Aħmed, tifel refuġjat mis-Sirja fil-Kamp Żagħtari, il-Ġordan, f’ċentru għat-tfal li jaħdmu. 25 ta’ Marzu 2014.
M’intix tara li għandi x’nagħmel?
U biex tgħaxxaqha qbadtni bil-pinzell fiż-żebgħa,
arah iqattar,
hawn ma ġejtx inparla,
għandi xorti nagħmel dinar minn dawn it-toroq,
issa hawn nipprova nlaqqat,
dil-karretta ħaqqha passata żebgħa
b’dal-aħmar jgħajjat anki x-xiħ jarani
min-naħa l-oħra tal-kamp
fejn imur ixejjex.
Hawn mhux tat-tfal
la se toqgħod tistaqsini.
Tilgħab fit-trab
imma anki dan it-trab mhux bħal ta’ darna,
qisu anki x-xemx tinjorah u tħallih bla kulur
u meta timxi fih
il-passi tqal
iħallu marki fondi,
ma tistax tiġri
imma trid tiġri,
m’għandekx fejn tiġri
imma trid tiġri
u allura tiġri
u taħbat fix-xibka timmarka fejn jibda u jispiċċa dal-kamp,
u taħbat fix-xiħ hu u sejjer ixejjex in-naħa l-oħra tal-kamp,
u taħbat fl-erwieħ imkeffnin,
u taħbat fit-trejqiet bla ħin,
u taħbat u taħbat
u tibqa’ fejn int.
U xbajt insaqsi ’l ommi,
meta se mmorru lura?
Ma jidhirx li se mmorru lura,
mhux fil-qrib.
Ma jidhirx li se mmur lura fl-għelieqi tan-nannu
naqtgħu l-frott li jitmagħna u niġbru ż-żebbuġ,
ma jidhirx li se nara lil sħabi tal-futbol
f’nofs ta’ triq li ma jgħaddi minnha ħadd
bejn l-għelieqi u t-tajn u l-ħamrija
ta’ Dara’a.
Issa dil-karretta saret ħabibti,
ittini x-xogħol fost nies jitkarrbu,
familji li bħal tagħna telqu kollox,
ħallew warajhom il-mutur, it-trakk, il-vann,
il-karrettun u ż-żiemel
u issa tifel bħali bil-karretta
iġorrilhom dak li għandhom bżonn iġorru —
it-tank tal-gass,
it-tank tal-ilma,
it-tank tal-ħara,
li trid, inġorru,
għidli fejn trid niltaqgħu ngħabbi,
għidli fejn trid inħallihulek ħabibi,
jien Aħmed bil-karretta l-ħamra,
tarani sew mill-bogħod.
Ħa nħallik,
għandi x’nagħmel,
diġa għedtlek
dan mhux ħin,
mhux se mmur lura d-dar bla dinar,
m’intix tara li għandi x’nagħmel?