-
- Djarju 01.01.2025
Indawwar bħal ċavetta u niftaħ
il-bibien Erba’ abbozzi, erba’ titli, u għadni ma nafx xi nsejjaħlu dak li qed nikteb. Insejjaħlu rumanz għax dak li nħoss li qed nesplora—kitba ta’ rumanz li ma ssegwi l-ebda regola prestabbilita ta’ x’inhu rumanz fejn jidħlu persunaġġi, azzjoni, taqsimiet, kif jiżviluppa r-rakkont innifsu. Nista’ niksirhom kollha iżda mhux it-tul. Għalija rumanz jeħtieġ it-tul u f’dax-xogħol, għall-ewwel darba, tul m’għandix, forsi għad m’għandix, imma dil-kitba qed turini wkoll li tul ma tridx. Sentejn kitba u għadni lanqas ktibt ħmistax-il elf kelma. Fejn qabel kont inpoġġi bilqiegħda u f’ġurnata nikteb kapitlu ta’ elfejn kelma, illum inqatta’ s-sigħat biex nagħżel kelma flok oħra u sa tmiem il-ġurnata nkun meħluba, imma rnexxieli nikteb paragrafu ta’ mitt kelma. Sirt ngħid, lil min jistaqsini x’qed nikteb, “rumanz; imma iktar jinqara bħala poeżija twila, avolja proża.” Fil-verità, mhux li tant importanti nkun naf minn qabel x’se jkun. La niktbu jgħidli hu xi nsejjaħlu.
-
- Djarju 24.06.2024
Bħal mera maħlula f’għadira mfawra
Ħarisna ’l fuq u smajna l-għajta ta’ Nakiryu, id-dragun impitter fuq is-saqaf tat-tempju fil-maqdes ta’ Toshogu, tidwi mad-daqqa tal-klavi minn dak li kien qed jispjegalna dwar il-gwardjani Ċiniżi abbinati mas-snin—il-ġurdien, is-serduq, id-dragun… Meta ħriġna mit-tempju, imxejna fil-kwiet—xi ftit mgħaġġlin biex illaħħqu qabel jibda jidlam—lejn ix-xmara. Hemmhekk qsamna l-pont biex immorru nfittxu l-Jizo, dawk il-mijiet ta’ statwi u ġebliet bil-kappun u l-vavalor aħmar skjerati maġenb xulxin tul it-trejqa qalb il-ħdura selvaġġa tal-foresta, bl-ilmijiet imqanqla faċċata tagħhom. Jgħidu li jekk tgħodd l-istatwi int u dieħel u terġa’ tgħoddhom int u ħiereġ, in-numri ma jaqblux. Bdejt ngħodd imma kien hemm wisq minnhom u waqaft. Emmint li l-għajdut huwa minnu għax stħajjilthom qed jieqfu jiċċaqalqu biss xħin inkun qed inħares lejhom jien; kull wiċċ b’ħarsa differenti minn tal-ieħor, se jibdluha malli nitlaq minn quddiemhom. L-ilma jkompli jitqanqal u, f’dak il-punt magħruf bħala l-Abbissi, tant isir feroċi li jtarraxlek widnejk. Kalma fuq naħa, qilla fuq l-oħra. Kont ilni s-snin nistennieh il-mument li nerġa’ nkun f’dal-post imsaħħar f’Nikko.
-
- Djarju 01.03.2024
Nintebaħ li terraqt mhux ħażin
Fi tfuliti, meta kont għadni ngħix ħdejn il-baħar, kull filgħaxija kont immur nimxi mal-kosta bla ma ngħid ’il ħadd. Mixja mgħaġġla mhux illajmata, nibdieha bin-niżla lejn il-bajja, imbagħad nerħi lejn il-lemin u nibqa’ dieħla ’l ġewwa, naqbeż ir-ramla u ninżel fuq il-blat. ’Il fuq minni stajt nisma’ l-ilħna, it-taħbit u t-tektik tal-boċċi tal-logħob. Iżda moħħi kien biss fuq il-pass li jmiss jien u ntawwal riġlejja biex nevita l-blat ippuntat u l-ħofor mimlijin ilma qiegħed. Nieqaf ħdejn is-salini, inserraħ saqajja fuq ix-xoffa ta’ ħawt minnhom, inħares daqqa minn naħa daqqa minn oħra biex nilmaħ l-ilwien ikanġu tal-kristalli tal-melħ fid-dawl ta’ nżul ix-xemx, imbagħad lejn il-baħar. Kont nistħajjel li l-fetħa tal-baħar quddiemi għad xi darba tittiekel gidma gidma u nkun jien li nibqa’ bil-ġuħ. Nimxi fuq il-ħitan baxxi minquxa fil-blat ta’ madwar l-għanqbuta ta’ ħwat kwadri wieħed maġenb l-ieħor, nipprova ma naqa’ fl-ebda wieħed minnhom. Xi darba ma kien hawn xejn ħlief il-kristalli jleqqu tal-melħ li l-baħar u x-xemx kienu joffru ’l-art. Bdew jieqfu mal-kosta l-baħħara jiġbru l-melħ biex jerfgħu fih il-laħam, il-ħut u l-ġlud ħa jservuhom għal żmien ieħor. It-tmelliħ fost l-eqdem taħwir tal-ikel, u l-imluħa waħda mill-ħames togħmiet li kapaċi ntiegħmu. Insalata mhix ħlief werqa mmellħa. Immellħu l-ilma tax-xorb sa ma jtiegħem ilma baħar u nsejħulu salmura; nimmarinaw il-laħam biex inrattbuh u ntejbuh ħa nomogħduh bi pjaċir. Jekk ma niklux melħ nimirdu, jekk nieħdu wisq immutu. Bil-melħ issiġillajna ftehim bejnietna, roxxejnieh biex nuru ’l Alla li nafdaw fih. Bnejna toroq għall-melħ biss, bih xtrajna, begħna, partatna, għamilna l-kummerċ. Bdejna gwerra minħabba l-melħ. Ħkimna rħula, ħraqnielhom id-djar u ksejnielhom l-uċuħ tar-raba’ bil-melħ biex xejn ma jikber u jmut bil-ġuħ kull min kien fadal ħaj. Morna x-xogħol u fl-aħħar tax-xahar tawna salarju, mil-Latin: salarium, sal, melħ. Bħalma fehem tard wisq Mida, id-deheb tgħaddi mingħajru, il-melħ le. Fit-Tramuntana tal-gżira, ’il bogħod ’il bogħod, kont naf li hemm raħal imsemmi għall-melħ ’ħabba s-salini li m’għadx hemm u l-bur salmastru li sal-lum hemm għadu.
-
- Djarju 09.04.2024
Se nħallihom hawn, jgħidu tagħhom
Dawn il-ħassieba-kittieba kollha kemm huma donnhom tal-istess fehma: “Itlaq il-kotba minn idejk u oħroġ ’il barra. Mur imxi u ħallik mill-kitba ta’ ħaddieħor.” Għandi ħabta nogħxa naqraha kitba bħal din. Imma kultant, meta ninduna li għaddiet ġurnata sħiħa u bqajt ma ħriġtx mid-dar biex nilħaq illesti kollox u nsib ħin naqra u nikteb, inħossni niddispra. Jekk nobdi l-ordni li tgħidli mmur nimxi, fil-pront nikser it-tieni waħda li tgħidli biex ma nintrabatx wisq mal-kotba li naqra. Weħilt f’din id-dilemma. Moħħni biex naqra kitba dwar il-mixi miktuba minn ħassieba li kienu jimxu bejn sitta u tmien sigħat kuljum imbagħad b’xi mod kienu jsibu wkoll ħin biżżejjed biex jiktbu dwar dan u dwar dak kollu li qanqalhom u ħassibhom huma u jimxu fil-kampanja u jitilgħu l-għoljiet. Imma jien biex naqra kitbiethom ma nsibx ħin noħroġ mixja, imqar nofs siegħa kuljum.
-
- Djarju 08.02.2024
It-tluq dejjem iħallili għafsa xi mkien
Wara tlett isjuf ta’ Pic Nic The Streets, picnics “kwieti” ta’ protesta kull nhar ta’ Ħadd waranofsinhar quddiem il-Bourse kontra l-fatt li l-karozzi kienu joħonqu l-ispazju pubbliku u jinkwinaw l-arja tar-residenti, fid-29 ta’ Ġunju tal-2015 Boulevard Anspach ingħalaq kompletament għall-karozzi u l-ispazju nfetaħ biss għan-nies bil-mixi. Tħawlu s-siġar fuq il-ġnub, tpoġġew għadd ta’ bankijiet tal-injam u tal-konkrit, tlestiet funtana b’ilma jaqbeż fit-tarf ta’ Rue August Orts faċċata tal-Bourse, ittellgħu stallazzjonijiet tal-arti, u nbena ġnien żgħir fuq Place Fontainas qabel ma t-triq terġa’ ssir tal-karozzi. Ilni ngħix f’dil-belt mill-2008 u l-karozzi, u l-picnics ta’ protesta niftakarhom sew, allura sirt dejjem nimxi “f’nofs tat-triq” meta nsib ruħi fuq dal-boulevard, b’ċelebrazzjoni għal dir-rebħa, żgħira u kbira fl-istess ħin. Dal-proġett ma kienx iżolat, u minn dak iż-żmien fiċ-ċentru ta’ Brussell komplew jingħalqu iktar toroq ċentrali għall-karozzi. Il-pjan reġjonali tal-mobbiltà għall-2020–2030, li jismu “Good Move”, jiffoka fuq is-saħħa fiżika u mentali tar-residenti, it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tagħna, it-tnaqqis tal-impatt ħażin tal-karozzi fuq l-arja u fuq l-ambjent, u ż-żieda fis-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-mobbiltà. Għandu l-għan li jgħinna nibdlu l-mod kif niċċaqalqu minn post għall-ieħor. Il-lussu, f’dal-pjan, huwa f’li nħaddmu moħħna u nużaw riġlejna, u ngawdu l-belt mingħajr ma nkunu skjavi tal-karozzi. L-istess diskors, però diġà kien qed jingħad ħamsin sena ilu, fil-bidu tas-snin sebgħin, meta l-Grand Place nnifisha kienet għadha tintuża bħala spazju fejn tipparkja l-karozza. Meta nara r-ritratti minn dak iż-żmien niftakar fiż-żmien meta ġieli ħallejt il-karozza pparkjata fit-teatru l-imwaqqa’ l-Belt. F’Jannar tal-2019 begħt il-karozza biex nibda nuża biss it-trasport pubbliku, bl-idea li fil-każ li jkolli bżonn karozza nikri waħda għal dakinhar biss.
-
- Djarju 27.12.2023
Dal-mixi inutli għalhekk nimxih
Qed illesti biex nagħmel ftit sens mill-qari tas-sajf u mix-xitwa u r-rebbiegħa ta’ qablu, indur in-noti, nara fejn se joħduni u ma’ min se jlaqqgħuni. Se nħallihom ilaqqgħuni ma’ xi ħadd? Bħalissa ma tantx għandi aptit nies, la madwari u lanqas f’kitbieti. Jew aħjar, nixtieqhom—jekk ikunu hemm—jibqgħu anonimi; avolja, meta sibt karattri anonimi quddiemi f’Portrait d’un inconnu ta’ Nathalie Sarraute tfixkilt u mhux dejjem għaraft persunaġġ minn ieħor. Teoretikament, nixtieqhom bla isem, nixtieqhom imċajprin, bil-fattizzi mżellġin, it-tip li jħalluk fl-għama dwar x’hemm fil-fond ta’ qalbhom, juruk biċ-ċar li qed jaħsbu ħafna iktar milli qed juruk. Imma fil-kitba tiegħi ma nafx nixtiqhomx hekk. Ma rridx niffrustra lil min jaqrani; mhux iżżejjed, għall-inqas. Imma jintrigawni l-persunaġġi anonimi li donnok qatt ma ssir tafhom sew. Però l-ħsieb oriġinali tiegħi kien li lanqas biss ikun hemm nies. Ir-rumanz tal-oġġetti, forsi? Bħal, ngħidu aħna, La Vie mode d’emploi ta’ Perec? Jew ix-chosisme ta’ Alain Robbe-Grillet?
-
- Djarju 19.09.2023
Biex bħallikieku jitimgħu
r-ruħ u jtaffulhal-ġuħ Waħda mill-isbaħ sensazzjonijiet li nassoċja mal-perjodu ta’ meta ma nkunx għadni bdejt naħseb sew dwar kitba ġdida hija dik li tkun ġejja mill-fatt li, għal ċertu żmien, nista’ naqra li rrid. Dan għax ma jkolli l-ebda impenn li bilfors irrid niffoka fuq ktieb minflok ieħor, jew fuq suġġett partikolari. Is-sensazzjoni ta’ libertà marbuta ma’ dan in-nuqqas ta’ bżonn hija qawwija immens, kważi nħossha tisturdini. Tant li lanqas inkun naf minn fejn se nibda u prattikament naqra dak kollu li jiġi f’idejja: artikli, poeżiji, rumanzi, esejs, teorija, manifesti, programmi ta’ festivals taż-żfin jew tal-films. Kollox isir sors ta’ interess kbir għalija u l-fatt li ma jkolli l-ebda xkiel biex niffoka u napprofondixxi dwar xi tema jew suġġett partikolari, iħallini fil-libertà li nagħti importanza lil firxa wiesgħa ta’ ideat li donnhom m’għandhom xejn x’jaqsmu flimkien.
-
- Djarju 23.08.2023
Li jmiss se jkun għalkollox differenti
L-ewwel ħsieb marbut ma’ kitba ġdida li għaddieli minn rasi f’Mejju tas-sena l-oħra—wara l-ġimgħa intensiva li kienet it-tnedija ta’ Marta Marta—kien simili ħafna għal dak li dejjem ikolli wara li nlesti biċċa xogħol impenjattiva: “li jmiss se jkun għalkollox differenti”. Ħsieb li jitfaċċa sforz kemm inkun qed inħoss li f’dal-proċess li nkun għadni kif wassalt għat-tmiem tiegħu—li għalija t-tmiem dejjem ifisser meta xogħli nerħih kompletament minn idejja u nħallih imur għand il-qarrej—eżawrejt dak kollu li kienli possibbli. Żgur li jkolli nasal għal das-sentiment ta’ finalità biex nazzarda “nagħlaq”, “nikkonkludi”, “niffinalizza” u nagħmel il-kitba pubblika, minkejja li naf ukoll li, kieku kelli nestendi l-proċess b’sentejn oħra, se nsib ħafna iktar fejn nimraħ, u iktar iva milli le, b’iktar żmien biex naqra, nirriċerka, u naħseb dwar is-suġġett, żgur mhux forsi li nispiċċa nibdel għalkollox dak li nkun ktibt fl-ewwel snin.