Djarju #7
Loranne Vella

Bħal mera maħlula f’għadira mfawra

Loranne Vella

Fil-basket ta’ fuq dahri ppakkjajt Trésors à prendre ta’ Violette Leduc biex ikun il-ktieb li jakkumpanjani tul il-vjaġġ ta’ ħames ġimgħat madwar il-Ġappun. Għażiltu għax huwa l-ġurnal tal-vjaġġ li Leduc għamlet madwar la Provence fuq suġġeriment ta’ Simone de Beauvoir (u fil-fatt il-ktieb iddedikatu għaliha). De Beauvoir kienet issuġġeritilha tivvjaġġa biss b’basket fuq daharha, u fuq il-mapep pinġitilha minn fejn għandha tgħaddi u fejn għandha tmur. Il-ktieb ta’ Leduc poġġejtu fil-basket fuq dahri u rkibt l-ajruplan għal vjaġġ ta’ seba’ sigħat imbagħad ieħor ta’ ħdax-il siegħa, bilqiegħda tul dal-ħin kollu, bit-tir li naqra dwar il-mixi u l-ivvjaġġar mingħajr toqol ta’ bagalji ta’ Leduc. Imma f’żaqq l-ajruplan għandi bagalja oħra mburġata bi ħwejjeġ u żraben li x’aktarx se jkolli bżonn tul il-ġimgħat fejn it-temp għandu jkun l-ewwel xita l-ħin kollu, imbagħad sħana insapportabbli. Lil Leduc, de Beauvoir widdbitha timxi u tikteb. Fil-basket ta’ fuq dahri ħadt miegħi wkoll ġurnal ġdid, bil-qoxra safra, li xtrajtu ftit ġimgħat ilu biex fih, jien ukoll, nikteb dwar il-mixjiet tiegħi l-Ġappun, u dwar il-ħsibijiet tiegħi jien u nterraq fi bliet u foresti tant ’il bogħod mid-dar. Dwar Leduc, de Beauvoir tgħid li kitbietha huma ta’ “mara li tinżel fl-iktar fond sigriet tal-jien u tirrakkonta b’sinċerità tant qalbiena bħallikieku m’hemm ħadd ieħor biex jismagħha”. Qabel niżżilt l-ewwel kelmiet għaddieli minn rasi: x’għandi ninkludi jien fi djarju personali li mbagħad se jsir pubbliku? Il-ġurnali tiegħi huma dejjem personali, miktubin biex nerġa’ naqrahom jien biss, imbagħad minnhom bir-reqqa nislet siltiet li nista’ nkompli nibni fuqhom u nħallihom jinqraw fil-pubbliku, hawnhekk.

Tlaqt lejn il-Ġappun bit-tir li nimxi f’postijiet għalkollox differenti minn dawk li nimxi fihom is-soltu. Irrid nimxi f’toroq li, għalkemm uħud minnhom kont imxejthom diġà erbatax-il sena ilu, meta l-aħħar li kont il-Ġappun, irrid nerġa’ nimxihom biex inħossni rġajt lura fiż-żmien, niftakarni kif kont u forsi nilmaħ ħjiel tiegħi nnifsi li baqa’ hemm minn dak iż-żmien. Irrid nimxi wkoll mogħdijiet li ma nafx u nżid mal-għarfien tiegħi tal-post, u nibdel dak li kont mingħalija ġa naf. Tlaqt daqshekk ’il bogħod proprju biex nimxi, nimxi iktar milli nimxi fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum, li sirt inqattagħha l-iktar id-dar. Biex nissovrapponi mixjiet oħrajn fuq dik il-waħda li qed nimxi kull darba li nżid mal-kitba li qed nikteb dal-aħħar. Mixja waħda li tinkludi fiha kull mixja oħra li nagħmel, hekk, waħda fuq l-oħra.

Dal-lejl qrajt mill-bidu sal-aħħar il-ġurnal tiegħi tal-ivvjaġġar li kont żammejt meta żort il-Ġappun l-ewwel darba fl-2010. Ħadt qatgħa xħin ftaħtu u sibtu miktub bl-Ingliż. Ma nagħrafnix iktar f’dil-kitba, minkejja li huwa biss dawn l-aħħar ftit snin li d-djarji qed niktibhom bil-Malti. Lil Leduc ġibtha miegħi għax naf li l-kitba tagħha marbuta ħafna mal-ħajja tagħha ta’ kuljum. Leduc meqjusa bħala xempju ta’ kittieba tal-awtofinzjoni u l-kitba awtobijografika, imma qed naqraha mhux għax jien irrid nikteb rumanz awtobijografiku. Fil-kitba li diġà għandi qed nara li l-ewwel persuna xi kultant hija jien, imma drabi oħra tinbidel f’xi ħadd ieħor, mhux ċar eżatt min, imma jien naf li mhix jien.


26 ta’ Ġunju 2024

Ilbieraħ imxejt l-ewwel mixja twila f’Tokyo tul ix-Xmara Sumida, ’il fuq fid-direzzjoni ta’ Sensō-Ji li jinsab fuq ix-xellug. Bdejtha mil-lukanda, li tagħti proprju fuq ix-xmara, bit-tir li nasal sat-tempju. Fuq il-mappa tidher mixja qasira ta’ għoxrin minuta, forsi erbgħin, imma wara siegħa mixi t-tempju kien għadu ’l bogħod. Il-mappa ta’ Tokyo tqarraq bija għax tagħtini x’nifhem li f’ġurnata nista’ nimxi ħafna iktar milli verament huwa possibbli. Konna għajjenin wara għoxrin siegħa ta’ vjaġġar u nuqqas ta’ rqad u kumdità. Laħaq dalam, għax Tokyo fis-sebgħa ta’ filgħaxija jidlam f’daqqa. U t-tempju x’aktarx laħaq għalaq. Naf li qiegħed hemm, hemmhekk se jibqa’, imma kien l-ewwel post li xtaqt inżur, għażilt il-lukanda minħabba fih. M’iniex waħdi f’dal-vjaġġ, u mhux kollha jixtiequ jimxu daqskemm nixtieq nimxi jien. Dalgħodu qomt kmieni, xtaqt nilbes u ntir ’il barra imma ma stajtx. Poġġejt nikteb, minflok, maġenb it-tieqa l-kbira li hawn fil-kamra li tħares dritt fuq ix-xmara, bil-pont fuq il-lemin, kultant ħin tgħaddi dgħajsa ħamra, mgħottija, b’ħafna twieqi. La ma nistax nimxi, nikteb. Kull kelma li nniżżel nistħajjilha pass. Meta fl-aħħar qam kulħadd ħriġna nimxu lejn il-kwartier iffullat bi ħwienet kbar ta’ Ginza.


2 ta’ Lulju

Ħarisna ’l fuq u smajna l-għajta ta’ Nakiryu, id-dragun impitter fuq is-saqaf tat-tempju fil-maqdes ta’ Toshogu, tidwi mad-daqqa tal-klavi minn dak li kien qed jispjegalna dwar il-gwardjani Ċiniżi abbinati mas-snin — il-ġurdien, is-serduq, id-dragun… Meta ħriġna mit-tempju, imxejna fil-kwiet — xi ftit mgħaġġlin biex illaħħqu qabel jibda jidlam — lejn ix-xmara. Hemmhekk qsamna l-pont biex immorru nfittxu l-Jizo, dawk il-mijiet ta’ statwi u ġebliet bil-kappun u l-vavalor aħmar skjerati maġenb xulxin tul it-trejqa qalb il-ħdura selvaġġa tal-foresta, bl-ilmijiet imqanqla faċċata tagħhom. Jgħidu li jekk tgħodd l-istatwi int u dieħel u terġa’ tgħoddhom int u ħiereġ, in-numri ma jaqblux. Bdejt ngħodd imma kien hemm wisq minnhom u waqaft. Emmint li l-għajdut huwa minnu għax stħajjilthom qed jieqfu jiċċaqalqu biss xħin inkun qed inħares lejhom jien; kull wiċċ b’ħarsa differenti minn tal-ieħor, se jibdluha malli nitlaq minn quddiemhom. L-ilma jkompli jitqanqal u, f’dak il-punt magħruf bħala l-Abbissi, tant isir feroċi li jtarraxlek widnejk. Kalma fuq naħa, qilla fuq l-oħra. Kont ilni s-snin nistennieh il-mument li nerġa’ nkun f’dal-post imsaħħar f’Nikko.


7 ta’ Lulju 2024

Tarrfuli li l-ebda staġun mhu aqwa minn ieħor għal żjara f’Sanjūsangen-dō, it-Tempju tat-Tlieta u Tletin Spazju Bejn Kolonna u Oħra; fih għaxqa s-sena kollha. Imma żuru kmieni filgħodu, malli tiftaħ is-sala, f’jum ta’ sema mikxuf, u tilmaħ dijet ix-xemx hekk kif tolqot id-deheb għasli tal-elf figura u waħda ta’ Kannon, l-alla tal-ħniena bi ħdax-il wiċċ u l-elf driegħ. Fuq ġewwa, it-tempju bħal foresta f’ħolma. Nidħol. Fuq naħa l-alla tar-ragħad, fuq l-oħra l-alla tar-riħ, bejniethom ordni, kalma u hena fuq l-uċuħ tal-ispirti-għassiesa tal-ġmiel, l-għerf, il-prosperità, il-karità, is-saħħa, l-armonija. Jgħiduli li jekk inqimhom, nagħtihom ġieħ, in-natura tkun ħanina miegħi. Xufftejja jfittxu kliem ta’ qima hekk kif merżuq jinfiles mill-ewwel xaqq li jsib, u sparat jolqot id-deheb warajhom. It-tempju jsir ħuġġieġa imma għajnejja ma nbexxaqhomx. Qed ngħodd il-figuri dehbiena quddiemi, waħda ħdejn l-oħra, kull wiċċ mhux bħall-ieħor, kull ħarsa hienja, u niftakar fil-Jizo ta’ Nikko. Hawnhekk naf eżatt kemm hawn statwi ta’ Kannon, imma tal-Jizo l-għadd qatt ma sirt nafu. Fl-eluf ta’ jdejn ta’ Kannon nilmaħ mera li tqanqal l-għarfien, qamar li jżomm ’il bogħod is-semm, xemx li tbiegħed il-mard tal-għajnejn, sħaba mlewna għal ħajja twila, skutella ċkejkna għall-uġigħ ta’ stonku, fergħa minn siġra taż-żafżafa li tfejjaq il-mard, id miftuħa b’xejn fiha għal kontra l-ansjetà, mannara tal-ħadid ħalli tiżgiċċa l-għawġ, vleġġa biex tlaqqgħek ma’ ħbieb ġenwini, kunjett għall-armonija bejnietna, għanqud għeneb għall-barka tan-natura, żibeġ tat-talb għall-protezzjoni, rota biex kollox jimxi ’l quddiem u qatt lura, qanpiena għal vuċi mill-isbaħ, siġill biex żgur tartikola ruħek sewwa, sunnara biex taqbad id-draguni krudili, fjura tal-lotus bajda biex tirnexxi, fjura tal-lotus vjola biex tiltaqa’ mal-Buddha, xabla għal kontra l-ispirti mxajtna, qaws li jkattar l-unur, ġarra tal-ilma li tlaqqgħek ma’ mexxejja tajbin, tarka għal kontra l-bestji, lanza li tegħleb lir-ribelli, xbieki biex bihom tikseb il-paċi dejjiema.


11 ta’ Lulju 2024

F’Kobe, fuq wara tal-istazzjon tal-ferrovija, hemm għolja miżgħuda għeġubijiet. Malli sibt ruħi barra mill-istazzjon, il-ħoss itarrax tal-ilma ġieri sejjaħli nsegwih. Fittixtu, domt ma rajtu, imma smajtu; kif tista’ ma tisimgħux dak il-ġiri sfrenat? U mxejt lejh bix-xewqa li nilmaħ il-pont jew in-nixxiegħa li jekk ngħaddi minn fuqhom jew minn ġo fihom noqrob iktar għad-daħla tar-renju tan-ninfi tal-bosk li s’issa għadu ma sabu ħadd. Tlajt dejjem iktar ’il fuq, tlajt turġien minquxa miż-żmien, oħrajn bl-idejn, kull tarġa miksija saff artab ħażiż mifqugħ xita, umdità u nida mill-aħħar jiem. Tlajt niżloq ma niżloqx sa ma sibt quddiemi xenarju — skjerat fil-wisgħa, inkwadrat mill-kwinti ħodor tal-weraq tas-siġriet — ta’ kaskata li tferra’ ilmijietha bħal mera maħlula f’għadira mfawra tant li minnha taħrab kaskata oħra, din idjeq, ta’ ilma jitfarrak bħal mera f’biċċiet bl-eluf, kull farka tkanġi fid-dawl bati tax-xemx li jirnexxilu jiżgiċċa minn bejn il-werqiet niedja tas-siġar sfiq. Li kieku kelli nipprova niġbor dal-ilma f’passatur kien jirnexxili żgur. Naħfen ponn ilma frisk u nbaħbaħ wiċċi, ponn ieħor nixorbu, u l-aħħar ħafna ngħolliha mas-smewwiet bil-ferħ. Inħossni nistrieħ. L-ilma jnaddafni mill-imgħoddi, isaħħaħni fl-issa u jbassarli l-ġejjieni. Nara x-xemx tissaħħaħ hi wkoll, naraha tirrifletti f’wiċċ l-ilma u nintebaħ li kulm’għandi bżonn — nirien u ilmijiet il-ħajja — qiegħed hawn quddiemi, bil-ħafna imma f’bilanċ delikat. F’sakra nħossni nintelaq għall-pjaċir.

Komplejt tielgħa għall-kaċċa ta’ dawn il-kaskati, kull waħda meravilja isbaħ minn ta’ qabilha, mantijiet tqal, bojod, qliel, ikanġu l-ilwien huma u jintefgħu mill-għoli bla biża’ għal fuq il-ġebel leqqiena taħthom, kull darba b’tisbita li tissawwar f’għanja għejun tal-għerf, f’melodija duwa għall-uġigħ u l-biżgħat, f’ritmu selvaġġ għat-tiġdid ta’ kulm’hu qadim. Jien u nitpaxxa b’dal-ġmiel, l-ewwel qatra ma ħassejthiex, it-tieni donni biss stħajjiltha, mat-tielet ġieni l-ħsieb tax-xita u t-taqtira ta’ wara, li waqgħet fuq ħaddi tax-xellug, ħasditni li kont kapaċi nevokaha bil-ħsieb. Imma t-taqtiriet tqal warajha, u x-xita li damet nieżla s-sigħat, tawni x’nifhem li t-taqtiriet kienu ġew qabel il-ħsieb. Xita. Xejn ħlief xita selvaġġa. Xita ta’ siegħa tnaddaf qiegħa, xita ta’ nofstanhar tfawwar il-bjar. Kull taqtira ninfa żeffiena sellmitli hi u tilqagħni fir-renju fatat ta’ ħolma ħdura u ilmijiet. Inti ħajja? Immissek, titriegħed. X’inti? Qawwar ’il fuq labar fergħatek, stħajjiltha twiddeb in-ninfa lill-ilma. Sawwat ġeblietna bil-prinjoli, fajjarna bil-ħdura ta’ werqatek, għattina b’għadajjar taż-żnuber. Xwieni porpra jitmewġu bil-ħlewwa fuq ibħra ranċis u n-ninfi baħħara msaħħra jitħalltu mal-ilwien, imbagħad ħemda u skiet. Ħarist ’il fuq, ħalqi miftuħ għall-ilma. Ħarist ’l isfel u rajt it-taqtiriet-ninfi jinbelgħu mill-art, stħajjilthom hemm taħt itellqu bejniethom, jaraw min minnhom se tasal l-ewwel fil-ġamar tal-qalba tbaqbaq ta’ art taħt vulkan u titla’ lura ħamsin sena wara bħal fwar.


17 ta’ Lulju 2024

Tal-linja ma segwietx ir-rotta li kelli miktub li għandha ssegwi biex toħodna sal-bajja ħdejn it-Torri ta’ Fukuoka, imma peress li għaddiet, minflok, minn fuq pontijiet li jaqsmu minn ponta għal oħra tal-port, stajna ngawdu xena spettakolari minn barra għal ġewwa tal-port, u fl-aħħar mill-aħħar xorta wasslitna sal-bajja li ridna. Sibna post taħt it-tined eżatt quddiem il-baħar u ntfajna hemm bil-lest li nqattgħu ġurnata nitgħażżnu nisimgħu l-mewġ iċafċaf ħafif u l-għajta tal-grillu li fil-Ġappun kollu ma tieqaf qatt. Inżilt fl-ilma u ħassejtni nintelaq bħalma dejjem inħossni meta nkun fl-ilma. Meta tlajt ħadt nagħsa żgħira u mbagħad ftaħt id-djarju u bdejt nikteb. Qiegħda xi tlett ijiem b’lura, l-aħħar li ktibt dwar il-ġurnata li qattajna Nara, nippruvaw insibu r-rotta li twassalna sa Todaj-Ji, l-akbar bini tal-injam fil-Ġappun kollu, u ma kellix aptit inkompli minn hemm għax xtaqt nikteb dak li qed inħoss fl-immedjat u mhux li niftakar. Qed ninsieh malajr mument importanti — qed ninsa l-ħsibijiet, id-dettalji tat-taħditiet — u nispiċċa nikteb biss dwar fejn mort u fi x’ħin. Ħallejt xi paġni vojta biex nimliehom darb’oħra u bdejt nikteb dwar dalgħodu stess, u malli ppruvajt niftakar x’kienet l-ewwel ħaġa li ħassejt filgħodu malli stenbaħt, ftakart fl-iskumdità ta’ meta Samuel jorqod fis-sodda miegħi u jkolli norqod dritta, wiċċi ’l fuq jew fuq ġenbi, u mhux milwija esse, kif inħobb norqod għall-kumdità ta’ dahri.

Iddeċidejt li nqum minn fuq ir-ramel u mmur mixja waħdi. Ħadt miegħi biss il-portmoni, il-mobile u d-djarju għax xtaqt insib post ieħor għall-kwiet waħdi u nkompli nikteb. Malli nsib ruħi nimxi waħdi nħoss it-toqol jitbiegħed minn fuq spallejja, jgħib mill-istonku u qisni nieħu r-ruħ. Kulma jkolli bżonn hu li nitlaq interraq waħdi, imqar għal kwarta, bħalma għamilt ilbieraħ Nagasaki qalb l-oqbra taċ-ċimiterju Sakamoto Kokusai Bochi (kos, għadni lanqas ktibt dwar ilbieraħ — irrid insemmi s-sħana tremenda li ħassejt bħall-ewwel darba li ġejt, il-gdim tan-nemus, il-lapidi tal-oqbra mqegħdin mat-telgħa tal-għolja, il-veduta, il-ħoss tal-werżieq, u l-fatt li f’daċ-ċimiterju wkoll kont għamilt wegħda miegħi nnifsi snin ilu li xi darba nerġa’ nżuru). Mingħajr irbit ta’ relazzjonijiet ma’ persuni oħrajn inħossni bla direzzjoni, mingħajr skop. Imma jekk ma naqtax ftit — anki minuti huma biżżejjed — inħossni nifga. Dil-mixja ħarba żgħira waħdi, kemm nerġa’ nibda nieħu nifs, nibda nħoss id-distanza li ġġegħelni nkun irrid indur lura. Nitbiegħed biex lill-maħbubin tiegħi nilmaħhom bħal żlieġa mill-bogħod u nħoss dik l-għafsa ta’ qalb li ġġegħelni mmur niġri lura lejhom. Qed nikteb dan kollu minn fuq bank taħt xelter kbir mix-xemx, quddiemi baħar kalm, nies ħadd, għax din-naħa mhix tajba għall-għawm. Fuq il-ġenb l-għoljiet, warajja ġnien żgħir bis-siġar ikkurati sew. Qed inħoss dik l-għafsa ta’ qalb u ħerqana li nqum u nerġa’ nibda miexja lura. Imma kultant jgħaddili suspett li għad tiġi ġurnata fejn riġlejja joħduni ’l bogħod minn kollox u minn kull persuna li nħobb u dik l-għafsa biex immur lura nibqa’ ma nħosshiex.


19 ta’ Lulju 2024

Mill-istazzjon ta’ Beppu rkibna karozza tal-linja li tmur Kannawa u bqajna sejrin sal-ewwel jigoku, l-ewwel fis-sens li huwa l-iktar wieħed ’il fuq, biex imbagħad nibdew neżlin u fi triqitna lura sal-waqfa naraw il-jigoki — l-“infernijiet ta’ Beppu”, kif jissejħu l-onsens t’hawn — l-oħrajn. Umi Jigoku huwa, skont jien, l-aħjar wieħed milli rajna għax hemm l-element spettakolari tal-fwar u tal-ilma kkulurit. Fih vaska mdaqqsa bl-ilma ċelesti qisu baħar u oħra iżgħar b’ilma ħamrani fil-kannella. Madwar il-vaski hemm ġonna kkultivati u wkoll serra bil-pjanti li jikbru permezz tas-sħana ġġenerata mill-fwar, fosthom il-waterlilies. Mill-ħanut ta’ dal-jigoku xtrajna ħames bajdiet mgħollija fil-fwar naturali tal-post u kilniehom. Imbagħad dħalna fil-jigoku ta’ maġenbu, Oniishi Bozu, fejn ma rajniex fwar proprjament imma tajn ibaqbaq. Dan ma kienx familjari għalija, jiġifieri żgur li ma kontx ġejt qabel hawnhekk. Tad-daħq dawn il-bżieżaq tat-tajn, qishom irjus tal-patrijiet, u fil-fatt skoprejt li għalhekk hemm il-kelma “bozu” fl-isem tal-jigoku. L-isbaħ parti ta’ dal-jigoku kienet l-onsen tas-saqajn fejn stajna nsorġu u nirrilassaw b’saqajna fl-ilma sħun ħafna. Forsi mhux ideali f’dis-sħana kollha imma l-ilma kien pjaċevoli u nadif. Il-jigoku li kien imiss kien Oniyama u Samuel ried jidħol għax kien hemm imsemmija l-kukkudrilli, imma sirna nafu li mhumiex miżmumin f’kundizzjonijiet deċenti, allura bi protesta ma morniex. Minflok dħalna f’Kamodo Jigoku fejn ukoll billejna saqajna fl-ilma sħun. F’dal-jigoku kollox deher iktar primittiv mit-tnejn l-oħra, imma fl-istess ħin sibna iktar tagħrif dwar l-ilmijiet u l-fwar. It-temperatura tal-ilma hawnhekk tvarja bejn tmenin, disgħin u anki mitt grad, u għalhekk tajjeb għat-tisjir. Sibna sorsi differenti ta’ ilma, wieħed tajjeb għall-ġilda, ieħor għall-griżmejn, u ieħor għall-imnifsejn. Għamlulna dimostrazzjoni biex juruna li l-fwar dejjem preżenti anki jekk ma narawhx, u kkonvinċewna billi nefħu d-duħħan fuq wiċċ l-ilma u f’daqqa waħda stajna naraw il-fwar. Minn hawn bqajna sejrin il-mużew dwar l-onsen fejn tgħallimna kif qatra ilma tax-xita tidħol fl-art, tibqa’ nieżla sa fejn hemm is-sħana vulkanika u bil-mod il-mod issir fwar u tibda tielgħa sa ma ssib xaqq minn fejn toħroġ, proċess li jdum ħamsin sena. Issaħħart naħseb dwarha dil-qatra ilma. Ftakart fix-xita u l-kaskati ta’ Kobe u fil-kitba għaqqadthom bħala meravilja waħda. Filgħaxija, qabel dħalt norqod, għaddieli minn rasi li għada filgħodu nqum kmieni qabel kulħadd, qabel jisbaħ, u mmur nimxi waħdi għall-arja friska mxarrba bin-nida.


20 ta’ Lulju 2024

Dalgħodu qomt u ħriġt waħdi. Laqgħuni dija tgħammex u riħ sħun. Insejt inġib l-umbrella tax-xemx miegħi. Minkejja s-sħana, li ma kontx qed nistennieha tibda minn daqshekk kmieni, malli bdejt nimxi rġajt ħassejt dak il-ferħ li nħoss meta nterraq waħdi mingħajr il-ħsieb dwar fejn jixtiequ jmorru l-oħrajn. Fi triqti lejn Tōchō-Ji, fuq in-naħa l-oħra lmaħt bini li deher interessanti u qsamt biex nara x’kien. Tempju ieħor, Mangyo-Ji. Meta għaddejt mid-daħla sibt ruħi f’bitħa b’karozzi pparkjati fiha u bdejt naħseb li fhimt ħażin u li dan huwa l-parkeġġ ta’ xi lukanda jew uffiċini. Imma fuq il-plakka fid-daħla kien hemm miktub li hawnhekk hawn il-qabar ta’ Meigetsuni, mara devota li għexet ħajja diffiċli bħala prostituta u hemm leġġenda li tgħid li minn ġisimha warrdet fjura tal-lotus. Dort ftit sa ma sibt passaġġ daqsxejn baxx u għaddejt minnu u stagħġibt xħin sibt ruħi f’ċimiterju kbir. Kien hemm ħemda sabiħa ħlief għall-werżieq. Il-qabar ta’ Meigetsuni ma sibtux qalb il-mijiet ta’ oqbra, imma fil-fatt ma kontx dħalt apposta biex infittxu. Qattajt ftit ħin, waħdi għalkollox, f’daċ-ċimiterju li ma hemm l-ebda ħjiel tiegħu mit-triq, imbagħad ħriġt u komplejt miexja lejn Tōchō-Ji, l-ewwel tempju li ġieni f’rasi nżur dalgħodu malli ħriġt. Tlajt mill-ewwel fis-sala ta’ fuq fejn kien hemm indikat li tinsab l-istatwa tal-Buddha. Tfajt ¥50 (proprjament ma kellix munita ta’ ¥50 u tfajt waħda ta’ ¥100 u ħadt il-bqija waħdi għax ma kien hemm ħadd mal-flus). Malli dħalt sibt ruħi quddiem statwa enormi. Ma kontx qed nistenna li se tkun daqshekk kbira. Hija l-ikbar statwa tal-injam tal-Buddha fil-Ġappun kollu; il-Buddha bit-Tmun tad-Deheb, magħmula mill-injam taċ-ċipress, għolja għaxar metri u tmenin ċentimetru u tiżen tletin tunnellata. Mal-ħajt fuq wara tal-istatwa hemm aktar minn ħamest elef Buddha żgħar. Ix-xogħol fuq l-istatwa dam għaddej erba’ snin, mill-1988 sal-1992. Ħsibtha iktar antika. Kien hemm indikat li stajt nidħol minn daħla fuq ix-xellug tal-pedestall tal-istatwa nnifisha. Dħalt u mal-ħitan rajt sensiela ta’ pitturi li juru xeni fejn hemm xjaten differenti jagħmlu ħerba mill-bnedmin. F’pittura minnhom jidher Buddha bi lwien imdawla, bojod, dehbien, għalkollox differenti mill-ħmura u s-swidija mqanqla tax-xjaten. Meta wasalt fit-tarf l-ieħor indunajt li stajt inkompli biss billi nidħol minn fetħa mudlama. Kien hemm nota li tgħid li bl-ebda mod m’għandu jinxtegħel dawl hemmhekk. Ippruvajt nidħol imma d-dlam kien ċappa swidija magħquda. Bżajt u rġajt ħriġt. Waslu tliet min-nies u staqsejthom biex dal-passaġġ mudlam nimxih magħhom. Iggustawni u ħadu ħsiebi imma d-dlam tant kien assolut li minkejja li kelli lil xi ħadd quddiemi u ’l xi ħadd ieħor warajja, xorta kont qed nibża’ u dort u għedtilhom li se nerġa’ lura. Huma komplew u stajt nismagħhom jimxu bil-mod bl-għama. Imbagħad smajt li kienu donnhom waslu f’post imdawwal. Bilfors kien se jkolli ngħaddi minn hemm biex noħroġ. Xgħelt it-torċ tal-mobile u għattejt id-dawl bil-pala ta’ idi biex kemm naqta’ ftit mid-dlam u nagħmel kuraġġ. Kull meta bżajt għollejt ħarira idi, dawwalt ftit it-triq quddiemi u komplejt. Ovvjament tlift il-punt kollu ta’ li tafda sa ma ssib id-dawl, imma veru jwaħħxuni d-dlamijiet u l-inċertezzi kollha li jġibu magħhom. Bl-għajnuna tal-ftit dawl li ħallejt jaħrab minn bejn it-torċ u l-pala ta’ idi ntbaħt li r-rotta kienet qasira ħafna; it-tul inħass minħabba li fl-inċertezza bdejt nimxi bil-mod ħafna u l-immaġinazzjoni għamlet bija. Sibt statwa żgħira tal-Buddha tistennieni fi ftit dawl imbagħad ħriġt f’kamra żgħira b’iktar immaġnijiet, iktar statwi u iktar dawl. Dak il-labirint imdallam jinsab proprju taħt l-istatwa l-kbira tal-injam, jekk mhux ġo fiha stess. Malli feġġejt lura fis-sala ewlenija sibt lil dawk it-tliet min-nies iħarsu lejja. Ferħuli u ċapċpuli talli rnexxieli ngħaddi minkejja d-dlam. Ħassejtni ħażin li kont qarraqt bihom. Sellimtilhom u rġajt ħarist ’il fuq, lejn wiċċ il-Buddha. Mal-ħajt fil-kamra ta’ maġenb dis-sala sibt sensiela ta’ ritratti meħudin tul il-proċess kollu tat-tiswir tal-istatwa, mill-wasla tal-injam tas-siġar taċ-ċipress, donnhom għadhom kif inqatgħu friski, sa ma tlestiet ir-ras bl-għonq twil taħtha u ddaħħlet f’postha. Mir-ritratti nnutajt li fuq wiċċu għandu l-mustaċċi rqaq, ħaġa li ma kontx innutajt meta rajt l-istatwa nnifisha, u rġajt dħalt fis-sala biex nerġa’ nifliha. Iva, għandu l-mustaċċi rqaq ħafna.


28 ta’ Lulju 2024

Qomna nieklu d-dulliegħ kiesaħ u nixorbu t-te aħdar mill-friġġ. Imbagħad ippakkjajna l-vann ta’ Ryoko bl-affarijiet kollha li mid-dehra se jkollna bżonn biex inqattgħu ġurnata fix-Xmara Gifu. Qatt ma kont għomt fi xmara qabel illum. Il-vjaġġ minn Nagoya sa Gifu ftit inqas minn sagħtejn. Waqt l-aħħar nofs siegħa rajt il-pajsaġġ jinbidel, aħna u nitbiegħdu minn dak urban u nidħlu iktar fil-ħdura qamħija tal-kampanja mbagħad fl-aħdar karg tal-foresta. Fl-ewwel waqfa, Ryoko ħaditna bil-mixi tul trejqa fil-foresta fejn fuq ġenb hemm kanal dejjaq — kemm toqgħod sieq mit-tul — ta’ ilma ġieri u dħalna nimxu fih. L-ilma baxx u kiesaħ ħafna. In-naħa l-oħra lmaħna kaskata bi ħjiel ta’ qawsalla maqbuda fl-ilma nieżla għal ġo għadira mfawra ċara kristall. Ryoko xxabbtet mal-ġebel biex tinżel sal-għadira tbaħbaħ wiċċha fl-ilma, imma Kino qaltilna li mhux permess ninżlu hemmhekk. Għax dal-post perikoluż. Imma wkoll għax dal-post sagru. Il-waqfa ta’ wara kienet max-Xmara Gifu stess, f’post fejn mhux perikoluż għall-għawm imma xorta trid toqgħod b’seba’ għajnejn għax il-kurrent jaf jitqawwa u jieħdok. Mill-vann ħriġna l-basktijiet li ġibna magħna, mimlijin xugamani, tinda, saqqu jintewa (li fil-fatt huwa s-saqqu ta’ fuq is-sodda li qed norqod fuqha bħalissa fit-tinda fil-ġnien ta’ Ryoko), basket b’dulliegħa, ħjara, tadam u bottijiet bix-xorb, pakketti tal-ħelu, ġkieket tas-salvataġġ — waħda kull wieħed — flippers, goggles u anki bastun tal-injam biex meta jsir il-ħin, nagħtu d-daqqiet fuq id-dulliegħa bih, b’għajnejna mgħammdin, u min jirnexxilu jaqsamha jirbaħ, imma ma fhimtx xiex. Inżilna t-taraġ li jibqa’ nieżel sal-ilma, u kellna nimxu fl-ilma u nġorru l-basktijiet kollha fuq rasna biex naslu sal-blat li konna se nqattgħu l-bqija tal-ġurnata fuqu. Is-sħana ma kinitx wisq qalila. Meta nżilt fl-ilma ħassejt qalbi se tieqaf bil-ksiħ, imma tant hu ċar u jinħass nadif mal-ġilda peress li ilma ħelu, li ridt nintelaq fih u ngawdih. Il-basket bid-dulliegħa, it-tadam, il-ħjara u l-bottijiet niżżilnieh fl-ilma biex kollox fih jibqa’ frisk. Imma poġġejnielu ġebla fuqu minħabba l-kurrent. Il-ħoss tal-ilma serraħli l-menti. Għal ħin twil, dal-post kien kollu kemm hu tagħna, għalina biss. Hekk se nibqa’ niftakru dal-aħħar jum, mimli dija u rwejjaħ ifuħu, indafa u freskezza, il-ħoss li jtarrax tal-ilma ġieri u t-twerżiq tal-grillu li ma jieqaf qatt. U jien fix-xmara b’għajnejja magħluqin, mitluqa bħal mera maħlula f’għadira mfawra. U meta sar il-ħin, qomt u ħriġt mill-ilma biex tlajna nagħtu xebgħa bastun lid-dulliegħa friska sa ma qsamnieha u kilnieha, imbagħad morna lura d-dar .

Dekorazzjoni art-nouveau