ħolma tagħna? Jew ħadt għalik għax għamilt xi ġranet ma ktibtlekx? Taf sew li żewġ ajruplani biss hawn fil-ġimgħa bejn Tripli u d-deżert: it-Tnejn u l-Erbgħa. Qalbi, ġieli għedtlek kemm hu sabiħ id-deżert? Ramel u muntanji. Tlugħ ix-xemx eżaltanti. Qed nitkiblek din l-ittra fis-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu għax illum l-Erbgħa u nista’ nibgħathielek. Nittama li l-ajruplan iġibli aħbarek. Se nibqa’ mqajjem sakemm tiftaħ il-posta li hawn fit-terminal ħa nara ktibtlix. Qed jikbru l-mustaċċi u l-leħja: kieku qiegħda ħdejja, nagħrxek bihom, inbusek, nilgħab miegħek sakemm torgażma, imbagħad… norqdu sa filgħodu. In-nies tal-età tagħna qed jiżżewġu u jkollhom it-tfal. U aħna hawn, naħdmu u nixjieħu. Kieku jkollna tifel bħal Sandro nkunu l-iktar koppja kuntenta. Imma jekk qiegħda ma’ xi ħadd ieħor, mela iktibli żewġ kelmiet biss u jien inħallik fil-kwiet. 4 ta’ Settembru 1972. L-erbgħa u nofs ta’ filgħodu. Taf kemm hawn nies jaħdmu Es Sidr Terminal? Sitt mija. U mhux dejjem insib nixtri l-bolol. Allura jekk ma niktibx jien int ma tiktibx? Ma tridx turini li tħobbni? Meta kont l-Ingilterra fl-1969, mhux jien kont li bdejt niktiblek? U jien hawn, noħlom li tiġi tgħix miegħi, tieħu ħsieb id-dar, titgħallem tqatta’ l-ħin tiegħek ma’ nisa oħra għax hawn in-nisa joqogħdu għalihom u l-irġiel għalihom. Titgħallem issajjar, titkellem bl-Għarbi l-ħin kollu, u nqattgħu l-btajjel tagħna Tuneż. U noħlom li narak liebsa lbies Libjan. Ara xi ġmiel, kif tgħidu intom: Gostoss mush viro rohi. Wegħedni li tkun tifla sew, li tagħmel dak li nagħmlu aħna skont it-tradizzjonijiet tagħna. Min imur ma’ xi ħadd ieħor meta jkun miżżewweġ, ikun annimal. Jagħmel bħall-baqar. Qaħba tkun. Waqaft tpejjep? Nispera li waqaft tpejjep għax jekk jarawk tpejjep hawn, ara kemm jgħidu fuqek. Għaliha, fil-bidu, Otman kien parti mill-internazzjonaliżmu li tant kienet tħobb. Imma spiss kienet tgħidli, meta kont nistaqsiha, li ma setgħetx tmur tgħix Tripli, li meta spjegalha x’kien mistenni minnha, indunat li hi riedet id-dinja, il-ftuħ mhux l-għeluq. Kienet sabet ruħha tajba ġejja u sejra San Francisco fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet; tgħidli li kien żmien eċitanti immens u turini ritratti tal-postijiet fejn is-sinjorini u l-liżbjani kienu qed iwaqqfu komunitajiet sħaħ. Ngħidliha li ma nistax nimmaġina kif kienet tkun ħajjitna kieku trabbejt Tripli, kif kienet se trabbini, kif konna se ngħixu r-relazzjoni tagħna ta’ omm u iben queer taħt reġim omofobiku, li mill-ewwel beda jrażżan l-oppożizzjoni billi ġie jitnejjek mid-drittijiet umani. Drittijiet umani? Le, le, Omar. Ġie jitnejjek mill-ħajja nnifisha. Otman kien fesfisli xi affarijiet f’widnejja l-aħħar li rajtu. Mahdi u Salah jibżgħu jitkellmu anki hawn — jgħidu li partijiet minn Malta huma distretti Libjani. Gaddafi għandu n-nies tiegħu hawn, ’qas tista’ titniffes għax iduru għall-familja tiegħek Tripli. Il-Gżira, il-Libjani dejjem ġejjin. Il-gays hawn qed jiġu, jew taparsi jmorru jistudjaw l-Ingilterra. Salah imwerwer; jgħidli bil-moħbi li jekk imur lura, ma jafx kemm jirnexxilu jkampa. Joey jittrattah tajjeb hawn — u ma jagħtix kas li jilbes xi kultant filgħaxija u jinżel jaħdem. Niftakar l-ewwel darba li rajt ’il Salah, ġuvni gustuż, ġilda rqiqa, bellusija u bla suf, tistiednek iżżerżaq idejk fuqha, daħkani, mibni qisu suldat. Kien il-ħanut t’ommi fuq banketta mal-bar, sieq fuq sieq, ipejjep sigarett, jonfoħ ’il fuq, u jixrob l-inbid abjad. Wara ftit niżel minn fuq il-banketta, mar fejn il-jukebox u għafas in-numri għad-diska ta’ Fairouz سلملي عليه [sellimli alejħ] “Sellili Għalih”. Il-bidu tad-diska jipnotizzak; lili kien isaħħarni u kont mill-ewwel nibda nħoss iċ-ċaqliq taż-żfin ġej minn wara spallejja, ix-xewka ta’ dahri tixxengel minn naħa għall-oħra. Kull min kien hemm fil-bar qam jiżfen, min ixengel qaddu bil-mod, min jitfa’ rasu lura b’għajnejh magħluqin, jiftaħ sidru biex jilqa’ l-ħsejjes ġo fih. Ir-ritmu repetittiv jgħollili dirgħajja u nibda nitbissem. Wiċċi jixgħel. Minn wara l-bar feġġ Salah, libsa tal-lamè kulur id-deheb, issikkata, bil-pakkett imqabbeż, u parrokka twila, lixxa u bjonda. Għajnejh nofshom imbexxqin qisu daħal ġo estasi ta’ qdusija, u rasu ’l fuq beda jkanta ma’ Fairouz:
سلملي لي عليه و قلو إني بسلم عليه و بوسلي عينيه و قلو إني ببوس عينيه إنتا يللي بتفهم عليه سلملي عليه سلم قلو عيونو مش فجأة بينتسو
Sellili għalih; u għidlu li sellejt għalih; busu fuq għajnejh għalija; u għidlu li jien inbusu fuq għajnejh; int biss tista’ tifhem kollox dwaru; għidlu li għajnejh mhux se jintesew malajr.
Dakinhar, erġajt ġejt wiċċ imb wiċċ mal-Libja imma din id-darba kienet Libja li għaraft fir-rifless tiegħi f’għajnejn Salah, fuq wiċċu, fuq ġismu, fuq il-lamè tal-libsa, fuq il-glitter vjola li bih kien żeba’ l-kpiepel t’għajnejh, fuq xufftejh ileqqu bil-lipgloss. Dakinhar, il-Libja ma kinitx iktar l-imkien ta’ ramel u muntanji, ta’ Salma bil-velu aħdar tipprova taqfilni fil-kamra baħħ. Dakinhar, il-Libja kienet il-vuċi tagħna t-tnejn flimkien bid-dawl tal-bozoz tal-jukebox iteptpu aħmar, aħdar, blu, isfar u oranġjo: سلملي لي عليه و قلو إني بسلم عليه sellimli alejħ u qinnu bisellimli alejħ.
Irrispondietu b’żewġ ittri, waħda fit-28 u l-oħra fil-31 ta’ Awwissu. Fit-8 ta’ Settembru 1972 jiktbilha lura. Kemm hi sabiħa l-ittra twila li bgħattli, dik li fiha tmien paġni. Fl-ittri l-oħra tinstema’ rrabjata sew miegħi — x’qed taħseb? Li għajjartek qaħba? Għandek żball — mhux hekk għedtlek. Int dejjem taħseb li qed ngħid affarijiet koroh fuqek. Jien sempliċement għedtlek kif issir mara li tibda tiġri minn raġel għall-ieħor; erġa’ aqra dak li ktibtlek. Jiddispjaċini jekk fhimtni ħażin — imma naħseb kulħadd irid it-tfajla tiegħu tkun mara tajba u onesta. Xi dwejjaq meta tifhimni ħażin. Jaqleb it-ton tal-ittra. Isir intimu. Qiegħed hawn, f’din il-kamra waħdi, kważi s-siegħa neqsin kwart ta’ filgħodu, qed nisma’ l-BBC Radio, u għandi r-ritratt tiegħek quddiemi. Ħa ngħidlek naqra x’qed inħoss eżattament bħalissa: qed nimmaġina li qiegħda hawn miegħi, bħalissa, u jien qed nieħdok u ngħidlek: “issa m’intix se tgħidli le” u int tingħi “iva, iva” u, f’kemm ili ngħidlek, it-tnejn li aħna nitilqu niġru għal fuq is-sufan qisna mġienen, naqbżu fuq xulxin, nidħol ġewwa, noħroġ barra, ġewwa, barra, ’il fuq, ’l isfel, indawrek, inriegħdek, u int tgħidli “ġibha, ġibha ġo fija, agħfas iktar, iktar, ejja, iktar, ġibha.” Xi ġmiel. Xi pjaċir. U nġibuha t-tnejn flimkien. U wara noqogħdu kwieti — mimdudin, bla ċaqliq. Qalbi. Qajjimthuli iebes ġebla. Illejla jkolli nġerrih. Mhux issa, wara li neħles minn dil-ittra. Iżżewwiġni. Nixtieq li tiżżewwiġni issa. Issa. Ħa niġġennen mingħajrek hawn; għandi bżonn imħabbtek — imħabbtek bħall-ikel għalija.
Fit-18 ta’ Settembru 1972, jiktbilha fl-erbgħa u nofs ta’ filgħodu. L-hena tiegħu jikteb jew jaqra dal-ħin. Jgħidilha li rċieva tliet ittri dakinhar u tlieta oħra ġurnata qabel. F’waħda minnhom kienet qaltlu li bagħtitlu erba’ ritratti iżda hu sab biss tlieta. L-envelopp kien miftuħ u tal-posta Es Sidr ħallewlu nota li l-envelopp kienu sabuh miftuħ. Insomma, kemm int sabiħa fihom dawn ir-ritratti, mitt elf darba isbaħ mill-aħħar li rajtek. Sbieħ dawn ir-ritratti b’xagħrek qasir. Imma tawlu, jekk jogħġbok tawwal xagħrek. Jekk irrid narak b’xagħrek qasir, għandi dawn ir-ritratti. Kemm nieħu gost meta ssejjaħli b’ismi fl-ittri tiegħek: Otman, Otman. Ma nistax nieqaf naqra wiċċek — nista’ naqra ħafna affarijiet fih. Fuq wiċċek qed naqra dak li qed infittex, dak li rrid. U li rrid jien bħalissa hu li nistudja l-fattizzi u l-espressjonijiet ta’ wiċċek. Għandek bħal nar f’għajnejk li qatt ma rajtu qabel — u kont qed infittxu, għax kieku ma rajtux f’għajnejk, ma kontx nixxennaq biex niżżewġek. Int tistaqsini x’inhu dak li nara, imma ma nafx għandix il-kapaċità ngħidhulek dan. La niġi Malta nixrob u forsi jekk inkun xurban, kapaċi nispjegalek aħjar. Biss ħa nipprova ngħidlek fil-qosor hawn. Xi ftit snin ilu kont għamilt żmien naqra u nistudja l-istorja. Kont qed naqra dwar il-qedem, iktar minn elf sena ilu, ħafna iktar. Waqt li kont inkun qed naqra, kont noqgħod nisma’ s-sinfoniji klassiċi. Kont qrajt storja dwar mara fil-qedem li int għandek l-istess karattru tagħha. Dak hu kulma nista’ ngħidlek għalissa. La nkun maġenbek, nispjegalek aħjar.
L-20 ta’ Settembru 1972. Għażiża, għaddew eżatt tliet snin mindu rajtek l-aħħar. Għadu qed jhewden fuq ir-ritratti li bagħtitlu — jgħidilha li sbieħet, li tidher iktar tfajla fir-ritratti, iktar femminili, li issa ċert li jħobbha. Hekk irridek tkun — tfajla sew. Għandi ġenn biex narak, inbusek, nilqa’ l-bews sħun tiegħek. Fl-ittra tagħha staqsietu dwar familtu imma kien ilu xahar ma jisma’ mingħandhom: ħadd ma jċempilli jew jibgħatli, u jien ma nibagħtilhomx lanqas. Mhux soltu nikkomunikaw meta jien inkun qiegħed hawn. U m’hemmx għalfejn nibgħat issa għax id-dieħla ħiereġ field break. U biex ngħidlek is-sew, jien fuqek naħseb mhux fuqhom. Nessejtni ’l kulħadd u jien hekk irrid. U toqgħodx tistaqsini x’jaħsbu fuqek: ma jaħsbu xejn fuqek. M’għandhom l-ebda dritt jaħsbu fuqek u m’għandhom l-ebda dritt jgħiduli x’għandi nagħmel. Ma tarax. Jien ngħidilhom x’jagħmlu huma mhux huma lili. Jaqsam magħha li mill-aħħar li ratu beda joħroġlu x-xagħar abjad (griż, jispeċifika) u li ma jdejqux; anzi, jogħġbu. Jixtieq li jkollu iktar xagħar griż. Issa għandi naqra aħbar xejn tajba: baqagħli ftit biex niġi Malta, tal-inqas xahrejn. Mhix ħtija tiegħi, Jos, imma kif taf sew, daqt nibdew insumu, mit-8 jew id-9 ta’ Ottubru sat-8 ta’ Novembru. Tul dak ix-xahar tar-Ramadan, insa li se niekol jew inpejjep jew nitnitten b’ħarsti lejn in-nisa. Xejn, mill-ħamsa ta’ filgħodu sas-sitta u nofs ta’ filgħaxija. Allura l-aħjar niġi f’Diċembru u ngħaddi l-Milied u s-Sena l-Ġdida miegħek. Nieħu gost kieku għax aħna ma nagħmlux Milied kif tagħmlu intom l-Ewropej. Aħna nagħmlu festa wara l-erbgħin jum sawm: tiftakar li kont għedtlek li nsumu u li l-perjodu nsejħulu Ramadan? Jagħmel lista bl-ismijiet tan-nies fil-familja tiegħu: numru fuq ix-xellug, ir-relazzjoni miegħu fil-kolonna ta’ maġenbha, l-ismijiet u kemm għandhom żmien. Missieru Salem għandu 50 sena u ommu Salma 38. Jitfa’ l-ewwel fil-lista l-ismijiet ta’ ħutu nisa: Nagia 19, Ekdaig (Kadega) 17, Keria (Heria) 7 u Karima 3.5. Wara, is-subien: Fathi 14 jew 15, Ezelden 12 jew 13, Mohamed 9, Mustfa 6, Hussein 2.5. Ħdejn Kadega, Karima, Mustfa u Hussein hemm salib però ma jgħidilhiex għala. Wara ftit naħseb li s-salib magħmul minnha u jindika lil min kienet se tibgħat kartolina f’Settembru (iktar tard jiżżiha ħajr tagħhom: kienet bagħtet tmienja — in-numru ta’ nies li jifdal meta tneħħi dawk li għandhom salib ħdejhom). Imma m’hemmx għalfejn tiktbilhom int direttament għax ma tantx jafu bl-Ingliż. Jekk trid nibgħatlek nota bl-Għarbi u tiktibha int u tibgħathielhom. Se nkun id-dar mis-27 ta’ Settembru sal-4 ta’ Ottubru. Iktibli, qalbi.
Il-korrispondenza bejniethom tiżdied. Kitbitlu fil-15 u fit-18 ta’ Settembru u bagħtitlu tliet ritratti. F’wieħed minnhom hi qiegħda l-baħar. Taf x’għamilli dak ir-ritratt li bgħattli, hux? Mort infittex ritratti tagħha minn daż-żmien u qed nibda nifhem għala qed jgħidilha li issa li tawlet xagħarha, qed issir iktar tfajla sew. Fir-ritratti tal-1971, li ħadet ma’ ommha u oħtha maġenb il-karozza pparkjata Qalet Marku, diffiċli tgħid jekk hix tfajla jew ġuvni. Għalhekk qed jinsisti li ttawwal xagħarha, li tilbes ilbiesi tan-nisa u mhux qliezet, u li ssir tfajla sew. Kemm qed tisbieħ b’xagħrek twil. Jippjana li jiġi wara r-Ramadan u li wara jibda jiġi Malta kull xahrejn. Imma l-aħjar niżżewġu u ngħixu flimkien, mhux jien hawn u int hemm u jien dejjem nitbandal. Anki fl-irqad inħobbok, Jos, għax noħlom bik. U ħallina mill-flus: aħna għandna proverbju bl-Għarbi: il-flus qaddejja tajbin imma sidien ħżiena. Għandi biżżejjed biex niġi Malta — bħalissa l-flus m’għandi l-ebda ħsieb fuqhom. Moħħi f’dan ix-xahar li ġej, bla sigaretti, bla ikel u bla xorb minn filgħodu sa filgħaxija. Mar iġedded il-passaport għax kull ħames snin irid isir bilfors: u issa li l-Libja m’għadhiex Saltna imma saret Repubblika, il-passaporti ġodda fjamanti għal kulħadd. Issa nibgħatlek ir-ritratt li ħadt għall-passaport: ridt nibgħathulek imma nsejt. Xi mkien għandi dar-ritratt: warrabtu għax sabiħ u għandi ċerta ġibda lejh f’dar-ritratt; forsi nara kif xtaqt li kont jien meta kont iżgħar. Diffiċli naħseb li meta ltaqa’ m’ommi, missieri kien għadu ġuvni ta’ għoxrin sena. Jgħidilha li d-dar tagħhom Ħal Lija żgħira wisq biex jgħaddi ġimgħa sħiħa għandhom: irid post għalih, ftit privatezza għalihom għax forsi nkunu rridu nitkellmu bejnietna, u noqogħdu nsajru flimkien. Ma niddejjaq xejn ngħaddi nofs il-ġurnata għandkom imma mhux il-ġurnata kollha. Imma jekk trid li noqgħod għandkom, allura noqgħod.
Meta jkun id-dar jerġa’ jibda jikteb fuq il-karti tal-ittri bluni bil-ward imqabbeż aħmar fuq il-ġenb tan-naħa t’isfel. It-30 ta’ Settembru 1972. Xi dwejjaq hawn Tripli — kif spiċċajt waħdi hawn. Noħroġ ftit kuljum, inpoġġi għand tal-kafè u nerġa’ lura kmieni. Aħjar nibqa’ fid-deżert. U toqgħodx tinkwieta — jien tifel sew. Barra minn hekk, hawn m’hawn imkien fejn tmur, ’qas club wieħed m’hawn. Xi dwejjaq ta’ belt. Kulma hawn huma postijiet fejn tmur tixrob kafè. Hawnhekk ma tista’ tagħmel xejn ħlief tiżżewweġ u toqgħod id-dar. U jekk ma temminnix, mela ejja ħa tara b’għajnejk. Imma ara fiex ġejna. Daqshekk nista’ ngħidlek.
Dakinhar Mintoff kien Tripli wkoll għal żjara qasira ma’ Gaddafi. Filgħaxija reġa’ lura Malta. Kien tkellem ma’ Gaddafi dwar is-sigurtà fil-Mediterran. Malli wasal, Mintoff ħabbar li tlett ijiem wara, fit-3 ta’ Ottubru, Joseph Cassar u Lorry Sant kellhom imorru l-Libja biex jiddiskutu trattati għal kuntrattur Malti fil-Libja kif ukoll dwar proġetti industrijali minn investimenti Libjani f’Malta. Jgħid li Gaddafi kien diġà ħallas żewġ miljun lira biex il-Maltin jibnu floating dock fil-Libja. Qabel jagħlaq l-ittra, Otman jiktbilha li jiddispjaċih li ħuha Salvu ilu daż-żmien kollu bla xogħol u jwegħedha li se jipprova jsiblu xogħol il-Libja — imma la jkun Malta, l-ewwel irid jispjegalu ftit is-sitwazzjoni tax-xogħol kif inhi għall-Maltin li jaħdmu fil-Libja, u mbagħad jaraw. Ftakar fija dejjem, Jos.
Waqt is-seduta parlamentari tat-3 ta’ Ottubru 1972, Giuseppe Maria Camilleri, membru tal-Partit Nazzjonalista, kien staqsa lil Mintoff dwar xi merkanzija li kienet daħlet Malta ftit ġranet qabel fuq ajruplan Libjan. Camilleri staqsa lil Mintoff jekk hux minnu li l-pulizija u s-CID kienu marru l-ajruport, telgħu fuq l-ajruplan, u ordnaw li kulħadd jinżel minn fuqu, saħansitra l-ekwipaġġ stess. Staqsieh ukoll għalfejn niżlu ħdejn l-ajruplan xi karozzi tal-pulizija u jekk hux minnu wkoll li ħattew il-merkanzija u ħaduha magħhom fil-karozzi tagħhom mingħajr ma għaddew mid-dwana. Mintoff ma ċaħadx li dan kien minnu, però r-risposta tiegħu kienet skjetta, kif kellu ħabta jwieġeb meta ma jkunx irid li jitkompla d-diskors fuq is-suġġett: m’għandix għalfejn inwieġeb għal din il-mistoqsija għax ma tirrigwardax l-interessi tas-sigurtà nazzjonali. Ippruvajt infittex x’kien għaddej bejn Malta u l-Libja f’dawk il-ġranet. Fiċ-ċert li delegazzjoni Maltija kienet telgħet għal ftit ġranet biex titħaddet u tinnegozja xi trattati bejn iż-żewġ pajjiżi. Minn Malta kienu telgħu Lorry Sant, li kien il-Ministru tal-Bini Pubbliku u x-Xogħlijiet, u Joseph Cassar, li kien il-Ministru tax-Xogħol, Impjiegi u Sigurtà. Wara jumejn ta’ taħditiet, iffirmaw il-qbil bejniethom u bejn iż-żewġ pajjiżi. Sant iffirma l-qbil li kien għamel ma’ Mahmoud Ahmad al-Mangoush, il-Ministru Libjan tad-Djar, u Cassar iffirma l-ftehim fi tliet partijiet li kien għamel mal-Ministru tax-Xogħol Abulati al-Obeidi. Il-Ftehim ġie ffirmat fil-5 ta’ Ottubru u l-ewwel rapport li ħareġ fil-pubbliku dwaru kien l-għada fil-gazzetta l-Orizzont li fil-faċċata ppubblikat l-aħbar li ġew iffirmati trattati dwar kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali. Dawn it-taħditiet kienu bdew xahar qabel imma kellhom jitwaqqfu minħabba l-mewt ta’ wieħed mill-membri tal-Kunsill Rivoluzzjonarju Libjan. Xejn minn dan ma kien sar bil-moħbi, minn wara dahar l-oppożizzjoni: Mintoff kien diġà ħabbarhom lill-kabinett xhur qabel. Meta, fid-9 ta’ Ottubru 1972 beda jitkellem dwar it-trattati li kienu għadhom kif lestew, fakkar lill-kabinett dwar l-istqarrija PM 30/72 tat-12 ta’ Lulju 1972 li fiha kkonferma li l-Gvernijiet tal-Libja u ta’ Malta kienu qed jgħarblu d-dettalji biex ilestu t-trattati li bihom setgħu jħaffu u jgħinu r-rabtiet ekonomiċi u ta’ ħbiberija bejniethom. L-ewwel qbil li ffirmaw Cassar u al-Obeidi kien dwar il-ħaddiema Maltin li kienu jmorru jaħdmu l-Libja: skont dal-qbil, il-ħaddiema Maltin seta’ jkollhom l-istess benefiċċji bħal-Libjani, u parti mill-bolla li kienu jħallsu huma hemmhekk — li mqabbla ma’ Malta kienet għolja sew — kienet se titħallas lura mill-Gvern Libjan lil Malta u l-ħaddiema kienu se joħduha lura f’pensjonijiet u benefiċċji. It-tieni qbil kien li l-Maltin jitneħħielhom l-obbligu li jħallsu t-taxxa fuq id-dħul f’Malta wkoll (it-tassazzjoni doppja); dan kien jgħodd kemm għal dawk li jaħdmu hemm kif ukoll għal dawk li kellhom dħul minn investimenti fil-Libja. It-tielet qbil kien dwar kooperazzjoni fejn jidħlu t-teknoloġija, ix-xjenza, u l-kultura. Il-ftehim li laħqu Lorry Sant u Mahmoud Ahmad al-Mangoush kien ta’ żvilupp ta’ bini. Il-gvernijiet qablu li l-Maltin tingħatalhom l-opportunità li jaħdmu l-Libja fuq bini ta’ madwar elf proprjetà.
Waqt is-seduta, Mintoff stqarr li biex din il-kooperazzjoni sseħħ kien hemm bżonn li Gaddafi stess jagħmel l-intervent tiegħu. Mintoff qal li fil-fatt, nhar it-30 ta’ Settembru, ftit ġranet qabel il-laqgħat bejn il-ministri, kien għamel waranofsinhar kollu jitkellem direttament ma’ Gaddafi u li kienu qablu li Sant u Cassar itiru lejn il-Libja biex jirrappreżentaw lil Malta: Sant għan-nom tal-Gvern ta’ Malta u Cassar għan-nom tal-Ministeru tal-Impjieg u l-Għajnuna Soċjali.
L-ewwel ma tkellem meta waqaf Mintoff waqt is-seduta kien Ċensu Tabone, id-deputat mexxej tal-Partit Nazzjonalista. Staqsa immedjatament: imma xi trid tgħid biha eżattament elf proprjetà? Mintoff wieġeb li d-dettalji kienu għadhom ma tlestewx iżda li l-Gvern tal-Libja kien diġà għażel l-inħawi fejn il-bini kellu jittella’ u li l-Gvern ta’ Malta issa ried jagħżel min kienu dawk li kellhom biżżejjed esperjenza u li setgħu jieħdu f’idejhom dal-proġett. Il-Libjani kienu diġà qalulhom biex isibu lil xi ħadd li kellu diġà biżżejjed esperjenza ta’ proġett ta’ dan id-daqs, u li jkun aħjar kieku min jieħu dan l-impenn ikun diġà ħadem fuq qafas internazzjonali. Imma Ċensu Tabone, milli jidher, kellu f’moħħu lil dawk in-negozjanti Maltin li kienu diġà qed jaħdmu l-Libja: imma allura dan ifisser li l-ħaddiema Maltin privati li diġà qegħdin jaħdmu hemm se jkollhom jiġu lura? Mhux diġà jgawdu minn benefiċċji dawk li jaħdmu hemm? Mintoff wieġbu: m’għandix l-iċken ħjiel ta’ x’qed jagħmlu fil-Libja dawn il-ħaddiema privati, u ma nistax nikkuntradixxi dak li qed tgħid int. Naf li hemm konsulenti Maltin jaħdmu hemm imma ma naf xejn dwar il-qbil li kien sar għalihom. Li nista’ ngħid żgur hu li ma kien hemm l-ebda qbil bejn il-gvernijiet fuq ix-xogħol li qed jagħmlu dawn il-ħaddiema. Dan li għadu kif sar huwa l-ewwel qbil, fil-fatt. Cassar ried iżid fuq dak li kien qal Mintoff: kull Malti li jaħdem il-Libja, wara għaxart ijiem jiġi intitolat għal servizzi soċjali. Biss il-kontribuzzjonijiet tant huma għolja li issa l-Maltin se jibqgħu jħallsu s-somma sħiħa iżda disgħin fil-mija tagħha ser tintradd lura lill-Gvern ta’ Malta biex il-Maltin jibqgħu jgawdu mill-benefiċċji u l-pensjoni meta jiġu lura Malta.
Tabone kien jidher urtat fuq id-dispożizzjoni legali dwar it-taxxa fuq il-qligħ: imma dan huwa telf ta’ dħul għall-Gvern ta’ Malta biss! Mintoff fakkru li l-vantaġġi li se jkollhom il-Maltin li jaħdmu fil-Libja se jgawdu minnhom ukoll dawk il-Libjani li se jaħdmu Malta. Żied: għall-ewwel, il-Libjani riedu li jeżentaw lill-ħaddiema Maltin u Libjani mit-taxxi fuq id-dħul imma malajr intebħu li jekk jagħmlu hekk, ikollhom jagħmlu l-istess mal-ħaddiema Eġizzjani u Tuneżini, għax mur oqgħod bihom kieku. U biex inkunu ċerti li dawk l-imprendituri li għandhom in-negozji tagħhom żgur iħaddmu lill-Maltin u mhux ’il-Libjani hemmhekk, għandhom bżonn il-kunsens tal-Gvern ta’ Malta. George Bonello Dupuis, mill-Partit Nazzjonalista, widdeb lill-gvern minħabba li dan il-qbil dwar it-taxxa fuq id-dħul kellu jiġi ffirmat mill-Ministru tal-Finanzi għax inkella se jinħtieġu emendi fl-Atti dwar it-taxxa fuq id-dħul. Hekk hu, wieġbu Mintoff, l-emendi se jkollna nagħmluhom. U kemm aħna kif ukoll il-Libjani qbilna li kollox għandu jiġi ċċentralizzat u allura għażilna li jsir kollox taħt il-kappa ta’ ministeru wieħed. Issa wkoll il-ftehim kulturali ġie ffirmat mill-Ministru tax-Xogħol, Cassar, bil-kunsens komplet tal-kabinett. Michael Refalo nnota li l-ftehim dwar it-taxxa kellu dispożizzjoni li ssemmi t-tpartit ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Id-dispożizzjoni kienet donnha darrsitu: din x’tip ta’ informazzjoni hi? Din informazzjoni limitata għal dak li jista’ jitkellem dwaru d-Dipartiment tat-Taxxa? Mintoff wieġbu li kien importanti li dawk iċ-ċittadini li riedu jinvestu fil-Libja jżommu lill-Gvern ta’ Malta infurmat, anki minħabba l-kontroll tal-kambju. Ċensu Tabone qabeż u staqsa jekk ix-xogħol fil-Libja jistax isir ukoll mill-Emergency Labour Corps. Iva, qallu Mintoff. Ħallejna l-ftehim miftuħ għall-interpretazzjoni apposta. Sena wara, fid-9 ta’ Ottubru tal-1973, waqt seduta parlamentari, Farrugia staqsa jekk il-flus li Gaddafi kien ta lil Malta biex tiġi fuq saqajha mat-tluq tal-Ingliżi kinux mislufin jew mogħtija lilna. Mintoff serraħlu moħħu li l-flus kienu mogħtija mingħajr ebda rbit, bħal aħwa li jridu jeħilsu mir-rabta tal-ħakma tal-barrani. Però qatt ma qallu kemm kienet kbira s-somma lil Farrugia. U fejn wasalna fil-proġett ta’ bini fi Tripli? Sant ikkonfermalu li kien diġà sar xogħol preliminari fuq is-sit u żied li dalwaqt kienet se toħroġ stqarrija. Farrugia staqsa lil Cassar kemm kien hemm nies jaħdmu l-Libja. Cassar wieġbu bil-figuri: hemm mija u ħamsa u għoxrin, sitta u sittin minnhom fl-industrija.
It-3 ta’ Ottubru 1972. Meta nkun Tripli, nixrob il-kafè u norqod biss. Sħabi kollha telqu, Jos, min għax kien imdejjaq u min għax beda jibża’ jitkellem. Forsi skuża din li riedu jmorru jistudjaw barra. Ma baqa’ ħadd minnhom. Kieku nista’, nitlaq jien ukoll. Meta tgħidli li m’intix qed toħroġ, li qed tqatta’ l-ħin tiegħek id-dar, twennisni. U nieħu gost meta tgħidli li ħadd m’għadu jinteressak ħlief jien. Qed jgħidu li se jġibu ’l-Maltin kollha jaħdmu hawn. Aħjar, forsi jiġi ħuk ukoll u meta tkun hawn int ma tħossokx imwarrba.
Wasalt Pariġi fl-2004, wara kważi għaxar snin ngħix l-Italja bħala ekstra komunitarju, imwerwer mill-Istat, nigdeb u nilgħab bl-ambigwità ta’ kunjomi u nitkellem bit-Taljan u bl-Ingliż għax il-lingwa kienet l-uniku mezz li bih stajt niċħad iċ-ċittadinanza u nitwarrab mill-oriġini tiegħi. Wara Milan, domt intella’ u nniżżel jekk għandix nipprova nqatta’ ftit żmien Pariġi waqt li kont qed nikteb dwar ix-xogħol u l-ħsieb tal-Mażoreti ta’ Tiberjas. L-interess tiegħi kien fil-familji tal-istudjużi li standardizzaw il-qari tat-test Bibliku Ebrajk billi ħolqu sistemi ta’ dijakritiċi u apparat ta’ kantillazzjoni għat-test. Id-deċiżjoni kienet tħoll u torbot fuq kemm kienet tajba l-librerija fejn stajt naħdem. Mort mill-ewwel l-Institute Catholique de Paris. Laqgħuni malli dħalt, inżilt sular ’l isfel, imlejt il-formoli, tajthom id-dokumenti li kellhom bżonn u ħarġuli l-permess għal sena. Il-librerija hija waħda mill-aħjar għal din ir-riċerka: għandhom il-volumi kollha li kelli bżonn u stajt immur inġib il-kotba jien stess mill-ixkafef. Bdejt immur hemm kuljum minn filgħodu kmieni, ninqafel fil-kamra tal-qari taħt l-art — bid-dawl dieħel minn saqaf tal-ħġieġ — bħal ċella axxetika għat-talb li minnha tista’ tara biss is-smewwiet, naqra bir-reqqa u naħdem b’ritmu sfrenat. Wara l-librerija, spiss kont naqbad ir-rota, naqsam il-Pont des Arts u ninżel niltaqa’ ma’ Xavier ħdejn Colette, Rue Saint-Honoré, fejn kien jaħdem. Xavier kien jieħu ħsieb il-kotba tal-arti li kienu jinbiegħu f’dan il-ħanut li madwaru kien inħoloq kult dinji. Xavier magħmul żgħir, pespus, wiċċ ta’ tifel imqareb, subgħajh u difrejh imtebbgħin bit-tipjip, jilbes biss ħwejjeġ suwed u bojod, jaqra kulma jiġi taħt idejh, jiftakar kollox, u jisħet il-fatt li ġej minn belt sekondarja xi mkien minsi minn alla fejn kulħadd jivvota lil Le Pen. Ma jitlifx vernissage waħda, jaf lil kulħadd, u jaf eżattament x’inhu jiġri f’din il-belt li, għalih, minn barra tidher kaotika imma minn ġewwa hija fil-fatt provinċjali immens, fejn in-nies iddur fl-istess kilometru kwadrat, fejn kulħadd jaf lil kulħadd u ftit huma dawk li joħorġu miċ-ċrieki tagħhom. Jekk jien mort il-Pariġi ta’ Jean Genet, Violette Leduc, Leonor Fini u Guy Hocquenghem, Xavier dawwarli ħarsti lejn Pariġi iktar kontemporanja: filgħaxija naraw xi film ikkampjat sew bħal Peau d’Âne jew Les Parapluies de Cherbourg u nitkebbu u norqdu flimkien qisna tfal, u l-kumplament tal-ħin induru l-wirjiet tal-arti u l-clubs tas-sinjorini, ġieli direttament minn retrospettiva ta’ xi Soutine jew Guy Bourdin għall-kmamar sotterranji u mudlama tad-Duplex, bar li qisu distrett tal-ħufar taħt l-art fejn il-kunsens sesswali kien kważi awtomatiku. Xavier kien dejjem ifittex artisti queer ġodda u l-aktar melodiji elettroniċi b’saħħithom li mbagħad Colette kienu jdoqqu fil-ħanut is-Sibt waranofsinhar biex iġiegħlu ’n-nies iberbqu ġidhom. M’iniex ċert jekk kinux Yvon Lambert li dak iż-żmien tellgħu wirja ta’ Jared Buckhiester, artist li Xavier u jien konna ilna nħarsu lejn xogħlu żmien. Kemm damet miftuħa l-wirja, konna mmorru kważi kuljum niflu xogħlijiet bħal It’s About Queers in Love with their Bullies. F’waħda minn dawn is-serati, waqt li Xavier kien qed jipprova jixtri poster u jien kont qed indur ix-xogħlijiet bil-lapes, ġejt wiċċ imb wiċċ ma’ persuna li spiss kont nara l-gym. Għajnejna ltaqgħu. L-għada waranofsinhar erġajt rajtu u tkellimna. Jerome. Omar. Għarbi? Għalhekk gustuż. Stħajt. Ma kontx imdorri nisma’ dan it-tip ta’ kummenti fuqi nnifsi. Ma kontx lest li nisma’ lil xi ħadd jassoċja dak li regħexni għal snin twal mal-attrazzjoni fiżika. Fost sħabi jien kont dejjem dak li jmur id-dar l-aħħar, imur id-dar waħdu, jistenna fil-karozza l-Ġnien tal-Gżira sakemm kulħadd ilesti u wara jwassalhom id-dar, jaqbad tellerita sħiħa mal-ħabiba liżbjana biex iżomm lill-ħufaturi ’l bogħod minnha għax jaħsbuha tifel gustuż. Jien kont dak li fil-club niżfen waħdi, mitluf minn sensija, mingħajr l-iċken idea ta’ min hemm madwari. Jien kont dak li qatt ma jrid imur id-dar, bla xaba’, jagħli għax jisbaħ. Imma wara snin twal ta’ biża’ mill-intimità li dejjem tirrikjedi li taqsam id-dettalji personali tiegħek, meta ltqajt ma’ Jerome bdejt nilgħab bl-idea li forsi Pariġi kienet dak il-post fejn stajt nieqaf naħbi u nigdeb fuq min jien. Forsi fil-milieu queer Pariġin, kien hemm il-possibbiltà li nitkellem bil-miftuħ dwar Otman.
Għaddejt il-lejl għand Jerome. Meta qomt mis-sodda, sibt il-post vojt ħlief ras ta’ barri bbalzmata u mdendla bħal installazzjoni kbira tal-arti fuq ħajt abjad lixx u għeri minn kull tiżjin, ringiela ta’ siġġijiet taċ-ċinema minflok sufan, u rota sewda b’faxx roża jixgħel isserraħ ma’ ħajt, l-istess rota li ġieli rajtu riekeb barra l-gym. Sakemm tmattart u bilt, laħaq ġie lura; kien mar il-boulangerie ta’ Rue Bretagne jġib croissants bil-lewż li qalli li ħafna nies jiġu fid-distrett apposta għalihom. Fis-sodda, bil-frak fuq lożor tal-Pratesi bojod illamtati, beda jistaqsini fejn trabbejt. Ma kellux wisq ħajra jisma’ dwar Malta, imma ried li ngħidlu dwar il-familja ta’ missieri fil-Libja u ta’ nannti fil-Libanu. Erġajt bdejt nara l-istess għajnejn jibbru f’għajnejja, l-istess tleqqija, l-istess ġibda qawwija tal-ġurnata ta’ qabel. Staqsieni jekk qattx mort fihom dawn il-pajjiżi u qalli biex dakinhar, filgħaxija, immorru nieklu flimkien Chez Omar, wara l-kantuniera. Dar wiċċu ’l isfel, talabni nimtedd fuqu u nagħfas sidri ma’ dahru sakemm iħoss l-irkiekel iqarmċu, inħoss il-fond ta’ dahru jitgħawwar u jistedinni nagħfas iktar ’il ġewwa, rasu moħbija u midfuna fl-imħaded. Wara, rembel sigarett, pejpu, mar fil-kamra ta’ barra, ġab Polaroid, dawwar idejh madwar għonqi, ħares lejja u ġibed żewġ ritratti. Wieħed minnhom iffirmah, kiteb id-data, u tah lili. L-ieħor żammu għalih u poġġieh ġo kaxxa taż-żraben mimlija Polaroids tiegħu stess ma’ mudelli nisa famużi u ma’ rġiel li ltaqa’ magħhom għas-sess. It-tgħanniqa għar-ritratt kienet virili, b’dirgħajh imtellgħin madwar għonqi jiġbidni lejh, bħal ġellied tal-lotta Griega. Tgħanniqa virili imma falza, falza imma familjari, ġest ta’ teknoloġija maskili mġissem u rrepetut minn ġenerazzjoni sħiħa ta’ sinjorini li bdew jitwarrbu mill-ikkampjar, tgħanniqa kkodifikata bl-ansjetà tal-omosesswali metropolitani li bdew jinternalizzaw l-omofobija u jrabbu r-regħxa lejn dak kollu li hu femminili fl-irġiel. It-tgħanniqa ta’ Jerome kienet ikkodifikata b’dan il-mod, mill-istess mistħija u regħxa internalizzata li jien kont nuża biex niċħad il-wirt Libjan u issa wkoll Malti tiegħi. U allura kien hawn li ġejt konxju li fil-milieu metropolitan ta’ bliet bħal Pariġi, is-suġġettività mingħajr ġisem u narrattiva kkodifikata ma kinitx se taħdem. Jekk ridt aċċess, kelli bżonn storja. U l-istorja li kienet se ttini l-ikbar aċċess ma kinitx dik ta’ Malti Ewropew imma l-istorja ta’ Libjan queer, ta’ Għarbi li jistudja t-teoriji eżoteriċi tal-Mażoreti Lhud u li jaqra t-tinqix Kunejformi fuq ġebel misjub taħt it-terrapien taż-żmien u l-ħerba. L-ixkaffar li bnejt biex ngħaddi ta’ Malti ma kienx diskors leġġibbli f’Pariġi queer, u lanqas kien se jikkonvinċi lil ħadd il-gideb imsejjes fuq kunjomi; kelli bżonn nivvinta — jew għall-inqas nara fejn se nsib — mod ġdid ta’ kif nippreżenta ruħi u nirrappreżenta lili nnifsi. Pariġi kulħadd kien immedjatament jassumi li l-isfond tiegħi kien Magrebin jew Libaniż; ismi u d-dehra tiegħi ma kienu jħallu l-ebda dubju. Dakinhar, jien sirt Libjan.
Però li tkun Għarbi fis-sodda ma’ Franċiż ma kinitx mingħajr il-politika sesswali tagħha. L-orjentaliżmu malajr għolla rasu u beda jitgħaqqad, jitrembel u jitħabbel ma’ kull aspett tal-identità tiegħi. Li tkun Għarbi fix-xena queer ta’ Pariġi fil-bidu tas-seklu 21 kien jirrikjedi repertorju sħiħ ta’ affetti, prostetika u teknoloġiji biex int u ġismek tkunu leġġibbli. U jmissni rajtha ġejja minn qabel: kont diġà naf dwar ir-relazzjonijiet ta’ poter bejn il-Mediterranji tan-naħa ta’ fuq u dawk tan-naħa t’isfel. Kont diġà smajt lil Deleuze jgħid li meta tinġibed lejn persuna, fil-verità tkun qed tinġibed lejn pajsaġġ. Kont diġà mxejt fuq għoljiet li jitremblu bi ħlewwa ta’ qsim il-qalb lejn widien mimlijin ħdura u witat miżgħuda bid-dwieli u bil-fwieħa tal-klin u tal-lavanda għall-pajsaġġi miftuħin u xotti, vojta u niexfa ħlief għal xi siġra tal-bruka jew tal-akaċja, imfewħa biż-żerriegħa tal-kumin u tal-fienu. Kont diġà rajt il-ħarsa ta’ Jean-Daniel Cadinot fil-film Harem tal-1984 u fi produzzjonijiet pornografiċi oħra ta’ Studio Beurs li fihom il-kamera ċinematografika tħuf u żżebbeġ għajnejha wara rġiel omosesswali bojod jiġru, iħufu u jinħxew fis-swieq u fil-ħammamijiet ta’ Casablanca, produzzjonijiet li Maxime Cervulle u Nick Rees-Roberts isejħu “pornografija etnika” ta’ ħarsiet kolonjali u turiżmu sesswali. Kont diġà smajt mingħand il-Mina u mingħand sinjorini Maltin tal-ġenerazzjoni ta’ qabli li kienu spiss imorru ma’ sħabhom Taljani u Ingliżi t-Tuneżija jgħabbu l-Għarab normali, dawk li magħna ma jagħmlux tajjeb imma jagħmlu. Mill-għajn nemmiesa ta’ Cadinot, is-suġġett abjad dejjem joħroġ mill-konfini provinċjali tiegħu u jimraħ biex jiskopri l-art barranija, metafora tat-truppi imperjalisti Franċiżi li ppenetraw it-territorju u l-pajsaġġ Għarbi. Hawnhekk, l-Għarbi jidher dejjem ġewwa l-konfini ta’ pajjiżu u ġewwa l-konfini tan-narrattiva filwaqt li s-suġġett omosesswali u emanċipat Ewropew li jmur iħuf u jimraħ fil-bogħod, isib ruħu f’ekonomija libidinali Għarbija msejsa fuq il-loġika sesswali li l-att penetrattiv mhu qatt imħabbel mal-kwistjoni tal-omosesswalità. Isib leħnu jirbombja l-kliem li kitbu l-FHAR fir-rivista ta’ Jean Paul Sartre Tout! fis-sebgħinijiet b’solidarjetà sesswali mal-irġiel tal-Afrika ta’ Fuq: iva, mort ninħexa ma’ raġel Għarbi u kburi biha u nerġa’ nagħmilha!
Meta wasalt Pariġi fl-2004, it-teknoloġija sesswali ta’ ġisem Għarbi kienet mistennija li tkun dejjem trid, dejjem virili. U kont kważi bdejt nemmen li fil-politika tal-intimità li qsamt ma’ rġiel oħra f’din il-belt, id-deżiderju queer beda jaqleb il-loġika kolonjali ta’ taħt fuq, jilbisha ta’ ġewwa barra, li s-suġġett abjad jissedimenta fih il-ħtija tal-kolonja u jsolviha billi jħalli lilu nnifsu jiġi ppenetrat mill-alterità. Biss, meta sirt Libjan fil-milieu queer tal-Ewropa, għaraft li ma kienx kompletament minnu, jew għall-inqas ma kienx biss hekk. Għaraft li din is-solidarjetà sesswali ma kinitx mifruqa mill-fatt li l-eterosesswalità obbligatorja reġgħet għal darb’oħra bdiet tinqeda bil-pufti biex issolvi l-ħtija fallika tal-ħaxi tagħha, biex ittaffi ftit mill-kuxjenza mnawra tal-ħerba li għamlu l-missirijiet imperjalisti. F’din il-loġika bażwija tal-poter, il-kolonjalist jaħtaf u jinqeda bl-aġenzija passiva tal-pufti biex l-Għarbi jiġi kostrutt bħala dak li dejjem irid, dominanti, attiv, penetrattiv, u wieqaf għax demmu sħun, ibaqbaq, iħanxar, joqtol, jistupra, iqatta’ u jiekol. U allura, jekk ħassejt li stajt ngħaddi bil-miftuħ ta’ Għarbi queer, malajr indunajt li stajt inkun leġġibbli biss billi nħares l-obbligu tiegħi, billi naqdi l-bżonnijiet tas-srum bojod. Hawnhekk allura naraw kif f’dan id-diskors, l-Għarbi mhu xejn ħlief eċċess libidinali, aġenzija fallika mingħajr psike. Il-psike hija l-ewwel miftuqa u mżarrda minn mal-alterità u mbagħad meħjuta mas-suġġettività tal-Punent, marbuta f’għoqda mal-bjuda biss. U jekk is-sorm huwa l-psike tas-suġġettività ħatja tal-kolonjalist abjad, u jekk aħna mingħalina li s-suġġett abjad jinħall mill-ħtija tal-passat billi jinqeda bil-pufti biex jiftħu sormhom għall-Għarab, l-omonormattività, bil-mimetika kolonjali kollha tagħha, reġgħet ħarbet mid-dmirijiet tagħha billi dawret il-loġika tal-passività stess: illum ma nitkellmux fuq il-pufti bojod passivi, imma fuq il-power bottoms, dawk li jaqilgħuh f’sormhom b’mod attiv, maskili, virili, u b’aġenzija fallika. It-turist abjad li jmur jinħexa ma’ kull Marokkin f’Harem mhuwiex qed jiskulpa lilu nnifsu u lin-Nazzjon Sovran mill-ħdura tal-imperu imma qed jipperpetwa dik il-ħdura għax l-analità mhix biżżejjed biex tiddikolonizza. Meta kien imiss lili, jien ħsibt li stajt nieħu l-imperu f’idi u nidħol fih b’aġenzija fallika Libjana, però l-imperu baqa’ jużani biex jipperpetwa l-jouissance tiegħu, il-potentia gaudendi tas-srum u l-imperi tal-Punent .