Il-5 t’Awwissu 2021. Il-Ministru tas-Saħħa u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika jindirizzaw konferenza stampa dwar l-aħħar żviluppi marbuta mal-pandemija COVID-19. B’maskra ma’ ħalqhom, iħabbru li minn wara Santa Marija, in-numru ta’ nies li jistgħu jieħdu sehem f’avvenimenti fuq barra se jiżdied għal 300; basta kulħadd ikun bilqiegħda. Retorika li forsi llum diġà tinħass xi ftit aljena, avolja ma nsejnihiex għalkollox, imma li dakinhar kien diskors normali. Kienet indrat, jew kellha tindara, il-mikroperspettiva li tħares lejn l-iċken prattiki soċjali sabiex tevalwa jekk humiex aċċettabbli.
Ma niftakarx jekk din il-konferenza stampa segwejthiex jew le. Skont id-djarju li żammejt, dakinhar kont qed nikteb ir-raba’ esej mill-ġabra li kont bdejt naħdem fuqha, bla ma kelli stampa ċara ta’ x’qed nagħmel eżattament. Imnalla għandi bosta modi biex inżomm rendikont ta’ meta kont qed nagħmel xiex. Il-memorja tiegħi mhijiex tajba u mhux dejjem hija affidabbli. Forsi kundanna kemxejn kiefra għal xi ħadd innamrat mal-memorja u ma’ kif din kapaċi tinseġ sens ta’ min aħna. Forsi għalhekk ukoll għandi tendenza li nikteb id-data ta’ meta nibda naqra ktieb fuq l-ewwel paġna tiegħu, u ġieli anki d-data ta’ meta lestejtu jekk ikun ktieb li messni ħafna.
Dakinhar tal-konferenza stampa, kont ilni ġimagħtejn li bdejt naħdem fuq dan il-proġett ta’ esejs, li eventwalment sar sens ta’ ħarifa. F’nofs Lulju tal-2021, proprju fis-17, tlajt erbat ijiem Għawdex. Il-pjan kien li nistrieħ u nġib lura ftit enerġija, hekk kif is-sena akkademika kienet qed tagħlaq. Bħal f’kull vaganza oħra, l-għażla ta’ kotba li nieħu miegħi tkun waħda maħsuba, jekk mhux ikkurata għall-esperjenza u l-affett li nkun irrid noħloq. Kont għażilt li nieħu miegħi erba’ kotba: This Life ta’ Martin Hägglund, The Sense of an Ending ta’ Julian Barnes, A Room of One’s Own ta’ Virginia Woolf u The Power of Tolerance, djalogu bejn Wendy Brown u Rainer Forst. Erba’ kotba differenti ħafna minn xulxin, kemm fl-istil, fit-tematika u fil-ġeneru. Naturalment, l-għan qatt ma kien li naqra minnhom kollha. Fil-fatt, għax id-dati fuq il-kotba jfakkruni, fl-ewwel ġurnata tal-vaganza f’Għawdex kont qrajt biss il-maġġorparti tal-ktieb dwar it-tolleranza.
Imbagħad, jew għax għejjieni jew għax kelli aptit xi ħaġa oħra, dort lejn Hägglund jumejn wara fl-Għasri. Dwar il-kontenut ta’ dal-ktieb, proprju dwar il-valur politiku u eżistenzjali tal-ħin, ktibt artiklu qasir xi xhur wara. Imma ma kinux biss l-ideat tal-ktieb li messewni meta bdejt naqrah, imma t-ton tiegħu, l-onestà u s-sens ta’ ftuħ fil-kitba. “Qed naqra ktieb bellezza bħalissa,” kont ktibtlu lil sieħbi l-għada li bdejtu; “Belagħni.” Niftakar (għax mhux kollox ninsa) il-mument meta qrajt it-tieni nofs tat-tieni kapitlu tal-ktieb, fejn Hägglund jaqbeż minn riflessjoni dwar iż-żmien f’Santu Wistin għal diskussjoni dwar il-kitba ta’ Karl Ove Knausgård. Ftit kien hemm kapitli li belgħuni daqs dan. Fih bdejt nara t-temi li jmissuni l-aktar: in-narrazzjoni tal-Jien, it-taqbida mal-memorja, il-pathos tal-finitudni, it-tħaddin tal-vulnerabbiltà. Dwar Knausgård kont smajt xi snin ilu. Kont fuq tal-linja sejjer għax-xogħol kmieni filgħodu, u jien u nqalleb in-newsfeed jitlagħli artiklu mill-Guardian iħabbar il-pubblikazzjoni bl-Ingliż tal-aħħar volum mis-sensiela tiegħu My Struggle. Ma nafx x’kien li ġibidli l-attenzjoni lejn dan l-artiklu: jekk hux ir-ritratt tal-awtur, it-titlu tal-ktieb, jew jekk hux għax kien tefgħu xi ħadd li naf fuq il-profil tiegħu. Kien x’kien, kont ħadt nota mentali li xi darba għandi bżonn naqra iktar Knausgård (bħalissa qed naqra l-ħames volum ta’ My Struggle).
Il-kumplament tal-kotba li kelli miegħi, Barnes u Woolf, ma missejthomx kemm domt Għawdex. Ir-rumanz ta’ Barnes kont qrajtu iktar tard f’dik is-sena, u l-esej twil (l-esej nom maskil jew femminil? Domt intella’ u nniżżel dwarha din, u għalkemm iktar tiġini naturali li ngħid ‘din l-esej’, iddeċidejt li nsegwi konvenzjonijiet akkademiċi bil-Malti li jagħtu l-esej bħala nom maskil) ta’ Woolf domt inkarkar bih sas-sena ta’ wara.
L-għada li rritornajt id-dar minn Għawdex, nara post fuq Facebook li tefgħet Maria Theuma dwar xi oġġetti ta’ Sylvia Plath li kienu mgħoddija għall-irkant minn bintha Frieda Hughes. Dħalt nara x’kienu l-oġġetti u laqtuni ħafna sensiela t’ittri miktuba fl-1956 li Plath kienet bagħtet lil Ted Hughes ftit xhur wara li dawn kienu żżewġu aktar kmieni f’dik l-istess sena. Weħilt naqra dawn l-ittri jqattru l-passjoni avolja bdejt inħoss xi ħaġa fija tgħidli li dan il-kliem miktub qatt ma kien maħsub biex jinqara minn udjenza li mhijiex Hughes. Kien filgħaxija, mort biex norqod, imma f’moħħi bdew iberrnu ħafna ħsibijiet. Bdejt inħoss li ideat u aspirazzjonijiet diversi li kien qed ikolli fix-xhur tal-pandemija bdew jippuntaw f’direzzjoni waħda: lejn kitba kreattiva u personali, lejn taqbid mas-suġġettività u xi memorji, lejn attentat li niddeskrivi tendenzi u inklinazzjonijiet fi kliem. Lejn l-esejiżmu.
Fis-sentejn ta’ qabel, l-idea u l-prattika tal-esej — l’essai — kienet bdiet issir importanti ħafna għalija. Kienet saret attitudni. Bdejt inħares madwari u nifred l-affarijiet f’żewġ kategoriji: “esejistiku” u “mhux esejistiku”. L-esejiżmu ridtu jsirli stil t’għajxien, mod ta’ kif inħares lejja nnifsi u ta’ kif interraq fid-dinja. Iltqajt mal-esej b’mod aċċidentali tista’ tgħid. F’April tal-2019, kont mort konferenza organizzata minn Mario Aquilina li kienet fetħitli moħħi għad-dinja tal-esej. Naturalment, b’xi mod jew ieħor, ilkoll nafu x’inhu esej u lkoll ktibna minnhom fl-iskola (compositions, konna ngħidulhom). Allura, parti minni kienet taf x’inhi l’essai. Imma ma kontx konxju tat-tradizzjonijiet sħaħ tal-esej personali; ġenealoġija li, fid-diversità tagħhom, tgħaqqad flimkien figuri bħal Seneka, Montaigne, Lamb, Hazlitt, Beerbohm, Woolf, Orwell, Barthes, Thoreau, White, Baldwin, Rich, Didion, Dillard u ħafna oħrajn. Minn filosfi għal ġurnalisti għal rumanziera għal attivisti. Tip ta’ kitba li ntbaħt li nafha, anki jekk kont insejħilha b’isem ieħor (jew saħansitra jekk ma kontx naf li għandha isem) qabel ma skoprejt biha b’mod aktar konxju. L-esej kien qed ibaqbaq fija, kien qed imexxini lejn kitbiet li nħosshom li jmissuni mingħajr ma kont nafu.
Nazzarda ngħid li l-esej biddilli ħajti u l-mod kif inħares lejha. Ngħid dan bir-riskju li dal-kliem jinstema’ klixè. Infatti, għalija l-esej bħala tip ta’ kitba jitgeżwer f’dan ir-riskju. Ħafna drabi, jien u nikteb l-esej, kien ikun hemm vuċi ġo fija li tgħidli: “Imma min se jimpurtah minn din il-kitba personali? Dawn il-memorji huma sinifikanti għalik biss.” Dan hu riskju reali ħafna. Li nista’ ngħid hu li jkun żball jekk l-esej personali jipprova jħares biss ’il ġewwa jew lura biex bħallikieku jaqbad xi ħaġa pura u verġni. L-esej sabiħ meta jkun kapaċi jfettaħ, iwessa’ u jespandi lil hinn mis-singolarità tal-Jien sabiex qarrej li ma jafekx jista’ jieħu xi ħaġa minnu. U minnek.
X’tista’ tieħu minn esej? Ngħid għalija, il-prinċipju li dejjem nassoċja mal-esej huwa l-pjaċir. Ċertu pjaċir; tat-test, tal-kliem, tal-kitba, kif kitbu dwaru Woolf, Barthes u Sontag bil-modi varji tagħhom. Għalija l-esej jibqa’ xhud għall-pjaċir li nixtieq nibqa’ nara fil-kundizzjoni umana li ssib ruħha mqiegħda fid-dinja, fl-għajxien u fl-affermazzjoni tal-ħajja. Indur lejn l-esej għax irridu jibqa’ jfakkarni f’dan kollu. Għandi bżonnha dil-kwalità tal-esej, iktar u iktar f’mumenti fejn il-memorja ma ttinix u dal-pjaċir ninsieh. Dan ma jeskludix li wħud mill-esejs jitkellmu dwar l-insikurezzi, il-vjolenza, l-inċertezza, il-vulnerabbiltà u l-mewt. Għalija l-esej hu bħal oġġett imsaħħar, taliżman li jġorr fih ċerta maġija, misteru li mhux dejjem nifhmu imma li rrid nibqa’ nemmen fih, li jtini s-saħħa nogħdos fija nnifsi anki jekk bit-tama li ninqala’ minn ġewwa fija sabiex nistrieħ, imqar għal ftit. L-esej mhuwiex biss dwar il-Jien; anzi, jgħaqqadni ma’ oħrajn. Fl-esejs li ktibt hemm it-traċċi varji tal-Ieħor, tal-Oħra, tal-Oħrajn li maż-żmien missewni, ħallew impatt fuqi, ispirawni jew anki fixkluni.
Il-proċess li bih ktibt sens ta’ ħarifa kien għalkollox differenti minn kwalunkwe kitba oħra li qatt għamilt. Għal sitt ġimgħat bejn Lulju u Awwissu tal-2021 warrabt kollox u qtajtha li ma nagħmel xejn ħlief li nqum u nikteb. Ma ħallejtx lili nnifsi naqbad mal-internet ħlief biex niċċekkja xi referenza jekk verament ikolli bżonnha. Uħud mit-temi ċentrali tal-esejs kienu ilhom ftit iberrnu f’moħħi, tant li xi xhur qabel kont ftaħt dokument u fih niżżilt xi ideat bil-ħsieb li jekk xi darba jkolli stampa aktar ċara ta’ x’ridt nagħmel b’dal-proġett, ikolli xi ħaġa minn xiex nibda. It-ton u t-temi ta’ wħud mill-esejs twieldu jien u nikteb. B’abbozz ta’ sitt esejs, għalaqt id-dokument.
Fil-bidu t’Ottubru, imbagħad, f’dak iż-żmien li t-temp jibda jaqleb u joħroġ ħjiel ta’ ħarifa mort mixja madwar Ħal Lija u Ħal Balzan, viċin ta’ fejn noqgħod issa, u malli dort kantuniera minnhom, laqtitni memorja. Mhux memorja tat-tip li sempliċiment tiftakar fiha, imma li tħossha fis-sensi kollha. Ittiegħem is-sensazzjonijiet li tqanqallek, terġa’ ddewqek xi ħaġa li qiegħda ġewwa fik anki meta tinsa dwarha. Triegħdek. Kelli nieħu nifs fil-fond sabiex nerġa’ niġi f’tiegħi. Imxejt lura lejn id-dar, ftaħt id-dokument u spunta s-seba’ esej. Għalaqt id-dokument u did-darba domt ftit ma rġajt qlajtu. L-esejs ma qsamthom ma’ ħadd, ħlief xi wħud minnhom li wrejthom lil grupp żgħir ħafna ta’ nies viċin tiegħi. Għaddew tmien xhur bla ma ħarist lejhom. Qisni ridt iż-żmien jgħaddi passata minn fuqhom u minn fuqi sabiex inkun nista’ nerġa’ nħares lejhom.
Apparti l-ħarsa tiegħi, issa kellhom bżonn il-ħarsa ta’ par għajnejn iktar kritiċi. Għamilt il-kuraġġ u bgħatt l-abbozz lil Immanuel Mifsud. Xi ġimgħat wara, iltqajna u ddiskutejna wħud mill-esejs. Jaf tinstema’ stramba imma qabel iltqajna, ġenwinament ma kelli l-ebda idea dwar kif se jilqagħhom l-esejs, sal-punt li probabbli dhert vera fraġli meta, f’mument ta’ nuqqas ta’ paċenzja, bgħattlu messaġġ biex nistaqsih jekk għoġbux imqar xi ħaġa minnhom; “mela kieku se niltaqa’ miegħek?” qalli, u qisni stħajt ftit. Meta ltqajna, kienet l-ewwel darba li poġġejt ma’ xi ħadd li ħares lejn l-esejs bħala kitba u li kellimni dwar l-istilistika, ippuntani lejn ċerti movimenti fil-kitba li jaħdmu iktar jew inqas minn oħrajn, u li tani xi pariri li ta’ min naħseb fuqhom. Immanuel indikali li, wara dawra ta’ editjar sew, dawn l-esejs ta’ min jiġu ppubblikati. Għal darba oħra, stħajt. B’din il-motivazzjoni ġdida, tajt dawra oħra lit-test biex nibagħtu lill-pubblikatur. Wara li bgħattlu l-abbozz, iltqajt ma’ Joseph Mizzi mill-Klabb Kotba Maltin u qalli li jixtieq jippubblika l-esejs. Ma ridtx nemmen għalkollox. Għedtlu li ħa nkompli neditjahom u li ħa nerġa’ nkellmu malli jkolli abbozz aġġornat. Intant, kien wasal u għadda sajf ieħor, tal-2022, ġiet il-ħarifa u l-abbozz kien ġa għalaq sena. F’għeluq is-sena, qrajt għall-ewwel darba f’attività ta’ palk ħieles organizzat minn Inizjamed bħala parti mill-programm tagħhom għall-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta. Kont qrajt verżjoni ta’ “kliem”, test li jservi ta’ daħla għall-ġabra.
Ftit xhur wara, fil-bidu ta’ Diċembru tal-2022, nirċievi DM mingħand Loranne Vella. Qaltli li dal-aħħar semmewni magħha żewġt iħbieb komuni li għandna (sabiħ meta n-nies isemmuk fit-tajjeb) dwar il-possibbiltà li nikkontribwixxi xi ħaġa għal ġurnal letterarju Malti online li hi u Joe Gatt se jniedu f’Mejju ta’ wara. Qaltli li jekk naħseb li nkun interessat, ngħaddilha l-indirizz elettroniku ħalli tgħaddili iktar tagħrif. Għal mument inħsadt, b’taħlita ta’ gost, sorpriża u biża’. Lil Loranne niftakarha bħala l-għalliema tad-drama tiegħi mill-bidu tal-elfejnijiet fis-snin tal-bidu tas-sekondarja. Imbagħad f’dawn l-aħħar snin kont insegwi x-xogħlijiet u l-pubblikazzjonijiet tagħha. Meta bagħtitli, ma kontx ilni wisq li spiċċajt naqra Marta Marta, u ftit qabel, il-ġabra ta’ stejjer qosra mill-bieb ’il ġewwa (novelli li, fl-opinjoni tiegħi, għandhom elementi esejistiċi, avolja ma nafx jekk hi taċċettax din it-tikketta!). Lil Joe ma kontx nafu; jew, bħall-esej, kont nafu bla ma naf li nafu. Kont smajt b’xi ħadd “Joe Gatt” u saħansitra kont anki nsegwi s-substack tiegħu, imma ma naħsibx li f’dak il-punt kont għamilt 1+1 li dak kien l-istess Joe li Loranne rreferiet għalih.
Ftehemna ċumm bumm li nagħmlu laqgħa fuq Zoom jumejn wara, fejn spjegawli x’jixtiequ jagħmlu bħala l-edituri tal-proġett Aphroconfuso u saqsewni x’affarijiet nikteb jew nista’ nikteb. Apparti l-kitba akkademika tiegħi (li hija iktar comfort zone għalija għax wara kollox hija parti minn xogħli) semmejtilhom li għandi abbozz ta’ esejs. M’iniex ċert jekk irnexxilix nispjegalhom eżatt fiex kien jikkonsisti dal-abbozz; “taħlita ta’ esperjenzi personali, riflessjonijiet filosofiċi u kummentarju dwar il-kultura kontemporanja,” naħseb li bdejt ngħid. Għedtilhom li fil-każ nibagħtilhom l-abbozz u jaraw huma jekk hemmx xi ħaġa fih li jaħsbu li tmur tajjeb ma’ dak li kellhom f’moħħhom. B’biża’ fuqi, bgħattilhom email bl-abbozz u xi pubblikazzjonijiet oħra minn tiegħi.
Jgħaddi l-Milied, u fil-bidu tas-sena l-ġdida jiktibli Joe biex jgħidli li jixtiequ jippubblikaw xi wħud mill-esejs. Qisni ’qas ridt nemmen. Naf li forsi tinstema’ qisha modestja falza li ngħid hekk. Imma għalkemm xi nies kienu qaluli li hemm elementi fl-esejs li jaħdmu, xorta waħda tibqa’ tinħass daqslikieku qed tismagħha għall-ewwel darba kull meta jkollok ix-xorti li jgħidhielek xi ħadd. Qbilna li għandu jkun l-esej “ġilda” li jiġi ppubblikat f’Aphroconfuso f’Ġunju ta’ wara. Tliet xhur wara, nirċievi Google Doc bil-kummenti u s-suġġerimenti li kienu ħallewli. Ħassejt sens ta’ pjaċir ġo fija jien u nara l-livell ta’ dettall li bih ingaġġaw mat-test, x’mistoqsijiet qajmu dwaru u kummenti oħra li kienu inqas fi spirtu ta’ mistoqsija imma kważi ta’ kmand li, biex ngħidu kollox, tgħallimt ħafna minnhom. Kummenti bħal: “nemmnu li fil-kitba għall-ġurnal ir-referenzi għal kittieba jew ħassieba għandhom isiru mingħajr wisq spjegazzjoni dwar min huma. Nassumu li l-qarrejja jafu bihom u, jekk le, dejjem jistgħu jagħmlu iktar riċerka dwarhom waħidhom.” Qatt ma kien l-għan tiegħi li nikteb b’mod didattiku; però veru li kont qed naspira għal kitba li tkun aċċessibbli għal firxa wiesgħa ta’ qarrejja. Imma l-messaġġ ħadtu, u b’kummenti bħal dawk bdejt nitgħallem inħares lejn l-esejs mod ieħor.
Għalhekk, bejn bl-esperjenza ma’ Aphroconfuso u bejn bil-proċess metikoluż ta’ editjar li kont bdejt ma’ Immanuel, ir-reviżjonijiet tal-abbozz kienu sostanzjali. Bdejt ninduna li dan it-tip ta’ kitba, għalkemm eqreb ta’ min jien (jew forsi proprju minħabba f’hekk), huwa ħafna iktar diffiċli biex nirfinah minn test akkademiku li jaf ikun iktar impersonali u formali. F’nofs Ġunju tal-2023 “Ġilda” ġiet ippubblikata fuq Aphroconfuso. Kont ferħan se ntir u ħadt l-opportunità biex inħabbar li dan l-esej se jkun parti minn ġabra li se tidher “fix-xhur li ġejjin” (żgarrajt fuqha din), ġabra li sa dak iż-żmien ma kienx għad kellha titlu li kont ċert dwaru. Kont għadni ma nafx kif nitkellem dwar l-esejs tiegħi, allura kont iddeskrivejt “Ġilda” b’dal-mod:
Lanqas naf ngħid fuqiex inhu dan l-esej. Forsi dal-kliem muftieħ jagħtu ħjiel: kuċċier; Platun; waqgħa; Wistin; xewqa; tqanqil; Butler; telf; uġigħ; il-Jien; feriti; vulnerabbiltà; dipendenza; ġilda; tbenġil; l-Ingieret; xenqa; irqad; fraġilità; kjażmu; mewġ; milqut; kwintessenza…
GĦadda sajf ieħor (it-tieni sajf tal-abbozz), waslet il-ħarifa u magħha ġabet il-griż, il-kannella u t-titlu tal-ġabra: sens ta’ ħarifa. Fil-ħarifa ġie wkoll il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb tal-2023. Fuq stedina ta’ Mallia & D’Amato Booksellers, Aphroconfuso organizzaw avveniment għall-festival u stidnuni nipparteċipa fih. “Kif Tgħidha f’Qalbek: Bejn Kitba u Traduzzjoni fuq Aphroconfuso” kien jikkonsisti f’diskussjoni bejn l-edituri tal-ġurnal, Davinia Hamilton, Omar N’Shea u jien. Davinia u Omar huma żewġ persuni li ngħożż ħafna, li jfakkruni fl-esejiżmu u li l-kitba u l-ħsieb tagħhom jogħġbuni u nammirahom ħafna. Nistqarr li huma tnejn minn dawk in-nies li malli tidħolli notifika li xi ħadd minnhom ippubblika xi ħaġa ġdida, jekk inkun nista’ nitlaq kollox minn idi biex immur naqraha minnufih jew mill-aktar fis. Għalija, l-esejiżmu marbut mal-ħbiberiji intensi, profondi u miftuħin. U nħoss dan is-sentiment ma’ bosta mill-komunità ta’ kittieba li jikkontribwixxu fil-ġurnal. Huwa sentiment li nitgħallem minnu u li għenni biex nipproċessa aħjar x’inhu dak li mingħalija qed nagħmel bil-kitba tal-esejs.
Fost l-affarijiet li Aphroconfuso ġegħelni naħseb dwarhom b’iktar reqqa hemm il-kwistjoni tal-lingwa. Il-maġġoranza tat-testi li naqra huma bl-Ingliż, kemm jekk huma testi akkademiċi, letterarji jew esejistiċi. Ħafna drabi, terġa’, dawn it-testi jkunu tradotti għall-Ingliż minn lingwi oħra. Bl-eċċezzjoni ta’ Xi Tfisser Tkun Bniedem? il-maġġoranza assoluta tax-xogħol ippubblikat tiegħi huwa bl-Ingliż, anki meta ktibt dwar xogħlijiet bil-Malti, bħalma hu l-esej “On Friendship and Mourning the Death of a Friend: Reading Brodu’s Debut Album” u l-kapitlu “The unconfessable remains unconfessed: reading gender, mourning, and relationality in In the name of the father (and of the son) through the work of Judith Butler” dwar ir-rumanz/memoir/esej ta’ Immanuel. Meta ġejt biex nikteb l-esejs, ma ħsibtx iżżejjed dwar jekk niktibhomx bil-Malti jew bl-Ingliż. Mhux għax għalija din ma kinitx mistoqsija relevanti imma għax it-tweġiba tagħha kienet pjuttost intwittiva. Kienet kważi ovvja għalija li l-esejs kelli u ridt niktibhom bil-Malti, lanqas kelli għalfejn naħseb dwarha. Ftit jiem wara l-avveniment tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, meta ltqajt magħhom f’kamra r-Rabat biex nirrekordjaw poddata ta’ Noti Editorjali, Joe u Loranne saqsewni dwarha dil-kwistjoni tal-lingwa. Mhux għax ridt ninstema’ drammatiku jew profond, imma r-raġuni li tajthom ta’ għala l-esej jiġini (jew, almenu, għall-fini ta’ din il-ġabra, ġieni hekk) bil-Malti kienet li dik hi l-lingwa li biha nitkellem m’ommi u dik hi l-lingwa li biha noħlom, għaldaqstant dik hi l-lingwa ta’ ruħi, biex ngħidu hekk. U ġaladarba f’dawn l-esejs ridt proprju nferra’ ruħi, mela bil-Malti kelli niktibhom.
Waqt il-proċess tal-editjar ta’ “Ġilda”, Joe u Loranne kienu mbuttawni biex naħseb iktar dwar kif u għala qed nuża l-lingwa li qed nuża. Każ minnhom, li bqajna nsemmuh, kien dwar l-użu ta’ kwotazzjoni li użajt minn Judith Butler. Il-kwotazzjoni tajtha bl-Ingliż, u la dik kienet il-lingwa oriġinali tat-test ħassejtni komdu bid-deċiżjoni. Peress li kont qed nikteb bil-Malti, naturalment ħassejt li kwotazzjoni b’lingwa oħra qed ittellef daqsxejn, allura fil-paragrafu ta’ taħt il-kwotazzjoni żidt xi frażijiet bil-Malti li jirriflettu l-ideat fil-kwotazzjoni minn Butler, bħal qisu biex noħloq żifna bejn lingwi differenti li qed jippruvaw jaqbdu l-istess sens, u nħalliha f’idejn il-qarrejja biex tara fejn tasal lingwa minnhom u fejn timbotta l-oħra. L-edituri, però, riedu jimbuttaw lili minflok, sabiex naħseb iktar dwar din id-deċiżjoni. F’mument Aphroconfusesk li seħħ fuq il-Google Doc fejn “Ġilda” kien qed jiġi editjat, l-edituri ma ħallewx biss kummenti għalija imma wkoll domandi lil xulxin dwar il-kwotazzjoni ta’ Butler. “Tista’ tinqaleb bil-Malti din?” saqsiet Loranne. “Ija,” wieġeb Joe. “Jekk nista’ nżommha bl-Ingliż aħjar, jj. Fi draft ieħor ta’ dal-esej kont ippruvajt nittraduċiha għall-Malti imma rajt li xi ħaġa ntilfet (m’għandix dubju li minħabba t-traduzzjoni tiegħi)”, għedt jien. Ir-raġunar tiegħi donnu li ma ssodisfahomx (bir-raġun, meta nħares lura). Xtaqu jaraw ingaġġament dirett mal-kwotazzjoni, li jagħmlu punt mill-fatt li hemm kwotazzjoni minn lingwa oħra u li jekk jista’ jkun nagħmlu traduzzjoni tal-kwotazzjoni bil-Malti jew inkella nirriflettu dwar fejn kellna diffikultà biex nittraduċuha. Jien m’iniex tajjeb biex nittraduċi, allura verament ma kontx naf x’ħa nagħmel, sa ma ħin minnhom Joe ppropona traduzzjoni tal-kwotazzjoni minn Butler:
Naħseb li jiġu mewġiet li jħabbtuna, u li nibdew il-ġurnata bi skop, bi proġett, bi pjan u nsibu lilna nfusna sfaxxati. Insibu li waqajna. Inkunu eżawriti mingħajr ma nafu għaliex. Hemm xi ħaġa li hi ikbar minn dak li nippjanaw, mill-proġett tagħna, minn dak li nafu u nagħżlu. Xi ħaġa taħkimna: mnejn ġejja din? X’sens tagħmel? X’inhu li jagħmilna tiegħu f’dawn il-mumenti, tant li ma nkunux sidien tagħna nfusna? Ma’ xiex aħna marbutin? X’inhu li jaħfinna?
Għalkemm din il-kwistjoni speċifika rrisolviet ruħha għax qbilna li nużaw din it-traduzzjoni, bqajt naħseb ħafna dwar il-kwistjoni usa’ tal-lingwa u tal-element ta’ traduzzjoni li qiegħed hemm, anki jekk b’mod impliċitu, kull darba li f’esej nuża kunċetti li nkun qed nissellef minn lingwa li mhijiex “tiegħi” sabiex nirrakkonta lili nnifsi u nifhem l-esperjenzi tiegħi. F’“Kif Tgħidha f’Qalbek” tkellimna dwar kif kwistjonijiet bħal dawn iqumu fil-kuntesti differenti tal-kitbiet tagħna. Eventwalment din il-konverżazzjoni kibret u żviluppat fil-kullana “Il-Kliem fit-Teorija”: lessiku proviżorju ta’ termini filosofiċi.
L-għada li rrekordjajna l-podcast, Aphroconfuso organizza serata ta’ qari, fejn kittieba qraw xogħol li diġà deher fil-ġurnal jew li għadu se jidher. Iltqajna fil-każin tal-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun. Ħallejt f’idejn l-edituri tal-ġurnal biex jagħżlu silta minn “Ġilda” li xtaquni naqra dakinhar. Għamilt hekk kemm biex nabdika mir-responsabbiltà tal-għażla imma wkoll għax kelli kurżità dwar liema silta kienu se jagħżlu. Għażlu l-parti dwar l-Ingieret, fejn il-leitmotif tal-ġilda jiġi introdott u spjegat. Naħseb li kieku kelli nagħżel silta jien, kważi ċert li kienet tkun proprju dik l-istess silta. Wara s-serata, Omar qalli kemm ħa pjaċir li kont qrajt dik is-silta għax hija l-parti li togħġbu l-iktar. Stħajt. Imma fraħt ukoll għax kummenti hekk bdew jgħinuni nifhem għala silta taħdem jew le. Inzerta wkoll li dik is-silta tiġbor fiha l-iktar mument personali fl-esej, allura bla ma ridt ħassejtni nirtab jien u nesponi dik il-parti tal-esej/tiegħi nnifsi.
F’dik il-ħabta, Leanne Ellul u Claudia Gauci stidnuni fuq il-programm li kienu jtellgħu fuq ir-radju tal-università, Lelà: Kliem u Noti u l-Bejniet, fejn fost affarijiet oħra tkellimna dwar ir-relazzjoni bejn l-esejiżmu u l-poetiċità tal-filosofija. Xahar wara, f’Novembru tal-2023, kien hemm palk ħieles organizzat minn Inizjamed u l-Għaqda tal-Malti fl-ispazju Rosa Kwir, fejn kienet qed tittella’ wirja artistika b’ċelebrazzjoni tal-għaxar anniversarju mit-twaqqif tal-Women’s Rights Foundation. It-tema tal-palk ħieles kienet il-vjolenza domestika, l-istupru u l-vjolenza kontra n-nisa. Dakinhar qrajt silta minn esej ieħor, “raġel”, li jittratta t-temi tal-ġeneru u l-maskulinità.
Intant kompla l-proċess tal-editjar tal-ġabra, beda l-qari tal-provi (grazzi Gabriel Grioli) u żdiedet l-ossessjoni min-naħa tiegħi dwar jekk ċerti sentenzi nqallibhomx jew ċerti virgoletti nneħħihomx. Għamilt l-aħħar irtokki fuq xi footnotes, proċess li kien jinvolvi ġurnata fejn qattajt madwar sagħtejn sbieħ fis-sala tal-Melitensia tal-librerija tal-università biex nivverifika xi kwotazzjonijiet. Uħud mis-sorsi li kelli bżonn kienu ġabra ta’ esejs ta’ Margaret Atwood, traduzzjoni għall-Malti ta’ xi kitbiet ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, kwotazzjoni minn lecture ta’ André Gide miġbura fl-Essais Critiques tiegħu fl-edizzjoni La Pléiade, u paragrafu minn edizzjoni tal-Gallimard tal-1927 ta’ Proust. Dan tal-aħħar wassalni biex nikteb lil Paul Zahra għal parir dwar traduzzjoni ta’ paragrafu minn Proust. Paul ittraduċa Mix-Xaqliba ta’ Dar Swann, l-ewwel volum ta’ Għat-Tfittxija taż-Żmien Mitluf. Spiċċajt nagħmel dit-tfittxija għal Proust għax f’esej minnhom, “kotba”, insemmi djarju li kont inżomm meta kelli xi sbatax-il sena li fih kont nikteb kwotazzjonijiet li kienu jolqtuni jien u naqra. Fost dawn il-kwotazzjonijiet, kont ktibt waħda ta’ Proust mill-aħħar volum ta’ À la recherche du temps perdu. Fejn iltqajt magħha ma nafx għax dak iż-żmien la kont naf min hu Proust u wisq inqas kont wasalt fis-seba’ volum tar-recherche (’qas issa għadni ma wasalt s’hemm). Il-kwotazzjoni hija esejistika għall-aħħar, u Paul ittraduċieha hekk:
Fir-realtà, kull qarrej hu, huwa u jaqra, il-qarrej stess tiegħu nnifsu. Xogħol il-kittieb mhux għajr speċi ta’ strument ottiku li hu joffri lill-qarrej sabiex jippermettilu jifhem dak, li mingħajr dan il-ktieb, kellu mnejn forsi ma rax fih innifsu. Il-konoxxibbiltà fih innifsu, mill-qarrej, dwar dak li jgħid il-ktieb hi l-prova tal-verità ta’ dan, u viċiversa, tal-anqas sa ċerta miżura, id-differenza bejn iż-żewġ testi tista’ tkun spiss attribwita mhux lill-awtur iżda lill-qarrej.
Verament grat għal din l-għajnuna li rċevejt fit-traduzzjonijiet, bħalma jien grat ukoll lejn Maria Giuliana Fenech tal-għajnuna bl-ortografija ta’ ismijiet bil-Malti mill-Grieg Antik, bħal Persefoni, Ikaru u Edipu.
Dan il-proċess baqa’ għaddej sal-bidu ta’ dis-sena, meta mbagħad bdejt naħdem mal-pubblikatur fuq il-proċess tal-istrutturar tal-ktieb, l-għażla tal-font tat-test, l-iddisinjar tal-qoxra u l-bqija. L-ewwel darba li rċevejt kampjun bit-test iddisinjat għall-pubblikazzjoni ħassejt ħajta ta’ eċitament. Imma dak il-ħin għaraft ukoll li issa t-test mejjet. Issa l-kliem verament telaq minn idi. Għalkemm dak ir-rikonoxximent iġib miegħu l-biża’, fih ukoll il-libertà. Għax issa nħlist minnu t-test; mhux għax ġie perfett, imma għax s’hemm stajt inwasslu.
Għall-qoxra ta’ wara, minflok blurb ġenerali, xtaqt li jkun hemm ir-reazzjonijiet ta’ xi nies li jkunu qraw it-test. Il-lista ta’ dawn il-qarrejja tfasslet b’mod kważi naturali. Huma l-individwi li kienu strumentali fit-tfassil ta’ sens ta’ ħarifa: edituri, awturi, kollegi u ħbieb. L-ewwel reazzjoni li daħlet kienet ta’ Mario Aquilina. Din biċċa minnha:
sens ta’ ħarifa hija ġabra ta’ esejs li żżewweġ ħsibijiet filosofiċi, politiċi u fuq kollox umani ma’ perspettivi u esperjenzi personali. Bħall-mixjiet li jikteb dwarhom, l-esejs ta’ Kurt Borg jimirħu, ifittxu u xi drabi jsibu (jew ma jsibux) tifsira mingħajr ma jimponu direzzjoni riġida jew destinazzjoni fissa. Borg jorqom idjoma luċida, mexxejja, li taf tkun poetika daqskemm taf tkun profonda filwaqt li jsawwar vuċi esejistika li tistieden lill-qarrej biex mhux biss jisma’ imma wkoll jaħseb u jħoss.
Qrajtha, bqajt inħares lejha, u stħajt. Bilkemm ma bdejtx naħseb li qed jitkellem fuq xogħol ħaddieħor. Mhux għax kliemu ma jaqbadx is-sens tal-esejs; imma għax kif nista’ nħossni verament u totalment denju ta’ kliem hekk? Ma’ kull reazzjoni li bdiet dieħla, bdejt nimtela b’dan is-sens ta’ pjaċir imħallat mal-istramberija li tħoss meta ma tagħrafx lilek innifsek għalkollox, qisek qed tħares lejn wiċċek f’mera mċajpra.
Għall-istampa tal-qoxra ta’ quddiem kont daqsxejn inkwetat għax dan mhuwiex dipartiment li nifhem wisq fih. M’iniex bniedem viżwali. Xtaqt stampa li tirrifletti pajsaġġ Malti imma li ma jkollhiex fiha xi element folkloristiku jew xi ħjiel ta’ tradizzjonaliżmu. Veru li fl-esejs hemm ħajta nostalġija, ktibt lill-pubblikatur, imma mhijiex xi nostalġija storika li qed nirreferi għaliha, imma iktar suġġettiva. Bdejt infittex xi stampi u ritratti ta’ pitturi online biex nipprova nfiehem aħjar dak li kelli f’moħħi u ltqajt max-xogħol tal-artist Fabio Borg. Mill-ewwel ħassejt reżonanza mal-pitturi tiegħu, ma’ kif juża l-kuluri u jirrappreżenta l-element Malti. Meta rajt pittura tiegħu bit-titlu ta’ “when autumn comes” u intervista miegħu bit-titlu “on revisiting memories before they vanish”, irraġunajt li qisu kollox qed jaqa’ f’postu waħdu u li hemm affinità bejn xogħolna. Fabio aċċetta li nużaw xogħlu għall-qoxra u ta’ dan jien grat ħafna.
Forsi issa, ’il fuq minn tliet snin wara dik il-vaganza f’Għawdex, għandi stampa naqra iktar ċara ta’ x’kien dak l-impuls esejistiku li bdejt inħoss jiċċaqlaq ġo fija. Il-proċess tal-ħidma fuq sens ta’ ħarifa biddilni b’ħafna modi. Laqqagħni ma’ lati tiegħi nnifsi li ma kontx naf għalkollox x’inhuma. Imbuttani biex naħseb iktar dwar kif indawwar fi kliem fenomeni li jisfidaw id-diskors u li jmorru lil hinn mir-raġuni. Kien proċess li laqqagħni ma’ nies li daħħlu ġo ħajti tenerezza, ħbiberiji u konnessjonijiet li permezz tagħhom nifhem aħjar mnejn ġej, inbiddel fehmti dwar ħwejjeġ li kien mingħalija li diġà naf, u nafda li ninfetaħ għall-pjaċir li hemm f’dak li mhux dejjem nista’ nifhem għalkollox. Dak, wara kollox, huwa impuls esejistiku .