Għalhekk qed nivvjaġġa bil-mod #1

7236

Kristina Borg

ejejt infittex fl-istess post, ’il  fuq u ’l  isfel, ’l  hemm u ’l  hawn. Bil-basket tqil fuq dahri, inserrep fuq ġewwa u fuq barra tal-passaġġ dejjaq biex ir-roti tal-hand luggage ma jeħlux fil-weraq kbir, kannella, mgħaffeġ fl-għadajjar tax-xita. Dan it-terminal ma nistax naqbad tarf fejnu. Hekk kif inżilt minn fuq tal-linja, fuq il-waqfa ta’ barra l-port, ħassejtni esperta, malajr erġajt sirt kunfidenti mat-toroq ta’ Palermo, minkejja li din hija biss it-tieni darba tiegħi f’din il-belt u l-ewwel darba f’din iż-żona kaotika. Hawn serbut karozzi jistennew biex jitilgħu abbord, qisu bħal meta kulħadd jiddeċiedi jitla’ s’Għawdex u jeħel kulm’hemm. Kjass sħiħ. Naqbiżhom kollha, inkluża l-kabina tas-sigurità, nidħol fil-port qisu xejn mhu xejn mingħajr ħadd ma jistaqsini għal xi dokument, u nfittex iż-żona tal-passiġġieri li bħali għażlu li jivvjaġġaw mingħajr karozza. Għadu l-ħin imma m’għandix aptit noqgħod inħuf mat-toroq ta’ Palermo; għandi aptit insib it-terminal, belgħa capuccino u noqgħod nistenna hemm.

Fuq il-moll, man-naħa tal-baħar, ħlief trakkijiet kbar, vannijiet, trailers b’żewġ sulari karozzi u kontejners misjuqa mill-irġiel m’hawnx; man-naħa l-oħra hawn jien u kultant forsi tgħaddi xi ruħ. Inħoss li qisni mhux suppost qiegħda hawn, u nkompli nimxi. Bit-Taljan nistaqsi lill-uffiċjal tal-port u jgħidli biex nibqa’ sejra dritt. Jitfaċċa sinjal għal bar, u pass wara pass qisni ma nasal imkien. Insib ruħi f’entratura oħra b’serbut ieħor ta’ karozzi. Uffiċjal mara ddur bil-mod il-mod ma’ karozza u b’tablet f’idejha tiskennja kull naħa tagħha. Nistennieha tagħlaq ċirku tond u mmur nistaqsi lilha jekk hawnx xi terminal jew bar fejn nistenna. Inkompli nimxi u nipprova nevita l-promoturi li b’saħħithom kollha jridu jbellgħuli xi taxi. Nistaqsi għal darb’oħra, darb’oħra u darb’oħra, u t-tweġibiet differenti affaxxinanti wisq.

Niddeċiedi li dan it-terminal ma jeżistix, li jekk m’intix bil-karozza m’hawnx post għalik. Noħroġ ’il  barra, inħalli l-moll warajja u ninxteħitlu għand il-bar ta’ faċċata. Għadhom it-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar u ċ-check-in għall-ferry ma jibdiex qabel is-sebgħa u nofs, sagħtejn qabel it-tluq fid-disgħa u n-nofs. Ormai ilni mqajma tnax-il siegħa, u mal-lejl mhux li rqadt wisq. Inpoġġi fuq barra u nordna ġelat tal-frawli fit-tazza u flixkun ilma żgħir kiesaħ, forsi niffriska ftit wara t-traġitt li s’issa xejn ma mexa mal-pjan li tant ilni nfassal. L-istrajk nazzjonali tat-trasport pubbliku Taljan għoġbu jneffaqni kemxa ġmielha għax wara l-katamaran mill-Belt Valletta sa Pozzallo ma kelli ebda għażla ħlief li nieħu private transfer — xi ħaġa li nobgħod immens — sa Catania, biex minn hemm stajt inkompli b’kowċ oħra s’hawn. Miraklu kif tat-taxi rnexxielu jwassalni bl-eżatt biex nilħaq tal-għaxra u nofs. Tal-ħdax u nofs u oħrajn ma ħadmux.

Il-ġelat jaqbad idub tant li ma nlaħħaqx miegħu, u nispiċċa nixrob nofsu. Ma stajtx għażilt bar f’punt iktar storbjuż. L-egżost u t-tpaqpiq ta’ Via Francesco Crispi, flimkien mad-dħaħen tas-sigaretti mill-imwejjed ta’ maġenbi jimlewni tilja nervi, u jkomplu jżidu mal-ansjetà u t-thewdin.

 — Imma x’fettillek, Kris? X’mingħalik li kont qed tagħmel?

 — Kieku ħadt l-ajruplan ma kontx stajt tibqa’ rieqda iktar?

 — Kieku ħadt l-ajruplan mhux ġa wasalt? Għadek lanqas wasalt nofs triq, anzi bilkemm għadek bdejt, għadek tefgħa ta’ ġebla ’l  bogħod mid-dar.

 — U għax ma bdejtx bi ftit, b’ferry jew tnejn u tara jogħġbokx? Imma le! Għal ġieħna sitta f’daqqa.

  • Serbut twil trakkijiet u vapur fuq wara.
    “Inħoss li qisni mhux suppost qiegħda hawn, u nkompli nimxi.
  • Il-pruwa ta' ferry, ritratt mill-gverta ta’ fuq. Nies imferrxin fuq imwejjed.”
    “Indur kull żona, kull kantuniera u tibda taqbiżli ġewwa.
  • Bejn sema u ilma, u fil-bogħopd kważi tidher l-art.
    “Għal sigħat sħaħ la naf x’ġara u lanqas x’qed jiġri fil-kumplament tal-univers...
  • Ir-rima ta’ vapur, ritratt meħud mill-poppa.
    “Ġismi jiġġebbed, jestendi ruħu, nofsu uman, nofsu baħar...
  • Bajja filgħaxija, ix-xemx għadha ma niżlitx, dwal, bini u dgħajjes riflessi fil-baħar.
    “Ninżel minn fuq l-Excelsior minn tal-bidu u nħoss sens qawwi ta’ déjà vu ...

Dan il-vjaġġ jifforma parti minn fażi ta’ riċerka u esplorazzjoni f’kuntest iktar wiesa’ tal-proġett tiegħi You Are What You Buy, li issa ilu għaddej għaxar snin u nixtieq nifhem fejn sejjer, fejn jista’ jmur, jekk forsi wasalx fit-tmiem tiegħu, jew hux qiegħed f’xi fażi ta’ transizzjoni, ta’ bidla. Ħadt il-fondi tal-Kunsill Malti għall-Arti għal sena sabbatika, li sabbatika mhi xejn. Il-fażi reċenti tal-proġett u dik kurrenti qed iħarsu lejn it-tibdil tal-klima, lejn il-politika tal-ikel fil-kuntest tal-gżira li ngħixu fuqha, u lejn kif nistgħu nipprattikaw forom diversi tal-ekonomija. B’daqshekk għedt ħafna, u m’għedt xejn, imma l-iskop ta’ dan it-thewdin ta’ bħalissa mhux li nanalizza l-proġett. Anzi, fil-fatt inħossni privileġġata. Mhux għax ħadt il-fondi; vera li għandi aċċess biex napplika, imma dawk dejjem nitbagħal għalihom, daqqa jiġu, u daqqa ma jiġux. Inħossni privileġġata għax nista’ nżur pajjiżi oħra u nwessa’ l-orizzonti tiegħi, imma a skapitu ta’ min? Ta’ xiex? Inħossni faċċola u impostura nitkellem fuq ħaġa, bħat-tibdil fil-klima, u nagħmel oħra, bħal nieħu ma nafx kemm-il ajruplan. Dejjem importanti għalija li l-proċessi inviżibbli jirriflettu dawk viżibbli u, kull meta nista’, nipprova nestendi dawk il-prinċipji li nħaddan anki fl-operat ta’ kull proġett jew xogħol kreattiv, bl-għan li nsegwi l-Kodiċi tal-Ġustizzja Klimatika li jispjega tajjeb ħafna kif it-tibdil fil-klima għandu l-għeruq tiegħu fl-istrutturi estrattivi tal-kolonjaliżmu, l-imperjaliżmu, il-patrijarkat, is-supremazija bajda tal-Punent u l-kapitaliżmu. Dan il-Kodiċi jistaqsi kif l-istituzzjonijiet tal-arti jistgħu jkunu iktar sintonizzati mad-dibattiti politiċi urġenti u kontemporanji, imma fl-istess ħin jagħraf li hu stess proġett fallut għax il-punt tat-tluq kien diġà kolonjali u għax sab wisq reżistenza minn organizzazzjonijiet artistiċi Ewropej li mhux lesti jibdlu l-prattika tagħhom. Allura minflok kodiċi, ipoġġilna sejħa biex ninġabru u nirriflettu b’mod kritiku flimkien.

 — Għalhekk, Kris, qed tivvjaġġa bil-mod, green insomma, fejn dak li hu iktar-minn-uman qed jgħinek fir-riċerka bħala kollettiv ibridu.

Tgħidx kemm ħlejt ħin nimla applikazzjonijiet, waħda wara l-oħra, biex inkun nista’ nagħmel dan il-vjaġġ bil-mod. Il-fondi oriġinali ma kinux biżżejjed biex il-vjaġġ ikun aċċessibbli għall-benesseri tal-pjaneta. Issa kulħadd sar jitkellem fuq il-benesseri, sar ħaġa cool u trendy, benesseri tiela’ u benesseri nieżel fir-reklami, fit-tfassil tal-politika, u issa anki fil-fondi — ħaġa tajba, le? Nibża’ li l-kelma tispiċċa buzzword oħra, mal-ħafna oħrajn, u titlef kull sinifikat, kull intenzjoni u kull potenzjal qabel biss tilħaq il-qofol tagħha. Jaqbduni iktar dwejjaq meta nitkellmu fuq il-benesseri ta’ kulħadd imma mhux daqstant dwar dak tal-pjaneta, minkejja li, bħalma juri l-Kodiċi tal-Ġustizzja Klimatika, hija ixjeħ, ikbar u iktar għaqlija minna lkoll. Allura nimla applikazzjoni oħra, dejjem tal-Kunsill Malti għall-Arti, imma din id-darba tal-aċċessibbiltà, imbagħad oħra għall-isponsorship tal-bank APS, imbagħad il-vjaġġ isir iktar kumpless, rikk u kemxejn iktar avventuruż u nimla oħra, saħansitra tal-Awtorità tat-Turiżmu. U dan kollu mhux biżżejjed u jkolli ndaħħal idi fil-but tal-proġettarjan. Skont l-abeċedarju tal-proġettarjat ta’ Kuba Szreder, il-proġettarjani huma dawk li m’għandhomx għażla ħlief li joħolqu u jipproponu proġetti — ħafna drabi temporanji — u d-destin tagħhom jiddependi fuq ġurija esperta anonima li tiddeċiedi jekk jaqilgħux il-ħobża ta’ kuljum jew le. Il-proġettarjani huma dawk li jlaħħqu m’alla u max-xitan, ma’ applikazzjonijiet, proposti, tfassil ta’ skedi, ippjanar ta’ baġits, rapporti, marketing, komunikazzjoni, relazzjonijiet u tiftix għal opportunitajiet futuri. Fi kliem ieħor, il-proġettarjani huma jien u int, artisti freelancers, li ħafna drabi mġiegħla nikkompetu kontra kulxin minflok naħdmu flimkien. Kultant anki kontra tagħna nfusna lesti li nikkompetu bħal meta ssib min jiddeffes jew ideffsuh f’iktar minn tim wieħed ta’ proġett. Insomma, skont dan l-abeċedarju, il-proġettarjan m’għandu xejn x’jitlef ħlief xi data ta’ skadenza.

Id-dinja tal-fondi teżawrini u nixtieq li nista’ ngħix mingħajrha; inħossni bħal fekruna tal-baħar maqbuda f’xibka, tipprova taqdef kontra l-kurrent u ma tistax. Min-naħa l-oħra, id-dinja tal-arti ma nimmaġinanix ngħix mingħajrha, imma xi minn daqqiet ma tantx inħossni parti minnha, jew ma nafx — jew ma rridx — naħseb bħalha. Kultant tgħajjini. Min ilaħħaq mal-iktar proġetti fl-istess ħin, min għandu l-itwal lista ta’ residenzi fuq is-CV, min joħloq l-iktar Excel sheet kumplessa, min l-iktar jesebixxi fl-iktar istituzzjoni hekk imsejħa prestiġjuża, min l-iktar iqarreb lejn l-iktar udjenzi numerużi, min l-iktar idur id-dinja, min ikollu l-iktar viżibbiltà, min l-iktar li jsofri burn-out — li skont l-abeċedarju tal-proġettarjat hija patoloġija reali tal-prekarjat.

 — Għalhekk, Kris, qed tivvjaġġa bil-mod, ’il  bogħod mill-istorbju, tfittex ħoss is-silenzju.

Jien mingħalija se noqgħod nistenna hawn sakemm tal-bar ma tibdiex tħarisli bl-ikrah biex inqumilha, imma erba’ sigħat f’dan l-istorbju mhux se nkampa. Niftakar li għandi bżonn nixtri xi ħaġa tal-ikel biex tal-inqas ikolli packed lunch għal fuq il-vapur, u mingħajr ma rrid nibda nħuf mat-toroq tal-madwar. Nidħol s’għand il-MAX, supermarket fejn nistenna li jkollu kollox, ħeqq, MAX, hux. L-aktar, l-aqwa u l-aħjar; imma xejn ma jentużjażmani għax kollox jidher għajjien, bħali. Nonfoq 54 ċenteżmu fuq banana waħda u ħawħa iebsa qisha ġidra.

Terġa’ tibda traxxax u jien nerġa’ nittanta xortija — nerħilha lejn il-moll. Did-darba konvinta li aħjar naqbeż qabża sal-uffiċċju tal-biljetti tal-Grandi Navi Veloci, issa żgur li fetħu u dawk ikunu jafu. Naqbad l-istess passaġġ dejjaq tal-ewwel u nserrep lura. L-uffiċċju deo gratias pjuttost kalm. Minn wara t-tieqa tal-perspex, mill-ispeaker fgat, vuċi femminili, ġentili, tispjegali li għad fadal siegħa oħra għaċ-check-in tal-passiġġieri mingħajr karozza imma nista’ nistenna fl-istess uffiċċju. Bit-tidlik kollu ta’ Settembru, imħallat mal-qtar tax-xita, imwaħħal ma’ kull rokna ta’ ġismi, nilħaq siġġu fil-pront qabel ma jibdew ifaqqsu l-problemi, waħda wara l-oħra. Is-serbut karozzi qisu ppersonifika ruħu, il-bieb ma jiqafx jitbandal u l-uffiċċju tal-biljetti jittrasforma fi traġedji kkuluriti. Omm nesiet il-passaport ta’ bintha, tippretendi li titla’ abbord mingħajru, tipprova tieħu tagħha u titlob il-flus lura, tibda tnewwaħ u tagħti fuq wiċċha waqt li l-kumplament tar-razza u r-radika ġa qegħdin fuq il-ferry. Ieħor jitlob rimborso parziale, ma jirnexxilux, minflok jipprova għal xi tip ta’ nota ta’ kreditu; u ieħor jiġi f’tiegħu li d-dokument tal-identità skada u issa ma jafx x’jaqbad jagħmel b’ħajtu. Insomma, ħafna biki u theżżiż tas-snien, tad-daħq u divertenti wkoll, qishom tal-Aħn’aħna jew m’Aħniex?, li fil-verità qatt ma rajtu.

Sar il-ħin għaċ-check-in u nersaq viċin l-istess tieqa tal-perspex, u l-ispeaker fgat jgħidli li ċ-check-in isir fejn il-ferry stess. Fejn? Fuq l-art, fejn il-ferry. Mela, terminal jidher li m’hawnx. Tgħid isir check-in?

Il-kjass ta’ qabel laħaq eleva ruħu għal pandemonju totali. Naqsam ir-roundabout imdawra karozzi, u fit-tarf tal-moll, mal-ġenb tal-M/N Excelsior, nilmaħ bħal grada u żewġ membri mill-ekwipaġġ li kienu qed jilqgħu l-passiġġieri bil-mixi. Wieħed minnhom isaqsini għal dokument u l-ieħor iġegħelni niftaħ il-basket ta’ fuq dahri, jittawwal tnejn u kollox sew, nistgħu mmexxu. Il-hand luggage qisha ma tinteressahomx, stajt tfajt li ridt u anki dak li ma ridtx. Sadanittant sieħbu jtini ċitt tal-karti — għal waħda, itini tnejn, tlieta — u joħroġ minn postu minn fejn il-grada, b’idejh it-tnejn iferraq il-karozzi, li issa qed isuqu bit-tlikki tlikki lejn l-Excelsior, biex jgħaddi ħadd ħlief jien. Żewġ escalators abbord jistennew biex jerdgħuni ’l  fuq, wieħed wara l-ieħor, u nasal ma nafx f’liema sular. Nuri ċ-ċittijiet tal-karti lil membru tal-ekwipaġġ u jindikali biex nidħol ftit metri oħra ’l  ġewwa sakemm niltaqa’ ma’ ieħor minn sħabu, carbon-copy ta’ dak tal-ewwel u ta’ dak li ġej warajh. Kollha rġiel somor bid-daqna sewda qasira, id-daqna bħal nistħajjilha parti mill-uniformi blu bil-buttuni lewn dehbi. Ftit metri oħra ’l  ġewwa u ieħor minn dawn il-kloni jitlobni ċ-ċitt tal-karta u jistaqsi, “Da sola?” Għandek xi problema? jaħseb moħħi. Minflok, nirrispondi, “Sì, u nipprova nżomm espressjoni newtrali, indifferenti, imma żgur li wiċċi qed jikxifni, dak dejjem jitkellem qabli u iktar minni. Qisu għad fadal l-aħħar ftit metri, u membru ieħor tal-ekwipaġġ jaqra ċ-ċitt tal-karta, ifittex ftit, u jistaqsi, “Da sola?” Il-ħanina dinja, erġajna! Qisha xi litanija tas-seba’ visti. Xi ż-żigg trid? Mhux aħjar tgħidli fejn għandi mmur, forsi norqod. Daqshekk stramba li mara tivvjaġġa waħedha? Anki Lucie Azema tikteb dwar kif fl-istorja tal-ivvjaġġar il-baħrin irġiel ma kinux iħallu n-nisa jitilgħu abbord, tant li ħolqu superstizzjoni li mara abbord iġġib xorti ħażina, l-istess bħall-fniek u l-qassisin. Posti bħala mara hu li ma niċċaqlaqx, ma nivvjaġġax, dejjem wieqfa u nistenna bħalma stenniet tant Penelope. Azema tirrakkonta kif fl-istorja dejjem hekk ġejna deskritti, u dik li tazzarda, tazzarda għax qaħba jew inkoxxenti. Ir-raġel eroj, il-mara inkoxxenti, jew oġġett ta’ sarkażmu. Bil-wisq iktar meta tivvjaġġa waħedha, issir stramba u inkompleta, għax indipendenti u awtonoma, fejn mhi ta’ xejn u ta’ ħadd, fejn minnha jitlaq kollox u kollox jiltaqa’. U fis-seklu 21, bi kwart tiegħu diġà ġewwa, qisu ma tantx imxejna wisq ’il  quddiem.

U allura, inti, bħalek, x’inhu affarik għala waħdi? Tridx ma tparlax iżżejjed, xbin! Imma la aptit u lanqas enerġija m’għandi biex niddibatti u nitbaqbaq, allura nitfa’ ċajta vojta. Iva, kabina sħiħa għalija waħdi biex noqgħod nitrembel minn sodda għall-oħra, qed titħajjar? Imma lanqas din it-tweġiba ma togħġob lil moħħi. Jew forsi qed jarani żgħira? Mhux jinduna li għandi sitta u tletin, bis-sebgħa u tletin fuq l-għatba, u l-erbgħin wara l-kantuniera. Ħafna jaħsbu li għad għandi ma nafx kemm. Xi pjaċir u xi dwejjaq! Welcome to my life! Imma l-età fiex tidħol? Moħħi jkompli jberren u jiddeċiedi li lanqas is-sillaba waħda “sì” mhi f’ħinha u f’waqtha għal mistoqsija bħal din. Dan il-proxxmu ma ħaqqux risposta verbali mingħandi, nagħżel li din il-mistoqsija mhux se nerġa’ nirrispondiha. Min-naħa l-oħra, x’qed jgħid wiċċi ma nafx. Naf biss li wasalt. Fl-aħħar insib ruħi quddiem is-7236. Sebat elef għax fuq is-seba’ sular. Eh le, dan mhux sular, din gverta. Gverta numru sebgħa. Kabina numru sebat elef, mitejn u sitta u tletin, fuq gverta numru sebgħa, in-naħa tal-pruwa.

Filgħodu nqum sparata għall-capuccino li bqajt ma ħadtx ilbieraħ waranofsinhar, inżid tazza larinġ magħsur u cornetto vojt, u npoġġi mat-tieqa għad-dawl tax-xemx. Għajnejja jiffissaw fuq ix-xefaq u jkejlu ma’ xifer il-mejda biex jaraw kemm qed nitbandlu. Lura fil-kabina naħsel snieni, u issa kollox lest biex nibda nesplora l-labirint li ninsab fih. Kuritur ’l  hemm u kuritur ’l  hawn, kuritur ’il  fuq u kuritur ’l  isfel, taraġ maestuż fin-nofs u taraġ dejjaq moħbi f’kantuniera. Il-loġika fin-numri tal-kabini ma nistax insib tarfha, żgur li teżisti waħda imma lanqas minn fuq il-pjan ta’ evakwazzjoni mdendel kull ftit metri ma nifhimha. Ma nifhimx ukoll għala l-ekwipaġġ kollu rġiel, impressjonanti kif lanqas mara waħda għadni ma rajt. Donnha għandha raġun Lucie Azema, mhix superstizzjoni tal-passat biss. B’xi mod il-labirint jobżoqni fiż-żona tal-akkoljenza, u hawn tfeġġ l-unika mara, liebsa ta’ receptionist.

Indur kull żona, kull kantuniera u tibda taqbiżli ġewwa. Nilbes in-nuċċali tax-xemx għax dak dejjem itejjibli l-burdata, inħossni iktar kuntenta u serena kull meta nilbsu, wiċċi għad-dawl, xemx jew xita, ġewwa jew barra. Barra hawn adulti, tfal, familji, anzjani, żgħażagħ u ħafna klieb fuq iċ-ċinga, tista’ tgħid kważi kollha Taljani, il-klieb ukoll sintendi. Min minn tulu fuq bank jilgħaq ix-xemx, min jifrex pranzu sħiħ fuq l-imwejjed tal-injam, min jinnamra fit-tarf nett tal-poppa b’saqajhom se jiżolqu ma jiżolqux għax għoġobhom jitilgħu fuq ħadida li tisporġi kemxejn ’il  barra — jistħajluhom Jack u Rose — min jimmedita, min medhi f’xi diskursata u jistagħġeb b’dil-ħaġa u bl-oħra, min bħali qed jippassiġġa, min iħammeġ bil-kelb u jnaddaf warajh, u min jinkazza għal min ma jnaddafx.

F’dan kollu hawn sens ta’ kwiet, paċi u serenità. Togħġobni din li nippassiġġa hawn barra, u nitla’ fuq nett. Insib bank u nilbes il-ġakketta għax ir-riħ qed jonfoħ iktar. Inpoġġi komda kokka, b’saqajja mikxufin u b’difrejja ħomor krimżi fil-flipflop jistrieħu fuq il-bank, indeffes rasi fil-hood biex nistaħba mill-qilla tax-xemx tisreġ, u naqbad naqra u nintilef fil-gideb tagħna l-kbar li tirrakkonta Elena Ferrante f’La vita bugiarda degli adulti.

Għal sigħat sħaħ la naf x’ġara u lanqas x’qed jiġri fil-kumplament tal-univers, off-grid ta’ vera. U l-istess bil-kontra, ħadd ma jaf b’aħbari, la fejn qiegħda, la x’qed nagħmel u wisq inqas fejn wasalt. Jidher li wasalna iktar minn nofs triq għax fuq in-naħa tal-Lvant tidher gżira żgħira, kulħadd jikkummenta u jissoponi li hi l’isola d’Elba. Inġebbed riġlejja kemm jista’ jkun dritti quddiemi, għoddhom raqduli, u fuq xufftejja ntiegħem togħma ta’ melħ. Ngħaddi idi minn fuq il-qoxra tal-ktieb u nħoss frak tal-melħ, min-nuċċali tax-xemx ħlief tirxix tal-melħ mhux nara, u kif ninżgħu u nibda nogħrku bejn il-qmis toħroġ fewġa riħa ta’ melħ. Nerġa’ naqbad nippassiġġa u nersaq fit-tarf, nitfa’ rasi fuq dirgħajja mserrħin ’l  hemm u ’l  hawn mal-puġġaman għoli, u ħsibijieti jintilfu, jitremblu flimkien mar-rima f’dil-medda blu quddiemi, f’dal-ġisem baħar li jmexxini, iwassalni. Il-melħ minn dan il-ġisem estern għalija jitwaħħad ma’ ġildti, ma’ ġismi, u jsiru ġisem wieħed, tiegħi u dan ta’ quddiemi. Imma ġismi tiegħi? Ġismi mara. Ta’ min hu? Ġismi tiegħi. Imma vera tiegħi? Tiegħi vera? Ġismi mhux tiegħi, ġismi jien.

Ġismi jiġġebbed, jestendi ruħu, nofsu uman, nofsu baħar; nofsu uman, nofsu ilma. Le, x’nofs, nofs? Żewġ terzi. Żewġ terzi ilma. Ġismi żewġ terzi ilma. L-ilma li jdur u jgelgel, jirragħwa u jifforma, jinbaram u jitgħawweġ. Ġismi ilma, ġismi baħar. Nisma’ lill-baħar, nisma’ mal-baħar. Nisimgħu lill-klieb ċorma waħda jiddeċiedu li jridu jsemmgħu leħinhom hekk kif il-loudspeaker javżana li wasal il-ħin biex nevakwaw il-kabini u nirritornaw iċ-ċavetta, sagħtejn qabel ma nankraw.

Jerġa’ jibda l-ġenn, kulħadd iħaffef u l-ekwipaġġ ikompli jżid mal-istorbju u mal-għajjat, iħabbat kabina kabina, qisu wasal l-aħħar tad-dinja. Għandhom seba’ mitt sena biex jibdew inaddfu. L-irġiel jibdew jaħslu, l-irġiel jaqilgħu l-lożor, l-irġiel ibiddlu x-xugamani, u l-unika mara tat-tim tibqa’ xxamplata mar-reception. Xi ġmiel! Fejn qatt rajtha dil-konċentrazzjoni sħiħa ta’ rġiel kollha jagħmlu xogħol domestiku? Aħna l-passiġġieri ninġabru kollha fiż-żoni komuni fuq ġewwa, u barra qisu m’għadux permess. Kulħadd jitrassas u jgħaġġel ħalli jilħaq post bilqiegħda. Min ifettaħ kemm jista’ bil-cooler daqs dinja, min jilgħab il-karti u min jiekol borża kbira crisps. Qisna xi ġita tal-kappillan.

Jgħaddu s-sagħtejn ta’ stennija u naslu l-port ta’ Genova, sagħtejn iktar tard milli previst, jekk mhux tlieta wkoll; b’kollox qattajt kważi erbgħa u għoxrin siegħa abbord. Addijo l-mixja madwar il-port antik ta’ Genova, addijo l-platt għaġin al dente, issa piġama, pipì u sodda. M’hemmx x’tagħmel, mhu tort ta’ ħadd, tort tal-mare mosso. Ninżel minn fuq l-Excelsior minn tal-bidu u nħoss sens qawwi ta’ déjà vu — direzzjonijiet imkien u d-dlam ma jgħinx. Imqar titfaċċa xi ruħ tajba taħdem il-port ħalli nsaqsi lilha, imma ħlief serbut twil ta’ karozzi ma narax. Nibda nsegwi l-faxex ħomor u bojod li f’ħin minnħom jitferrqu f’iktar minn direzzjoni waħda. Nimxi f’dik li nħoss li hija d-direzzjoni lejn iċ-ċentru u nsib bħal kiosk toqba bejn xi kontejners; qatt f’ħajti ma naf li ħassejtni daqshekk ixxurtjata li kapaċi nitkellem sew bil-lingwa tal-post. Raġel jiggwidani li rrid naqsam il-pont pedonali li wara seklu nilmaħ fil-viċin. Imqar bozza, jaħasra! Il-lift bil-ħsara u bħaċ-ċuċ nitla’ t-taraġ tal-ħadid, bil-basket tqil fuq dahri u l-hand luggage f’idejja. Il-pont qisu ma jispiċċa qatt, jilwi xi darbtejn u fl-aħħar jingħaqad ma’ ċentru kummerċjali li dal-ħin ovvjament baħħ.

Nasal il-lukanda fi Piazza Acquaverde, faċċata tal-istazzjon tal-ferrovija, bil-lest għal għada filgħodu. Il-kamra spazjuża sew, nadifa, kalma u kwieta. Nieħu shower sħun u nagħmel ħasla żgħira b’idi. Il-kreattività dejjem għodda utli ħafna, anki biex timprovizza installazzjoni skulturali bil-ħwejjeġ imdendlin għasra bbilanċjati fuq sempliċiment spaga li ġibt apposta miegħi, marbuta mit-tieqa għas-siġġu. Nipprova niekol il-ħawħa-ġidra tal-MAX li għadha tiġri fil-basket, u nitfi.

Niftaħ għajnejja kuntenta li rqadt tajjeb ħafna, f’sodda kbira u komda u fuq imħadda kif inħobbha jien. Sabiħ torqod mingħajr tbandil. Mhux bħal-lejl ta’ qablu, abbord l-Excelsior, fejn ma tantx irqadt minħabba l-avviżi fuq il-loudspeaker fil-kabina, l-ewwel bit-Taljan u wara bl-Ingliż, u mbagħad il-ħsejjes tal-mutur u l-makkinarju kollu tal-vapur, orkestrati flimkien mal-air conditioner tal-kabina. It-tbandil tal-mare mosso biss kien jonqos biex għaqqadna l-bubun. Imma dalgħodu, wara lejl kwiet, m’għandix aptit inqum. Nixtieq nista’ norqod iżjed jew inqatta’ lejl ieħor hawn, imma l-ferrovija titlaqli fid-disgħa u tmintax-il minuta, u l-Alpi ma jistennew ’il  ħadd .

Il-Kodiċi tal-Ġustizzja Klimatika li nsemmi fl-esej huwa Climate Justice Code: For artists, art workers, and arts organisations situated in the Global North, maħruġ mill-Climate Justice Code working group (Casco Art Institute 2023) u disponibbli online. The ABC of the Projectariat: Living and working in a precarious art world, ta’ Kuba Szreder huwa pubblikazzjoni Manchester University Press 2021; fuq il-website tagħhom, il-pubblikaturi għandhom sinopsi tajjeb tal-ktieb. Les femmes aussi sont du voyage: L’émancipation par le départ ta’ Lucie Azema huwa pubblikazzjoni Flammarion 2021. La vita bugiarda degli adulti ta’ Elena Ferrante huwa pubblikazzjoni E/O 2019.

Dekorazzjoni art-nouveau