Fl-ewwel minuti luċidi ta’ kull filgħodu
naħseb biex immur mixja lejn il-ġnien li jħallini mdellka bin-nostalġija
biex inħares lejn il-bieb magħluq li jgħiduli li int kont hemm għassa miegħu kuljum u
l-kamra kulur it-te meta titfagħlu l-ħalib tal-bott li issa
spiċċat mużew tal-karti llaminati li jiftaħ kull jumejn
Il-bejta għall-ħarba kull nhar t’Erbgħa tal-grupp lebsin l-iswed għax cool
għaddejjin nitmiegħku maż-żrieżaq
daharna mal-arbli tal-bandli
nitkażaw dwar x’għamlu dawk fil-kumplessi tal-garaxxijiet —
l-ispots tal-konsulenzi romantiċi tat-tfal bravi Nsara aged 13 and up
L-għaraq bejn is-swaba’ ta’ jdejn li qatt ma missu lil xulxin
distanza ta’ nofs pulzier
Speaker mifqugħ tal-McDonalds
il-festi bil-kameras ta’ mowbajls li ma jinkisru qatt
ċipps mgħarrqa fil-ħall u l-ketchup
birra misruqa minn wara l-bar
xita t’aħdar, sigaretti u għaraq tal-JB
Ommi u missieri id f’id, it-tmeninijiet, 15-il sena
zuntier b’kappillan lest biex jippritkalhom iż-żwieġ
Kitarri tad-dlingi dlingi jfaħħru lil dik u lill-ieħor
il-kanzunetti tad-Depeche Mode
li saru tal-quddiesa fejn tmur il-mummy u ma tmurx in-nanna
Każini mifnija bi kliem stramb isir ġlied
isir ħmura
isir folla ta’ kull nhar ta’ Ħadd
isir post ieħor fejn ħadt drink
għal żewġ ewro lbieraħ
Nanniet ixejru mill-gradi tal-metall
Il-bibien jingħalqu għall-venda
darba Pitkalija, riħa ta’ frott qed imur
il-ħanut tal-bużnannu Ġorġ
il-dak u l-ieħor li tgħidli bihom nannti
ma’ suba’ ġobon Edam
aħna nħarsu lejn linja tal-inxir bis-srievet ċelesti
Il-kotba moqrija fid-dawl ta’ tubu tal-BBQs tas-sajf
b’saqajn jiddendlu taħt injama mdewda
Waranofsinhar wara eżami, kmiem qosra u dahar għasra
f’konverżazzjoni mal-bjut
ringiela ta’ logħba Tetris mitlufa
L-istennija għal wieħed ġej fuq scooter
mini skirt isfar minn wara purtiera
mill-kaxxi ħabba gozz ta’ drapp imwarrab il-JB
li skont-na-hom-i memorji f’boroż suwed
imdewbin fis-sħana tax-xemx.
Li skont-na-i-hom memorji
qalb il-fidda u l-figurini tal-ħġieġ.