L-ewwel ħsieb marbut ma’ kitba ġdida li għaddieli minn rasi f’Mejju tas-sena l-oħra — wara l-ġimgħa intensiva li kienet it-tnedija ta’ Marta Marta — kien simili ħafna għal dak li dejjem ikolli wara li nlesti biċċa xogħol impenjattiva: “li jmiss se jkun għalkollox differenti”. Ħsieb li jitfaċċa sforz kemm inkun qed inħoss li f’dal-proċess li nkun għadni kif wassalt għat-tmiem tiegħu — li għalija t-tmiem dejjem ifisser meta xogħli nerħih kompletament minn idejja u nħallih imur għand il-qarrej — eżawrejt dak kollu li kienli possibbli. Żgur li jkolli nasal għal das-sentiment ta’ finalità biex nazzarda “nagħlaq”, “nikkonkludi”, “niffinalizza” u nagħmel il-kitba pubblika, minkejja li naf ukoll li, kieku kelli nestendi l-proċess b’sentejn oħra, se nsib ħafna iktar fejn nimraħ, u iktar iva milli le, b’iktar żmien biex naqra, nirriċerka, u naħseb dwar is-suġġett, żgur mhux forsi li nispiċċa nibdel għalkollox dak li nkun ktibt fl-ewwel snin. M’iniex kittieb li kapaċi, jew li nixtieq, noħroġ ktieb kull sitt xhur jew sena. Iżda lanqas m’jien it-tip li ntawwal proġett għal, ngħidu, għaxar snin. F’għaxar snin lanqas biss jirnexxili nibqa’ l-istess persuna, bl-istess interessi, aħseb u ara kemm nista’ nibqa’ nhewden fuq l-istess proġett! Fix-xogħol tiegħi bil-kitba segwejt l-istess filosofija li kelli tul dawk l-erbatax-il sena ta’ esperimentazzjoni teatrali bħala parti mill-grupp Aleateia — ħidma intensiva, bir-reqqa, u fit-tul ta’ żmien meħtieġ biex inwassal biċċa xogħol performattiva tajba (fis-sens li ma jkunx jonqosha iktar irfinar) quddiem udjenza. Fit-teatru, dax-xogħol kien joħdilna madwar tmien xhur — bejn tlieta u erbat ijiem fil-ġimgħa, u mill-inqas tliet sigħat kull darba — ta’ tħejjija u konna nemmnu li b’iktar minn performance waħda fis-sena tiddgħajjef il-kwalità tax-xogħol innifsu. Iżda kont nemmen ukoll li tħejjija fit-tul wisq ukoll taf tkun sinjal ta’ dgħufija. Meta x-xogħol tal-attur fil-bini ta’ performance jibda jtawwal tant li jsir iktar importanti mill-performance nnifisha, u li, jekk se juri xi ħaġa lill-udjenza, dejjem se tkun xi ħaġa fil-proċess li tinbena iżda tibqa’ ma tinbena qatt, kont ninkwieta mod ieħor għax kont inħoss li l-idea ta’ “work-in-progress” perpetwu hija mod kif, fil-fatt, tkun qed taħbi inkapaċità li tikkonkludi biċċa xogħol. Mhux għax ma kontx nemmen li tista’ turi l-proċess — jiġifieri turi kif qed tipproċedi — lil xi tip ta’ udjenza. Iżda għax dejjem ħassejt li t-tiswir ta’ ħsieb, kitba, performance, eċċ. f’forma b’xi mod jew ieħor iffinalizzata min-naħa tal-attur jew kittieb — jiġifieri f’xogħol li lesta tgħaddih lil ħaddieħor u tibda titbiegħed minnu — huwa fażi ta’ importanza kbira għal diversi raġunijiet. Huwa importanti li twassal għall-punt fejn titilqu minn idejk u tagħtih lil ħaddieħor biex b’hekk tibda l-fażi tal-qari u x-xogħol tħallih jieħu ħajja mod ieħor. Huwa importanti li titbiegħed minnu biex tkun tista’ tħares lejh u taqrah int stess minn distanza, kważi b’għajnejn ħaddieħor. Huwa importanti għax permezz ta’ din id-distanza tista’ tara x’inhu dgħajjef u x’inhu b’saħħtu fih, iżda fl-istess ħin taf li ma tistax terġa’ tmur lura għalih u tibdlu jew tirranġah; ikollok tagħmel hekk billi tibda xi ħaġa oħra. Dejjem emmint li huwa biss f’din il-fażi “finali” li l-kittieb “tikber” bil-lest għax-xogħol li jmiss. Fiż-żmien meta rumanz jiġi ppubblikat u jibda jinqara mill-qarrejja, il-kittieb tkun diġà tbiegħdet sew minnu. Jew għall-inqas, jien dejjem hekk esperjenzajtu dal-proċess. Għadni niftakar konverżazzjoni ma’ Chris Gruppetta, il-pubblikatur ta’ Rokit u tal-kitbiet tiegħi kollha ta’ qablu, dwar il-ġabra ta’ stejjer li kont bdejt nikteb bejn l-2016 u l-2017 — dik li l-ewwel ħadet sura ta’ wirja performattiva bl-isem Verbi: mill-bieb ’il ġewwa (ma’ Barumbara Collective fl-2018) u eventwalment ġiet ippubblikata bl-isem mill-bieb ’il ġewwa (Ede Books 2019) — fejn jien qed ngħidlu b’eċitament kbir dwar il-qabżiet li qed nagħmel b’dil-kitba ġdida tiegħi, għalkollox differenti minn Rokit, u kemm kont ħallejtu warajja dak ir-rumanz, u hu weġibni, kważi b’ton inkwetat, li għalih, u għall-qarrejja, Rokit għadu se jibda u ma jistax jeċita ruħu daqsi dwar dawn il-qabżiet. Ħaġa tal-iskantament hi li, jien u nikteb din l-ewwel entrata tiegħi fid-djarju ta’ kitba, irċivejt l-aħbar li Rokit se jiġi tradott għall-Ingliż minn Katryna Storace u ppubblikat minn Praspar Press, li jfisser li fix-xhur li ġejjin se jkolli nerġa’ nidħol fid-dinja ta’ Petrel, Rika u Veronica. Biss biss, mat-tħabbira, kelli mmur lura fiż-żmien infittex ritratt meħud fl-2017, fi żmien it-tnedija ta’ Rokit, biex dan jerġa’ jintuża fuq is-social media biex titħabbar din it-traduzzjoni. Qabżiet lura u ’l quddiem fiż-żmien denji tar-rakkont innifsu.
Xi tfisser li “issa se nagħmel kollox differenti”? Nibda billi nħares mhux biss lejn l-aħħar kitba li ppubblikajt imma wkoll lejn l-oħrajn kollha qabilhom biex nilmaħ tendenzi li issa biss nista’ ninduna li fil-fatt qegħdin fil-kitbiet kollha tiegħi. Fil-bidu ta’ Ottubru 2019, fl-ewwel jiem tiegħi tax-xahar residency f’Casa Mediterraneo, Alicante, fejn tajt bidu għall-proċess ta’ kitba li wassal għal Marta Marta, għamilt lista fejn elenkajt elementi li assolutament ma ridtx li nerġa’ nsibhom f’kitba oħra tiegħi, tant kemm kont qed nintebaħ li, nikteb x’nikteb nerġa’ nsibhom hemm. Dil-lista għadha għandi — kull nota li nniżżel għadha għandi, ovvjament — u f’dil-lista hemm imniżżel hekk: “ma rridx nerġa’ nikteb xi ħaġa fejn hemm żewġ karattri nisa/tfajliet/bniet li għandhom ħbiberija speċjali qishom aħwa iżda mhumiex”. F’moħħi kelli lil Anita u Jeanelle mit-Triloġija tal-Fiddien li ktibt ma’ Simon Bartolo, lil Elizabeth u J.D. f’Magna Mater, u lil Veronica u Marie f’Rokit. Għandi wkoll imniżżel li “daqshekk, daqshekk, daqshekk se noħloq karattri li jibdlu isimhom tul ir-rakkont”. L-istess: Anita u Jeanelle li jisimhom ukoll Antida u Ġingo, Elizabeth Bonnici li tuża l-isem Fay Wray u Marie li hija wkoll Rika. Punt ieħor li għedt li rrid nitbiegħed minnu kien il-preżenza ċentrali ta’ dar, aspett ta’ importanza kbira kemm fit-Triloġija tal-Fiddien — id-Dar il-Ħamra — u kemm f’Rokit, fejn għandna d-dar ta’ Ħaż-Żebbuġ li fiha toqgħod Veronica (tant hi importanti did-dar fir-rumanz li t-traduzzjoni ta’ Walid Nabhan ta’ Rokit bl-Għarbi ma ħarġitx bl-isem Rokit imma Id-Dar Numru 36 ( المنزل رقم 36)). F’mill-bieb ’il ġewwa, minkejja li m’hemmx imsemmija dar ta’ dat-tip, hemm xorta waħda l-aspett ta’ binja ċentrali għar-rakkont: fil-fatt l-istejjer ktibthom bl-idea li qegħdin iseħħu f’appartamenti differenti tal-istess binja. Niżżilt ukoll, bħala punt f’dil-lista, li kemm jista’ jkun ma nagħmilx referenzi għat-teatru u għal aspetti ta’ teatralità u performattività. Meta rġajt sibt dil-lista, wara t-tnedija ta’ Marta Marta, ma stajtx ma nberraqx għajnejja. B’dan l-aħħar xogħol kont, fil-fatt, ħloqt verżjoni tassew esaġerata ta’ dak kollu li proprju ma ridtx nagħmel. Bħal donni, la ma nistax naħrabha l-ħaġa, għax xorta tispiċċa toħroġ irrid u ma rridx, mela se naħkimha jien u nidħol fl-iktar fond possibbli tagħha. F’Marta Marta, l-għoti ta’ ismijiet ġodda spiċċa sar il-qofol innifsu tar-rumanz fejn l-għodod teatrali tal-finzjoni u l-kostruzzjoni tal-karattru jsiru arma ta’ reżistenza kontra forom diversi ta’ oppressjoni. Ir-relazzjoni bejn Maria Dolores u Immacolata Concetta — li mhux mill-ewwel ċar jekk humiex aħwa, kuġini, ħbieb jew xi ħaġa oħra — hija r-raġuni għalfejn jiġri dak kollu li jiġri fir-rumanz. Id-dar tagħhom, imbagħad, mhux biss hija l-ħames u l-aħħar persunaġġ ewlieni ta’ dan ir-rumanz polifoniku, iżda saħansitra hija r-rumanz innifsu; jisimha proprju Marta Marta, u hija l-qafas li jiġbor fih u jsawwar dak kollu li jseħħ f’Marta Marta.
Did-darba għad m’għandix lista li telenka x’ma rridx ninkludi fir-rumanz li jmiss. Kważi qed nibża’ nagħmilha lista bħal din li ma mmurx nerġa’ ninqabad fiha, għax veru nixtieq nitbiegħed; imma kif u ’l fejn għadni ma nafx. Did-darba lanqas biss għadni ddeċidejt jekk il-kitba l-ġdida hix se tkun rumanz, fuq kollox. Jew ġabra oħra ta’ stejjer qosra. Jew, forsi, ġabra ta’ esejs? Din tal-esejs insibha tassew intriganti.Ftit li xejn għandi esperjenza fil-kitba tal-esejs, iżda, ukoll, ilni ninnota li l-esej, bħala stil u ġeneru ta’ kitba, huwa nieqes mhux ftit fil-kitba letterarja Maltija. Issa, jew se ngerger li hawn nuqqas jew inkella nara kif nagħmel u nibda niktibhom jien, għall-ewwel ikunu ftit dgħajfin, imbagħad forsi jitjiebu, imma għall-inqas jinkitbu. U jekk m’hawnx fejn jiġu ppubblikati, mela mnalla li ġietna dil-idea, lili u ’l Joe, li noħolqu pjattaforma speċjalment għal dan it-tip ta’ kitba. Is-sigħat tagħna fil-kċina, aħna u nagħmlu l-kafè u nsajru t-torti u l-qarabagħli mimli, huma kollha kemm huma taħditiet dwar il-kitba, il-lingwa u t-traduzzjoni. U, lura għal li kont qed ngħid dwar it-tħejjija għall-kitba ġdida tiegħi, minflok listi u noti fi djarji u fuq biċċiet tal-karti, għall-ewwel darba, fuq suġġeriment ta’ Joe waqt laqgħa tagħna — hu bħala l-koeditur ta’ Aphroconfuso u jien mhux bħala l-koeditur l-ieħor imma bħala kontributur — qed nagħmel eżerċizzju li qatt ma għamilt qabel — fil-fatt għalhekk iddeċidejt li nagħmlu, għax fl-arti tiegħi bil-kitba rrid li, għall-inqas darba, kollox nipprova — u b’din l-ewwel entrata bdejt “nippubblika” l-proċess li (nispera) iwassal, bil-mod il-mod (iżda mhux bil-mod iżżejjed!) u entrata wara l-oħra, għall-kitba ta’ xogħol ġdid tiegħi .