Insalata

Noah Fabri


Fis-salott

al tlett iljieli bejn Awwissu u Ottubru 2023, bħala parti mill-wirja The Wind Blows Waves… In All Directions, ikkurata minn Bobb Attard u Dali Aguerbi, jien għamilt insalata għal udjenza miġbura fi Spazju Kreattiv u tkellimt fuq ir-relazzjoni bejn l-ikel u l-ġeneru.

Għamilt l-ewwel verżjoni ta’ din il-performance Klabb Ħawaj f’Settembru tal-2022, u kont naf li kelli bżonn naħdem fuq l-istruttura teatrali tagħha, anki jekk l-ideat teoretiċi kienu ilhom iberrnuli. Jien u nipprepara għall-verżjoni l-ġdida, qsamt dan il-ħsieb ma’ ħabibti Michela u spiċċajna noħorġu b’ħafna ideat u ħafna ġenn ukoll. Nibqa’ nafhulha għas-suġġerimenti li tatni u tal-entużjażmu tagħha biex inkompli niftaħ u nesperimenta.

Bobb u Dali fasslu s-sala fejn ħdimt bħala s-salott tan-nanna. Poġġew sufan aħdar wara mejda, taħt pittura tal-Madonna, xogħol Nik Keter, magħmula bil-crayons. In-naħa l-oħra tal-kamra qiegħdu televixin juri x-xogħol ta’ Romeo Roxman Gatt, Sweet Home Chicago, fejn l-artist ippreżenta video minn ċkunitu, jiżfen mad-diska famuża liebes ta’ rocker. Fuq il-mejda ġbart l-ingredjenti: tadam, ħjara, tewm, lewż, bżar u melħ, għasel, ħabaq jew tursin u nagħniegħ (skont l-istaġun — l-ewwel performance saret f’Awwissu, l-aħħar waħda f’Ottubru), żejt u ħall balsamiku. Ħafna minnhom kont xtrajthom mill-ħanut tal-ħaxix ta’ ħdejja.

Xħin daħlet l-udjenza lqajthom daqslikieku kienu daħlu għandi, u bdejt inqatta’ t-tadam. Għedtilhom li xtaqt nesplora l-konnessjoni bejn l-ikel u l-ġeneru għax l-espressjoni tiegħi tal-ġeneru ħadet ħafna mill-mod ta’ kif kienet issajjar nannti u kif għallmitni ommi.

  • Ikel għal insalata, fliexken u vażetti. Imgħaref tal-injam li tużahom darba, u platti tal-kartun fuq mejda sewda. Fl-isfond, nies f'gallery.
    Ritratt meħud minn Maya Aarohi
  • Sitt tadamiet, ħjaru, bsala u tewm. Skieken, mgħarfa, injama tal-ħobż u nagħniegħ f'kaxxa tal-plastic tas-supermarkets.
    Ritratt meħud minn Maya Aarohi
  • L-artista, b'xagħar twil, dublett u top taċ-ċineg tagħmel insalata. Udjenza mdawwra magħha.
    Ritratt meħud minn Maya Aarohi
  • Tadam, ħjaru, bott fażola, fliexken taż-żejt u l-ħall. Mara fuq sufan aħdar tħares lejn il-mobile. Kartellun żgħir; b'ittri bojod fuq sfond iswed jidhru l-kliem "Noah Fabri" u "Insalata".
    Ritratt meħud minn Maya Aarohi

L-għerf imġissem tan-nisa

Ħames snin ilu, meta wasalt lura minn tliet xhur Londra, kont qattajt l-isbaħ xahar nosserva lil ommi fil-kċina, nitgħallem mingħandha r-riċetti li għadhom il-bażi tat-tisjir tiegħi. Konna qattajna ġurnata nsajru għal party tal-Milied, nisimgħu r-radju, nikkummentaw u nsiru nafu ’l xulxin bħala bnedmin u mhux biss bħala omm u binha.

Dan huwa l-ewwel punt: in-nisa tradizzjonalment u storikament iħaddnu l-għerf imġissem, mhux miktub, ta’ ġenerazzjonijiet ta’ riċetti u tikwis fil-kċina li l-Istorja tal-irġiel ma tagħtix kashom. Dan l-għerf jista’ jiftaħ tieqa għal perċezzjoni tad-dinja għalkollox differenti minn dik tal-irġiel; dinja iktar ċiklika, li timxi mar-ritmi tal-ambjent tal-madwar. Din il-perċezzjoni tagħraf il-konnessjonijiet bejn kull għamla ta’ kreatura, taħseb fuq il-kunċett tal-użu b’mod iktar sostenibbli, u di natura tmur kontra l-ħsieb estrattiv u akkumulattiv tal-kapitaliżmu. Inħoss rabta diretta bejn ommi u nannti fil-mod ta’ kif ġisimna jġib ruħu fil-kċina (kif inqattgħu l-ingredjenti, l-ordni li biha nipproċedu, kif inkejlu bl-għajnejn — affarijiet li ma tgħallimt mill-ebda ktieb ħlief billi osservajt lil ommi fil-kċina), u din ir-rabta bejn l-iġsma nsibha interessanti ħafna meta tikkunsidra li jien twelidt f’ġisem maskili.

Minħabba l-valur sensorju tiegħu, u anki l-valur liminali — ħloqt xi ħaġa, tatek il-ħajja, sparixxiet — l-ikel għandu poter kbir fuq l-immaġinazzjoni u l-konnessjonijiet li nagħmlu. Għal ħafna nies l-iktar memorji nostalġiċi jintrabtu mal-ikel sal-punt fejn il-memorja tista’ tinftiehem bħala sens bħas-smigħ u x-xamm. U dawn il-memorji potenti jixhdu dak kollu li hu importanti fis-soċjetajiet u l-komunitaijiet tagħna. Għall-komunitajiet tal-Afrika tal-Lvant f’Malta, pereżempju, ristorant bħas-Selam tal-Ħamrun isir teatru fejn jiftakru fid-dar. Il-pajsaġġ tas-sensi joħloq dawn il-memorji, u l-koka sidt il-post issir bħal omm li tieħu ħsieb il-komunità. Ħafna Eritreani jmorru r-ristorant biex jieklu l-inġera biss ta’ darba kull tant, imma meta jmorru, iħossu l-importanza li jieklu flimkien, idumu nofstanhar jiftakru u bi kliemhom u għemilhom joħolqu identità ġdida ta’ Eritreani f’Malta.

Il-memorja fl-ikel tinfed b’mod iktar sottili. Jien u nagħmel l-insalata kont qed niftakar, mingħajr ma kelli għalfejn nitkellem, sempliċiment billi nirrepeti b’ġismi l-azzjonijiet li għaddewli ommi u ommha. Meta nikkunsidraw l-ikel, irridu naħsbu fuq lingwa sħiħa mhux mitkellma, irridu naħsbu fuq il-ħin b’mod differenti, irridu nidħlu fi ħsieb fuq livell għalkollox differenti minn dak kapitalist li jorganizzalna l-ħajja ta’ kuljum fid-dinja pubblika tal-lum. Fil-verità, fil-privat u fi ċrieki żgħar, kull wieħed u waħda minna għandna l-possibbiltà biex naħsbu b’ontoloġija kompletament differenti minn dik tal-Illuminiżmu. U iktar ma nsajru flimkien u naqsmu l-ikel u l-għajnuna bejnietna, iktar dawn iċ-ċrieki nistgħu nkabbruhom.

L-ikel jgħaqqad u jagħti dar u post għall-kenn lil min joffrih u jaqsmu. Huwa importanti li nagħrfu l-valur politiku li nieħdu ħsieb xulxin, xi ħaġa li t-teorija femminista ilha tinsisti dwarha. Meta taqsam ikla kważi dejjem tkun qed toħloq familja, u għalija l-familja ta’ veru tinħoloq meta nieklu flimkien b’mod intenzjonali.

F’nofs il-pandemija jien u Michela sajjarna ikla tal-Milied għal sħabna. Ivvintajna menù daqsxejn miġnun u morna s-suq tal-bdiewa, Ta’ Qali t-Tlieta waranofsinhar, biex nixtru l-ħaxix m’għand Pawlu. Imbagħad waqafna l-PAMA għall-bottijiet, l-inbid għall-mulled wine u l-ġobon vegan. Wasalna għand Michela u bdejna nsajru. Semmejna lilna nfusna z-zija Gloria u n-neputija Rebecca, u bdejna nalternaw min hi min skont min kien jaf ir-riċetta l-iktar. Għamilna soppa tal-faqqiegħ u kejk tal-Campari, rajna episodju ta’ Dejjem Tiegħek Becky, irqadna, qomna kmieni, indunajna li ma kellniex miżien, morna nixtru miżien, għamilna ħobża, żewġ insalati, sweet potato u qargħa ħamra l-forn, brunġiel moqli b’zalza tal-mustarda — imbagħad ġew sħabna u domna sa filgħaxija nfewħu d-dar bi stejjer, logħob, mużika, u, sintendi, ħafna ikel.

L-għerf tan-nisa jirrikonoxxi li l-ikel huwa xi ħaġa ħajja li l-ħin kollu qed terġa’ ssir. L-ikel ma jemminx fit-tradizzjoni, għax waqt li jien qed nirrikonoxxi lil ommi u ’l nannti, kull ikla li nsajjar qed insajjarha fil-preżent bil-kuntest marbut madwari, ma’ ħajti, mal-individwalità tiegħi, u mal-abbiltajiet tiegħi. L-għerf tan-nisa, avolja huwa qawwi fit-tradizzjoni tiegħu, huwa wkoll fluwidu u jirrikonoxxi li kull mara biddlet u żiedet u ħolqot xi ħaġa ġdida kull darba li sajret. Għalhekk, skont l-ambjent u ż-żmien, l-ikel jinbidel.


Il-futur kwir tal-ikel

Qed ngħixu fi żmien fejn ir-regħba u l-ħsara fuq il-pjaneta li bdiet mill-Ewropa ħames mitt sena ilu waslet f’punt fejn il-kitla qed tagħli. L-ikel issa jissimbolizza wkoll l-inugwaljanza u l-inġustizzji tal-katini tal-provvista u l-kapitaliżmu globali, il-ħela u l-ġuħ, u l-ikbar deċiżjonijiet politiċi li għandna bżonn nieħdu huma dwar l-ikel. Meta ngħid li xtrajt il-ħaxix m’għand il-ħanut ta’ ħdejja, qed infiehem li hu ġabu jew minn barra jew mill-pitkalija, u kull tadama kellha storja kkumplikata mill-art li nibtet fiha sal-vjaġġ li ħadet biex waslet fuq mejda f’nofs Spazju Kreattiv, vjaġġ li ħafna drabi involva l-isfruttar u l-ispostament ta’ popolazzjonijiet sħaħ. Faċli naqgħu fin-negattività jekk nassumu li l-istrutturi fundamentali tas-soċjetà tagħna huma l-uniku mod kif nistgħu ngħixu. Imma waqt li l-kapitaliżmu jiekol lilu nnifsu, aħna nistgħu nħarsu lejn il-prodotti tal-ikel u nibnu dinja ġdida. F’dal-punt għedt lill-udjenza li hemm programm fuq ir-radju li nħobb nisma’ dal-ħin. Xgħeltu, u nstema’ leħen jgħid:

Dawk kienu l-aħbarijiet tas-sebgħa nieqes kwart, miegħi Keith Borg Delicata Ragonesi. Issa fuq l-istazzjon transnazzjonali, Ġorġa Permesso taqra “It-Tfal Tal-Lum”, storja kommoventi mill-pinna ta’ Fannina Klima.

Imbagħad l-istess leħen jisgħol u jibda jirrakkonta:

It-tfal tal-lum qed ifaqqsu minħabba li l-antenati kattivi tagħna niġġsulna l-ambjent. Ħutna l-mikrobi li qed iniżżlu l-plastik qed juruna li m’hemmx futur, u din hija l-isbaħ ħaġa li jistgħu jgħallmuna.

Bambinananna hija waħda minn dawn it-tfal, mikroba li timraħ fl-oċean. Ħutha l-ħut u l-bnedmin li m’għażlux li jimtlew tossiċità u ADHD, imma xorta mtlew u nbidlu u saru la ġenba, isellmulha kull filgħodu meta tmur tixtri ġelat tal-kuġin m’għand il-Maypole.

Bambinananna m’għandhiex missier u omm imma għandha ħafna ġenituri u ħafna aħwa. Darba lmaħtha tiżbokka għal naqra arja max-xatt ta’ Wied il-Għajn. Għedtilha, “Bambinananna, x’taħseb inti fuq it-tfal tal-lum, u fuq id-dinja li se jirtu t-tfal tat-tfal tagħna?”

Il-kuċċla mikroba tatni ħarsa mħassba, u qaltli, “Din tat-tfal tat-tfal qatt ma stajt inniżżilha. Ir-riproduzzjoni tal-familja nukleari mhijiex sostenibbli, u jekk tħares minn dik il-lenti, id-dinja se tispiċċa. Id-dinja qatt ma kienet tiegħek, ma tistax tintiret. Imma — ”

“U ejja, Bambinananna — ”

“Iva ismagħni waħda, ħaqq Alla, għandi raġun — qed ingħidlek, l-istituzzjoni tal-familja u l-kapitaliżmu estrattiv huma ħaġa waħda, id f’id, waħda tgħin lill-oħra sakemm it-tnejn jisplodu! Liema tfal immaġinarji qed jissalvagwardjawhom il-politiki tal-kumpaniji li għala żobbhom minn kull tifel u tifla li qed jgħixu bħalissa, taparsi d-diżastri għadhom iridu jiġu u mhux qed naffaċċjawhom illum stess? Ara int, kisser dik il-mentalità tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin u ħares lejn il-preżent — aħna nistgħu nkunu t-tfal tagħkom ukoll. Twelidna minħabba fikom, fuq kollox. U bħalkom ġisimna ġie la ġenba. Iċċelebra l-vitalità tal-ħajja li tiżbokka kontra kull ostaklu, ta’ kull ġisem poruż li ma jagħmilx sens taħt il-kategoriji.

“Insellimlek, Bambinananna. Il-ġurnata t-tajba, għedt jien, u bqajt nimxi bla nifs sakemm — 

Hawnhekk iddeffist jien, “Ġorġa!”

Haw’.

“Għala tlaqt, man, irrid nismagħha.

Eee… ħarbitli, qabżet lura l-baħar. Inkomplu bir-rakkont. Komplejt fi triqti tul ix-xatt u ma domtx ma sibt rizza titħeddel fix-xemx.

Webbist rasi, tfejt ir-radju, u komplejt inqatta’ l-ħaxix. Staqsejt lill-udjenza jekk fehmux x’qalet il-mikroba u jekk jaqblux magħha. Ma sibthiex faċli biex noħroġ is-sugu tal-istorja jien u nqatta’ t-tadam, imma issa li kelli daqsxejn iktar ħin nirrifletti fuqha naħseb li nista’ ngħid xi ħaġa hekk:

Ġisimna qed jinbidel, bil-mod, bis-saħħa tal-ammont ta’ prodotti tossiċi li l-korporazzjonijiet tefgħu fil-baħar u fix-xmajjar u li aħna nsibu fl-ikel tagħna. Il-ġisem tal-bniedem m’għadux l-istess bħall-ġisem ta’ ftit ġenerazzjonijiet ilu, u iktar ma ninteraġixxu ma’ ħlejjaq li ħloqna aħna jew li nħolqu minħabba fina (plastik, batterja, eċċ.), iktar ġisimna qed isir kwir.

Irridu nifhmu li l-iġsma tagħna huma kreaturi porużi, magħmulin minn diversi ħlejjaq li jinfettaw u jikkomunikaw ma’ xulxin. L-idea kolonjali li l-iġsma tagħna huma impenetrabbli hija parti mill-kawża tal-akkumulazzjoni tal-prodotti tossiċi fihom. Teoriji li jħaddnu l-fluwidità f’kull aspett tal-ħajja jgħinuna naħsbu oltre mill-kategoriji li l-Ewropa imponiet fuq il-pjaneta fl-aħħar sekli. Dawn it-teoriji kwir iħarsu lejn entitajiet misterjużi bħal-likeni u l-batterja biex jiċċelebraw il-ħajja fil-konfront ta’ kull ostaklu.

Pereżempju, Heather Davis tgħidilna li nistgħu nimmaġinaw lilna nfusna bħala l-qraba tal-plastik, fejn il-korporazzjonijiet li niġġsu l-ambjent nimmaġinawhom bħala dak iz-ziju tossiku f’kull familja, u l-kreaturi li ħolqu huma bħal qraba kwir tagħna; prodotti żbaljati tal-kapitaliżmu u l-kreattività tal-ħajja.

Iktar minn hekk, irridu naħsbu b’mod differenti fuq min hu l-qarib tagħna. Ħafna drabi l-ansjetajiet tagħna għall-futur jirreferu għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin bħala l-iktar ħaġa importanti li rridu nissalvagwardjaw. Imma, fil-verità, dawn l-appelli mhuma qed jirreferu għall-ebda tifel jew tifla individwali imma għall-manteniment ta’ mod ta’ ħajja — il-familja nukleari, dritta, li tipproduċi suġġetti għall-kapitaliżmu. Irridu nieqfu nirriproduċu l-eteronormattività, kif tgħidilna Bambinananna, u nħaddnu l-miġja ta’ dawn il-ħajjiet ġodda u strambi. It-twelid m’għadux l-unika mod kif il-ħajja bijoloġika tista’ ssostni lilha nnifisha. Il-kunċetti li writna ta’ kif għandna nirrelataw mad-dinja ta’ madwarna jisfaxxaw fix-xejn taħt il-kundizzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum. U l-ġeneru huwa wieħed mill-forom kulturali li qed jinbidlu. Għalhekk, irridu nosservaw dawn il-modi ġodda ta’ soċjalizzazzjoni li diġà qed iseħħu fostna, bħall-modi kwir ta’ kif noħolqu familja, permezz, pereżempju, tal-ikliet li semmejt fl-ewwel parti.

Nistgħu niċċelebraw il-fatt li qed ngħixu f’dinja tossika li nibtet diversi forom ta’ ħajja ġdida, u jaf tgħinna nkissru l-ideoloġiji tal-kapitaliżmu u l-kolonjaliżmu. Fl-istess ħin, irridu nagħrfu l-ħsara ta’ dawn l-ideoloġiji awtodistruttivi. Irridu nagħrfu li ħxew id-dinja u fl-istess ħin nibqgħu nsibu modi ġodda kif ngħixu, ispirati mill-qraba kwir li jafu juruna li missirijiethom il-korporazzjonijiet m’għadx għandna bżonnhom biex niffjorixxu.

U rridu wkoll niffukaw fuq il-preżent, kif iwissina David Bond, mhux nintilfu fl-immaġinazzjoni tal-futur. L-istejjer tat-tniġġis u l-kontaminazzjoni huma mmarkati bl-inġustizzja li ilha għaddejja sekli fuq komunitajiet ikkunsidrati marġinali għall-missjoni estrattiva tal-kapitaliżmu. Għalhekk, huwa importanti li nibqgħu niġġieldu flimkien ma’ dawn il-komunitajiet, kontra l-korporazzjonijiet, filwaqt li nesploraw il-possibiltajiet kreattivi tal-ħajja f’dinja tossika.


Ir-reżistenza

L-ikel jirrappreżenta l-vitalità, il-possibbiltajiet ta’ futur kwir mibni fuq is-solidarjetà. L-ikel lili jagħtini storja u kuntest li bihom nista’ nilgħab bl-espressjoni tal-ġeneru tiegħi, lokalizzata fil-memorji tan-nanna.

Imma f’nofs din l-esplorazzjoni sabiħa tal-possibbiltajiet tal-ġeneru, l-ikel kien sar ifisser għalija xi ħaġa daqsxejn iktar tossika. Minn mindu kelli tmintax-il sena, kont bdejt nillimita kemm niekol biex nibqa’ rqiq, biex, kif immaġinajt, inżomm figura iktar androġena, iktar femminili. Dan seħħ fl-istess żmien li bdejt inħobb insajjar.

Dejjem kont konxju tal-isbuħija tal-ikel, dejjem kont naf li kont qed nagħmel il-ħsara fuq ġismi, imma li ma nikolx kien jagħtini wisq pjaċir. Dejjem kont konxju tal-ambjent tossiku tal-ewwel snin tal-millennju u li l-familja tiegħi dejjem begħduni minnu, imma anki jekk kont naf li l-irquqija estrema ma tidhirx sabiħa xorta sibt ruħi nixxennaq għaliha.

Għal ċertu żmien itteorizzajt din ir-relazzjoni tossika ma’ ġismi bħala forma ta’ ottimiżmu vili, a la Lauren Berlant, fejn persuna kwir tispiċċa tħobb dak li qed ikissirha. Sibtu interessanti li kelli “kundizzjoni” li s-soltu tiġi assoċjata man-nisa, u kont kważi kburi bih dal-fatt. Għal żmien twil, kull darba li kont niftaħ qalbi fuqha kienet tissaħħaħ iktar; kont ngħid, iva, jien għandi eating disorder u din parti mill-identità tiegħi. Imponejt regola fuqi nnifsi li nista’ niekol biss tliet darbiet fil-ġurnata, kont nara kemm (nimmaġina li) jieklu nies oħra u nħossni ħażin jekk niekol iktar. Fil-verità kont nispiċċa niffanga f’xi ikla enormi mbagħad ma nikolx għal ħafna ħin, u nirrepeti dan iċ-ċiklu. U bqajt naħseb b’mod razzjonali fuq dan kollu; naf li qed nagħmel il-ħsara, mingħajr ma jirnexxili nikber u noħroġ minn dal-ħsieb. Domt is-snin biex ħlist minn dil-mentalità, imma bil-mod ħlist minnha, wara li mradt elf darba, wara li tkellimt ma’ Maya, wara li bdejt neħles mill-fissazzjonijiet ta’ x’jidher maskili u femminili u ġenwinament nillibera ruħi mill-ġeneru.

Kien hemm min issuġġerieli nieħu l-estroġen, biex ġismi jifrex ix-xaħam għal postijiet iktar “femminili”. Imma minn dejjem kont naf li ma rridx ngħaddi l-kwiraġni tiegħi mill-burokrazija. Ma ridtx li nagħti isem lill-fenomenu li kont qed ngħaddi minnu jew inħallih jiġi kklassifikat bħala marda mentali, għax b’dan il-mod kont se niġi pperċeput mill-burokrazija bħala suġġett marid li għandu jiġi kkurat biex jiġi dritt, f’saħħtu skont id-definizzjoni eteronormattiva u patrijarkali tas-sistema medika tal-Punent. Il-marda għalija hija s-sistema tal-ġeneru u mhux dak li kont għaddej minnu.

Imma s-sistema tal-ġeneru kienet qed taffettwani sal-punt fejn ma kontx qed nieħu ħsieb tiegħi nnifsi. Bdejt indawwar ħsibijieti mill-awtodistruzzjoni kapitalista meta Maya għenitni nagħraf li l-ikel proprju huwa att ta’ reżistenza, xi ħaġa li kont naf, imma ma kontx ħallejt lili nnifsi naċċetta. Bil-mod il-mod bdejt neħles minn ftit tal-ipokreziji li kont qed inħawwad fihom biex nesplora l-ġeneru u ninduna li biex tirreżisti trid tkun b’saħħtek u biex tkun b’saħħtek trid tiekol sew. Il-kapitaliżmu jrid ikissrek, mhux l-ikel. Dawn huma affarijiet li kelli ngħallem lili nnifsi, anki jekk jidhru ovvji.

Għalhekk għalija s-soluzzjoni ma kinitx li nissuġġetta ’l ġismi għall-ħarsa tal-burokrazija li tara u tkejjel kollox fil-kaxxi. Avolja webbist rasi, fl-aħħar ħriġt minnha b’iktar tagħrif fuqi nnifsi u fuq l-Istorja u s-sistemi li jikkontrollawha. U la qed nitkellmu fuq it-tikjil, il-burokrazija kolonjali hija ffissata fuq it-tikjil: tal-ħin, tan-nies, tal-ispazju. Dan jiddeumanizza s-suġġett, ineħħi l-maġija mid-dinja naturali, u jġib kollox bħala riżorsa. Martin Manalasan jinnota li bħala nies kwir ma nistgħux nitkejlu għax m’għandniex post fis-sistema riġida tal-ideoloġija eterosesswali; dejjem irridu niddrittaw ruħna b’xi mod biex nidhru quddiem is-soċjetà pubblika.

Dan ifakkarni li n-nanna, bħal ħafna nanniet oħra u nisa f’komunitajiet tradizzjonali, ma kinitx tkejjel biex issajjar; kienet tagħmel kollox bl-għajn. Għalhekk ukoll is-sugu tar-riċetti għadda bla ma nkiteb minn ġenerazzjoni għall-oħra, u baqa’ inviżibbli għall-burokraziji patrijarkali; ma jistax jittraduċi ruħu għall-ontoloġiji tagħhom.

U jien ukoll ma rridx nitkejjel.


Kelmtejn tal-aħħar

Hawnhekk spiċċat il-performance u stedint lin-nies fl-udjenza biex jieħdu platt insalata. Kien hemm min semmieli li r-riħa tal-insalata fakkritu fid-dar ta’ nanntu, ir-riħa effimera li fewħet sala fi Spazju Kreattiv għal ftit mumenti intanġibbli, imbagħad għebet, bħall-ħajjiet tul għexieren ta’ snin ta’ nies kwir li stajna tgħallimna mingħandhom.

Xi ħadd qalli li s-serata fakkritu fl-għeruq Maltin li xtaq joħroġhom iktar fl-espressjoni tal-ġeneru tiegħu. Ħadt gost b’dan il-kumment u fakkarni fi ħsieb partikolari. Meta mietet in-nanna, niftakarni naħseb li kieku ma kienx għal ommi u ħutha, imbagħad għalija u l-kuġini li għadna niftakru l-ikel tan-nanna, parti intanġibbli mill-istorja tal-ikel kienet tgħib għalkollox. L-istess jgħodd għall-identitajiet kwir ta’ qabel il-modernità. Aktar ma nsir naf fuq dawn il-ħajjiet, aktar ninduna kemm hu importanti li niddokumentaw tip ta’ fluwidità li topera fuq regoli soċjali differenti għal dawk li jagħrfu l-istat u s-soċjetà pubblika — jiġifieri l-ħajjiet tas-sinjorini, ta’ min kien jilbes, tal-mararaġel, u għexieren ta’ espressjonijiet oħra. Anzi, mhux niddokumentawhom biss, imma huwa essenzjali li nżommuhom ħajjin, li nkunu kreattivi u nerġgħu nivvintaw dawn l-identitajiet għaż-żmien tal-lum. Mhux noħolqu arkivju statiku imma nagħtuhom il-ħajja u naddattawhom għall-kuntest differenti li ninsabu fih.

Kien hemm ħafna tgħanniq wara kull serata; l-udjenza baqgħet xi ftit titkellem u taqsam l-esperjenzi tagħha mal-ikel. Ħadt gost li ftaħna spazju għall-vulnerabbiltà u l-onestà bħalma dejjem sibt fl-ikliet tal-familji kwir tiegħi. Kif qalli sieħbi, “F’għoxx kemm għandek, bikkejtni b’biċċa insalata.

L-ikel jurina li l-affarijiet iż-żgħar fil-ħajja ta’ kuljum għandhom setgħa politika sinifikanti, li l-memorji tan-nanniet u l-komunikazzjoni bejn il-prodotti tossiċi u l-batterja jistgħu jitkellmu flimkien biex juruna futur għalkollox differenti mill-kapitaliżmu li jiekol lilu nnifsu. U l-ikel lili wrieni l-isbuħija, il-ħsara, għarbilli l-emozzjonijiet kollha li naħseb bihom, u fetaħli l-maġija ta’ ħajja la ġenba .

Cruel Optimism ta’ Lauren Berlant huwa pubblikazzjoni Duke University Press, 2011. “Contamination in Theory and Protest” ta’ David Bond deher f’American Ethnologist fl-2021. Plastic Matter ta’ Heather Davis huwa wkoll ippubblikat minn Duke University Press, 2022. “Messy Mismeasures: Exploring the Wilderness of Queer Migrant Lives” ta’ Martin Manalasan IV deher fis-South Atlantic Quarterly fl-2018. Insalata ttellgħet fil-11 ta’ Awwissu, it-8 ta’ Settembru u l-11 ta’ Ottubru fi Spazju Kreattiv, il-Belt, bħala parti minn The Wind Blows Waves… In All Directions, wirja kollettiva ikkurata minn Bobb Attard u Dali Aguerbi. Ir-ritratt li qed jintuża għall-pubbliċità kien meħud minn Bobb Attard.

Dekorazzjoni art-nouveau