Bur Mgħeż #5

Id-difna tal-memorji

Omar N’Shea

Raћal ċkejken u barriera fonda.

Raћal ћiemed u barriera siekta.

Raћal ċittadella ma’ barriera sentinella.

U balla – nar (jew alla-xemx)

tqattar gћeja u gћaraq

fuq il-bur u fuq ir-raћal.

U kollox qiegћed jongћos fil-ћedla

ta’ awwissu fil-ћin ta’ nofsinhar.

Victor Fenech – “Raħal/Barriera”

Fil-pubblikazzjoni tiegħu tal-1946, maħruġa mill-British Committee on the Preservation and Restitution of Works of Art, Archives, and other Material in Enemy Hands bl-isem Works of Art in Malta: Losses and Survivals in the War, l-istoriku tal-arkitettura Hugh Braun ta rendikont tat-telfien ta’ wirt kulturali Malti waqt il-gwerra. Id-dokument kien taqsira ta’ rapport estensiv miġbur u miktub minn Hannibal P. Scicluna, Olaf F. Gollcher, Charles Zammit u Braun innifsu. Jibda billi jagħti deskrizzjoni kronoloġika imma fil-qosor tal-istorja ta’ Malta flimkien ma’ ftit dettall dwar ir-riżorsa tal-ġebla tal-franka u, sintendi, ma jinsiex isemmi kemm Malta kienet għaddiet minn iktar minn seklu ta’ paċi u prosperità taħt it-renju tal-Kuruna Ingliża. Wara dan, jibda jelenka t-tiġrib u t-tifrik, flimkien mat-telf assolut ta’ wirt kulturali importanti waqt l-attakki tal-gwerra. Jimxi b’mod alfabetiku, raħal wara raħal, minn Ħ’Attard saż-Żurrieq u b’daħla qasira fuq Għawdex fl-aħħar paġna. Iżid ukoll għadd ta’ ritratti ta’ bini imponenti li ġġarraf. F’paġna 17 ta’ dan ir-“rapport, Braun iżid id-daħla dwar l-Imqabba. Hawnhekk jagħmel aċċenn għal nhar id-9 ta’ April 1942, meta erbatax-il bomber ħabtu għal fuq l-ajruport, laqtu biċċa mill-knisja ta’ Santa Marija, kissrulha l-koppla u spiċċat b’wieħed mill-kappelluni bla saqaf. Braun jenfasizza, però, li la t-Torri ta’ Wilġa, la t-Torri Vincenti u lanqas il-knejjes ta’ San Bażilju, ta’ Santa Katarina, ta’ San Mikiel u tad-Duluri ma ntmessu mill-bombi tal-għadu. Nafu li madwar ħamsin dar kienu ġġarrfu kompletament u mija oħra saritilhom xi ħsara, li tlieta min-nies tilfu ħajjithom u sitta sfaw midruba. Nafu wkoll li dakinhar stess, għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar, bombers tat-tip Ju 88 għaddew minn fuq l-Imqabba u l-Qrendi, tefgħu għadd ta’ bombi u ġarrfu xi djar oħra. Braun, però, jibda d-daħla tiegħu fuq l-Imqabba billi jħabbar li l-ikbar telfa ta’ dan ir-raħal kienet dik tal-għar preistoriku ta’ Bur Mgħeż. Bosta huma dawk li jgħidu li l-għar kien intlaqat waqt l-attakki mill-ajru fuq l-Imqabba nhar id-9 ta’ April tal-1942 iżda Braun jikkontradixxi li t-telfa tad-dagħbien-qabar preistoriku seħħet b’dan il-mod għaliex jiċċara li s-sit fil-barriera tan-Naxxari kien qed jintuża bħala “bomb-dump” mir-Royal Air Force, post ta’ ħażna għal bombi u armamenti militari. Waħda mill-pitturi tal-artist Ingliż Leslie Cole, li kien Malta matul dan iż-żmien, x’aktarx turi l-istess barriera tan-Naxxari li kienet qed tintuża mill-RAF għal dan il-għan. Braun jgħid li kienet waħda mill-bombi maħżuna hemm li splodiet u farrket l-Għar ta’ Bur Mgħeż, u mhux waħda mill-ajru. Iżid jgħid li minn dan l-għar preistoriku f’dil-barriera ma kien għad baqa’ assolutament xejn.

  • "Bur Mgħeż" darbtejn fuq labels imwaħħlin fuq kaxxa.
    Kaxxa tal-injam bil-fdalijiet ta’ Bur Mgħeż fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. Ħajr lill-Mużew għall-aċċess biex inkun nista’ nieħu dar-ritratti.
  • "Box 175" miktuba fuq l-injam, u "Bur Mgħeż" bl-iswed u l-abjad.
    Bur Mgħeż — Box 175 (ħajr Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija għall-aċċess)
  • Fdalijiet ta' għadam ġo boroż żħgar tal-plastik b'referenzi miktubin fuqhom bl-iswed.
    Il-fdalijiet ta’ Bur Mgħeż (ħajr Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija għall-aċċess)
  • Card qadima bl-informazzjoni ttajpjata fuqha.
    Object data card BM/P1001 li tiddeskrivi bċejjeċ tal-fuħħar (ħajr Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija għall-aċċess)
  • Ċappa tafal f'borża żgħira tal-plastik immarkata BM/P1001.
    L-artiklu BM/P1001, “oġġett forma ta’ sinna” (ħajr Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija għall-aċċess)
  • Card qadima bl-informazzjoni ttajpjata fuqha.
    Object data card BM/P2 li tiddeskrivi farka minn reċipjent (ħajr Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija għall-aċċess)
  • Biċċa fuħħar f'borża tal-plastik.
    L-artiklu BM/P2, farka minn reċipjent tal-fuħħar (ħajr Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija għall-aċċess)
  • Biċċa fuħħar imnaqqxa imgeżwra fil-plastik.
    L-artiklu BM/P2, farka minn reċipjent tal-fuħħar (ħajr Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija għall-aċċess)
  • Card qadima bl-informazzjoni ttajpjata fuqha.
    Object data card BM/S3 li tiddeskrivi żewġ pendenti (ħajr Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija għall-aċċess)
  • Biċċtejn fdalijiet tal-fuħħar suwed f'borża tal-plastik.
    BM/S3 Żewġ pendenti (ħajr Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija għall-aċċess)
  • Card qadima bl-informazzjoni ttajpjata fuqha.
    Object data card BM/S4 li jiddeskrivi pendent forma ta’ mazza (ħajr Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija għall-aċċess)
  • Biċċa fuħħar forma ta' mazza, mgeżwra f'borża tal-plastik, b'toqba żgħira fin-naħa dejqa.
    L-artiklu BM/S4, pendent forma ta’ mazza (ħajr Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija għall-aċċess)
  • Buttuna miksura f'borża tal-plastik żgħira.
    BM/S8.3 Bebbux-buttuna (ħajr Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija għall-aċċess)
  • Card qadima bl-informazzjoni ttajpjata fuqha.
    Object data card BM/S9 li tiddeskrivi erba’ buttuni (ħajr Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija għall-aċċess)
  • Buttuna f'borża tal-plastik.
    BM/S9.1 Buttuna magħmula minn qoxra ta’ bebbuxu (ħajr Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija għall-aċċess)
  • Vetrina vojta. Diversi ċrieki kannella fuq sfond abjad, qishom tbajja. Label tgħid "From the neolithic site of Bur Mgħeż".
    Kaxxa-vetrina fejn darba kien hemm imwaħħlin il-fdalijiet ta’ Bur Mgħeż (ħajr Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija għall-aċċess)

F’dik l-istess sena tal-1942, student ta’ 17-il sena minn Liverpool bl-isem ta’ John D. Evans kien rebaħ borża ta’ studju ma’ Pembroke College f’Cambridge biex jistudja l-Ingliż. Kien hawnhekk li darba minnhom iltaqa’ mal-ktieb The Archaeology of Crete ta’ John Pendlebury, studjuż li fis-snin għoxrin kien fl-istess kulleġġ fejn issa kien qed jistudja hu. Immedjatament wara l-gwerra, fl-1947, Evans reġa’ lura Cambridge biex ilesti l-ewwel parti tat-tripos tal-Ingliż imma kien sar jaf li seta’ jagħmel it-tieni parti fit-tripos tal-arkeoloġija u l-antropoloġija mingħajr ma jkun għamel l-ewwel parti fihom — u daħħalha f’rasu li jagħmel eżattament hekk. L-intervista biex jaqleb il-kors fit-tieni parti saritlu minn Dorothy Garrod, arkeologa u l-ewwel professur mara fir-Renju Unit. Dorothy kienet bint Sir Archibald Garrod, il-kap tal-isptarijiet tal-gwerra, u meta kienet iżgħar kienet ukoll membru tal-Catholic Women’s League. Għamlet żmien tgħix ma’ missierha Malta wara l-Ewwel Gwerra Dinjija u kien waqt iż-żmien tagħha hawn li nibtilha l-interess fil-qedem. Garrod wasal Malta fl-1915 u għamel l-ewwel ftit xhur jgħix f’Casa Said fi Triq it-Torri, Tas-Sliema, ħdejn Għar il-Lenbi quddiem ix-Chalet — dar b’faċċata roża u dekor stil art nouveau li niftakar minn tfuliti u li issa twaqqgħet — kif ukoll f’dar fi Triq il-Miratur, il-Furjana, sakemm iddeċieda li jmur jgħix l-Osborne Hotel, il-Belt. F’Malta, il-Kurunell Garrod kien għamel ħbieb mad-Direttur tal-Valletta Museum, Temi Zammit. Il-ħbiberija tagħhom kienet waħda ta’ benefiċċju reċiproku: fost il-lectures pubbliċi li Archibald kien iħobb jagħti, kien hemm wieħed li sar il-Belt għall-membri taċ-Church of England Men’s Society fil-Valletta Gymnasium fl-1918 u li x’aktarx kien dwar il-preistorja ta’ Malta. Dak iż-żmien, Temi Zammit kien qed jiskava s-sit ta’ Ħal Tarxien u spiss kien jieħu lil Garrod miegħu. Garrod żviluppa għarfien tajjeb tal-arkeoloġija preistorika ta’ Malta, tant li Temi għaddielu kopja tal-manuskritt tiegħu Malta: The Maltese Islands and Their History qabel il-pubblikazzjoni. Garrod kien ukoll ħareġ minn butu stess parti mis-somma li tħallset biex sar il-mudell tas-sit ta’ Ħal Tarxien li hemm fil-Mużew tal-Arkeoloġija. F’waħda mill-kitbiet tiegħu, University of Utopia, Garrod jaċċenna ħafna għall-metodu xjentifiku li tuża l-arkeoloġija biex tfittex u tara kif “evolva” l-bniedem. Kien meqjus sew minn bosta Maltin ukoll, speċjalment minħabba li kien iħobb jitħallat ħafna. Kien ukoll f’dan il-perjodu li bintu Dorothy ġiet tqatta’ xi żmien miegħu wara li tnejn minn ħutha subien u l-ġuvni li kienet se tiżżewweġ tilfu ħajjithom fil-gwerra. F’Malta, missierha pprova jnissel fiha interess fl-istudju tal-kulturi tal-qedem, speċifikament il-prattiki agrikoli fil-preistorja, u milli jidher Dorothy intefgħet timraħ waħedha, tesplora u teżamina s-siti arkeoloġiċi. Kien hawnhekk li nibtet fiha passjoni tant kbira għas-suġġett li baqgħet sejra tistudja l-Palestina fejn stabbilixxiet sekwenza twila ta’ okkupazzjoni ta’ kważi nofs miljun sena min-Neandertal sal-Homo Sapiens. Il-frott tax-xogħol li għamlet hemm ippubblikatu fil-ktieb tagħha The Stone Age of Mount Carmel, xogħol li kien ta’ ispirazzjoni kbira kemm għall-istudjużi ta’ żmienha kif ukoll għall-ġenerazzjoni ta’ warajha. Bħal Dorothea Bate u Caton Thompson, Dorothy Garrod kienet midħla sew ta’ Temi Zammit, kemm f’Malta kif ukoll fl-Ingilterra, speċjalment minħabba li fl-1920 Zammit, waqt vjaġġ fl-Italja, Franza u l-Ingilterra biex jagħti lectures pubbliċi, ġie mistieden joqgħod għand Archibald Garrod. Kien waqt iż-żjara tiegħu għandhom li Dorothy kienet introduċietu kemm ma’ Margaret Murray — li wara ftit ġiet Malta u bdiet il-karriera twila tagħha ta’ arkeologa ma’ Temi Zammit f’Borġ in-Nadur — kif ukoll ma’ Leonard Halford Dudley Baxton, id-Direttur tal-Anthropological Museum fl-Università ta’ Oxford, u l-kollegi nisa Constance Jenkinson, Rosalind Louisa Beaufort Moss u Isabel Marjorie Russell, li flimkien kienu żaru Malta u Għawdex biex ikejlu l-kranji preistoriċi u dawk tan-nies ħajjin biex jistudjaw l-oriġini tal-popolazzjoni fil-gżejjer. Dorothy, allura, kienet taf is-siti ta’ Malta sew u kienet fost l-ewwel nisa li ħadmu f’din id-dixxiplina. Minkejja li kienu bosta n-nisa li taw sehemhom f’dan iż-żmien, sal-lum xogħolhom għadu mhux apprezzat jew imsemmi, la fi studji tekniċi u lanqas fl-istorja tad-dixxiplina tal-arkeoloġija. Kien proprju mingħand Dorothy Garrod li Evans, għall-ewwel darba, beda jisma’ dwar is-siti ta’ Malta mingħand xi ħadd li kien żarhom.

Meta Dorothy Garrod, li issa kienet saret id-Disney Professor of Archaeology f’Cambridge, lestiet l-intervista li kellha tagħmel lil Evans biex jaqleb il-kors mill-Ingliż għall-Arkeoloġija u l-Antropoloġija, faħħritu immens u rrakkomandat li jaqleb. Sal-aħħar ta’ dik is-sena, Evans kien kiseb biżżejjed marki tajbin biex tingħatalu l-opportunità li jkompli jistudja. Dan kien iż-żmien meta Gordon Childe kien ippubblika l-istudju tiegħu The Dawn of European Civilisation fejn ħareġ bl-idea “diffużjonista” li l-kultura ta’ El Agrar ta’ Spanja fi Żmien il-Bronż kienet ġejja mill-Anatolia (illum it-Turkija). F’Cambridge, Evans kien qed jistudja taħt id-direzzjoni ta’ Glyn Daniels li mill-ewwel għaraf li Evans kellu interess qawwi fil-kulturi tal-Mediterran u minħabba li kien diġà tgħallem l-Ispanjol, qatagħha li jibagħtu jagħmel studju ta’ riċerka fi Spanja bl-għan li forsi jsib xi provi li jsostnu l-ipoteżi ta’ diffużjoni ta’ Childe. Fin-noti awtobijografiċi tiegħu, Evans jgħid li kien kuntent b’din id-deċiżjoni ta’ Glyn Daniels, kemm minħabba l-fatt li, intellettwalment, l-ideat diffużjonisti kienu moda sew dak iż-żmien u allura ħass li kien qed jagħmel xi ħaġa relevanti ħafna, kif ukoll minħabba li dan l-istudju kien se jieħdu fiż-żewġ naħat tal-Mediterran bħala studjuż u mhux fis-servizz militar tal-Kuruna, kif kien ġara waqt il-gwerra. Evans jgħid li s-sentejn li għamel jaħdem fuq dan il-proġett kienu mill-isbaħ, u li kienu produttivi ħafna għaliex tgħallem il-prattika tal-iskavar sew, speċjalment waqt ix-xogħol li kien għamel mal-arkeologa Kathleen Kenyon f’Jericho meta l-Ankara Institute kien jagħlaq għall-btajjel tax-xitwa. Is-sit ta’ Jericho kien wieħed minn tal-ewwel skavi fejn Kenyon użat il-metodu stratigrafiku ta’ Mortimer u Tessa Wheeler u fejn is-sekwenza kienet waħda mill-itwal. Kien ħadem ukoll ma’ Seton Lloyd fl-iskavi ta’ Sultantepe. Iżda lura fi Spanja, Evans induna li ma kien hemm l-ebda evidenza arkeoloġika li ssostni l-ipoteżi diffużjonista ta’ Childe, u allura ma kellux biżżejjed materjal biex jikteb teżi tad-dottorat. Fi kliemu stess, reġa’ lura l-Ingilterra b’idu f’idu. Ħabat tajjeb, però, li malli wasal lura l-Ingilterra, Daniels għarraf lil Evans li Stuart Piggott, is-suċċessur ta’ Childe bħala l-Edinburgh Chair, kien qed ifittex lil xi ħadd biex jieħu f’idu proġett ta’ arkeoloġija f’Malta. Fuq rakkomandazzjoni tal-Asquith Commission on Higher Education in the Colonies, fl-1946 inħoloq l-Inter-University Council for Higher Education in the Colonies. Dan kellu fil-mira tiegħu t-twaqqif ta’ universitajiet kolonjali fid-dominju tal-Kuruna biex titrawwem klassi ta’ mexxejja u professjonisti liberali li għada pitgħada tieħu post l-għalliema Ingliżi, u b’hekk iżżomm l-istatus quo. Dal-kunsill kien għadu kif ħa d-deċiżjoni li joħroġ il-fondi biex isir studju sħiħ fuq il-monumenti preistoriċi ta’ Malta u biex isir ukoll rendikont ta’ dak kollu li kien hemm fil-kollezzjonijiet tal-mużewijiet. It-tnejn min-nies li nħatru biex imexxu dil-kummissjoni kienu Stuart Piggott innifsu flimkien ma’ Bryan Ward-Perkins, id-Direttur tal-British School of Rome. Għal Evans, din kienet opportunità mill-aqwa kemm min-naħa tal-materjal li kellu jeżamina, li dwaru kien diġà sema’ direttament mingħand Dorothy Garrod, kif ukoll minħabba l-fatt li kienet opportunità ta’ xogħol b’introjtu tajjeb għal perjodu sostanzjali. B’hekk, f’Ottubru tal-1952 — sitt snin eżatt wara li ħareġ ir-rapport ta’ Braun li fih kien ħabbar it-telfa totali tal-għar ta’ Bur Mgħeż — Evans wasal Malta biex jibda l-istħarriġ tiegħu dwar il-preistorja tal-gżejjer.

Għal dan il-proġett, Evans kien imqabbad mill-Università ta’ Malta, però kien se jkun qed jaħdem il-Valletta Museum. Ma kienx proġett ta’ riċerka minnu nnifsu, iżda kien hemm bżonn li jinġabar kollox f’biċċa xogħol waħda li setgħet twitti t-triq għar-riċerka fil-futur, speċjalment minħabba li, waqt il-gwerra, bosta artefatti mill-kultura materjali tal-qedem kienu ppakkjati u maqfulin taħt il-Berġa tal-Italja (fejn kien il-mużew dak iż-żmien) u li baqgħu hemm taħt l-art minħabba li issa l-berġa bdiet tintuża bħala l-Qorti ta’ Malta. Dak iż-żmien, il-mużew ma kienx biss ir-repożitorju tal-kollezzjoni nazzjonali iżda kien ukoll inkarigat biex jieħu ħsieb il-wirt Malti kollu, inklużi l-monumenti pubbliċi fuq barra u x-xogħol ta’ skavar. Meta Evans daħal jaħdem hemm, id-direttur tal-mużew kien J.G. Baldacchino. Milli jidher, Baldacchino ma tantx kien kuntent, la bil-wasla ta’ Evans u tant inqas bil-ftehim li dan jiġi mqabbad mill-Università biex jaħdem il-mużew. Beda jagħmillu l-bsaten fir-roti u jagħlaqlu l-aċċess għall-materjal li kellu bżonn. Imma l-aġir ta’ Baldacchino beda jagħfas ukoll fuq Charles Zammit, iben Temi, li issa kien il-kuratur tal-arkeoloġija fl-istess mużew. Evans jgħid li Zammit għenu kemm felaħ biex Baldacchino jieqaf jittrattah bil-herra, kif ukoll fetaħlu opportunitajiet oħra ta’ aċċess għal materjal mill-arkivju ta’ missieru.

Bl-għajnuna tal-istudenti tal-inġinerija u l-arkitettura, Evans beda jagħmel pjanti ġodda tas-siti preistoriċi ta’ Malta. Beda wkoll jiġbor il-materjal kollu f’katalgi tal-mużewijiet. Hawnhekk narawh jgħaddi l-ġranet bejn l-uffiċċju tiegħu, kamra fil-Berġa tal-Italja li kienet mimlija vetrini b’oġġetti tal-fuħħar restawrati li matul il-gwerra ma tneħħewx mal-oħrajn, kif ukoll għasafar ibbalzmati li kienu tħallew fil-kmamar ta’ fuq u li fin-nofs tagħhom Baldacchino kien ordna li titpoġġa l-iskrivanija ta’ Evans; il-kmamar ta’ isfel, fejn kien hemm kaxxa fuq kaxxa tal-injam mimlijin artefatti arkeoloġiċi li kienu twarrbu biex jiġu protetti; u s-siti nfushom, biex jiżgura li l-pjanti li kienu qed jagħmlu l-istudenti kienu preċiżi.

Missier Frans jgħidli li fil-ġebla tal-Balal hemm ħafna ħsara, li kull fejn jiftħu, il-kantun joħroġ armajn kollu mkisser. Il-ftit biss joħroġ tajjeb. Dik il-problema li hemm. Tal-Balal kollu qigħan. Il-qiegħ bħal dagħbien imma dejjaq ħafna. Iktar tarmi milli tgħid li jien għandi kantun tajjeb. L-Imqabba huwa ferm differenti; l-Imqabba l-ġebla hija soda ħafna aktar. Ġieli jkun hemm il-ħsara, voldieri. Ngħidlu li Michele Zammit in-Naxxari kien jaqta’ l-ġebla minn Bur Mgħeż u jibgħatha barra, li kellu maħżen il-Marsa fejn kien iżommha u minn fejn kien jgħabbiha għal fuq il-vapuri. Missier Frans qalli li bħal ta’ Malta, il-ġebla m’hawn imkien. Ġieli konna nibagħtu Franza, ġieli bgħatna containers sħaħ jiġifieri. Ngħabbulhom il-containers bil-ġebel u nibagħtuhom. M’għandix idea x’kienu jagħmlu biha imma kull fejn dort, ġebla bħal tagħna ma rajtx. Nerġa’ ngħidlek xi ħaġa oħra — issa minn Malta għal Għawdex kemm hemm bogħod? Il-ġebla ta’ Malta hija ferm aħjar minn t’Għawdex. Għedtlu li allaħares jisimgħuh jgħid hekk u rrispondieni li fil-verità, bħalissa, barrieri ma baqax, ħa nibdew minn hekk. Jiena bħalissa qed jiġi wieħed jaħdem il-lavur minn Għawdex, mingħandi qed jieħu. Issa ’qas għandi xi speċjalità ta’ ġebla. ’Qas tgħid tajba, tajba, tajba! Għax jgħid li mhumiex isibu. Imma isma’, anka Malta ma jsibux għax issa l-barrieri ngħalqu. Tliet barrieri baqa’ Malta, jew erbgħa. Biss? Mela! Illum ġiet problema. Ħa nibda minn hawn: ma ssibx waħda. Dik diġà problema. Jaħsel ikollok in-nies, għandek problema x’se taqbad tagħmel bil-ġebel għax illum kulħadd bil-bricks. Li qed jużawha l-ġebla huwa għal forsi naqra restawr jew inkella xi naqra ġor-Rabat. Għax lanqas faċċati għax illum faċċati kollox graffiato. Allura l-ġebla nqatgħet bla ma riedet. Min qed jagħmel xi lavur jew xi naqra restawr jew hekk, għandu problema minn fejn se jsib il-ġebla. Oħra, tal-MEPA ma ttikx eżempju permessi, ngħidu aħna għandek barriera u baqagħlek biċċa għalqa fuq u tista’ tagħmel extension għax ma ttikx lanqas. U Frans jgħidli li din toħloq problema tar-rimi: la m’għandekx tħaffir, m’għandekx fejn tarmi. Biex inkunu għedna kollox, jekk ikollok barriera dejjem għandek għaxra jew għoxrin fil-mija tagħha radam, u għalhekk hawn xi sidien tal-barrieri li kienu reżistenti meta l-gvern qatagħha li l-barrieri għandhom jittieħdu għar-radam. Missieru qalli wkoll li hu minnu li ħafna barrieri ma tistax tidħol faċilment għalihom daqskemm qegħdin moħbija wara trejqiet dojoq. Dak li tellajna, issa twikkejna bih. Illum, la baqa’ fejn tordom u lanqas fejn tidfen.

John D. Evans ma kienx medhi biss bix-xogħol ordinarju tal-mużew iżda kien ukoll imħabbat jhewden dwar l-oriġini tal-bennejja tat-tempji u fuq kif żviluppa l-bini fil-preistorja ta’ Malta. Diġà kien hawn xi ideat jiġru fiċ-ċrieki tal-intellettwali ta’ dak iż-żmien, biss għal Evans dawn ma kienu xejn ħlief frugħa psewdoakkademika u teoriji nofs kedda. Fi kliemu, anzi, jgħid li wħud minnhom kienu ġenn assolut. Fl-1950, Bernabò Brea kien għaraf li xi biċċiet tal-fuħħar minn Għar Dalam kellhom tinqix li kien jixbah lil dak ta’ Stentinello fi Sqallija. Din, jgħid Evans, kienet l-ewwel konferma li Malta kellha xi forma ta’ konnessjoni mad-dinja t’hemm barra f’dan iż-żmien. Fis-sit Ta’ Ħaġrat, l-Imġarr, Evans kien sab ukoll xi biċċiet tal-fuħħar b’tinqix simili fuqu, iżda l-problema kienet li Temi Zammit (li kien skava Ta’ Ħaġrat fis-snin għoxrin) kien isostni li l-bini u l-fuħħar li kienu inqas irfinati minn dawk ta’ siti oħra kienu qed juru li l-kultura li għamlithom kienet iddeġenerat u tilfet it-teknoloġija kemm tal-bini kif ukoll taċ-ċeramika. Hawnhekk, Evans beda jiddubita din il-loġika ta’ Temi Zammit, tant li dawwar l-argument biex issa, kemm il-fuħħar inqas irfinat kif ukoll il-bini ta’ dan it-tip ġew ippreżentati bħala artefatti minn żmien iktar bikri. Hawnhekk insibu lil Evans jipotizza qafas ta’ sekwenza magħmula minn ħames/tmien fażijiet li fiha l-fuħħar jibda bit-tip rozz ta’ Għar Dalam u jkompli dejjem jirfina sakemm jilħaq tip iktar elaborat li jinsab f’tempji iktar kumplessi. Konferma oħra li Malta kellha konnessjoni ma’ barra, skont l-osservazzjonijiet ta’ Evans, kienu diversi tipi ta’ materjal minerali li ma jinstabx Malta — bħall-ossidjana, iż-żnied, u l-ġebel tal-lava u l-magma — li madankollu nstabu f’dawn it-tempji f’Malta. Evans beda jinnota wkoll li xi dettalji mill-kultura tardiva tat-tempji kellhom xebh qawwi ma’ kulturi tal-Eġew: minn studji radjukarboniċi nistgħu ngħidu li jekk dan ix-xebh huwa minnu, allura l-kuntatt sar fl-eqdem fażi tal-perjodu msejjaħ Ċikladiku.

Biss Evans ma waqafx hemm; ried ikun jaf ukoll x’sar minnhom il-bennejja tat-tempji, kif sparixxew u min kienu dawk li ġew warajhom. L-idea dak iż-żmien kienet li n-nies li ġew wara l-bennejja tat-tempji kienu barranin. Fil-fatt, il-kultura li sab Temi Zammit f’Ħal Tarxien kienet kultura distinta minn dik ta’ qabilha minħabba li dawn in-nies ma kinux jidfnu fil-ġebla u fid-dagħbien imma kienu jaħarqu ’l-mejtin tagħhom fl-istrutturi li kienu bnew in-nies ta’ qabilhom, ħruq li ħalla tbajja’ mal-ħitan tal-binja preistorika f’Ħal Tarxien u li għadhom jidhru sew. Waqt li Evans kien għaddej b’dawn il-ħsibijiet, Bernabò Brea kien qed jaħdem fuq il-gżejjer ta’ Lipari fejn kien skopra kultura li sejħilha “Capo Graziano”. Hawnhekk, l-evidenza bdiet turi lil Evans li l-ewwel fażi ta’ wara l-kultura tat-tempji, jiġifieri dik li kienet qed tissejjaħ “Tarxien Cemetery Phase”, kienet konnessa ma’ dik li kien identifika Brea.

Evans kien ukoll qed iqatta’ ftit ħin sew fil-librerija tal-mużew, iqalleb fil-volumi ta’ qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija tal-ġurnal Bullettino di Paletnologia Italiana. Deherlu li l-fażi ta’ wara dik taċ-Ċimiterju ta’ Ħal Tarxien, abbinata mas-sit ta’ Borġ in-Nadur f’Birżebbuġa, kellha fuħħar identiku għal dak li nstab minn Paolo Orsi fiċ-ċimiterji tal-kultura Thapsos ta’ Sqallija. Apparti l-fuħħar lokali, l-oqbra Thapsos kellhom fihom ukoll biċċiet tal-fuħħar Miċen u allura meta Evans mar jiġri jqalleb fil-kannestri tal-fuħħar ta’ Borġ in-Nadur u sab biċċa waħda mill-istess fuħħar Miċen hemm ukoll, intebaħ li għalkemm kienet biċċa waħda biss, xorta seta’ jargumenta li xi tip ta’ konnessjoni bejn iż-żewġ kulturi kien plawżibbli. Kien baqagħlu biss it-tielet fażi x’jirranġa. Evans kien tal-fehma li f’din il-fażi Malta kien daħal Żmien il-Ħadid u li bażikament, skontu, dan kien żvilupp tal-kultura ta’ Borġ in-Nadur forsi b’xi influwenza żgħira mill-Italja.

Illum il-ġurnata, is-sekwenza li tteorizza Evans — ibbażata fuq it-tipoloġiji tal-biċċiet tal-fuħħar, u għal għanijiet kważi purament mużeologi — ġiet riveduta, però xorta għadha tintgħaraf. L-ewwel reviżjoni saret minn David Trump wara l-iskavi stratigrafiċi tas-sit ta’ Skorba, ġewwa l-Imġarr. Trump daħħal żewġ fażijiet ġodda wara dik ta’ Għar Dalam. Dawn kienu bbażati fuq tipoloġiji ta’ fuħħar li, għalkemm kienu diġà feġġew fi skavi eqdem, qatt ma ngħataw wisq attenzjoni għax tant kienu differenti mit-tipoloġiji iktar komuni li bosta kienu jaħsbu li dawn ġew impurtati. Fil-verità, jew għall-inqas skont Trump, dawn kienu jagħmlu parti mill-iżvilupp tal-fażi ta’ qabilhom. Trump dawwar ukoll is-sekwenza ta’ żewġ fażijiet ta’ Evans. Iktar riċentement, is-sejbiet tal-proġett FRAGSUS irrivedew uħud mid-dati.

Evans kien ukoll għaddej jaħseb dwar il-bidu tal-bini megalitiku f’Malta u minn fejn seta’ joriġina. Kien ċert li kienet kultura li damet għaddejja ħafna sekli minħabba li fl-eqdem siti kien instab fuħħar ta’ żmien Għar Dalam, u li dawn is-siti kienu inqas sofistikati minn dawk li ġew warajhom. Ħabat li f’dan iż-żmien, jiġifieri f’Ġunju tal-1954, Loreto Gravino — Żejtuni u dilettant tal-arkeoloġija, kif ukoll fotografu tajjeb li kien iqatta’ ħafna ħin jimraħ u jfittex is-siti ma’ Dun Ġwann Farrugia, Żejtuni bħalu, qabel ma emigra lejn l-Awstralja — kien ħa lil Evans fuq l-għolja tax-Xemxija li tagħti għal fuq il-Bajja tal-Mistra biex jurih xi oqbra li kien hemm fuq ix-xagħri tal-qawwi ta’ fuq. Kien hemm sitta minnhom u kienu mimlijin terrapien u siġar jikbru minn ġo fihom. Meta Evans naddafhom (bl-għajnuna tat-tliet nisa “Mrs A. Rickman”, “Mrs D. Woolner” u “Mrs V. Greer”, kif jirreferi għalihom) bħal donnu ntebaħ li l-oqbra kienu jixbhu l-pjan tat-tempji u li saħansitra wieħed minnhom kien maqtugħ fi struttura ta’ żewġ lobi laterali, jiġifieri żewġ toqob imħaffrin fejn xulxin fil-wiċċ tax-xagħri. Evans xebbah dawn l-istrutturi mal-pjanta tal-iktar tempji bikrin li kienu nbnew fil-preistorja, speċjalment tal-Imġarr, u ipotizza qabża mit-tħaffir tal-oqbra fil-wiċċ għall-bini ta’ strutturi bbażati fuq l-istess kunċett. Iżid ukoll li f’minn tal-inqas każ wieħed minnhom, dak ta’ Ħal Saflieni, l-oqbra li tħaffru ħdejn xulxin fil-ġebla tal-franka ġew żviluppati fi strutturi arkitettoniċi, kultura materjali ta’ figurini u tiżjin ikonografiku bħal dawk li kienu nstabu wkoll fis-siti ta’ fuq wiċċ l-art. Hawnhekk, Evans bħal qisu qed jimmaġina li t-tempji fil-fatt huma oqbra monumentali, avolja m’hemm l-ebda ħjiel materjali li kien sar xi dfin fihom. Għal Evans, dawn is-siti allura kienu żvilupp intern għall-gżejjer Maltin u mhux teknoloġija ta’ bini li nġabet minn barra.

Fil-qawwi ta’ fuq tal-għolja tax-Xemxija, Evans skava sitt oqbra. Din kienet okkażjoni tajba għaliex la l-oqbra li kien skava Temi Zammit u lanqas Bur Mgħeż ma kienu skavati sew u b’mod stratigrafiku mill-bidu. Evans kellu ċ-ċans jagħmel dan ix-xogħol b’metodu xjentifiku. Dawn l-oqbra fil-qawwi ta’ fuq kellhom forma ta’ “kilwa” mħaffra fil-blat u kien fihom għadam u fuħħar fi stat kważi intatt. Biss f’wieħed minnhom, li jimmarkah bin-numru ħamsa, apparti għadd ta’ stjuni karenati, Evans kien sab numru ta’ pendenti tal-ġebel u bebbux-buttuni. Il-bebbux-buttuni kienu magħmula mill-qoxra ta’ bebbux tal-baħar tat-tip Spondylus. F’waħda minnhom, it-toqob li minnhom jgħaddi l-ħajt biex il-qoxra tintuża bħala buttuna u tinħiet mat-tessut, jew tgħaddi qafla minnha biex tintlibes bħala żibġa ġo kullana, kienet inqasmet fil-qedem u toqba oħra tħaffret ħdejha biex terġa’ tintuża. L-għamla tagħhom, kif ukoll tal-ornamenti l-oħra li nstabu f’dan il-qabar numru ħamsa (bħaż-żibeġ tal-istess mollusk u l-pendenti forma ta’ mazza magħmula minn tip ta’ ġebel aħdar) jixbhu ħafna lil dawk li nstabu kemm minn Tagliaferro kif ukoll minn Sinclair f’Bur Mgħeż.

Meta mort il-Mużew tal-Arkeoloġija, tlabt permess biex nikkonsulta l-kaxxi ta’ Bur Mgħeż u d-Debdieba. Il-kuratur tal-arkeoloġija, Sharon Sultana, kellha entużjażmu daqsi biex naraw x’kien hemm fil-kaxxi tal-injam li kellhom miktub fuqhom, b’linka sewda u ġibs abjad, l-isem ta’ Bur Mgħeż. Fil-wirja nazzjonali m’hemm l-ebda artefatt jew oġġett mid-dagħbien-qabar ta’ Bur Mgħeż fil-vetrini, x’aktarx minħabba l-fatt li dak li baqa’ huwa frammentarju wisq u ħlief skutella żgħira rrestawrata m’hemm xejn li jista’ jkun ta’ attrazzjoni f’mużew, bħal ngħidu aħna figurini jew fuħħar dekorat.

Mid-Debdieba ma baqa’ kważi assolutament xejn ħlief kaxxa kważi vojta bi ftit fuħħar u erba’ biċċiet tiben fil-qiegħ tagħha. Mir-rapporti li nkitbu, ma kien jidher li ħareġ xejn ta’ importanza bħala kultura materjali għajr il-pedamenti tal-binja li, b’kuntrast ma’ binjiet oħra tal-perjodu, ma kellhiex naħat absidjali imma kienet tikkonsisti f’għadd ta’ kmamar rettangolari. Il-ftit fuħħar li għad baqa’ mhuwiex dak ippubblikat fir-rapport iżda fuħħar ieħor.

Il-kaxxi ta’ Bur Mgħeż, però, huma organizzati sew u jidher biċ-ċar li s-sejbiet, għall-inqas uħud minn dawk ta’ Sinclair tal-iskavi tal-1922, kienu ppreservati sew. Mal-ewwel daqqa t’għajn indunajt li Evans kien organizzahom b’mod sistematiku. Għaraft il-mod ta’ kif kellu ħabta jidentifika l-fdalijiet billi jqassar l-isem tas-sit ta’ provenjenza (eżempju BM għal Bur Mgħeż jew X għal Xemxija) u jikklassifika kollox skont il-materjal u l-għamla. Kollha għandhom numru li jpoġġihom f’serje skont kif joqogħdu materjalment u tipoloġikament. Ried li jiġbor id-dettalji kollha li kien hemm dwar Bur Mgħeż, dak kollu li ġie ppubblikat kemm fir-rapporti annwali tal-mużew kif ukoll fl-istudju oriġinali ta’ Tagliaferro. Għalkemm jirreferi, fil-fatt, għar-rapport ta’ Sinclair tal-1922, lilu ma jsemmihx b’ismu u, milli jidher, ikkonsulta biss ir-rapport li Temi Zammit kien kiteb minn dak oriġinali ta’ Sinclair. Iħalli barra wkoll partijiet mir-rapporti li jirreferu għal osservazzjonijiet li kien jistkerrah għax mhux xjentifiċi biżżejjed, bħal ngħidu aħna l-irwejjaħ li kien innota Tagliaferro jew il-kummenti ta’ Sinclair dwar in-nuqqasijiet li kienu saru fl-iskavi tal-1911. Evans għamel ukoll pjanta ġdida bbażata fuq dawk li kienu jeżistu: din il-pjanta wkoll għadha fil-Mużew tal-Arkeoloġija fil-kamra tal-pjanti u l-mapep.

Imma l-akbar biċċa xogħol li għamel Evans waqt is-soġġorn tiegħu f’Malta kien sett ta’ object data cards li jagħtu speċi ta’ bijografija mużeografika tal-oġġetti li tinkludi informazzjoni bħas-sit ta’ provenjenza (f’dan il-każ Bur Mgħeż innifsu), id-data (li fil-każ tal-cards ta’ Bur Mgħeż ħallieha barra), il-kategorija bbażata fuq il-materjalità tal-oġġett u n-numru (eżempju BM/S4), id-deskrizzjoni tal-oġġett u l-qisien tiegħu, in-numri tar-ritratti jew disinji korrispondenti, il-lokalità fejn jinstab preżentament, referenza għall-pubblikazzjoni, u meta sar l-istħarriġ dwar l-oġġett. Illum il-ġurnata, eżerċizzju ta’ dan it-tip jitqies bħala wieħed ta’ ġabra ta’ metadata. Dawn l-object data cards ta’ Evans mhumiex eżattament ġabra ta’ dati bijografiċi tal-oġġett fejn is-soltu titniżżel informazzjoni li minnha tinkiteb il-“ħajja” ta’ fdal arkeoloġiku. Dan minħabba li l-ewwel skav sar bl-għaġla u m’hemm imkien imniżżel fir-rapport qasir il-kuntest arkeoloġiku li nstabu fih l-affarijiet ħlief dak ġenerali tas-sit innifsu. Però, huma bijografiji amministrattivi tal-oġġett fil-kuntest tal-mużeoloġija u fihom naraw sew id-deskrizzjoni virtwożistika ta’ Evans, speċjalment tal-mod kif iħares lejn oġġett u jagħsar minnu sal-iċken dettall:

BM/P1001, oġġett forma ta’ sinna.

Ċappa tafal ta’ 3.7 ċentimetri b’forma ovali u b’żewġ ponot ħerġin minnha lil hinn minn xulxin; iċ-ċappa ovali għandha naħa minnhom li ma kinetx illixxata waqt il-ħami tal-fuħħar iżda llixxat biż-żmien. Il-fuħħar isfar fil-griż, moħmi f’roża naqra ċar fil-wiċċ.

Evans lesta dan l-inventarju ta’ Bur Mgħeż u kiteb id-daħla fuq is-sit li issa tinsab fil-volum tiegħu Prehistoric Antiquity of the Maltese Islands: A Survey li ġie ppubblikat ħafna snin wara, fl-1971. Evans kien l-ewwel wieħed li ppubblika l-istjuna karenata li nstabet fid-dagħbien-qabar ta’ Bur Mgħeż fl-1922 bit-tabella tal-katalgu BM/P1, kemm bħala ritratt kif ukoll bħala disinn. Jiddeskriviha b’dan il-mod:

Stjuna karenata u fonda (restawrata) tat-tip ta’ Ħal Saflieni, bin-naħa ta’ fuq qisha koppla imma mhux forma ta’ qanpiena. Għandha erba’ tumbati mtaqqbin vertikalment ħdejn il-bokka u żewġ toqbiet ħdejn xulxin fil-ħajt tagħha. Magħmula minn materjal artab u skur bi frak abjad; in-naħa ta’ barra iswed fil-kannella. Ma baqa’ l-ebda traċċa ta’ lostru. Mix-xoffa ta’ fuq sal-karenazzjoni hemm disinji b’forma ta’ metopi (tliet fillieri); minn taħt il-karenazzjoni ’l isfel m’hemm l-ebda dekorazzjoni. Id-disinji metopi qegħdin waħda forma ta’ sellum u l-oħra vojta. Għandha għoli ta’ 9 ċentimetri. Id-dijametru massimu hu ta’ 14-il ċentimetru. Il-bokka (fuq ġewwa) hija ta’ 7 ċentimetri. 1922.

L-inventarju ta’ Evans ta’ Bur Mgħeż huwa maħsub fuq tliet kategoriji ta’ materjalità li jikkonsistu f’għadam (B), fuħħar (P), u ġebel jew qxur tal-baħar (S). Dan huwa l-inventarju ta’ identità waħda biss ta’ Bur Mgħeż, jiġifieri dik tal-perjodu Neolitiku. Il-bijografija tas-sit barra minn dan il-kuntest ristrett qatt ma ġiet meqjusa b’mod sistematiku, la mill-perspettiva tal-arkeoloġija u lanqas minn dik tal-istorja kulturali. Biss, sistemi u proċessi ffukati bħal ta’ Evans xorta kellhom il-ħila jippreservaw aspetti tal-bijografija tas-sit mill-angolu ta’ mużeoloġija. Fil-kaxxi tal-injam li fihom hemm miżmuma l-fdalijiet tas-sit, speċjalment fil-kaxxa mmarkata “Box 175” u li fuqha hemm isem is-sit miktub darbtejn, bl-abjad u bl-iswed, tħallew kemm it-tabelli miktubin bl-idejn li jsemmu s-sit kif ukoll il-kaxxi li fihom Temi Zammit kien poġġa s-sejbiet biex jurihom lill-pubbliku fil-vetrina li tant kien stinka biex il-gvernatur jagħtih il-flus għaliha. F’dawn iż-żewġ kaxxi, imwaħħlin bil-kolla fuq kartuna bajda ma’ tabella żgħira li ttik il-provenjenza, kien hemm il-bebbux-buttuni u ż-żibeġ tal-ġebel u l-qxur tal-baħar kif ukoll ftit mill-għadam li n-nies mill-komunità preistorika ta’ Bur Mgħeż kienu jilbsu jew iġorru fuq ġisimhom. Mhux ċert jekk il-fdalijiet inqalgħux minn mal-kartuna tal-kaxxa wara l-gwerra, meta tneħħiet il-vetrina, jew jekk neħħihomx Evans biex ikun jista’ jimmarkahom bil-linka tal-katalgu-inventarju. Kienet mossa tajba li xi ħadd żamm kemm il-kaxxi tal-injam, kif ukoll il-kaxxi tal-kartun li kienu fil-vetrina. Illum, fil-kaxxi m’hemm xejn ħlief l-assenza/preżenza ħontoloġika ta’ oġġetti magħmulin minn bebbux Spondylus li tinkixef mill-marki tal-kolla li hemm fuq il-wiċċ safrani u mtebba’ tal-kartuna. Fil-kaxxi tal-injam, il-bieqja qiegħda mgeżwra u protetta, u l-fdalijiet l-oħra wkoll, kull wieħed imqiegħed ġo borża tal-plastik li fuqha hemm miktub l-istess kodiċi ta’ Evans, jiġifieri BM għas-sit, l-ittra li tindika l-materjalità tal-oġġett (B, P jew S) u n-numru fis-serje. Barra l-kaxxa mmarkata 175, hemm ukoll kaxxa oħra, baxxa u tawwalija, mimlija enveloppi li fihom is-snien ta’ Bur Mgħeż. L-enveloppi huma jew dawk kafellatte bil-kitbaIl-Gvern ta’ Malta” fuq in-naħa ta’ fuq tax-xellug, jew tal-ajruport ta’ Malta mis-snin meta kien waqaf jaħdem ta’ Ħal Luqa u nbena ta’ warajh f’Ħal Għaxaq, b’timbri postali tal-2008. Mhux ċert liema huma dawn is-snien, però x’aktarx li huma wħud minn dawk l-elfejn u fuqhom li sab Sinclair. Riċentement, is-snien ġew eżaminati mill-Professur G.E. Camilleri, dentist li, skont it-timbru li ħalla man-noti fuq l-enveloppi li fihom is-snien, kellu l-klinika tiegħu 44/2 Triq it-Torri, Tas-Sliema. Camilleri kiteb fuq l-envelopp it-tip u l-post ta’ kull sinna. Dawn jistgħu jkunu ta’ għajnuna kbira ġaladarba jkun hemm proġett ta’ riċerka li jeżaminahom fid-dettall.

Fost il-fdalijiet ta’ Bur Mgħeż li hemm fil-kaxxa 175, sibt għadd ta’ aċċessorji magħmula mill-bebbux Spondylus, bivalv invertebrat li fil-Mediterran Neolitiku kien jintuża kemm għall-ikel kif ukoll biex il-qoxra tiegħu tiġi maħduma f’aċċessorji dekorattivi tal-ġisem li jintużaw kemm fil-ħajja kif ukoll fit-tkeffin tal-mejtin. Evans ġabar l-24 oġġett ta’ dan ir-repertorju f’erba’ settijiet bit-tabella BM/S8-11. S8 u S9 għandhom erba’ oġġetti kull wieħed, S10 għandu ħamsa u S11 għandu ħdax. Milli jidher dawn kienu nstabu minn Sinclair għaliex meta tqabbilhom mar-rapport tiegħu, issib li huma identiċi għal dawk li ddeskriva hu. S8 huwa grupp ta’ erba’ oġġetti kemxejn iżgħar minn ċentimetru (ħlief l-ewwel wieħed, S8.1, li hu ftit ikbar) u li għandhom perforazzjoni fin-nofs li tindika li kienu jintużaw bħala buttuni. Waħda minnhom għandha l-perforazzjoni maqsuma u milli jidher kienet tranġat diġà fil-perjodu Neolitiku (bħal dik li Evans kien sab fil-qabar numru 5 tax-Xemxija), waqt li oħra hija maqsuma fi tnejn. Ħarist bil-lenti lejn it-toqba tat-tielet waħda minn dan il-grupp (S8.3) u stajt nara sew li t-toqba saret b’xi għadma mdawra fuq li mdawra biex tinfed il-qoxra tal-bebbux Spondylus għaliex għandha l-ġewwa tagħha kollu ċrieki qisu skorfina. S9 jikkonsisti f’erba’ bebbux-buttuni ta’ ftit iċken minn ċentimetru b’żewġ toqob forma ta’ V fuq naħa minnhom. M’hemm l-ebda indikazzjoni jekk dawn kinux, fil-fatt, jintużaw bħala buttuni jew jekk it-toqob kinux iservu biex tgħaddi minnhom xi qafla u allura jitpoġġew għadd minnhom ħdejn xulxin biex tinħoloq ringiela dekorattiva. S10 huwa sett ta’ ħames żibġiet magħmulin ukoll mill-qoxra tal-bebbux Spondylus. Tnejn minnhom huma ikbar minn tliet ċentimetri u t-tlieta l-oħra kważi daqshom ukoll, kemxejn iżgħar. Meta tħares lejhom u ddawwarhom f’idek, taħsibhom lewż tal-irħam. Għad-daqs tagħhom huma tqal, fuq in-naħa ta’ barra għandhom tinqix immewweġ li jiġri mat-tul kollu tagħhom, u għandhom toqba għaddejja min-naħa għall-oħra. Jidher ċar li minnhom kienet tgħaddi qafla u li kienu jintlibsu fuq il-ġisem. S11 sibt fih biċċiet u frak ta’ ħdax-il oġġett, bebbux-buttuni u żibeġ.

Biss Evans ma kienx politikament innoċenti. Kemm fl-atteġġament tiegħu lejn ix-xogħol li kien għamel Luigi Maria Ugolini f’Malta kif ukoll lejn ix-xogħol tal-istudjużi Maltin, Evans kien spiss jgħaddi kummenti, kemm fi kliem kif ukoll fil-kitba, biex iżeblaħ xogħol ħaddieħor. Però l-arja li kellu mhux dejjem kienet ibbażata fil-fatti: pereżempju, kien tnejjek bid-dati li kien ipotizza Ugolini — jiġifieri li l-kultura tat-tempji kienet eqreb lejn l-4000 QEK — u ppropona li kienu inqas qodma. Wara li sar studju radjukarboniku, ħareġ li Ugolini kellu raġun. Evans ukoll kien ġej minn dinja li kienet spiss tħossha ċerta minnha nnifisha: lill-Maltin li kienu ħadmu fl-arkeoloġija qablu għajjarhom dilettanti. Illum, ħafna huma dawk li jistkerrhu l-attitudni ta’ Evans. Hemm ukoll dawk li jsostnu li minħabba l-preġudizzju tiegħu favur il-perjodu Neolitiku, l-istudju tal-perjodu Paleolitiku fil-gżejjer Maltin baqa’ lura.

Il-qxur tal-bebbux tal-ispeċi Spondylus gaederopus spiss jinstabu ffossilizzati fil-ġebla tal-franka. Dan il-bebbuxu tal-baħar kellu valur ornamentali tremend, u għandu post ċentrali fil-materjalità dekorattiva fil-preistorja ta’ Malta, partikolarment matul il-fażi ta’ Ħal Saflieni. F’Malta, ftit li xejn instabu minn dan it-tip ta’ oġġett f’kuntest mhux mortwarju. (Għalkemm, riċentement fis-sit Taċ-Ċawla, Għawdex, instab għadd minnhom fi fdalijiet li jistgħu jkunu domestiċi.) Fil-fatt, ħafna fdalijiet ta’ Spondylus instabu kważi biss f’kuntesti funerarji, bħall-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, Ħal Tarxien, ix-Xemxija u ċ-Ċirku tax-Xagħra. F’bosta bnadi oħra tal-Mediterran, il-bebbux Spondylus kellu wkoll preġju nutrittiv iżda milli jidher, f’Malta l-qxur tiegħu iktar kienu jintużaw bħala ornamenti f’forma ta’ żibeġ u buttuni, bħala komponenti integrali tal-ilbies ċerimonjali, jew bħala dekorazzjoni waqt it-tkeffin tal-ġisem mejjet. Il-preżenza ta’ ornamenti Spondylus f’dawn is-siti tad-dfin tenfasizza l-importanza tagħhom fil-prattiki ritwalistiċi u t-twemmin kulturali dwar il-mewt u l-ħajja ta’ warajha fis-soċjetà Maltija tal-qedem, li jissuġġerixxi li dal-bebbux partikolari kellu tifsira simbolika u forsi spiritwali matul dan il-perjodu. Id-distribuzzjoni tal-użu ta’ dawn l-oġġetti, kif ukoll il-lokalitajiet minn fejn kienu jinġiebu, it-tekniki ta’ produzzjoni u ħadma, in-networks ta’ kif ġew użati bi tpartit, u r-rwoli soċjoekonomiċi ta’ Spondylus fil-kuntest ta’ Malta preistorika — dawn kollha juru b’mod iktar kumpless li f’dan il-perjodu l-gżejjer Maltin diġà kellhom rwol f’sistema internazzjonali ta’ komunikazzjoni ekonomika u simbolika. Fil-fatt, meta tħares sew lejn id-distribuzzjoni tal-użu tal-qxur ta’ Spondylus, joħroġ biċ-ċar li dawn kienu jipparteċipaw f’waħda mill-eqdem ekonomiji ta’ skambju fuq distanzi twal. Dan ifisser li, għall-biċċa l-kbira tan-Neolitiku Malti, dan l-oġġett kellu preġju kbir minħabba l-fatt li kien jimmarka l-ġisem ta’ min jilbsu jew jindifen bih bħala persuna ta’ status għoli. Kif kien jintlibes eżatt m’għandniex ħjiel: fin-Neolitiku Malti hemm diskrepanza interessanti bejn il-ġisem u t-tiżjin tiegħu fil-kuntest tad-difna, u dak li naraw fil-figurini tal-ġebla. Dawn il-figurini ma juru l-ebda forma ta’ aċċessorji fuq ġisimhom, però jista’ jagħti l-każ li lanqas kienu jirrappreżentaw membri ħajjin tal-komunità.

Iżda l-qxur tal-bebbux Spondylus kien iħabbatha wkoll ma’ ornamenti magħmulin minn tip ta’ ċagħaq jew ġebel spiss ta’ lewn ħadrani, jew iswed fil-griż, li wkoll juri li l-komunità Neolitika f’Malta, jew għall-inqas membri minnha, kellhom kuntatti ma’ barra u kummerċ ta’ skambju internazzjonali. Il-mejtin ta’ Bur Mgħeż kienu jindifnu b’pendenti dekorattivi magħmula minn tip ta’ ċagħaq illaminat forma ta’ ċilindri żgħar jew kważi triangolari. Dawn tal-aħħar spiss jissejħu, fil-letteratura teknika, “pendenti f’forma ta’ mazza” għaliex l-għamla tagħhom tixbah din l-għodda kif kienet magħmula dak iż-żmien (BM/S3 u S4). Jekk din il-konnessjoni hix wisq simplifikata diffiċli tgħid: f’kultura li kellha għal qalbha l-bini ta’ megastrutturi u li kważi f’kull komunità kien hemm proġett ta’ kostruzzjoni dejjem għaddej u li dawn il-proġetti ħolqu distinzjoni partikolari għal din il-komunità, possibbilment anki fama internazzjonali, jista’ jkun li, allura, l-għodda li biha sabu l-identità tagħhom saret metonimu għall-identità tal-komunità nnifisha — illum ukoll, fil-fatt, insejħulhom il-bennejja tat-tempji. Ornamenti oħra minn dan ir-repertorju ta’ prostetika dekorattiva tal-ġisem li tagħti identità qawwija lil dan il-grupp huma dawk magħmulin mill-għadam tal-annimali, ftit minnu maħdum f’pendenti b’inċiżjonijiet dekorattivi fuqhom.

Fil-kamra tal-mapep fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, l-unika mappa li ssemmi lil Bur Mgħeż hija mappa F, mappa ta’ kaverni f’Malta li timmarka l-post ta’ Bur Mgħeż b’ċirku. Hemm il-pjan ta’ Ashby tad-Debdieba u skeċċ żgħir, bil-linka, tas-sit ukoll. Pjanta oħra tad-Debdieba, magħrufa fil-letteratura teknika, hija nieqsa imma J qalli li qiegħda fil-kexxun faċċata. Il-kuratur għaddietli wkoll żewġ files elettroniċi għal fuq it-terminal tar-riċerka. Fosthom hemm żewġ folders tar-ritratti: wieħed minnhom fih ritratti antiki tal-Imqabba, jiġifieri l-knisja parrokkjali u ftit lokalitajiet ċentrali oħra. Il-file l-ieħor, imsejjaħ Arkivju tal-Imqabba, fih żewġ files li huma rilevanti għal dak li kont qed infittex jien. File minnhom huwa ritratt tal-fdalijiet tad-Debdieba; l-istampa turi skeċċ tal-pjanta bil-linka blu, magħmula aktarx fuq il-post. It-tieni jismu “Bur Mgħeż, difniet preistoriċi (fil-Grigal tal-Imqabba). Ma kont rajt l-ebda wieħed minnhom dawn ir-ritratti qabel dakinhar ħlief dak li uża Anthony Pace fid-daħla tiegħu dwar Bur Mgħeż fil-ktieb Malta Before History li jiċċentra l-bokka tad-dagħbien fil-barriera tan-Naxxari u li bilqiegħda fuq is-saqaf tad-daħla naraw il-ħaddiema tal-barriera, x’aktarx l-istess ħaddiema li kienu qed jaħdmu hemm u sabu l-fdalijiet umani fi żmien Tagliaferro. Fost ir-ritratti l-oħrajn hemm wieħed li juri tliet ġuvintur, weqfin wieħed fuq l-ieħor, iserrħu mal-ġenb tal-għoli tal-barriera fejn hemm id-daħla tad-dagħbien, ieħor li juri biss id-depożitu ta’ barriera, u ritratt tal-kustilji u għadam ieħor iffossilizzat, x’aktarx dak l-għadam li Temi Zammit kien kiteb dwaru meta mar jeżamina Bur Mgħeż u qal li tefa’ l-pitrolju fuqhom u ħadhom miegħu l-mużew biex jistudjahom. Iżda għamilt żmien twil inħares sew lejn żewġ ritratti oħra: f’wieħed minnhom jidher Tagliaferro, liebes bil-ġlekk, is-sidrija u l-kappell kif kien soltu tiegħu, u fl-isfond hemm mara b’kappell kbir liebsa l-abjad. It-tnejn qegħdin fil-barriera ta’ Bur Mgħeż, iżda l-għar ma jidher imkien. It-tieni wieħed meħud fl-istess post u fih hemm Tagliaferro wkoll, iżda din id-darba hemm raġel ieħor ħdejh u żewġ nisa fl-isfond, waħda minnhom l-istess mara tar-ritratt l-ieħor. Iżda minkejja dawn ir-ritratti meħudin fis-sit, ma għad baqa’ l-ebda ritratt li juri d-dagħbien-qabar ta’ Bur Mgħeż innifsu u allura diffiċli nifhmu sew fejn kienet id-daħla proprja, jekk kienx hemm iktar minn daħla waħda, u kemm kien fond fil-barriera l-aċċess għalih. Li nafu fiċ-ċert minn dawn ir-ritratti hu li ttieħdu mill-Prof. Ruggiero Falzon f’Mejju tal-1911. Hawnhekk tieqaf il-memorja istituzzjonali tad-dagħbien-qabar fil-barriera tan-Naxxari f’Bur Mgħeż.

Meta wasalt fuq is-sit ta’ Bur Mgħeż biex infittex it-traċċi materjali tiegħu, sibt dik li tidher li kienet ir-rovina ta’ kumpless militari kolonjali Ingliż imdawwar u magħluq b’ċint u xbieki tal-ħadid. Fl-1800, Malta saret protettorat tal-Imperu Brittaniku biex tkeċċi lill-Franċiżi u fil-Kungress ta’ Vjenna tal-1814–1815, il-ħakma Brittanika fuq Malta ġiet ikkonfermata mill-ġdid. Malta baqgħet taħt l-influwenza tal-Imperu sal-1964 meta kisbet l-indipendenza tagħha, għalkemm il-preżenza militari Brittanika baqgħet sal-1979. It-tluq tal-apparat kolonjali minn Malta ħalla warajh ħafna postijiet fi stat liminali, speċjalment kumplessi militari. Matul is-snin, kien hemm min immaġina li t-tluq tal-Ingliżi fisser li Malta kienet saret “proprjetà pubblika”; f’din il-loġika, allura, dak li kien fil-pubbliku kien ta’ kulħadd. Mat-tluq definittiv tal-Ingliżi, mill-ewwel beda ż-żarmar tal-bini kolonjali. Kulħadd beda ġej għal dak li seta’ jieħu: għamara tal-uffiċċju, madum taċ-ċeramika, wajers tar-ram, tagħmir tad-dawl — dak kollu li jista’ jintuża jew jinbiegħ. Il-bini tal-Kuruna ġie mqaxxar; xi wħud mill-binjiet saħansitra ġew żarmati għall-ġebel dekorattiv u xi ġebla artistika bit-tberfil tal-inizjali tar-Re Ġorġ. Stajt nara li Bur Mgħeż ukoll inqabad f’din id-dagħdigħa post/antikolonjali. Jien kont bdejt infittex is-sit fejn kien hemm l-għar tad-dfin Neolitiku iżda li sibt kienu l-fdalijiet ta’ uffiċċji militari Ingliżi u kwartieri li ġew żarmati u l-bini abbandunat li issa waqa’ taħt il-ħarsa tal-Forzi Armati ta’ Malta li jieħdu ħsieb iż-żona madwar MLA Gate 4 tal-ajruport. Il-ħajbu tal-kumpless militari Ingliż li jinsab fil-qiegħ tal-barriera tal-ġebla tal-franka għadu mħares minn Bofors, tankijiet u kumpressuri li għalxejn qed jistennew li xi ħadd jiġi jħenn għalihom. L-evidenza materjali ta’ din ir-rovina kolonjali tidher min-Nissen huts u mit-traċċi effimeri ta’ uffiċċji, dormitorji u mħażen. Bħall-mejtin ta’ Bur Mgħeż, il-ħajja tagħhom issa tinsab biss fil-memorja li qed tmajna tal-Imqabbin, fit-testi storiċi li qed iħassru l-ilħna imperjali, fil-kitba tal-arkeologi tal-istorja moderna, u fil-kantuniera t’għajnejn dawk li jgħaddu mill-Isqaq tal-Isqof biex iqassru t-triq minn Ħal Kirkop għal Ta’ Kandja.

Bur Mgħeż huwa dak li fil-letteratura antropoloġika jissejjaħ “żona ambigwa”, post li l-bijografija tiegħu mhijiex immedjatament leġġibbli. Iż-żoni ambigwi jagħtuk x’tifhem li kienu attivi fil-passat iżda t-traċċi tal-imgħoddi tagħhom ma jrendux biżżejjed informazzjoni biex tifhem biċ-ċar l-iskop speċifiku li kellhom. Fil-każ ta’ Bur Mgħeż, l-ambigwità żżomm lura l-identità li kellu dan is-sit f’xibka soċjali mifruxa, minn dik ta’ użu għall-arkeoloġija, il-patrimonju, il-militar kolonjali, u l-iskavar tal-ġebla tal-franka għal dik tal-immaġinazzjoni, ix-xogħol tas-sess, u l-istejjer tal-waħx. Il-maġġoranza tan-nies tal-Imqabba lanqas taf lil Bur Mgħeż b’ismu; tafu biss bħala l-Barriera tal-Armata, b’referenza għall-fatt li issa l-barriera taqa’ taħt il-ħarsa tal-militar Malti. Iżda bħal kif jiġri spiss f’żoni oħra fejn il-ħin u l-proċessi soċjali u ambjentali jbiddlu t-tifsira tal-post, ir-rovini jġebbdu lejhom bijografiji oħrajn, inqas uffiċjali. Fi tfuliti, il-bini mwaqqa’ u abbandunat li kien hemm Ħal Lija u l-Iklin kien sit ta’ esplorazzjoni u estrazzjoni tal-kalamiti mill-friġis miksura u mixħuta hemm għar-rimi. Il-kalamiti kienu moda fit-tmeninijiet u l-isfida kienet li taqla’ waħda sħiħa minn ġol-lakstu ta’ bieba ta’ friġġ mormija barra. Fejn konna mmorru nħufu għall-kalamiti jien u sħabi, fil-periferija tar-raħal, mill-kmamar imwaqqgħa ta’ ġewwa spiss konna nisimgħu ħsejjes il-qoħob għaddejjin fil-privat-pubbliku tar-rovini. Skont il-memorja ta’ xi wħud, l-għerien ta’ Bur Mgħeż ukoll kienu ġebbieda għal dan it-tip ta’ xogħol, x’aktarx anki minn meta l-Ingliżi kienu qed jaħdmu minn hemm. Dan mhux każ iżolat għal Malta; hemm ħafna postijiet li juru li bażi militari tiġbed il-qoħob. Hemm min jiftakar li x-xogħol kien jiżvolġi fil-kantunieri tal-għerien li kien għad baqa’ qabel il-gafef li ntużaw għat-twessigħ tar-runway fis-sebgħinijiet komplew iqarmċu mill-blat tal-franka li kien għad baqa’ mid-dagħbien wara li ħadet il-bomba fih.

Żoni ambigwi bħal dawk li kienu parti mill-apparat kolonjali f’Malta huma iktar diffiċli tagħmel sens minnhom minħabba li, mat-tluq tal-Ingliżi, kien hemm xi wħud li ma kellhom l-ebda idea ċara dwar is-sjieda tal-art. Ħafna ħassewhom intitolati għal biċċa plott u ma damux ma ħadu li sabu għalihom infushom biex jagħmlu d-dominju żgħir tagħhom. Missier Frans jgħidli li meta telqu l-Ingliżi, l-affordanza tal-bini mitluq, midrub, irvinat, kien hemm min fehemha b’mod li qabillu sew: spiss inkun miexi fl-imwarrab u ninnota, xhar wara xhar, sena wara sena, l-istrateġija li tiġi użata minn dawk li jfittxu jikkapparraw l-art għad-dominju żgħir tagħhom. Bħallikieku teżisti setta sigrieta li tgħallimhom l-istrateġija tal-approprjar bit-tfesfis: l-ewwel li jiġu mqiegħda huma serbut bricks tul il-perimetru tal-plott, imbagħad karozza żdingata jew xi dgħajsa mqarqċa bix-xemx, u wara t-tankijiet tal-ilma tal-ħamsin. Jinżergħu l-ful, il-buqari, u x-xtieli tal-ward. Imbagħad, bil-mod il-mod, jibdew jinbnew “strutturi temporanji”. Wara ftit, dawn l-istrutturi jiġu estiżi għal dawk permanenti bħal ħitan għolja li jaħbu l-attivitajiet tal-bini għaddejjin ġewwa. Dan jidher li ħareġ mill-ħeġġa antikolonjali li ta’ spiss kienet tattakka ’l-Ingliżi talli għamlu tagħhom l-art kolonjali u issa dar f’sens ta’ intitolament għall-akkwist ta’ art b’xejn li għadu attiv f’ċerti ċrieki f’Malta. Forsi magħhom ġiet ukoll l-estetika ta’ bini ad hoc, kemm bħala forma arkitettonika ta’ reżistenza għal-linji klassiċi tal-imperu kif ukoll bħala espressjoni ta’ kontroll individwali assolut fuq l-ispazju pubbliku.

Fl-inħawi ta’ Bur Mgħeż, l-akbar kumplessi ta’ barrieri jinsabu madwar ir-runway tal-ajruport. L-estrazzjoni hawn bdiet eluf ta’ snin ilu; illum kapaċi tkun miexi u jekk tipprova taqra l-pajsaġġ b’ħarsa storika, tintebaħ li hemm megaliti Neolitiċi jew mal-ġenb tat-triq jew użati fi strutturi ta’ bini modern. Oħrajn maqsumin u mqiegħda fiż-żaqq tal-ħitan tas-sejjieħ snin ilu. Meta daħlet teknoloġija ġdida tal-qtugħ tal-blat sar possibbli li, b’mezzi mekkaniċi ta’ estrazzjoni, il-fond tal-barriera jibqa’ nieżel sa mitejn metru. Fix-xogħol tiegħu “Raħal/Barriera”, Emvin Cremona fehmu sew dan l-abbiss ġeoloġiku taħt saqajna, dan it-terrapien ta’ organiżmi mejta, mgħattna u magħġuna fi franka bil-pressa taż-żmien. Taħt saqajna, il-qabar ġeoloġiku tal-franka, difna kollettiva tal-qxur ta’ mikroorganiżmi globiġerina u algi kalkarji tal-baħar. Meta tħares minn fuq ’l isfel ġo barriera tal-franka, però, tinduna li s-saff antropoċeniku ma jinqarax biss bħala dak li kkolonizza wiċċ l-art, iżda wkoll bħala dak li fannad għemilu ġewwa laħmet il-ġebla. Huwa ġmiel u terrur fl-istess ħin, il-vertiġini li ddawwarlek ħarstek f’endoskopija tal-art, li tikxef il-baħħ li fuqu nbena kull diskors ta’ identità, nazzjonaliżmu u ċittadinanza. Imma ġaladarba jintlaħaq il-qiegħ tal-ġebla tal-franka, ix-xogħol tal-estrazzjoni jieqaf. U t-toqob tal-barrieri madwar Bur Mgħeż fejn l-estrazzjoni tal-ġebel waqfet, issa jintużaw bħala ċimiterji-miżbla tal-karozzi. Bi ftit flus, karozzi li ġarrbu ħsarat kbar f’inċidenti tat-triq jistgħu jiġu midfuna hemmhekk, u l-panel beaters jiġu jagħmlu l-iskavi estrattivi tagħhom biex isibu parts tal-karozzi bi prezz tajjeb. Sedili, mudguards, bumpers, bibien, mirja… U l-barriera tibqa’ trendi.

Meta tagħmel ix-xita, l-ilma li jaqa’ fil-barrieri jinġabar fi ġwiebi żgħar maqtugħin fil-qiegħ tal-franka, u fil-barriera ta’ Frans ilmaħt papru li beda jtir lejn il-ġiebja kuljum. Madwar il-ġiebja, il-ħajja veġetali tibda tinbet. Kultant iżżur xi daqquqa tat-toppu, liebsa kannella, abjad u iswed, tisserdaq fuq pipe tal-plastik ikkulurit. Il-karozzi midruba, żdingati u mitluqa jimtlew bit-trab tal-franka, bħal ġisem tarbija miksi bit-terra, u jfakkruni fi fdalijiet petrifikati ta’ foresta fil-Libja, siġar mumja minn passat imbiegħed li qatt ma ltaqa’ ma’ bniedem. Bħall-franka li titraħħam bil-likeni, ix-xarabankijiet sofor tal-Leyland jibdew jitqaxxru, jistrieħu fuq ġenb wieħed, u toħorġilhom dabra fuq dabra sadid li timmetastasizza, tiġri u tinfirex. Minn fuq, il-krejnijiet tal-kostruzzjoni jħarsu taħthom lejn dan it-teatrin mistur minn għajn it-triq. F’waħda mill-barrieri fid-daħla tal-Isqaq tal-Isqof, int u ġej min-naħa ta’ Ħal Kirkop, hemm bini għajjien u mitluq, skeletru tal-konkos jgħasses uffiċċju fejn isir il-bejgħ tal-parts. Hawn min jgħid li forsi dan il-bini, li bħalu spiss tara fin-naħa t’isfel tal-Italja u fil-Libja, jispiċċa mitluq hekk għax jibda jittella’ mingħajr permess, bl-idea li l-ministru, imbagħad, jgħaddilek kelma biex il-binja tiġi regolarizzata mal-awtoritajiet u l-permess joħroġ retroattivament. Hemm oħrajn li jgħidu li dan huwa investiment ħażin, li min kien beda l-proġett nixfulu l-assi. L-estetika ta’ bini mitluq fin-nofs u meħud mill-proċessi ta’ rovina issa daħlet fl-immaġinarju kollettiv, u bħall-estetika ta’ bini ad hoc, ġiet normalizzata.

Is-sit ta’ Bur Mgħeż jisfida l-bijografija arkeoloġika stretta tal-post; huwa proprju l-istatus ontoloġiku tiegħu bħala rovina li żamm lill-arkeoloġija milli tapproprjah u għalhekk tillimita l-impenn tiegħu mal-inħawi ta’ madwaru u mal-memorja tal-komunità li tiftakru. L-ambigwità materjali u bijografika tal-post, għalhekk, issalvah mill-politika tal-patrimonju mmexxija mill-kapital li jbiddel is-siti f’parks għat-turiżmu. Kif inhuma llum, il-fdalijiet huma parteċipi kif ukoll aġenti attivi fit-trasformazzjoni u l-użu mill-ġdid tal-ispazju tal-barriera. Dan iqajjem riflessjoni fuq il-memorja u t-telf fi ħdan il-komunità tal-Imqabba. Bl-istratifikazzjoni kumplessa tiegħu, min-Neolitiku sa żminijiet moderni, Bur Mgħeż joffri metafora li forsi tista’ tgħinna nagħmlu sens mill-fdalijiet bħala palimpsesti li fihom insibu narrattivi u tifsiriet multipli, kull saff jiżvela aspetti differenti tal-interazzjoni tal-bniedem mal-ambjent filwaqt li l-perċezzjonijiet differenti tal-materjalità tal-ġebla tal-franka — kemm bħala riżors, kif ukoll bħala simbolu tal-wirt kulturali, jew kodiċi semjotiku ta’ rovina — jenfasizzaw in-natura suġġettiva u effimera ta’ kif nifhmu u nivvalutaw id-dinja materjali. Fl-istess ħin, Bur Mgħeż jisfida wkoll lill-arkeoloġija biex issib metodi li bihom tkun tista’ “taqra” u tifhem siti li għebu għalkollox jew kważi.

Iżda l-fdalijiet mhumiex strutturi fiżiċi u materjali biss; meta nersqu viċin, kemm fil-memorja istituzzjonali tagħhom kif ukoll fl-eku tal-komunità, naraw li huma mimlijin bi storja politika u soċjali. Il-ħeġġa post/antikolonjali għall-materjali mill-fdalijiet, il-kostruzzjoni ta’ bini mingħajr permessi bħala forma ta’ teknoreżistenza jew intitolament, u l-użu ta’ fdalijiet għal diversi attivitajiet soċjali leċiti jew le, kollha jindikaw li r-rwol multidimensjonali tal-fdalijiet isaħħaħ id-dinamika soċjali tal-Imqabba. Hemm ukoll l-aspetti psikoloġiċi tal-fdalijiet: dawn jikkostitwixxu spazji kemm ta’ biża’ kif ukoll ta’ faxxinu, imsaħħra bl-iħirsa immaġinati tal-passat jew li jeħtieġu l-konġettura tagħhom biex jippermettu li l-ispazju jimmanifesta l-affordanzi kollha tiegħu. Din id-duwalità tirrifletti faxxinu uman usa’ bir-rovini u l-mewt, u tenfasizza l-fdalijiet bħala spazji li jqanqlu affett u emozzjonijiet kumplessi.

Il-fdalijiet ta’ Bur Mgħeż jirrappreżentaw ukoll amnesija kollettiva. Il-maġġoranza tan-nies li ma jafux lil Bur Mgħeż b’ismu hija indikazzjoni ta’ tbegħid mill-passat, vojt li l-ħajja veġetali tibda tirkupra għaliha, u tibda tgħix u titkattar fil-barriera ta’ Bur Mgħeż mal-fdalijiet militari. Dan jagħtina idea ċkejkna tal-kapaċità tal-veġetazzjoni li tadatta u tittrasforma strutturi magħmula mill-bniedem. Dawn l-aspetti ekoloġiċi huma sinifikanti għaliex jirrappreżentaw taħlita ta’ elementi magħmulin mis-simbjożi bejn il-bniedem u l-ekosistemi ta’ madwaru, u jiżvelaw l-ekoloġija tal-proċessi ta’ rovina unika għalihom. Dan jissuġġerixxi li hemm bżonn ta’ ħarsa usa’ u forsi aktar inklussiva tal-arkeoloġija, waħda li tirrappreżenta l-interazzjoni tal-oġġetti mal-ambjenti ekoloġiċi tagħhom. Fl-istess ħin, il-fdalijiet jibqgħu jokkupaw post ċentrali fid-diskors dwar id-dikolonizzazzjoni, jipproblematizzaw ir-rabta tal-Maltin mal-art u d-dritt għal post materjali fid-dinja. Id-diffikultà li hemm biex issib id-dokumentazzjoni relatata mal-okkupazzjoni kolonjali u d-dannu li sar fl-għar Neolitiku matul it-Tieni Gwerra Dinjija, kif ukoll il-fdalijiet umani mis-sit innifsu li hemm maqfula f’mużewijiet Brittaniċi, iqajmu mistoqsijiet kbar dwar fejn jinsab l-arkivju ta’ Bur Mgħeż, l-etika tal-preservazzjoni, il-valur tad-dokumentazzjoni ta’ siti storiċi, u l-poter li jgħarraf in-natura selettiva ta’ dak li jiġi ppreservat jew imfakkar.

Illum, Bur Mgħeż jgħassu uffiċjal tal-armata ta’ Malta, daqqa bil-pass u drabi oħra minn karozza komda u bla ħoss, idur dawra mal-qiegħ tal-barriera tan-Naxxari, u jlebbet ’l hemm fid-dlam. Min jaf jekk jismax l-għajjat u l-biki li semgħu l-Imqabbin ħiereġ minn ġod-dagħbien tal-franka tul is-snin? Min jaf jekk rifisx xi sinna li ħarbet minn id Tagliaferro jew xi qoxra ta’ baħbuħa li nħallet minn għonq wieħed mill-mejtin ta’ Bur Mgħeż? Min jaf jekk xi kultant, fil-ħemda ta’ lejl Imqabbi, jaħsibx li sema’ tisfira minn suffara tal-għadam u t-tgedwid tal-Mija jitkellem man-naħal, jirrakkuntalhom l-istorja ta’ Bur Mgħeż u l-intriċċi ta’ Napuljun Tagliaferro, Temi Zammit, Michele Zammit in-Naxxari u l-imbierka Mensa Vescovile? Id-dfin tal-għeżież tagħna u tal-memorji tagħhom qatt mhu affari sempliċi u bla kumplikazzjonijiet. Fuq l-Għolja tal-Ħorr, iż-żieda ta’ kważi tlett elef qabar ieħor fl-2023 xegħlet dawl fuq il-ġejjieni tad-dfin fil-ġebla tal-franka. Filwaqt li f’Malta għaddejjin bir-retorika tal-iskarsezza tal-art u t-tgergir fuq kemm ma baqax spazju biex iċ-ċimiterji tal-irħula jiġu estiżi, ħiereġ ukoll id-diskors ta’ x’tip ta’ dfin għandu jkun hawn biex inkunu nistgħu nimmaġinaw u nikkoreografaw il-vjaġġ postumu tagħna f’paradigma ta’ sostenibbiltà. Dan qed jitħabbel ukoll ma’ esiġenzi ta’ komunità ta’ denominazzjonijiet diversi li qiegħda dejjem tikber. Il-mod ta’ kif naħsbu dwar il-mewt u d-difna ta’ qrabatna u tagħna stess, issa li qed jonqsu l-oqbra tal-franka — u jagħlqu l-barrieri — qed issir prattika li dwarha hemm bżonn ħsieb u djalogu. F’dan il-kuntest, l-entużjażmu jew ir-reżistenza lejn il-kremazzjoni ma tissorprendi xejn. Il-materjalità tal-ġisem fil-proċess ta’ kif insiru suġġetti mejta ħadet xejra iktar reżonanti meta sibt ruħi nħares lejn daħla fil-ħajt fuq l-Għolja tal-Ħorr li meta dħalt bil-moħbi fiha, sibt ruħi f’waħda mill-kannierji taċ-ċimiterju. Laqagħni d-dlam assolut ta’ taħt il-mawżolew, xgħelt id-dawl tal-mobile, u għaddejt minn purtiera ta’ għanqbut li daħlet ġo mnifsejja u tgħaqqdet ma’ wiċċi u ma’ ħwejġi. Inżilt it-taraġ li jagħti għal kamra tawwalija b’saqaf kollu ħnejjiet, u dawwart id-dawl lejn il-kantuniera viċin tiegħi. Ilmaħt żewġ twiebet mgħattnin u mixħutin fir-rokna u xi xkejjer sofor tal-plastik mgħaffġin u mormijin maġenbhom. Komplejt nimxi ’l ġewwa, fir-riħa ta’ umdità mill-franka sotterranja, u taħt saqajja bdejt inħoss tumbati li bdew iqarmċu. Infaħt fuq l-għanqbut li kien qed jgħatti kollox bħal sħaba ta’ nida fl-għelieqi u fid-dawl klinku abjad inkixfu iktar twiebet, xkejjer sofor, u eluf ta’ biċċiet tal-għadam tawwali, kustilji, u snien taħt saqajja. Kranji jħarsu lejja. Oħrajn ta’ taħt fuq. Oħrajn imfarrkin jew maqlubin. Xedaq fuq ieħor fuq munzell irkiekel tad-dahar ħdejn pelvi bin-nofs tond li tista’ twelled minnu. Baxxejt biex nara kemm kien fond dan id-dfin kollettiv, naqla’ l-għanqbut u nneħħi l-ixkejjer sofor u l-biċċiet tat-twiebet min-nofs: id-deffiena naddfu l-oqbra kollettivi, ġabru l-għadam fi xkejjer tal-plastik, u xeħtuhom hawn bl-addoċċ f’qabar tal-massa. Ħsibt ftit jekk dan il-ġest għandux ukoll jitqies bħala parti mill-koreografija ta’ ġisimna wara l-mewt, l-obliterazzjoni tal-identità b’mod assolut, dik li tant ħdimna u ġġilidna għaliha f’ħajjitna, issa mixħuta f’toqba taħt l-art, tistenna li titħassar l-aħħar traċċa tas-suġġettività materjali ċkejkna li jibqa’. Ix-xiri tal-qabar jipprovdi protezzjoni minn dan it-tip ta’ difna: l-għadam ta’ dawk li investew fil-kamra tal-ġebla tal-franka jibqa’ jindika li l-persuna qiegħda hemm, li l-materjalità tagħha għadek tista’ taċċedi għaliha, li parti minnha għadha hawn, marbuta mal-art, mal-preżent, ma’ dak li ħalliet warajha. L-oħrajn intilfu f’kollettività anonima, issa biss ritratt fuq lapida tal-irħam, isem, u n-numri ta’ meta waslu u telqu. Dawwart ħarsti warajja, u rajt id-dawl tat-toqba li tagħti għall-barra tal-kannierja tal-Għolja tal-Ħorr li kont dħalt minnha. Imxejt lura lejha u ntbaħt li wara l-mewt ta’ ommi, issa jonqos jiena biss, l-aħħar wieħed hawn minn familja ċkejkna ta’ tnejn, hi u jien. X’se nieħu miegħi fid-dar tal-eternità barra l-għadam li hemm ġo fija jżommni wieqaf, barra xedaq snien, dawk li għadhom minn tiegħi kif ukoll dawk taċ-ċeramika li invitawli ġo ħanek mimli bl-għadam ta’ ħaddieħor, pendent tal-bebbux tal-baħar li nġorr madwar għonqi, u misluta tad-deheb imgeżwra mal-widna tax-xellug? Ommi kienet kollezzjonista tal-memorji: ritratti, riċetti, kitbiet, ħwejjeġ, kartolini, qtugħ mill-gazzetti ta’ kitbiet li kont nagħmel jien f’żgħożiti, kalzetti, xalel u kutri maħduma bil-ġanċ, diski, ċwievet, fwejjaħ… Repertorju ta’ oġġetti li kull wieħed kien jiftaħ dinja enormi ta’ ħajja tremenda, ta’ ħajja maqbuda tixxengel u titbandal bejn l-esperjenza bla rażan u r-riflessjoni axxetika fis-skiet. Bejn saħħa u dawl. Bejn mard u stojċiżmu żonqri. U jien, hawn, l-aħħar werriet tal-memorji tagħna. Xogħli hu li nsib il-kuraġġ li nidfinhom fit-trab tal-franka kif dfint lilha .

Ħafja  — 

blat… ċagħaq… bebbux…

ramel… ġebel ċkejken

iħallu l-għeliem ritmiċi

f’qigħan saqajja,

u ġewwa l-fond sieket ta’ moħħi  —  

nipprova nimxi

minn ġewwa l-millennji

ta’ ġeografija li dejjem

tniedi l-bidla.

Marlene Saliba – “Xbihat taż-Żmien

Ħajr lil Sharon Sultana u ’l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija għall-aċċess biex stajt nieħu r-ritratti tal-fdalijiet. “Raħal/Barriera” ta’ Victor Fenech hija meħuda minn Sangraal,  pubblikazzjoni Bugelli 1987. Fenech kellu x-xogħol “Raħal/Barriera” ta’ Emvin Cremona u kiteb il-poeżija dwaru. The Archaeology of Crete, il-ktieb ta’ John Pendlebury li tant influenza li J.D. Evans kien pubblikazzjoni Methuen 1939. Malta: The Maltese Islands and Their History ta’ Temi Zammit, kien ippubblikat mill-Malta Herald fl-1929. The Stone Age of Mount Carmel ta’ Dorothy Garrod et al, ħareġ f’żewġ volumi, bejn l-1937 u l-1939 u kien ippubblikat mill-Clarendon Press, f’Oxford. The Dawn of European Civilisation ta’ Gordon Childe, oriġinarjament ippubblikat fl-1925, huwa disponibbli f’edizzjoni ppubblikata minn Routledge fl-2013. Prehistoric Antiquity of the Maltese Islands: A Survey ta’ J.D. Evans kien ippubblikat mill-Athlone Press fl-1971. Għal dan l-esej ikkonsultajt Malta Before History : the world’s oldest free-standing stone architecture, Daniel Cilia editur, pubblikazzjoni Miranda 2004, kif ukoll Zammit of Malta ta’ Roger Ellul-Micallef , Allied Publications 2013. “Xbihat taż-Żmien” ta’ Marlene Saliba hija meħuda minn Xbihat tal-Antenati, li ħareġ fl-2011.

Dekorazzjoni art-nouveau