Ommi Saret id-Dawl Fiddien

Miriam Galea

  • Pittura bil-kliem miktub bil-magħqud.
    Ommi saret il-qamar tagħmel parti minn Għadajjar Għajnejja: Ebbs and Flows, wirja ta’ Miriam Galea fil-Malta Society of Arts bejn it-22 ta’ Ottubru u t-12 ta’ Novembru 2026.


Ommi saret għasfur magħdur
bilkemm titrejjaq,
tgħid biss ftit kliem
wiċċha ċkejken,
għajnejn lubien.

Ommi saret liżar abjad
nadif tazza u stirat,
taħbila pajpijiet u wajers,
magna li tkejjel id-diqa
b’numri jpetptu stranġiera.
Ommi saret agunija
tkarkar lajma daqs is-sigħat.

Ommi saret toqol f’qalbi,
toqol ċangun, iswed u skur.
Ommi saret talba
lill-baħħ.

Ommi saret munzell fjuri,
qronfol, ward, u aktar qronfol.
Ommi siġra tixxengel mar-riħ.
Ommi żewġ fjuriet.

Ommi saret ix-xita traxxax
it-toroq niexfa,
żiffa kiesħa
tħabbar il-jiem xitwin.

Ommi saret il-qamar,
Ommi saret id-dawl fiddien
bħal raġġiera
ddawwal it-triq,
twissina b’kull tumbata,
twarrab kull għollieq.
Araha naqra l-lelluxa,
il-ward kif warrad sabiħ.

Ommi saret xemx tiżreġ f’Novembru,
werqa titħarrek fir-riħ,
fjur jerħi lewnu,
ġgajta ttir fis-smewwiet.

Ommi saret il-ġebel dehbien
il-bnadar iperpru
il-baħar leqqien.

L-iżvilupp u l-pub­blikaz­zjoni ta’ dax-xogħol sar bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti bħala parti mill-Investiment f’Organizzazzjonijiet Kulturali 2026–2028.

Dekorazzjoni art-nouveau