Ażiż, 45 sena, bidwi. Ħarab minn Falluġa, l-Iraq, taħt il-kontroll tal-Istat Iżlamiku, waqt assedju mill-armata Iraqina flimkien mal-qawwiet tal-koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti tal-Amerka. Mejju 2016.
Ara fejn spiċċajna, ejja ara
b’għajnejk. Ħrabna mill-ħmar il-lejl
tal-Kalifat l-iswed
u ara ftit hawnhekk,
ara fejn spiċċajna,
it-trab, ix-xemx, il-ħara,
hawn trabi għadhom qed jerdgħu,
hawn xjuħ ma jistgħux jimxu,
hawn nisa se jwelldu
u tfal jiġru
se jimirdu.
Kollha se jimirdu.
Fejn tefgħuna?
Mhux pajjiżna dan?
Kif dejjem hekk magħna?
Ħalluna mmorru lura djarna
la taqtgħu ras il-Kalifat
li kiber taħt il-patroċinju tagħkom,
id-dollari,
iż-żejt,
l-armi tal-qerda tal-mases,
il-gideb u l-bombi.
X’naħtu aħna l-bdiewa ta’ Falluġa
u ħutna ta’ Mosul
sħabna tal-Qajjara
u ta’ Ħammam Al Alil
li fuqna kollha
niżlet dil-purtiera s-sewda
b’isem Alla u r-Rasul
b’isem kull min biegħna u ħadimna
dawk tal-ġlekk u dawk tas-skieken
dawk tad-dollari u dawk tad-deheb misruq?
U ara fejn tefgħuna
u ara llejla fejn se norqdu
u għidli inti,
meta se jintemm dal-ħmar il-lejl?