Erġajt ħsibt f’kif, f’mumenti rari u speċjali, inħoss sentiment li jingranani, jikkurdani, jgħinni neżisti b’iktar ħeffa u nimraħ fid-dinja b’iktar kumdità. Anki ċerti manuvri bil-ħsieb, li s-soltu jkunu mgħaqqdin, f’daqqa waħda jiġru iktar u jiġu b’luċidità, jinħassu iktar diretti u f’posthom. Nikkalibra fiex qiegħed, nagħfas reset, u fl-istess waqt nintebaħ b’kemm ordinarjament ma nkunx f’dik l-isweet spot imma nkun qed nisforza żżejjed u moħħi ma jtinix li f’ċirkostanzi ordinarji nkun hemm. Qisha grazzja, rigal, imma ġieli naħseb li hawn min hu mogħni b’talent u dispożizzjoni, u dejjem ikun hemm, jew almenu jkun hemm iktar minni. Għalija dal-mument jiġi bi sforz u jgħaddi malajr, imma kultant idum biżżejjed biex iġegħelni naħseb fuq kif tkun ħajti kieku nkun iżjed hekk, jew li nipprova nżommu bejn subgħajja għal ftit ieħor, biex nipprova nħalli l-għarfien li jtini dak il-mument ta’ grazzja jkompli jiggwidani meta naqa’ fis-sular tan-“normali”. Li hu żgur hu li nixtieq li nkun iktar f’dak il-post, f’dak il-jien li nbati biex nilħaq, dak il-jien ieħor ġol-jien li jien. Allura sikwit insib ruħi nkejjel u ngħodd id-diskrepanza li jkun hemm bejn jien kif inkun is-soltu u dak il-jien l-ieħor.
Kultant anki ma’ nies li huma għal qalbi ħafna, u li huma ħafna iktar kapaċi minni biex iwasslu u jgħaddu dawn l-affetti u min-natural tagħhom jafu jikkomunikaw dak li hemm fihom, ninnota li ma jiġihomx kliem f’mumenti fejn iħossu sbuħija u tenerezza. Forsi f’dak il-mument moħħhom jieqaf itektek it-thewdin tagħhom u ma’ dak il-waqfien jieqaf ukoll il-kliem. Raylene u jien konna niċċajtaw meta kienet tħares lejja, titbissem bla ma tlissen kelma, u meta nistaqsiha biex qed tidħaq — għax inkun skomdu bl-emozzjoni li jkun hemm bejnietna — tgħidli li, xejn, qed tiggustani, voldieri qed tħoss l-imħabba, qiegħda f’żona fejn l-ispag intern qed jitħawwad b’mod sabiħ. Jew, anzi, li flok jitgħaqqad, ikun qed jaqbad jinħall. X’taqbad tagħmel bih dak il-mument? Ikun imħallat ġeneralment ma’ sens li qed tara sbuħija fil-madwar, fik innifsek, fil-persuna l-oħra u fit-totalità ta’ kombinazzjonijiet ta’ dawn l-elementi. Faċli li xi wieħed mill-elementi ma jagħqadx sew mal-oħrajn, tant li jirrikjedu ħafna sforz biex jiġu kkurati dal-mumenti għalina nfusna. Huma wisq rari, tant rari li nħoss għafsa diqa meta naħseb f’hekk.
Fil-karozza, Raylene bdiet tirrakkonta fid-dettall storja mill-passat tagħha li magħha hemm marbutin emozzjonijiet ta’ wġigħ. Qaltli li dan kien madwar l-2002. U ħsibt: lanqas niftakar min kont dak iż-żmien. Qisha ruħi kienet mitfija, ma kontx għadni bdejt nirrekordja ħajti bl-emozzjonijiet u l-memorja. Qisni, bħala tifel, kont iċċassat, b’xi ħaġa fija mhux mixgħula, ma kontx għadni nagħraf il-konoxxenza tiegħi nnifsi avolja kont inħossni neżisti ġewwa fija, u niftakarni nħossni neżisti. Mhux kapaċi niftakar sewwasew min kont ħlief għat-traċċi li bdejt inżomm. Huwa meta bdejt inġonġi dat-traċċi li bdejt niżviluppa impressjoni ta’ min jien, għall-kuntrarju ta’ kurrenti għaddejjin minn ġo fija bla ma nħithom f’tessut wieħed. Bdejt neżisti fil-mument li bdejt l-attentat li nżomm rikordju ta’ min jien biex jibqa’ jfakkarni. Għalhekk qatt ma kont kapaċi, u lanqas issa, nikkomunika sew l-interjorità tiegħi? U lanqas ma nħalli lili nnifsi nħoss ċerti emozzjonijiet? Qisha newrodiverġenza din. Massa u ċapep ta’ sensazzjonijiet — impressjonijiet li nbati biex nartikolahom sew. Il-kitba tgħinni, tagħtini lingwaġġ, imma nibqa’ nħoss li fadal xi ħaġa li m’iniex naqbad għalkollox. Frustrazzjoni li ma tħallinix nibla’ l-mument għalkollox. Għal darb’oħra: diskrepanza bejn kemm qed inħoss u kemm qed jirnexxili naqbad bil-kliem. L-intwizzjoni hija iktar profonda mid-diskors.
Mill-banda l-oħra, ħsieb li forsi jikkontradixxi xi ftit lil ta’ qablu hu li l-memorja, jekk hi bħal dawl, kultant tgħammex u tlewwen ċerti żoni tal-innifsi iktar minn oħrajn. Qisu hemm fażijiet fejn il-memorja tassorbi iżjed u tidfen f’sular iktar fond sensazzjonijiet li jibqgħu janimawni. Li meta niġi biex nirrakkuntahom, moħħi jibda jagħtini immaġnijiet u stejjer iktar vivaċi. Forsi għax magħhom ikunu ntrabtu ħoloq ta’ min tkun. Narrattivi li magħhom għandek identifikazzjonijiet u li jiġbru fihom ħafna sinifikat. Il-memorja ta’ meta mort Sonisphere 2009, li telgħatli fuq Facebook minn 15-il sena ilu, hija waħda minn dawn il-mumenti mixgħula għalija. Mumenti ta’ realizzazzjoni. Għarfien. Epifanija. Illuminazzjoni. Qawmien. Rikonoxximent — kollha temi importanti f’Dubliners. Ħsibt li dil-idea ta’ memorji li jixegħlu iktar mill-oħrajn hija marbuta mal-idée fixe, li donnha, milli qrajt, għandha konnotazzjonijiet iktar negattivi ta’ monomanija, mentri jien ridt infissirha fis-sens tat-tendenzi li jibqgħu janimaw min aħna, ta’ motivi li nibqgħu nduru għalihom, ta’ karatteristiċi u abitudnijiet li nibqgħu fl-orbita tagħhom.
Naħseb li din iktar tiġi s-“sintomu” f’sens psikoanalitiku, forsi s-sinthome ta’ Lacan aktar milli s-symptôme. Kif se niddistingwu bejn sinthome u symptôme bil-Malti? Imissni nsaqsi lil Davinia. F’The Sublime Object of Ideology, Žižek jgħid li “s-sintomu, maħsub bħala sinthome huwa… l-uniku punt li jagħti konsistenza lis-suġġett. Is-sintomu huwa l-mod kif aħna — is-suġġetti — ‘nevitaw il-ġenn’, permezz tal-irbit tat-tgawdija tagħna ma’ ċerta formazzjoni sinifikanti u simbolika li tassigura minimu ta’ konsistenza bħall-kewn-tagħna-fid-dinja.” Ukoll: “Id-definizzjoni Lakanjana finali tat-tmiem tal-proċess psikoanalitiku hija l-identifikazzjoni mas-sintomu.” Li tidentifika mal-mod tiegħek ta’ kif tabita d-dinja.
Jgħaddili minn rasi x’jikteb Omar fl-ewwel parti ta’ Es Sidr. Jikkwota lil Didier Eribon li jgħid li l-passat tista’ forsi tagħżlu u forsi tista’ tibdlu. Žižek jikteb xi ħaġa simili dwar is-sinthome. Dwar l-effett li jiġi qabel il-kawża. Għalkemm, iż-żewġ ħsibijiet jippuntaw f’żewġ direzzjonijiet differenti: l-ewwel wieħed jiftħek għar-riinterpretazzjoni u l-kitba mill-ġdid tal-passat; mentri t-tieni wieħed jurik li int kont ġa ddestinat għal ċerti tendenzi qabel biss għarafthom.
Meta tagħraf il-ħaġa li ħaddieħor jivvalura fik, u xi jqanqallu pjaċir minħabba dak li tirrappreżenta għalih, kemm b’mod veritier kif ukoll b’mod fantastiku, użaha. Kun ġeneruż fil-pjaċir li tagħti għax tkun qed tgħin lil dak li jkun. Ġieli nara nies li jużawh dal-poter sabiħ. Li xi ħadd jaċċetta li jkun dak li jħoss li jirrappreżenta għalija, voldieri kollezzjoni u tfakkira ta’ pjaċir. Ma jfissirx li, b’daqshekk, tkun qed toġġettifika lill-ieħor, imma tkun qed tagħżel li tarrikkixxi l-interazzjoni ta’ bejnietkom. Inħoss li lkoll neħtieġu stimolu bħala sors ta’ enerġija fiżika u psikika, imqar biex ninxtegħlu u ninqalgħu mill-inerzja sabiex imbagħad intiru flimkien. Daqqa niġi bżonnok biex tqajjimni imma drabi oħra, meta jien inkun mixgħul għax appuntu qiegħed miegħek, jaf forsi ngħinek għax infakkrek kemm int sabiħ għalija u kemm inħobbok talli meta jien inkun hemm isfel int kont ġeneruż bl-enerġija tiegħek miegħi. Hija ekonomija sensittiva, mhux aljenazzjoni jew delużjoni. Jekk jien nuża dal-“poter” li għandi billi nonfoħ l-affettività ta’ ħaddieħor, ma jfissirx li qed noġġettifikak bħala wieħed li dejjem għandek bżonni, għax ħafna drabi oħra se nkun jien li niġi bżonnok tqajjimni.
Kultant qed nibża’ li dil-kitba u l-ispazju li nidħol fih appuntu biex inħoss qed iservu ta’ ħarba, ta’ aljenazzjoni mill-impenji inqas sbieħ li sikwit inħosshom joppressawni u jsakkruni fi kmamar b’inqas pjaċir. Ma rridx li ngħix f’aljenazzjoni li noħloq għalija nnifsi, avolja ġieli jkolli bżonn ftit ħarba biex ninqata’ mill-innifsi tas-soltu sabiex interraq f’dawn l-ispazji fejn inħossni isbaħ u iktar kuntent. Nixtieq ħafna li, b’xi mod li għadni ma nafx kif, inqarreb lejn xulxin dawn id-dimensjonijiet differenti ta’ min jien biex ma nħossx li ż-żona tal-kitba, jew tal-Jien li nkun meta nikteb, hija ħarba jew serqa ta’ malajr li malli l-ħin jgħaddi, ikolli nagħlaqha u naħbiha. Irrid niġi f’punt fejn din l-enerġija tkun iktar preżenti. Irrid li dal-ispirtu jkun iktar jien, ċjoè li jien inkun hu iktar frekwenti. Wisq nibża’ li qed nirreċta, li qed nippretendi, li qed nikkonvinċi lili nnifsi nħoss pjaċir b’dal-mumenti proviżorji sakemm jasal il-ħin li nirritorna għar-realtà. Bħal qisni qed nammetti li ħajti hija inqas sabiħa fil-verità, li qed nippretendi li das-sigaretti kollha li qed inpejjep, u dak li jirrappreżentaw għalija, huma logħba. Għax kultant, sikwit fil-fatt, dan it-tipjip kollu jgħejjini u jweġġagħli sidri, imma nibża’ nitilfu. Ma rridx inċedih. Irrid ninsisti.
Illum rajna Inside Out. Raylene ma tantx għoġobha — l-eġemonija dominanti tal-psikoloġija, qaltli. Dan il-film semmewhuli nies differenti, probabbli fil-kuntest ta’ diskussjoni dwar kif il-ħsibijiet ta’ biża’ jikkontrollawk jekk ittihom widen. Laqtitni fih l-idea ta’ “core memories” (“memorji tal-qalba”?). Malli bdejnieh, ġieni ħsieb li ma stajtx inneħħih. Erġajt bdejt naħseb dwar ir-ritratt tat-tieni birthday tiegħi. Narah bħala eżempju ta’ kif xi memorji jixegħlu iktar minn oħrajn u kif maż-żmien bdejt niddubita jekk verament niftakarx dak il-mument jew inkella jekk ħloqtx il-memorja minħabba r-ritratt li ilni li rajt snin. Niftakar f’artiklu ta’ Sophie McBain mill-Guardian minn xi tliet snin ilu (mort niċċekkja, u ’qas ilu sena, wtf — evidenza ta’ kemm il-memorja tilgħab) dwar kif ir-realtà kontemporanja ta’ ritratti infiniti ta’ tfal huma u jikbru, minħabba l-invenzjoni tal-kamera fil-mobile, ħa timpatta l-mod ta’ kif jibnu n-narrattiva ta’ min huma, għax ħa jkollhom inqas ambigwità dwar x’ġara u ħafna iktar riżorsi biex jivverifikaw u jikkorroboraw il-memorji tagħhom. Qisu t-toqob li kellna aħna qabel, sforz kemm kienu relattivament rari r-ritratti, kienu strumentali biex noħolqu l-immaġni tal-passat. Bejn 0 u 10 snin, jekk għandi mitt ritratt ħafna, mentri trabi tal-lum faċilment ikollhom dak l-ammont ta’ ritratti f’ġimgħa jekk mhux f’jumejn.
3 ta’ Settembru 2024
Kultant inqum b’sens li qed nimrad, li qed immarrad ġismi b’xi kankru, li m’iniex qed nieħu ħsieb ta’ ġismi. Dak it-toqol u t-tkissir fiżiku li ġieli nħoss fija malli niftaħ għajnejja kiefer wisq. Ħsibt li ħafna minnu kellu x’jaqsam ma’ kif kont qed inħossni dal-aħħar, u forsi parti minnu hekk hu, imma qisu huwa iktar minn hekk ukoll. Nobgħod li fil-ġimgħat li ġejjin ħa jkolli naħdem minkejja li nkun f’dil-burdata, u li ma nkunx nista’ nieħu l-ħin tiegħi biex niddewwa.
Inqum, u nara l-aġġornamenti li tefa’ Antoine minn fuq il-gżira li qiegħed fuqha — jekk rajt sew bagħatli xi video dalgħodu imma għadni rrid narah. Fl-istil ta’ ħajja li qed narah jgħix nara libertà minn ċerti ktajjen, anki jekk naf li hu jħoss ktajjen tqal xorta waħda. Imma veru narah jgħix ħajja ħielsa mill-impenji li magħhom qajla jġibu sbuħija. Inħossu qed jgħix qisu m’għandu l-ebda aspettattivi fuqu. Jien narani mgħobbi b’eżiġenzi fuq ħini u saħħti, bħall-eżistenza borgiża kif jifhimha Rousseau, mikul bl-amour-propre, mifni bit-tranżazzjonijiet li jkolli nagħmel mal-Ieħor, mas-soċjetà; mentri hemm rotot ħafna iktar naturali, forom ta’ għajxien iktar sempliċi u diretti li forsi ma jġibux magħhom l-għajn tar-rikonoxximent. Imma x’jimporta? Jien nirrikonoxxi ħafna dak li qed jagħmel Antoine, u naf sew il-valur ta’ li qed jgħix hemmhekk u nixtieq ngħidhulu dan, xi jfisser għalija l-fatt li hu qed jeżisti u jgħix bil-mod kif qed jeżisti u jgħix. Għax hu mhux biss fl-isbuħija tan-natura qiegħed imma speċjalment fil-pjaċir terapewtiku tal-kotba, u jagħtini x’nifhem li qed jikteb ħafna, b’mod liberu u frisk, b’ruħu mimlija kliem.
Nixtieq ninqata’ jien ukoll. Ninqata’ ta’ veru imma, għax anki jekk ngħid li ħa nistrieħ ftit, dak il-ħin inħossu qisu “misluf”, mhux tiegħi, għax huwa definit, naf li ħa jgħaddi daqt u li ħa jkolli nirritorna għal dak li mistenni nagħmel, għal min jien mistenni li nkun. Gaġġa, limiti, inħossni mkeffen kultant.
Morna sas-supermarket għax kellna bżonn nixtru xi ħaxix. Ħin minnhom kont qiegħed mad-deli counter għax xtaqt ftit prieżet. Ftakart f’meta ommi kienet toħodni magħha u biex iżżommni kwiet kienet tixtrili xi ħaġa mhux tas-soltu, għax kif ħa taqbad iżżommu kwiet u paċenzjuż tifel fit-tip ta’ post li hu supermarket? Meta tikber, forsi titgħallem trażżan lilek innifsek aħjar, u jekk tkun se taqbad taqbiżlek, ħajta maturità kultant tidħol fin-nofs, tieħu nifs fil-fond bla ma tagħmel ħoss biex toħorġu ’l barra ma jmurx tinstema’ inkazzat, u tħalli r-rabja tgħaddi.
Illum deherli li kont f’waħda minn dal-burdati, temperament ftit kwiet u stojku. “Hawn hu r-rummien.” Ngħaddu minn fejn tal-ħut, “il-lampuki għadhom għoljin qishom, bl-€8.90.” Bla ma għedtilha, waqaft ħdejn id-deli. Hemm xi ħaġa li taffaxxinani fid-deli, avolja nobgħod il-ġobon. Fillieri ta’ prieżet, salumi u x’naf jien. Ratni fil-kju u kompliet miexja. Ħarsitha qrajtha bħala, “ok, imbagħad ejja fittixni la tlesti.” Niġbed biljett għall-kju: 63. Nittawwal lejn l-iscreen: 58. Tajjeb, m’hawnx wisq nies.
Ħaddiema li jaqduk kien hemm tlieta: wieħed Malti għadu żgħir b’xagħru folt u nokkli suwed (profil li mhux soltu ssib f’postijiet hekk), waħda mhux Maltija (forsi Ukrena, Bulgara?) u oħra li naħseb ġieli rajtha hemm qabel, għandha xi 35–40 u naħseb li Indjana jew min-Nepal, m’iniex tajjeb biex nikkategorizza lin-nies b’dan il-mod. Din tal-aħħar għajtet, “next?” u kien imissha l-61. Il-ħaddiema ma kinitx it-tip taċ-chit-chat u sempliċiment baqgħet tħares fiss lejn il-61, bla tbissima imma bla rabja lanqas — wiċċ newtrali. Wiċċ li qed jaħdem. Il-61 tkellmet u qalet, “hi! How are you?” b’ton ftit għoli. Kienet stramba li ma’ dik il-mistoqsija ma kienx hemm indikazzjoni ta’ liema oġġetti riedet tixtri. Bħal qisha kienet mistoqsija ġenwina. Wiċċ il-ħaddiema baqa’ newtrali — dan mhux ħin tajjeb għal small talk, din mara li qiegħda taħdem, dan ġisem jaħdem; ħarsa vojta u newtrali. “Can I get 200 grams of pecorinooo please?” B’‘o’ twila; pecorinoww. Deherli li dak il-ħoss kien ftit Amerikanizzat. U anki t-temperament. Insejt min, imma darba xi ħadd — xi ħadd li għandu dil-abbiltà li jidentifika ċerti kwalitajiet u tendenzi ta’ nies skont in-nazzjonalità tagħhom bla ma jessenzjalizza — qalli li fl-Amerka għandek bżonn ħafna enerġija u stamina emozzjonali għax anki fi tranżazzjonijiet kwotidjani — anzi, speċjalment fihom — ikun hemm ħafna affett involut. “Hello, how are you today?!” jgħidlek tal-ħanut u int mistenni li jkollok repertorju ta’ risposti lesti. Verament xogħol emozzjonali. Iktar ma qegħdin ngħixu f’epidemija ta’ dwejjaq, iktar hu mistenni l-emotional surplus value. La façade émotionnelle.
Il-ħaddiema tad-deli kienet qed tirrifjutaha din il-logħba. Ħarsa vojta; la nobogħdok imma żgur li mhux qed inħobbok. Dwejjaq ta’ ħaddiema li tinduna li ġisimha u hi huma għodda. Meta tinduna — anzi, anki jekk qatt ma tinduna b’mod konxju, ġismek ikun diġà jafha din — li int oġġettifikat, taħkmek indannazzjoni mħallta ma’ dwejjaq u tedium qawwi. Hekk deherli li rajt fil-ħarsa newtrali imma tqila ta’ din il-ħaddiema. Marret taqta’ triangolu pecorinoww u tefgħetu fuq il-miżien. “Is 230 grams ok?” staqsietha, did-darba b’ton ta’ mistoqsija li mhux qed jippretendi tweġiba. Il-61: “oh yeah, it’s absolutely perfect,” weġbitha, bl-istess awra kkulurita. Fi kliemha, kien hemm implikata ċerta ġentilezza, għax il-61 dehret li tafha l-frustrazzjoni tal-ħaddiema, u mhux talli ma kinitx se toħolqilha hassle ’ħabba tletin gramma ġobon żejda, talli dawret il-mistoqsija-mhux-mistoqsija tal-ħaddiema f’opportunità biex tirreċiproka b’mod iperboliku. “Absolutely perfect,” u b’ħarsa daqsiex. Geżwritilha l-ġobna f’karta strazza. “Anything else?” “Nooo, that’d be it, thank you. So much.” Newlitilha l-blokka, u kif kienet se ddawwar ħarsitha ’l hemm bla kliem u bla sliem, il-61 ippruvat għal darb’oħra: “have a beautiful day!” Mhux “nice day”, imma “beautiful day”. Iktar ġentilezza li rattbitni. Ħarist lejn il-61, rajtha titfa’ l-ġobna fit-trolley u bdiet miexja lejn l-ixkafef. F’passitha kien hemm qabża. Ftakart fil-kelma “gambolling”. Bdejt naħseb kemm kienet ġentili u ġeneruża fl-enerġija tagħha. Anki jekk il-ħaddiema ma laqgħetux għalkollox, xorta waħda kien mument grazzjuż li beda jfur b’abbundanza ħanina f’did-dinja tant qammiela fl-affett. Grazzi 61, ħsibt bejni u bejn ruħi, kemm nixtieq li nibnu istituzzjonijiet imnebbħa mit-temperament tiegħek. Bdejt nimtela b’iktar irtubija u anki tani li ħarsti nżidilha nofs tbissima, bħal qisni ttiħidt minn did-dispożizzjoni. Bdejt ngħid, imma dan kien mument ġenwin jew pastiche Amerikanizzat? Tgħid il-61 għexet l-Amerka u forsi b’hekk imdorrija tirreċta dal-inkontri? Għedt, u le, ħalli ma nfottix mument sabiħ u nkompli nġorr fuqi dil-attitudni pożittiva.
Kont verament moħħi mhux hemm jien u nipproċessa din l-irtubija kollha. Imnalla li t-62, mara Maltija ta’ mezza età, bdiet tordna biċċa ġobon edam, imbagħad biċċa cheddar, imbagħad xi ħaġa oħra u oħra, hekk, waħda waħda ma’ kull darba li l-ħaddiema l-oħra bdiet tgħidilha, “anything else?” “is that all?” Kont grat li t-62 bdiet tiftakar f’iktar oġġetti li riedet għax jien kont għadni qed inħares lejn il-61 warajja. Ħsibt fil-kelma “frolicking”. Malli kienet se tidħol wara l-ixkaffa u jien kont se ndur lejn il-counter għax kien daqt imissni, ħallejt ħarsti fissa fuq il-61 sa ma titlaq mill-vista tiegħi. Fl-aħħar nofs sekonda li stajt nibqa’ naraha, kont qed inħares lejn wiċċha, u xi ħaġa madwar ħalqha rajtha nieżla ’l isfel. Kienet il-forma kollha ta’ wiċċha li minn tbissima ħafifa ċediet taħt piż tqil. Le, 61, tagħmillix hekk. Fil-kwart ta’ sekonda li kien fadalli naraha, minn mixja b’nofs qabża bdejt nara l-karkur jitkaxkar u minn tbissima rajt solitudni. U sfrundat xi ħaġa fija. “200 luncheon meat,” tgħid it-62, u mnalla, għax indunajt li ma kontx niflaħ nitkellem. Ilsieni nixef. Għax dak li ħassejt jisfronda fija kienet nixxiegħa li mill-qiegħ ta’ ruħi bdejt inħossha tielgħa ’l fuq, tfawwarli wiċċi u timlieli għajnejja. Welling up; sirt bir. Ma nfqajtx nibki, imma għajnejja kienu mimlija u bdejt inħoss wiċċi sħun. Is-salumi bdejt narah imtappan, irduppjat, u xufftejja bdew jirtogħdu. Ma kellix dwejjaq imma kelli fetħa fija, fetħa li minnha setgħu jidħlu kemm il-ħeffa fil-pass tal-61 imma anki t-toqol kwiet ta’ ruħha.
Indunajt li ma kellix burdata stojka fuqi llum, wara kollox .