GĦall-ħabta ta’ Settembru, fit-tarf tax-xtajta fejn l-ilma tal-baħar baxx imelles ir-ramel u jqarmeċ mal-blat qabel jieqaf ħesrem mal-ġenb tat-tarmak imwitti għal mijiet ta’ kilometri tul Ras es Sidr, għandhom ħabta jinżlu erba’ monakelli żgħar, pluvieri li tiġbidhom ix-xamma ta’ xi gamblu jew xi bebbuxu u jinżlu jnaqqruh b’munqar ponta ta’ lapes. Ma tantx tara minnhom f’dawn l-inħawi; jafu li l-iskrataċ imferrxa ’l hinn u ’l hawn mhumiex sinjal ta’ merħba. Saqajhom irqaq u tawwalin imma għal għasafar li jħobbu jiddandnu fl-ilma, mhumiex twal daqskemm tistenniehom. Iħaffu fuq ir-ramel, bieżla, għaġġiela. Sidirhom abjad, daharhom kannella; ittundjati u mhux ħafna ikbar minn għasfur tal-bejt. Malli tidħol mewġa tħokk mar-ramel, tarahom iħaffu lejha u jniżżlu munqarhom fir-raxx tal-ilma, qisha waslet konsenja li jridu jħottuha. Ġieli tara xi wieħed minnhom rasu kannella mdawra b’dijadema sewda u ċirku isfar jgħajjat madwar għajnejh jintelaq f’xiber ilma, jgħaddas rasu kollha, iferfer ġwinħajh u jċafċaf. Xi kultant jintefa’ fuq naħa waħda u jerġa’ jogħdos kollu. Iktar tard matul il-jum, jitilqu ’l hemm mix-xtajta u jtiru ’l ġewwa, jaqbżu l-wita tat-tarmak u jinżlu fuq ir-ramel. Saqajhom mhumiex daqshekk ħaffiefa issa; taħt saqajn il-pluvieri, l-għaram tar-ramel jimtedd mad-depożitu alluvjali, u taħthom saffi ta’ blat sedimentarju mqiegħed wieħed fuq l-ieħor fi żmien bikri, meta Ras es Sidr kien mgħarraq taħt l-ilma. Taħtu, iktar saffi, did-darba ta’ blat Ejoċeniku u Oligoċeniku, imqiegħed qajl qajl miljuni ta’ snin ilu, u taħt din il-massa ta’ blat u laqx karboniku, blat ieħor miżgħud b’materjal organiku li — bejn il-pressa tal-blat innifsu, it-temperatura għolja u ż-żmien kollha jagħfsu fuqhom u jgħattnuhom — issajru f’żejt u gass. Il-monakelli ma jdumux wisq hemm, donnhom jiddejqu jisimgħu l-irrejżjar tal-karozzi ġejjin u sejrin iwasslu l-irġiel Libjani, Amerikani u Maltin għax-xogħol fit-terminal tal-kumpanija taż-żejt li hemm fuq xefaq ir-ramel. Ifantashom il-ħoss u jlebbtu lura lejn ix-xtajta jgħaddsu rashom fiċ-ċaqliq tal-ilma baħar minn ħafa għal ħafa.
Għandi f’idi file tad-ditta Dex, tal-kartun, kulur is-sadid. Fil-ġenb tiegħu, fuq ix-xellug, hemm fejn tikteb in-numru tal-file, l-isem, l-indirizz, id-data u r-referenzi. Niżżlet is-sena 1974, isimha Mrs Josephine Otman Salem, l-indirizz 5 Triq Merino, Ħal Lija, Malta, u d-data, “Feb 1974”. Fuq il-ġenb tal-file hemm l-istess linji biex timla l-istess informazzjoni; b’hekk, meta tqiegħdu wieqaf fuq xkaffa, tkun tista’ tara liema hu. L-isem li kitbet hawn huwa Sylvia Debono. L-indirizz, 39 San Bastjan, Ħal Qormi. Id-data hija l-istess bħal dik li hemm fuq il-faċċata: Frar 1974. Il-kalligrafija hija tagħha, għax nagħrafha. Fuq wara m’hemm xejn miktub. Il-file mimli, imbulmat b’ittri miktubin mill-istess id u li kumbinazzjoni tixbah lil tagħha, organizzati skont id-data ta’ meta nkitbu, bl-ewwel waħda fuq u l-aħħar waħda taħt nett. Kellha ħabta żżomm kollox u żżommu organizzat; kull ittra, kartolina, messaġġ, biċċa karta, ċavetta, u ritratt.
Dan il-file kont rajtu qabel, ħafna snin qabel. Naħseb kont għadni kif għalaqt it-tmintax-il sena. Kelli vizzju nqalleb, dejjem inqalleb u nfittex fl-affarijiet tan-nanniet. Qisni dejjem kelli l-ħsieb li qed jaħbu xi ħaġa minni, li xi mkien, f’xi but ta’ xi ġakketta fil-gwardarobba tal-kamra ż-żgħira li ma jidħol fiha ħadd, jew fil-qiegħ tal-basket tal-plastik oħxon abjad mimli rollers tax-xagħar fit-tallboy ta’ nannti, jew fil-kexxun tal-qiegħ tas-sideboard tal-kamra tal-ikel, taħt id-dvalja r-roża tal-krimplin u r-ritratt t’oħtha Salvina l-mejta, imgeżwer fil-brownpaper u mqiegħed wiċċu ’l isfel, in-nanna kienet qed taħbi s-sigriet kbir li jien kont se nsib u li kien se jweġibli l-mistoqsijiet kollha li kelli darba għal dejjem. Domt snin twal biex indunajt li s-sigriet innifsu ma kienx fihom, jew taħthom. Hemm ma kien hemm xejn. Is-sigriet la kien fil-ġakketta ġol-gwardarobba, la fil-basket tar-rollers, u lanqas taħt ir-ritratt t’oħtha.
Minn età żgħira kont inħobb nidħol f’bini żdingat jew nofsu mwaqqa’. Għamilt żmien naqbad tal-linja, ninżel Bighi, u nidħol fl-uffiċċji abbandunati tal-Isptar Awżiljarju maġenb iċ-Chaplain House u nqalleb fid-dokumenti li ħallew l-Ingliżi warajhom meta telqu, niftaħ skrivanija wara l-oħra u file wara l-ieħor. Turrun karti, mapep u pjanti. It-tiftix dejjem kien iwennisni. Ta’ tmintax bdejt ninżel iktar spiss għand ommi, il-flett ta’ Triq il-Ġnien, il-Gżira. Meta kont insib ruħi waħdi għandha, kont nintefa’ bilqiegħda mal-art fuq it-tapit blu fitted tal-kamra tal-ikel, inqalleb fil-kxaxen tal-iskrivanija. Kull fejn kienet tgħix ommi, dejjem kien hemm uffiċċju fid-dar: l-Iklin kien hemm wieħed taħt, fil-basement. Fil-flett ta’ fuq it-Taormina Bar, il-Gżira, kien hemm skrivanija f’kantuniera żgħira u files, karti, lapsijiet u kotba fit-taraġ li ma kien jagħti għal imkien. Triq l-Imsida, fuq il-Cairo Bar, kien hemm kamra fuq ġewwa b’sodda għalija maġenb il-kċina, tagħti għal fuq wara tal-flettsijiet ta’ Triq Testaferrata: hemm kien hemm xkaffa bil-kotba u skrivanija bin-noti u l-pitazzi tagħha. Fil-flett fil-binja Mary Louise, Triq il-Ġnien, kien hemm uffiċċju sħiħ ġo wall unit fil-kantuniera tal-kamra tal-ikel: fuq, vetrina tal-ħġieġ mimlija tifkiriet ta’ vjaġġar sfrenat mal-erbat irjieħ; in-nofs, imxengel u tinżel minnu bieba lejk li tinżamm minn katina fuq kull naħa biex isservi ta’ wiċċ li tista’ tikteb fuqu, tħares lejn vażetti mimlijin pinen u lapsijiet u karti; u isfel, il-qiegħ fond ta’ din il-biċċa għamara magħluq b’żewġ bibien xpakkat bil-files. Bejn inqalleb għall-wens, u bejn għax naf li għandi ħafna mistoqsijiet li m’għandi la kliem u lanqas kuraġġ għalihom. Daqqa nsib xi sett kartolini miktubin u mhux mibgħuta mill-Amerka, daqqa xi pakkett pitazzi ta’ ditta li qatt ma kont smajt biha, xi sticker tleqq ta’ xi aġenzija — Schlumberger, Repsol, Total — business cards bil-gzuz, uħud organizzati sew ġo albums apposta u oħrajn miġburin ġo envelopp, folders ta’ xi kumpanija taż-żejt b’karti mitwija għal darba darbtejn tlieta li meta tiftaħhom tinduna li huma disinji tekniċi ta’ binjiet u pjattaformi taż-żejt kemm fil-baħar kif ukoll fuq l-art, u l-favorit tiegħi, pocket b’żewġ magni Dymo u ħafna rollijiet kull kulur ta’ embossing tape.
Darba, waqt dagħdigħa bħal tas-soltu biex nara x’se nsib fil-cupboard ta’ taħt, bqajt inqalleb iktar fil-qiegħ u kien ħareġ dal-file li għandi f’idi llum minn ġo basket tal-plastik isfar. Kien bejn files oħra ta’ ditta Amerikana taż-żejt u karti tal-ittri ta’ ditta li m’għadnix niftakarha. It-toqol tal-file kien mill-ewwel tani indikazzjoni li l-kontenut tiegħu kien importanti u li kien qed jinħeba. Ftaħtu immedjatament u mal-ewwel daqqa t’għajn indunajt li kien fih skoss ittri li kien kiteb Otman Salem Otman lil ommi. Il-kitba tiegħu tixbah ftit lil tagħha. Kitbilha ħafna. Kitbilha spiss. Kont naf min kien, però kont rajtu darba biss, u kont għadni wisq żgħir biex niftakar iktar minn dik il-memorja fuġġenti u effimera li għandi ta’ raġel sħaba f’żona tal-moħħ distanti immens. Nassoċjah ma’ dar żgħira l-Gżira li xi kultant ngħaddi minn ħdejha u nħokk mal-ħajt biex inħalli mal-ġakketta ftit trab mit-tmermir tal-faċċata, ma’ banju ilma sħun ifuħ, ma’ qmis bajda mgħoddija. Però l-memorja li għandi tiegħu tieqaf hemm. Ġieli nara ismu f’xi ċertifikat maħruġ mill-Insinwa, ġieli jkolli niktbu meta nkun qed nimla xi formola, u m’ilux staqsewni għalih biex joħorġu ċ-ċertifikat tal-mewt t’ommi. Il-bqija, baħħ. Niftakar li dakinhar li sibt il-file, kont qrajt biċċiet minn ittri differenti f’salt, u bdejt ngħaqqad kelma minn hawn u kelma minn hemm, u bnejt storja ġo rasi fi ftit minuti. Fl-immaġinarju tiegħi ta’ tfuliti u żgħożiti, dwar Otman kelli biss storja waħda, li spiss kont nirrakkonta lili nnifsi meta t-tfal l-oħra kienu jistaqsuni min hu missieri. Niftakar ħasda kbira dakinhar li smajt leħnu u rajt kliemu għall-ewwel darba f’dawn l-ittri. Niftakar diżappunt u weġgħa xi mkien, ma nafx fejn. Niftakar li mort niġri għand wieħed minn sħabi ngħidlu x’ġara, ngħidlu li sibt ittri li missieri kien kiteb lil ommi u li jien qatt ma kont naf bihom, li kien ilu jiktbilha mill-1971 imma li waqaf fl-1974, ftit wara l-wasla tiegħi. Niftakarni ngħidlu wkoll li għalkemm fl-ittri li qrajt jien kont għadni ma twelidtx, il-kliem ta’ ġo fihom kont smajtu, li din l-istorja tagħhom kont nafha, li kienet storja li għaddiet minn laħmu għal laħamha u waslet għandi u ġarrejtha u fhimtha, u li issa rġajt sibtha.
L-għada, il-file ma kontx erġajt sibtu. U qatt ma’ reġa tfaċċa. Sibtu biss sena wara li dfintha. Sibtu fil-garaxx ġo bagalja tas-safar, ma’ basket tal-ġilda mimli keychains, kartolini tal-Amerka, menus tal-ikel minn ristoranti f’San Francisco, cassettes TDK, u ritratti tal-griżma tal-filjozza tiegħi li għamlet ħajjitha kollha tipprova tħassar kull traċċa ta’ tfulitha f’ġisem ta’ tifel. Għaraftu mill-ewwel: l-istess toqol u l-istess urġenza ħierġa minnu. Ħadtu d-dar u ftaħtu. Kienu għaddew snin kbar li tulhom kont immaġinajt dak li kien fihom l-ittri ta’ ġo fih. Ivvintajtu, żarmajtu u rġajt bnejtu għal elf darba. Imma issa l-ittri qegħdin f’idejja u issa nista’ naqrahom bil-kwiet. Kelli x-xewqa, wara li ommi mietet, li nfittex min kienet qabel il-wasla tiegħi f’ħajjitha, li nsib l-omm prematerna. Immaġinajt li dawn l-ittri se jaqtgħuli xewqti imma fil-verità dawn huma l-ittri li bagħat Otman lilha u allura hi tibqa’ bla leħen, omm ħontoloġika li tidderieġi l-passat u l-preżent mis-skiet. Qatt ma kelli l-ħajra, jew bsart, li xi darba niltaqa’ miegħu, speċjalment fil-kliem. Għalija Otman kien massa prelingwistika u preformali. L-idea ta’ missier Libjan, eterosesswali, konservattiv u edukat kien piż żejjed. Trabbejt bejn Ħal Lija, l-Iklin u l-Gżira. Tlaqt ngħix barra meta spiċċajt l-iskola, u kbirt nixxengel bejn influwenzi Maltin, Amerikani, Eġizzjani, Libjani, Ingliżi u Taljani f’kultura Mediterranja tas-sebgħinijiet u t-tmeninijiet. F’milieu marġinali li bandalni bejn in-nanniet u l-klassi tal-ħaddiema li ma jaħdmux, u ommi u l-kosmopolitaniżmu fil-ħajja tax-xatt, ta’ Triq Testaferrata u Triq l-Imsida, il-Gżira, lil hinn mill-klassijiet binarji. Bejn faqar raħli u rikkezzi effimeri u superfiċjali urbani. Ma kellix bżonn missier għax kien hemm missier ommi — u dak kien jifhimni. Jew ma nafx x’kien jagħmel għax kien raġel sieket, ta’ rutina. Jgħaddi l-ġranet josserva l-għasafar, ir-raba’, iż-żwiemel, l-injam, il-ġebel u jpoġġi ħdejn sieħbu fid-dell tal-ħajt tar-remissa ta’ Sajrunies l-Iklin. In-nannu kien minn Ħ’Attard u ma kellix bżonn missier Libjan. Ma jimpurtax li ma kienx jaf jikteb, li kien jiekol minn platt kbir tal-ħġieġ trasparenti, li qatt ma qagħad bilqiegħda sieq fuq sieq. Biżżejjed jien kont omosesswali u niekol minn platti żgħar taċ-ċeramika, nitfa’ rasi lura u nonfoħ id-duħħan tas-sigaretti ’l fuq. Biżżejjed kont min-naħa l-fqira tal-klassi tal-ħaddiema, minn dawk li ma jafux wisq dwar il-ħasil tas-snien u l-mediċina profilattika imma li jħallu l-mard jikolhom. Biżżejjed kellna flett tal-gvern mimli figurini taċ-ċeramika u sufan qadim mhux imżanżan. Biżżejjed li n-nanna kienet qajla tifhem meta xi ħadd minn sħabi tad-dinja l-ġdida kien iċempilli u jkellimha bl-Ingliż. Biżżejjed tgħallimt nigdeb kemm niflaħ fi tfuliti biex naħbi u niċħad il-fatt li missieri Għarbi, anzi, Libjan, għax it-tfal tal-klassi tal-ħaddiema li jaħdmu kienu jitnejku bija. Ma kellix bżonn missier Musulman konservattiv li kien se jagħmilli ħajti miżerja jgħidli li rrid niżżewweġ mara u jkolli t-tfal. Kont nitbandal tajjeb bejn id-dinja tan-nanniet bit-tiġrijiet taż-żwiemel fuq ir-radju u t-televixin, l-aħbarijiet m’għand tal-ħobż u tal-grocer, il-Klabb ta’ Żużu u Pina “il-Ħbieb tat-Tfal Maltin” u n-nevrożi partikolari tal-klassi tagħhom u tal-eterosesswalità obbligatorja, u d-dinja ta’ ommi, fejn żewġ nisa setgħu jinħabbu u jgħixu flimkien f’intimità libidinali-domestika, fejn il-klieb u x-xadini kienu ta’ ġewwa, u fejn l-aħbarijiet lokali tremblu mal-politika dinjija. Ta’ tifel żgħir effemminat, moħħi kien fil-kittieba nisa, fil-ħbieb sinjorini t’ommi jilbsu l-parrokki u t-tkaken u jinżebgħu bil-glitter, u f’kanzunetti li jġegħluk tibki jew tiżfen. Xi kultant it-tnejn. Dan kien kollu tajjeb għax kien jagħti f’għajn in-nies, xi kultant jgħammixhom biżżejjed biex la jaraw il-kulur skur tal-ġilda tiegħi u lanqas jinnutaw in-nokkli xotti ta’ xagħri.
Imma f’dawn l-ittri li sibt fil-garaxx, Otman tleħħen u tkellem. Xegħel is-skiet, jew tfieh. Kellimha fuqu u fuqha, fuq ġismu u ġisimha, fuq familtu u familtha, fuq il-Libja, Malta, Londra, Gaddafi, Mintoff, u fuqi. Daħħalni ġo storja ta’ xewqa erotika, ta’ deżiderju mifrux fuq baħar u deżert li wittieh b’ittri li xi drabi kien jikteb kważi kuljum, u tefagħni ġo ġiebja fonda ta’ storja politika li fiha l-Libja u Malta bdew joqorbu lejn xulxin iktar minn qatt qabel biex jagħrfu xi forma ta’ ħajja ħielsa mill-barrani. U għalkemm dawn l-ittri fihom wisq ħofor u ineżattezzi biex iservu ta’ għejun storiċi, xorta waħda jikxfu l-bżonn li tinkiteb l-istorja tar-relazzjonijiet li fihom. Bihom se nipprova nibda nsodd ftit mit-toqob tal-istorja personali tiegħi iżda mhux bħala awtobijografija; anzi, se nipprova nikteb l-istorja politika tat-teknoloġiji tal-ġisem maqbud bejn ix-xquq tal-istorja, bejn l-etniċità, il-klassi, is-sesswalità, il-ġeneru u d-dinja. It-teknoloġiji li jimlew il-ġisem bir-regħxa u l-umiljazzjoni, ġisem li mhuwiex tiegħi biss. Dan tiegħi huwa ġisem politiku, mimli affetti universali, li tista’ tmur tfittixhom fl-arkivji tal-politika internazzjonali. Dan huwa ġisem dinji li jistħoqqlu l-kosmogonija tiegħu, denju tal-mit jew l-antimit tal-kreazzjoni tiegħu wkoll.
L-ewwel ittra li Otman kitbilha hija tal-14 ta’ April 1971. Kitibha b’linka sewda, fuq karta tad-ditta Bond-Nekoosa, mingħajr linji. L-ittri miktubin bl-Ingliż bi grammatika li turi li ma kienx ilu wisq jitgħallem il-lingwa. Iżda hemm xi noti miktubin bl-Għarbi u l-kitba tagħhom turi li kien imdorri sew jikteb: bl-Għarbi għandu korsiv tajjeb ħafna, edukat, prattikat. Il-kitba tal-ittri Latini tikxef li idu kienet għadha ma ttihx. Uża biss naħa waħda u l-ittra hija żewġ folji li issa sfaru fit-truf. Fil-kantuniera ta’ fuq tal-lemin kiteb ismu, Otman Salem Otman, taħtu l-indirizz ta’ mnejn kien qed jikteb: Oasis Oil Company, Es Sider Terminal, PO Box 395, Tripoli, Libya, u taħt nett id-data.
Għażiża, nispera li tinsab tajba u f’saħħtek. Kitbilha għax sab ittra li kienet bagħtitlu sittax-il xahar qabel, f’Jannar tal-1970. Fl-ittra jidher biċ-ċar li kienu diġà kitbu xi ittri lil xulxin drabi oħra imma hi bdiet iżżommhom minn hawn ’il quddiem. Kien bagħtilha ħafna ittri milli jidher, imma hi rari weġbitu. Tobgħodni? Iżżewwiġt? Bdilt ħajtek? Jekk iżżewwiġt nispera li int kuntenta. Imma jien ma nistax ninsiek għax inħobbok. Staqsieha dwar ommha u missierha, ħuha Salvu u martu Mary u jekk għandhomx tfal. Zijitha Salvina. Is-Sur Ġorġ. U Maggy. Jgħidilha xagħru qed jibjad. Naf li m’għadekx tħobbni imma jien inħobbok sal-infinità. Għala ma tridx tweġibni? Jgħidilha li jinsab tajjeb, li jinsab f’saħħtu. Jiktbilha li għandu oħtu ftit iżgħar minnu, jisimha Nagia, li bħalissa tinsab tajba u f’saħħitha, u li hu jħossu viċin ħafna tagħha, li jgħidilha kollox, li m’hemmx sigrieti bejniethom. Nagia taf li Malta hemm din il-mara li jħobb għax kien kellimha fuqha xi sentejn qabel, u meta reġa’ semmieha dal-aħħar, ftakritha. Jekk jogħġbok weġibni, anki bħala ħbieb biss. Fl-istess ġurnata, kiteb ittra lil ommha u missierha li żammet fil-file mehmuża mal-ittra li bagħat lilha. Indirizza direttament lil missierha, u qallu li għandu ritratt tiegħu u li ħadu l-Ingilterra miegħu meta mar Sheffield u Londra jistudja sena qabel. Jgħidlu li jgħożż it-tifkiriet li għandu ta’ Malta u tagħhom u li jixtieq jiġi lura biex iduq l-ikel li ommha kienet sajritlu u biex jerġa’ jismagħha tinsisti li jiekol għax ma jikolx biżżejjed. Qalilhom li issa kien lura Tripli u li għadu qed jaħdem fid-deżert.
Bdejt nipprova nibda ngħaqqad l-istampa ta’ Otman minn dawn il-biċċiet informazzjoni li stajt nieħu mill-kitbiet tiegħu. Fl-1971, Otman kien qed jaħdem mal-Oasis Oil, fit-terminal li l-kumpanija kellha f’Es Sidr. Meta kont tifel, niftakar xi nies mir-raħal li kienu jitilgħu l-Libja jaħdmu jew ma’ dil-kumpanija jew ma’ oħrajn bħalha. Niftakar ukoll lil Jack, inġinier Amerikan minn California li għamel xi snin jgħix m’ommi u li matulhom kien għoddu se jadottani bħala ibnu. Jack kien ġej u sejjer bejn il-Libja u Malta, xahar hemm u xahar hawn, u kien ikellimni spiss dwar il-Libja u l-Amerka. Oasis Oil kienet magħmula mill-kumpaniji Continental Oil, Marathon Oil, u Amareda-Shell. It-terminal fejn kien jaħdem Otman kien f’Es Sidr (Sirte), l-iktar baċin riċenti fost il-ħames baċini Libjani, però li għandu l-ikbar depożitu ta’ żejt, madwar 45 biljun barmil żejt u 33 triljun pied kubiku ta’ gass. Il-baċin għandu bijografija ġeoloġika kumplessa ħafna: ġie ffurmat meta waqgħet l-arkata ta’ Sidr bejn il-Ġurassiku Tardiv u l-Kretaċju Bikri. Oriġinarjament kien l-ogħla punt fil-Paljożoiku tan-Nofs u l-Meżożoiku Bikri u iktar tard kien sar sit ta’ ammont sostanzjali ta’ depożitu sedimentarju. Maż-żmien, xejl mimli materjal organiku akkumula hemmhekk u nħolqu sittax-il qasam taż-żejt, kull wieħed enormi. L-iktar idrokarburi importanti f’Es Sidr huma mix-xejlijiet Rachmat u Sirte tal-Kretaċju ta’ Fuq.
Il-kliem ta’ Otman juri li meta kien jiktbilha, spiss kien ikun magħluq waħdu fil-kamra tat-terminal wara x-xift ta’ billejl u li fl-iżolament kien qed jibda jhewden u jqanqal il-memorji tal-ġranet li kienu qattgħu Malta flimkien. Bdejt nipprova nimmaġinah fil-kamra. Lorry, żewġ bibien ’l isfel miz-zija Salvina, jgħidli li kien imur jaħdem il-Libja u li fil-kamra tal-pjattaforma tat-tħaffir taż-żejt kellhom żewġ bunkbeds: erbgħa f’kamra. Tnejn minna kienu jkunu ġewwa u t-tnejn l-oħra barra. Meta jaqleb ix-xift, inbiddlu. Kellna kamra tal-banju waħda, naqsmuha mal-erbgħa l-oħra tal-kamra ta’ maġenbna. Kont naf insib kollox fid-dlam biex ma nqajjem ’il ħadd. Otman jgħidilha li diġà għaddew sentejn mill-aħħar li kien Malta. Kien wasal fis-16 ta’ Settembru tal-1969, għamel ġimgħa ġo flett il-Gżira, u telaq lura ġimgħa wara, fit-23. Jgħidilha li mixtieq sew li jerġa’ lura għax qatt ma kien reġa’ mar minn dakinhar. Min hu li qallek li rani Malta? Mhux veru li rġajt ġejt Malta wara li rajtek l-aħħar. Min qallek li rani gidiblek. Għandu tifkiriet sbieħ ħafna tal-ġimgħa li kien qatta’ hawn, u jiftakar sew meta wasslitu t-terminal tal-ajruport biex jitlaq lura. Magħhom kien hemm ommha u Maggy, u kien hemm sieħbu El Hady. Ili ma narah lil El Hady. M’għadux Tripli. Telaq. Mar l-Amerka jistudja għal seba’ snin. Xi kultant nibagħtu ittra lil xulxin. Qatt ma rġajt rajtek minn dakinhar. L-aħħar li rajtek kien fit-Terminal. Eena fe hobak hafna; el mara teyiee; eena daim enzoh la allah we elbanben ehlik leia. Eena manastash nensa hobak.
Xi ftit iktar minn ġimagħtejn qabel Otman ġie Malta u ltaqa’ magħha, eżattament fl-1 ta’ Settembru 1969, waqt li r-Re Idris kien fuq btala t-Turkija, u t-tifel tiegħu kien, bħas-soltu, fil-palazz rieqed, Muammar Gaddafi wettaq kolp ta’ stat li kien kwiet u mingħajr tixrid ta’ demm u neħħa l-familja rjali Libjana mit-tmexxija tal-pajjiż. Dakinhar, il-Libja bdiet tiddi bit-tama. B’ħeffa sobrija u mingħajr ħafna storbju, Gaddafi ngħaqad mal-moviment ta’ pajjiżi Għarab li bdew iżarmaw l-istrutturi li l-Inġliżi u l-Franċiżi kienu bnew biex jikkontrollaw it-territorji Għarab wara l-Ewwel Gwerra Dinjija u l-waqgħa tal-Ottomani, u issa bid-daħla tal-eġemonija Amerikana li b’daqqa ta’ minkeb lill-Ingliżi bdiet toħnoq lil kulħadd. Dawn l-istrutturi ma kienu xejn ħlief familji rjali sponsorjati, immanipulati u protetti fl-Arabja Sawdita, l-Iraq, il-Ġordan, l-Eġittu, l-istati ż-żgħar tal-Golf u l-Libja. U issa kien hemm fin-nofs it-taqbid bejn l-Iżrael u l-Palestina. Bejn ir-rabja li kien hemm fl-Eġittu minħabba l-mod ta’ kif tmexxiet l-armata fl-1948, u l-inkwiet li nqala’ fl-Iraq meta fl-1958 il-monarkija żammet mal-Ingliżi fil-kwistjoni tas-Swejż, kif ukoll il-waqgħa għan-nejk tal-Għarab fl-1967, bdew jinbtu movimenti ma’ kullimkien isejħu għall-ħelsien mill-indħil barrani. Gaddafi kien wieħed minnhom, u kienet tatu ġewwa wisq li l-Libja ma dehret imkien fit-taqbida tal-1967. Għalih, ir-Re Idris kien pupazz tal-Ingliżi. Veru li kien Libjan u mhux barrani bħall-Haxemiti, li marru l-Ġordan minn Mekka, veru li kien il-mexxej tad-duttrina tas-Sanusija u li kien ġej minn sfond li kien ħa sehem qawwi fit-taqbida kontra l-okkupazzjoni Taljana fil-Libja, imma xi ż-żobb, pupazz Ingliż kien, qalilha fl-ittra tal-14 ta’ April, qabdu u ġabuh hawn wara kważi għoxrin sena eżilju fl-Eġittu meta l-Ġnus Magħquda fl-aħħar iddeċidew x’jaqbdu jagħmlu bil-Libja ġaladarba żżarmat il-kolonja tat-Taljani. F’dawn l-inħawi tal-Punent tal-Libja, fi Tripli, is-Sanusija ma tantx nafuhom aħna. Dawk ilhom ’il fuq minn mitt sena sew fil-Lvant tal-Libja. Dik duttrina tal-bedwini mhux tagħna. Aħna l-Libjani tal-Punent iktar Mediterranji. Aħna nies tal-belt.
Is-Sanusija, fil-fatt, kienet daħlet fil-Libja meta Muhammad bin Ali as-Sanusi al-Idrisi, devot Alġerin li kien mar Mekka fl-1837, reġa’ lura fl-1854 u fi triqtu kien waqqaf id-devozzjoni tiegħu fil-Maxrek, il-Lvant Libiku. Minflok imxiet lejn il-Punent, lejn it-Tripolitanja u l-Fezzan, niżlet ’l isfel lejn is-Sudan, iċ-Ċad u n-Niġer. Idris ma kellu l-ebda ħjiel kif jgħaqqad is-soċjetajiet imħallta fit-territorju, u meta ħass is-saħħa tan-Nasseriżmu, bil-fewġa qawwija ta’ nazzjonaliżmu ġejja lejh mill-Eġittu, dawwar il-Libja ’l ġewwa u għalaqha fiha nnifisha. Imma Gaddafi qed jgħaqqad reġim ġdid — minn niesu, il-Ghadafa, mill-Magarha tal-Fezzan u mill-Warfalla ta’ Tripolitanja. Dawn mhumiex nies tal-bliet. Dawn mhumiex nies edukati. Dawn ta’ wara l-muntanji.
Il-kolp ta’ stat kien ippjanat għal ħafna qabel mill-1 ta’ Settembru: kellu jsir fit-12 ta’ Marzu ta’ dik is-sena. Imma l-adrenalina tar-rivoluzzjonarji Libjani malajr ħadet tisbita meta skoprew li dakinhar kellu jsir kunċert kbir tal-kantanta Eġizzjana Umm Khultum bil-għan li jinġabru l-fondi għall-għajnuna lill-Palestina. Umm Khultum tant kienet ċelebri li żgur ma kienx se jkun hemm wisq simpatija mar-rivoluzzjonarji kieku ħarbtu l-avveniment. Meta bdejt niltaqa’ ma’ ġrajjiet bħal dawn, ridt insir naf iktar dwar l-ewwel ġranet wara l-kolp ta’ stat ta’ Gaddafi. Ippruvajt infittex l-ewwel fil-kitbiet Libjani stess, iżda ħafna minn dawk li kitbu kienu ppersegwitati iktar tard fit-tmexxija ta’ Gaddafi, u r-reġim tiegħu kważi ħassar għalkollox il-memorja istituzzjonali tal-pajjiż biex jibda, għal iktar minn darba, narrattiva ġdida tal-Libja. Baqa’ biss, għall-inqas għalissa, il-ħarsa barranija fuq il-Libja, l-għajnejn u l-widnejn ta’ dawk li kellhom interessi fl-idrokarburi fis-sisien tal-blat Libjan, ta’ dawk li l-memorja arkivjali tagħhom jieħdu ħsiebha biex għada pitgħada jkunu l-protagonisti tal-istejjer li jridu jinkitbu. Fittixt, allura, fl-arkivju Amerikan, fid-dokumenti deklassifikati tal-amministrazzjoni ta’ Kennedy u Nixon, fil-memoranda miġbura mill-Office of the Historian biex ngħaqqad il-bċejjeċ li kelli. Fis-16 ta’ Settembru 1969, l-istess ġurnata li Otman Salem Otman u El Hady waslu Malta, is-CIA ppreparaw memorandum mill-Office of National Estimates wara taħditiet bejn l-Office of Current Intelligence u l-Office of Economic Research. Iż-żewġ uffiċċji kienu qablu fuq il-kontenut tad-dokument u l-ħsieb warajh. Fil-memorandum, is-CIA jgħidu li għadu ma kienx ċar min kien se jieħu f’idejh it-tmexxija tal-Libja wara r-rivoluzzjoni tal-1 ta’ Settembru, li fiha tneħħiet il-monarkija ta’ as-Sanusi. Milli jidher ma kinux fehmu li malli xandar it-tmexxija l-ġdida ftit minuti wara l-kolp ta’ stat, Gaddafi nnomina lilu nnifsu “kurunell” u li għal-Libjani dan kien ifisser li kien sar il-mexxej il-ġdid tal-pajjiż. Il-vuċi anonima tad-dokument tgħid li l-Libjani qed joqogħdu attenti x’jgħidu! Qed jippruvaw jidhru moderati! Qed isemmu riformi soċjali iktar minn soċjaliżmu! Imma forsi dawn huma strateġiji tattiċi, forsi qed jippruvaw jużaw id-diskors moderat biex ma jagħtux fl-għajn, biex jevitaw l-indħil barrani. Forsi ma jridux li l-militar Amerikan u dak Ingliż li qegħdin hemm jindaħlu. Waqt il-laqgħa, jgħidu wkoll li jekk tħares lejn il-passat ma ddumx ma tinduna li dan il-ħafna diskors taparsi moderat mhu xejn ħlief bżar fl-għajnejn, li din hija biss pożizzjoni temporanja, li issa tara, daqt juru snienhom u jibdew bid-diskors radikali u l-politika estremista. Jaħsbu li l-Libja diġà qed titħabbeb mal-movimenti rivoluzzjonarji Għarab u ma ddumx wisq ma tibda tinxtamm bħalhom. Imma forsi l-fatt li dan il-kolp ta’ stat irnexxa jaf jagħti impressjoni li faċli tagħmel ieħor, u allura dawn li deħlin malajr jinqalgħu minn hemm. Milli jidher, kulma hemm bżonn hu li jkollok ftit ħajra u naqra organizzazzjoni militari. Imma ejja nżommu għajnejna fuq dan il-Kunsill tal-Kmand Rivoluzzjonarju, u iktar u iktar fuq l-Alġerija u l-Eġittu, għax issa dawk se jiddeffsu biex jaraw kif se jdawru lil dawn għal magħhom. Biss jekk l-armata se tikber, u tikber ikollha, mela lestu ruħkom għal diżgwid intern.
Is-CIA kienu konvinti li l-pożizzjoni tal-Libja fil-konfront tal-Iżrael kienet se tkompli tkisser ir-relazzjoni tagħha mal-Ingilterra u l-Amerka u li minħabba dan, il-bażi ta’ Wheelus, li l-forzi armati Amerikani kellhom fi Tripli u li għal żmien kienet l-akbar waħda li kellhom barra pajjiżhom, ma tantx kien fadlilha ħajja. Sal-1971 inkunu żarmajna. U issa jibdew jistaqsu għal sehem ikbar mill-qligħ taż-żejt, bħall-Alġerija. U jafu li jistgħu għax iż-żejt tagħhom tajjeb, b’livelli baxxi ta’ kubrit, u qegħdin bieb u għatba mal-Ewropa. Li beda jbeżżagħhom lis-CIA kien li dan il-kolp ta’ stat seta’ jħajjar pajjiżi oħra, anki dawk moderati bħall-Kuwajt u s-Sawdi. U għalkemm ħafna kienu jaħsbu li l-Għaqda Għarbija kienet iktar fantasija milli verità, is-CIA diġà kienet bdiet ixxomm l-inkwiet; l-Għarab ma kinux se jdumu ma jingħaqdu kollha kontra l-Iżrael u l-Amerka. U addijo ż-żejt għalina.
Otman Salem Otman u El Hady telqu lura l-Libja fit-23 ta’ Settembru 1969, fl-istess ġurnata li qatgħa ta’ eluf ta’ għasafar tal-passa li kienu fi triqithom mill-Ewropa lejn it-Tramuntana tad-deżert tas-Saħara għax-xitwa ltaqgħu ma’ grigalata kerha u niżlu Malta għall-kenn. Il-kundizzjonijiet tat-temp fuq il-kontinent tal-Ewropa kienu tajbin u ħeġġew lill-għasafar biex jibdew il-vjaġġ twil tagħhom lejn in-Nofsinhar, biss fir-reġjun tal-Mediterran Ċentrali u tal-Lvant daħlu ġo kundizzjonijiet li ma kienu favorevoli xejn. Il-pressjoni baxxa mil-Lbiċ tefgħet dipressjoni fuq Malta u bdiet nieżla xita qliel. Minħabba f’hekk, l-għasafar ma kellhomx għażla oħra ħlief iwaqqfu l-vjaġġ migratorju tagħhom f’daqqa u jinżlu Malta, ħaġa rari għal dawn il-gżejjer fil-ħarifa. Fosthom kien hemm isfar, gamiem, dizz, buful, ħuttaf, kuda, fjamma, bekkafik aħmar, vjolin ħadrani, u buċaqq tas-silla. Iċ-ċiklun ħasad ukoll ’it-Tuneżija fejn ’il fuq minn mitt elf dar ġarrbu ħsarat, mijiet ta’ nies tilfu ħajjithom, u eluf taʼ iġmla u sriep spiċċaw mgħarrqa fl-ilmijiet tal-għargħar u wara erbat ijiem tkaxkru lejn il-baħar. Dakinhar filgħodu, vapur Grieg bl-isem Angel Gabriel kien qed jistenna fil-Ponta ta’ Wied il-Għajn — fejn wara ttellgħet il-Jerma — biex jidħol it-Tarzna. Imma l-grigalata laqtitu, sabbtitu ma’ sikka u qasmitu min-nofs. Fit-terminal tal-ajruport, iktar tard dakinhar, Otman għannaqha, biesha u sellmilha. Kellhom jgħaddu tliet snin sakemm jerġgħu jiltaqgħu.
Ftit iktar minn xahar wara, fit-30 ta’ Ottubru, il-Ministru Libjan tal-Affarijiet Barranin Salih Mas’ud Buwajsir iltaqa’ mal-Ambaxxatur Amerikan Joseph Palmer f’Bengazi. Buwajsir ma qagħadx jaħsibha wisq: qallu li kien wasal iż-żmien li l-Amerikani jitilqu minn Wheelus. Lill-Ingliżi kien qalilhom l-istess. Itilqu minn jeddkom u ma noqogħdux nagħmlu ħafna storbju fil-pubbliku fuqha l-biċċa. Ma tistgħux tibqgħu hawn għax in-nies ma jridukomx iktar. Harold Saunders, mill-Kunsill Nazzjonali għas-Sigurtà, bagħat memorandum dwar dan lil Henry Kissinger, li kien għadu kif laħaq bħala l-konsulent tas-Sigurtà Nazzjonali Amerikana. Kissinger wieġbu li huma stess kienu diġà qed jaħsbu biex jibdew it-taħditiet bil-għan li jżarmaw minn Wheelus. Qallu li l-Ambaxxatur Palmer seta’ jgħid lil-Libjani li l-Amerka kienet qed tħejji biex titlaq minn jeddha qabel ma jagħlaq il-kuntratt f’Diċembru tal-1972. Kissinger mexxa t-taħditiet dwar il-Libja waqt laqgħa tal-iSpecial Actions Group li saret f’Washington nhar l-24 ta’ Novembru 1969, bejn it-15:03 u l-17:18. Il-pjan kien li joħorġu minn Wheelus mingħajr ħafna ċerimonji, u jekk il-Libjani juru xi forma ta’ ostilità, inneħħulhom minn hemm l-esperti tekniċi Amerikani, niffriżawlhom l-investimenti Libjani fl-Istati Uniti, inġibu l-kwota taż-żejt tagħna minn xi mkien ieħor, u naraw kif inwaqqfuhom milli jwasslu ż-żejt tagħhom lejn l-Ewropa.
Għid al-Fitr tal-10 ta’ Diċembru 1969. Ftit wara s-sitta ta’ filgħaxija, hekk kif kulħadd kien qed ilesti biex joħroġ jiekol u jitpaxxa wara erbgħin jum ta’ Randan, ir-Radju Libjan LAR ħabbar, b’mod kemxejn ambigwu, li l-kolp ta’ stat li xi “reazzjonarji u opportunisti” kienu ppruvaw jagħmlu nkixef u falla. Kollu ndħil barrani dan, bdew jgħidu l-Libjani. L-Ingliżi u l-Amerikani dejjem jaraw kif se jiddeffsu għax qed jinżlilhom velenu l-fatt li qed ninnegozjaw biex jitilqu minn mas-saqajn. Però kien hemm xi Libjani li kienu qed jaħdmu mal-barranin: is-Segretarju għad-Difiża Aadim al-Hawwaaz u l-Ministru għall-Intern Musa Ahmad al-Hasi kienu f’konfoffa mar-reazzjonarji u l-opportunisti li ppruvaw jagħmlu l-kolp ta’ stat. It-tnejn ġew arrestati u beda jiġri l-għajdut li se jkunu arrestati iktar uffiċjali għolja tal-Istat.
L-għada, xi nies mill-Ambaxxata tal-Amerka ħarġu jpassu fi Tripli, jiġbru l-informazzjoni fuq l-atmosfera fil-belt. Kien it-tieni jum tal-Għid al-Fitr u fl-arja kien għad hemm l-irwejjaħ tat-tisjir fil-miftuħ tal-lejl ta’ qabel. Ftit minuti wara t-8:30, truppi armati niżlu barra l-Ambaxxati tal-Amerka, l-Ingilterra, l-Italja u l-Libanu. Wara l-10:00, niżlu wkoll is-Saladins u l-Ferrets. Però kollox tħalla jieqaf hemm — l-insinwazzjonijiet tal-Libjani kienu vagi wisq biex tinqala’ waħda.
L-1969 kienet ukoll is-sena li Oasis Oil saret l-akbar produttur taż-żejt fil-Libja meta f’Mejju laħqet it-812,000 barmil il-ġurnata. Dan kien seħħ minħabba li kien tqiegħed pajp ta’ 270 kilometru, b’wisa’ ta’ 24 pulzier li minnu bdew jinġarru 100 000 barmil żejt mill-oqsma Waha u Zaggat, idur dawra lejn il-qasam magħruf bħala Dahra fil-baċin tal-Punent, u jibqa’ sejjer lejn it-terminal ta’ Es Sidr. Otman kien hemm meta nfetaħ il-pajp. Ftit wara, fl-istess naħa tal-baċin, fil-konċessjoni numru 32, kellu jitqiegħed pajp ieħor li jmur minn qasam ġdid magħruf bħala Bahi u li kien 32 kilometru fil-Majjistral ta’ Dahra. Dan il-pajp kellu jġorr bejn 50 000 u 75 000 barmil kuljum. Minħabba dan it-tkabbir, Oasis Oil kienu ddeċidew li jibnu konnessjoni ta’ 48 kilometru, b’wisa’ ta’ 20 pulzier, bejn Dahra u Es Sidr. Hasan ar-Rida, il-Prinċep tal-Kuruna, kien inawgura t-terminal ta’ Es Sidr xi seba’ snin qabel, fl-1962, u l-proġett kien sewa $40 miljun. L-għan kien li l-Libja tibda tipproduċi biżżejjed żejt biex xi darba tesportah b’mod kompetittiv. F’dan iż-żmien, il-produzzjoni taż-żejt kienet għadha xi ħaġa ġdida għal-Libjani; sa ftit qabel, kienu l-ifqar nies fid-dinja b’ekonomija li tiddependi, litteralment, fuq il-karawett.
It-terminal u l-pajp tqiegħdu f’Ras es Sidr, fil-Golf ta’ Sirte. Dawn l-inħawi kienu magħrufa mit-Tieni Gwerra Dinjija minħabba li hawn kienu ltaqgħu f’taqtigħ kbir is-suldati Libjani u t-tmien armata tal-Afrikakorps Ġermaniżi. Hasan ar-Rida kien għadu kif wasal il-Libja mill-Amerka, fejn John F. Kennedy kien stiednu jqatta’ ġimgħa miegħu. Skont ritratt meħud mill-fotografu uffiċjali tal-White House, Abbie Rowe, ma’ Hasan ar-Rida u Kennedy kien hemm il-Ministru tad-Difiża Libjan Yunis Bilkhair u l-Ambaxxatur Libjan fl-Amerka Mohieddin Fikini. Flimkien, fis-17 ta’ Ottubru tal-1962, kienu ltaqgħu għal pranzu fil-binja tal-Ambaxxata tal-Libja u skont in-noti li ttieħdu, u li issa qegħdin fl-arkivju tal-President Kennedy, Fikini kien staqsa biex il-Libja tingħata iktar għajnuna finanzjarja. Minflok għenuhom, l-Amerikani bdew iwissuhom li l-infiq u l-isparpaljar ta’ flus li l-Libja kienet qed tagħmel kienu fil-vojt u li kien wasal iż-żmien biex jibdew iqisu mnejn se jġibu l-flus huma stess.
F’April tal-1971, dik il-ġimgħa li Otman kien bagħtilha l-ittra, is-CIA kitbet rapport sigriet dwar il-qagħda politika fil-Libja. Kienu qed jiġbru kemm jifilħu informazzjoni fuq it-tibdil mgħaġġel li l-pajjiż kien għaddej minnu mindu Gaddafi waqqaf il-Kunsill tal-Kmand Rivoluzzjonarju wara l-kolp ta’ stat. Diġà ftit ġimgħat qabel, fil-bidu ta’ Marzu, Kissinger kien bagħat memorandum lil Nixon biex jgħidlu li n-negozjati bejn il-kumpaniji l-kbar taż-żejt u l-ministri tal-Mediterran li jħarsu din l-industrija kienu waslu fi stat ta’ kriżi. Il-Libja kienet ilha tberren dwar dan xi sentejn u issa bdiet titlob prezzijiet ogħla. Bdiet titlob ukoll li ftit mill-qligħ jerġa’ jitqiegħed f’investimenti fil-pajjiżi li qed jipproduċu ż-żejt, u li dawn jingħataw bonus għax it-trasport mill-Mediterran lejn l-Ewropa kien jiswa inqas peress li d-distanza hija iqsar. Il-kumpaniji taż-żejt bdew jibżgħu li jekk ma jaqblux, l-Iraq u l-Alġerija se jitfantsu u jekk taqbżilhom, jagħmlu embargo min-naħa tagħhom. U mur oqgħod bihom il-pajjiżi konsumaturi mbagħad — isma’ l-qrid, qallu Kissinger. Il-Libja tathom biss sat-18 ta’ Marzu biex jilħqu ftehim. Ir-reġim żgħir, u sigriet jafu jżommuh, żied jgħidlu. Gaddafi għad għandu biss 28 sena imma kulħadd iħobbu għax keċċa ’l-barrani mill-bażi militari u rnexxielu jdawwar kemxa sew mill-bejgħ taż-żejt. Issa ħalliha li m’għamel kważi xejn biex itejjeb il-qagħda taż-żewġ miljun ruħ li jgħixu fil-pajjiż, jew għall-inqas biex joffri l-possibbiltà li jkun hemm minnhom li jieħdu sehem fil-ħajja pubblika u fit-tmexxija. U Gaddafi se jmur tajjeb għax il-Libjani ma tantx għandhom xi aspettattivi għolja wisq — jekk se jkun hemm xi ribelljoni, se tkun żgħira, u f’xi post minsi minn Alla. Dawk li kienu qed ifesfsu kontra, bħal uħud minn dawk li kienu mal-forza tad-difiża Ċirinajka jew il-pulizija Tripolitana, jew tneħħew minn hemm u ntbagħtu mal-armata regolari, jew tawhom is-sensja. It-tribujiet taċ-Ċirinajka ttiħdulhom it-titoli tal-art ukoll, u kien hemm battaljuni tal-Eġizzjani ġewwa Bengazi u Tripli biex ħadd ma jaqla’ l-inkwiet. U milli sirna nafu aħna, dawn in-nies tal-Kunsill tal-Kmand Rivoluzzjonarju, kif qed isejħulhom in-nies ta’ madwar Gaddafi, għandhom biżżejjed flus, karozzi u truppi biex jibqgħu hemm għal żmien twil.
Kissinger kien ċert li fejn jidħol iż-żejt, il-Libjani għalissa jridu jdawru kemm jifilħu flus mill-qligħ, imma ’l quddiem beħsiebhom jindaħlu iktar sakemm ftit ftit jiddeffsu sew fl-operat. Però serrħu raskom li għall-inqas għal dawn is-sentejn li ġejjin, m’hemm l-ebda ħsieb li jinnazzjonalizzaw l-industrija b’xi mod assolut. Iridu biss jieħdu iktar passi biex il-gvern ikollu dejjem naqra iktar kontroll. Wara kollox, jafu li pajjiżhom qed jagħti għoxrin fil-mija tal-konsum dinji. Ftakru li l-ewwel ħaġa li għamel Gaddafi hi li mar għand l-Eġizzjani biex isir it-taħriġ militari tal-Libjani, u mbagħad mar għand l-Unjoni Sovjetika, iċ-Ċekoslovakkja u Franza biex jixtri l-armi. U żommu dejjem amment li xorta waħda għadhom jiġru wara l-ordni tal-armi li r-Re Idris kien laħaq xtara mir-Renju Unit u mill-Amerka, imma qed jgħidu li ma jridux jibqgħu jixtru m’għand il-ħakkiema. Armamenti seta’ kellhom kemm riedu l-Libjani; il-problema kbira tagħhom kienet li ma kellhomx biżżejjed nies u allura qatt ma setgħu jkunu ta’ theddida kemm għall-pajjiżi ġirien tagħhom u kemm għall-Iżrael. Gaddafi, però, qed jippompja kemm jiflaħ flus biex il-pajjiżi Għarab jingħaqdu kontra l-Iżrael, u milli jidher, issa qed jipproponi l-Għaqda tas-Sirja, l-Eġittu u l-Libja.
Il-Libja, fl-immaġinarju ta’ tfuliti, kienet dik il-periferija li kull meta tħares lejha, dejjem taraha toqrob lejk. Dejjem ġejja, dejjem riesqa, bil-mod il-mod. Daqqa nintebaħ biha meta ninduna li nintgħaraf mill-karnaġġjon tiegħi, dak l-ismar. Daqqa mill-kliem niggieżi tan-nies, dak il-bagħal ta’ Għarbi. Daqqa meta npoġġi nara t-televixin fuq Ottoman baxx, tal-ġilda, felli aħmar, felli iswed, felli kulur id-deheb, li minnhom hemm tnejn fil-kamra tas-salott u li n-nanna tgħidli li kien ġabhom Otman. Daqqa, anzi, darba fix-xaħar, ninduna biha meta n-nanna ttini l-Libja f’idejja flimkien ma’ bott tal-ġambull u ċarruta: gabarrè tar-ram bit-tikek fil-wiċċ, kafettiera tawwalija tiġi bil-ponta fuq u mżaqqa n-naħa t’isfel, tmien tazzi fuq sieq irqiqa jesgħu beżqa, żewġ platti oħra tar-ram ukoll, wieħed b’żewġ iġmla mnaqqxin fuqu u l-ieħor ittri bl-Għarbi kollha ċfuf, żigarelli u ċerimonji qishom tberfil. Dawn ukoll kollha ġabhom Otman. Idlikom bil-ġambull, ħallihom joqogħdu kwarta, u imsaħhom. U l-Libja tleqq u tlellex f’għajnejn in-nanna. Jien, il-Libja nxommha f’idi, riħa ta’ ammonja. Ġieli, fi żmien is-Salvatur, il-Libja kienet ukoll żewġ denduliet tal-pannu iswed, taparsi bellus, imdendlin mal-ħajt tal-kuritur, maġenb iż-żewġ platti li għadni kif semmejt, b’xi moskea, palazz, ġemel, deżert u funtana tal-glitter, li kien ikolli nfarfar bil-pinzell għall-festa. F’dak iż-żmien il-Libja kienet iżżejjen ukoll il-mejda tal-ikel f’forma ta’ kaxxa żgħira tal-injam kollha interzjar tal-madreperla li fiha n-nannu kien iqiegħed is-sulfarini biex il-kbar iqabbdu s-sigaretti. Għal ftit żmien, il-Libja kienet ritratt ta’ Gaddafi fil-ħanut t’ommi, il-Gżira, imqiegħed fin-naħa ta’ fuq ta’ stand tal-kartolini ta’ Malta.
Meta bdejt nitfarfar, il-Libja wkoll bdiet tieħu xejra oħra fil-ġeografija mentali tiegħi. Bdiet issir dak il-post fejn ħafna rġiel tal-klassi tal-ħaddiema kienu jmorru jaħdmu mal-kumpaniji taż-żejt, xahar hemm u xahar hawn. Meta bdew jitneħħew l-impjanti kolonjali, u l-qagħda bdiet sejra ’l quddiem, il-gvern ta’ Malta u dak tal-Libja daħlu f’taħditiet biex il-Maltin imorru jaħdmu fl-industrija taż-żejt: mill-ewwel bdew it-trattati biex il-Maltin ikollhom il-bolla mħallsa, jirċievu pensjoni, u jkollhom id-drittijiet tax-xogħol imħarsin. L-industrija Libjana taż-żejt ħaddmet ’il fuq minn sebat elef raġel Malti fis-sebgħinijiet. Jekk kont bil-għaqal biżżejjed, jgħidli Lorry, kont tagħmel ix-xahar off lura Malta ddawwar xi ħaġa żejda b’xi part-time, jew tkompli tibni l-post fuq il-plot li jkun tak il-gvern. Jekk ma kontx, allura kien jibilgħek il-bar: birra filgħodu, taqleb għal whisky wara, u tagħmilha tal-galantom iġġib round wara round għal kulħadd, għax issa qed taqlagħha sew! Ix-xaqliba l-oħra ta’ din il-mappa mentali, però, kienet ikkulurita minn dak li kienu jgħidu għand tal-grocer dwar il-Libjani li f’dan iż-żmien kienu jżuru Malta. Fuq il-bedwini li fis-sebgħinijiet kienu jikru l-Mosta, u allura viċin ta’ Ħal Lija fejn trabbejt jien, u li kienu jimxu fit-toroq bi lbies tradizzjonali ta’ drapp imkebbeb u mitfugħ wara l-ispalla — al-ġird, bħal dak tar-ritratt ċelebri ta’ Gaddafi meħud fl-1966 f’Piccadilly, Londra — in-nies spiss kienu jgħidu li s-sidien tal-flettsijiet igergru għax il-Libjani ma jafux jużaw loki u, minflok, iħammġu fil-kxaxen tal-komodini. Meta kien jinqala’ paroli ta’ dat-tip, in-nanna kienet tordnali nsodd widnejja. Darba qrajt, f’wieħed mill-kotba li kien itini l-ħabib t’ommi Mahdi biex naqleb mir-reliġjon li trabbejt fiha, li fl-Iżlam hemm użanza, makruħ taħrimi (مکروہ تَحریمی) li tgħidlek li meta tħammeġ, dahrek jew wiċċek m’għandhomx iħarsu lejn il-Kagħaba. La ħa jikrulhom, misshom jagħmlulhom lokijiet apposta, kienet qalet darba l-Manti, il-ħabiba tan-nanna, waqt li firxet kutra fuq il-mejda tal-kċina biex tibda tgħaddi l-qliezet ta’ taħt ta’ żewġha. Din is-solidarjetà kienet rari immens, u allura l-Manti kienet waħda mill-ġirien li nannti kienet tħobb sew. Inkella kellhom ħabta jsejħulhom “tal-ħabbażiż”, kelma oħra mil-lessiku ta’ nannti, bħal “kitmejmum”, li kienet iddaħħalni f’qoxorti u twerwirni, kemm għax kelma kerha u kemm għax kont nimmaġina li sħabi se jisimgħuha u jaqlgħuli xi laqam. Fil-verità, il-ħabbażiż (Cyperus esculentus) kienet xitla selvaġġa biċ-ċiċri fuq, li minnha l-Gambarell, li kien jiġi jiknes it-toroq tar-raħal bi xkupa tal-lanżit, ġieli ġabilna fuq il-karretta tal-ħadid mill-għalqa tiegħu.
Barra mir-raħal ċkejken tan-nanniet, però, il-Libjani li kienu jiġu Malta bħala turisti jew negozjanti mill-aħħar tas-sittinijiet ’il quddiem, kienu jitqiesu, min-nies tax-xatt tal-Gżira, speċjalment min-negozjanti tal-ħwienet tax-xorb u tal-ħaddiema tas-sess, bħala sinjuruni taż-żejt. Il-ħwienet tal-ħwejjeġ tax-xatt ma kinux jagħmlu wisq flus mill-Amerikani li kienu jgħaddu l-ħin liberu tagħhom hawn; kienu l-Libjani li jixtru l-ħwejjeġ u l-affarijiet tad-dar biex jiħduhom lura magħhom, bħalma bdew jagħmlu l-Maltin f’Catania fit-tmeninijiet. Il-Libjani metropolitani ta’ Tripli li kienu jintefgħu l-Gżira kienu konservattivi filgħodu, spiss lebsin pulit, bil-ġlekk u l-qmis u b’arja ta’ urbanità sofistikata, u filgħaxija jintefgħu jfittxu l-affordanzi tal-urbanità ġdida tagħha li akkwistat fis-sebgħinijiet meta bdiet teklissa lil Strada Stretta: jitbandlu bejn in-nisa tax-xogħol cis u trans fi Triq Testaferrata u Triq l-Imsida, is-sinjorini u l-ħufar fil-Ġnien, u l-barijiet ta’ max-xatt sa tlugħ ix-xemx. F’ġimgħa kienu jinvestu għal sena lura fl-“għaks” ta’ Tripli sakemm il-bżonn jerġa’ jgħolli rasu u l-flus jippermettu round ieħor. Għal Libjani bħal Otman, li l-Gżira kien midħla tagħha sew, dawn l-inħawi ta’ Malta kienu estensjoni tal-pajsaġġ erotiku-ġeografiku ta’ Tripli, dak il-post ’il bogħod mill-għajn, dik il-kantuniera urbana band’oħra, li tilqa’ u tħaddan fiha ż-żina li d-djuq Tripolitan ma jippermettix. Il-Gżira tista’ tmur “tipprova”, imqar darba, ħa tara x’jiġifieri. Dawn l-imkejjen oħra jiftħu areni kbar ta’ esperimentazzjoni, kemm somatika kif ukoll lil hinn minnha. Il-Maltin ukoll nifhmuha sew din il-loġika li tippermettilna li nestendu l-orizzonti erotiċi tal-pajsaġġ Malti fi bnadi oħra, li mmorru “nippruvaw” barra minn xtutna.
Kont inkun irrid l-art tiblagħni meta noħorġu nieklu barra ma’ xi Libjan, imwerwer li niltaqa’ ma’ xi ħadd li se jarani u jmur jgħid bija l-iskola. Kien jinfetaħ abbiss bla fond ta’ mistħija li kont naqa’ fih u ninżel ninżel sakemm kważi naqta’ nifsi. Ma kontx niflaħ il-Malti mkisser li kienu jitkellmu, u kont noqgħod attent sew fil-klassi biex il-grammatika tal-ktieb Ilsien Pajjiżi ta’ Brother Henry FSC inġibha kollha tajba. Meta bdejt nitfarfar, bdejt nifhem sew il-kummenti li kienu jagħmlu ta’ madwari; ġejt iktar konxju ta’ ġismi: meta mmur nagħmel xi qadja lin-nanna, għand tal-grocer kienu jgħiduli li qisni tifla, li jien pulit, li għandi qalbi tajba u min ma kinitx missitu l-grazzja tal-ewfemiżmu, jgħidli li nżegleg naqra biex nimxi. It-tfal tal-bandli u tal-iskola jgħiduli li n-nokkli ta’ xagħri xotti u koroh, qishom steelwool, li ma nixbahha xejn ’l ommi u li qisni Webster tat-televixin. Fil-kwiet tal-kamra fejn billejl kien jorqod in-nannu, meta ma kontx qed nistinka biex nagħmel il-homework kollu tajjeb ħalli l-għalliema ttini stilla ħamra biex imbagħad id-dar naqlagħha minn mal-pitazz u nwaħħalha ma’ moħħi waqt li nara Wonder Woman fuq it-Taljan, kont ngħaddi l-ħin naqra ngħajjat u nitgħallem illissen il-kliem bil-Malti u bl-Ingliż sew, waħda mill-iktar strateġiji importanti biex żgur “ngħaddi” ta’ Malti. Teknoloġiji oħrajn biex ngħaddi kienu li nieħu ras ommi biex toħodni għand Manwel tal-Village Gossip jew għand Douglas ta’ Triq Testaferrata biex jew taqtagħli xagħri qasir u mhux “ittawwalhuli għax moda”, jew inkella tagħmilli straightening u blowdry. Strateġija oħra kienet l-ikkupjar, dak li l-antropoloġija ssejjaħlu mimikrija, tal-prostetika tal-ilbies: ommi ġġibli l-ħwejjeġ mill-Amerka u Mahdi jixtrili l-ġkieket tal-jeans, u jien inħares lejn is-soċji tal-Mużew u neqred biex tixtrili flokk tas-suf bħal tagħhom, bil-buttuni tondi tal-injam, mingħand Fredu tal-vann. Ridt żraben tas-Sanga, mhux xi buz tal-Amerikani li kien iġibli Jack meta jmur lura jara ’l oħtu. Ridt ninbela’ mill-folla, inkun bħal kulħadd, nisparixxi biex ma jarani ħadd. Dan iż-żmien kelli ħolma li kienet tqajjimni f’nofs ta’ lejl regolarment: noħlom li ġismi huwa libsa tal-foam magħluqa biż-żipp minn wara. U fil-ħolma nsib irkaptu ta’ kif inniżżel iż-żipp u bit-toqol tiegħu, dan il-kostum jaqa’ mal-ġnub u fl-aħħar nieħu r-ruħ, insib li jien iċken, abjad, xagħri lixx, għajnejja ċari bħat-tfal fil-kotba tal-iskola, bħall-ħelwin li jkun hemm il-bandli. Fl-aħħar insir viżibbli u allura inviżibbli.
U jekk kont qed nagħmel ħilti kollha biex nostor l-oriġini ta’ Otman, u allura tiegħi, minn kulħadd, xi kultant saħansitra minni nnifsi, dan kollu ħa sinifikat ikbar meta fit-tmeninijiet, fil-kċina t’ommi, spiss kont nisma’ lil sħabha jitkellmu dwar it-terroriżmu li l-Għarab, speċjalment il-Libjani, kienu jew involuti jew implikati fih: l-istraġi ta’ Ustica, it-taqbid fil-Golf ta’ Sirte, il-bomba fil-La Belle, il-hijackings tal-Libyan Arab Airlines u l-Egypt Air, u l-oxxenità ta’ Lockerbie. Niftakar sew li lejla minnhom, kien għad għandi ftit inqas minn għaxar snin, kont għand ommi l-Iklin, fejn kont immur norqod fi tmiem il-ġimgħa u nitlaq lura t-Tnejn filgħodu. Kien il-Ħadd u kien il-ksieħ sew. Jien kelli nieħu ħsieb il-mużika: mort inqalleb fil-kaxxi tad-diski qabel l-ikel u lestejt serata disco kif kont inħobb. Wara li kilna, tfejt id-dawl tal-linfa, tfajt l-ewwel single fuq ir-record player tat-Toshiba, u xgħelt it-torrijiet tad-dawl ikkulurit li kelli maġenbu, iteptpu aħmar, aħdar, blu, isfar u oranġjo. Intfajna fuq is-sufan nisimgħu d-diski u kif ix-Chic bdew “Le Freak”, qomna niżfnu flimkien bejn is-salott u l-mejda baxxa tal-kafè bis-saqajn indurati u l-wiċċ tal-irħam. Konna qed niżfnu u nieħdu gost sakemm daqqet il-qanpiena tal-bieb. L-ewwel ma daħlet kienet il-ġara ta’ faċċata, li jien ma tantx kont nafha sew. Kienet imxarrba bix-xita. Bdiet tibki u titriegħed u tipprova tkellem ’l ommi. Bdiet tirrepeti “Maryanne” u “airport” imma ħadd ma seta’ jifhem x’riedet tfisser. Ftit wara daħal ir-raġel tagħha, u qalilna li kien għadu kif ċemplilhom ħatnu, li kien jaħdem l-ajruport, u qalilhom li kien sema’ li Maryanne, it-tifla tal-ġirien l-oħra, kienet maqbuda fuq ajruplan tal-Libyan Arab Airlines li nħataf minn terroristi Libjani u tniżżel Malta fuq ir-runway 24 matul il-lejl. Niftakar ’l ommi tgħidli biex immur nitfi l-mużika minnufih. Kulħadd mar fil-kċina, bdew ħerġin il-kikkri tal-kafè u s-sigaretti u beda l-kliem tal-adulti. Ta’ tifel li kont, fhimt ftit biss minn dak li bdew jgħidu. Niftakar li filgħodu ma kontx mort skola u li kienet waqgħet ħemda tqila, itqal mix-xitwa ta’ Frar, fuq il-wied tal-Iklin. Bdew ġejjin il-karozzi tal-pulizija, il-muturi tal-ġurnalisti u l-vannijiet tat-televixin. It-triq, li kienet għadha mħarbta u kollha żrar iqarmeċ tal-qawwi, ftit kienu jgħaddu minnha jew jafuha. Kienet spazju kważi privat tal-ftit nies li jgħixu hemm, min fl-irziezet u min fil-vilel. Ħassejt swied ta’ qalb kbir ħiereġ mid-dar ta’ sieħbi li oħtu issa kienet maqbuda fuq ajruplan mit-terroristi Libjani, u jien ma ridtx noħroġ mix-xatba ’l barra. Kont naf li minn dakinhar ’l hemm, sħabi kienu se jarawni biss bħala “Il-Libjan”.
Otman reġa’ kitbilha għaxart ijiem wara, fis-27 ta’ April 1971, u qalilha li se jmur field break fit-12 ta’ Mejju 1971. Fl-ittra aċċenna għal xi ħaġa li ġrat bejniethom fil-passat, iżda x’kien ġara eżattament mhux ċar. Milli jidher semmietlu xi ħaġa li dejqitu u li ma xtaqx jitkellem iktar dwarha. Idawwar il-kliem minnufih għal kritika tal-Kunsill tal-Kmand Rivoluzzjonarju, ta’ Gaddafi u t-tmexxija tiegħu li diġà qed tikxef snienha sentejn biss wara l-kolp ta’ stat, u fuq ix-xewqa li jitlaq minn Tripli u jmur lura l-Ingilterra fejn kien mar jagħmel sena jistudja. Lesta li tiġi miegħi l-Ingilterra? Jien mhux se noqgħod hawn. Dan bedwin, Jos (kif isejħilha spiss) — qed jipprova jbiddel in-nies tal-bliet f’bedwini bħalu. Irid iġibna qisna ta’ wara l-muntanji. Diġà beda jtanbar fuq ir-reliġjon. Il-gvern inbidel, veru, u anki l-politika barranija tal-pajjiż inbidlet — imma l-Libjani, foqra konna u sentejn wara foqra għadna. Qabel konna l-art tal-karawett, imma issa għandna ż-żejt u bqajna foqra, morda, u illitterati. Aħna tal-belt, nies metropolitani. Qed iħassar l-identità Mediterranja tagħna. Eluf ta’ snin ta’ kummerċ mill-baħar, bħalkom. Qrajt sew fuq l-istorja tagħkom — Feniċi, kavallieri, baħħara, vapuri. Dan niesu jitwerwru mill-ilma, jibżgħu li ġejjin il-ħakkiema fuq il-mewġ. Aħna morna barra, studjajna — stennejna li jkollna rwol fil-ħajja pubblika — imma dan ġie jgħidilna biex nilbsu ta’ bedwini kif qed jagħmel hu. Kif dejjem hekk imma? Kif in-nies tax-xatt qatt ma jkunu huma li jieħdu l-poter f’idejhom? Kif bilfors iridu jkunu n-nies minsija minn Alla li jispiċċaw bil-poter? Qed jgħidilna, lilna n-nies tal-bliet, biex immorru lura għall-kultura tradizzjonali. Aħna l-ġenerazzjoni l-ġdida, edukata, imsiefra — aħna m’aħniex kuntenti. Qed jgħidu li se jippruvaw isibu mod biex il-klassi edukata jkollha sehem fil-ħajja pubblika. Issa naraw! U veru ċar li qed iwaqqfu l-proġetti pubbliċi — il-bini qisu waqaf, u issa li keċċew it-Taljani ’l hemm, ma baqax wisq min jaf jaħdem bl-idejn jew min jaf jaħdem fil-biedja. U ma jidhirx li se jisfaxxaw għalissa għax internament, milli nisma’, hemm qbil kbir u l-oppożizzjoni ma tiswiex karlin. Itennilha: lesta li tiġi miegħi l-Ingilterra?
Il-passat tista’ forsi tagħżlu, jgħid Didier Eribon; u forsi tista’ tibdlu. Mill-ewwel paġna tal-ktieb tiegħu Retour à Reims, Eribon laqatni fil-laħam il-ħaj. Ħasadni u kexkixni. Tellagħli fawra u ġabni espost, mikxuf, maqbud, qisu xi ħadd daħal fuqi fl-iktar spazju personali, vulnerabbli u intimu tiegħi. Kixifni, b’mod speċjali, miegħi stess. Qalli affarijiet li jien kont nistħi ngħidhom lili nnifsi. Eribon jikteb li f’żgħożitu għamel ħiltu jipprova jaħrab mill-klassi tal-ħaddiema u l-familja fqira li twieled u trabba fihom. Biex jagħmel dan, kellu jivvinta lilu nnifsu mill-ġdid, bħala xi ħadd ieħor f’milieu soċjali differenti minn dak li kien kiber fih. Tefa’ lilu nnifsu f’Pariġi, jiġġerra mas-sinjorini edukati, eruditi, u sofistikati, u jagħmilha ta’ pulit. Għall-bidu, Eribon jinterpreta dan bħala ħarba mill-omofobija prevalenti fl-isfond soċjali li ġie minnu biex isib, jew aħjar biex isir, spazju soċjali li jippermettilu li jgħix is-sesswalità tiegħu mingħajr trawma. Jinduna, però, li din l-interpretazzjoni kienet forsi sempliċi wisq: onesta, però simplistika. Wara l-mewt ta’ missieru, wara snin twal ta’ silenzju u distanza minn familtu, Eribon jerġa’ lura d-dar t’ommu u jibda jammetti li fil-verità, il-ħarba kienet mill-aċċent aħrax u l-affetti tal-ġisem li jiġu mal-klassi tal-ħaddiema li twikka biha mit-twelid. Fir-rikonċiljazzjoni m’ommu, Eribon japproprja mill-ġdid il-klassi tal-ħaddiema u jerġa’ jibdel il-passat tiegħu. Proċessi bħal dawn inibbtu fil-ġisem sens tremend ta’ regħxa fejn is-suġġett mhux biss jibża’ li jinqabad minn dawk ta’ madwaru imma jibda jitqanqal fih sens ta’ stmerrija lejh innifsu, regħxa li tiżolah. F’En finir avec Eddy Bellegueule, Édouard Louis jikteb li n-normi soċjali spiss jimmanifestaw (kont se nikteb “jinfestaw”) fil-ġisem bħala regħxa u għajb: il-missier li jibki waħdu, fid-dlam, u jistmerr lilu nnifsu għax debboli u effemminat, u li wara jmur isawwat lil martu. Forsi bħal dik it-tfajla wild ta’ relazzjoni interrazzjali li għandha xagħarha “tal-bażuta” u li l-iskola jitfgħulha l-boċċi tal-karti minn ġo biro tal-Bic għal ġo fih biex jeħlu hemm u joqogħdu jidħqu biha u li wara tmur id-dar tigref kuxxtejha bis-sikkina taħt il-mejda tal-ikel u ġġemma’ biex tmur tħallas mitt ewro biex tillixxjah. L-għajb u r-regħxa huma esperjenzi kollettivi u politiċi u dawn huma l-effetti tagħhom.
Eribon kexkixni għaliex tefagħli lenti daqsiex fuq il-proċessi li għaddejt minnhom jien, għamilni konxju ta’ kemm kont ħloqt saffi elaborati ta’ narrattivi biex nostor il-verità ta’ Otman, verità li għalkemm għal kulħadd kienet ovvja, jien bqajt nemmen li l-istrateġija ta’ ħabi tiegħi kienet qiegħda taħdem, li jien kont “ngħaddi” ta’ Malti. Ma kelli l-ebda problema nitfa’ fuq quddiem, nikxef b’mod assolut, l-orjentazzjoni sesswali tiegħi, il-klassi soċjali, u l-isfond raħli-metropolitan li trabbejt fih. Anzi, kont insibha bi tqila nieqaf nitkellem dwarhom. Meta smajt leħen Eribon, però, indunajt li dak l-ixkaffar kollu quddiemi, dawn l-ispunti awtobijografiċi li kelli l-kapaċità nitkellem fuqhom bl-iktar mod komdu, ma kienu xejn ħlief strateġija ta’ ħabi, mod ta’ kif niċħad il-wirt Libjan fl-identità tiegħi. Għal ta’ madwari din kienet ovvja minn dejjem: ta’ tifel, ismi fir-raħal kien għadu meqjus bħala isem Għarbi u mhux isem ta’ oriġini ambigwa kif kien f’kuntesti iktar borgiżi bħall-iskola fejn kont immur. Ismi kulħadd kien jinsa x’inhu eżattament għax mhux tas-soltu imma kulħadd kien jiftakar li hu Muhammad, jew xi ħaġa hekk. Waqt il-futbol, meta nħalli l-ballun jidħol fil-lasta, sħabi kienu jaraw missier Musulman ġo flett il-Mosta, iħammeġ fil-kexxun tal-komodini. Kont konxju tal-kulur tal-ġilda, tan-nokkli xotti fuq rasi, ta’ ismi, ta’ kunjomi li mhux talli ma jagħmilx sens, talli għandu sinjal li mhux ittra, u li kulħadd kien jaqilbu f’naħxiha jew xi varjant oxxen ieħor. U nannti kienet taħraqni iktar: kienet tħalli fil-kamra tal-ikel ritratt ta’ Otman u ommi, li fih hu kien jidher sew li hu Għarbi. Meta kienu jiġu n-nies, kont immur niġri nitfgħu wara xi frejm ieħor biex ma jidhirx. Għax mhux talli ma ridtx missier, talli ma ridtx missier Għarbi, ma ridtx missier Libjan.
U għalxejn kont nipprova nifhem għala nannti u ommi ma kellhomx l-istess mistħija, għala kienet tħalli r-ritratt tiegħu hemm biex jarah kulħadd: forsi ma kinux konxji ta’ x’kien qed jintqal fuq il-Libjani? Forsi kienu ltaqgħu miegħu qabel beda jitqanqal id-diskors kontra l-Libjani fid-dominju pubbliku? Forsi kienu minn klassi fqira wisq tal-ħaddiema biex ikollhom sens ta’ mistħija bil-barrani? Forsi kellimhom fuq l-istorja tal-Libja u qasmu miegħu sens ta’ storja politika? Forsi nannti semgħet lil Mintoff isemmi ’l Gaddafi u waqgħalha għal Otman? Forsi għamlu żball bagħtuni skola tad-dojoq għax issa ġejt effemminat u kollni sinifiteti u allura dawn il-keded huma kollha tort tiegħi u jmissni nistħi li qed nagħmel hekk? Meta kont nimla xi formola tal-eżamijiet, l-isem tal-missier kont naqbżu (“Otman”, ma tarax!), jew nitfa’ isem in-nannu minflok (Saver Chetcuti). U bil-mod il-mod, lejla wara lejla, waqt li nkun maġenb in-nanna bilqiegħda fuq pultruna baxxa miżbugħa bajda bil-pinzell, għajnejja jżebbġu lejn it-twaletta ħa nara jekk ħarġitlix xi nokkla minn fuq, widnejja kienu jisqru fuq l-aħbarijiet tat-tmienja ta’ filgħaxija mit-televixin black and white, attent biex nisma’ fejn Anna Bonanno ħa tgħid li hemm gwerra kiefra u qalila, għawġ u inkwiet. Il-pjan kien li nwaqqaf lit-tfal l-oħra milli jkomplu jistaqsuni fejn hu missieri. Fejn hu missierek, Omar? U jien: jaħdem barra. In-Nikaragwa. Il-Libanu. El Salvador. Il-Falklands. Nistenna; nistenna li nsib il-kuraġġ li fl-aħħar nibagħtu jaħdem ġo xi pajjiż fejn il-ġlied tant hu qalil li jinqabad fih u jinqatel. Darba għal dejjem. U ħadd ma jistaqsini iktar.
Meta kbirt u qrajt x’kellu jgħid Freud dwar il-qtil tal-missier (Vatermord), waqaft inħoss il-piż tal-ħtija li kienet tnawwarni minn ġewwa għax lil dan il-proxxmu immaġinajtu mgeżwer f’liżar abjad u mitfugħ ġo ma nafx kemm-il ħofra maġenb kamp ta’ battalja: milli jidher, wara kollox, il-patriċidju kien metafora universali. Sakemm darba, ftit qabel qtajt il-kuntatt mal-Knisja u s-satelliti tal-kumitati li jorbitaw madwarha, f’Jum il-Missier, tal-Kummissjoni Żgħażagħ qabbdu lili naqra t-talba ta’ ringrazzjament wara t-tqarbin min-naħa tal-kor tal-knisja ta’ Ħal Lija. Kienet saret moda taqra l-kitbiet ta’ riflessjoni minn bilqiegħda flok mill-ambone. B’kitarra maġenbi tingħi melodija melankolika, bdejt il-qari. Missier, grazzi ta’ kemm tieħu ħsiebi. Grazzi ta’ dak kollu li tagħmel għalija, talli int ta’ eżempju tajjeb, ta’ kemm iżżommna magħqudin bħala familja. Telgħetli għoqla fi griżmejja, rajt l-irħam ta’ taħti jinfetaħ u jsejjaħli għal ġo dlamijietu. Għollejt rasi lejn in-nies u nara knisja sħiħa tħares lejja, ħadd ma jista’ jemmen il-wiċċ vili ta’ min kien qabbadni naqra dik is-silta. Dakinhar filgħaxija, in-nanniet għalqu l-purtelli tal-injam, tfew id-dawl u xegħlu lampa b’bozza bluna. Dħalna fil-kamra ta’ ġewwa u qaluli biex ma nitniffisx. Xi ħadd kien ra Għarbi jħuf fl-akkwati tal-flettsijiet tal-gvern, u n-nanniet daħħluha f’rashom li Otman kien bagħat lil xi ħadd biex jiġi joħodni. Dakinhar, bnejt storja ġo rasi li tal-Kummissjoni Żgħażagħ kienu qabbduni naqra għax raw Libjan jimxi fl-inħawi. Hemmhekk bdietli l-fantasija tal-ħtif, li damet snin twal sa ma telqitni.
Waqt li kont qed naqra l-ittra li Otman bagħtilha fit-30 ta’ Ġunju tal-1971, sirt naf li kien qed jisma’ r-radju fil-kamra tiegħu x-xogħol, diska ta’ Tom Jones li kienet ħarġet dik is-sena. Waqt li qed jikteb, beda jipprova jiftakar xi kliem li kien tgħallem jgħid waqt li kien Malta: elmara tiyee u forsi xi oħra imma mhux ċert, hobie jadida? Ilu tmien ġimgħat jaħdem fid-deżert; ma jistax imur lura għax wieħed minn tax-xogħol ma jiflaħx u m’hemmx min ikompli x-xogħol li qed jagħmlu fuq waħda mit-turbini. Issa baqagħlu ġimagħtejn oħra sakemm jerġa’ jmur lura d-dar. Otman jerġa’ jibda jhewden: hemm punt fil-kitbiet tiegħu li f’daqqa waħda jibda jitqanqal u jiftakar fil-mumenti ta’ bejniethom, bħallikieku l-kitba kienet il-mod li bih seta’ jġib lura l-mumenti li qasmu flimkien f’dik il-ġimgħa li kien Malta sentejn qabel. Tiftakru l-kliem li għedna bejnietna? Xi dwejjaq qed ninsa ftit minnu jien. Nixtieq ma ninsiehx. Tiftakar x’għedtlek? Tiftakar? Għal Otman, il-kitba kienet teknoloġija li biha pprova jżomm intimità fid-distanza li kien hemm bejniethom, distanza ta’ spazju u ta’ żmien. Il-proċess tal-kitba tiegħu beda jfakkarni xi ftit fil-kitbiet ta’ Jean Genet, li kont għaddejt xhur twal fix-xitwa tal-1995 naqra f’kantuniera tal-Prego. X’aktarx kienet l-istampa ta’ ġuvni magħluq ġo kamra fid-deżert, waħdu, jimmaġina mod ta’ kif juża l-fantasija biex ireġġa’ lura realtà effimera, dik it-teknoloġija li tista’ tħarrbu mill-ħitan ta’ dil-gabuba fid-deżert, li fakkritni fil-kliem masturbatorju li kiteb Genet miċ-ċella tal-ħabs ta’ Fresnes u li spiċċa fil-ktieb Notre Dame de Fleurs: “billejl inħobbhom, imħabbti tfawwarhom bil-ħajja”.
U wara ftit, il-kitba masturbatorja tinbidel fi kliem ta’ niket: Imma int ma tiktibli qatt lura. Talabha biex tibgħatlu ittra fl-indirizz tad-dar mela, għax sakemm tiktiblu u tasal, ikun laħaq żarma u ħareġ bil-field break. U hawnhekk kitbilha l-indirizz tad-dar tiegħu: 11 Triq Taġura. Għajnejja nħasdu meta rajt l-indirizz. Indirizz huwa informazzjoni bażika, rudimentali, essenzjali, verità mneżżgħa mill-ideoloġija u l-propaganda u t-teorija, imneżżgħa mir-retorika u l-metafora, il-ganutell letterarju. Indirizz huwa post fid-dinja, fejn joqogħdu n-nies ta’ veru, fejn tista’ tmur u ssibhom. Din qatt ma kienet parti mill-ekosistema ta’ ħajti. Otman kien raġel bla leħen u bla indirizz. U issa tard wisq — probabbli mejjet — forsi miet fit-taqbid tal-gwerra ċivili — Taġura qalgħetha sew — qatlu xebgħa nies, u ma kinux daħlu n-nies ta’ Misrata jifqgħu kulm’hemm? — u jekk le, forsi għerqet jew waqgħet id-dar tagħhom waqt Storm Daniel? L-indirizz fetaħ possibbiltajiet infiniti ta’ ħsieb għalija.
Taġura kont naf biha, kemm mill-aħbarijiet kif ukoll mill-kitba ta’ Mohammed Alnaas, kittieb żagħżugħ Libjan li spiss indur għall-kitbiet tiegħu biex ireġġagħni lura għal dak il-passat li qatt ma tajtu ċans jitwieled. Fl-esej tiegħu “أن تمشي ست كيلومترات على بعد” عشرين كيلومتر من طرابلس” (Nimxi sitt kilometri, għoxrin kilometru ’l bogħod minn Tripli), miktub f’ġeneru li jorbot il-mixi mal-ħsieb u l-ħsieb mal-post u l-post mal-memorja u l-memorja mal-kliem, Alnaas iħalli l-karozza għand il-mekkanik u jimxi sitt kilometri lura d-dar (għoxrin kilometru ’l bogħod miċ-ċentru ta’ Tripli) f’subborg fil-Lvant ta’ Tripli msejjaħ Taġura u magħruf bħala “Tagurt” mal-Amażigħ tal-Libja. Fid-daħla, dwar l-ewwel kilometru mixi, Alnaas jgħid li jsib rabta sottili bejn Taġura, il-mixi u l-kitba (“هناك ارتباط خفيْ بين المشي وتاجوراء وانجذابي لفعل الكتابة”): it-tifsira ta’ Taġura hi, fil-fatt, mixja — mixja li fiha l-vjaġġaturi li sejrin mil-Lvant għall-Punent waslu biex jiltaqgħu mal-aħħar metropoli ċivilizzata, bl-isem ta’ Oyat Bilad Makar, l-isem Puniku ta’ Tripli. Joħloq mappa tal-post mhux bl-ismijiet tat-toroq iżda b’dawk il-postijiet li għalih għandhom storja: is-siġra tal-palm tistrieħ mal-appoġġ ta’ dar, is-sqaqien dojoq, ir-raġel xwejjaħ dejjem fl-istess post, fid-dell ta’ siġra tat-tut, jew xi sejba arkeoloġika. Fl-ewwel kilometru mixi lejn daru, isib ruħu fid-daħla tal-belt ta’ Taġura fejn jilqgħek il-filosfu tas-seklu dsatax Sidi al-Nafati u jibagħtek għand Sidi al-Hattab, mistrieħ għal dejjem f’al-Houma, fiċ-ċentru l-qadim ta’ Taġura, sakemm ġew u ħarġuh minn qabru l-Waħħabin. Imbagħad taf issib ruħek għand Sidi al-Andalusi, li jilqgħek bil-qdusija kollha tiegħu, u wara hemm għal għand Sidi al-Maxej, f’dak iċ-ċentru kollu qedem jismu al-Marawna. Ħafna mit-toroq qodma, mimlijin trab, żrar, ġebel u mogħdijiet tal-ilma m’għadhomx hemm illum, biss il-wirt tal-Ottomani baqa’ jinħass sew hawn, jgħid Alnaas. Biss biss fl-istruttura tal-familji. Familji bħal dik ta’ omm Otman li f’din l-ittra jibda jgħidilha dwarhom. Ommi għadha kif welldet tewmin, żewġ subien. Ftit xhur ilu biss. Hussein u Hassan. Issa nibgħatlek ritratt tagħhom. Qabel nagħlaq, smajt mingħand xi Maltin mill-Mosta li jaħdmu miegħi hawn li Mintoff rebaħ l-elezzjoni.
Walter H. Annenberg kien l-Ambaxxatur tal-Istati Uniti għall-Ingilterra bejn l-1969 u l-1973. Kien negozjant u filantropu. Fl-4 ta’ Awwissu tal-1971 (jumejn qabel il-festa tas-Salvatur f’Ħal Lija u għeluq snin Duminku Mintoff), Annenberg bagħat telegramma lid-Dipartiment tal-Istat biex iħabbar il-laqgħa li kellu mal-Ministru tad-Difiża Ingliż Lord Peter Carrington. Annenberg kien ħass li l-Ingliżi ma kinux qed jinsistu biżżejjed biex Mintoff ma jdurx lejn l-Unjoni Sovjetika għall-għajnuna u li s-sitwazzjoni kienet qed issir perikoluża sew. Jilmenta li Mintoff huwa politiku imprevedibbli, merkurjali, u determinat li jagħmel kif jaqbillu mal-Ingliżi. Annenberg kien mar għand Lord Carrington b’żewġ proposti għat-trattati Ingliżi dwar l-għajnuna u l-kumpens lejn Malta li fihom l-Amerka tieħu sehem fin-NATO. Però Annenberg avża lid-Dipartiment tal-Istat li l-Ingliżi kienu jidhru mitluqin sew u mhux qed juru xi urġenza partikolari biex Malta ma ddurx lejn Khrushchev. Waqt il-laqgħa, Carrington sejjaħ l-interdett “skomunika” — probabbli minħabba l-fatt li ta’ Anglikan li kien, ma kienx jimpurtah wisq dwar il-finezzi ekkleżjastiċi tal-Knisja Kattolika — u kien qal lil Annenberg li Mintoff kien qiegħed hemm tort tal-Knisja li ddeċidiet li tneħħi l-iskomunika [sic] minn fuq dawk li jivvutawlu; kieku, Mintoff u ta’ madwaru mhux qegħdin hemm. Qallu li Mintoff se jibqa’ hemm jekk il-Knisja se tkompli tinsisti li ma tiskomunikax in-nies tiegħu. Carrington ma tantx kellu xi biża’ li Mintoff se jdur malajr lejn l-Unjoni Sovjetika minħabba li kien jaf li jekk jagħmel dan, il-Knisja ddur kontrih darba għal dejjem u “tiskomunikahom” kollha. Barra minn hekk, Carrington kien tal-idea li Mintoff kien f’qagħda dgħajfa sew: li kieku kellu jkeċċi l-Ingliżi, kien se jitlef madwar £20 miljun li l-Ingilterra kienet tonfoq f’Malta għad-difiża. Carrington żied li Malta kienet qed iddaħħal xi £20 miljun oħra mill-infiq u n-negozju li l-Ingliżi kienu qed jagħmlu f’Malta, saħansitra mit-turisti Ingliżi. Kien hemm ukoll fattur ieħor li kien qed iserraħ ras Lord Carrington: kieku Mintoff kien se jwebbes rasu, Malta kienet se tispiċċa b’xi tmint elef persuna qiegħda (fl-1971, Malta kellha mitt elf ħaddiem, u tmint elef nies qiegħda kienu jinħassu sew). Lord Carrington qal lil Annenberg li mit-taħditiet li kellu ma’ Mintoff, kien jidher biċ-ċar li dan kien qed jipprova jdeffes feles bejn l-Ingilterra u l-alleati tagħha fil-Punent biex jara x’se jiddobba mingħandhom. F’waħda mit-taħditiet, qallu Carrington, Mintoff kien staqsieni x’naħsbu aħna kieku Malta kellha teħles mill-Ingliżi u ddur għal pajjiż Ewropew ieħor. Jien ħsibt li kien qed jirreferi għall-Ġermanja imma meta staqsejtu, Mintoff daħaq daħqa ta’ ħaxxej u staqsieni x’naħseb kieku dak il-pajjiż kellu jkun Franza. Meta għedtlu li aħna nifirħulu jekk jirnexxilu jieħu tletin miljun m’għand il-Franċiżi, inħasad. Carrington kien xettiku għall-aħħar dwar il-qlajja’ li kienet qed tiġri ġewwa l-ambaxxati li Malta kienet qed tiddgħajjef finanzjarjament u li wara l-15 ta’ Awwissu ma kienx se jkollha biżżejjed biex tħallas il-pagi taċ-ċivil. Qlajjiet kollha dawn, qal Carrington. Malta għandha £70 miljun imwarrbin fir-riżervi ta’ Londra. Annenberg insista li kellu tagħrif mill-Ambaxxata Amerikana ġo Malta dwar kemm kienet prekarja l-qagħda finanzjarja fil-gżira u insista li Carrington iqabbad in-nies tiegħu jinvestigaw dan l-għajdut. Min-naħa tiegħu, Carrington kien wieġeb li Mintoff qatt ma mar jissellef m’għand ħadd u allura kien tal-idea li jekk l-ispiji Amerikani kienu qed jgħidu li Malta se tiddejjen, mela allura Mintoff qed jitnejjek bikom. Biss żomm amment li, għalkemm aħna għandna d-dubji tagħna dwar il-motiv, is-sinċerità u l-affidabbiltà ta’ Mintoff, xorta se nippruvaw nagħmlu offerta sura ta’ nies lil Malta. Però żomm f’moħħok li ma’ Malta l-aħjar taħdem bil-mod: l-għaġla mhix tajba. U rridu nżommu f’moħħna l-psikoloġija ta’ Mintoff innifsu — ma nistgħux nagħmlu l-aħjar offerta mill-ewwel għax hu se jistenna li l-ewwel offerta se tkun l-iktar waħda baxxa. U s-sitwazzjoni qisha passatur: jekk indaħħlu pajjiżi oħra, xi ħadd ħa jmur ifesfislu lil Mintoff.
Annenberg ma kienx stagħġeb wisq li l-Amerikani u l-Ingliżi kellhom informazzjoni differenti. Żommni infurmat, kien qallu lil Carrington. Però, qabel għalaq it-telegramma, irrimarka li Carrington kien l-iktar persuna awtorevoli dwar Malta, u allura l-opinjoni tiegħu kienet siewja ħafna. Irrimarka wkoll li ftit minuti qabel telaq għal-laqgħa tiegħu ma’ Carrington, kienet daħlet ticker li Mintoff żar lil Gaddafi fil-Libja. Tinkwieta xejn jekk Mintoff mar jissellef m’għand il-Libjani, qallu Carrington. Jagħmel x’jagħmel ma’ Gaddafi, xejn mhu se jibdel il-fatt li Malta tibqa’ tiddependi fuq il-Punent. Bejn l-elezzjoni ta’ Ġunju tal-1971 u l-aħħar tas-sena, Mintoff żar lil Gaddafi fil-Libja erba’ darbiet. Skont it-telegramma numru 142339 mibgħuta mid-Department of State lill-Ambaxxata Amerikana f’Londra fil-5 ta’ Awwissu tal-1971 biex jitkixxfu iktar fuq is-somma ta’ £70 miljun li Malta suppost kellha fir-riżervi Londra u r-risposta li ntbagħtet l-għada fit-telegramma 7311 u li issa tinsab fl-istess kaxxa numru 728 (“Country Files — Europe, United Kingdom, Vol. VI” tal-arkivju tal-President Nixon), is-somma li kellha Malta kienet ta’ £80 miljun, somma li l-uffiċjali qalu li kienet tajba biżżejjed biex Mintoff imur jissellef minn banek kummerċjali.
Bħal Mejju, Lulju ġie u mar, u Otman ma bagħtilha xejn sakemm fit-18 ta’ Awwissu kitbilha fuq karta safra, legal pad. Ilu jistaqsiha sentejn u għadha ma bagħtitlux ritratt tagħha. Jgħidilha li qed jaħdem ix-xift ta’ billejl u qed jiftakar f’meta ltaqgħu: hu kien sejjer l-ajruport ma’ Charlie tat-taxi u hi kienet qiegħda fuq l-istejġ tal-linja. Waqqfilha u telgħet miegħu u marru jieħdu kafè flimkien l-ajruport. Wara marret għandu. F’nofsinhar, niżlu l-Belt, xtralha ċurkett, u wara qabdu tal-linja għal Ħal Qormi. Jgħidilha wkoll li hu raġel onest, u li għandha temmnu. Qed jagħmel ħsieb li jiġi din is-sena. Niftakar meta z-zija Salvina stednitni għandkom u tant xrobt li ma flaħtx immur lura l-post tiegħi u kelli norqod hemm. Kemm ħadt gost. Ommok sajritli l-bajd u jien għamiltilkom l-għaġin u l-insalata. Kien hemm il-ħabiba tiegħek, Maggy. M’għadnix irrabjat iktar ma’ Maggy issa. Issa qisha oħti. Tista’ tiġi magħna meta nkun Malta. Diġà għedtilhom lil tad-dar li ġejja żżurhom Tripli. Għadek taħdem mal-Ingliża? Ibgħatli ittra fid-deżert għax baqagħli sal-15 ta’ Settembru jew iktar biex immur field break.
L-Ingliża. Nipprova niftakar fejn kont smajthom isemmu lil din l-Ingliża. Il-memorji frammentarji sew, biss jibda ġej leħen nannti u nismagħha tgħid lil ommi jekk hix sejra għand l-Ingliża. Nibqa’ nhewden u nipprova niftakar sakemm fl-aħħar inkun għaddej bil-mixi minn fejn it-Torri ta’ Ħal Lija u jiġi f’moħħi l-isem Mrs King. Ġie lura meta jien u nieżel lejn it-Torri, dahri lejn il-knisja, f’salib it-toroq mat-triq tal-iskola primarja, nara d-djar tal-kantunieri quddiem is-siġar imfawra bil-fjur tal-oleandru roża u abjad li jagħti dehra sinjura lil Vjal it-Trasfigurazzjoni, u jfewħu b’riħa ta’ gomma mxarrba. Fuq in-naħa tal-lemin, id-dar ta’ Data, fejn kienet tmur taħsel u tnaddaf iz-zija Janey. Faċċata, id-dar ta’ Mrs King, l-Ingliża. X’kien jisimha? Min jaf? Naħseb ma kellhiex isem. Ċerti nisa fil-villaġġ kellhom arja differenti minn tal-oħrajn u kienu jissejħu bit-titlu u l-kunjom, jew għax kienu barranin jew għax iktar puliti. Nieqaf quddiem id-dar u npoġġi fuq il-bank tal-injam li hemm faċċata tagħha, barra d-dar ta’ Data, biex inħares lejha sew. Il-ħin huwa l-ħdax u nofs ta’ filgħodu. Jibdew ġejjin bil-mod il-mod stampi quddiem għajnejja. Nidħol minn bieb mal-ġenb u nikser fuq il-lemin għal ġo kamra mdawla, ħitan bojod, art sewda, għamara tal-injam ċar, pjanti ħodor twal u kbar imxerrda ma’ kullimkien. Fuq ix-xellug, kċina bajda, ukoll imdawla, bit-tieqa li tagħti għal ġo passaġġ bejn it-triq u l-binja tad-dar. Din mhix dar bħal tagħna. Nara ’l ommi timxi f’din id-dar b’ħafna kunfidenza. Iddur ġo fiha qisha tafha sew, qisha tgħix hemm, qisha tagħha. Tiġi memorja tiegħi nipprova nifhem kif ommi tista’ tidħol hawn u taqbad tagħmel l-affarijiet ġo did-dar. Il-memorji ta’ Mrs King ma jiġux, u tad-dar tagħha jieqfu hawn.
It-28 ta’ Settembru 1971. Otman kiteb biex jiskuża ruħu li ilu ma jibagħtilha ittra. Inqalgħatlu problema. Meta ħareġ fuq field break fil-15 ta’ Settembru, mar lura Tripli u sab lil oħtu Kareema marida. Għamlet ħamest ijiem l-isptar. Waqt li qed naqra, hawnhekk nieħu nota: forsi jmissni nibda nniżżel min huma dawn in-nies li qed isemmi. S’issa sirt naf fejn kien joqgħod, l-ismijiet ta’ żewġ ħutu nisa, Nagia u Kareema, u l-ismijiet ta’ ħutu t-tewmin li għadhom kif twieldu, Hussein u Hassan. Inkompli naqra. Jgħidilha li sab lil ħuh iż-żgħir, Hussein, ma jiflaħx ukoll. L-għada, fit-tmienja u nofs ta’ filgħaxija, Hussein imut. Jiddeskrivi n-niket u l-biki kbir li kien hemm fid-dar. Jgħidilha li Hussein kien tifel żgħir u gustuż ħafna — wieħed mit-tewmin li ommu kienet welldet ftit iktar minn sena qabel. Inħoss għoqda kbira ġol-istonku tiegħi. Nitfixkel fi ħsiebi stess. Dan ir-raġel bla leħen issa qed jitkellem u jqanqalni minn ġewwa, qed jidħol f’dak il-post ta’ ġismi li jħoss, li jitferfer, li jqabbeż id-dmugħ. Jumejn wara, jgħidilha, mardet Nagia. Ħasbuha se tmut ukoll għax la bdiet timxi u lanqas titkellem. Żammewlha riġlejha u żammilha lsienha. Il-kitba ta’ Otman imnikkta iktar hawn, u minnha ħierġa l-għafsa ta’ qalb. Kien diġà qalilha li ’l oħtu Nagia jħobbha ħafna. Wara sitt ijiem hekk, bdiet tlissen xi kliem. Imma mbagħad marad missieru u marad ukoll Hassan, it-tewmi ta’ Hussein. Għad għandu sena biss. Tiftakar? Kont għedtlek li ommi kellha tewmin!
Fir-raba’ jum wara l-mewt ta’ ħuh, waqt li qegħdin bil-luttu, Otman tkellem ma’ ommu. Għamlu mill-ħdax ta’ billejl sat-tlieta ta’ filgħodu jitkellmu bejniethom. Wasal iż-żmien li tiżżewweġ, Otman! qaltlu ommu. Ħa jibdew jippressawni biex niżżewweġ, Jos, u kif se mmerihom meta qegħdin bil-luttu? Lil ommu qalilha li ried jiżżewweġ lil dik il-mara li sar iħobb Malta u ommu weġbitu li kienet lesta li taċċettah dan. Qabditlu jdejh u reġgħet qaltlu: fittex iżżewweġ, Otman. Komplew il-lejl jitkellmu fuq jekk il-Libja tkunx post tajjeb għaliha jekk jiżżewwiġha, jekk issibx il-ħajja hemm komda, jekk tidrax l-użanzi tal-post u tal-familja, jekk hix lesta li titlaq il-familja tagħha darba għal dejjem biex issir waħda minnhom. Missieru ilu jaħseb biex jixtri żewġ proprjetajiet — għadu ma jafx hux żewġ flettsijiet jew djar: waħda għall-familja tiegħu u l-oħra għalija u għalik. Jien se nixtri karozza kbira wkoll. Jixtieq isib xogħol viċin, ġewwa Tripli, biex ma jkunx ’il bogħod. Il-ħajja Tripli mhix bħal Malta. Mintoff ġie hawn — jara lil dal-bedwin li hawn issa u jogħxa miegħu fuq Nasser. Min jaf kemm qalilkom li hawn ġid!
Telaq lil oħtu l-kbira, lil missieru u lil ħuh iż-żgħir morda u għadu s’issa ma jafx kif inhuma. Irrispondini. Tridni bħala żewġek? Tiġi tgħix hawn? Tista’ toqgħod mingħajr ma toħroġ iddur bil-karozza, tiżfen, tixrob, u tpejjep? Tista’ tiżżewwiġni f’ħin qasir? Tista’ tagħmel hekk jew le? Hawn ma tistax tiżfen jew tixrob. Ilna sentejn hekk issa. Belt tal-bedwini ġiet Tripli. Jgħidilha li ħiereġ field break fis-6 ta’ Ottubru għal ġimgħa. U qabel jagħlaq, jgħidilha li meta kien tifel, ġieli kienu jġibuhom Ras es Sidr biex josservaw l-għasafar. Ftakar fi tfulitu għaliex meta wasal lura t-terminal minn Tripli, innota li kien niżel monakell żgħir fuq wieħed mit-tankijiet li hemm ħdejn it-turbini. Imbaċċaċ, fuq par saqajn irqaq sulfarina. Għamel minuta jnaqqar taħt il-ġwienaħ u telaq ’l hemm. Kellu bħal maskra sewda madwar għajnejh.
It-3 ta’ Ottubru 1971, fis-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu. Waħdu fil-kamra tiegħu fit-terminal ta’ Es Sidr, Otman ħareġ karta bla linji, intefa’ bilqiegħda u beda jiktbilha. Iżżewwiġni. Irrid nurik affarijiet li int qatt ma rajt. Taf sew li jien rajt ħafna tipi ta’ nisa u tfajliet, imma jien lilek irrid. Ħa nagħmel mezz biex nerġa’ niġi u nitgħarrsu. Jgħidilha li jrid jixtrilha ċurkett tal-għerusija. U jaf eżatt kif se jsaħħarha: iwegħedha li se jiżfen magħha. Taf li naf niżfen. Anzi, taf li naf niżfen sew. Issa tara kemm naf niżfen. Meta nixrob veru nsir żeffien tajjeb. Taf sew li naf niċċaqlaq. U jerġa’ jidħol it-ton sobrju: Għandi qalbi tajba miegħek, ifakkarha, imma forsi l-aħħar darba ma fhimtnix sew. Otman iħabbrilha li sejjer Tripli field break fis-6 ta’ Ottubru (forsi nesa li kien diġà qalilha jumejn qabel). Hawnhekk kuljum qed jinbidlu l-affarijiet issa. Tipprova tlaħħaq ma’ dak li qed jiġri imma ma ssibx irkaptu. Qed idur għall-kumpaniji barranin issa, qed jiġri l-kliem li se jinnazzjonalizza l-ishma tal-BP. Fil-bidu ta’ Diċembru, il-Libyan Radio u l-Libyan News Agency xandru li l-Libja kienet innazzjonalizzat is-sussidjarja tal-British Petroleum u tatha l-isem Arabian Gulf Prospecting Company. Il-British Petroleum, li kienet imsieħba man-Nelson Bunker Hunt ta’ Texas, kienet tipproduċi mal-mitejn elf barmil żejt kuljum fil-Libja u allura l-Amerikani bdew iħokku rashom. Però, milli jidher, Hunt ma kinitx fil-mira tan-nazzjonalizzazzjoni. U l-Ingliżi kienu fuq ix-xwiek mhux biss għax bdew jinkwetaw li se jkun hemm twarrib diplomatiku, imma wkoll għax kien hemm għajdut li l-Libja bdiet toħroġ bil-mod il-mod il-flus li kellha Londra.
Hemm xi ittri neqsin fid-dossier għaliex l-ittra li jmiss għandha d-data tal-25 ta’ Jannar 1972, jiġifieri għaddew tliet xhur u fuqhom. Jaf li qed tiktiblu imma l-ittri tagħha mhux qed jaslu għax hemm problema bil-posta. Ma nafx x’naqbad niktiblek għax moħħi mhux qiegħed fuq l-ittra li qed niktiblek imma fik. Tripli kien hemm problemi kbar: għamlet ħafna xita, dulluvju, tant li n-nies kellhom joqogħdu ġewwa jumejn sħaħ. Bosta djar iġġarrfu, ħafna minnhom spiċċaw għerqu bl-ilma. Meta bdiet nieżla x-xita, Otman kien qiegħed ġo café u xħin beda jaħsiblu biex jitlaq, induna li kien tard wisq għax kienet diġà għamlet ħalba sew. It-triq kienet xmara sħiħa. Xħin ra li beda jsir ħafna ħin, webbes rasu u ddeċieda li jipprova jasal, minn hemm jew minn hawn. Fejn is-soltu jdum għaxar minuti biex jasal id-dar minn fejn kien, dakinhar dam sagħtejn. Xħin wasal, sab lil ommu u ’l ħutu mwerwrin għax kien hemm kullimkien mgħarraq: far il-bir, jgħidilha, għax għandna bir bħalma għandkom intom. Missieru pprova jbattal bil-vacuum car, imma għandhom problemi kbar fid-dar. Qalli li qed jagħmel ħiltu biex isib jixtri żewġ flettsijiet jew xi villa — hemm bżonn li nitilqu minn hawn ġew minnufih għax se nispiċċaw ħażin tgħidli qalbi. Din id-dar dalwaqt se taqa’ fuqna. Is-Sibt li ġej sejjer lura fid-deżert u mhux qed inħoss li hu sew li nħalli lil dawn hawn, inkwetati. Ma jistgħux isibu karozza biex tiġi tneħħi l-ilma, Jos, għax kullimkien mgħarraq u tal-vacuum car għaddejjin jaħdmu erbgħa u għoxrin siegħa.
Ix-xita ma riditx taf: baqgħet nieżla. Otman għadda l-ħin jitkellem m’ommu u m’oħtu Nagia. Reġgħu qabduha fuq iż-żwieġ. Qalilha li tkellem fuqha u li issa qishom qed jaċċettaw sew li lilha se jiżżewweġ. Li qed isiru jħobbuha. Nagia taf li nixrob, Jos — rathom ir-ritratti. Ommi le imma, mhux se nuriha r-ritratti tiegħi Malta b’għajnejn imbexxqin għax taqbadni mill-ewwel. Missieru wkoll qabel maż-żwieġ; saħansitra qallu li jista’ jieħu d-dar u jirranġa kollox hu u tkun tiegħu. Għandu ġenn biex jiżżewweġ: ma tantx baqgħalna biex niżżewġu issa. Missieri jagħmlilna tieġ Tripli, u b’hekk ikollna żewġ tiġijiet: wieħed Malta u wieħed hawn. Issa tara kif missieri se jgħinna sew sew. Oqgħod fuq kliemi li jagħmlilna tieġ tajjeb.
Ma’ din l-ittra, Otman hemeż żewġ ritratti, wieħed ta’ Nagia, meħud sena qabel, bl-uniformi tal-iskola, mhux tajjeb ħafna imma issa se tieħu ritratt ieħor u tibgħathulek, u l-ieħor ta’ ħutu s-subien, Fathi, li għandu 15-il sena, u Hassan, iż-żgħir, li għandu sena u nofs. Żidt isem ieħor li ma kontx naf bih: Fathi. S’issa, jekk tgħodd wieħed mit-tewmin li għadu kif miet, qegħdin sebat aħwa: tlett ibniet u erba’ subien. Dawn ir-ritratti qegħdin f’idejja bħalissa, u qed inħares lejhom biex nara narax xi ħaġa li nagħrafha. Hu u Nagia l-aħwa l-kbar; l-oħrajn iżgħar minnhom sew. Jgħid li għandu żewġ ritratti oħra: wieħed ta’ Fathi waħdu u l-ieħor ta’ Nagia waħedha. Nagia ħaditu xi 4 xhur ilu bl-uniformi tal-iskola għax kellha bżonn wieħed biex tagħmel school card. Jgħidilha li daqs ġimagħtejn, tliet ġimgħat oħra, Nagia se tibagħtilha ritratt ieħor, ritratt ġdid, hi stess. U hu se jibagħtilha ritratt ukoll ta’ oħtu Ekdaig għax bħalissa qed jieħdu xi ritratti minħabba l-iskola. U int għadek ma bgħattlix ritratt tiegħek. Ili sentejn nistenna. Għalfejn ma tridx tibgħatli ritratt?
Qed naqra l-minuti tal-laqgħa tas-Senior Review Group li saret f’Washington, fil-5 ta’ Ottubru, 1971. Ma tantx damet, għoxrin minuta kollox, bejn it-15:35 u l-15:57. Kissinger ried jitkellem dwar Malta. Fil-laqgħa kien hemm Ural Alexis Johnson. Johnson kien ilu fis-servizz mit-tletinijiet u sal-1971, kellu diġà karriera twila f’kull rokna tad-dinja. Kien infurmat sew dwar Malta għax kien ilu xi xahrejn desk officer. Qal lil Kissinger li se jiddiskutiha hu lil Malta waqt il-laqgħa. Johnson sostna li kellhom biex jiftaħru fejn tidħol is-sitwazzjoni ta’ Malta għax it-taħditiet kienu sejrin tajjeb, li Mintoff kien talab biex Malta tieħu tmintax-il miljun mingħand l-Ingilterra imma li dawn kienu offrew għaxar miljuni biss. L-Amerka kienet se toħroġ $2.25 miljun minnhom biex tħallas għall-interessi tagħha fir-reġjun, jiġifieri li s-Sovjetiċi ma jersqux ’l hawn u li Mintoff iżomm lura milli jġib l-għajnuna finanzjarja m’għand Gaddafi. Johnson jistaqsi lill-membri tal-laqgħa jekk, però, kienx ikun aħjar kieku l-Amerka tagħmel qbil bilaterali ma’ Malta.
Milli jidher min-noti tal-laqgħa, Kissinger tilef il-ħeġġa li jkompli jiddiskuti l-każ ta’ Malta; mingħajr ma wieġeb jew ikkummenta, qaleb id-diskors għal vapur li kien mar il-Korea ta’ Fuq, u jekk dan għadux problema. Johnson wieġbu minnufih li dan ma kienx problema u reġa’ dawwar il-kliem fuq Malta. Ried li jsir qbil direttament ma’ Malta u jsemmi dan il-pakkett ta’ negozjati, imsejjaħ PL 480, u li kien hemm ukoll $150 000 għall-kooperazzjoni oċeanografika li huma kienu offrew lill-Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier qabel l-elezzjoni. Borg Olivier ma kienx ħadu. Forsi issa nistgħu noffruh lil Mintoff. Il-problema qiegħda hawn, żied jgħid Johnson. Kemm se jkun kbir il-pakkett li nistgħu noffru lil Malta? Tmien miljuni? Għoxrin miljun? Ħamsa u għoxrin? U jekk wara sitt xhur nerġgħu lura fejn konna, jekk Mintoff ikeċċi ’l-Ingliżi ’l barra, x’se nagħmlu? Nidħlu aħna minflokhom? U lesti li noffru somma tajba? Jew se nħallu lill-Ingliżi u ’l Mintoff jissaraw bejniethom u nassumu li meta Mintoff taqbiżlu, jaċċetta dak li nagħtuh? U nassumu li jkeċċihom veru lill-Ingliżi, dan se jispiċċa b’xebgħa nies qiegħda u forsi jdur lejn il-Libja jew l-Unjoni Sovjetika. X’aktarx li diġà mar għand Gaddafi għall-flus. U forsi għalina aħjar jekk imur jissellef m’għand il-Libjani għax jekk Gaddafi jagħtih il-flus, se jordnalu biex iżomm lis-Sovjetiċi ’l bogħod minn xtutu daqskemm ma jiflaħhomx. U allura jispiċċa jagħmlilna xogħolna. Jekk mhux se jirnexxilna nħallu ’l-Ingliżi hemm, allura rridu nagħmlu mezz li s-Sovjetiċi wkoll jibqgħu barra.
Għal Kissinger, però, is-soluzzjoni setgħet kienet ħafna inqas ikkumplikata — u irħas. Għala għandna noħorġu tmintax-il miljun aħna? Li jmissna nagħmlu hu li nikkonvinċu ’l-Ingliżi joħorġu kemm jifilħu minnhom, anzi li jżidu mal-għaxar miljuni li qed joħorġu bħalissa, u l-kumplament intuhulhom aħna. Imma mhux tmintax-il miljun! Ara, żied Kissinger, aħna rridu li t-trattati Heath-Mintoff jirnexxu, le? L-iktar l-iktar, jekk in-negozjati bejniethom ifallu, aħna dejjem nistgħu nagħtu ċ-ċans lill-President jiddeċiedi xi jrid jagħmel; il-vojt ta’ bejniethom nistgħu dejjem nimlewh aħna. Li rridu nagħmlu hu li ma nħallux ’il-Libjani jdeffsu denbhom — u din kapaċi tiswielna għaxar miljuni. Min jaf kieku ngħidu lil Mintoff jiġi s’għandi jekk ġej New York għal-laqgħa tal-Ġnus Magħquda? Fessenden, minn taħt l-ilsien, jgħid li Mintoff ma kienx sejjer il-laqgħa. Mhux ġej? Ifhem, imbagħad jekk veru hemm bżonn… le le, ħallik milli ħadd ma semma laqgħa bejni u bejn Mintoff — hemm min qed ifesfes diġà. Però Johnson waqqaf id-diskors: għadu kmieni wisq biex niltaqgħu miegħu aħna. Ħallu lill-Ingliżi jieħdu ħsieb huma. Ilhom jafuh sew, jafu eżatt kif għandhom ikellmuh.
L-għada, Nixon approva li l-flus biex l-Amerka tgħin lill-Ingilterra żżomm ’il Malta kienu se joħorġu mill-Aġenzija għall-Iżvilupp Internazzjonali. Nixon ried ukoll li jkun hemm monitoraġġ tas-sitwazzjoni u li jiġu identifikati għejun varji ta’ flus biex jekk ikun hemm bżonn iktar assistenza finanzjarja lill-Ingilterra, ma joqogħdux jaħlu żmien.
Snin wara, fix-xitwa tal-1989, Anthony, Anita u jien konna soqna sa Birżebbuġa biex naraw il-Maksim Gorkiy dieħel fil-maltemp, f’baħar li ried jibla’ l-art. Jumejn wara, ħriġna mill-post tax-xogħol ta’ Anthony, li kien fi Triq San Pawl, il-Belt, u mxejna mrassin mal-ħajt biex immorru naraw il-wasla ta’ George Bush u Mikhail Gorbachev min-naħa tal-ġenb ta’ Kastilja. Il-folla kienet kbira u eċitata immens. Filgħaxija, ħriġna niddandnu mill-flett ta’ Katya ta’ Bay Steps, San Ġiljan, lebsin ta’ spiji tal-Gwerra l-Bierda biex immorru l-festa li kien hemm l-Axis bl-isem “Summit Party”. Apparti l-eku tal-laqgħat ta’ Yalta, kemm fix-xebh ewfoniku kif ukoll fiż-żarmar ta’ deċiżjonijiet li kienu ttieħdu hemm, qatt ma fhimt eżattament għala Malta kienet daqshekk ċentrali f’dan id-diskors tal-Gwerra l-Bierda sakemm bdejt naqra dawn il-memoranda tas-CIA. Ħriġna mis-Summit Party fil-ħamsa u nofs ta’ filgħodu, u mxejna t-tlieta li aħna id f’id lejn il-bajja ta’ Spinola. Sibna dgħajsa żgħira jisimha Il-Karawetta u tlajna fuqha, imtertrin bil-bard, imgeddsa u xurbana. Jien marret għajni bija sakemm feġġ l-ewwel dawl tax-xemx. Bush u Gorbachev kienu n-naħa t’isfel, fil-laqgħa tagħhom abbord il-Maksim Gorkiy, itellgħu l-istonku bit-tqallib tal-baħar Malti f’Diċembru, jitħaddtu fuq it-tibdil fil-klima, l-armi nukleari u l-kummerċ dinji, jinnegozjaw tmiem il-Gwerra l-Bierda. Dakinhar, filgħaxija, Anita telqet fuq titjira lejn Tripli biex tmur tara lil missierha, dentist li kien jaħdem mal-Oasis Oil. Wara telqet lejn Belgrade u qatt ma smajt aktar biha.
Otman ħallieli biss ismi, isem li għal snin twal f’żgħożiti xtaqt li kien differenti, iktar abjad, inqas jagħti fl-għajn, inqas iżarżar fil-widna. Imbagħad kien hemm kunjomi. Kont naf li l-ortografija tiegħu kienet finzjoni legali, trażliterazzjoni ad hoc ta’ kunjom Għarbi li n-nutar kien qaleb f’verżjoni vagament anglofonika, iżda li l-verżjoni tiegħu bl-Għarbi kienet intilfet fid-dokumenti notarili u li ma kien hemm l-ebda karta li fuqha qatt sibt miktub x’kien eżattament. Kull santissma għodwa, jum wara jum, l-għalliema kienu jistaqsuni kif ngħidu, bħallikieku ġie jżurni Sibaweyhi matul il-lejl biex jilluminani fil-fonoloġija tal-Għarbi. Jien stess qatt ma kont naf ngħidu, u allura ma kellix xi mod preskrittiv li stajt ngħaddih lil ħaddieħor. Illum nixtieq naħseb li min kien jistaqsi forsi kellu intenzjoni tajba, li xtaq li jkun jaf kif biex ma jgħaffiġx il-pronunzja, però dak iż-żmien kulħadd kien jidħaq. Ismi kien okkażjoni għaż-żuffjett u jien kont nittiekel bil-mistħija u l-umiljazzjoni. F’dawn il-mumenti, il-ħarba tiegħi minn dak kollu li hu Għarbi kienet tieħu spinta iktar qawwija, u minħabba f’hekk, din l-identità li bdejt nissielet kontriha saret iktar b’saħħitha fl-immaġinarju privat tiegħi. Lanqas kien jgħin li nannti kienet tgħaffiġha iktar minn kulħadd: għalkemm l-ottika tal-ortografija tagħtik x’tifhem li hemm xi konnessjoni mal-Irlanda, nannti kien jirnexxilha tarabizzah mill-ġdid il-kunjom: naxija, hekk tgħidu, kellha ħabta tgħid b’intonazzjoni Lijana pulita li n-nies tal-klassi tagħha kienu jafu jagħmlu biex jaġevolaw lis-sinjuri tar-raħal. Min-naħa l-oħra, ommi kienet tangliċizzah ħafna, kemm għaliex kienet imdorrija tisma’ lil Jack jgħidu b’aċċent Amerikan u kemm għaliex hi, ta’ kosmopolitana li kienet, kienet togħxa meta tassoċja ma’ xi ħaġa barranija. Kellha sens ta’ kburija bih u jien qatt ma stajt nifhem, għall-inqas sa ħafna snin wara, minn fejn kien jiġi dan l-affett tagħha. Fis-sebgħinijiet, ommi kienet spiċċat tgħix ħajja ’l bogħod mir-raħal meta niżlet tgħix il-Gżira. Fil-ħajja tax-xatt spiss kienet titħallat mal-barranin: Peter, mill-Iżvizzera, polo necks suwed, qliezet tal-jeans, ġkieket tal-ġilda, sigaretti u rumanzi dwar l-ispiji; imbagħad kien hemm Jack, minn Bakersfield, mitt mil barra Los Angeles, deżert, żejt, u rziezet ma’ kullimkien, jaħdem Tripli, jgħix Malta, insiefru lejn l-Amerka miegħu għas-sajf u ffissat li jpoġġini ġo skola hemm, għax hawn m’int se titgħallem xejn. Wara Jack, kien hemm Mahdi, mill-Eġittu, li minn wara dahar ommi kien jgħallimni dwar l-Iżlam, jgħidli li jien Għarbi u li mhux xieraq niċħad dak li veru jien, li rrid ninsa li jien Malti għax in-nisel jiġi min-naħa tal-missier u mhux tal-omm, li jaqbilli nitkellem bil-lingwa tal-Profeta iktar ta’ spiss, li għandi ninħasel qabel nitlob, u li jmissni ngħid lil ommi teħodni għand tabib ħa jneħħili l-ġarretta għax ma jiswiex inżommha.
L-isem li ħallieli Otman Salem Otman sar finzjoni legali fl-1973, fantasija notarili kolonjali li imponiet anglofoniżmu abjad fit-trażliterazzjoni mill-ittri tal-Għarbi għal dawk Latini. Kien l-ewwel proċess ta’ tħassir tal-Arabiżmu fl-identità tiegħi, proċess li jien ikkumplikajtu u għaġġiltu u li emmint li kont kważi lestejtu darba għal dejjem: jien ngħaddi ta’ Malti. Imma minflok għeb, dan il-wirt mingħand Otman spiċċa f’binja tant kbira u mixgħula li ma kontx sorpriż meta sibt ruħi niġi ordnat biex nibdel ismi f’wieħed Ewropew meta mort naħdem barra għax l-Italja l-isem Omar wisq Għarbi u n-nies hawn jiddejqu. Jew inkella meta, jumejn wara l-11 ta’ Settembru tal-2001, waqt li kont qed nitkellem bil-Malti fuq il-mobile ma’ sieħbi li flimkien konna ngħixu Milan, ġabruni l-pulizija għaliex kont qiegħed barra l-uffiċċju ta’ xi ras kbira Amerikana. Ħadd mill-kwartieri tal-pulizija ma ried jemmen li jien Malti — u baqgħu baqgħu sakemm skavaw dokument li wera li missier Otman kien minn Tripli l-Libja u ommu kienet ġejja minn familja f’Ashrafiye f’Beirut, il-Libanu. Hemm hi, ġiet waħda tajba, niftakarni ngħid lili nnifsi. Minn dakinhar, jien ħloqt narrattiva ġdida tal-oriġini tiegħi. Minn dakinhar, jien sirt Malti-Libaniż .