Minn imħaddti nara d-dawl biered tal-qamar, dija bajdanija tkessaħli rokna f’kamarti. Nagħsi ħafif, it-toqol tal-għata nixtiequ itqal dal-lejl. Ir-riħ nisimgħu, ma narahx, jissara mat-tieqa biex jidħol, imma l-ħġieġ, singlu, antik, ma jċedilux. Nilmaħ it-tperpira fi truf il-purtieri, avolja tqal. Nitqalleb, nifli s-saqaf, nifli t-twapet, nifli l-friex. M’għandix kwiet. Maħkuma minn mewġa ħsibijiet. Inħares ’il barra mit-tieqa, lejn il-pjazza msemmija għas-suq il-ġdid tal-qamħ, mis-seklu tmintax, għax qalu li s-suq il-qadim, mhux wisq ’il bogħod minn hawn, ma jservix. Id-dar fejn ilni ngħix tnax-il sena ġiet iddisinjata fl-1788 u nbniet sena wara meta t-toroq fil-belt kienu għadhom kanali tal-ilma u konna għadna taħt l-Imperu Awstrijaku. Ma nbnietx biex jgħixu fiha n-nies imma bħala uffiċċju fejn tinġabar it-taxxa tal-qamħ. Kienet tissejjaħ lepelhuys, maison de la louche, dar il-kuċċarun; għax b’kuċċarun kienu jkejlu kemm għandu jitnaqqas qamħ bħala ħlas. Binja neoklassika bi tliet sulari, jien ngħix f’dak tan-nofs, ogħla minn dak ta’ fuqi, iktar baxx minn dak ta’ taħt. Xi darba l-faċċata kien fiha erba’ pilastri minn isfel sa fuq; tagħhom illum fadal biss il-part tal-qiegħ. Ftit xhur ilu ġew żewġ ħaddiema u qaxxru ż-żebgħa minn mal-ħajt tas-sular t’isfel, fejn hemm il-bieb prinċipali u żewġ twieqi kbar, tawwalin, bl-arkati u tmien vireg tal-ħadid quddiem kull waħda biex iżommu l-ħallelin ’il bogħod. Issa l-ġebla ramlija tilqa’ d-dija, dehbiena tax-xemx mal-jum, fiddiena tal-qamar mal-lejl, u ddawwal il-pjazza bi ġmielha. Fis-sular tiegħi, mal-faċċata hemm tliet twieqi twal, rettangolari, u fl-aħħar sular tlieta oħra kważi kwadri li kollha ġew ingwarniċati snin wara li nbnew. Waħidha, fuq nett, tisporġi tieqa monumentali bis-saqaf trijangolari, miżbugħa sewda u mżejna b’kaskata ta’ weraq dehbien tal-ħannewija. Fin-nofs, tieqa tonda b’rożetta ċentrali, għadha li kienet fid-disinn oriġinali. Il-binja tistrieħ, mal-lemin, fuq ħajt li jibqa’ tiela’ sular iktar minn tagħna, il-kampnar tal-binja brutalista tal-Knisja Riformata Evanġelista, tlestiet sena qabel twelidt jien. Mix-xellug jagħfas fuqna bini massiv; għaxar snin ilu regħdu kull m’hawn biex waqqgħu s-soqfa u l-ħitan ta’ ġewwa, tellgħu żewġ sulari fuq li kien hemm u rrinovawh — il-mużew statali tal-arti u d-disinn li b’dawl ħamrani ta’ sikwit javża li kulħadd miġnun.