Il-ħitan bojod joqtluk naqra naqra kuljum. Tipprova ma tismax is-skiet, itanbar stinat tul il-kurituri, iżda t-tektik ħafif fuq il-keyboards, it-tpetpit solitarju tal-cursor, l-ilħna mbiegħda f’uffiċċju minnhom jibqgħu ma jidfnuhx. Fil-kamra tal-arkivji xi ħadd jixgħel il-photocopier, li tobżoq folja wara l-oħra, mimlija ċifri, kliem kbir kollu rpużat, taħbiliet ta’ ideat suġġeriti u konsiderazzjonijiet meqjusa f’dokumenti Taljanizzati tal-Unjoni Ewropea. It-terremot f’Haiti, il-kriżi finanzjarja, il-faqar dinji, l-iżvilupp fil-pajjiżi eks-Komunisti, il-bidla fil-klima, id-dinja li qed titbaskat, tinstamat, tinħall f’taħlita tossika ta’ plastik jinten, jaħraq l-imnifsejn, jistordi l-menti, iżarrat ix-xagħar, inixxef il-ġilda. U l-photocopier tofroq karta minn oħra, tifrixhom pulit fuq xulxin bħal suldati stenduti, nodfa, stirati, bojod bħal-lożor. Il-ħoss tal-magna jkompli jħeddlek, mill-uffiċċju ta’ ħdejk tasallek konverżazzjoni bil-Franċiż.