għażiża poeta,
nhar lejlet l-erwieħ niżel bħan-nida
fuq il-qċaċet ta’ ħsibijieti,
u t-tokk solitarju tas-siegħa daqq
mal-pass sieket tiegħek.
spiss tasal għandi f’xi siegħa bikrija —
is-seħer ta’ dil-lejla
m’għandux x’jaqsam
miegħek hawn,
quddiem għajnejja
magħluqa.
m’hemmx għalfejn mewtek biex tidhirli.
aktar ma jgħaddi ż-żmien
aktar nagħraf li kull tieqa li nbexxaq
qatt ma tingħalaq sew, tissakkar —
għall-inqas mhux dawk
li niftaħ fil-ħarifa,
dawk li jagħtu għal ruħi.
la tasal hawn, għalhekk,
insibni nerġa’ nistiednek
b’ħalqi mitbuq —
għażiża poeta,
nixtieq inħarbxek hawn
ħa nerġa’ nisma’ kliemek —
dak li qrajt minqux
fit-tinja ta’ ħaddejk,
xħin tellajt is-siparju ta’ ruħek
u għamiltni widintek.
ma stajtx ninqala’ minn wiċċek —
diqitek qarnita żammitni fil-qiegħ
bi mnieħri ma’ xagħrek,
u r-riħa tal-melħ, tat-talb,
ħallmitni bix-Xwejni, tfuliti.
għal mument, poeta, ħsibtek dari
jew ġejt minn dawk l-inħawi,
djalett f’ħalqek qisu tiegħi
li sejjaħtli bih u stħajt,
għax stħajjiltek rajtni ħuta.
b’rogħda f’għadmi għedtlek
aqrani biss jekk tħallini naqrak —
dak li ktibt b’liema lingwa ġiet
skont x’qallek l-uġigħ.
m’offrejtx li ngħallmek, poeta:
jien nerħi l-vers f’idejk,
ħa tbenġlu jekk trid,
jekk trid tgħannih;
u l-biża’ tal-kelma ħallih għalija,
mistur fix-xewka ta’ dahri
ħa jżommni fil-wiċċ
met’inti terħini u nitla’ —
inħożż għażiża fl-ilma baħar
li m’għadnix intiegħem mielaħ
bħas-sjuf ta’ dari —
għażiża poeta,
ħsibijieti għomja ma jagħrfux il-lejl —
qajmuni kmieni jsaqsuni għalik.
x’minnek poeta?
inħossok ’il bogħod, distanti —
aħjar, ħa nqarrbek hawn fil-kitba.
infittxek bejn dil-kelma u din,
inħithom puliti biex noftoqhom
ittra ittra —
imbagħad
nikteb par għajnejn
ħa nħares mit-tieqa li tagħti
għall-imkien li tinsab fih.
pupazza tal-linka, indendlek
mal-linji tal-paġna b’versi-labar
ħa niskonġrak mid-diqa
li tefgħetek f’infern
sa ma jisbaħ il-jum —
nikkalma, u terġa’ t-tama
li tiktibli. tinbet u twarrad u tmut,
it-tlieta f’temp ta’ jum —
għażiża poeta,
ikun kaġun li nbiegħdek
minni b’dawn l-ittri.
forsi ġa taħsibni qed nimrad.
ninsab f’dinj’oħra
bix-xewqa li npejjep
naqra ’l Doreen
u nikteb kulma jidħol f’rasi.
anki l-kliem bla sens, bla rima.
kultant nimmaġinani Vita —
ngħidlek li sfajt ħaġa li tridek.
iktar minnek, irrid inkun naf
li għadek ħajja u tinjorani,
ħa nkompli niffissa nħares
lejn it-tebgħa tal-inbid
li ħallejtli fuq il-ktieb.
għal ftit,
numbrak bil-ħlewwa —
kien għadu ġdid.
— forsi vera mradt
u kultant ngħid
jalla qatt ma narak aktar
ħa jkompli joħroġ dal-leħen
li rari jrid jitkellem
minn ħalqi għall-paġna
jekk mhux għal vers.
jekk ma narakx,
aktar niktbek, niktiblek.
mma ma’ kull qamar ġdid
qed nitlef fell’ minnek,
u x’tiswa strofa bla dettall —
bħal kif tnejt il-komma
tal-qmis pulzier pulzier
sakemm kxift idejk u wrejtni
kif ħaditek ix-xemx das-sajf,
in-nemex.
ma nafx għaliex, ’mma jbikkuni —
kollu ħtijiethom li billejl
nibqa’ nfittex it-triq li tagħti
għal kamra mwarrba minn darek,
dik li rari tara dawl u qatt ma żżur:
titfaċċa darba fill biex tfarfar,
taqta’ qalbek malajr u tgħib.
qas kamra ma rrid —
agħtini persjana
minn fejn tixref, poeta —
għal meta tkun għoddok
ħroftli mill-vers għalkollox —
għadni naħseb fik,
għażiża poeta,
bħalma niftakar f’dawk
il-versi l-aktar għal qalbi —
mhux ma’ kull nifs,
mma mal-kultantijiet
li toffri l-ħajja —
war’għafsa ta’ qalb,
wara tbissima —
għażiża poeta,
dil-pinna għalik
biex tiktibli biha.
’ppruvaha —
kemm terħi, hux?
kemm tiġri, meta tridha —
kemm nimmaġinaha
taħt idek, qatt bierda —
għażiża poeta,
naqbel perfettament miegħek
li sensibbiltà poet’ka
hija importanti immens
għat-tiswir tal-persuna-poeta.
li jinteressani hu minn fejn
ġejja dis-sensibbiltà — jew,
fi kliem ieħor, jekk tinsabx
diġà fil-persuna, jekk tikbirx
waħedha jew għandhiex bżonn
it-tisqija, jekk tistax tinbet
mix-xejn, bl-esperjenza.
hekk kif qed nikteb
dan il-kliem ma nistax
ma naħsibx dwar il-qari.
bħala poeta żagħżugħa
nemmen li għandek
tkun qarrejja impenjata,
li taqra u ssib familtek
fil-poeti ta’ stoffa.
għandek issib
l-omm li tagħder u tweġġa’,
il-missier kontra min
teħodha, u li tqis kultant
bil-ħlewwa, ħutek fil-ħsieb,
fl-espressjoni, fil-ħsus.
meta taqra tgħix
dak li taf fi kliem ieħor,
tiskopri dak li seta’ kien
f’ħajtek u ma seħħx
jew għadu jrid isir.
meta taqra titgħallem
kemm għandek x’tgħid,
u kemm ġa ntqal ħafna.
meta taqra titgħallem
ma ssejjaħx dak kollu
li tħarbex poeżija.
meta taqra tkun qed
issawwar il-leħen,
tħarreġ il-vuċi,
għax minn familtek
tieħu tant u tagħmlu tiegħek.
aqra minn kollox —
immarka l-poeżiji li jqanqluk,
għożżhom qabel tipprova
tifhimhom, imbagħad studja
kif iħaddmu l-poetiku —
iktibhom fi kliemek,
erġ’aqrahom
meta tħossok se tiskot —
aqra, ikteb, aqra —
għażiża poeta,
qed nibgħatlek lil
William Carlos Williams
kif tlabtni.
ħudli ħsiebu dan il-ktieb
għax tant għal qalbi.
— darba kiteb
no ideas but in things —
b’hekk naf biċ-ċert li
jien u hu, f’ħajja oħra,
konna ħbieb (għala le?)
bħalm’aħna f’din —
għażiża poeta,
il-pjan għal-lejla kien li nikteb,
li mmidd idi u naħdem fit-tul,
forsi xi darba nagħlaq il-ġabra.
bħas-soltu poġġejt mal-iskrivanija,
bramt sieq taħti u bil-lapes f’ħalqi
tfajt ħarsti ’l ġewwa.
għaddew siegħa, sagħtejn
mingħajr vers wieħed
li hu wieħed komplut,
l-ebda xaqq ta’ dawl
ħlief kelmtejn —
wiċċ qamri.
ma ħlomthomx, dal-kelmiet —
naf sew minn fejn ġew,
minn liema lejl’iddew bħal kwiekeb
li tibqa’ tara għal xi żmien,
qabel fl-aħħar iċedu u jmutu.
kont għadni mank naf ismek.
kien dakinhar li ltqajna —
fl-udjenza lmaħtek tħares fiss lejja,
għajnejn jibbru f’qamar kwinta.
għal mument tlift il-fil —
wiċċ qamri —
rajt il-kliem miktub b’idejja
quddiem għajnejja,
ħarstek il-poet’inkonxja tagħhom.
skużajt ruħi u rġajt
bdejt naqra mill-bidu.
li kieku ma ġejtx tintroduċi ruħek,
għalija kont se tibqa’
dawk il-kelmtejn
li kienu se jsibu ruħhom
f’xi poeżija —
fil-qalba ta’ ruħha umana,
fl-intimità tagħha.
imm’inti ġejt tgħidli
x’jismek, ħadt gost tismagħni,
li tikteb ukoll, dal-aħħar
ma tantx, kollu tort
tal-qsim il-qalb.
kien xieraq li jerġa’ jitfaċċa
l-wiċċ qamri f’dal-lejl għammieq.
donnu ma riedx jinkiteb
jekk mhux għalik.
issa li ktibtu — ktibthulek —
inkewwes kafè
u nerġa’ nibda —
għażiża —
dil-qoffa larinġ
waslitlek bit-tama li ħalqek,
magħluq għall-kliem,
mill-ġdid jinferaq
għal dil-benna
li tagħti bla tistenna,
tqawwi ’l ġismek
għal meta jasal
waqt qalbek.
fadal frott fis-siġra —
ejja ħu kemm trid
u ’nsieh il-kliem,
sellimli biss —
ma nafx x’nista’
nroddlok aħjar
milli joffri l-larinġ,
f’daż-żmien
li tinsab fih —
għażiża, ħu ħsiebek —
ħallik mill-poeżija.
wara kedda bħal dik,
kif tridek tikteb?
il-vers jiġi żmienu, tibżax.
ġieli jiddawwar, idum biex jasal,
mma la jħabbat isib idek
diġà soda fuq il-pum.
aktar ma jitlajja, kultant,
aktar aħjar. ma nafdax
fil-vers miktub fl-agħar —
arani, snin ta’ kitba warajja,
u qatt għadni qattajt siegħa
mad-dulur tal-qalba.
kk jiġi jtektek mat-tieqa,
nagħmel tabirruħi ma smajtux.
għażiża poeta —
għalissa iskot, iskot ftit.
stenna l-materjal uman
jitlef mill-preżenza tiegħu —
u la jsir jixbah ftit aktar memorja,
arah jinbidel f’materja poet’ka.
fuq kollox, sikket dawk id-dubji
li għax ilek ma tikteb
tlift il-kitba għalkollox.
minnek sponta l-vers għax jista’,
u la seta’ jerġa’ jista’ —
bħas-siġra li tibqa’ tagħmel
il-weraq, sena wara sena.
il-poeżija hija l-waħda fik
mhux il-ħafna fuq il-paġni —
is-siġra li tħaddar mhux il-weraq.
aqra fil-kwiet, u ħu nifs —
tinsiex tħares ’il barra.
kemm stennew lir-rebbiegħa
dal-poeti li naqraw —
daqslikieku x-xitwa
m’għandhiex il-fjur tagħha —
għażiża poeta,
meta nkun qed insuq u ninnota,
għall-ewwel darba, is-siġar tal-lewż
mogħni bil-fjur roża, inħossni
nimtela — se nfur — bix-xewqa
li nikteb din ix-xbieha. mhux hekk
nixtiequ mill-poeżija? — li tkun
xejn inqas minn mirakoluża —
filli friegħi li tara bla ma tagħraf,
filli fjur, u fjur.
ma tħossx, meta tpoġġi biex tikteb,
il-polz poet’ku ta’ kull kelma
jħabbat? imma b’liema ħsieb,
b’liema ġest il-kelma magħżula
minn magħluqa tinfetaħ
f’offerta fertili,
il-wegħda tal-frott?
li tkun siġra tal-lewż —
li tgħix kull staġun ġurnata b’ġurnata,
li tagħraf ir-rebbiegħa riesqa,
is-sbuħija tax-xitwa —
li tkun poeta mhu xejn aktar —
għażiża poeta,
grazzi mill-qalb.
naħseb il-fjuri huma l-awguri,
u l-poeżija hija l-kemm nixtieq
nerġgħu niltaqgħu.
jekk fhimt tajjeb, iktibli.
kk fhimtek ħażin, ikkoreġini —
għażiża poeta,
l-ittra tiegħek sabitni
mxennq’għal vers misjub
fil-labir’intimi tal-qalb,
vers li jaf jistabar u jħenn.
imħabbti ma tagħdirnix —
tridni ngħir, tridni nagħmel
dak li mhux xieraq —
tridni nfittxek,
avolja m’intix tiegħi.
imħabbti trid titħalla
ssir infern fiex nissaffa —
u ħadd ma jista’ jlumni
għajr ir-ruħ ta’ ruħi,
l-poeżija. fi kliemha,
imħabbti ssib l-ilsien
li ma jridx jiskot
bl-għerf li hu veru,
xejn inqas minn divin.
ma tibqax it-tama li
tgħib hekk kif tfeġġ.
ma nibqax nistenna
fejda li ma taħmilnix,
qatt ma jasal waqtha.
il-vers iħobbni,
jibża’ għalija —
jagħtini l-qalb inħobb —
għażiża poeta,
l-agħar ħaġa li tista’ tagħmel
hi li tikteb biex timpressjona —
meta l-kliem apposta jkarwat
f’widnejn il-qarrej bir-rabja
jew disprament, u l-metaf’ri
huma labirinti kbar, b’qas lemħa
tal-Minotawru, ’qas l-iċken ħoss.
meta tħoss il-ġibda li tikteb hekk,
staqsi lilek innifsek
għal min qed tikteb, u għaliex
dan hu aktar importanti
mill-poeżija nnifisha.
il-poeta veru jikteb
daqslikieku kulħadd
se jaqra vrusu,
u jara li jinftiehem
anki minn min ilu s-snin
ma jaqbad ktieb.
il-poeżija suppost faċli —
turik, twissik, tbikkik,
sikwit tagħtik x’taħseb
mhux għax impressjonatek
bil-kapolavuri ta’ kliem, anzi —
għax daħlet taħt ġildtek
bit-togħma biss ta’ lsienha
bil-ħsus fuq il-ponot ta’ kliemha.
mal-wasla tat-tmiem tagħha
fhimtha, u fehmitek.
il-poeżija li taf tkun faċli
tixher bla ma turik
tant li tinsa l-mod kif
mill-ftit qalet ħafna —
għalhekk tpoġġu ma’ xulxin
mill-ġdid kemm-il darba
tul is-snin. kultant mhux faċli
taħrab dil-ġibda, naf —
imm’inti l-poeta mhux il-poeżija,
u għadek tant żagħżugħa —
għażiża poeta,
kemm tinkedd fuq ix-xejn,
kultant! inti taf li rridlek il-ġid.
m’iniex se naħseb mod
imbagħad ngħidlek mod ieħor
biex narak taqbad triq b’oħra.
qatt ma wegħedtek li dejjem
se nkun ħanina miegħek —
imma li nkun onesta, dik iva.
wara kollox, ma ġara xejn
għax m’għoġbitnix dil-poeżija.
erġ’aqraha
mill-għajn tal-kritika tiegħi,
u ara x’taħseb. ħudni miegħek
f’Londra mal-ewwel vers —
tini s-solitudni tan-narċis
fil-pjazza traffikuża.
tini l-arja li tinħass kiesħa
u ċara mingħajr l-eki tal-Malti.
ħudni hemm — insa kemm taf
tinseġ metafori li bihom taħseb
li l-vers jistagħna.
jinħassu meta toħloqhom flok
issibhom fil-bżonn tal-espressjoni.
meta tirnexxi
l-poeżija tkun ġa taret
mill-qalb għall-moħħ għall-ġisem
qabel issir taf x’tip t’għasfur hi,
x’tip t’għanja. tibżax milli tqaċċat —
iż-żabra fiha s-sabiħ tagħha,
anki meta jkollok iżżarma
kważi z-zkuk kollha —
għażiża poeta,
tinsiex taqra l-poeżija”.
tinsiex — x’weġgħa ttini dik il-kelma.
malli nasal id-dar inbiddel,
noħroġ fil-bitħa
u naqra t-titlu.
imbagħad inqabbad
sigarett mal-ewwel vers,
għax ma’ xulxin jinżlu għasel.
ninsa, iva — ninsa
ndawwar xalla m’għonqi
jew nilbes żarbun,
imbagħad intabbab
b’xi riħ għal ħmistax.
naħfirlek —
ħu ħsieb, għażiża —
għażiża poeta,
kif nista’ numbrak?
l-ittra tiegħek ħallejt
bla ħoss għax kont naf —
la ma tibqax magħluqa,
nitlef il-kurżità ta’
x’hemm jgħix f’moħħi.
u flok niġri wara l-kliem
li jsuq jgħaġġel donnu s-sħab,
nitlajja mal-biċċa minnek
li għoġbok tibgħatli —
niftaħ tinja timla kamra —
anki sema, jekk nazzarda
nbexxaq tieqa. għażiża,
qattajt ftit ħin maqtugħa
biex insibni lura hemm,
fis-solitudni tal-vers.
kultant nixtieqna nintasbu
għalina xi mkien,
jien u hu — nitħaddtu.
nistaqsih l-għala meta
noħroġ nagħmel pass,
jilqagħni l-ġiżimin mill-bogħod
(minn dak mibrum stilla,
taf għal liem’ qed ngħid?)
għax jgħajjex ix-xej’
li ħsibtha l-arja —
biex imbagħad —
kważi nirfes ferħ t’għasfur,
b’munqar imberraħ f’nota
li għad xi darba nisma’ u nagħraf.
kif tnissel poeta? —
jew inkella, għax inkellmu ’l-vers
u jifhimni, ikellimni lura?
kulma jgħidli jagħmel sens —
għaqli fil-ħsieb, għasli fil-kliem —
u bħal qisu l-Malti mhux l-ilsien
mma l-lingwa mira meta
nikteb dak li bagħatni nikteb —
biss verżjoni tal-poeżija.
għażiża, ħawwadtek?
kk niltaqgħu dil-ġimgħa
u nkun fil-muża nispjegalek.
qed nehmeż ittra ta’ Tsvetaeva
lil Rilke, qrajtha lbieraħ —
dal-ħsibijiet ġejjin minnha.
ġegħlitni nikteb fid-djarju —
jien poeta tal-Malti,
mhux Maltija.
għażiża poeta,
joħroġ naturali dak leħnek
meta jħuf bħal għasfur
qalb il-friegħi, bejn il-weraq —
ifittex iz-zokk u floku
jsib il-fjur imbexxaq.
mad-daqqa tal-pinna mal-karta
jiftaħlek, għażiża —
u inti, f’dan l-ambjent sfiq
b’dak u bl-ieħor, m’għandekx
mill-mistħija tas-siġar —
tmiss kulma jiġi għal idejk
ħa jmisslek idek lura.
f’għajnejja narak tistienes anki
mal-farfett għadu fil-fosdqa,
biex la jsir jgħaddi minn vrusek.
darba bħalek kont —
naf nikteb biss meta nikteb
in-natura. titnaffarx —
li taf tikteb fuq kollox
mhix xi ħaġa sabiħa.
kemm nixtieq għadni
żagħżugħa, narmi kollox
ħlief il-kliem li tani Mejju —
għażiża poeta,
kif spiċċajt daqshekk anzjuża
bil-ħsieb li se niktiblek? —
naf li qed tistenna kliemi, għalhekk.
stħajjiltek, ilbieraħ, bilqiegħd’aktar
fuq ix-xwiek milli fuq il-blat,
tilgħab biċ-ċinga tal-malja
u tnaddaf ġildtek min-nemex
sakemm b’daħka għedtlek,
x’int tobrox hemm? dawk ma jmorrux.
allura qrajtha? —
daqshekk biss saqsejtni u fhimt
li fl-aħħar kienet ħarġet
il-mistoqsija li ġabitek hawn
tgħum miegħi kmieni filgħodu.
kellek raġun tistaqsi —
kont ilek qisu ġimgħa li bgħattli
l-aħħar poeżija li ktibt,
u mingħandi bqajt ma smajtx
ħlief stedina għal għawma,
jumejn ilu. kemm tatek fastidju
dik in-nota mħarbxa fuq l-irċevuta?
xi ftit tatek żgur —
ġbidt xagħrek lura f’malju
u bit-tarf jgħarrex ’il qaddek, rajtek
toqrob lejn xifer il-blat — u belgħak,
il-fond, bħal ħlejqa minn tiegħu.
tbissimtli met’għedtlek hawn hi,
mur għum ħa nerġa’ naqraha.
lura mit-torri, wegħedtek li niktiblek
din l-ittra. beda jisbaħ tant malajr —
ġbarna kollox u tlaqna; ħallejt
id-diżappunt u l-ħerqa fuq wiċċek
imnaqqxa fil-ħabba t’għajnejja
qabel dort u dħalt fil-karozza.
naf li qed tistenna kliemi —
imma mhux din l-ittra nemusa fitta
li ma tridx tinqala’ minnek, għażiża.
aħfirli talli domt ma rrispondejtek.
il-poeżija qrajtha dakinhar stess
li waslitli. bqajt naħseb fuqha
dawn il-jiem kollha, speċjalment
għax m’ilux wisq kelli nikkonvinċik
li żgħożitek m’għandhiex iġġiegħlek
taħseb li baqagħlek biex tikteb
vers matur —
erġ’aqra din tal-aħħar
u għidli minn fejn ġejja, dis-sensibbiltà
poet’ka matura, ’kk mhux minnek, għażiża.
ma kellix dubju li mingħandek għad
joħroġ vers war’ieħor bħal dan,
profond bla ħafna kliem tqil —
x’sibt f’lewn xagħrek
li ma rajtx fit-tut
biex fhimt it-tifsira t’iswed?
ġej minnek anki ġmiel il-vers —
u hawn tidħol inti, id-dewmien,
l-istedina għall-għawm, l-ansjetà.
għażiża, kif tista’ qatt tofroq
il-poeta mill-persuna?
forsi faċli jekk ma tafx min hi,
iżda jien nafek b’aktar minn ismek.
qabditni ħlewwa ta’ qalb
għal dak ġismek fraġli
kif rajtu jaqdef ilbieraħ, il-Qbajjar,
għax naf li jintlewa ma’ mejda
jikteb dawn il-versi ta’ mara,
int li għadek biss tfajla.
ħallejtni bla kliem, narak tixxotta
s-swaba’ ta’ saqajk wieħed wieħed
bl-eleganza li nsib fi kliemek
ta’ poeta li int, tal-persuna li int.
għażiża, ibq’ikteb —
għażiża poeta,
qattajt ġimgħa ta’ mistrieħ,
anki mill-kitba.
qgħadt l-aktar id-dar,
naqra bilqiegħda mal-art —
użanza mit-tfulija.
doqt l-ewwel ħawħ tal-istaġun —
tant tajjeb li kilt dik li warrabtlek.
kull għabex sabni l-baħar —
ngħum fil-fond, inkella naqra fuq il-blat,
aktar moħħni fil-klieb. la tinħall iċ-ċinga
tagħhom ma jifdal xejn x’jinżgħu —
jaqbżu qabel is-sidien għadhom
iġebbdu fil-flokk, itellgħu xiber ix-xorz.
rajt kelb imdaqqas jaqdef lejn sidtu,
jigdem il-mewġ li ttanta hu stess —
bews mielaħ ma’ wiċċha la jasal
u daqshekk, lest mill-għawma —
jilheġ lura lej’ il-blat
fejn jien nosservah —
nitħarreġ fl-eżerċizzji
tal-ħajja poet’ka.
għażiża, m’għandix ċans
niktiblek fit-tul illum,
wisq inqas għada —
mma xorta nixtieq ngħidlek
kemm ħadt gost naqra
l-ittra li bgħattli.
taċċetta dil-poeżija,
minflok?
Awwissu jasal bħal għasfur
Kafè fietel ma’ ktieb, il-kwiet.
Dawl ftit għajjien
u nifs ħafif mit-tieqa —
Minn dejjem kien daqshekk
ħiemed Awwissu, ġeneruż?
Niftakru jikwi, ċajtier.
Ma jilħaqx jgħaddi l-ħsieb —
jinżlu żewġ ħuttafa
fuq il-ħbula tad-dawl.
Dawk li tawni f’għajnejja
quddiem il-gallarija.
Kemm arrieli — xi ġmiel.
Kuntenta nar’hom bla ma
nqishom b’wisq kliem.
Nagħraf barka meta tpassi.
għażiża poeta, nammetti —
mistoqsija bħal din li bgħattli tiskomodani.
iġġibni dahri mal-ħajt —
iġġegħelni nħossni bla għażla
għajr li nammetti l-ħtija tiegħi
f’delitt li ’qas ta’ riħitu ma kelli idea.
— il-għala tikteb?
għaliex qed tistaqsini? kelli noħroġ
ftit fil-gallarija, nisħet il-mument
li waqaft inpejjep xi xahar ilu —
dejjem kont inġaħġaħ xi ħsieb intelliġenti
bis-sigarett jiżżerżaq bejn is-swaba’.
poża ta’ kittieba, naf —
mhux li għandi tant minnhom.
taħt ix-xemx tad-disgħa diġà taħraq qatigħ,
raġel anzjan ma’ kelba boċċa kienu mexjin
bil-mod, ma nafx min imexxi lil min.
hekk jien u l-poeżija —
inżommu kumpanija kwieta,
aktarx ninħabbu aktar milli nafu.
qed nasal xi mkien —
ma niktibx biex “nesprimi ruħi” —
dik żgur. ma nħossnix li għandi
wisq x’ngħid, u kultant naħseb li
anqas m’għandi x’ngħid, aktar aħjar.
inħares lejn il-vrus ta’ Daniel Massa
u nara l-anemoni mnaqqxa fil-blat —
ftit, biżżejjed u sbieħ bis-sbuħija vera.
għax jekk noqgħod naħseb ikolli nammetti —
kemm-il verità se tfeġġ f’din il-ħajja qasira?
kemm minnhom se jgħaddu mill-passatur
mal-frak u t-trab li jgħaddi ta’ kuljum?
iva, qed nasal —
nikteb imqar għal raġuni waħda. ġieli tant
kemm naqra li negħja, insaqsi — u jien?
jien ukoll ħlejqa bħal dawn li tgħix aktar
ma’ kull kelma, flok iddub fil-ħin?
u naqbad xi ħaġa, bħall-ħasil tal-platti,
biex naħseb fil-kwiet. infittixhom,
dal-mumenti, għax xi drabi jidħol il-kliem
f’moħħi, kultant komplut. insegwih malajr
għax il-ħsieb fuġġenti, il-vers effimeru —
sakemm niktbu fuq il-paġna u mit-truxija,
forsi joħroġ sens ta’ għanja —
għażiża poeta,
m’ilniex wisq li ltqajna —
fehemni għala, mela,
qiegħd’hawn mixtieqa minnek.
kieku kellu jżurni spirtu llejla
ma niħdux fi ħdani, li ma jmurx
iħassar imqar ħjiel ta’ did-dinja —
li ma jmurx imiss idejja fejn inti,
għażiża, ħallejt tifkira.
ħlewwitek tkompli toħla.
dawk is-swaba’ twal
bid-dwiefer miżbugħa
refgħu ’l idi b’ġentilezza
daqslikieku qabdu għasfur —
min jaf għala?
għax għedtlek narak fija?
ma nafx x’għadda minn moħħok
imm’għadni naħseb —
x’ġentilezza —
kemm nixtieq nieħu ħsiebha.
fakkarni, meta ltqajna l-aħħar?
iva — dakinhar li qamet iż-żiffa
u stajna nsorġu barra, fil-ġnien.
nixtieq nerġa’ narak
tgerrem il-lapes bla ma taf,
tixgħel la tlesti l-kitba mal-għabex.
anki l-lampi jqumu ftit tard
met’inti tkun viċin, u kuntenta.
ħallini narak daqt —
bik quddiemi faċli nemmen
li l-ħajja taf tkun ratba,
bħall-vers meta jħoss,
kważi kważi bla sforz,
dak li qalbek riedet tgħid —
għażiża poeta,
reġa’ darli mill-bieraħ —
ejja ma niltaqgħux
ta’ spiss bħalm’għedtlek.
ħalli s-sjufija f’wiċċek
terħi ftit lewnha,
bħan-nemex li nibtu
anki fil-pali ta’ jdejk —
ħallini nerġa’ narak
la nkun naf biċ-ċert
li jekk ngħannqek,
xagħrek se joħrof
mal-komma.
itfili d-dawl t’għajnejk
ħalli fl-għera tal-lejl
li tqum ftit wara
tidra d-dlam,
nitgħallem mill-ġdid
il-konfini tal-oħra li int.
dawn l-ittri li jwasslu
l kliemek bla surtek
iħaffu ż-żerniq
biex l-għada
nisbaħ bil-ħerqa
li nħares ’il barra —
nilmaħ kulm’għedtli
jimxi man-nies fit-triq,
jixref mit-twieqi mbexxqa.
’kk tibgħat poeżija,
infittex il-ħuttaf li jaf
żgiċċa minn vers,
il-ġilju milwi, qatt mistħi —
kliemek ħaj madwari b’nifsi.
inħobb nafek hekk —
minn kif tbassarli t-temp,
kif tiftaħ u tagħlaqli
l-bibien mill-bogħod —
nieħu sens ta’ leħnek
minn dak li jsejjaħ kliemek.
la narak wara tant,
imbagħad, nerġa’
nsibek kif int, bħal
pupa minn tfuliti —
għażiża poeta,
ninsab lura Malta —
wasalt id-dar siegħ’ilu u
qegħ’dt il-kotba li xtrajt
fuq l-ixkafef —
anki dawk li ġibt għalik.
ejj’għalihom u ddumx —
ma rridx wisq
biex nidr’hom hemm.
insomma — tafni inti.
iss’ilni ma narak u
nixtieqek tħabbatli —
tgħidli x’qed tikteb,
kif int.
xtaqtek ġejt miegħi —
imma nammetti,
ma nafx kieku kontx
nikteb daqskemm ktibt.
tkun darb’oħra, tibżax.
żort kważi kull ġnien
u ċimiterju f’Pariġi.
qattajt ħafna ħin nosserva
taħt kampnari ħodor,
fil-kumpanija tal-korvi —
nofs ix-xogħol poet’ku,
bħalma taf. imqar tieqaf
tisma’ lis-siġar jgħixu,
isostnu l-ħdura.
l-uniku dispjaċir
li kelli fl-aħħar ġurnata
kien li ma stajtx insib
il-maktur tiegħek.
kemm kien ilu għandi — xahrejn?
tiftakar meta tlabthulek?
tnikkitt mhux ftit.
miegħu għosfor tant —
ibda mir-ritwal tal-kitba.
fil-ksieħ kont indawru m’għonqi
bħalm’għallimtni, u fis-sħana
kont norbtu ma’ rasi.
se nħossni stramba mingħajr
dik ir-rabta ssikkata.
vrusi mhux se jibqgħalhom
dik ir-riħa żejtnija tal-jiem
meta konna niltaqgħu,
ta’ spiss filgħaxija biex niktbu.
kont tilbsu kuljum f’xagħrek —
tħollu biss biex tgeżwirni.
nittama li ma sabu ħadd —
ma jistax isib għożż’ikbar
minn tiegħi, avolja
ħallejtu jaħrabli minn idejja.
naf li kieku setgħu,
fjuritu ġa dbielu.
għażiża —
ix-xewk fi kliemek
niggiżli għajnejja —
inixxu dad-demm
taqtir fuq il-paġna
li qed tgħatti b’subgħajk
biex forsi tkompli tinsa
li jien ukoll tal-laħam.
għażiża, l-ebda linka
li nista’ nibgħatlek
imżellġa mal-paġna
m’għandha s-saħħa
ssejjaħlek b’ismek —
m’għandha s-saħħa
torbtok biex tgħidli
dak li vera trid tgħid,
dak li vera tħoss.
inti biss tista’ terfa’
subgħajk u tagħlaq
il-bibien ta’ dal-feriti —
għażiża poeta,
qed niktiblek mhux għax naf xi rrid ngħid,
x’għandi ngħidlek. anzi — niktiblek għax,
nipprova kemm nipprova nħit xi kelmiet f’moħħi,
qas jirnexxili ndaħħal il-ħajta fil-labra.
niktiblek għax spiss, meta l-ħsibijiet donnhom
bla kwiet — iduru fix-xejn, bħal għasafar
ifittxu siġriethom maqtugħa —
mal-kitba jinsġu bejta fejn jistrieħu, iqumu,
imbagħad jimirħu. għalhekk qiegħd’hawn,
bilqiegħda bl-għeja ta’ jum, nipprova nsib
il-kliem perfett. għedt forsi ’kk nistħajjilni
qed nikteb poeżija flok ittra,
il-kliem jasal ma jdumx, jogħla ’l fuq, jgħanni —
imma għadni hawn, bilqiegħda,
ma nafx x’naqbad nikteb ħlief għażiża.
— għażiża
poeta għażiża,
ma fadal xejn ta’ did-dinja
li jista’ jwiegħrek mill-kitba —
l-ebda ħjiel li ma tistax taħfen
b’idejk u b’kelma tibdlu fi xrara.
mhuwiex kredu, dan il-kliem —
aktar milli nemmen fik,
jien naqra vrusek u nagħraf
dak li int —
poeta — saħħara —
għidli inti x’int.
dal-poeżiji li ġbart f’abbozz
kont qrajthom diġà,
waħda waħda kull tant żmien,
miktuba fid-djarju l-aħmar.
meta llejla qrajthom flimkien
għal darba darbtejn,
tnejt il-karti taħt abti
u ħriġt nimxi —
sa ma mxejt kull ħlejqa
ta’ ħsieb —
ħarist ’il fuq
lej’ il-kisra fidda mperrċa fil-lejl
u sibt il-kenn, il-ħniena,
f’qamar wieħed biss fid-dieher.
spjegali kif jista’, ’l-qarrej tiegħek,
ma jaħsibx li f’kitbietek
ċħadt il-mirja tar-ruħ
biex tleħħen il-qmura
li rajt fis-siegħa tal-isħra.
b’liema dnub se jixluk
la tippubblika? tlumhom
jekk qatt ma ltaqgħu ma’
vuċi bħal tiegħek
fi lsienhom stess —
vuċi li tibża’ minn għajn
li mhijiex umana?
anki l-qarrejja li jifhmu
minn fejn tnissilt
kapaċi jagħtu n-nar
il kitbietek —
oħrajn, nemmen li jżommu
l vrusek qrib tagħhom,
bħal ħaġra b’toqba mnaqqxa
li tbiegħed l-ispirti ħżiena,
tipproteġi mis-saħta.
arani nniżżel ħarsti mill-qamar
ħa nerġa’ nħares mit-tieqa ta’ kliemek,
dil-ħaġra li taf it-tmellisa
tal-baħar ta’ dari —
la jisbaħ għada
se ssibni mal-bieb,
bil-ġabra taħt abti —
għażiża poeta,
la qiegħd’hawn maġenbi
għala l-ħajra li niktiblek?
ġildtek xemgħa f’did-dalma —
kk nonfoħlok nofs kelma
forsi nitfik;
kk immissek b’seba’
kapaċi taħraqni —
indur għall-karta kiesħa —
titkebbes taħt idejja,
taħt dawlek, għażiża —
għażiża,
il-ġara dalwaqt tħallina —
qiegħda l-isptar u mid-dehra
ma tantx fadlilha żmien.
għalissa l-kelba tagħha
tinsab għandi —
miskin it-tifel tal-ġara
ma tantx jinsab tajjeb,
m’għandux moħħ. ara jien —
dejjem għandi moħħ għall-klieb.
nittama li l-mara jdejjaqha s-suf
għax beħsiebni nżommha
l din il-kelba. ħelwa ta.
ħa ntiha isem ġdid — Vita.
la l-kelba truxa mhux se
jagħmel differenza, le?
għażiża poeta,
ilni ftit ma nibgħatlek.
imm’inti taf — hux? —
li jien inġorrok
dejjem miegħi
fil-kfief ta’ jiemi.
insa li xi darba
għad ninsiek.
kif inti?
iktibli —
għidli x’inhu għaddej
minn moħħok.
għidli x’qed iġiegħel
il qalbek tidres,
flok tħabbat,
fil-qafas ta’ sidrek.
jien xejn ġdid —
nikteb ftit,
naqra ħafna,
noħroġ ’il Vita
passiġġata.
kultant, niktiblek —
bħalma qed nagħmel
hawn, bħalissa.
iss’inti u xejn aktar —
hekk tgħid l-ittra
meta — x’ħasra! —
il-mument ta’ bilfors
ikun ġa għeb
għall-kittieba
meta l-kliem jasal
f’idejn il-qarrejja.
togħġobni l-ittra —
effimera —
ma jkunx dnub
li tarmiha,
mma tant tgħassel
meta żżommha —
qafas ta’ kliem,
u xi drabi,
għafsa ta’ qalb —
għażiża poeta,
kont se noqgħod lura,
ma nerġax nibgħatlek
qabel tiktibli lura —
biss it-temp donnu qaleb,
u n-nida tibbri fix-xemx
bikrija tagħtini x’nifhem
li r-rebbiegħa riesqa.
x’jifdalli nagħmel
qabel tagħlaq ix-xitwa
ħlief li nistqarr
kemm nimmissjak?
ktibt dak kollu li
dix-xitwa offrietli
fi ħsus poetiċi.
l-unika kelma li baqagħli
hi dik — nimmissjak —
prożajka u ħelwa u bla xaba’ —
nimmissjak nimmissjak
nimmissjak.
ħu dil-kelma fl-għera tagħha —
għax meta ktibtha
għal darba darbtejn
rajt rifless fiha dejjem
l-istess jien, mhux jien
differenti kull darba
bħal meta jiġri, kultant,
meta nikteb. u min hi,
din il-jien?
dik li dalgħodu
Vita qajmet bi mneħirha
kiesaħ u mxarrab
ma’ ħaddha.
dik li kultant tħobb taqra
aktar milli tikteb,
taqrak milli tiktiblek —
arani nkun prożajka
ħa twiddibni
nkun aktar poet’ka —
għażiża poeta,
il-lejl xitwi jagħtik x’tifhem
li qatt mhu se jerġa’ jisbaħ.
il-ksieħ, il-kwiet —
ix-xita li tkompli tqattar
ftit ieħor taħt is-siġar.
agħtini raġuni
għala m’għandix għalfejn
noħroġ illejla u nsibek —
illum, qabel is-satra tal-lejl
iċċedi l-iċken ħjiel t’għada.
għażiża poeta, kif int?
għadek bħal dejjem fi ħsibijieti.
dalgħodu għasart ftit larinġ.
għadu ftit iebes u qares —
il-ħlewwa trid il-ħin, il-paċenzja.
trid teħodh’iktar ix-xemx diċembrina,
dejjem aktar fqira, u tixrob iżjed xita.
hemm fil-għoli tas-siġra, il-larinġa
tistenna s-swied jinġema’ —
kreatur’għaqlija —
tridna nduqu t-togħma tax-xitwa
ħa la ssir is-siegħa tal-ħlewwa
u mmissuha ma’ ħalqna,
nkunu lesti nlissnu grazzi.
għażiża —
dalgħodu ħsibt fik mat-tagħsir.
darba tkellimna dwar il-larinġ:
dak sospiż fis-siġra mżewqa,
dak imwaqqa’ fl-art mir-riħ.
dakinhar, is-siġra kienet
miżgħuda biż-żahar —
ħriġna nxommu l-fwieħa,
għorokna petala bejn is-swaba’
u dħalna dritt biex niktbu, imsakkra.
il-ftit fir-rebbiegħa jkattar
ħafna aktar milli ħsibna —
aktar mir-ritmu, mill-kelma,
għax ara kif frott il-fjur li missejna
hu mimli bit-tama li jarana
resqin ħa niġbruh, neħduh darna.
jew aħjar — nikluh hawn, bilwieqfa,
spalla ma’ spalla bħal dakinhar,
għax kollox bi ħsieb, xejn moħli
mill-bieb uman ’il barra.
wisq kiefra dix-xitwa
li żammitek maqfula. ma nistax
nieqaf nara quddiem għajnejja
l-weġgħa nġazzata fuq wiċċek.
qed inħossha tiflini, tiġġudikani,
aktar ma nkompli nhewden
bejnietna fuq il-larinġ. għalxejn
inbexxaq il-kpiepel t’għajnejja —
ilsieni jittradini, u x-xewqa li nistiednek
tiġi tiġbor il-frott tiqras fil-ponta.
nikkonvinċi ruħi li le,
għadu mhux żmien il-ġbir.
dalwaqt, iżda mhux issa.
dak kollu li darba kien fjur —
kollu fwieħa u bjuda —
dak kollu għad isir.
għażiża poeta,
kif inti? irqadt tajjeb?
jien insomma —
qomt maħsuda f’nofs ta’ lejl
u ma stajtx intajjar xi ħsibijiet —
uħud minnhom dwar il-kitba.
ħallini nsorġi ftit hawn,
ħa niktiblek dwarhom —
tiftakar darb’ilu x’għedtlek dwar ommi?
li meta kont għadni żgħira qaltli
l-kotba mlewni bil-ħmerijiet —
li ma nistax insib dak li hu miktub
fid-dinja li minnha niġbed kull nifs.
meta stenbaħt dal-lejl, ma nafx kif,
reġa’ ġie wiċċha quddiem wiċċi
dakinhar li qaltli dal-kliem ħarex.
ftakart li ftit jiem qabel,
kienet qaxxret xagħarha —
l-istess xagħar li kienet tillostra
kull filgħodu biż-żejt.
kien ikun jiddi, jiżloq,
anki taħt il-ħarsa mpeċpċa
tiegħi ta’ kull filgħodu.
bqajt imbellha, ta’ tfajla li kont,
meta rajt is-sink fgat
bix-xagħar iswed,
qabel qalftitni ’l barra mill-kamra
u għalqet il-bieb warajja.
stennejtha toħroġ, bil-ktieb f’idi
bilqiegħda f’ħoġor it-tieqa,
taparsi qed naqra. xħin ħarġet
stħajjiltha ħadet ir-ruħ, titbissem
anki bil-qagħda ta’ dirgħajha. min jaf għala.
kienet l-hena tagħha tieħu ħsiebu.
ftakart f’xagħarha, frisk għadu jniggeż
flok id-diskors kelma b’kelma
li ntqal bejnietna ġranet wara —
il-kuntest li fih ratni nimraħ
fil-paġni u qatgħetni lluppjata.
ma nafx x’taha.
niftakar biss — biss imma sew —
l-ebusija ta’ rasi. temminhiex.
tinsiex li dak iż-żmien
kulma kelli kienu ommi u l-kotba.
u l-kotba kont inqatta’ magħhom
il-parti l-kbira tal-ġurnata.
għal xi raġuni, riedet tiftaħli għajnejja
b’dak il-mod, dakinhar.
naf li mhux biex tweġġagħni —
imma kliemha kien uġigħ veru.
ġera tul ġismi għal jum, jumejn,
sakemm sab postu f’xi rokna
fejn kultant, ifettillu jqum u
jfakkarni li hemm għadu, avolja
memorja biss ta’ wġigħ.
ħa ndur fuqek, għażiża poeta,
għax issa għaddew ħafna xtiewi
minn dakinhar, u għandi x-xorti
li niktiblek u taqrani fir-rebbiegħa.
inti, b’xagħrek twil u sabiħ
għax tieħu ħsiebu —
inti li qatt m’int se tqaxxru.
inti taf li l-kotba ma jgħidux ħmerijiet.
inti taf li dak kollu li hu miktub hu reali.
għalhekk, tinsiex taqra bir-reqqa
dak kollu li tikteb, u saqsi lilek innifsek
jekk kliemek jgħidx dak li hu veru — għax meta terħih minn idejk,
kliemek se jgħix, kull darba li jinqara.
u jekk tixtiequ mhux jgħix biss
imm’anki jgħajjex, għandu jieħu
u jrodd lura mqar ħjiel mis-sbuħija
li l-kittieb kapaċi jara anki fiċ-ċkejken,
anki fil-kruha.
nistenniek tiktibli lura —
għażiża —
għal-lum,
dal-petali li ġbart
mis-siġar tal-larinġ —
għidli wassluhx il-messaġġ,
stedintx għalxejn ir-riskju
li qatt jerġa’ kliemi
jiżhar bejn subgħajk,
kemm ngħidlek
b’riħithom —
nirrispondik daqt —
għażiża poeta,
kemm-il poeżija minn tiegħek
qrajt, s’issa?
biżżejjed biex nagħraf
kemm inħobb naqrak.
din li bgħattli tal-aħħar
se niktibhielek b’idejja.
hekk għamel darba Rilke
lill-poeta żagħżugħ tiegħu —
qallu aqra l-vrus bħallikieku
ma tafhomx, u tara kif tħoss
mill-fond l-aktar profond
ta’ jienek li huma tiegħek —
siġar tal-larinġ f’San Anton
b’passi bla piż fl-arja t’April,
il-fwieħa mxiet il-passaġġi
ta’ San Anton; bla ħjiel ta’ fejn
għandha tmur, tistrieħ fuq kull bank.
fejn irfist jien kien hemm hi diġà —
ħallejt ir-riħa twassalni sas-siġar.
rajt b’għajnejja l-wegħdiet tal-larinġ,
sospiżi bejn il-weraq. ħassejt il-bjuda
tinħasad lejn l-art mal-iċken mess
ta’ seba’. ġbart idejja bil-kwiet, u
fis-sliem tas-siġar żarni ż-żahar:
ħafif fraġli u jfuħ, ifuħ —
nibbet ir-rebbiegħa f’ruħi.
għażiża poeta,
meta nħoss kull ħsieb
li jinbet f’moħħi jixxejjen
mill-għeja, u l-ebda ħaġa
ta’ did-dinja jew l-oħra
ma tista’ tifnini ftit ieħor,
nitlaq mid-dar bla pjan
ħlief li nserraħ lil għadmi
taħt il-kenn ta’ żebbuġa,
ħarruba, jew ċipressa.
il-ħruxija taz-zokk
mal-pali ta’ jdejja
tqajjem xi ħaġa ġo fija —
nistaqsi lili nnifsi l-għala
domt maqfula d-dar,
togħmet l-imrar f’ħalqi,
meta stajt niġi hawn
inbill xufftejja fid-duwa
ħa jduqha ġismi kollu.
siġr’antika tħenn
bi ħduritha —
tagħtik mill-mistura li qatt
ma tista’ tagħmillek id-deni.
b’dahri mistrieħ mal-art u
b’għajnejja mħabbla fil-friegħi,
il-ħin nistħajlu tal-ħarir —
fin u fraġli f’idejn
l-għasafar jittajru.
nar’hom jinsġu, joftqu
u jerġgħu jinsġu hekk kif
jinżlu fuq zokk għal waqt —
jaqbżu — itiru ’l hinn —
imbagħad jerġgħu jiġu.
ninduna kemm kont
bil-għatx għall-għana
meta nagħlaq għajnejja
u nsibni fiergħa
sal-għeruq —
mill-għeruq, għalhekk,
nissawwar mill-ġdid.
inlissen l-ewwel kliem:
agħdirni, siġr’antika.
għannini, għasfur.
naf li għad inkun
ħafifa bħall-arja.
bħall-arja, għad inkun
miżgħuda bin-noti.
għażiża poeta,
mindu kont żgħira, l-għaxqa tiegħi
kienet li niġri wara xi farfett —
fid-dar fejn trabbejt, ommi kellha
roqgħa ħamrija mimlija fjur,
fejn kien ipassi dak tax-xewk.
għadni s’issa nħobbhom tant.
jekk minn tarf t’għajn
nilmaħ farfett jittajjar,
nieqaf — nosservah —
insejjaħlu b’ismu qisni
nafu naqra ta’ xagħat.
jekk jofroq dawk ġwenħajh
imqar għal waqt ta’ ħemda,
ilsieni jxeblek bil-ħerqa, u
xi ħaġa fija tfakkarni kif
ma ngħixx mingħajr
il-poeżija —
għażiża poeta,
rajtek miexja llum u qisni nħsadt —
bħallikieku jien li dejjem
qrajt il-qalba tal-ġewża
faċli titfarrak bejn is-snien,
sibt il-qoxra preżenti quddiemi,
għal affariha f’did-dinja ta’ kuljum.
jien nafek —
naf il-kelma li tħobb tuża
xi ftit wisq ta’ spiss —
il-ħsejjes li jdarrsuk
għax qatt ma jbaxxu rashom
għal ħsusek —
naf in-nota li ddoqq
kull meta kunfidenti f’kitbietek
tersaq lejn it-temma —
ftit kiefra, għalhekk
dik surtek li teżisti
barra minn dak li int hawnhekk,
bejn għażiż’u oħra fuq il-paġna —
nibża’ minnha —
fejn naf xi jfettlilha?
issib spalla b’saħħitha,
xi għajn b’link’oħra
li tgħidlek tiktibx — jew agħar —
tiktibx kif tgħidlek dik,
kif ngħidlek jien
li rridlek il-ġid, għażiża —
jien li ngħir mhux għal kull vers
li tikteb f’postu f’kull sens u rima
imm’għal min rah qabli u messu —
għażiża poeta tan-natura,
meta taħseb li m’għandek
xejn ġdid x’tgħid bil-kitba,
li ktibt kulma kellek fik,
ftakar f’meta semmejtlek
il-baħar u l-buttuniera —
kif inti t-tnejn li huma
u l-ebda waħda —
għandek għomrok
tifli u tgħanni lilhom
u dak kollu ta’ bejniethom.
aqbad b’leħnek
it-togħma tal-isfarġel
għadu frisk mis-siġra —
il-bebbux qisu perli
fuq il-friegħi —
in-naħqa ta’ ħmar
li telgħet sat-tieqa —
u tkellem, ikteb —
ikteb anki dak li taħseb
li ġa ktibt. wara kollox
is-sabiħ qatt mhu ġdid —
għażiża poeta,
sew qrajt — ma ħadtx żball —
is-sabiħ qatt mhu ġdid.
kif naqbad nispjegalek?
ġieli ltqajt ma’ xi ħadd
għall-ewwel darba
u nibet fik l-aptit
li tgħidilha mmissjajtek?
għażiża poeta,
din kwistjoni kurjuża.
l-att tal-kitba jeħtieġ udjenza —
dejjem, bla eċċezzjonijiet.
qatt ma fhimt ’il min qalli
jien nikteb għalija biss —
ma jħajjarnix nisma’
dak li għandu x’jgħid.
kemm hu fqir
min għandu jien waħda
li tikteb u tisma’ fl-istess waqt —
xi frugħa, met’hemm min hu mogħni
b’ħafna jinijiet differenti
jimirħu fl-istess ġisem.
inħares lejk u nara persuna
b’jien li kienet tifla kwieta wisq,
jien li ma kellhiex ħjiel ta’ mħabba,
jien li tikteb, kważi kuljum —
poeta-persuna bħalek gostija naqrak.
xorta naqbel miegħek —
int ma tiktibx għalik
avolja vrusek intimi,
ħaddejn ma’ mħadda —
inti tikteb biex tinqara
mqar minn jien waħd’oħra
li taf titbaxxa mneħirha ma’ fjura —
taqsam it-tjubija tal-ħawħa
f’vers ħafif u ħelu
mhux biex tingħoġob
imm’għax għoġbitek —
u x’sens jagħmel li tikteb
jekk mhux biex tkun ank’int
dik li tfewwaħ, iddewwaq —
għażiża poeta,
ma nistax nemmen
kemm nixtieq narak.
qed nagħlaq għajnejja
biex nimmaġinak —
niftaħhom biss
biex niktiblek.
quddiem għajnejja
magħluqa
narak bħal ftuħ —
persjana mbexxqa
għar-riħa tal-fjur,
minn dak bajdani —
dak li jiġbru
f’vażett ċkejken,
jinbiegħ għoli,
tilbsu biss
meta tiltaqa’
mal-maħbuba —
għażiża poeta,
ix-xewqat kollha tiegħi
jisfaxxaw fix-xejn
quddiem din —
li dejjem niftakrek hekk —
kokka fuq il-blat tal-Qbajjar
tgħarrex għall-granċijiet,
ħa jkollok għalfejn
titlaqni —
ħa tikteb —
ħa jkollok għalfej’
tfittixni —
għażiża poeta,
qabel bdejt din l-ittra
kelli id mgħaddsa
fil-pil tal-kelba rieqda,
fl-oħra tina maqtugħa
friska mis-siġra,
għadha tnixxi x-xemx.
liema id, taħseb inti,
erħejt biex niktiblek?
jimporta liema?
it-tnejn jafuk mill-qrib,
kuntenta u f’sekonda anzjuża —
jaljenaw ruħhom sakemm
waħda tistira l-karta
u l-oħra tiktiblek —
għażiża poeta,
għal mument għadda
minn moħħi l-ħsieb
li ninfexx f’ittra ħarxa
kemm noqorsok naqra,
forsi ntik raġuni għala
tiktibli lura.
kif ktibtlek għażiża
ħadt ir-ruħ — għalik,
ma sibt l-ebda kelma qarsa,
l-ebda kelma goffa
lesta fil-komma.
għażiża biżżejjed
biex insibek tmissli
jdejja bil-ħlewwa.
arani f’mument
inkun aktar dgħajfa —
arani niktiblek
tinsinix —
bħallikieku
taf tagħmel differenza,
dil-kelma. ma nafx
niktiblek poeżija sabiħa
biex niġbdek lejja. ma nafx
nibgħatlek ktieb biex
norbtok tagħtih lura.
nispiċċa nistkenn
fl-umiltà tal-ittra
li tistenna mingħajr
tobbliga —
li taf tmiss qalbek
ma’ idek lura —
nittama ma ddumx —
waslet il-ħarifa, għażiża poeta.
xi grazzja li kollox għandu tmiemu.
mal-ħażin jitmewwet it-tajjeb, veru —
’mma t-tajjeb jerġa’ jinbet, le?
mhux għalhekk ix-xita ħanina?
kulħadd jgħid kemm għandna bżonnha.
ank’inti hekk tgħidli — kont tgħidli.
idek f’idi eħfef mis-soltu —
f’ħajtek, inti farfett ta’ staġun ieħor.
f’tiegħi inti fil-friegħi ta’ dan,
jiemek imdendla —
għażiża poeta,
kull meta naqbad il-pinna f’idejja
jeħtieġli nagħżel bejn nikteb u niktiblek.
faċli nċedilek bil-qalb —
ma rridx tant biex nins’għala
kien daqshekk veru dak il-vers
li dam jum iberren f’moħħi.
għada dejjem ħin tajjeb għall-kitba.
jekk nilħaq ninsieh, żgur ma kienx jiswa wisq —
mhux daqs il-ħsieb li jekk noffri siegħa notturna
għalik, poeta żagħżugħa, inkun għext ftit aktar
dak li nixtieq nikteb.
illejla jerġ’iktar faċli ndur għalik —
ktibt fit-tul, ilbieraħ filgħaxija —
poeżija fuq Delimara f’Jannar.
kont ilni ftit ma ndum dawk is-sigħat
b’rasi mgħaddsa fil-kitba sa ma ħattejt
kulma kelli fija u bnejt xbieha.
għalaqt l-aħħar vers fis-sagħtejn
u kont sodisfatta, lesta għar-raqda —
sa ma ħsibt fik la tfejt
u l-ewforja tal-kitba li ħarġet tajba
għebet mal-ġamra tbatti tal-lampa.
għaliex stħajt niktiblek kopja?
għaliex tnikkirt, meta nofs il-gost
tal-vers mirqum hu l-qari tiegħek?
bqajt nhewden sal-għodwa
wettaqtx bil-ħsieb jew bla ħsieb
dak il-ġest li jfisser distanza. nibża’ li
ġismi jidra wisq malajr, wisq qabel qalbi.
poeta, ilek ma ssejjaħli għażiża.
ili wkoll ma narak — ’qas tfaċċa wiċċek
ma’ messaġġ, għal għarrieda ssaqsini
nħallilek ’l Aquilina fit-tieqa.
xtrajt dizzjunarju dal-aħħar?
inħossni qed nitilfek ftit —
u miegħek qisek trid tiġbed lura
dak kollu li sirt nagħraf lili nnifsi bih.
kapaċi nidra nerġa’ nkun il-jien li kont
mingħajr ma nsibek għal għarrieda
fil-bieb, tistaqsini x’qed naqra sabiħ.
x’jikkunslani għajr li tista’ tinsa
kull dettall li slitt minnek.
il-poeta fija serqet dak kollu li jleqq fik
f’għajnejha — bħall-għazza f’nofs dahrek
li rajt mal-ewwel għawma fis-sajf.
bik jew mingħajrek l-għazza tibqa’ tiegħi —
ma rrodd xejn lura li poġġejt fi kliem.
taf inti li l-vers tiegħi jgħożż id-dettall —
isarraf anki l-iċken fil-poet’ku.
nitlifni xi ftit ’kk nitilfek, għażiża —
mma tħalli warajk l-okkażjoni għall-vers,
u b’hekk, għall-inqas, nibqa’ nikteb —
wens għani u fqir fl-istess ħin,
la xorta jkolli nqum kuljum
għas-silenzju tiegħek.
għidli mqar din —
int timraħ fl-infern l-aħħar li ħarist lejk?
ma niftakarnix indur lejk u nitilfek b’għajnejja —
tiswa xejn din l-ittra jew qed ngħanni diġà,
bla ma naf, t’Orfew agħma?
għażiża poeta,
hemm post fejn immur meta b’pass
nixtieq insibni f’ħarifa oħra, mhix Maltija —
post minn żmien ieħor.
il-weraq jinżel folt fuq it-taraġ, u isfar —
it-tip li trid taħbi saqajk fih u tidħak.
xħin iħaxwex, f’qalbi ma nistax ma nemminx
li l-weraq għadu ħaj f’xi sens ieħor.
dejjem minn hemm nibda, imbagħad —
jew nitla’ fil-kenn tat-tempju,
inkella naqsam it-trejqa — nagħlaq għajn
biex bl-oħra nħares minn bejn il-ħadid.
warajh, ġnien sabiħ —
anki l-għasafar ma jiddejqux
jidħlu jgħannu f’dil-gaġġa.
wara nsib tarġa għall-qari.
ġieli kont hemm meta ma sebaħx,
iżda mhux fix-xita —
bħallikieku aħjar ma tkunx taf
bil-wisq perfett, għax wara kapaċi tlumu.
l-aħħar li mort, ix-xemx mifnija Novembrina
xegħlet anki t-taħżiż mal-kolonni tat-tempju.
kollox dehbi taħt għajnha, hawnhekk,
anki l-kapriċċ. ktibt ismek b’seba’ mal-franka.
qbadt werqa f’idi u b’nifs ħafif bgħattha. niżlet
l isfel bil-lajma, qisha taf kif għandha taqa’ fuqek jekk,
ma tafx kif, issibek xi mkien — issibek rieqda.
imbagħad qbadt il-ktieb u qrajt għal siegħa —
forsi nofs siegħa, fil-verità, ’mma ħassejtni
domt ma qomt u saqsejt
x’sar minnek.
poeta żagħżugħa,
f’moħħi għadni ngħix
il-lejla tal-bieraħ.
għadni narak terfa’ ħarstek —
tarani — u tkemmixli xufftejk,
qisek flejtni u dak li sibt
kien diżappunt.
imbagħad tbissima, hekk,
qisu xejn mhu xejn.
ġbidt iċ-ċinga tal-basket
lura fuq spalltek —
hekk kont tagħmel, kultant,
qabel tieħu pass —
u xejn aktar, daqshekk.
ressqulek tazza nbid u kelma
u fakkartni mill-ġdid
kemm kien faċli nitilfek.
stennejtek ftit, imbagħad fettilli
naħseb — xi ż-żikk — u tlaqt.
nammetti, biddilt fehmti darbtejn
qabel wasalt fejn il-karozza,
imma le — ikkonkludejt —
m’għandix għalfejn nerġa’ lura
nfittxek. smajtek taqra —
għalhekk tfaċċajt, xejn aktar.
ma ġibtx miegħi xi xewqat moħbija.
iżda b’ħarstek biss
ukoll qajjimt il-ħsibijiet.
sibt ruħi d-dar bla ma naf li soqt,
moħħi medhi b’forsijiet koroh
daqskemm kienu sbieħ.
kont beħsiebek tiġi qrib,
tobrox war’għonqi b’difer?
tkellimni? issaqsini kif jien l-ewwel,
jew tgħaddi dritt għall-punt
u ssaqsini x’jidhirli mill-vrus?
mhux għax int kattiva,
imm’għax inti kurjuża.
forsi xejn minn dan — kif ġara,
fl-aħħar mill-aħħar.
stajt tiġri tilħaqni, kieku ridt —
dort darba u ma rajtekx fil-bieb.
tħajjarni nazzarda noqgħod f’nofs ta’ triq
biex ’kk nibqa’ ħajja nista’ nwaħħal fid-destin —
li hu biss ried li t-tama qatt ma tmajna.
kif anki b’ġest frivolu għadek iġġibni hekk?
għalkemm tgħallimt nistħi minnek,
ridt inkun onesta miegħek
ħa tifhem aħjar dak li ġej,
għax jien ma ktibtlekx
biex tarani nibkik. anzi —
kburija bik, jien, u ħafna.
nibqa’ nkun kburija bik,
sakemm tibqa’ tikteb kif qed tikteb.
tobgħod dak li hu faċli u tqattgħu
avolja tibki l-ħin li ħlejt.
ma tittradix lis-sbuħija —
ma tibdilhiex mal-kliem u l-metaf’ri.
taqra bla pretenzjonijiet —
il-poeżija tinfdek bla ma
tara s-sejf dieħel u ħiereġ.
ilbieraħ stajt tajtni raġuni
għal’għandi nobogħdok —
imma le, inti qrajt jerġ’aħjar
milli stennejt. u jien hekk,
ma nafx nisma’ poeżija
li jistħoqqilh’isimha
mingħajr ma jiġini l-aptit
li nħobbha sewwa —
u arani hawn, niktbilha —
forsi mhux għall-aħħar darba —
u din l-ombra tiegħek t’ilu
ma tafx x’tagħmel
għajr li tgħaddi