Djarju #9
Loranne Vella

Siġra tas-sakura fil-ġnien ta’ San Anton

Loranne Vella

Dalgħodu qomt kmieni biex nagħmel kollegament fuq Zoom għall-avveniment bit-titlu “Rabtiet Storiċi Bejn Malta u l-Ġappun, fuq stedina ta’ Norisato Kyojin, id-Direttur għall-Affarijiet Internazzjonali tal-Ġappun, u ta’ Tadashi Kunigou, id-Direttur tas-Sanshu Club f’Tokyo fejn kien qed iseħħ l-avveniment. Għalija kienu t-tmienja ta’ filgħodu, għalihom it-tlieta ta’ waranofsinhar. Dan l-invit wasalli ftit ġimgħat ilu fuq intervent ta’ Urara Haraguchi Sassa, li sirt nafha madwar sena ilu peress li kienet qrat il-ġabra ta’ stejjer tiegħi mill-bieb ’il  ġewwa — fi traduzzjoni ta’ Kat Storace bħala what will it take for me to leave — u xtaqet tittraduċiha għall-Ġappuniż. Imbagħad kont iltqajt magħha l-ewwel darba f’Shibuya, Tokyo, is-sajf li għadda. Minn dan l-inkontru dejjem se nibqa’ niftakar ukoll fl-ewwel darba li qatt doqt l-unagi, għax għadha l-itjeb ikla unagi li ħadt s’issa. Urara qaltli li l-isem Sanshu huwa t-terminu antik li jirreferi għall-provinċji antiki ta’ Satsuma, Ōsumi u Hyūga, li llum jinsabu fil-prefetturi ta’ Kagoshima u Miyazaki fi Kyūshū. Ħafna mill-qrabat tagħha, kemm min-naħa ta’ ommha kif ukoll min-naħa ta’ missierha, huma minn Kagoshima u l-familja tagħha għad għandha rabtiet qawwija m’hemmhekk. In-nies minn Kagoshima kellhom ħafna x’jaqsmu mar-Restawr Meiji fl-aħħar tas-seklu 19 u kienu huma l-fundaturi tal-Ġappun modern. Is-Sanshu Club f’Tokyo nħoloq proprju biex iwettaq riċerka dwar l-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet ta’ Sanshu, u jaħdem biex jippreserva u jippromovi dan il-wirt. Urara qaltli li għandha ziju, iz-Ziju Izumi, li tgħidx kemm feraħ meta qaltlu li qed tittraduċi ġabra ta’ stejjer minn Malta. Iz-Ziju Izumi huwa membru tas-Sanshu Club u għandu interess kbir fl-istorja tas-Samurai, speċjalment tal-istudenti Samurai mid-dominju fewdali ta’ Satsuma fin-Nofsinhar ta’ Kyūshū li, malli l-Ġappun fetaħ il-bibien għad-dinja ta’ barra, kienu baħħru lejn l-Ewropa u tul il-vjaġġi tagħhom żaru anki l-gżira ta’ Malta. Proprjament, biex ġara dan kellu l-ewwel iseħħ l-“Inċident ta’ Namamugi”. Fl-1862, fir-raħal ta’ Namamugi, xi Samurai minn Satsuma kienu attakkaw grupp ta’ negozjanti Ingliżi u qatlu wieħed minnhom għax ħasbu li dawn kellhom l-intenzjoni jiddisturbaw il-purċissjoni tal-kmandant fewdali ta’ Satsuma, Shimazu Hisamitsu, fi triqtu mill-Palazz Imperjali. Dan l-attakk wassal għal tensjoni diplomatika mal-Ingilterra. Il-provinċja ta’ Satsuma baqgħet tirrifjuta t-talbiet Brittaniċi għall-kumpens u fl-1863 seħħet il-Gwerra Anglo-Satsuma, gwerra qasira li ħalliet warajha ħsarat kbar u bosta vittmi. Wara tliet sessjonijiet ta’ negozjati, Satsuma ħallset £25 000 bħala kumpens, u bdiet relazzjoni aktar qrib mal-Ingliżi. F’dan il-kuntest, ċertu Godai Tomoatsu, eks priġunier tal-gwerra, ippreżenta petizzjoni fl-1864 fejn saħaq fuq il-ħtieġa li l-Ġappun jibda jadotta t-teknoloġija tal-Punent biex ma jibqax lura mill-bqija tad-dinja. Huwa ppropona t-tbaħħir ta’ studenti barra mill-Ġappun, ix-xiri ta’ tagħmir modern, u l-impjieg ta’ esperti barranin. Din il-petizzjoni wasslet għad-deċiżjoni fl-1865 li studenti Ġappuniżi jintbagħtu l-Ingilterra biex jiksbu għarfien teknoloġiku u b’hekk jimmodernizzaw il-pajjiż. Tomoatsu fil-fatt baqa’ magħruf bħala riformatur u mexxej viżjonarju li għen biex jitqiegħdu s-sisien għall-industrijalizzazzjoni rapida tal-Ġappun fl-era Meiji. Din kollha hija l-istorja li tant taffaxxina liz-Ziju Izumi u għalih Malta tfisser dik il-gżira li kienu żaru dawn l-istudenti Samurai tul il-vjaġġi tagħhom ’il  bogħod mill-Ġappun. Urara qaltli li z-Ziju Izumi qatt ma rnexxielu jmur Malta imma hija xewqa kbira tiegħu li xi darba jżurha.

Waqt l-avveniment li ġejt mistiedna nattendi remotament, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Ġappun André Spiteri, tkellem dwar l-istorja tal-ħbiberija li teżisti bejn Malta u l-Ġappun. Qal li l-ewwel dokumentazzjoni li għandna ta’ preżenza, ta’ ftit jiem, Ġappuniża f’Malta, hija dik tal-Missjoni diplomatika Bunkyu fl-1862, ftit snin biss wara t-tmiem tal-perjodu Sakoku, il-perjodu tal-iżolament Ġappuniż mill-bqija tad-dinja. Il-Missjoni Bunkyu waqfet Malta qabel tkompli tipproċedi lejn Franza, u ħalliet bħala tifkira taż-żjara tagħha tliet armaturi tas-Samurai. Waħda minn dawn l-armaturi, sal-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, kienet tinsab fl-Armerija tal-Palazz tal-Gran Mastru. Hemm evidenza tagħha f’ritratti mis-seklu 19. Mal-bidu tal-gwerra ntrefgħet f’maħżen taħt l-art biex tiġi protetta mill-bumbardamenti mill-ajru, iżda l-partijiet organiċi tagħha laħqu tmermru minħabba l-umdità u għal għexieren ta’ snin ma setgħetx terġa’ tiġi esposta. Dawn it-tliet armaturi fil-fatt issa għadhom kif ġew restawrati minn esperti Ġappuniżi u esibiti f’Osaka waqt l-Expo 2025 (dis-sena hija l-ewwel darba li kien hemm padiljun Malti f’dan l-expo). Spiteri rrakkonta wkoll kif, tliet snin wara din l-ewwel żjara, fit-12 ta’ Ġunju 1865, studenti Samurai Ġappuniżi, dawk l-istess studenti li kienet irrakkuntatli dwarhom Urara, kienu waslu Malta u qattgħu dik il-ġurnata waħda hawnhekk. Imbagħad semma lil ċertu Roger Julius Inglott, magħruf ukoll bħala Ruggiero Inglott, li huwa l-proġenitur ta’ komunità żgħira Maltija fil-Ġappun. Inglott twieled Bormla fl-1871 u telaq għalkollox lejn il-Ġappun fl-1896. Mal-wasla tiegħu stabbilixxa ruħu fil-belt portwarja ta’ Kagoshima jgħallem l-Ingliż, primarjament fi skola navali Ġappuniża. Iżżewweġ mara Ġappuniża jisimha Nakayama, u kellhom tliet subien u tifla. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, meta l-Gran Brittanja u l-Ġappun kienu saru għedewwa, dawn biddlu kunjomhom, għax kien jinstema’ Ingliż, u ħadu kunjom ommhom minflok. Inglott baqa’ l-Ġappun sa ma miet fl-1950. Illum, Roger Inglott huwa mniżżel bħala l-bużnannu tal-attriċi u l-mudella Ġappuniża Emiri Nakayama.

Iżda l-aktar ġrajja ta’ importanza f’din il-ħbiberija bejn iż-żewġ pajjiżi hija żgur dik li seħħet fl-Ewwel Gwerra Dinjija. Bejn l-1917 u l-1918, l-Iskwadra tat-Tieni Diviżjoni Navali Ġappuniża, li kienet ibbażata f’Malta, ħadmet flimkien mar-Royal Navy biex tipproteġi l-konvojijiet tal-Alleati fil-Mediterran. Din il-kooperazzjoni kienet ibbażata fuq l-Alleanza Anglo-Ġappuniża tal-1902. Waqt li s-sottomarini Ġermaniżi u Awstrijaċi kienu qed jattakkaw il-vapuri tal-Alleati, il-flotta Ġappuniża kienet qed tipprovdi skorta għall-vapuri li kienu qed jittrasportaw truppi u provvisti mill-Eġittu lejn Franza. Sal-aħħar tal-gwerra, kienu skortaw kważi tmien mitt vapur li kienu ġarru madwar seba’ mitt elf suldat lejn il-front Ewropew, minkejja t-theddid kontinwu tas-sottomarini tal-Potenzi Ċentrali. Matul il-missjonijiet fil-Mediterran, is-suldati Ġappuniżi tal-Iskwadra tat-Tieni Diviżjoni wrew spirtu umanitarju, speċjalment fl-operazzjoni relatata mad-destroyer Sakaki. Dan il-vapur kien wettaq is-salvataġġ ta’ tlett elef suldat minn fuq il-vapur Transylvania, li kien ġie milqut minn torpidow fl-4 ta’ Mejju 1917. Iżda ftit ġimgħat wara, fl-10 ta’ Ġunju 1917, is-Sakaki nnifsu ntlaqat minn torpidow minn sottomarin Awstro-Ungeriż. L-akbar mafkar fiċ-Ċimiterju Navali l-Kalkara fil-fatt huwa ddedikat għat-68 suldat u baħri Ġappuniż li mietu f’din il-missjoni. Minn dak iż-żmien ’l  hawn, ħafna mill-Ġappuniżi li jżuru Malta jgħaddu jagħtu tislima lil dal-mafkar. L-artiklu ta’ Noriko Sato bit-titlu “Paying a Visit to the Memorials of the Japanese War Dead in Malta” fil-Journal of Maltese History, (vol. 5, nru 2 2018) jidħol fid-dettall dwar l-importanza ta’ din iż-żjara. Il-Prinċep Imperjali Hirohito tal-Ġappun, li aktar tard sar l-Imperatur, kien wieħed minn dawn li żaru l-mafkar. Kien ġie Malta fl-24 ta’ April 1921 bħala parti mill-vjaġġ tiegħu lejn l-Ewropa fi sforz diplomatiku biex juri l-interess tal-Ġappun fil-kultura u l-politika Ewropea. Iktar tard skoprejt li waqt li kien Malta, Hirohito kien anki attenda l-ftuħ tal-Parlament il-ġdid meta Joseph Howard inħatar bħala l-ewwel Prim Ministru ta’ Malta taħt il-Kostituzzjoni tal-1921 li tat tmexxija awtonoma lill-pajjż. Dak iż-żmien, Howard kien qed iservi wkoll bħala l-konslu tal-Ġappun f’Malta. Diż-zjara kienet storika għax il-waqfa ta’ Hirohito f’Malta enfasizzat l-importanza strateġika tal-gżira fil-Mediterran. Bħala tifkira taż-żjara tiegħu Malta u bħala simbolu ta’ ħbiberija bejn il-popli, Hirohito kien ħawwel siġra tas-sakura fil-ġnien ta’ San Anton. Ħadt nota biex la nerġa’ ninżel Malta ngħaddi nfittex għadhiex hemm, u wkoll biex inżur iċ-Ċimiterju Navali fil-Kalkara. L-Ambaxxatur Spiteri ta dad-diskors informattiv bl-Ingliż u wara kull ftit sentenzi, Tadashi Kunigou kien qed jittraduċi għall-Ġappuniż. F’email li kien bagħtli ftit jiem qabel, Kunigou kien qalli li għal erbgħin sena kien bdot mal-linja tal-ajru ANA. U li kien qatta’ ġimgħa fi Brussell mal-mara tiegħu, li kienu apprezzaw jieklu l-frott tal-baħar, jixorbu l-birra u l-inbid u jagħmlu żjarat qosra fi bliet fil-madwar. F’ħin minnhom smajtu jgħid ismi u ndunajt li kien imiss lili nagħmel intervent qasir, bħala kittieba minn Malta. Irringrazzjajthom minn qalbi tal-istedina, u tal-impenn li għandhom favur il-paċi u l-ħbiberija bejn il-Ġappun u Malta. Irringrazzjajt lill-Ambaxxatur Spiteri, li ilni nafu snin twal miż-żmien tiegħi bħala għalliema San Alwiġi, tal-ħidma tiegħu li qed jagħmel lejn l-impenn biex ikomplu jissudaw ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi (sirt naf iktar tard li r-restawr tal-armaturi tas-Samurai sar fuq l-inizjattiva tiegħu, u li kieku ma kienx intervjena kienu jitmermru u jintesew fil-kaxxi li sabhom maqfulin fihom). Imbagħad għedtilhom li xi ħaġa li ma semmiex l-Ambaxxatur kienet li għal madwar ħmistax għoxrin sena, f’Malta kien hemm preżenza Ġappuniża qawwija fid-djar kollha minħabba li l-mogħdija taż-żmien tat-tfal tampari, li kibru fis-sebgħinijiet u t-tmeninijiet, kienet il-programmi animati Ġappuniżi fuq l-istazzjonijiet televiżivi Taljani. U li jien, bħala kittieba, trawwimt mingħajr ma naf mir-rakkonti Ġappuniżi li tant kienu jsaħħruni u li għadni ngħożżhom sal-lum. Meta spiċċa l-kollegament, Urara, li kienet preżenti b’mod fiżiku għall-avveniment, kitbitli biex tgħidli li dan l-aħħar kumment tiegħi kien intlaqa’ tajjeb mill-parteċipanti. Qaltli li kellmet lill-Ambaxxatur Spiteri biex tgħidlu bil-proġett tat-traduzzjoni tagħha u li kien offrielha l-appoġġ tiegħu. Qaltli wkoll li se tara kif tista’ ssir membru tal-Assoċjazzjoni għall-Iskambju Kulturali bejn il-Ġappun u Malta, li l-missjoni tagħha tiċċentra fuq it-trawwim ta’ rabtiet aktar b’saħħithom bejn il-Ġappun u r-Repubblika ta’ Malta permezz ta’ skambji kulturali, edukattivi, turistiċi u attivitajiet oħrajn. Ħassejt emozzjonijiet kbar għal dit-turija ta’ rispett u dix-xewqa ta’ ħbiberija. U fl-istess ħin diqa kbira li kont tant ’il  bogħod, kemm mill-Ġappun kif ukoll minn Malta. Fl-aħħar staqsejtha jekk kienx attenda l-avveniment iz-Ziju Izumi, li veru nixtieq niltaqa’ miegħu, tant ili nisma’ dwaru u tant jien konxja li dan kollu qed iseħħ bis-saħħa tiegħu, iżda qaltli li sfortunatament kien tilfu peress li kien qed jiġi intervistat mill-BBC bħala parti mill-programm tagħhom The World’s Greatest Train Journeys .

Dekorazzjoni art-nouveau