Awwissu 2023

mona lisa | karnival ieħor

Matthew Schembri

Jisimni Mona.

U sal-aħħar ta’ din in-novella mhux se nibqa’  ħajja.

|

l-ewwel jum

Wasal iż-żmien mistenni minn kulħadd.

Imma l-iktar, minnu.

Joe, quddiem il-mera.

Xagħru kannella skur, maqtugħ qasir.

F’rasu, kappa lewn il-ġilda.

Għax fil-karnival tista’.

Japplika l-kolla fuq ħuġbejh, bil-pinzell.

Ħuġbejh kbar.

Rani.

Inixxifhom, b’fann.

Japplikalhom il-powder safrani, il-kolla.

Jerġa’ jnixxifhom – din id-darba, sakemm jitqarqċu.

Irene.

Japplikalhom il-concealer safrani, bl-isponża,  sakemm jgħattihom għalkollox.

Marisa, Mylene.

Japplikah ukoll fuq għajnejh, fuq wiċċu kollu.

Għax fil-karnival tista’.

Jimmudella ftit synthetic wax fuq il-ponta ta’ mnieħru.

Imnieħru mgħawweġ, bil-ponta ’l fuq.

Tiffany Berry, Alexis L. King, Julio Argueta.

Japplika l-irtokk tal-contour sticks, sofor,  mad-dawra kollha ta’ wiċċu.

Wiċċu ovali.

C. Hernandez, Noleen Jansen, Vanessa Facen,  Ashley Nickson, Christina Smith.

Japplika l-eye shadow madwar għajnejh. Għajnejh tondi.

Isegwuk.

Yardena Marsh, Simone Walton, Rupesh  Mandal, Alisha Sandoval, Roberta Oliveira,  Lezlie Anne Field, Alejandra Galicio, Barbara  Calderon.

U japplika iktar eye shadow fuq ħaddejh, madwar għajnejh, madwar imnieħru, wiċċu, xofftejh.

Qed jitbissem?

Iva. 

Għax fil-karnival tista’.

Jilbes il-parrokka kannella skura, twila, lixxa. Jilbes il-velu kważi trasparenti. 

Jilbes il-libsa ħadra skura bl-oranġjo skur. Jilbes il-libertà

Jilbes il-ħajja.

U Mona tmiss il-mera.

U r-riflessjoni ta’ ġo fiha, tgħidilha: 

jien bħalek

U Leonardo qed ipenġih.

Jgħidlu: tiċċaqlaqlix, sabiħ.

|

l-aħħar jum

u dan iż-żmien tixtieq ma jgħaddi qatt l-iktar  hi mona quddiem il-mera tinża’ l-parrokka  kannella skura twila lixxa tinża’ l-velu kważi  trasparenti xagħarha kannella skur maqtugħ  qasir tinża’ l-kappa lewn il-ġilda għax fil-karnival tista’ tneħħi l-kolla minn ma’  ħuġbejha taħsilhom tneħħi l-powder safrani  minn fuqhom il-kolla u terġa’ taħsilhom din  id-darba sakemm ma jibqgħux imqarqċa għax  fil-karnival tista’ tneħħi l-concealer safrani  sakemm ħuġbejha jiġu jidhru għalkollox ħuġbejha kbar għax fil-karnival tista’ tneħħih  ukoll minn taħt għajnejha minn fuq wiċċha kollu għax fil-karnival tista’ tneħħi l-ftit synthetic wax minn mal-ponta ta’ mneħirha imneħirha mgħawweġ bil-ponta ’l fuq għax  fil-karnival tista’ tneħħi l-irtokk tal-contour  sticks sofor mid-dawra kollha ta’ wiċċha wiċċha ovali għax fil-karnival tista’ tneħħi l-eye shadow minn madwar għajnejha għajnejha tondi jsegwuk għax fil-karnival  tista’ u tneħħi iktar eye shadow minn fuq ħaddejha minn madwar għajnejha minn  madwar imneħirha wiċċha xofftejha qed  titbissem le melissa mo green ronnie paris  junior donathyn j rodgers phool chand yadav alfred ariana dibble sudha alias lakshmi timothy blair junior mikey vallejo seiber gisberta salce junior robert lee armstrong l-isem mhux magħruf l-isem mhux magħruf l- isem mhux magħruf l-isem mhux magħruf karlien kallie carstens kaaseem adalla juanda amancio delilah corrales juan lupita carlos  charria gerald ricky franklin junior paulina  mendez cartagena antonio kasha blue sydney  wright michelle lee eddie chung chou lee għax fil-karnival tista’ tilbes ta’ mara kemm  trid il-bqija tinża’ l-libsa ħadra skura bl-oranġjo skur tilbes il-ħabs tilbes il- 

|

imbagħad terġa’ tgħix karnival ieħor

Dekorazzjoni art-nouveau