Fejn Ħallejtha r-Rota Meta Ħrabt? #2

Ħafsa

Karl Schembri

Ħafsa, 32 sena, għalliema. Ħarbet minn Khartoum, is-Sudan, għall-Eġittu, fit-23 ta’ April 2023.

Għedt lili nnifsi:
“Le, Ħafsa, int mhix sejra ssir refuġjata,
int sejra fuq ġita,
vaganza — ara ħu l-make-up
u l-malja,
itfa’ xugaman ukoll
u l-krema tax-xemx

Tlaqt minħabba t-tifla.
Bħal missieri, ma ridtx inħalli darna taqa’ f’idejn l-irġiel armati
li qed jieħdu kollox.
Sptarijiet, djar, ħwienet, imħażen tal-ikel.
Ħamsin tarbija f’orfanotrofju ntqal li mietu bil-ġuħ
u min-nuqqas ta’ mediċini, elettriku, ilma.
Ħamsin tarbija f’orfanotrofju.
Ma fadalx tobba.
Ma fadalx ilma.
Ma fadalx elettriku.
Ma fadalx ħajja.
Ma fadalx tfal ifittxu l-ġrieden.
Ma fadalx

Għedt lili nnifsi:
“Ħafsa, xi trid tipproteġi hawn f’darek,
meta l-belt inbelgħet u t-toroq qed jgħosfru
ta’ kuljum?
Xi trid tipproteġi mill-ħatfa
ta’ dawn iż-żewġ ġenerali,
ulied ir-regħba
li ddeċidew li pajjiżek sar tagħhom
u li dak li mhux tagħhom
se jinħaraq fil-fjammi — 
il-kampijiet,
in-nisa tqal u l-morda,
dak li jifdal mill-istupri,
dak li jifdal mill-iġsma mhux għalkollox maħruqa,
dak li jifdal mill-bagalji
tqal wisq biex jinġarru,
dak li jifdal mill-ħwejjeġ mitluqa fit-triq,
dak li jifdal wara li ruħ il-belt
toħroġ biex minflokha
jidħol is-sid il-ġdid,

Missieri baqa’ hemm. Qalli: “Lesti l-bagalja tiegħek,
issa niġi.
Xħin sar il-ħin li nirkbu fil-vann jistenniena barra,
qalli bi tbissima li ma setax isib il-ħwejjeġ kollha li ried.
Il-qmis tal-flanella — “dik fejnha, Ħafsa?
Jaqaw għall-ħasil?
Morru, morru, imbagħad niġi nilħaqkom. Nitla’ ma’ Omar

Fl-appartament tal-ħabib ta’ kuġinti,
fil-Kajr,
hawnhekk m’hawnx ġlied,
sparar,
murtali,
u għandna l-ilma,
ninħasel tliet darbiet kuljum,
it-tifla tidħak bija,
ħalliha tidħak
u nħalli d-dawl tal-kuritur jagħti tul il-lejl,
id-dawl sabiħ
ħallih jagħti,
sabiħ tara fejn riġlejk jitħarrku
u fejn uċuħ dawk ta’ madwarek jintgħarfu,
sabiħ id-dawl,
sbieħ il-bozoz fit-triq
u d-dellijiet fuq in-Nil
sabiħ it-traffiku tal-Kajr,
il-karozzi jaħdmu,
it-tankijiet mimlija
tal-gass, tal-ilma, tal-petrol,
il-geġwiġija nies
li m’għandhiex minn xiex taħrab,
il-banek miftuħin,
il-ħwienet ma jagħlqu qatt,
il-mirja jirriflettu x-xemx,
it-toroq miftuħin quddiemi
mhux bħal dawk li terraqt fihom f’belti,
dawk magħluqa,
dawk imsakkra,
b’żewġt irjus.

Dekorazzjoni art-nouveau