Fejn Ħallejtha r-Rota Meta Ħrabt? #3

Ażiż

Karl Schembri

Ażiż, 45 sena, bidwi. Ħarab minn Falluġa, l-Iraq, taħt il-kontroll tal-Istat Iżlamiku, waqt assedju mill-armata Iraqina flimkien mal-qawwiet tal-koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti tal-Amerka. Mejju 2016.

Ara fejn spiċċajna, ejja ara
b’għajnejk. Ħrabna mill-ħmar il-lejl
tal-Kalifat l-iswed
u ara ftit hawnhekk,
ara fejn spiċċajna,
it-trab, ix-xemx, il-ħara,
hawn trabi għadhom qed jerdgħu,
hawn xjuħ ma jistgħux jimxu,
hawn nisa se jwelldu
u tfal jiġru
se jimirdu.
Kollha se jimirdu.
Fejn tefgħuna?
Mhux pajjiżna dan?
Kif dejjem hekk magħna?

Ħalluna mmorru lura djarna
la taqtgħu ras il-Kalifat
li kiber taħt il-patroċinju tagħkom,
id-dollari,
iż-żejt,
l-armi tal-qerda tal-mases,
il-gideb u l-bombi.
X’naħtu aħna l-bdiewa ta’ Falluġa
u ħutna ta’ Mosul
sħabna tal-Qajjara
u ta’ Ħammam Al Alil
li fuqna kollha 
niżlet dil-purtiera s-sewda
b’isem Alla u r-Rasul
b’isem kull min biegħna u ħadimna
dawk tal-ġlekk u dawk tas-skieken
dawk tad-dollari u dawk tad-deheb misruq?
U ara fejn tefgħuna
u ara llejla fejn se norqdu
u għidli inti,
meta se jintemm dal-ħmar il-lejl?

Aqra l-parti li jmiss:

Rula

Ir-ritratt li qassmu tiegħi ħaduli missieri fl-aħħar birthday biċ-ċoff pjuttost goff fuq xagħri miġbur taħt il-bend u l-ġakketta roża. Mhuwiex ir-ritratt favorit, biex inkun għedtilkom kollox, ma nafx għaliex missieri għandu tant bokka bih. Anki fuq il-mobile tefgħu, fil-home screen, ta’ xejn għedtlu li għandna ritratti aħjar. U mbagħad kellu dak il-video tiegħi niżfen quddiem it-televixin waqt li naraw Arabs Got Talent bit-tieqa miftuħa u l-qattus imgerrex fir-rokna mill-għajjat u d-daħq u l-ferħ u missieri u ommi jidħqu u l-kuġini kollha ikbar minni jinġabru madwari u jċapċpu “kompli, Rula, kompli” u jien nidħaq magħhom niżfen u naqbeż u issa ftit Dabka sakemm isir il-ħin għall-irqad u l-kuġini jaqsmu t-triq Triq Al Waħda taħt id-dawl isfar tal-bozoz f’lejl imdawwal, maħnuqa mill-generators f’lejl mudlam u mmorru kollha norqdu. Anki dak il-video qassam, erħilha li liebsa ta’ ġewwa, kif mort norqod l-aħħar lejl. Kont nippreferi kieku qassmu r-ritratt tiegħi ma’ Yara, Ħala u Mira qed naqsam il-kejk nidħqu insejt għaliex imma qed nidħqu u Mira għandha tikka ġelu fuq imneħirha li ċappastilha jien. Imma Yara, Ħala u Mira tawhom ir-ritratti tagħhom waħedhom Yara ħelwa ħafna bin-nuċċali u l-uniformi tal-iskola imma kien ikun isbaħ ir-ritratt tagħna f’daqqa tal-aħħar birthday meta dħaqna ħafna. Kont qed noħlom meta waqgħet dalma kont qed noħlom dak il-ħolm li qalulna npinġu dwaru dak il-ħolm li jġegħelni negħreq fis-sodda dak il-ħolm li jġib l-imħadda għasra u xagħri u rasi u kollni kemm jien bejn sħana taħraq u kesħa xxoqq l-għadam bejn negħreq u nirtogħod bejn mewt u ħajja bejn dlam u aktar dlam ġiet dalma ikbar u storbju li ma jinstemax silenzju li jtarrax. U naf li hekk intemm il-ħmar il-lejl u issa m’hemmx iżjed għalfejn inpinġi il-mostri bi snien kbar jonfħu n-nar is-swaba’ u s-saqajn żgħar imxerrdin maġenb ballun tal-futbol ħdejn il-baħar, l-ajruplani jniffdu l-bjut, bastimenti jisparaw lejn ix-xatt kostellazzjoni ta’ fosfru nieżel fuqna. U naf ukoll li d-dlam mhux dejjem ibeżżagħni, mhux dejjem se nibki fid-dlam, ara, ma, m’iniex nibki, ara kemm jien brava, illum m’jien inħoss xejn.

Dekorazzjoni art-nouveau