Il-laqam li kellu Innocenzo Zammit jagħti x’jifhem li l-oriġini tal-familja kien min-Naxxar u mhux mill-Imqabba, biss l-arkivji ma jagħtu l-ebda ħjiel ta’ din il-familja ħlief ir-raħal tal-barrieri u l-Madonna tal-Ġilju. Tassew li jintqal li l-festa tal-Ġilju bdewha xi Naxxarin li kienu jaħdmu fil-barrieri tal-Imqabba, u li l-pika bejn in-Naxxarin tal-Balal u l-Imqabbin fuq il-kwalità tal-franka kienet għaddejja sew fl-aħħar tas-seklu dsatax, tant li anki missier Frans qalli li għadu jiftakarha. Innocenzo kien raġel attiv sew fin-negozju u kien beda jesporta l-ġebla barra minn Malta. Il-barrieri għalih kienu sors importanti ta’ introjtu u saħansitra kien waqqaf kumpanija bl-isem Messrs Innocenzio Zammit and Sons. Il-kumpanija kienet irreġistrata f’indirizz fi Strada Stretta l-Belt. Il-ħażna tal-ġebel, li kien ibigħ barra minn Malta, kien iżommha l-Marsa fuq plott mikri lilu mill-gvern. Meta miet, uliedu rġiel tlewmu bejniethom fuq min kien se jieħu din il-konċessjoni.
In-Naxxari, fi żmienu, kien magħruf ġewwa l-Imqabba minħabba l-filantropija li kien għamel fir-raħal, speċjalment fejn tidħol l-istatwa tal-Madonna tal-Ġilju, li hu kien ikkummissjona fl-1876. Oriġinarjament, in-Naxxari kien pjuttost entużjast u devot lejn il-Kunċizzjoni; tant hu hekk, li kien poġġa niċċa għaliha fil-kantuniera tad-dar fejn kien joqgħod fi Triq Parrokkjali, l-Imqabba, u li għadha hemm sal-lum avolja d-dar innifisha twaqqgħet u reġgħet inbniet. Il-għaliex in-Naxxari għażel li jikkummissjona statwa tal-Madonna tal-Ġilju u mhux tal-Kunċizzjoni għadu mhux magħruf sew; il-Konfratellanza tal-Kunċizzjoni ġewwa l-Imqabba kienet ilha fuq seklu attiva fir-raħal, u tant għandha għeruq twal li sal-lum hemm uħud li għadhom isostnu li l-istatwa tal-Ġilju fil-fatt hija tal-Kunċizzjoni. Charles Farrugia, però, indaga sew din l-attribuzzjoni u sab evidenza bil-miktub li n-Naxxari kien ikkummissjona statwa tal-“Verġni tal-Ġilju” hu stess u ħallas nofs il-flus għaliha minn butu. Il-kumplament tħallsu minn fondi pubbliċi. Huwa kkummissjona l-istatwa għand Giovanni Darmanin, u meta l-iskultur kien kważi lestieha, in-Naxxari kiteb petizzjoni lill-Kurja biex jitlob li tiddaħħal fil-parroċċa tal-Imqabba u titqiegħed ġo niċċa fil-kappellun tal-Kunċizzjoni. Iżid jgħid ukoll li fil-kappellun ma kienet se toħloq ebda inkonvenjent għal ħadd. Farrugia jinterpreta dan l-aħħar kliem bħala evidenza li n-Naxxari kien qajjem naqra kontroversja meta ddeċieda li jkun il-benefattur ta’ din id-devozzjoni. X’aktarx li, minħabba l-oppożizzjoni li kien sab, in-Naxxari daħħal l-istatwa ġo daru fejn esebixxieha għall-pubbliku. Il-kleru ħadha kontrih għaliex dan għamlu qabel kien berikha.
Però ftit qabel, il-kleru stess kien għen lin-Naxxari f’għawġ li kellu fil-familja. Fis-17 ta’ Novembru 1875, sitt xhur qabel ma waslet l-istatwa tal-Ġilju fl-Imqabba, Innocenzo u ibnu Michele tan-Naxxari kienu għamlu petizzjoni lill-gvern. Fil-petizzjoni, il-missier u l-iben qalu li fil-25 ta’ Awwissu ta’ dik is-sena, minħabba xi kliem żejjed li qal ċertu Paolo Farrugia waqt li kien xurban, Michele n-Naxxari tah daqqa ta’ ponn u minnufih ġie mħarrek mill-pulizija tar-raħal. Fid-9 ta’ Novembru, Michele tressaq il-qorti u weħel xahar ħabs. Fil-petizzjoni, miktuba b’reqqa kbira ta’ espressjoni u kalligrafija pulita, Innocenzo jgħid li s-sentenza kienet ħarxa wisq fuq ibnu, u li dan kien għadu tfajjel u mhux kapaċi jesprimi ruħu sew. Innocenzo qal ukoll li Michele kellu kondotta tajba u ħambaq li minħabba li ibnu qiegħed il-ħabs, in-negozju kien qed jitlef skoss flus mill-introjtu tal-barrieri peress li Michele ma kienx qed jinżel jaħdem fil-blat. Tlett ijiem wara, il-kleru bagħtu l-petizzjoni tagħhom. Wieħed minnhom, Salvatore Schembri, kien il-parrinu ta’ Michele. Nistgħu ngħidu li tan-Naxxari kellhom il-kappillan u l-bqija tal-kleru fil-but; dan għaliex bil-filantropija taghħom u d-donazzjonijiet finanzjarji li taw lill-knisja, il-kleru u l-kappillan ma setgħux jitilfu lil din il-familja benefattriċi. Wara li nqatgħet is-sentenza, l-influwenza tal-familja tan-Naxxari toħroġ ċara minħabba li kemm Paolo Farrugia, li kellu d-diżgwid ma’ Michele, kif ukoll il-Vigarju Kurat kitbu l-petizzjoni tagħhom biex Michele jinħeles. Tnaqqsulu ġimagħtejn mis-sentenza. Milli jidher, Innocenzo ħallas lill-kleru u lill-Vigarju billi kkummissjona l-istatwa tal-Ġilju, probabbli mingħajr ma ntebaħ li dan il-ġest kien se jurta ħafna kemm lill-kleru kif ukoll lil xi wħud mill-parruċċani.
Wara li l-Gvern xtara l-utile dominium ta’ Bur Mgħeż fl-1921, u peress li bdew deħlin Malta avvanzi kbar fit-tagħrif xjentifiku tal-iskavar arkeoloġiku, Temi Zammit ħass li l-Għar ta’ Bur Mgħeż kellu jerġa’ jiġi skavat mill-ġdid, din id-darba b’aktar preċiżjoni xjentifika. Forsi ma xtaqx li jintilfu d-dettalji tekniċi kollha bħalma kien ġara fil-każ tal-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni meta Patri Manwel Magri miet ħabta u sabta ġewwa Sfax fit-Tuneżija u sparixxew in-noti kollha li kellu fuq l-iskavi tal-Ipoġew. Din id-darba, imma, kien George Sinclair — inġinier tal-Ammiraljat Ingliż — li niżel jaħdem fl-għerien ta’ Bur Mgħeż. Huwa kiteb ir-rapport tax-xogħol tiegħu fuq is-sit ta’ Bur Mgħeż fis-16 ta’ Ottubru 1922, segwit, f’Diċembru tal-istess sena, minn nota dwar Bur Mgħeż u x-xogħol li għamel hemm Tagliaferro.
Francesco “Napuljun” Tagliaferro kien miet fl-4 ta’ Ottubru tal-1915, u Temi Zammit kien kitiblu obitwarju kif xieraq li fih faħħar l-enerġija u l-entużjażmu li Tagliaferro kellu lejn ir-riċerka u l-interess li kien ħa fl-aħħar snin ta’ ħajtu biex juża t-tagħrif xjentifiku tiegħu biex iħares lejn il-paleontoloġija u l-arkeoloġija ta’ Malta. Tagliaferro kien, primarjament, matematiku ta’ prominenza internazzjonali. Fit-tislima tiegħu, Zammit semma l-interess li Tagliaferro kellu kemm fil-filoloġija tal-Malti, kif ukoll fil-fossili tal-fawna ta’ Malta, il-fuħħar tal-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, u n-nies tal-għerien ta’ Bur Mgħeż.
Fir-rapport, Sinclair jgħid li kien ħadem fuq in-naħa tal-lemin fid-daħla tal-għar. L-ewwel kines u għarbel it-terrapien biex eżaminah għal xi fdalijiet li jista’ jkun hemm fih; din kienet innovazzjoni fuq il-metodu ta’ Tagliaferro li mir-rapport tiegħu tal-1911 jidher li ma kienx għarbel il-ħamrija sew. Wara, Sinclair fetaħ l-ewwel trinka biex jifhem sew l-istratigrafija tan-naħa ta’ barra tal-għar, metodu xjentifiku misluf mill-istudju tal-ġeoloġija ta’ kif tiskava sit billi taqta’ trinek li jagħtuk idea ċara tas-saffi kollha ta’ okkupazzjoni. Dal-metodu issa kien daħal sew fl-arkeoloġija.
Fl-1911, l-ewwel kamra li kien esplora Tagliaferro kienet tawwalija, madwar dsatax-il metru, u kellha bħal ħames ventilaturi vertikali għal barra li x’aktarx kienu naturali imma mwessgħin mid-deffiena Neolitiċi. Din il-parti tal-għar kienet orjentata fid-direzzjoni Grieg il-Lvant u l-wisa’ kienet ta’ madwar żewġ metri; fit-tarf l-ieħor tiegħu, jiġifieri fuq ix-xellug fid-direzzjoni Punent il-Lbiċ, il-wisa’ kważi rduppjat. Kien hemm kuritur dejjaq ta’ xi żewġ metri oħra li kien jiftaħ għal kamra oħra orjentata fl-istess direzzjoni u kważi tal-istess tul. It-tieni kamra wkoll kellha ventilaturi għal barra. Tkellimt ma’ Reuben Grima, li qalli li hu tal-fehma li l-kmamar-kurituri kienu dagħbien naturali orjentati skont il-qsim fil-blat. Tagliaferro kien neħħa kważi ħames metri ta’ ħamrija u kixef il-wiċċ li fuqu kien sar id-dfin eluf ta’ snin qabel. Fl-1922, Sinclair ippjana li jeżamina t-tieni kamra fid-dettall u li jipprova jinżel kemm jista’ jkun fil-fond. Beda billi reġa’ naddaf in-naħa tal-lemin tal-bokka, fejn kien hemm dagħbien li Tagliaferro ma kienx ikkalkulah. Tagliaferro kien biss semmieh, u qal li peress li kien ħerqan biex jippubblika s-sejbiet minnufih minħabba l-importanza tagħhom, l-iskavar tas-sit ma kienx komplet. Imma issa, Sinclair baqa’ nieżel sakemm id-dagħbien djaq għal madwar pied u nofs u ma setax jinżel iktar fil-fond. Il-medda tal-art tad-dagħbien kienet tobrom ’l isfel fuq in-naħa tal-Lvant u, allura, is-saff tal-wiċċ li fuqu kien sar id-dfin kellu fondijiet differenti. In-naħa l-iktar fonda kienet għaxar metri taħt id-daħla. Sinclair stqarr li l-fond diffiċli tkejlu sew minħabba f’din il-waqgħa u barma tal-art u allura d-differenzi fil-ġewwieni tal-għar ma kinux meqjusa u mkejla minn Tagliaferro. Madanakollu, Tagliaferro ma kien ħass ebda bżonn li jqis l-istratigrafija, speċjalment minħabba l-fatt li l-fuħħar li sab kien tal-istess żmien ta’ dak li kien qed jistudja f’Ħal Saflieni u allura rraġuna li d-dfin kien mill-istess sekwenza arkeoloġika.
Skont l-istratigrafija tat-trinka li ħaffer Sinclair, Bur Mgħeż kellu tliet saffi. Is-saff ta’ fuq kien mimli ħamrija ta’ lewn aħmar u fih kien hemm il-fdalijiet tal-iġsma tal-mejtin ta’ Bur Mgħeż, biċċiet tal-fuħħar u materjali u bċejjeċ oħra bħal bebbux u qxur tal-baħar, pendenti, u frak tal-għadam maħdum biex jintuża bħala aċċessorji jew għodda. Tan-nofs kien saff ta’ ġebel imdaqqas li fi żmien id-dfin ta’ Bur Mgħeż kien imqiegħed orizzontali bħala pjattaforma biex l-iġsma jitqiegħdu fuqha; fin-naħa l-iktar fonda tal-għar, dan is-saff ġebel kien imqiegħed sal-qiegħ tad-dagħbien. Sinclair għamel pjanta ta’ dan u rrefera għaliha fir-rapport, biss s’issa dan id-disinn għadu ma nstabx. Taħt is-saff tal-ġebel kien hemm depożitu ta’ ħamrija li kienet ħamranija ħafna, mhux bħal dik fis-saff ta’ fuq fejn kien hemm il-fdalijiet. Meta għaddieha mill-għarbiel induna li kienet għadha verġni u ma kellha l-ebda fdalijiet ħlief xi biċċiet ta’ qrejjen u għadam taċ-ċriev. Huwa qal li ma setax jara eżattament fejn kien il-qiegħ ta’ dan id-dagħbien, u kien qisu jibqa’ nieżel ’l isfel bla tmiem. Imma d-dagħbien djaq għal xi pied u nofs u kellu jwaqqaf l-esplorazzjoni.
Minħabba li d-dagħbien x’aktarx fannad iktar ’l isfel biċ-ċaqliq u l-qsim tal-blat f’movimenti ġeoloġiċi — x’aktarx wara li tqiegħdu l-iġsma fuq il-pjattaforma orizzontali — ħafna mill-fdalijiet umani li kien hemm spiċċaw imħallta kollha ma’ xulxin u wkoll ma’ ġebel żgħir li kien jintuża biex jgħatti l-iġsma. Minħabba f’dan, Sinclair tħabat biex jikkonkludi kif eżattament sar id-dfin, ċjoè, il-metodu preċiż tat-tqegħid tal-iġsma. Ħafna mill-iskeletri kienu mfarrka u kien diffiċli tagħraf xi ħaġa mill-għadam. Saħansitra l-għadam kbir tar-riġel kien imfarrak mill-ġebel u l-irjus u l-kranji wkoll kienu tfarrku u bilkemm seta’ jagħraf xi ħaġa minnhom. L-ebda kranju ma ħareġ sħiħ minn dak il-konglomerat. F’ħafna mill-każijiet, kull darba li Sinclair beda jipprova jagħraf l-għadam tal-iskeletru, beda jsib biċċiet ta’ għadam oħra mħallta miegħu. L-art tant kienet ixxeqilbet li kien hemm drabi fejn l-għadam tal-iskeletri żżerżaq mat-30 grad ’l isfel. Sinclair jinsisti, però, li l-iġsma ma kienu orjentati bl-ebda mod, mhux kif kien kiteb Tagliaferro li qal li kienu mqiegħda fuq il-ġenb tagħhom iħarsu lejn il-Lvant. Lanqas kienu rranġati jew imqiegħda b’xi mod partikolari. Uħud minnhom kienu wiċċhom ’l isfel, oħrajn fuq daharhom u wiċċhom ’il fuq. Uħud minnhom kienu mqiegħda tul il-ħajt tal-għar, oħrajn kontra. Fejn kien sab fdalijiet ta’ snien u rjus, Sinclair innota żewġ affarijiet strambi: ħdejhom kien hemm għadam tas-swaba’ u tal-ġogi tal-pala tal-id, u l-inferenza kienet li l-idejn kienu mpoġġija jew fuq, jew inkella ħdejn il-wiċċ. F’xi ftit mill-każijiet, il-minkeb tant kien milwi li kien jidher biċ-ċar li l-id kienet quddiem il-wiċċ. Din il-pożizzjoni ma narawha fl-ebda mill-figurini u l-istatwetti min-nekropoli jew l-ipoġej tal-epoka. Sinclair ħa xi ritratti ta’ dawn imma bħad-disinn li kien għamel, għadhom mitlufin. It-tieni ħaġa li nnota Sinclair kienet li l-fuħħar kien ġeneralment imqiegħed ħdejn jew fuq jew anki taħt ir-ras tal-mejjet, imma dejjem qrib ir-ras, u tant viċin li kważi dejjem imiss magħha. Sitta mill-irjus kienu mkissrin; l-oħrajn imfarrkin kważi għalkollox.
Sinclair sab ukoll mal-2,250 sinna, ħafna minnhom ta’ bnedmin adulti imma wħud kienu wkoll tat-tfal. Huwa nnota li bosta snien kienu mħassrin sew, kien hemm ħafna mdaħħlin fix-xedaq ta’ fuq li kien għad fadal, u minħabba f’dan kien tal-ħsieb li għandhom jiġu eżaminati u studjati. Min-numru ta’ snien li sab, ikkalkula li kien hemm minn tal-inqas sebgħin ġisem midfun fin-naħa li kien qed jesplora, f’arja ta’ għoxrin pied bi tnax-il pied. L-għadam li ttieħed Londra kien mill-iskav ta’ Sinclair tal-1922 u mhux ta’ Tagliaferro tal-1911. Waqt iż-żjara tiegħu ġewwa n-Natural History Museum ta’ Londra fl-1997 biex jagħmel studju fuq il-fdalijiet tal-għadam ta’ Bur Mgħeż, it-tabib Anton Mifsud ħa xi ritratti ta’ dawn il-fdalijiet.
Imħalltin f’dan il-konglomerat ta’ ħamrija, terrapien, ċagħaq u għadam kien hemm ukoll il-fdalijiet tal-qrejjen ta’ tużżana ċriev. Sinclair sab ukoll snien ta’ annimali kbar; bagħathom għand esperti tal-fossili biex jikkonferma jekk kinux taċ-ċriev jew le. Magħhom bagħat ukoll fdalijiet x’aktarx ta’ xedaq ta’ ħanżir, iktar snien u frak tal-għadam, u xi fdalijiet ta’ fekruna. Kiteb ukoll li ħafna mill-ġebel li kien hemm mal-għadam tan-nies u tal-annimali kellu sinjali ta’ ħruq. Minħabba l-fatt li n-naħa taċ-ċnagen li kienet maħruqa kienet in-naħa t’isfel, ikkonkluda li ma jistax ikun li l-ħruq sar fl-għar stess imma kien sar barra l-Għar ta’ Bur Mgħeż, qabel saret id-difna.
Il-fuħħar li Sinclair sab kien aħdar skur lewn iż-żebbuġa u għalkemm ma kienx moħmi sew, kien maħdum tajjeb ħafna, b’wiċċ illixxat u llustrat. Kien ta’ tipoloġija Neolitika Maltija, b’kurvaturi l-ġmiel tagħhom u xoffa tal-buqari li tirqaq lejn in-naħa ta’ fuq. Il-widnejn tal-fuħħar ukoll kienu mitmumin b’sengħa kbira. Kien hemm bosta forom differenti ta’ kontenituri, minn skutelli żgħar għal buqari kbar bi ħxuna ta’ tliet kwarti ta’ pulzier. L-ebda biċċa mill-fuħħar ma kellha tiżjin; kien hemm biss oġġett wieħed, li kien mirqum b’linji skalati magħmula bis-swaba’. Wieħed biss mill-oġġetti kien misjub “intatt” — fis-sens li kien kollu hemm — imma kien tant imfarrak li ma tantx kien hemm tama li qatt jista’ jiġi rikostruwit. Kien magħmul b’reqqa, kellu x-xoffa mdawra ’l ġewwa, u l-widnejn kienu boċċi b’toqob fihom, qisu biex jinġarr u jiddendel bl-ispag jew bil-ġilda. Waħda jew tnejn mill-biċċiet kien għad kellhom kisja ħamra u waħda kienet kannella naqra safrani. Barra minn dawn, il-kumplament tal-fuħħar kien kollu fl-aħdar u mirqum tajjeb.
Sinclair sab ukoll biċċa żnied tal-kalċedonju ħdejn l-għadam tal-id ta’ wieħed mill-midfuna; din kienet l-unika biċċa żnied li sab. Irkupra wkoll amulet blu mtaqqab fuq żewġ naħat li Sinclair sejjaħlu “jadite”, materjal ħadrani qisu tal-ħġieġ. Kien hemm ukoll għadd kbir ta’ amuleti, wieħed żgħir u sħiħ magħmul minn materjal ta’ lewn skur forma ta’ mazza, ieħor bħalu imma maqsum; tnejn kbar, tondi, imtaqqbin, u magħmulin minn għadam qisu ta’ siċċa jidher illaminat u bħalhom tnejn oħra żgħar. Magħhom kien hemm tnejn oħra, wieħed miksur u l-ieħor imfarrak. Żewġ buttuni kbar imtaqqbin b’toqob li jixbhu lil dawk li kienu magħmulin fin-Neolitiku għar-rabta tal-bhejjem ma’ xi koxxa ta’ għar jew fl-art stess. Id-dawra tal-għajn ta’ labra tal-għadam, ċurkett żgħir tal-għadam, u sinna ta’ kelb il-baħar li nstabet fin-naħa ta’ fuq u probabbli waslet hemm ħafna aktar tard. Sinclair iffirma dan ir-rapport fis-16 ta’ Ottubru tal-1922. Ħalla nota, miktuba minnu stess, li x-xogħol kien sar bejn it-2 u s-7 ta’ Ottubru tal-1922, u mar-rapport għemeż żewġ ritratti. Kien qabbad żewġt irġiel jaħdmu miegħu għal ħamest ijiem u ħallashom bi tliet xelini kuljum, għal total ta’ £1-10-0., li kienu ġew mill-borża ta’ Temi Zammit.
F’nota li kiteb fl-1 ta’ Diċembru tal-1922, wara li kien bagħat ir-rapport lil Temi Zammit, Sinclair mill-ewwel ħa l-opportunità biex juri li kien ġej minn sfond iktar xjentifiku minn dak ta’ Tagliaferro u li kien mgħallem iktar minnu fil-metodi in voga tar-riċerka arkeoloġika. Jgħarraf li Tagliaferro kellu żball fil-konklużjonijiet tiegħu li kien ippubblika fil-ġurnal Man: id-dfin ġewwa l-għar ta’ Bur Mgħeż ma kienx sar fil-ħamrija, kif kien sostna Tagliaferro. Il-ħamrija niżlet fid-dagħbien u radmet id-dfin ħafna iktar tard minn meta saru d-difniet u għattnithom kollha. Dan ma kienx dfin ġo oqbra f’sens ordinarju; milli jidher, kien hemm xi tmien jew għaxar iġsma fuq xulxin.
Tagliaferro kien qal li d-dfin sar kollu fl-istess żmien, jiġifieri fl-istess perjodu. Peress li kien ilu żmen jistudja l-fdalijiet tal-fuħħar tal-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, għaraf li dak ta’ Bur Mgħeż kien ċertament tal-istess żmien, imma d-data ta’ dan l-Ipoġew, fi żmien Sinclair, kienet għadha ma kinetx stabbilita. Il-fuħħar kien ilu jintuża żmien tajjeb sew biex jinħarġu dati relattivi tal-perjodi. Skont l-analiżi radjukarbonika li saret fuqhom, illum nafu li l-għadam tal-irjus ta’ Bur Mgħeż imorru lura għall-2975 Qabel l-Era Komuni.
Sal-1922, ma kienx sar aktar skavar fuq is-sit wara dak ta’ Tagliaferro; id-daqs tas-sit kien għadu l-istess. Il-limitu tad-dagħbien kien ċar u mifhum sewwa, u malli wasal fuq il-post, Sinclair ikkonferma li ma jistax ikun li kien ikbar. Però, innota ħaġa waħda: li ħdejn il-bokka tal-għar, id-dfin kien jibqa’ nieżel fil-fond sew, ħafna aktar fil-fond milli kien ħaseb Tagliaferro, imma iktar ma tidħol ’il ġewwa, inqas kien fond. Sinclair beda l-iskavi tiegħu f’din il-parti ta’ Bur Mgħeż, u beda nieżel u nieżel fil-fond ta’ ħdejn il-bokka li Tagliaferro ma kienx induna bih.
Sinclair jgħid li l-idea ta’ Tagliaferro li d-dfin kien sar bejn nofs metru u żewġ metri fond kienet żbaljata proprju minħabba l-fatt li Tagliaferro kien ħaseb li d-dfin kien sar fil-ħamrija. Tagliaferro ma kienx ikkunsidra l-possibbiltà li l-ħamrija ġiet iddepożitata wara. Jgħid ukoll li Tagliaferro kien inkonsistenti fl-idea tiegħu li wħud mill-iġsma tpoġġew fil-ġenb biex ikunu jistgħu jitqiegħdu iġsma mejtin ġodda. Lanqas jaqbel miegħu fl-idea li r-riħa ta’ putrefazzjoni kienet ġejja minn dak kollu li assorbiet il-franka. Temi Zammit kien diġà ċċarah dan il-punt fin-noti tiegħu meta kiteb li r-riħa kienet ġejja mill-karbur tal-kalċju. Milli jidher, skont Sinclair, kien hemm xi esploratur ieħor li kien mar u xamm l-istess riħa ta’ laħam uman maħruq u li minħabba f’dan, bdiet tiġi msaħħa t-teorija li f’Bur Mgħeż kienet isseħħ il-kremazzjoni tal-iġsma. Forsi bħalma sar sekli wara fi Żmien il-Bronż meta l-megastrutturi ta’ Ħal Tarxien ġew użati biex jindifnu l-katavri maħruqa. Jikteb li r-riħa ta’ ħaxix u fjuri tal-vjoletta kien biss fl-immaġinazzjoni ta’ Tagliaferro. Jitnejjek bih, fil-fatt, u b’sarkażmu jgħid li “allura suppost kellha tippredomina r-riħa tal-basal”.
Sinclair lanqas ma kien jaqbel mal-konklużjoni ta’ Tagliaferro li l-iġsma kienu midfuna b’ċangaturi tal-franka bejniethom biex iżommuhom milli jitgħaffġu. Tagliaferro kien qasam dawn l-ideat tiegħu waqt kungress ġewwa l-Italja (u segwiehom bil-pubblikazzjoni tal-artiklu fir-Rivista di Antropologia Vol. XVII Fasc. III). Fl-opinjoni ta’ Sinclair, ċjoè, minn dak li kien ra b’għajnejh hu meta mar jesplora Bur Mgħez, dan it-tip ta’ dfin ma kienx qed isir il-ħin kollu u f’kull każ. Kif ra hu, ħafna drabi kienu jitpoġġew iġsma fuq xulxin, imissu, b’ċangatura taħthom. Ikkonkluda li ma jistax ikun li kull ġisem kien mgħotti b’dawn iċ-ċangaturi sempliċement għax ma kienx hemm biżżejjed biex jitgħatta kull wieħed minnhom. Fl-opinjoni tiegħu, iċ-ċagħaq iż-żgħir tal-franka tpoġġa oriġinarjament madwar l-iġsma midfuna biex annimali li kienu qed ifittxu l-ikel ma jiddisturbawhomx. Kiteb ukoll li Tagliaferro kien skava biss is-saffi ta’ fuq, li x’aktarx ftit minnhom kienu fuq xkaffar naturali fid-dagħbien fejn il-ħamrija li niżlet ġewwa ma laħqithomx u li b’hekk il-fdalijiet ma ġewx iddisturbati, mgħaffġa u mxerrda daqs l-oħrajn. U allura Sinclair jammetti li l-osservazzjonijiet tiegħu kellhom iqisu l-fatt li hu skava s-saffi ta’ taħt it-terrapien u l-ħamrija imma li l-osservazzjonijiet ta’ Tagliaferro għandhom jitqiesu b’serjetà kbira minħabba l-fatt li kien sab fdalijiet ta’ iġsma mhux mirduma.
Temi Zammit lesta r-rapport annwali tal-Mużew fit-18 ta’ Jannar tal-1924, u bagħtu għall-pubblikazzjoni fir-Reports on the Workings of Government Departments għas-sena 1922–1923. Dawn ir-rapporti ħarġu sena wara. Fis-sezzjoni tal-Mużew, immedjatament wara r-rapporti li kien kiteb dwar ix-xogħol ta’ Gertrude Caton Thompson ġewwa Għar Dalam u ta’ Margaret Alice Murray, flimkien ma’ Edith Guest u Ms. Hughes, f’Borġ in-Nadur, Zammit żied ir-rapport tal-iskav f’Bur Mgħeż tal-1922. Radd ħajr lil Sinclair tax-xogħol eċċellenti li kien għamel, iżda ħalla barra l-kummenti li kien ħejja Sinclair fuq ix-xogħol ta’ Tagliaferro. Sinclair, fil-fatt, ma kien niżżel xejn dwar Tagliaferro fir-rapport innifsu imma kkritikah biss fin-nota li għemeż mar-rapport xahrejn wara. Zammit ma niżżel xejn minn dan: ir-rapport huwa xjentifiku għall-aħħar, jiddeskrivi biss is-sejbiet, u huwa mneżża’ minn kull ton ta’ kritika.
Illum nistgħu forsi nagħmlu naqra aktar sens mir-rapport ta’ Sinclair jekk naqrawh flimkien mas-sejbiet tal-proġett FRAGSUS. Dawn jgħidulna li għan-Neolitiku tard Malti fost l-għadam li nstab f’oqbra oħrajn Neolitiċi fix-Xemxija u fiċ-Ċirku tax-Xagħra, ftit li xejn baqa’ biċċiet li huma kbar jew sħaħ; ħafna minnhom huma frammenti żgħar, uħud bid-dbabar tan-nogħra, u dan x’aktarx jindika li ġew iddisturbati matul iż-żmien. Jidher ċar li ħafna mill-għadam inkiser meta kien niexef, u allura waqt li l-għadam kien qed jinġarr f’partijiet differenti tal-ambjent tad-difna. L-għadam kellu wkoll sinjali ta’ brix u grif; dawn ġeneralment kienu kkaġunati mill-għeruq tax-xtieli fix-xagħri tax-Xemxija li taħtu hemm l-oqbra fil-ħofor, jew mill-passi ta’ dawk li ppruvaw jinżlu fihom. Fl-istess ħin, ħafna miċ-ċaqliq sar ukoll minħabba fatturi ekoloġiċi naturali: il-grif fil-kortiċi tal-għadam jirriżulta wkoll minn tgħarriq u tnixxif tal-oqbra u mill-alkalinità, l-umdità, u l-pressa sedimentarja tal-ġebla nnifisha. L-insetti wkoll jikkonfoffaw biex jieklu mill-għadam tal-mejtin u jħallu warajhom ħofor u toqob: il-ħanfusa tat-tessuti taf ittaqqab ħofor ta’ erba’ millimetri ġol-għadam tal-mejtin u hemmhekk il-larva tagħha tibqa’ sa ma ssir pupa. X’aktarx li dawn daħlu fl-ambjent tad-difna fuq il-ġlud tal-ilbies li bihom kienu midfuna l-mejtin Neolitiċi ta’ Malta, bħal dawk li juruna l-figurini ta’ Ħal Saflieni u taċ-Ċirku, jew forsi ma’ xi biċċiet li fihom kienu jgeżwru ’l-mejtin. It-tgerrim mis-snien tal-ġrieden, speċjalment fuq it-truf tal-għadam ta’ tip tawwali, juri li l-annimali gerriema kienu jidħlu fl-oqbra anki ftit żmien wara d-difna. Xi ftit mill-għadam taċ-Ċirku għandu wkoll indikazzjoni ta’ ħruq; minn simulazzjoni tal-istruttura oriġinali nafu li l-għerien u d-dagħbien kienu mudlama u allura l-ħruq ta’ xi ftit mill-għadam seta’ ġara minħabba xi ġamra ta’ torċa li waqgħet ħdejhom u misset magħhom. Dan juri li, kif probabbli kienu diġà fehmu sew id-deffiena, il-blat kien l-aħjar mod kif tippreserva l-fdalijiet tal-mejtin u li, fil-fatt, kien minħabba d-dfin suċċessiv li ħafna mill-għadam tkisser.
Aħna hemm trabbejna, qaluli t-tliet nisa li xi kultant jgħaddu l-ħin tagħhom bilqiegħda fuq l-għatba fi Triq il-Parroċċa. Ta’ tfal, konna nirgħu l-mogħoż bejn hawn u d-Debdieba. Id-Debdieba kien fejn hemm il-kumpanija tal-ajruplani issa. Dejjem ġejjin u sejrin bejn hawn u hemm. Aħna mal-mogħoż trabbejna. Jean Genet jgħid li hemm ċertu kliem stramb li għandu l-eżiġenza li jiġi miftiehem iktar minn kliem ieħor daqstant stramb u aljen, kliem li anki jekk tisimgħu darba biss, id-daqqa tiegħu tibqa’ f’widnejk. Bur Mgħeż hija waħda minn dawn il-kelmiet; id-Debdieba hija oħra. M’hemmx għalfejn tkun taf it-tifsira tad-Debdieba; il-ħsejjes tal-kelma biżżejjed biex inisslu ġo fik sens ta’ familjarità u għarfien, biex tintebaħ li taf x’inhi imma ma tafx tispjegaha. Biss taf li hemm fiha s-sens ta’ ħsejjes li jirrepetu u jidwu fuq il-medda tal-art bejn Wied il-Kbir u l-għelieqi ta’ Bur Mgħeż, ta’ Ħabel ix-Xiħ, ta’ Għadajma, tad-Dawl. Id-Debdieba tiġbed gamiem is-sena kollha, kien qalli l-Mija. Ma kienx hemm staġun. Minn kellu n-namra, hemm kont issibu.
Waħda mit-tliet nisa ta’ Triq il-Parroċċa kienet semgħet b’Bur Mgħeż. Għedtilhom li kont qed infittex x’baqa’ minnu fil-memorja tal-Imqabbin. Meta kont għadni tifla, ommi kienet teħodni magħha nirgħu lejn fejn issa hemm l-ajruport. Jaqaw għedtha bid-djalett? Għax ġieli ’qas ninduna. Ara ’k tgħidli biex ngħidha bid-djalett, ma nkunx naf kif. Imma jiġini hekk waħdu, skont ma’ min inkun qed nitkellem. Imma iwa, konna mmorru nirgħu hemm u konna ngħaddu minn fejn il-ħofra li qed tgħid int. Għajnejha bdew ileqqu u wiċċha tbissem kollu f’salt tant li għebet ix-xjuħija minn fuqu meta bdew ġejjin il-memorji ta’ tfulitha u ta’ ommha. Waħda min-nisa l-oħra, omm Pawlu, qamet ferħana se ttir xħin semgħet lill-oħra tirrakkonta, u qalet: Alla bagħtu ’l dan illum. Jien ġieli kien jiġi jkellimni wieħed tal-Università. Ġieli anki kitibli. Jien wisq inħobbu l-Malti. Għamilt żewġ korsijiet. Kompliet tgħidilna l-oħra: Fil-ħofra li qed tgħid int, ommi kienet dejjem tgħidli li kienu jitfgħu x-xjuħ morda fiha u jħalluhom hemm imutu. Ġieli kien jgħaddi xi ħadd u jitmagħhom, imma kienu jħalluhom hemm u jindifnu hemm. Kexkxitni. Imma għal xi raġuni, din l-istorja ġabitni insè li kont diġà smajtha mingħand ħaddieħor, li mhux ommha biss kienet tgħidha din l-istorja. U allura bdejt nhewden jekk fl-għerien ta’ Bur Mgħeż kinux imorru, jew jitqiegħdu, in-nies morda b’mard li jittieħed, jekk kienx xi post ta’ iżolament waqt il-pesta, jekk in-nies tar-raħal kinux ilhom jafu sew bil-fdalijiet tal-għerien, qabel Tagliaferro, u allura ppruvaw jagħmlu sens mill-għadam li sabu u li raw b’għajnejhom, jew inkella jekk fil-komunità tal-Imqabbin kienx hemm il-bżonn li tiġi ivvintata din l-istorja biex twerwer ’in-nies u żżommhom ’il bogħod mill-barrieri. Nafu, pereżempju, li s-serq tal-għodda tax-xogħol fil-blat kien jitniżżel fl-Occorrenze u li wieħed mill-każijiet kien irrappurtat minn membru tal-familja tan-Naxxari stess. Kompliet tgħidli wkoll li meta kienet xebba, fil-ħamsinijiet, ħdejn il-barriera tan-Naxxari kienu nstabu iktar dagħbien u għerien li fihom kien hemm il-fdalijiet ta’ bnedmin midfuna. Tiftakar li kienu marru jħarsu, imma bdew jibżgħu u telqu ’l hemm.
Waħda mit-tliet nisa kienet mill-familja tan-Naxxari stess; Nicola Zammit kien iz-ziju tagħha. Tiftakar il-ħamsinijiet sew, u anki l-barriera ta’ Bur Mgħeż. L-Ingliżi kienu jaħżnu l-bombi u l-isplussivi fil-ħofra li qed tgħid int. Meta l-Amerikani kienu hawn biex itellgħu l-bombi fuq l-ajruplani fil-fifty-six, mill-ħofra li qed tgħid int kienu jtellgħuhom. Imbagħad kien hemm xi waħda li splodiet u kissret kulm’hemm. Wara l-gwerra, l-ajruport ta’ Ħal Luqa kien hemm Meteors, Lancasters u Shackletons. Fil-fifty-six kien hemm il-kriżi tal-Kanal ta’ Swejż u l-ħofra kienet tintuża għall-ħażna tal-bombi li kienu tgħabbew fuq il-Canberra u l-Valiant kontra l-Eġizzjani waqt l-Operazzjoni Musketeer. Meta staqsejthom għala l-barriera ġieli jsejħulha ta’ Ċetta Pizzi, bdew jidħku bija. Dak min ġie qallek b’Ċetta Pizzi? Mela dan kollox jaf? Ċetta Pizzi kienet toqgħod hemm barra, ħdejn il-każin tal-Lejber. Kienet twila, dritta. Kulħadd jibża’ minnha. Kellha l-barrieri. U bdew jidħku bejniethom. Ma kinetx tkellimna, u dejjem tgħidilna nitilqu ’l hemm. Ma kinetx kerha, imma kienet imserdqa. Żorra!
Wara waqfa ta’ kważi għaxar snin, fis-6 ta’ Diċembru tal-1932, il-Ministeru tal-Istruzzjoni Pubblika fetaħ file ieħor rigward Bur Mgħeż, din id-darba b’ittra mingħand Temi Zammit li issa kien sar id-Direttur tal-Valletta Museum. In-numru tar-reġistrazzjoni tal-file huwa 607/32 u hemm imniżżel fuq l-ewwel paġna li huwa konness ma’ files eqdem.
Il-ħatra ta’ Temi Zammit bħala Direttur tal-Valletta Museum kellha l-isfond tagħha fl-ewwel kariga tiegħu bħala kuratur ta’ dal-mużew, ħatra li nqabdet kemm fit-taqtigħ politiku tal-perjodu, speċjalment dak ta’ Fortunato Mizzi u l-Partito Nazionale, u l-interessi tal-Imperu. Meta, lura fl-1901, id-Duka u d-Dukessa ta’ York kienu għamlu żjara f’Malta, kienet tnediet wirja tal-antikwarjat ta’ Malta f’ġieħhom. L-oġġetti fil-wirja kienu ttieħdu mil-Librerija Pubblika għal Palazzo Xara, li kien iċ-ċentru tas-Society of Arts, Manufacture and Commerce, quddiem San Ġwann. Din il-wirja kellha tkun hemm għal ftit żmien biss, però mill-ewwel beda ħiereġ id-diskors li l-kollezzjoni kellha bżonn post permanenti u l-librerija ma kienx post tajjeb biżżejjed għaliha. Il-kollezzjoni kellha wkoll bżonn kuratur. Wara taqtigħa sħiħa bejn Gerald Strickland, Fortunato Mizzi, u membri oħra tal-kumitat li l-Gvern kien ħatar biex jiddeċiedi l-post fejn kellha titqiegħed il-kollezzjoni, ġie deċiż li titqiegħed ġewwa l-Casa Industriale, ċjoè, il-Palazzo Xara quddiem San Ġwann. Il-Bibljoteka kienet żgħira wisq issa li Lord Grenfell għamel donazzjoni tal-kollezzjoni tiegħu u l-librar kellu bżonn post għal iktar kotba. Ġie deċiż ukoll li l-persuna li kellha tinħatar biex tkun ta’ kuratur kellha titħallas is-somma ta’ £50 fis-sena.
Il-Lieut. Governor Sir Edward Marsh Merewether kellu f’moħħu lil Temi Zammit. Mill-ewwel, it-tabib Andrea Pullicino ma qabilx ma’ din l-għażla u sarkastikament tenna li dan kien stabbiliment tal-antikwarjat u mhux tal-kimika. “Għaliex ma toffrux paga aħjar u ġġibu persuna iktar kompetenti?” kompla joqros. “Biex ikollok mużew sura ta’ nies trid il-post adatt u trid persuna adatta, tifhem fl-arti mhux fil-kimika.” Cesare Darmanin — li kellu fabbrika tal-irħam il-Ħamrun u li kien joħroġ mal-Partito Popolare (“ta’ Savona”) sal-1900 — ukoll ma qabilx li Zammit jitpoġġa kuratur tal-Mużew. Darmanin irraġuna li l-Gvern kien qed jaqdi żewġ impjiegi b’persuna waħda, u li d-dmir ta’ Zammit kien li jibqa’ jaħdem għall-Gvern fid-Dipartiment tas-Sanità. Baqa’ ma jaqbilx mal-għażla ta’ Zammit sal-aħħar. Salvatore Cachia Zammit, membru ieħor tal-kumitat, ma kienx ċert fuq il-ħatra ta’ Temi Zammit bħala kuratur. L-uniku wieħed barra Merewether li qabel mal-għażla tiegħu kien Francesco Azzopardi. Merewether sema’ lil kulħadd iżda temm id-dibattitu billi qal li l-ħatra ta’ Temi Zammit kellha tkun waħda temporanja biss, u li dan kien lest li jaħdem anki bla ħlas iżda li l-Gvern ma riedx jisfrutta l-kapaċitajiet tiegħu. Zammit inħatar kuratur fit-12 ta’ Lulju tal-1903.
L-inawgurazzjoni tal-Valletta Museum kienet saret fl-24 ta’ Mejju tal-1905 waqt li General Sir Charles Mansfield Clarke kien Gvernatur ta’ Malta. Dakinhar, il-Gvernatur kien imħabbat u ma setax jattendi l-ftuħ, iżda lanqas ried li l-okkażjoni sseħħ wara l-Empire Day. Allura kien bagħat lid-deputat tiegħu Merewether minflok. Fost il-mistednin preżenti għall-okkażjoni kien hemm mart il-Gvernatur, Lady Mansfield Clarke, li kienet fil-kumpanija tal-Kurunell Biancardi, l-Ammirall Sir Compton E. Domvile u Lady Domvile, il-Ġeneral Sir Frances Kelly u Lady Kelly, is-Sinjura Merewether, il-Maġistrat Dean Vassallo, li kellu l-Mużew għal qalbu sew, il-Professur Napuljun Tagliaferro, u Patri Manwel Magri. Is-Sinjura Zammit, mart Temi, ma kinetx hemm.
Fil-kliem tal-ftuħ, Merewether faħħar lil Temi Zammit immensament, kemm għall-għarfien tiegħu fuq l-artefatti tal-qedem kif ukoll għall-entużjażmu tiegħu u għax-xogħol li kien għamel biex il-kollezzjoni tinġabar taħt saqaf wieħed. Faħħru wkoll għall-gosti impekkabbli li kellu fil-mod kif iddeċieda li jesibixxihom. Min-naħa tiegħu, Zammit kien tkellem dwar l-isfond tal-kollezzjoni, li fi kliemu kienet inbdiet fil-kollezzjoni tal-Ġiżwita Ġan Frangisk Abela — imsejħa l-Cabinetto di San Giacomo — ġewwa d-dar tiegħu l-Marsa, u li kien ħallieha lill-Ġiżwiti meta miet fl-1655. Il-kollezzjoni ttieħdet ġo villa li l-Ġiżwiti kellhom Għajn Dwieli, però malajr bdew jinsterqu oġġetti minnha u bdiet tisparpalja. Fi żmien il-Gran Mastru De Rohan, dak li kien fadal minnha tqiegħed fil-Bibljoteka Tanseana (illum il-Bibljoteka Nazzjonali), però, skont Zammit, ftit mis-sejbiet tal-fdalijiet tal-qedem kienu fil-fatt jaslu f’din il-kollezzjoni ċentrali minħabba li ħafna minnhom kienu jispiċċaw f’kollezzjonijiet privati Malta stess jew barra.
Issa, b’dan il-mużew il-ġdid, kien qed ikun hemm inqas sparpaljar ta’ artefatti. Studjużi bħal Albert Mayr — li kien wieħed minn tal-ewwel li ppropona li l-bini tal-megastrutturi ta’ Malta kien sar qabel il-wasla tal-Feniċi, u li kien ikkritika b’mod żorr it-telqa tal-kollezzjoni — issa beda jfaħħar ix-xogħol ta’ Zammit u Tagliaferro. Anki Thomas Ashby, fir-reċensjoni tal-ktieb ta’ Mayr Die insel Malta im Altertum, radd ħajr lil Zammit għax-xogħol rigoruż tiegħu. Zammit baqa’ l-kuratur tal-Mużew tul is-snin li kien kemm is-Senior Chemical Analyst tal-Gvern, Professur tal-Kimika fl-Università ta’ Malta, u Rettur mill-1921. Biss, waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Gvern fl-1921, saret diskussjoni dwar il-paga li Zammit kien qed jieħu bħala kuratur tal-Mużew. Ittieħdet id-deċiżjoni li bħala Rettur kien qed jiġi mħallas tajjeb biżżejjed u allura minflok jieħu £100, il-ħlas tiegħu kellu jitnaqqas għal £80. Waqt id-dibattitu tal-Estimates tal-1921, kemm l-ispiżjar Vassallo kif ukoll Enrico Mizzi kienu ħaduha qatta bla ħabel biex il-pagi jkunu abbinati ma’ rwol tax-xogħol u mhux ma’ persuna speċifika. Il-Lieut. Governor kien ipprova jaqbeż għal Zammit imma għalxejn ħambaq fuq l-importanza ta’ xogħlu. Fl-aħħar mill-aħħar, il-Lieut. Governor ħariġha li l-Gvern “kien qed jipprova jiffranka l-flus billi jqabbad l-istess persuna tagħmel xogħlijiet differenti” u li Zammit “kien lest li jitħallas inqas milli kien jixraqlu għax-xogħol li kien jagħmel”. Vassallo, li fid-dibattitu kien sab is-sapport ta’ Ġużè Muscat Azzopardi u li baqa’ jsostni li t-tnaqqis fil-paga kien umiljanti, irtira l-proposta tiegħu. Minflok it-£80 fis-sena li kien ġie propost waqt id-dibattitu tal-Kunsill, il-paga ta’ Temi Zammit bħala kuratur tal-Mużew tnaqqset għal onorarja ta’ £20 biss.
Bħala Direttur tal-Valletta Museum, fis-6 ta’ Diċembru tal-1932 Temi Zammt kiteb ittra lill-Ministru tal-Istruzzjoni Pubblika biex jgħidlu li wieħed mit-tfal ta’ Mosè Zammit infurmah li xi ħadd kien qed iħaffer fil-barriera ħdejn l-għar. Mosè jiġi iben Michele Zammit li kien il-proprjetarju tal-barriera tan-Naxxari, li fiha kien hemm l-Għar ta’ Bur Mgħeż, u li l-Gvern kien xtara b’permess speċjali bin-numru 145 fid-29 ta’ Settembru tal-1920. Michele waqaf jissemma f’dan l-arkivju tat-tletinijiet. Skont it-tifel ta’ Mosè, dak li kien qed iħaffer fil-blat kien qed isostni li kien is-sid tal-art u tal-barriera, u li kellu kull dritt iħaffer il-blat ta’ fuq l-għar. Huwa qal lil Temi Zammit li bil-qtugħ tal-blat minn fuq l-għar, sid il-barriera kien se jagħmel ħsarat kbar għas-sit ta’ Bur Mgħeż. Fl-ittra, id-Direttur tal-Mużew ried ikun jaf mingħand id-Direttur tal-Kuntratti kemm mill-art li kienet skedata taħt it-titlu ta’ monument nazzjonali setgħet tiġi protetta minn danni fuq is-sit. Il-file kien irċevieh Enrico Mizzi, li dak iż-żmien kien il-Ministru tal-Istruzzjoni Pubblika. Mizzi qara l-ittra ta’ Temi Zammit u għaddieha lid-Direttur tal-Kuntratti.
Skont ittra indirizzata lid-Direttur tal-Istruzzjoni Pubblika u bid-data tat-12 ta’ Diċembru, Temi Zammit kien mar jispezzjona s-sit ta’ Bur Mgħeż ħamest ijiem qabel u sab lil Giovanni Griscti jħaffer fil-barriera u jaqta’ l-blat għall-ġebel viċin tal-għar. Fl-ittra, għamel appell lis-Suprintendent tax-Xogħlijiet Pubbliċi biex jibgħat surveyor u flimkien miegħu, Zammit ikun jista’ jagħmel stima ta’ kemm ħsara setgħet saret minn Griscti bix-xogħol li kien qed jagħmel fuq is-sit arkeoloġiku. Jgħid ukoll li s-surveyor kellu jqis kemm ’il bogħod mill-għar jista’ jsir ix-xogħol fil-barriera mingħajr ma ssir ħsara permanenti fuq is-sit innifsu. Jistaqsi wkoll biex is-surveyor jagħmel pjanta tas-sit biex tkun tista’ tiġi meqjusa l-possibbiltà li tinxtara l-biċċa l-oħra tal-art biex Griscti jieqaf jaħdem fiha. Dakinhar stess, l-ittra ġiet f’idejn it-Teżorier li minnufih kiteb — bl-Ingliż, bħall-korrispondenza uffiċjali kollha ta’ dak iż-żmien — lill-President tal-Kamra tal-Kummerċ Edgar Arrigo u qallu: “Nixtieq nagħmel mill-aħjar li nista’ għad-Direttur tal-Mużew fuq din il-biċċa li kiteb dwarha f’dan il-file, imma jekk ma tikkooperax miegħi int, ma nista’ nagħmel xejn. Ibgħatli, jekk jogħġbok, in-numru tal-file fejn hemm id-dokument tal-esproprjazzjoni inkwistjoni kif ukoll id-data tal-kuntratt tal-esproprjazzjoni.”
Fis-17 ta’ Diċembru tal-1932, Temi Zammit wieġeb li kien ra l-file però ma kienx hemm l-informazzjoni li kellu bżonn. Qal li kien staqsa biex jintbagħat miegħu surveyor. Il-Ministru tal-Istruzzjoni Pubblika ma rrispondiehx. Zammit ħalla l-Milied jgħaddi u fis-sena l-ġdida, fit-3 ta’ Jannar tal-1933, bagħatlu ittra biex ifakkru fuq il-każ ta’ Bur Mgħeż u jgħidlu li kien qed jistenna risposta minnufih għall-mistoqsija sempliċi imma importanti li kien bagħatlu. Jidher biċ-ċar hawnhekk li anki għal Temi Zammit, il-protezzjoni u l-esproprjazzjoni kienu f’keffa waħda, fl-istess loġika.
Zammit beda jinsisti biex il-Ministru tal-Istruzzjoni Pubblika jibgħat avviż lil Griscti biex jieqaf iħaffer f’dik il-barriera u biex jindikalu li l-art issa kienet skedata taħt l-Artikolu 6 tal-Att tal-Protezzjoni tal-Antikitajiet tal-1925. Fl-24 ta’ Frar 1933, Cumbo, fl-ittra bit-titlu “5 – Burmghez cave in the limits of M’biba from E. South [?] to the SPW”, kiteb hu wkoll biex jikkorrobora dak li kien kiteb Zammit: l-għar qiegħed parti fuq art tal-Gvern u parti oħra fuq art tal-Kurja li qiegħda mikrija għand Giovanni Griscti. Zammit iżid jgħid li Griscti kien qed iħaffer viċin tal-għar u li kienu wissewh biex ma jkomplix jaqta’ l-blat fil-biċċa art indikata b’linja ta’ tikek ħomor fuq il-pjanta. Jiġifieri Griscti kien diġà mgħarraf b’dan. Cumbo ikompli jgħid li Griscti ma kien kuntent xejn li x-xogħol tiegħu fil-barriera kellu jieqaf minħabba l-bżonnijiet tal-Mużew. Għaliex il-Gvern kien xtara biss in-naħa tal-għar li kienet fil-barriera tan-Naxxari u mhux ukoll dik fuq in-naħa ta’ Griscti fuq ix-xellug?
Fil-25 ta’ Frar 1933, Zammit kiteb rapport lill-Ministru tal-Istruzzjoni Pubblika biex jgħarrfu li kien iltaqa’ mal-inġinier tax-Xogħlijiet Pubbliċi, ċertu Cumbo, u li miegħu kien żar l-Għar ta’ Bur Mgħeż xi ftit drabi. It-tnejn li huma kkonkludew li t-tħaffir u l-iskavar fuq l-art tal-Isqof kien għadu għaddej, u li kellhom suspett li biċċa mill-għar ġiet meqruda bit-tħaffir. Semma li l-kerrej li kien qed jaħdem il-barriera kien Giovanni Griscti u indika fuq il-pjanta li fuq in-naħa l-ħamra, ġewwa l-linja ta’ punti mħażża fuqha, ma jista’ jsir tħaffir tal-ebda mod minħabba li dan jista’ jeqred parti mis-sit.
Enrico Mizzi approva dawn in-noti fil-file fis-27 ta’ Frar 1933. Mill-pjanta huwa ċar li d-dagħbien-qabar ta’ Bur Mgħeż kien jinfirex tul il-ħajt tal-ġnien tal-Mija.
Fl-1 ta’ Marzu tal-1933, Temi Zammit bagħat lil Enrico Mizzi għall-approvazzjoni tiegħu abbozz ta’ ittra li ried jibgħat lil Griscti. Dakinhar stess, Mizzi approvah u fit-3 ta’ Marzu Temi Zammit bagħat l-ittra lil Griscti: “Ġejt imqabbad ninfurmak li, peress li l-Għar ta’ Bur Mgħeż [‘Burmghez’] fl-Imqabba [‘Micabiba’] huwa skedat bħala wieħed mis-siti pprivileġġjati skont l-Artikolu 6 tal-Att tal-Protezzjoni tal-Antikitajiet tal-1925, u peress li int qed taqta’ l-ġebel mill-barriera viċin tal-Għar, nixtiequ nwissuk li jekk issir xi ħsara fuq dan l-għar minħabba x-xogħlijiet li qed tagħmel, tkun soġġett għall-penali skont l-Artikolu 18 tal-istess Att għall-ħsara kontra l-Antikitajiet.”
Fil-5 ta’ Lulju tal-1933, Temi Zammit kiteb lill-Ministru tal-Istruzzjoni Pubblika biex jinfurmah li kien kiteb lil Griscti fit-3 ta’ Marzu ta’ dik is-sena. Griscti, sadattant, kien waqaf iħaffer viċin tal-għar. Zammit kien ukoll irċieva ittra mingħand ċertu Antonio Schembri li kien qed jistaqsi biex jitħallas għad-danni peress li issa ma kienx qed idaħħal flus minn dik il-barriera. L-avukat Cachia Zammit kiteb għan-nom ta’ Schembri, magħruf bħala Ta’ Farfar, fit-2 ta’ Lulju 1933. Ta’ Farfar kien joqgħod Birżebbuġa u kien qed isostni li, tliet snin qabel, ċertu Andrea Cilia minn Ħaż-Żebbuġ kien krielu l-barriera: “Bir-rispett nixtieq ngħidlek li jiena, bħala wieħed mis-sidien tal-barriera Ta’ Seba’ Rġiel, fil-limiti tal-Imqabba [‘Micabiba’], nixtieq nagħmel talba għad-danni li qed isiruli minħabba li kelli nwaqqaf ix-xogħlijiet tal-qtugħ tal-ġebel mill-barriera msemmija fuq ordni tal-Antiquities Department madwar erba’ xhur ilu. Nispera li bla dewmien, id-dipartiment jieħu passi biex issir stima tad-danni u nitħallas lura.” Zammit qal lill-Ministru li kien dmiru jgħarraf lill-ħaddiema tal-barriera li kien hemm sit arkeoloġiku ta’ importanza fejn kienu qed iħaffru huma. Milli jidher, ħass li kellu jiġġustifika l-mod kif kien kellem lil Schembri u Griscti, x’aktarx għax ħaseb li l-Ministru kien se jilmenta li n-negozjanti kienu qed jitilfu l-flus minħabba l-għeluq tal-barriera.
Il-Ministru għadda l-file lil Cumbo peress li dan kien staqsa biex iżur is-sit ma’ Temi Zammit u ma’ xi ħadd mill-uffiċċju tas-Suprintendent tax-Xogħlijiet Pubbliċi u Cumbo kien bagħat jgħid lil Zammit biex iġib il-file miegħu. Zammit u Cumbo marru Bur Mgħeż fil-25 ta’ Lulju 1933 fl-erbgħa ta’ waranofsinhar. Iltaqgħu l-Għassa tal-Pulizija tal-Imqabba u mxew flimkien minn hemm.
L-għada, Cumbo staqsa biex jintbagħtulu l-files CUR 1196-20 u MW 1148-32. Kitbulu lura li l-Mużew kienu bidlu n-numru tal-file, u issa qiegħed MW 607-32. Wara li għamel ġimagħtejn jeżamina l-files, ikkonkluda li l-Gvern kien esproprja mhux biss l-Għar ta’ Bur Mgħeż imma anki l-art ta’ ma’ fuqu. Għamel suġġeriment biex l-art tingħata lura u tinkera mill-Gvern. Iwissi li jekk isibu xi reżistenza, għandhom allura jittieħdu passi legali. Iwissi wkoll li s-sit għandu jiddawwar b’ħajt tas-sejjieħ. Ħitan tas-sejjieħ bdew jittellgħu biex l-arja magħluqa ma tintużax b’mod li ma kienx xieraq. L-arkeologu Nicholas C. Vella jgħarraf li ħitan ta’ dan it-tip kienu ntużaw f’ħafna siti, fosthom Kordin III. Dan is-sit ma ġġarrafx preċiżament minħabba l-ħajt li ttella’ madwaru. Cumbo staqsa biex jirritorna fuq is-sit biex jerġa’ jeżaminah ġaladarba issa kellu aktar informazzjoni.
Il-Ministru Mizzi, fuq parir ta’ Temi Zammit, għadda l-osservazzjonijiet ta’ Cumbo lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fl-14 ta’ Awwissu 1933; id-Dipartiment bdew jaħdmu fuq il-każ fil-21 ta’ Settembru ta’ dik l-istess sena. Ħamest ijiem wara — fis-26 ta’ Settembru 1933 — Zammit ikkummenta li ġaladarba jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet ta’ Cumbo, hu ma kellu xejn aktar xi jżid fuq dan il-każ. Biss jinsisti li l-inġinier tad-distrett għandu jiddaħħal ukoll fil-każ u jibgħat ir-rapport tiegħu minħabba l-fatt li l-proprjetà qed tintuża b’mod mhux xieraq minn individwi privati.
Mizzi ordna li jsir dan fit 3 ta’ Ottubru tal-1933 u fl-14 tal-istess xahar wasal ir-rapport tal-Aġent Suprintendent għand Temi Zammit. L-assessjar tas-sit ikkonferma li ż-żoni A, B, C fuq il-pjanta Y kienu qed jiġu użati mhux kif suppost minn Giovanni Griscti ta’ “Vicolo 2, Strada Persica, Micabiba” u Antonio Schembri ta’ “18, Strada Brolli, Birzebbugia”. Ir-rapport jgħid li fiż-żona A kien qed isir qtugħ tal-blat u tneħħija ta’ ħamrija però bi ftit li xejn dannu; fiż-żona B kien qed isir l-istess però fiha kienet qed tintradam il-ħamrija li bdiet titneħħa mill-għalqa biswit u allura l-assessjar fuq iż-żona B ma setax ikun preċiż qabel titneħħa l-ħamrija kollha; fiż-żona C kien sar xi dannu minħabba li l-ġebel li beda jitneħħa min-naħa fejn il-qtugħ tal-blat kien qed isir minn Griscti u Schembri kien qed jiġi mirdum hemm. Għal dan, ġew ikkalkulati danni ta’ £11-05-0.
Min-naħa tagħhom, Griscti u Schembri sostnew u ppreċiżaw li l-art kienet mogħtija lilhom b’kirja tliet snin qabel mingħand Andrea Cilia, li kien joqgħod “33, Strada Rjali, Ħaż-Żebbuġ”. Bħala parti mill-konċessjoni, Cilia kien tahom it-tliet żoni mmarkati però minħabba l-fatt li dawn kienu jaqgħu taħt l-art li kien akkwista l-Gvern, Cilia kien qed jikser il-liġi. L-Aġent Suprintendent ta lil Griscti u Schembri tliet xhur biex iħallsu d-danni u jroddu lura s-sit lid-Dipartiment.
Temi Zammit insista wkoll li Lorenzo Gatt u l-Aġent Suprintendent iressqu din l-informazzjoni fuq id-danni li saru fiż-żona C quddiem Cumbo. Fl-24 ta’ Novembru 1933, Zammit intalab jibgħat ittra lil Griscti (“Grixti”) u lil Schembri; biss, Zammit ried rapport ieħor qabel jagħmel dan. Ma ħassx li kien kapaċi jagħmel l-assessjar waħdu u allura, tlett ijiem wara, fis-27 ta’ Novembru 1933, kiteb lis-Suprintendent Bonavia u talbu biex isir rapport mill-inġinier tad-distrett fuq kemm fil-fatt kienet saret ħsara fuq l-Għar ta’ Bur Mgħeż. L-inġinier bagħat rapport li fih jgħid li l-ħsara kienet biss superfiċjali. Fis-6 ta’ Diċembru 1933, Zammit kiteb lil Cumbo biex jgħarrfu li fl-aħħar, ir-rapport tas-Suprintendent tax-Xogħlijiet Pubbliċi kkonkluda li d-danni fuq l-Għar ta’ Bur Mgħeż ma kinux estensivi biżżejjed biex jittieħdu l-passi. Zammit iddeċieda li l-każ għandu jiġi injorat. Ovvjament, in-noti ma jagħtu l-ebda indikazzjoni għala Temi Zammit iddeċieda li jieqaf f’dan il-punt u li jinjora d-dannu li kien ġie deskritt fir-rapport ta’ qabel.
L-ewwel ma miet kien missier ommi; fil-kamra mortwarja tal-isptar San Luqa, bil-ġlekk u l-qalziet suwed li kien iżżewweġ bihom, qmis bajda, ingravata, u xagħru folt u abjad minxut lura, kien jidher l-isbaħ li qatt rajtu. Ma kienx iktar ix-xiħ li jpoġġi fit-tarf tal-mejda jħażżeż in-numri mill-wieħed sal-għaxra fuq karta ta’ pitazz b’wiċċ ir-Reġina fuq il-qoxra qabel jiekol, jipprova jissielet mal-kitba; jew ipinġi ħmara bilkemm jaf iżomm il-lapes. Ma kienx iktar dak ix-xwejjaħ jaħbi s-sigaretti ġo kaxxa tal-ispices fil-kċina, jiftaħ ir-radju u jieħdu miegħu fil-kamra tal-banju jisma’ t-tiġrijiet taż-żwiemel sakemm iqaxxar il-leħja. Għannaqtu kemm flaħt miegħi, kiesaħ u iebes, tqil u mraħħam, maħruġ minn ġol-friġġ mortwarja. Ir-riħa tal-mejtin daħlet fi mnifsejja; riħa kiesħa li baqgħet tiġi lura s’issa meta nsemmiha. Riħa ta’ djar qodma u vojta, toqol ta’ kmamar baħħ, dehxiet ta’ għerien mudlama. Ommi żanżnet il-qabar bih. Omm ommi mietet ħafna warajh, avolja kienet iktar marradija; dejjem tgerrem il-biċċiet tal-pirmli kontra l-affan, id-dijabete, u l-pressjoni. Fl-aħħar ġranet ta’ ħajjitħa bdiet taħlef li taf lil kulħadd ta’ fuq it-television. Xeħtuha ġo sodda l-isptar sakemm rat lil ommha ġejja għaliha; ġiet għalija, qaltilna, hawn kienet. Ġabet lil kulħadd magħha. Qatgħet nifisha wara raqda twila u niżżilnieha fuq żewġha, reqdin fuq xulxin benniena, injam fuq injam, tavla tal-franka bejniethom. Wara, ommi poġġiet lil ħuha fuq ommhom, fuq tavla oħra tal-franka; Salvu tagħha. Poġġitilhom ritratt tond fi frame kulur id-deheb u kitbitilhom isimhom li bilkemm kienu jafu jaqraw huma stess, u poġġitilhom numri tal-ħadid ta’ meta waslu u telqu. Meta mietet hi, il-kanċer bidilha. Fil-velja kien se jkun hemm qraba, ħbieb, u tfal u ma ridtx li tibqa’ mfakkra mikula mill-mard. Għalaqna t-tebut, u għafast l-injam miegħi bħallikieku inkarna dak il-mument u kont qed ngħannaq lilha stess. Niżżluha tlett irġiel mis-Sudan ħaddiema mal-Campo Santo, b’żewġt iħbula ħoxnin, attenti biex it-tebut ma jolqotx il-ħajt tal-franka fil-blat tal-Għolja tal-Ħorr. Laħamha issa skarna u tbiel imma għadamha għadu hemm. Bejni u bejnha, tavli tawwalin tal-franka li kull nhar ta’ Sibt nintelaq fuqhom u jsiru laħamha u nħossha miegħi. Bejni u bejnha, miljuni ta’ snin ġeoloġiċi. Bejni u bejnha, mitejn ċentimetru. Bejni u bejnha, ftit volumi ta’ arja mimlija umdità. Bejni u bejnha, sentejn oħra sakemm niftħu u npoġġu l-fdalijiet tagħha ġo kaxxa għat-tieni difna.
Ir-relazzjoni bejn il-ħajjin u l-mejtin tinftiehem sewwa mill-mod ta’ kif il-ġisem jitkeffen, jitniżżel u jitqiegħed ġewwa l-ħofra biex jingħalaq u jitgħatta. Dawn huma l-proċessi soċjali, fiżiċi u ontoloġiċi li bihom il-ħajjin jittrasformaw il-ġisem bla ħajja fil-ġisem mejjet. Il-ġisem mejjet mhux statiku; anzi, jibqa’ jinbidel tul iż-żmien u din il-bidla ġġib magħha prattiki mortwarji u funebri li jirriflettu t-twemmin tal-ħajjin fuq il-mewt u kif tasal għaliha. Il-mod ta’ kif il-ġisem bla ħajja jiġi mibdul f’ġisem mejjet spiss jinbidel skont il-pożizzjoni soċjali, l-età, il-ġeneru, jew skont kif il-ġisem tilef dik l-istess ħajja nnifisha. Il-koreografija funebra tal-ġisem magħġuna sew ma’ dak li nemmnu li hemm wara l-ħajja, mat-tabujiet tal-ġisem, tal-mard, u tat-twemmin reliġjuż. Dawn il-proċessi li jwasslu għad-difna jistgħu jitqiesu bħala l-kostrutt soċjali tal-mewt, imma huma wkoll il-bidla ontoloġika tal-ġisem u l-pożizzjoni tiegħu fis-soċjetà tal-ħajjin. It-tqegħid tal-ġisem f’tebut ġo ħofra jew fid-dagħbien ġol-blat tal-franka huwa t-tmiem ta’ dan il-proċess u l-istudju tat-tafonomija jista’ jagħtina ftit ħjiel dwar kif il-proċess tad-difna nistgħu nġibuh lura. Min jaf jekk ġod-dagħbien ta’ Bur Mgħeż daħlux l-annimali gerriema jduru għall-biċċiet tal-laħam li kien għad baqa’ mal-għadam bħalma għamlu fiċ-Ċirku tax-Xagħra? Min jaf jekk il-ksur, li osservaw kemm Tagliaferro u Zammit kif ukoll Sinclair, kienx sar qabel il-mewt jew wara, meta d-deffiena reġgħu daħlu u żbarazzaw l-għadam biex jagħmlu post għal iġsma ġodda? Id-dfin kollettiv spiss jingħad li jirrifletti l-identità ta’ kollettività fil-komunità, prassi komuni fil-preistorja tal-Mediterran. Minkejja dan, id-difna fil-blat tippreserva l-intenzjoni li l-persuna ma tintilifx, jiġifieri tinżamm imma f’manifestazzjoni differenti. U allura, għalkemm id-dfin ikun kollettiv, is-suġġettività tal-mejjet ma tmutx għalkollox imma tiġi mraħħma fil-franka u n-nogħra .