L-art tal-bdiewa, l-art fejn il-bdiewa jkabbrulek il-frawli u ċ-ċitru li tant tħobb, qed tinsteraq u tinbiegħ mingħajr il-permess tagħhom. Il-qsim tal-art bejn is-sidien privati qed iwassal għal nuqqas ta’ art agrikola. U s-sigurtà tal-ikel tiegħek qed tisparixxi mingħajr ma taf. Ir-raba’ qed tinsteraq minn taħt imneħirna, mhux biss minn taħt imnieħer il-bdiewa, imma qed tinsteraq minna, aħna li nieklu minnha.
Id-definizzjoni ta’ x’inhu “sid” tal-art agrikola hija mċajpra peress li ħafna bdiewa lanqas biss għandhom sjieda fuq arthom. Ħafna mir-raba’ ta’ Malta hija fil-fatt mikrija. Ftit huma l-bdiewa li għandhom art mhux mikrija; dan huwa grupp żgħir li qed jiċkien b’rata mgħaġġla minħabba li dawn il-bdiewa huma ta’ ċerta età. U fost il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, ftit huma dawk li għandhom interess ikomplu jikkultivaw l-art ta’ missirijiethom. L-art agrikola Maltija tiswa għoxrin darba iktar mill-prezz medju fl-Ewropa. Hemm bdiewa li qed ibiegħu l-art tagħhom — art li ilhom ġenerazzjonijiet sħaħ jikkultivaw — lill-iżviluppaturi, għax m’għandhomx tama li hemm futur fil-biedja. L-għelieqi qed jinbiegħu lill-ogħla offerent bħala “art rikreattiva”.
Dan kollu beda minn Żaren u Nina, li ġew żgumbrati minn arthom fl-2022, qabel kienet ħarġet ir-riforma fuq l-art agrikola mill-gvern. Wara l-pandemija, kien hemm interess kbir fix-xiri tal-art għal skopijiet ta’ rikreazzjoni. Dan wassal biex dejjem qed jogħla l-prezz tal-ftit art agrikola li qed tigi maħduma. Qed nisimgħu b’diversi każijiet ta’ dan l-iżgumbrament. Fosthom hemm Robert taż-Żurrieq, il-każ tad-Dejma ġewwa l-Għargħur, u f’Ħaż-Żabbar ukoll. Għalqa ta’ bidwi, u l-post fejn bidwi jbiegħ il-prodott tiegħu, huwa post komunali, ibbażat fuq riflessività kulturali. Però, m’aħniex qed nittrattawh b’dan il-mod. Qed nittrattawh bħala oġġett li jintrema. L-ikel u l-agrikoltura għandhom jieħdu l-forma ta’ komunità intenzjonali. Ir-relazzjoni ta’ bejniethom għandha tissuġġerixxi l-awtosuffiċjenza ta’ komunità partikolari. Dawn huma fost il-kunċetti li dwarhom nixtieq nitkellem f’din is-sensiela.
Permezz ta’ taħdidiet li qed ikolli ma’ bdiewa li bnejt ħbiberiji magħhom, u ma’ nies li naf personalment li qed josservaw dawn il-ġlidiet, qed jidher ċar ħafna li l-parti l-kbira tal-popolazzjoni Maltija m’għandhiex l-iċken ħjiel dwar dan kollu. Il-prodott frisk bilkemm huwa aċċessibbli għall-maġġoranza tal-popolazzjoni. Ir-relazzjonijiet tagħna bħala konsumaturi mal-bdiewa għandhom jiggarantixxu l-lonġevità, ir-reċiproċità u ċ-ċirkolarità, u jkunu ċċentrati fuq il-ħbiberija. Il-vann tal-pitkali fl-irħula huwa pijunier ċar ta’ din ir-relazzjoni, imma dawn in-nies issa qed jikbru fl-età. X’se nagħmlu meta jgħibu? Kemm mit-tfal ta’ dawn in-nies huma lesti li jieħdu dak ix-xogħol għall-bqija ta’ ħajjithom? Kif nafu li l-biċċa art tagħhom mhux se tinxtara jew tinsteraq mingħandhom? Aktar ma dawn il-ġenerazzjonijiet javvanzaw fl-età inqas ikun probabbli li jkollhom leħen fis-sjieda tal-art. Naf ħafna nies li qed jagħmlu l-almu tagħhom biex iżommu l-art li ġiet mgħoddija lilhom, iżda dan in-numru ta’ nies mhuwiex biżżejjed.
Kif nistgħu bl-ikel li nieklu, nissalvagwardjaw is-saħħa tagħna u ta’ artna, imma wkoll is-saħħa ta’ dawk il-ftit nies li permezz tagħhom għandna dan l-ikel? Kif nistgħu nieklu b’mod li jħallina nirrifjutaw il-paradigma neoliberali li qed naraw fl-ikel modern, b’mod li jġedded il-wirt? Kif nistgħu nġibu ruħna b’mod li jiffaċilita s-sostenn tal-għajxien għall-bdiewa? Kif nistgħu nieklu b’mod li jgħinna nagħrfu l-iskarsezza tal-ikel Malti bħala effett postkolonjali? Kif nistgħu nerġgħu nindiġenizzaw l-ikel tagħna, billi nimpedixxu l-azzjoni korporattiva u nsaħħu l-interess fil-ġid komuni? Nafu x’ħa jsir minnu l-ikel tagħna? L-ikel sar għażżien wisq. L-ikel Malti mhuwa Malti xejn, l-ikel tagħna għadu kkolonizzat, b’identità batuta li tinħall fl-ilma.
Ir-risposta għal dan kollu mhijiex waħda ċara. Però, nistgħu nibdew żgur billi nifhmu l-kunċett tas-sovranità tal-ikel, u kif din tista’ tiġi pprattikata. Ir-raġuni li għaliha l-kunċett jaf għadu mhux adottat lokalment b’mod tanġibbli hija l-isfidi profondi li dan il-kuntest qed joħloq għall-istrutturi tas-soċjetà. Apparti minn hekk, minħabba l-modi li bihom l-istorja ta’ dawn il-komunitajiet qed tindaħal fid-dibattiti mal-awtoritajiet pubbliċi, din spiss qed tiġi ppolarizzata mill-bqija tal-pubbliku. Fil-fatt, waħda mill-priojoritajiet tas-sovranità tal-ikel hija li ssaħħaħ il-parteċipazzjoni ċivika, b’mod li jiggarantixxi prattiki tajbin għas-saħħa.
Is-sovranità tal-ikel hija kunċett li jippermetti, jinkoraġġixxi u jiddefinixxi d-dritt għall-produzzjoni, l-aċċess u l-konsum ta’ ikel li huwa kulturalment adatt u relevanti. Pajjiżi li huma ħafna akbar minna, nisimgħuhom igorru li għandhom aċċess wisq limitat għall-prodott frisk, minħabba n-nuqqas ta’ prossimità għall-bdiewa tagħhom. Li jħawwadni huwa l-fatt li pajjiżna huwa żgħir immens; il-konnettività rurali u urbana mhijiex xi ħaga impossibbli jew intanġibbli, meta tikkunsidra l-wisa’ ġeografika tagħna. Allura kif għandna din il-prossimità ġeografika daqshekk vantaġġuża, imma l-konnettività mal-bdiewa ma tiġix ipprattikata? Hija sempliċiment kwistjoni ta’ għażż? Ta’ inaċċessibbiltà? Tal-kumplessità kunċettwali tas-sovranità tal-ikel? Tan-nuqqas ta’ tagħlim? Ta’ xiex?
X’aħna nagħmlu?
Xi ħaġa li nifhem bħala kawża ta’ dan hija l-fatt li ħafna nies m’għandhomx relazzjoni mal-bdiewa tagħhom, m’għandhomx ħbiberija magħhom. Kif nistgħu niżguraw id-dritt tan-nies għal ikel tajjeb għas-saħħa u tajjeb kulturalment, meta l-għajxien ta’ dawk li jipproduċuh qed jiġi mhedded?
Din is-sensiela ta’ taħdidiet etnografiċi qed tinkiteb bit-tama li, xi darba, lill-bdiewa għad inkunu nistgħu nagħtuhom l-aġenzija li jaħdmu b’mod sigur, u b’mod li jagħtihom is-setgħa. Nistgħu nsellfu leħinna lill-bdiewa għeżież tagħna, biex jamplifikaw il-ġlidiet tagħhom, waqt li nenfasizzaw is-sinifikat globali, u f’dan il-każ lokali, tad-dritt tal-bdiewa kontra l-isfruttament korporattiv u r-repressjoni mill-istat. Nistgħu nagħmlu dan billi nifhmu kif qawwa daqshekk diversa u kondiviża minna bħala nies, li nieklu, tista’ tisfida anki s-sistemi l-aktar sodi ta’ oppressjoni. Hemm ċerta intimità meta ssir taf il-persuna u l-post li jitimgħek. Dak hu li rridu nkunu qed nagħmlu.
Mingħajr rappreżentanza barra minnha nnifisha, din il-komunità m’għandhiex biex tiffjorixxi. Lanqas ma tista’ tirnexxi meta tqis l-inċertezzi li jaħkmuha. X’futur għandu l-moviment tan-nies kontra l-korporazzjonijiet fil-gżejjer tagħna? Kif ser negħlbu l-istress frammentarju li qed ikompli jkisser d-dinamika interna tal-art agrikola?
Ir-riformi agrikoli biex iżarmaw l-istrutturi li jaġevolaw lill-agrokorporazzjonijiet baqgħu ma nkitbux. Dan qed jirriżulta mhux biss fl-iżgumbrament tal-bdiewa mill-artijiet tagħhom, iżda qed iwasslu għal tnaqqis kemm fl-inputs kif ukoll fl-outputs agrikoli lokalment. Dak li jissejjaħ “depeasantisation”, il-proċess li fih il-bdiewa jitkeċċew mill-art u posthom jittieħed mill-agrikoltura industrijalizzata, għandu jkun immaniġjat minn liġijiet li suppost ilhom fis-seħħ. Li dan għadu mhux il-każ huwa vjolenza siekta kontra l-bdiewa tagħna. Fejn hi l-kuxjenza kollettiva tagħna? Jeħtieġ li tiġi ffurmata mill-ġdid permezz tal-mod kif nieklu .