Djarju #8
Loranne Vella

Indawwar bħal ċavetta u niftaħ il-bibien

Loranne Vella

Bħal kull sena, għall-inqas għal dawn l-aħħar ftit snin, ħejjejt kartolini (magħmulin minn collage ta’ stampi li nġemma’) għar-riżoluzzjonijiet tal-ewwel tas-sena u qassamt waħda lil Samuel, waħda lil Joe u l-oħra lili nnifsi. Qabel bdejt nimla tiegħi fittixt il-kartolini tas-snin ta’ qabel biex nara x’kienu: 1) dawk ir-riżoluzzjonijiet li wettaqt — mort il-Ġappun, ħriġna l-ewwel Antoloġija; 2) dawk li mhux biss irnexxieli nwettaqhom imma anki daħħalthom fir-rutina ta’ kuljum — insib mod kif jirnexxili naqra u nikteb anki meta nkunu kollha d-dar, ħaġa li sas-sena ta’ qabel kont insibha impossibbli nagħmel; u 3) dawk li assolutament mhux jirnexxili nwettaqhom; mhux wisq, tlieta b’kollox — ninżel fil-piż (irnexxieli għal ftit imbagħad erġajt tlajt), nagħmel xi forma ta’ eżerċizzju b’mod regolari, u llesti l-ewwel abbozz komplut tar-rumanz. Dawn kont ġa ktibthom darbtejn għalxejn. L-ewwel tnejn (piż u eżerċizzju) qtajtha li qatt mhu se jirnexxili u did-darba lanqas indenjajt nerġa’ niktibhom. L-aħħar waħda (abbozz komplut), però, tatni ġewwa għax għaddiet sena oħra u għadni ’l bogħod sew milli jkolli f’idi l-manuskritt tar-rumanz. Fil-kartolina tar-riżoluzzjonijiet tal-2023 jien u niktibha kont ħassejt li kienet se tkun diffiċli imma mhux impossibbli, f’dik tal-2024 kont mingħalija li issa possibbli u anki probabbli li jirnexxili. Kemm mort żmerċ! Dis-sena niżżiltha bħala xi ħaġa li se nagħmel u mhux li nixtieq nagħmel. Ma rridx li jkolli nerġa’ nniżżilha fil-kartolina tas-sena d-dieħla.

Xi sena u nofs ilu bdejt dad-djarju biex jgħinni fil-kitba tar-rumanz, biex jgħinni nikteb b’mod regolari, u biex fih niddokumenta x’qed naqra u x’qed nagħmel f’ħajti li b’xi mod huwa konness ma’ dak li qed nikteb. Ikun hemm żmien fejn ma nikteb xejn, żmien ieħor fejn dak li għandi x’nikteb ikollu jinfirex fi djarji oħrajn. Bħalissa għandi mhux djarju wieħed fejn nikteb ħajti imma erbgħa, jekk mhux ħamsa, kollha miftuħin. Għandi d-djarju tal-appuntamenti, dak ilni nżommu minn meta kelli għaxar snin, u fih inżomm kont ta’ dak li rrid nagħmel, fejn il-paġna ta’ ġurnata nimlieha bil-quddiem, imbagħad sal-aħħar tal-jum nimmarka dak li rnexxieli nagħmel u dak li ma laħħaqtx. Għal kull vjaġġ inżomm djarju żgħir, bħal pitazz li nimlieh minn qoxra sa qoxra tul dik il-ġimgħa jew tnejn li nkun qed nivvjaġġa. Għandi djarju tal-qari fejn nieħu nota tal-kotba li qed naqra, u ieħor (djarju stampat bil-Malti, rigal mingħand Sephora) li nniżżel fih it-titli tal-films li naraw b’xi kummenti (għax mhux l-ewwel darba li ninsew li film rajnieh diġà u nerġgħu nibdewh!). Għandi djarju fejn inniżżel ħsibijiet jew deskrizzjonijiet ta’ mumenti speċjali jew ta’ importanza abbinati ma’ Samuel, u minn dis-sena se nerġa’ nibda nżomm djarju fejn nikteb fih kuljum x’nixtieq nibqa’ niftakar minn dil-ġurnata. Dad-djarju tathuli Rachel fil-Milied. Insejħilhom kollha djarji għax fihom nikteb entrati taħt data. Nikteb kemm nista’ biex ma ninsiex x’ġara dakinhar għax l-għaxqa tiegħi nerġa’ naqrahom snin wara u niftakar. Qed nintebaħ li mhux biss qed ninsa x’ġara għoxrin, tletin sena ilu, imma anki dettalji li kienu importanti ħafna għalija minn ftit ġimgħat ilu. Din l-entrata nru 8 mid-djarju tiegħi fuq Aphroconfuso, pereżempju, kellha tkun għal Ottubru dwar iż-żjara tiegħi l-Indja f’Settembru li għadda, imma dik il-ġimgħa l-Indja tant kienet intensiva b’attivitajiet waħda wara l-oħra, u vvjaġġar fit-tul b’kull mezz ta’ trasport, li ma kontx sibt il-ħin u l-enerġija nikteb kull filgħaxija, u meta wasalt lura d-dar u ppruvajt nikteb indunajt li kont insejt id-dettalji ż-żgħar li huma l-aktar importanti; il-kliem, l-ilwien, il-ħsibijiet, l-irwejjaħ. Illum iddeċidejt li nagħlaq għajnejja u nipprova niftakar. Maġenbi għandi l-kotba li xtrajt ta’ tlieta mill-awturi li sirt naf Kolkata. Wieħed minnhom, ta’ Zeina Abirached, jismu proprju Je me souviens (niftakar).


23 ta’ Settembru 2024

Serata li mhux se ninsieha malajr kienet dik li qattajt ma’ Ralph Tharayil, Olga Campofreda u Ana Schnabl nimxu fit-toroq imġienen imniġġsa madwar College Street f’Kolkata. Olga hija l-awtur ta’ Ragazze perbene li ħareġ xi sena ilu u kull ċans li sibna fil-ftit jiem li qattajna flimkien tkellimna dwar is-similaritajiet bejnu u Marta Marta. Pereżempju, dal-paragrafu (traduzzjoni tiegħi) mir-rumanz tagħha, seta’ kien f’tiegħi:

Fl-aħħar ta’ Mejju l-istudenti kollha nġabru taħt il-loġoġ f’purċissjoni twila. Bdejna nduru mad-dawra tal-bitħa ngħidu r-rużarju bil-karti bojod f’idejna li fuqhom konna ktibna l-wegħdiet tagħna. Fil-bidu tax-xahar, b’pinna Bic tal-linka blu, konna niżżilna ħafna wegħdiet żgħar bil-patt li nirrispettawhom u noffruhom lill-Madonna. Konna se naħarquhom waħda wara l-oħra, f’ħuġġieġa fin-nofs tal-kunvent tal-klawsura.
Mhux se nigdeb.
Mhux se nissindika.
Se nirrispetta ’l-għeżież tiegħi.

L-erbgħa li aħna konna qbadna taxi biex niġu hawn minħabba li qalulna li huwa kwartier kollu cafés u ħwienet tal-kotba u naħseb li kollha stħajjilna se nsibu trejqa ħelwa tistenniena. Imma meta wasalna laqgħetna atmosfera għalkollox differenti u l-kotba għall-bejgħ (eluf ta’ kotba mitfugħin fuq xulxin fuq imwejjed fuq il-bankini kollha tal-kwartier) kienu dawk biex jgħinu lill-istudenti jgħaddu mill-eżamijiet (tal-Matematika, tax-Xjenza, eċċ.). Qtajnieha li mmorru nfittxu l-café li semmewlna — Indian Coffee House, Albert Hall — magħruf, fost l-oħrajn, għall-fatt li tul is-snin, bosta intellettwali, kittieba u poeti ġew jieħdu l-kafè hawnhekk, u għat-taħditiet letterarji u politiċi li għadhom iseħħu fih. Meta sibna l-bini ħsibna li ħadna żball għax id-daħla ma kienet tagħti l-ebda indikazzjoni li tista’ twassal għal dak li konna qed nistennew. Dħalna xorta u tlajna t-taraġ sa fuq nett fejn sibna xena daqsxejn surreali: sala kbira b’saqaf għoli mdawla b’dawl ġenerali, bi mwejjed u siġġijiet xi ftit żdingati b’nies jieklu servuti minn irġiel kollha libsin pulit bl-istess uniformi. Gallarija bħal f’teatru kienet iddur ma’ tlieta mill-ħitan. L-atmosfera fakkritni f’dik tal-King’s Own il-Belt fit-tmeninijiet. Ir-riħa tal-kafè li konna qed nistennew ma kinitx hemm. Kien hemm minflok riħa qawwija ta’ ikel imħawwar sew u ħadd minna ma kellu l-ġuħ. Stajna nifhmu li dan kien mument speċjali, dan post mimli storja, imma ma xtaqniex nibqgħu hawn. Erġajna nżilna u ħriġna fit-triq. Irnexxielna naqsmu għan-naħa l-oħra mingħajr ma laqtitna karozza (hawnhekk il-vetturi ma jiqfulekx, anki jekk jistgħu jtajruk) u dħalna f’waħda mit-toroq dojoq ta’ dal-kwartier. Bħat-toroq l-oħrajn kollha li konna għadna kif għaddejna minnhom, kienet iffullata nies, karozzi, ħwawar, ħxejjex, dħaħen, turruni kotba u kull ħaġa li tista’ timmaġina, quddiem binja wara binja kollha donnhom ikkundannati se jaqgħu ma jaqgħux, il-ħitan suwed inkallati b’għexieren ta’ snin ta’ ħmieġ u nugrufun. F’ħin minnhom, qlajt daqqa fuq dahri u għoddni nqlibt mal-art minn rota b’tagħbija daqsiex fuqha li għaddiet imħaxkna minn miegħi u baqgħet sejra. Ma nistax niftakar x’konna qed ngħidu eżatt dak il-ħin. Naf li xi ftit minuti qabel jien u Ralph konna qed nitħaddtu dwar il-persunaġġi li noħolqu fil-kitba tagħna, dwar l-ispazju limitat li noħolqulhom biex narawhom jitqabdu mad-diffikultajiet u semmejna “The Carrier Bag Theory of Fiction” ta’ Le Guin. Niftakru jgħidli dwar kif fir-rumanz tiegħu, Nimm die Alpen weg, in-narratur jitkellem fil-plural, huwa tifel wieħed imma jitkellem bħala tnejn; u li l-lingwaġġ ixaqleb lejn dak iktar sempliċi tat-tfulija. Hekk (traduzzjoni tiegħi):

Il-Ma tgħidlu papà lill-Pa u l-Pa jirrepeti kollox.
Il-Ma tgħid:
M’hemmx televixin illejla, papà, rajthom il-marki, da’ x’għandhom dat-tfal?
Il-Ma u l-Pa jsejħu ’l xulxin mamà u papà. Huma l-ġenituri tagħhom stess. Huma jpoġġu hemm fejn ebda isem m’hemm.
Il-Ma xogħol ta’ billejl u l-Pa jrid iqum kmieni. Ma narawx televixin qabel norqdu u meta noħolmu naraw hekk:
L-annimali jinġabru f’qiegħ il-miżbla. Jibdew jindiehsu magħna, jarmu qrunhom fl-iskart. Niġbruhom u nibdew niżfnu.
Ngħoddu kemm-il dawra nduru.
Naħsbu fil-Ma u fil-Pa bilwieqfa fil-kċina. Jagħmlu t-toast bi slice ġobon, ipoġġu bilqiegħda fuq il-banju jxarrbu saqajhom, jitqallbu fl-irqad.
Għandhom żewġt irjus u erba’ dirgħajn u għaxar swaba’ għal darbtejn, huma adulti.
Mhux bħaż-żmien, imma strambi, kif in-nies biss jistgħu jkunu strambi għal xulxin.
Narawkom għada, ngħidu u idna nserrħuha fuq l-istonku.

Tkellimna wkoll dwar il-kitba għat-teatru u niftakar is-sorpriża kemm tiegħu kemm tiegħi meta ntbaħna li t-tnejn konna dħalna fil-letteratura mill-bieb tat-teatru. Dawn l-affarijiet li bqajt niftakar sew minn dik it-taħdita, imma hemm ħafna iktar li nsejt. Minn dakinhar ’l hawn komplejna korrispendenza bejnietna bl-email u t-tnejn li aħna nsemmu kemm kienet memorabbli dik il-mixja u dik it-taħdita dakinhar. Veru kienet memorabbli u issa li qed nikteb dwarha, il-memorji qed jiġu ftit ftit. Imma kemm nixtieq nistgħu nerġgħu nirrepetuha ħa nara xi lħaqt insejt. Daż-żmien sirt nifhem iktar x’jiġifieri jkolli moħħi passatur jekk ma nżommx bil-miktub. Meta nkun ilħaqt niżżilt fid-djarju, kemm immur fil-paġna tad-data li qed infittex, indawwar bħal ċavetta u niftaħ il-bibien għat-tifkiriet.


3 ta’ Jannar 2025

S’issa diġà kelli erba’ titli għax-xogħol li qed nikteb. L-ewwel wieħed kien “se nimxi qaltli” għax dak iż-żmien, xi sena u nofs ilu, dar-rakkont stħajjiltu dokumentazzjoni tal-mixi fit-tielet persuna, il-jien esternalizzata li nitkellem dwarha imma mhux magħha. Hi li tagħmel kollox, tgħaddi minn burraxki, tgħid mod u tagħmel ieħor, tinbidel minn żmien għal żmien, u jien hemm, nosservaha u niktibha qisni mhux nintebaħ li hi hija jien u li lanqas jien m’għadni li kont. It-tieni abbozz kellu bħala titlu “xejn qatt ma kien” fejn għamilt qalba kbira fir-rakkont, mit-tielet persuna għall-ewwel persuna. Iżda t-titlu l-ġdid ma lliberanix biss biex nikteb minn ġewwa għal barra imma llaxka wkoll il-qafliet li jżommuni marbuta ma’ dak li jiġri fil-qawmien u rħejtilha nikteb dwar dak li ngħaddi minnu waqt li ninsab b’għajnejja magħluqin ukoll. Bdejt nikteb fuq ix-xejn, fuq li ma kienx u li ma jistax ikun, biex nitbiegħed kemm nista’ mill-ħsejjes li jtarrxuni, il-folol li jgħajjuni, l-irwejjaħ li jqażżuni. Bdejt nikteb dwar tifkiriet mit-tfulija b’enfasi fuq x’jifdal mill-pjaċir tal-mument marbut mas-sensi; l-ilwien li jgħammxu, it-togħmiet għoslien, it-taħbit ħafif tal-mewġ. Dwar ħolmiet mill-istess żmien li bqajt ngħożżhom daqslikieku tifkiriet. Bdejt nikteb qisni biex nisfida lill-qarrejja; ktibtilha, “Int li tagħżel li taqrani, ħalli ħarstek titbiegħed, toqrob, taħrab. Agħżel bir-reqqa fuq xiex tħalliha taqa’. Imnifsejk iftaħhom, għajnejk baxxihom, bexxaqhom. Emmen li trid; li se nikteb hu minnu anki jekk ma seħħx. Għax l-ebda kelma mhi b’oħra. Dik l-aħħar sentenza domt nhewden dwarha. Ħassejt, inħoss, li l-ebda kitba mhi gidba. U minnha ħareġ it-tielet titlu u t-tielet abbozz tax-xogħol, “kelma b’oħra”, mingħajr in-negazzjoni. Għax jekk l-ebda kitba mhi gidba kont qed nillibera lili nnifsi iktar u nkompli nitbiegħed mill-veru, ngħid ħaġa flok oħra, nitbiegħed mill-parametri fissi, mit-tifsiriet li dejjem qbilna dwarhom, u nitlaq nimxi bit-tir li ngħaddi minn mogħdijiet li ma nafx, nintilef biex insibni xi mkien ieħor li huwa l-post fejn ridt immur qabel biss kont naf dwaru. B’dan it-titlu, il-pass ħfiefli u l-kitba bdiet timraħ ġmielha; dat-titlu ġegħelni nimxi fit-tul, nhewden dwar il-mixi ’l bogħod mid-dar, mill-belt, sa ma l-kitba bdiet titla’ l-għoljiet u tfittex il-qċaċet tal-muntanji. Hemm fuq twieled ir-raba’ titlu, dak li għadni qed nuża sal-lum, “minn dahri nibet ġewnaħ”.

Ismagħha n-Natura xi ttaqtaq, m’għandhiex kwiet. Tiċċaċċra, iżżarżar, tkarwat, tvenven, triegħed, izzekzek, tħamħam, izzenzen, iżżanżan, ittartar, tnewwaħ, tingħi, twedwed ma tiqafx. Ilsien b’vokabularju, arsenal mogħni b’nomi verbi aġġettivi avverbi. Jekk m’intix tismagħha mhux għax siktet hi imma għax saddejt widnejk, tbigħedt, insejt it-tifsir ta’ kliemha int.

Erba’ abbozzi, erba’ titli, u għadni ma nafx xi nsejjaħlu dak li qed nikteb. Insejjaħlu rumanz għax dak li nħoss li qed nesplora — kitba ta’ rumanz li ma ssegwi l-ebda regola prestabbilita ta’ x’inhu rumanz fejn jidħlu persunaġġi, azzjoni, taqsimiet, kif jiżviluppa r-rakkont innifsu. Nista’ niksirhom kollha iżda mhux it-tul. Għalija rumanz jeħtieġ it-tul u f’dax-xogħol, għall-ewwel darba, tul m’għandix, forsi għad m’għandix, imma dil-kitba qed turini wkoll li tul ma tridx. Sentejn kitba u għadni lanqas ktibt ħmistax-il elf kelma. Fejn qabel kont inpoġġi bilqiegħda u f’ġurnata nikteb kapitlu ta’ elfejn kelma, illum inqatta’ s-sigħat biex nagħżel kelma flok oħra u sa tmiem il-ġurnata nkun meħluba, imma rnexxieli nikteb paragrafu ta’ mitt kelma. Sirt ngħid, lil min jistaqsini x’qed nikteb, “rumanz; imma iktar jinqara bħala poeżija twila, avolja proża. Fil-verità, mhux li tant importanti nkun naf minn qabel x’se jkun. La niktbu jgħidli hu xi nsejjaħlu .

Dekorazzjoni art-nouveau