« Naħseb li din hija tema importanti, hija kważi djalettika jew tensjoni bejn l-individwalità li titlob il-kitba u l-kollettività tal-grupp u tal-attiviżmu. Jien naħseb li hemm tensjoni importanti bejniethom, jiġifieri t-tnejn iżommuni ankrat b’modi varji. Jekk jiena nkun inkwetat dwar l-arroganza tal-ewwel persuna speċi nipprova nserraħ il-kuxjenza u ngħid li l-attiviżmu iktar kollettiv, mhuwiex dwari. Niltaqa’ ma’ nies li jaħdmu verament fi spirtu ta’ kollettività minkejja li kultant il-midja, il-ġurnaliżmu, jiffukaw fuq individwu partikolari għax għandhom bżonnu għall-istorja. Imma fil-verità l-attiviżmu grassroots ma jaħdimx hekk. U lanqas l-esej. Għalkemm fl-esej jiena nużah l-ewwel persuna; m’iniex wieħed minn dawk li niddejjaq mill-pronom. Nużah anzi, għaliex nuża l-ewwel persuna mhux biex nistabbilixxi lili nnifsi bħala elevat imma, anzi, għax l-unika ħaġa li nista’ ngħid b’ċertezza hija dwar l-ewwel persuna u mbagħad jekk dak li qed ngħid japplika lil hinn, tajjeb. Imma mhux ħa nassumiha minn qabel. Jekk fil-kitba inkun qiegħed nitqabad ma’ din l-arroganza, l-attiviżmu jtini l-antidotu, il-bilanċ. Għalkemm inħobb ngħid li l-esej huwa dwari, fil-fatt huwa dwar l-influwenzi tiegħi, dwar il-fatturi li infurmawni. L-esejiżmu li jinteressani huwa dak li jiftaħ, li huwa dwar il-jien li, waqt li qed tiktbu huwa diġà plurali, il-jien immultiplikat. Bħall-attiviżmu. Għax l-attiviżmu jmur lil hinn mill-idea tal-jien attivist. L-attiviżmu qawwi u sabiħ għaliex huwa esperjenza li tiftħek u ġġiegħlek tinduna li l-esperjenza tal-grupp qed iġġibek xi ħaġa oħra. Jekk qed nemmen fit-trasformazzjoni soċjali u politika, dik ħa tinvolvi trasformazzjoni individwali, u daqstant ieħor il-kitba. L-esej għalija huwa trasformattiv litteralment għax jiena naf li dil-kitba tibdilni b’mod radikali u b’mod profond ħafna fuq livell importantissimu. L-“essayer” huwa dan. Jiġifieri anki jekk qed nikteb fuq il-passat, dan mhux biex naqbdu bħal ritratt, b’mod l-iktar preċiż, lanqas xejn. L-esej qed jaqbad il-proċess, huwa proċesswali fih innifsu. Inħossu jirrifletti ħafna l-proċess veru li nkun għaddej minnu jiena u nikteb. Għalija l-esejiżmu huwa eżerċizzju personali, dak li Foucault u oħrajn isejħulu askēsis. Mhux askēsis fejn tirrinunzja lilek innifsek (jiġifieri l-axxetiżmu, kif imbagħad evolviet il-kelma) imma axxetiżmu bħala eżerċizzju li jħalli l-innifsi jittrasforma, jifforma, kultant idewwi. Biex tittrasforma u tinbidel jeħtieġ li tagħmel forma ta’ paċi ma’ dak li għaddejt minnu, jew tinsieh b’mod partikolari, u dak huwa proċess formattiv u kreattiv finalment... It-tema tal-ħbiberija hija importanti għalija. Il-ħbiberija, jien qed norbot etika u politika magħha. Hemm etika ta’ kif tkun ħabib u hemm marbut magħha politika wkoll, fis-sens mikropolitiku. Imma l-ħbiberija hija wkoll sensazzjoni, hija spazju relazzjonali ta’ x’qed inħallu lil xulxin inkunu. Jien sikwit ngħid li t-temperament tiegħi hu ta’ li m’iniex ta’ waħdi, fis-sens li għandi bżonn ħbiberiji intensi u profondi bħala esperjenza emozzjonali, imma anki bħala esperjenza edukattiva. Tgħallimt ħafna bil-ħbiberiji. Tgħallimt kif nitkellem, kif inġib ruħi, kif nisma’, kif nimbotta lili nnifsi. Il-ħbiberija allura nassoċjaha ma’ dak l-eżerċizzju usa’, l-askēsis. Iktar kemm nikber iktar qed nitlef l-abbiltà li niddistingwihom, għax jiena qabel kont nitkellem b’dan il-mod bil-filosofija, il-filosofija bħala stil ta’ għajxien, il-filosofija bħala askēsis. U naħseb li iktar ma jmur iktar qed insib placeholder ieħor għalih, issa qed nagħmlu bl-esejiżmu. Jiena nħoss li hemm relazzjoni bejn l-esejiżmu mifhum hekk u l-filosofija mifhuma bħala stil ta’ għajxien. Pereżempju, Foucault għandu intervista inkredibbilment interessanti li jisimha “Friendship as a way of life”... Jiġifieri forsi mhux b’kumbinazzjoni li għalija dawn it-termini huma kostellazzjoni, li qegħdin jaqbdu mal-istess ħaġa, ma’ etika profonda, ma’ estetika ta’ trasformazzjoni u formazzjoni tal-innifsi, u ma’ politika. F’dinja inkredibbilment individwalista, fejn in-nuqqas ta’ ħbiberija — u n-nuqqas ta’ intimità iktar milli ħbiberiji — huwa sors ta’ tant problemi, naħseb li verament il-ħbiberija bħala stil ta’ għajxien, il-ħbiberija anki bil-kitba iżda mhux biss, hija spazju effettiv, hija forma ta’ reżistenza wkoll. Il-ħbiberija, l-etika tagħha titlob ċerta “care”, li inti tagħti ħinek, tagħti saħħtek, tagħti ruħek u l-ispirtu tiegħek. U hemmhekk naħseb li l-ħbiberija hija forma ta’ reżistenza, f’dinja li iktar ma jmur iktar qed tiċċattja, fejn il-ħin huwa ċċattjat jew strumentalizzat. U allura dak l-ispazju effettiv jista’ jkun forma importanti ħafna, u forza sabiħa fid-dinja. » .