Meta wara sentejn f’idejn il-Franċiżi, fl-1800 l-ġżejjer Maltin sabu ruħhom taħt il-ħakma Ingliża, skont it-Trattat ta’ Amiens kellhom jerġgħu jgħaddu lura għand il-Kavallieri biex ikomplu jmexxuha huma bħala pajjiż “newtrali”. Il-qassisin, in-nutara, l-avukati u l-kummerċjanti Maltin tal-“Congresso”, li sa ftit qabel kienu qed imexxu l-insurrezzjoni kontra l-Franċiżi, beżgħu li dan kien ifisser li malajr jerġgħu jiġu taħthom għax l-Ordni kienet iddgħajfet sew u żgur ma kinitx tiflaħ għal Napuljun. Għalhekk, il-104 membri ta’ dan il-kungress kitbu “Dichiarazione dei Diritti degli Abitanti delle Isole di Malta e Gozo”. Ma kinitx dikjarazzjoni radikali bħal dik tal-Indipendenza ta’ Haiti ta’ sentejn wara, li abolixxiet l-iskjavitù, ċaħdet kull rabta mal-kolonjalisti Ewropej u ħalfet il-libertà jew il-mewt. Dik Maltija kienet dikjarazzjoni liberali bl-eku Illuminista ta’ dik tal-Indipendenza tal-Istati Uniti fl-1776 u tad-“Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u ċ-Ċittadin” fi Franza, tlettax-il sena wara. F’disa’ punti, id-dikjarazzjoni Maltija elenkat speċi ta’ kuntratt. Iktar milli stqarrija ta’ drittijiet indirizzata lejn l-ispirtu etern tal-Bniedem, kien quid pro quo ċar u pragmatiku indirizzat lir-Re tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda u d-dixxendenti tiegħu bħala sovrani fuq il-gżejjer “għal dejjem”. Dan in-nisel nobbli, min-naħa tiegħu, kellu jagħti lill-pajjiż kostituzzjoni li biha kunsill elett mill-“poplu” ikollu dritt jiġbor it-taxxi u jmexxi ’l-pajjiż. Ir-Re ma kellu jindaħal la fit-tmexxija interna tal-pajjiż u lanqas fil-ħajja reliġjuża tiegħu. In-nies — insomma, “gli uomini liberi” — kellhom id-dritt josservaw liema reliġjon riedu, igawdu l-proprjetà tagħhom u jkunu suġġetti biss għal-Liġi. U għar-Re, li kien il-protettur tar-reliġjon. U għall-Papa, li kellu jkun l-uniku referenza fejn jidħlu affarijiet spiritwali; hu u l-ġenerali tal-ordnijiet monastiċi. Intbagħtet lir-Re Ġorġ III, imma nafu biha għax baqgħu kopji tagħha Malta. Fl-arkivji impekkabbli tal-Gran Brittanja m’hemm ebda ħjiel tagħha. Jekk lir-Re waslitlu, ma nafux x’għamel biha. L-Ingliżi bdew imexxu l-gżejjer bħala dittatorjat militari. Fost l-uffiċjali Ingliżi, li ma taw kas la ta’ din id-dikjarazzjoni u lanqas ta’ appelli oħrajn għall-awtonomija, kien hemm l-ewwel Duka ta’ Wellington li jgħidu li qal: Kieku allura nistgħu nagħtu kostituzzjoni lil bastiment tal-gwerra!
Mija u ħamsin sena wara, il-Malta Labour Party kien qed jikkampanja biex Malta ssir parti mir-Renju Unit. Fil-Parlament ta’ Westminster kien hemm entużjażmu għalih dal-pjan kważi iktar milli kien hawn Malta fost il-poplu. Roy Jenkins tal-Labour Party, waqt li kien qed jiddefendi dal-pjan tal-Integration, biex isaħħaħ l-argument tiegħu qal li l-pjan alternattiv ta’ Borg Olivier — li kien jinvolvi speċi ta’ indipendenza, jew “Quasi-Dominion status” — ma kienx jagħmel sens: Inkunu qisna qed naqbdu tarzna u nagħmluha pajjiż indipendenti!
Meta ma kinux qed jaraw lil Malta bħala tarzna jew bastiment, l-Ingliżi kienu jarawha bħala fortizza. Sfortunatament għall-Ingliżi, kien hemm dal-qlafat jitlajjaw madwarha dil-fortizza, u kien mingħalihom li għandhom kultura, lingwa u forsi anki nazzjon. Biex tagħqad, minbarra l-art taħt saqajhom, riedu saqaf fuq rashom u l-ikel fuq il-mejda.
Fil-160 sena li ġew wara d-dikjarazzjoni, kważi sal-aħħar minuta, la l-Maltin u lanqas l-Ingliżi ma kienu jemmnu li l-pajjiż seta’ jkampa waħdu. Jew l-Integration mal-Ingilterra, jew b’għaqda mal-Italja, jew taħt il-kappa tal-Amerikani, jew forsi taħt l-umbrella tar-Russi — kull soluzzjoni li ssemmiet dejjem kienet tinvolvi xi qawwa barranija. Imbagħad, f’daqqa waħda, bilkemm għoxrin sena wara li Malta kienet għadha qiegħda taqla’ l-bombi mill-ajru, saret pajjiż indipendenti.
Dan kien il-misteru li Joseph M. Pirotta jgħid li qanqlu biex jibda jikteb din l-istorja epika tal-proċess tad-dikolonizzazzjoni tal-gżejjer Maltin. L-andament ta’ Fortress Colony: The Final Act 1945–1964 — il-plott — tista’ tilmħu mingħajr ma biss tiftaħhom l-erba’ volumi li jiffurmaw dan ix-xogħol. L-ewwel volum joħodlok tliet ċentimetri kollox fuq l-ixkaffa, imma jkopri l-ewwel għaxar snin ta’ wara l-gwerra. It-tieni volum diġà ftit eħxen imma jkopri biss tliet snin, sal-1958. Il-volum li jmiss ukoll ikopri tliet snin imma oħxon id-doppju, u r-raba’ volum jerġa’ ftit eħxen u jkopri wkoll tliet snin, sal-1964. Mill-bidu nafu kif tispiċċa l-istorja. Pirotta jsegwi pass wara pass, laqgħa wara laqgħa, telegramma wara telegramma, gvern wara gvern, riżenja wara riżenja, biex juri kif din il-qabża fl-immaġinazzjoni seħħet “f’daqqa waħda”. Iktar ma joqrob it-tmiem, iktar tirrallenta l-istorja, iktar tiżdied it-tensjoni, iktar jiżdiedu l-laqgħat, iktar hemm kumplikazzjonijiet fl-interessi diversi, iktar hemm partijiet u partiti kollha jiġbdu lejhom.
Nafu wkoll kif tibda l-istorja. Malta wara l-gwerra kienet ħerba. Iktar minn ħamest elef dar kienu ġġarrfu għalkollox u xi ħamest elef kellhom ħsarat kbar. Kważi tmintax-il elf dar oħra kienet sofriet xi ħsara mill-ibbumbardjar. It-toroq kienu mimlija terrapien u dan kien jitneħħa biss skont il-prijoritajiet militari ta’ din il-ġżira-fortizza. Il-frott, il-ħaxix u l-laħam kienu għoljin infern. L-iktar li kienu sejrin tajjeb kienu l-ġrieden ibejtu taħt il-bini mġarraf; minn mument għall-ieħor kienu mistennija jitfaċċaw fit-toroq bħall-qtates u l-klieb. It-tuberkulożi, il-poljo, it-tifu, kollha għaddew bħal riħ ħażin minn fuq il-popolazzjoni. F’Ġunju tal-1945, faqqgħet il-pesta li damet tkarkar għaxar xhur u ħadet magħha tnejn u għoxrin ruħ. Biex tagħqad, bħalma jiġri dejjem wara gwerra, il-popolazzjoni kibret f’salt, anki jekk tarbija minn kull tlieta kienet tmut fit-twelid.
Naturalment, Malta ma kinitx waħedha fi stat imwiegħer meta ntemmet il-gwerra. Nofs id-dinja kienet ħerba. Imma bosta pajjiżi oħra kienu bdew jaraw il-fondi għar-rikostruzzjoni deħlin. L-Amerka kienet ġietha x-xoqqa f’moxtha biex taħtaf għaliha l-bqija tas-seklu għoxrin u bdiet tonfoq u tislef u tinvesti fil-pajjiżi kollha li riedu flusha. Meta jħarsu lura, l-ekonomisti mhux kollha jaqblu dwar kemm il-Pjan Marshall kien responsabbli għall-irkupru tal-ekonomija Ewropea u l-“mirakli ekonomiċi” tal-Ġermanja u l-Italja; kien iġib miegħu doża qawwija ta’ propaganda politika u l-impożizzjoni tal-mudell ekonomiku Amerikan. Imma għall-pajjiżi mġewħa u midruba kif kienu bosta f’dawk is-snin, it-$13.3 biljun li kienu se joħorġu l-Amerikani verament kienu qishom miraklu. Li kien għalihom, l-Amerikani, anki lil dawk fuq in-naħa l-oħra tal-purtiera tal-ħadid kienu “jgħinu”, imma l-Unjoni Sovjetika lill-pajjiżi taħt l-influwenza tagħha ma ħallithomx jaċċettaw. Minflok ħarġet bil-Pjan Molotov, pjan ta’ investiment bl-istess għanijiet ta’ dak Amerikan. Minn dan kollu, Malta ma missha xejn. L-Ingilterra wkoll kienet għajjura għall-pajjiżi li kellha taħtha.
Milton Friedman darba kien qal li “l-aqwa mod kif pajjiż jikber malajr huwa li jiġi bbumbardjat”. Dal-metodu ma tantx kien sejjer tajjeb għal Malta. Matul is-seklu ta’ qabel, apposta u bi traskuraġni, l-Ingliżi kienu ġabu fix-xejn kull forma ta’ industrija li ma kellhiex x’taqsam mas-servizzi. Fi żmien il-Kavallieri, pereżempju, il-qoton kien jinħadem u jinbiegħ barra, u din kienet l-ikbar industrija tal-pajjiż, imma nqerdet meta l-Ingliżi “illiberalizzaw” is-suq, daħħlu l-qoton mill-Eġittu u l-Amerka, u ġabu l-prodotti tagħhom stess biex jikkompetu ma’ dawk Maltin. Biex tagħqad, imponew dazju fuq il-qoton imkabbar Malta. Ix-xogħol kollu beda jdur mal-qadi tal-funzjoni militari tal-pajjiż. Meta jkun hemm gwerra — jew ikun hemm waħda tberren fi mħuħ il-ġenerali — il-port kien ikun mimli vapuri, il-Belt mimlija baħrin, u kulħadd kien igawdi xi ftit jew wisq. Fi żmien il-paċi, imbagħad, bilkemm ikollhom x’jieklu. Qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, it-tarzna diġà kienet tħaddem xi tmint elef ruħ. Fi żmien il-gwerra dan-numru rdoppja. Imbagħad, fl-1946 tħabbar li se jingħataw is-sensja elfejn ħaddiem. Kien hemm protesti minn kull naħa tas-soċjetà Maltija u l-amministrazzjoni Ingliża bidlet fehmitha u qalet li s-sensji se jseħħu b’mod iktar gradwali, u li 1 500 priġunier tal-gwerra Ġermaniż kienu se jintbagħtu lura d-dar biex xogħolhom ikun jista’ jsir minn ħaddiema Maltin.
Fl-ewwel ftit kapitli tal-ewwel volum, Pirotta jintroduċina mat-temi kollha li se jibqgħu għaddejjin sal-aħħar ta’ din l-istorja. Il-Maltin jitolbu lill-Gvern Ingliż għal sehem ikbar fit-tmexxija tal-pajjiż, u l-Ingliżi jgħidulhom li mal-indipendenza politika jrid ikun hemm dik ekonomika. Il-Maltin jitolbu l-fondi biex forsi xi darba jaslu għaliha din l-indipendenza ekonomika u l-Ingliżi jixxaħħu. Eluf ta’ ħaddiema jkollhom jemigraw, imma l-ewwel iridu jsibulhom pajjiż li għalih huma bojod biżżejjed. Jitwieled it-trejdjunjoniżmu biex iħares il-qagħda tal-ħaddiem u, in extremis, anki l-Knisja tiftaħ ħalqha. Fid-dsatax-il sena li jkopru dawn l-erba’ volumi jiddominaw iċ-ċifri jġebbdu kontra xulxin u jiffurmaw bħal seħer numeroloġiku fuq il-memorja storika: in-numru ta’ ħaddiema tat-tarzna, l-eluf tas-sensji tal-ħaddiema tat-tarzna, l-eluf tas-sensji tal-ħaddiema tas-servizz, in-numru ta’ dipendenti ta’ kull raġel illiċenzjat, l-eluf ta’ djar li għandhom bżonn jinbnew, l-eluf ta’ emigranti, il-ftit miljuni investiti, il-ftit eluf li ntefqu żejda u li se jkollhom jiġu mill-baġit tas-sena ta’ wara, ir-riżultati tar-referendi, in-numru ta’ nies li vvutaw favur, in-numru ta’ nies li vvutaw kontra, in-numru ta’ nies li baqgħu d-dar, in-numru ta’ dawk li baqgħu d-dar li kull naħa tgħid li jfisser vot favurihom, is-sitt-punti, l-għaxar punti. Fortress Colony huwa xogħol ta’ dettall kbir u Pirotta jsegwi l-istorja pass pass, iħares lejn kull ċifra u lejn kull laqgħa u lejn kull artiklu, u jiddistingwi bejn l-interessi kollha li jistaħbew fil-metonimu “l-Ingliżi”: it-Teżor, il-Colonial Office, il-Gvernatur, l-Ammiraljat.
Dik li għandna drawwa nsejħulha “oġġettività” mhix l-iktar kwalità interessanti f’kittieb, lanqas f’wieħed tal-istorja. Kieku l-fatti kapaċi jitkellmu waħedhom, kieku jkun biżżejjed xogħol ta’ skavar u lanqas arkeologi ma jkollna bżonn. Imma l-fatti, ċari kemm naħsbu li huma ċari, dejjem għandhom bżonn is-sintesi u l-interpretazzjoni u ma’ dawn tiġi s-suġġettività, l-opinjoni u l-perspettiva. L-oġġettività vera u pura probabbli la teżisti, u lanqas ta’ min jiġri warajha. Però, huwa wkoll il-fatt li rigward l-istorja riċenti ta’ Malta, speċjalment tas-sebgħinijiet u t-tmeninijiet, imma anki tal-għoxrin sena ta’ qabel, dik li jkopri Pirotta, diffiċli ħafna li ssib lil min jikteb dwaru li għall-inqas jaf jiddistingwi bejn kif probabbli ġraw l-affarijiet u l-editorjalizzar tal-kittieb. Pirotta, għalkemm għamel bosta intervisti mal-protagonisti ta’ dan il-perjodu, iżomm qrib ma’ dak li ġara. Għall-ewwel li bdejt naqrahom dawn il-volumi, xi għaxar snin ilu, meta kienu għadhom ħarġu biss l-ewwel tlieta, kont sibt din l-informazzjoni eżiliranti. Tant kemm kont tlajt bi storja simplistika u parrokkjali ta’ kif ġraw l-affarijiet u ta’ dak li kien qed iseħħ, li d-dettalji kienu kważi jistorduni. U għadni, kull darba li niġi biex nikteb dwar dal-perjodu, nipprova naqbad kull dettall, kull rokna frattali li tiftaħ fuq oħra.
Minkejja l-enfasi fuq id-dettalji, iċ-ċifri, il-laqgħat u d-dokumenti, ir-rakkont ta’ Pirotta ma jistax ma jkunx iddominat mill-personalitajiet ta’ dak il-perjodu. Sa mill-aħħar snin tas-seklu ta’ qabel, il-Gvern Ingliż kien miftiehem mal-Vatikan li t-tnejn li huma dejjem kellhom ikunu fi qbil bejniethom dwar il-ħatra tal-Arċisqof ta’ Malta. Meta fit-tletinijiet saħħet l-Arċisqof Caruana bdiet tmur lura sew, l-għażla tas-suċċessur tiegħu kellha tkun ovvja. Mikiel Gonzi, li kien ilu l-Isqof t’Għawdex mill-1924, kellu l-fama ta’ amministratur kapaċi ħafna. Qabel laħaq isqof, kien ġie elett għas-Senat fuq in-naħa tal-Camera del Lavoro, li iktar ’il quddiem kien se jissejjaħ il-Malta Labour Party. Il-Vatikan ressaq ismu lill-Gvernatur f’Malta, imma dan żamm lura għax kien hemm min fesfislu f’widintu li Gonzi kien kontra l-Ingliżi, u għalhekk ħalla ż-żmien għaddej mingħajr ma ħa deċiżjoni. Imbagħad, fi żmien il-gwerra, meta l-provvisti tal-qamħ kienu kważi spiċċaw, Gonzi ġietu l-opportunità biex juri ’l-Gvern Ingliż li kapaċi jkun alleat utli. Irnexxielu jikkonvinċi lill-bdiewa Għawdxin jaqsmu l-qamħ tagħhom mal-bqija tal-gżejjer u b’hekk Malta setgħet tkampa sakemm wasal il-konvoj ta’ Santa Marija. Meta Caruana miet, Gonzi nħatar Arċisqof ta’ Malta. L-ikbar kritiku tiegħu fil-“kamp Ingliż”, Gerald Strickland, kien miet fl-1940, u għalkemm bintu Mabel kompliet ir-reżistenza tagħha kontrih, il-Gvernatur ikkalkula li din qatt ma kienet se tkun forza politika qawwija biżżejjed biex toħloq l-inkwiet.
L-ewwel konflitt dirett bejn Gonzi u l-antagonist il-kbir tiegħu seħħ qabel ma dan kien ħa l-kariga li kellu jżomm għat-tletin sena ta’ wara. Duminku Mintoff kien għadu kif laħaq Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi u r-Rikostruzzjoni. Wara li mar Oxford permezz ta’ Rhodes Scholarship, ġie lura Malta u reġa’ qajjem il-karriera politika tiegħu. Fl-ewwel elezzjoni li ħareġ għaliha, tal-1947, ġab iktar voti minn Pawlu Boffa, li kien il-Kap tal-Partit u Prim Ministru. Boffa kien raġel umli, bħala tabib tal-familja kien jidħol fid-djar tal-kostitwenti tiegħu u rabba magħhom ċerta intimità. Għall-1 ta’ Mejju tal-1948, il-Malta Labour Party ma kien għamel l-ebda ċelebrazzjoni — forsi biex ma jqajjimx inkwiet. Boffa kien mixgħuf bl-interdett li kien qala’ meta kien f’koalizzjoni ma’ Strickland fit-tletinijiet; imma xi żgħażagħ ta’ xaqliba iktar xellugija organizzaw ikla l-Veċċja u stiednu lil Mintoff u ’l-mara tiegħu.
Għalkemm soċjaliżmu l-Italja kien hemm kemm trid, f’Malta s-soċjaliżmu mill-Ingilterra daħal, mit-tarzna u mill-port, u allura meta Mintoff u martu waslu għall-ikla, iż-żgħażagħ laqgħuhom billi kantawlhom The Red Flag, li iktar qisu innu tal-knisja milli sejħa għar-rivoluzzjoni, u mhux Bandiera Rossa, li hu ħafna iktar mexxej. Gonzi malajr sema’ b’din l-ikla u tatu rasu. L-għada stess, qal lil rally taż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara f’San Alwiġi li l-preżenza tagħhom għal dik ir-rally kienet protesta kontra l-komuniżmu inġenerali u kontra dawk li qed ixerrdu l-propaganda komunista f’Malta, bħal dawk li kienu ltaqgħu San Pawl il-Baħar. Tlett ijiem wara, jum il-Pentekoste, kien hemm dimostrazzjoni l-Belt. Tkanta l-innu tal-Papa u kien hemm għajjat ta’ “Abbasso Mintoff! Abbasso l-komuniżmu!” Il-kwistjoni baqgħet tkarkar ix-xhur. Fl-aħħar Mintoff qam biex jagħti spjegazzjoni fil-Parlament u qal li hu komunist qatt ma kien, u fil-fatt lil dawk iż-żgħażagħ qalilhom biex iħalluhom mill-ħmerijiet, u għalkemm spjegawlu li r-Red Flag huwa l-innu tal-Labour Party Ingliż, xorta semgħu minnu. Mintoff wiegħed ukoll li l-Gvern kien se jinvestiga allegazzjonijiet li kien hemm xi dagħa jew kliem kontra l-Knisja. Ftit jiem wara, Carmel Bondin, magħruf bħala “il-Fusellu”, deher il-Qorti u tpoġġa fuq probation talli wera disprezz lejn ir-Reliġjon Kattolika Appostolika Rumana.
Mintoff stess ħallieh ikarkar dan l-inċident u meta ġie mistoqsi dwaru, it-tweġibiet tiegħu kellhom xi ftit l-għamla ta’ dik iċ-ċajta li jsemmi Freud dwar wieħed li jirritornaha mtaqqba l-kitla li kien issellef. (“L-ewwel nett, int qatt ma sliftni kitla. It-tieni, il-kitla mhix imtaqqba. U t-tielet, il-kitla ġa kienet imtaqqba meta slifthieli.”) Dan l-aġir ta’ Mintoff ma kienx mingħajr riskju. Donnu li l-mitt sena anniversarju tar-rivoluzzjonijiet tal-1848, meta l-Papa kien tkeċċa mill-Quirinale u, wara ftit xhur ta’ eżilu, “tpoġġa” fil-Vatikan, kien qed jagħmel tiegħu. Il-Punent kien reġa’ qed jarma, did-darba kontra l-Unjoni Sovjetika. Ftit kilometri ’l fuq minn Malta, fl-Italja, kien hemm elezzjoni li fiha l-Amerikani kienu għamlu minn kollox biex il-Partito Communista d’Italia, bis-sewwa jew bid-dnewwa, ma jkunx fil-gvern. Kulħadd midd idu għal dan il-għan. It-Taljani fl-Amerka ġew organizzati biex jibagħtu ittri lil qrabathom iwissuhom biex ma jagħmlux xi ġennata u jpoġġu ’l-komunisti fil-gvern. Il-Knisja qalet lit-Taljani li jkun qed jagħmel dnub mejjet mhux biss kull min jivvota lill-komunisti, imma wkoll kull min ma jmurx jivvota. Iċċaħħdu s-sagramenti lil min kien komunist, jew kien jaqra jew ibigħ jew jipproduċi gazzetti jew kotba komunisti. Anki l-Madonna ma żammitx lura, xammret il-mant u dehret fi Tre Fontane f’Ruma, f’Gimigliano, Lucca, Ponsacco, Marta, Frascati, Liceta, u Nocera Superiore. Tfal żgħar, gabillotti kwieti, xebbiet tal-affari tagħhom — ħadd ma seta’ jfeġġ mill-bieb ’il barra mingħajr ma jħabbat wiċċu mas-Sultana tas-Sema, wiċċha kollu dija, tfakkru biex jivvota lid-Demokrazija Kristjana. Fl-1 ta’ Mejju tas-sena ta’ qabel, f’Portella della Ginestra, ħdax-il bidwi nqatel u 27 oħra ndarbu waqt li kienu qed jisimgħu lil mexxej komunista jindirizza l-folla. Kienu sparaw fuqhom il-grupp ta’ Salvatore Giuliani, x’aktarx fuq ordnijiet tal-Mafia. Is-CIA, li kienet għadha kif twaqqfet, minbarra x-xogħol kollu ta’ propaganda li kienet qiegħda tagħmel, bil-moħbi kienet ukoll qiegħda tippjana kolp ta’ stat bl-għajnuna tal-ħafna faxxisti li kien għad fadal f’każ li l-elezzjoni ma tmurx kif xtaqet l-Amerka. Miljuni ta’ dollari għal attivitajiet antikomunisti fl-Italja għaddew mill-ECA, l-aġenzija li kienet tmexxi l-Pjan Marshall.
Għalkemm l-inċident ta’ San Pawl il-Baħar kien ta’ periklu għal Mintoff, forsi ħallieh ikarkar għax kien ukoll ta’ vantaġġ għalih għax kebbislu l-awra ta’ mexxej iktar militanti, wieħed li jista’ jintgħoġob iktar mil-Laburisti iktar żgħażagħ u iktar xellugin, b’kuntrast għal Boffa. Turu Colombo — forsi l-uniku politiku ieħor f’dak iż-żmien li għal mument kellu tikka ċans ikun ta’ kompetizzjoni għalih — ukoll kellu l-fama ta’ politiku b’ideat radikali, imma Mintoff irnexxielu jimmanuvrah għal ġol-istess rokna ta’ Boffa.
Meta l-Bulettin qalu li Mintoff kien ġiegħel jistħu kemm lil Gonzi kif ukoll lil Boffa bl-imġiba tiegħu, Mintoff tellagħhom il-qorti. Boffa kellu jixhed li fil-fatt veru, kien ħassu daqsxejn imbarazzat bil-biċċa.
Għalkemm il-Gvern ma kellux flus, xorta ried joħloq qafas għal sistema tas-servizzi soċjali. Meta tħabbru l-kategoriji, il-Knisja ħarġet tgħid li dawn kienu esaġerati bħalma kienet qalet dwar it-Taxxa tas-Suċċessjoni u tad-Donazzjonijiet. Colombo, minkejja l-fama ta’ radikali li kellu, issa donnu kkalkula li ladarba Boffa ma riedx inkwiet mal-Knisja, iktar probabbli jxaqleb lejn dak li kien qed jgħid l-Arċisqof allura hu stess kien ikun jaqbillu jogħġob xi ftit lill-Knisja biex jibqa’ qrib ta’ Boffa. Colombo għamel baġit mingħajr proviżjoni għas-sistema tas-saħħa li l-Knisja kienet kontriha għax kienet tgħid li għad twassal għal nuqqas tal-libertà ta’ għażla fi kwistjonijiet ta’ etika. Minkejja dan, flus għal inizjattiva personali tiegħu — il-pensjoni — xorta rnexxielu jsib ftit. Wara l-baġit, Mintoff għadda vot ta’ sfiduċja f’Colombo u meta dan għadda, Colombo ta r-riżenja tiegħu imma Boffa m’aċċettahiex. Mill-inċident tar-Red Flag, Boffa beda jitbiegħed minn Mintoff. F’Bormla tlestiet triq u nfetħet fl-istess ħin minn żewġt itruf; tarf mis-Sinjura Boffa, u t-tarf l-ieħor mis-Sinjura Mintoff.
Mintoff kien iltaqa’ ma’ ħafna nies fiż-żmien li qatta’ l-Ingilterra, speċjalment fil-Fabian Society, li l-familja tal-mara tiegħu kienet midħla tagħha sew. Għall-bqija tal-karriera tiegħu qatt ma tilef opportunità biex ifakkar kemm kien intimu ma’ dawn il-politiċi Laburisti Ingliżi li sa ċertu punt kienu rawmuh meta kien l-Ingilterra. Issa, minn mindu kien ġie lura, sħabu l-Ingilterra kienu taw tkaxkira lil Churchill u rebħu l-elezzjoni. Il-ħaddiema Ingliżi li ġew lura ħajjin mill-gwerra, issa li kienu ġġieldu għal pajjiżhom kienu jippretendu li pajjiżhom veru jkunu jistgħu jsejħulu tagħhom. Bħalma dejjem jiġri fl-imperi, f’dak tal-Gran Brittanja żgur mhux kulħadd kien igawdi ndaqs mill-ġid li kien jinħataf mill-kolonji. Fil-qalba tal-metropoli, l-għaks kien jaf ikun qalil daqs fil-kolonji mbegħdin fit-truf tal-Imperu. It-trejdjunjonista u politiku Laburista Ingliż Will Crooks kien qal, “Intom titkellmu fuq imperu li fuqu x-xemx ma tinżel qatt. Jien twelidt fi sqaq Londra fejn ix-xemx qatt ma telgħet.” Il-faqar ta’ Whitechapel qrib l-inħawi ta’ fejn twieled u miet Crooks, leġġendarju bħala parti mill-istorja ta’ Jack the Ripper fis-seklu dsatax, kien jeżisti proprju fl-istess żmien meta l-Imperu kien fil-quċċata tal-glorja Vittorjana tiegħu. Fil-House of Commons, fil-bidu tal-ewwel seduta fuq in-naħa tal-Gvern, il-membri tal-Labour Party qamu bilwieqfa u kantaw The Red Flag.
Fl-Ingilterra stess, il-gvern ġdid ħa f’idejh l-industriji tal-faħam u tal-azzar, is-sistema tal-elettriku, u l-ferroviji. Waqqaf in-National Health Service, il-monument dejjiemi tax-xellug Ingliż. Imma din il-Valhalla għal dawn l-eroj li ġew lura ħajjin inbniet billi taw daharhom lill-bqija tal-Imperu — lill-mijiet ta’ eluf ta’ nies li kienu ġġieldu għalihom. Is-servizz tas-saħħa, it-tobba u n-nuċċalijiet b’xejn, id-djar, l-isptarijiet u l-iskejjel kienu proprju l-affarijiet li vvutaw għalihom il-ħaddiema Ingliżi, u l-affarijiet li ġġieldu għalihom. Imma biex joħduhom kellhom xi ftit jew wisq ibellgħuha lilhom nfushom li kienu ġġieldu għalihom waħedhom. Biex tagħqad, dawn is-servizzi — speċjalment tas-saħħa — qatt ma setgħu jaħdmu mingħajr il-parteċipazzjoni diretta ta’ eluf ta’ infermiera u tobba li ġew mill-Commonwealth, mill-Karibew u speċjalment mill-Indja, u li qatt ma tħallew jinsew li l-Ingilterra ma kinitx eżattament darhom.
Biex iderru ftit, l-Ingliżi kienu qed jorganizzaw festival fuq in-naħa t’isfel tax-xmara, kważi faċċata tal-parlament. Dan ma kienx wirja internazzjonali bħal dak ta’ mitt sena qabel f’Hyde Park, jew dak ta’ erbgħin sena qabel fi Crystal Palace. Dawk kellhom l-ismijiet ambizzjużi “Great Exhibition of the Works of Industry of All Nations” u “Festival of Empire”, mentri dan kien jismu sempliċiment “Festival of Britain”; nagħmluh bejnietna, noqogħdu hawn għall-kwiet.
Waqt li l-konkos famuż tal-bini tal-festival kien għadu qed jitferra’, telgħet Londra delegazzjoni żgħira minn Malta biex tara jekk tirranġax u ġġib għal Malta fondi mill-Pjan Marshall. Fid-delegazzjoni kien hemm il-Prim Ministru Boffa, Edward Ellul, u E.C. Tabone mill-General Workers’ Union. Turu Colombo, għalkemm kien il-Ministru tal-Finanzi, ma kienx inkluż f’dawn it-taħditiet.
Jekk id-delegazzjoni Laburista — speċjalment Mintoff — kienu ppretendew li ħuthom soċjalisti kienu se jagħtuhom iktar widen għax kienu Laburisti bħalhom, f’wiċċhom baqa’. L-Ingilterra ma riditx li Malta tgawdi direttament mill-flus tal-Pjan Marshall imma li tidħol taħt l-umbrella Ingliża. It-Teżor kien ġa ta £30 miljun u ma kellu ebda intenzjoni joħroġ iktar flus, anki jekk din il-figura kienet ħafna inqas milli kien irrakkomandat fi studju li għamlu huma stess dwar kemm hemm bżonn flus biex Malta tistejqer ftit. L-Ingilterra kienet qiegħda tgħid li Malta ma tikkwalifikax għall-Marshall Aid minħabba l-mod ikkumplikat li bih kien jaħdem. Malta ma kellhiex “counterpart funds”, ma kienx hawn biżżejjed attività ekonomika biex jinxtraw il-prodotti u s-servizzi li l-Amerikani kieku jibagħtu bħala assistenza. Wara ħafna taqtigħ il-qalb, Mintoff u Ellul ħejjew ittra li kienet tgħid li jekk l-Ingilterra ma kinitx se tagħti l-għajnuna finanzjarja meħtieġa, kellu jkun hemm referendum biex jiddeċiedu jekk Malta tridx tkompli tkun leali lejn l-Ingilterra jew jekk tridx minflok tmur mal-Istati Uniti tal-Amerka “jew xi pajjiż kbir ieħor” u bi quid pro quo għall-għajnuna finanzjarja, toffri lilha nnifisha bħala bażi militari. Urew l-abbozz tal-ittra lil Creech Jones u ħasditu; imma meta talbu lil Boffa jiffirmaha, dan qalilhom li l-ewwel irid jikkonsulta mal-Kabinett. Niżlu Malta u f’sessjoni twila bil-bieb magħluq, il-membri tal-Kabinett qablu li jiffirmawha wara li neħħew il-kliem “jew xi pajjiż kbir ieħor”, bidla li skont Mintoff kienet waħda żgħira. Għal darb’oħra, Mintoff intbagħat biex iwassal il-memorandum — issa ffirmata mill-Kabinett kollu — imma ma kellux jiddiskutiha qabel jitla’ Boffa ħdejh. Meta waslu Londra, Mintoff u Ellul għaddew il-memorandum — li issa kulħadd kien qed isejjaħlu ultimatum — lil Creech Jones, is-Segretarju tal-Istat, u wieħed minn dawk il-membri tal-Fabian Society li Mintoff kien iħobb isemmi bħala ħabib. Waqt li kienu qed jgħaddulu l-memorandum, ftiehmu li jiltaqgħu jumejn wara u jerġgħu jiddiskutu l-possibbiltà ta’ fondi mill-Marshall Aid. Creech Jones qalilhom biex ilestu xi figuri ħalli jkun jista’ jurihom lit-Teżor. Pirotta jgħid li, bħala regola ġenerali, is-Segretarju tal-Istat għall-Kolonji dejjem kellu iktar simpatija għall-każ ta’ Malta mit-Teżor.
Proprjament, Malta ma setgħetx twettaqha din it-theddida miktuba fl-ultimatum mingħajr ħafna inkwiet. U li l-Istati Uniti kienet se taċċetta li taqbad u tibda tuża lil Malta bħala bażi kontra r-rieda tal-Ingliżi kienet improbabbli ħafna. Imma l-ultimatum serva biex jikkomunika sa fejn kien lest jasal il-Gvern Malti, jew għall-inqas gvern Malti taħt Mintoff.
Sakemm Mintoff kien Londra, Boffa sar anzjuż li Mintoff kien se jinnegozja mingħajru. Hawn bdiet sensiela ta’ telegrammi bejnu u bejn Mintoff fejn Boffa jipprova jieħdu bil-kelma t-tajba imma Mintoff jirrispondih b’ton arroganti u rrabjat. Mintoff qallu li l-attitudni dgħajfa tiegħu ma kienet se twassal imkien, li riedu jkunu determinati u ma jibżgħu minn xejn jekk riedu jieħdu xi ħaġa lura. Mintoff, bħalma kien se jibqa’ jagħmel għall-bqija tal-karriera tiegħu kull darba li jħoss li mhix se tgħaddi tiegħu, hedded li jirriżenja. It-telegrammi għandhom ton ta’ wieħed li kien ilu jistennieha din u issa kien qed japprofitta ruħu minn ċirkostanzi li bena hu stess. Imma Mintoff, għalkemm trasparenti, kellu raġun. Boffa kien qed jisma’ mill-Gvernatur u flimkien mal-bqija tal-Kabinett, irtira l-ultimatum. Mintoff irriżenja, ta konferenza stampa u qal li ġej lura Malta biex jeqred lil Boffa.
Lura Malta, Mintoff beda jagħmel il-meetings għal rasu. Turu Colombo ppubblika t-telegrammi biex juri kif Mintoff kien insulta lill-Prim Ministru. Sa fl-aħħar ġew għall-vot u Mintoff laħaq il-Kap tal-Malta Labour Party, u fl-istess seduta għaddiet mozzjoni biex Turu Colombo jitkeċċa mill-partit. Mintoff ippubblika l-ktejjeb Malta’s Struggle for Survival li juri mhux biss it-taqbida ta’ Malta biex tibqa’ f’wiċċ l-ilma, imma t-taqbida tiegħu biex jitla’ fil-quċċata tal-ħajja politika Maltija.
GĦall-kuntrarju ta’ dak li kellu jiġri fis-snin ta’ wara, id-dikotomija li rrenjat fuq ix-xena politika ta’ Malta sa tmiem is-sittinijiet ma kinitx dik bejn il-Laburisti u n-Nazzjonalisti, imma pjuttost dik bejn il-Knisja fuq naħa, u l-Laburisti fuq in-naħa l-oħra. Ħaddieħor kien isib post fuq naħa jew oħra, skont kif jaqbillu. Anki Nerik Mizzi ġieli sab ruħu fuq in-naħa ta’ Mintoff, u anki Borg Olivier ġieli kisirha ma’ Gonzi. Minn żmien għal żmien, kull meta wasal għal xi pass kruċjali, Mintoff stess ipprova jara xi jkun irid Gonzi biex forsi jnaqqas xi ftit mill-ostilità bla waqfien tiegħu. L-aktar figura ċentrali fix-xena politika Maltija fis-seklu għoxrin, l-iktar figura polarizzanti fis-sens litterali li kollox kien idur magħha kienet dik tal-Arċisqof Gonzi. Forsi jkun hawn ħafna li ma jaqblux miegħi meta ngħid hekk, imma xi ħadd li żgur kien jaqbel miegħi kien ikun l-Arċisqof Gonzi nnifsu.
Fil-25 ta’ Settembru 1950, fiż-żmien meta l-Laburisti kienu maqsumin f’żewġ partiti — ta’ Mintoff u ta’ Boffa — Gonzi għamel żjara lil Jim Griffiths, is-Segretarju tal-Istat Ingliż. Skont il-minuti tal-laqgħa, Gonzi, bla skruplu ta’ xejn, qabeż mill-ewwel fuq x’għandu jsir rigward is-sitwazzjoni politika ta’ Malta. L-ewwel nett, qallu li Mintoff kien l-uniku politiku b’daqsxejn intelliġenza fix-xena Maltija. Qallu li Mintoff kien qed ifissed liż-żgħażagħ u jimlielhom rashom b’ħafna wegħdiet stravaganti; kien saħansitra qed juża l-pika razzista u jgħidilhom li għandhom dritt għall-istess paga u drittijiet bħall-Ingliżi. Mintoff kien kontra l-Ingilterra. Forsi mhux eżattament komunist imma soċjalist tax-xellug estrem. Kien għadu kif tela’ l-Italja fejn żar membru parlamentari soċjalista, ħabib personali tiegħu, u forsi mingħandu qed jirċievi l-istruzzjonijiet. Gonzi assolutament injora l-fatt li Griffiths, li kien qed ikellem, kien soċjalist daqs, jekk mhux iktar minn, Mintoff. Għal darba darbtejn, qabadhielu fuq il-komuniżmu u qallu li kien hemm membri fil-partit ta’ Mintoff li kienu jirċievu d-Daily Worker, il-gazzetta tal-partit komunista fl-Ingilterra. Għalissa, dil-gazzetta kienet twaqqafha ċ-ċensura imma, skont Gonzi, Mintoff kien ġa qal li, jekk jitla’, iħalliha tidħol. Dan kien żmien meta, għal-Laburisti Ingliżi, il-komunisti ma kinux daqshekk anatema. Għalkemm il-Labour Party ma kellu xejn x’jaqsam magħhom, il-ħaddiema nfushom fir-Renju Unit, fi stħarriġ wara l-ieħor, kienu juru li fil-gwerra l-bierda iktar kienu “iżommu” mal-Unjoni Sovjetika milli mal-Amerka. Membri tal-Partit Komunista kienu influwenti sew, speċjalment fil-unions. Gonzi ried jagħtih x’jifhem li l-agħar ħaġa li seta’ jiġri kien li Mintoff u Mizzi jingħaqdu fi gvern ta’ koalizzjoni. Wara l-elezzjoni, Gonzi kien laqqa’ l-mexxejja tal-partiti kollha ħlief Mintoff u pprova jikkonvinċihom jiffurmaw gvern nazzjonali biex iżommu lil Mintoff — u l-komuniżmu — ’il bogħod mill-gvern imma Nerik Mizzi ma qabilx għax ma jkunx sew. Griffiths u l-assistent tiegħu li kiteb il-minuti ħadu l-impressjoni li dak li ried jgħidilhom Gonzi kien li l-aħjar ħaġa għal Malta kienet koalizzjoni bejn Boffa u Mizzi. Mizzi veru kien daqsxejn żmagat u jħobb it-Taljani wisq imma Gonzi, skont Gonzi stess, seta’ jżommu f’postu u ma jħallihx isemmi t-Taljan. Dik kienet l-impressjoni li ħadu, għalkemm kienu jafu wkoll li lil xi ħadd jilħaqlu daqs Gonzi ma stajtx taqbad u toqgħod fuq li qed jgħidlek. Lanqas hemm għalfejn li aħna nieħdu l-minuti Ingliżi kif inhuma; nistgħu nimmaġinaw x’ħassew għal dal-qassis deffies. Imma donnu li dakinhar Gonzi ftit ħallielhom marġni għall-interpretazzjoni, u ftit kellhom raġuni jigdbu fil-minuti privati tagħhom. Veru — qalilhom Gonzi bi ftit tbissima, skont dawn il-minuti — li “ngħixu fi żmien demokratiku” imma mhux aħjar jekk il-Gvern Ingliż, mingħajr ma jikser in-normi demokratiċi, jagħmel dak kollu li jista’ biex iżomm lil Mintoff barra mill-gvern? Fl-aħħar qalilhom li ma setax ma jiddispjaċihx li Malta kellha l-gvern tagħha minħabba l-periklu ta’ Mintoff u l-ideat tiegħu. Kultant kien jgħaddilu l-ħsieb li forsi kien ikun aħjar li Malta terġa’ tkun iggvernata direttament mill-Ingliżi.
Din l-ossessjoni ta’ Gonzi bil-komuniżmu kienet tikkonsma mhux biss lilu, imma lill-Knisja Kattolika ta’ żmienu. Gonzi forsi kien xi ftit iktar espliċitu għax ma kien hemm xejn li jwaqqfu. Bil-fidili jagħmlulu d-dimostrazzjonijiet il-Belt u jġorruh fuq l-ispallejn u jgħajtu, “Viva Malta Kattoliċissima! Viva l-Arċisqof! Viva l-Kleru!” ma tantx kellu inċentiva jżomm lura. Il-Knisja Malta ma kinitx imdorrija jkollha min joħodha kontriha. Mil-lat ta’ awtopreservazzjoni biss, Gonzi kellu raġun jibża’ mill-influwenza Sovjetika għax il-komunisti, għall-bidu, kienu jenfasizzaw l-ateiżmu tagħhom u kien hemm perjodi meta kien hemm persekuzzjoni attiva. Fl-1949 f’Budapest kien hemm il-proċess-farsa tal-Kardinal József Mindszenty wara 29 jum ta’ tortura; proċess li ġibed ħafna attenzjoni internazzjonali.
Il-Gvern Ingliż kien ilu li tgħallem jaħdem mal-Knisja f’Malta biex it-tnejn jaslu fejn iridu, u xejn ma kien għadu nbidel. F’ċertu sens, fl-Ewropa, li ssir pajjiż ta’ veru minn dejjem kienet tfisser li tkun poġġejt lill-Knisja f’postha. U l-Ingilterra dan kienet tafu sew. Malta qabżitu l-perjodu tan-nazzjonaliżmu romantiku tas-seklu dsatax, il-perjodu tar-Risorgimento u tal-Kulturkampf u l-Knisja kienet baqgħet fiċ-ċentru tal-ħajja politika. L-Ingliżi kellhom ir-rwol tagħhom jiggarantixxu l-istabbiltà ta’ din id-distopja teokratika. Kienu qablu li l-Anglikaniżmu tagħhom ma jipproselitizzawhx, anzi jżommuh fil-privat. Jekk xi qassis Anglikan kien ifettilu jaqsam it-triq liebes spellizza, arah Gonzi jmur jipprotesta għand il-Gvernatur. Il-monument il-Furjana għall-membri tal-RAF li mietu fil-Gwerra — “tal-ajkla” — baqa’ ma tberikx għax Gonzi ma riedx jieħu sehem fl-istess ċerimonja ma’ saċerdot Anglikan. L-Ingliżi kienu żammew id-drawwa minn żmien il-Kavallieri li fl-okkażjoni tal-festa tal-Kandlora — il-festa tal-purifikazzjoni tal-Madonna — il-Gvernatur, bħall-Gran Mastri qablu, kien jilqa’ lill-arċiprieti u l-kappillani kollha tal-ġżejjer u jirċievi mingħandhom xemgħa. Il-Gvernatur dejjem kien jgħid kelmtejn, u kien jaf li dan kien il-mument perfett biex jgħaddi messaġġ lil dawn il-ħoloq tant importanti fil-katina tal-komunikazzjoni. Iktar ma saħnet il-qiegħa, iktar kien espliċitu l-messaġġ. Ġieli kien sempliċiment li kellhom iħajru l-fidili lejn l-emigrazzjoni u ġieli, bħal fl-1959 u l-1960, biex jattakkaw lil Mintoff direttament.
Minkejja l-biża’ ta’ Gonzi, Mintoff ma kienx komunist. Forsi kien ikun aħjar għal kulħadd li kieku kien xi ftit iktar komunist, kieku kien kapaċi jagħti lill-partit tiegħu qafas teoretiku daqsxejn iktar sod. L-unika ħaġa li fiha verament kien jixbah lill-Unjoni Sovjetika kien l-iStakanoviżmu, l-idea li bi sforz erojku ta’ ħidma u bżulija l-pajjiż jista’ jagħmel qabżiet kbar ’il quddiem. F’dan kien imexxi bl-eżempju; il-ġranet tax-xogħol tiegħu kienu jtawlu sa sittax-il siegħa. Xift doppju kuljum. M’hemmx insult li ma qalax f’ħajtu — komunist, mażun, faxxist, dittatur, traditur — imma ħadd qatt ma għajru għażżien. “Komunist” kienet tgħajjira li kulħadd kien jinqeda biha. Gonzi, naturalment, Nerik Mizzi kultant, Pawlu Boffa u min jaf min iżjed, f’xi punt jew ieħor użaw dak l-insult kontra Mintoff. Mintoff innifsu ġieli beżża’ bil-komuniżmu biex jgħid li l-passi li qed jieħu kienu l-uniku mod kif Malta tista’ tiżgura li ma jidħolx il-komuniżmu. Bħalma kien qal l-assistent ta’ Jim Griffiths, Gonzi kien raġel jilħaqlu wisq biex tieħdu prima facie, imma forsi kien sinċerament jaħseb li Mintoff għad iġib xi forma ta’ komuniżmu awtoritarju fil-pajjiż. Herbert Ganado, il-portavuċi ġurnalistiku l-iktar intimu tal-Isqof, editur tal-Leħen is-Sewwa għal bosta snin u ammiratur tal-Generalissimo Francisco Franco daqs Gonzi nnifsu, jagħtina x’nifhmu li hu kien jieħu bis-serjetà ferm fejn seta’ jwassal it-twemmin politiku u n-nuqqas ta’ twemmin reliġjuż ta’ Mintoff. Waqt li flimkien mal-familja ta’ erbgħa kien għadu jgħix ir-Rabat, Ganado u l-mara tiegħu Alda kellhom tifel ieħor li semmewh ukoll Herbert. “Baby Herbert”, kif jirreferi għalih fit-tielet volum ta’ Rajt Malta Tinbidel, kien il-mimmi t’għajnejhom, it-tifel li kellhom wara l-ħames snin separazzjoni waqt li kien internat l-Uganda. Lejn l-aħħar ġimgħat tal-1948, bdew ituh il-konvulżjonijiet u minkejja li tqiegħed fuq id-dripp, baqgħu jagħtuh għal ħamest ijiem sħaħ. L-Arċisqof Gonzi ġie jagħtih il-Griżma. Ganado ffissa li t-tifel kienet qed tagħtih konvulżjoni kull darba li xi trakk jitla’ t-telgħa tas-Saqqajja u jheżżeż l-art; allura ħaduh l-isptar minflok. Xorta waħda, il-konvulżjonijiet komplew. Lura d-dar jistennew, ma damux ma ċemplulhom mill-isptar biex jinfurmawhom li t-tifel, li kellu ftit iktar minn tliet snin, kien miet. “Offrejt ħajtu għall-konverżjoni ta’ persuna,” jgħid Ganado, li qed jikteb fis-snin sebgħin. “Għadni ma qtajtx qalbi. Kultant ngħid liż-żgħir, ‘Ibni, irsisti ftit iktar.’”
Meta Boffa kien irtira l-ultimatum, Nerik Mizzi ma qabilx miegħu għax kien jidhirlu li la beda l-ġlieda missu komplieha. Mizzi, wara kollox, kien jimpressjona ruħu ħafna b’Mintoff meta kien jarah qed jiġġieled mal-Ingliżi. Imma xorta waħda qal li ma kienx jaqbel mal-ultimatum innifsu, għax dan kien jagħmel lill-Maltin jidhru “materjalisti”, forsi daqsxejn rgħiba għall-flus. Kien iktar inkwetat li jaqta’ figura tajba l-pajjiż milli li kulħadd ikollu x’jiekol. Għal Mizzi, il-politika kienet dwar l-unur, dwar il-kultura, dwar l-identità. Wara kollox, missieru kien waqqaf il-Partit Anti-Riformista li mbagħad sar il-Partit Nazzjonalista biex jipproteġi dak li, skont hu, kienet il-kultura Maltija.
Anki jekk Mintoff ma kellu ebda interess fil-komuniżmu teoretiku, żgur li bħal ħafna fuq ix-xellug kien iħaddan il-ħsieb ewlieni Marksjan li l-kultura hija mibnija fuq l-ekonomija, u mhux bil-maqlub. Mill-materja, toħroġ il-kuxjenza. Mir-relazzjonijiet materjali joħorġu r-relazzjonijiet soċjali. Ir-rivoluzzjoni, il-bidla, l-ewwel trid tkun materjali. Fi kliem ieħor: l-ewwel il-pappa.
L-idea tal-Integration illum tinstema’ kważi xokkanti. L-ewwel li kienet ħarġet bl-idea kienet Mabel Strickland, u forsi minnha kont tista’ tistennieha xi ħaġa hekk. Kien l-editorjal fit-Times of Malta fl-okkażjoni tal-ewwel anniversarju mill-għoti tal-George Cross lil Malta:
Din il-gwerra wriet li Malta hija parti mill-Gran Brittanja daqs Portsmouth jew Croydon. Malta u l-Gran Brittanja, magħqudin flimkien f’rabtiet riforġati bid-demm u t-tbatija f’dan il-ġlied tal-gwerra, għandhom b’mod ċar jibqgħu marbutin b’mod li ma jinħallx, permezz tal-interessi politiċi u ekonomiċi li għandhom inkomuni fi żmien il-paċi. L-unika soluzzjoni prattika, u tollerabbli, għall-problemi kostituzzjonali u ekonomiċi ta’ Malta ta’ wara l-gwerra, allura, tkun għaqda politika sħiħa mal-Gran Brittanja, b’ċittadinanza tal-ewwel klassi għall-Maltin imwielda Malta, kif igawdu l-Maltin f’Londra. Malta għandha tkun kontea tal-Ingilterra, parti integrali mir-Renju Unit rappreżentat fil-Parlament f’Westminster, u li tgawdi minn gvern lokali; bil-vantaġġi u r-responsabbiltajiet kollha li dan ikun jinvolvi. Il-portijiet u l-ajrudromi tagħna għandhom jiġu żviluppati fl-interessi tal-Imperu, li huma l-interessi ta’ Malta, imma għandu jkun hemm ugwaljanza sħiħa ta’ status politiku, u ta’ intrapriża u opportunità għal kulħadd f’Malta bl-istess mod ma’ dak li jgawdu s-sudditi tal-Maestà Tiegħu mwielda fir-Renju Unit.
Ftit iktar minn sena wara reġa’ bdielha. Ġietha f’moħħa li kieku Malta ssir parti mill-Gran Brittanja, jidħlu f’Malta d-divorzju u ż-żwieġ ċivili, u dawn żgur ma kinux aċċettabbli għal pajjiż Kattoliku. U mhux lakemm tgħid inkunu aħjar ekonomikament! Ħu mid-dockyard ta’ Rosyth, pereżempju! Eh, u l-flus tar-relief jeqirduk minn ġewwa! Xi ħadd donnu kien kellimha ’l Mabel.
Sa ftit inqas minn għaxar snin wara, Mintoff kien bil-mod il-mod reġa’ qajjimha din l-idea. Għalih, kienet issolvi ħafna problemi f’daqqa. Kienet tagħti risposta lil dawk f’Malta li kienu jgħidu li l-Laburisti jobogħdu ’l-Ingliżi. Kienet isserraħ ras dawk li kienu jivvutaw Labour, li ħafna minnhom kienu jiddependu mit-tarzna, jew mill-port, jew mis-servizz. Kienet tpoġġi l-Laburisti, speċjalment lil Mintoff, fiċ-ċentru tal-istorbju politiku għax kienet idea awdaċi li kellha bżonn ħafna analiżi. Wara kollox, kien hemm min hu kapaċi jimmaġina li Malta setgħet tkampa waħedha, u hekk tmur oltre d-dipendenza u ssir ħaġa waħda mal-madrepatria.
Oħroġ il-għaġeb, din il-proposta stramba niżlet tajjeb ukoll mal-Ingliżi li, waqt li l-pajjiżi l-oħrajn kollha riedu jitilqu mid-dar, Malta kienet qed tgħidilhom li trid tidħol iktar ’il ġewwa. L-elezzjoni tal-1955 tista’ tgħid kienet referendum dwar l-Integration, u l-Labour rebħu b’maġġoranza kbira. Lil kulħadd donnha kienet togħġob din il-proposta ħlief lin-Nazzjonalisti — inkella x’nazzjonalisti jkunu — u, naturalment, lill-Knisja. Gonzi ma kienx kuntent bil-proposta għar-raġunijiet prevedibbli. Ir-riskju li jidħol id-divorzju, ir-riskju li jidħol iż-żwieġ ċivili. Imma l-vera raġuni, li qatt ma kien jesprimiha espliċitament kienet li l-istatus quo kien l-aħjar sitwazzjoni għall-Knisja ta’ Malta. Sakemm l-Ingliżi jkunu Malta, il-Knisja jkun hawn min jipproteġiha. Gonzi jista’ jmur jeqred għand il-Gvernatur u jieħu li jrid. Kieku Malta kellha ssir parti mill-Ingilterra, lil Gonzi mhux l-Ingilterra stess kienet tbeżżgħu, u lanqas il-Protestantiżmu tagħha. Kien ibeżżgħu Mintoff. Jekk il-liġijiet tal-Ingilterra rigward l-ugwaljanza tar-reliġjon jidħlu fis-seħħ, u Mintoff ikun qed imexxi xi forma ta’ gvern reġjonali, min se jaqbeż għal Gonzi? Ikollu joqgħod fil-kju mar-reliġjonijiet l-oħrajn kollha.
L-Ingliżi ħolqu speċi ta’ kumitat — “Round Table Conference” — magħmul minn membri tal-parlament, preżenti u passati, u dawn ġew Malta u għamlu ħafna stħarriġ u ġrew u taru ’l hawn u ’l hemm ikellmu ’n-nies. Ġieli kienu jużaw il-ħelikopters tan-Navy; għal bosta Maltin din kienet l-ewwel darba li raw il-ħelikopters, li ma kienx ilhom wisq li ġew ivvintati. Aneurin “Nye” Bevan — politiku leġġendarju tax-xellug fir-Renju Unit, u l-Ministru tas-Saħħa fiż-żmien li twaqqaf in-National Health Service — ukoll kien parti minnu dal-kumitat, imma kien ukoll entużjast ħafna għal dal-pjan u xtaq, kif ikun hawn, jagħti palata lil sħabu Laburisti. Qabbżitlu li l-Maltin jagħmlu t-tfal bħall-fniek, u lill-Knisja u lin-Nazzjonalisti tathom rashom. Imma kellu jtiegħem ftit ġustizzja, divina jew poetika, meta mar Għawdex u, biex jurihom kemm hu baħbuħ lill-bdiewa Għawdxin, kiel bajtra tax-xewk magħhom. Ma kienx jaf li l-ewwel suppost tqaxxarha. Wiċċu telagħlu kollu nfafet. Il-kumitat li kien ġie jistħarreġ, ta l-opinjoni lill-Gvern Ingliż li l-Integration għandha tipproċedi, u ġiet miftiehma data meta r-rapport kellu jkun diskuss f’Westminster. Mintoff kellu seba’ mitt sena sakemm jagħmel ir-referendum, mhux biss biex ikollhom il-figuri quddiemhom waqt id-dibattitu imma wkoll għax kien ġej ir-Randan u malli jibda r-Randan, l-elettorat ikun assolutament taħt is-seħer tal-Knisja: kulħadd ġej u sejjer għall-eżerċizzi spiritwali, għall-quddiesa kuljum, għas-seba’ visti. Il-qassisin jerġa’ jkollhom iktar aċċess għall-poplu minn kull żmien ieħor fis-sena.
Ir-referendum sar, qalb ħafna storbju, u r-riżultat kien favur. Insomma, speċi. Skont kif tgħodd lil dawk li vvutaw kontra u ’l dawk li ma vvutawx jew ħassru l-vot. L-Ingilterra qatt ma qalet x’figura tkun aċċettabbli għalihom. Ir-referendum kien mekkaniżmu pjuttost aljen għalihom għax dak iż-żmien kienu għadhom qatt ma kellhom wieħed hemm. Ukoll, ma ridux iħallu referendum jorbothom għax inkella jiġu fi kliem ħafna fin-Nazzjoni Uniti li kienu jgħidu li l-independenza għandha tingħata awtomatikament lil kull pajjiż li juri permezz ta’ referendum li hi mixtieqa mill-poplu.
Meta ġew għad-dibattitu fil-House of Commons, kien hemm numru kbir ta’ deputati li tkellmu favur il-proposta, “għax il-Maltin ħaqqhom”, jew għax tiftaħ kapitlu ġdid u interessanti għal imperu li nkella ħadd mhu ċert kif seta’ jibqa’ għaddej. Parti integrali mill-proposta kienet li jkun hemm tliet membri parlamentari minn Malta li jkunu fil-House of Commons. L-idea kienet li l-istatus ta’ Malta jkun bħal dak li hu tal-Iskozja llum. Malta jkollha ċertu affarijiet riservati għaliha, bħal pereżempju tkun tista’ tiġbor it-taxxa u tonfoqha hi stess. Imbagħad, forsi biż-żmien, dawn l-idjosinkraziji kellhom jonqsu sakemm dawn il-gżejjer ikunu indistingwibbli minn kull reġjun ieħor tar-Renju Unit. Imma sakemm ikun għad hemm id-differenzi, il-membri parlamentari mibgħutin minn Malta ikunu fis-sitwazzjoni paradossali li jkunu jistgħu jivvutaw fuq mozzjonijiet li fil-fatt ma jaffettwawx lill-kostitwenti tagħhom. Kwistjoni oħra kienet jekk kellhomx jieqfu b’Malta jew ikomplu wkoll b’Ġibiltà. Imbagħad ma jistgħux jieqfu hemm jekk il-Gambja, il-Mauritius jew Sierra Leone jridu jidħlu għax inkella jiġu akkużati li daħħlu biss ’l-Ewropej. Kien hemm min qam u qal, B’daqshekk? Indaħħluhom kollha, Ewropej, Afrikani, kollha! Kien hemm min qagħad kwiet. L-aħħar kwistjoni, li forsi għal kulħadd kienet l-ikbar kwistjoni kienet il-Knisja. Din kienet kwistjoni miż-żewġ lati. Kemm għax il-Gvern Ingliż kien jaf li Gonzi kien se jitlob ħafna konċessjonijiet, fosthom, forsi, xi eċċezzjonijiet għad-drittijiet ta’ reliġjonijiet oħra fil-pajjiż, kif ukoll għad-dritt tad-divorzju u ż-żwieġ ċivili. Imma iktar ma jikkonċedulu affarijiet lil Gonzi, iktar se jkollhom inkwiet mar-reliġjonijiet l-oħra, partikolarment mill-Knisja Anglikana, u ma’ dawk kollha li tikkonċernahom ħafna jekk jiddaħħlu nies fir-renju b’inqas drittijiet minn ħaddieħor. Imma ġeneralment, kienu favur il-proposta. Fil-fatt, tant kien hemm qbil fuqha l-proposta li meta xi ħadd qal li qabel tittieħed deċiżjoni kellu jkun hemm elezzjoni, qalulu “x’inhu l-iskop li jkollna elezzjoni jekk ebda partit mhu se jkun kontriha”.
Dakinhar tas-26 ta’ Marzu 1956, mit-3:33pm, il-Parlament ta’ Westminster ikkunsidra li jiftaħ il-bibien tiegħu għal dawk il-farkiet ta’ imperu li kien fadal, u li jippermetti fis-siġġijiet tiegħu lir-rappreżentanti ta’ dawk il-bċejjeċ ta’ art antipatki li ħadd ma kien tal-fehma li jistgħu jiffurmaw ekonomiji vijabbli, iżda li ma jistgħux sempliċiment jitħallew jersqu għal ġol-isfera ta’ influwenza tal-għadu. Għal seba’ sigħat u nofs, il-membri ta’ dak il-parlament ikkunsidraw li jbiddlu l-għamla kostituzzjonali tar-Renju Unit biex jinkorpora fih lil Malta, u forsi ’l quddiem lil pajjiżi oħrajn bħalha. Imbagħad, fil-10:57pm, bdew jiddiskutu s-suġġett li jmiss, l-ipproċessar tal-aringi żejda f’Ross-shire.
Illum, l-idea tal-Integration probabbli tkexkex anki lil dawk il-Maltin li joħorġu jxejru l-bnadar fil-carcades meta l-Ingliżi jgħaddu għall-quarterfinals. Ftit niftakru kemm ġejna qrib, kemm kien hemm entużjażmu għalih il-proġett fiż-żewġ pajjiżi. Forsi r-raġuni għala l-falliment tal-Integration, u miegħu l-memorja tal-proġett innifsu, qatt ma daħlu ċar u tond fil-memorja kollettiva, hi li qatt ma kien hemm punt formali fejn il-proġett falla. Mintoff kien rebaħ elezzjoni b’mandat ċar biex jibda jaħdem għall-Integration; ir-referendum forsi kien inqas ċar imma xorta kien pożittiv — żgur kien pożittiv biżżejjed għall-Ingliżi, kif qalu huma stess fil-House of Commons. Ir-rapport tar-“Round Table Conference” kien pożittiv. Imma l-kwistjonijiet rigward il-Knisja qatt ma ġew riżolti, u Mintoff beda jitlef il-paċenzja u jqabbiżhielhom lill-Ingliżi. Ukoll, wara d-disfatta tas-Suez, l-Ingliżi effettivament kellhom iċedu s-supremazija militari lill-Amerikani darba għal dejjem, u allura li jkollhom lil Malta fil-pussess tagħhom saret ħaġa ftit inqas kruċjali. Forsi dawn kollha kellhom sehemhom, imma Pirotta jagħti raġun lil Mintoff li l-Integration sfaxxat għax huma qatt ma qablu fuq il-prinċipju ta’ ekwivalenza, li ħaddiem Malti għandu jkun garantit l-istess kumdità ta’ ħajja daqs wieħed Ingliż. Fi kliem ieħor — għalkemm Pirotta żgur qatt ma juża lingwa daqshekk emottiva — ma ħamlux li nkunu bħalhom. Il-punt definittiv fejn deher ċert li l-Integration żgur ma kinitx se tgħaddi kien meta rriżenja l-Gvern Malti, u l-irvellijiet tat-28 ta’ April 1958. It-telgħa ta’ Kordin kienet ir-Rubikon li, ladarba qasamha, Mintoff ma setax imur lura.
Fl-1963, Mintoff reġa’ ħares lejn il-possibbiltà ta’ integrazzjoni ma’ pajjiż ieħor, din id-darba mal-Italja. Mar iżur lil Pietro Nenni — dak l-istess soċjalist Taljan ħabib ta’ Mintoff li darba Gonzi kien semma mas-Segretarju tal-Istat — imma l-proposta ma marret imkien. Gonzi sema’ biha din ukoll, u inkwetatu, anki jekk hu kien kapaċi jinnaviga l-ibħra Taljani aħjar minn ħafna oħrajn. Unjoni mal-Italja tkun tfisser li nsiru ħaġa waħda ma’ repubblika sekulari bl-ikbar partit komunista fil-Punent! Gonzi li ried kien li jibqa’ kollox l-istess. Indipendenza forsi, xi darba. Imma kien jaf li xi darba jew naħa jew oħra kienu se jġibu l-indipendenza. Ma kellux xi ammirazzjoni kbira għal Borg Olivier, imma għall-inqas kien jaf li man-Nazzjonalisti seta’ jirranġa. Waqt li Malta kien hawn soċjetà maqsuma fi tnejn, bil-Laburisti taħt id-dnub il-mejjet, Borg Olivier kien qed jinnegozja għall-indipendenza. L-istess kwistjonijiet reġgħu qamu dwar il-libertà reliġjuża wara l-indipendenza, suġġett li għal darba oħra kien jinkwieta ħafna lill-mexxejja reliġjużi Anglikani. Borg Olivier kien jaf li dan kien punt li ma setax iċedi fuqu, u meta l-Ingliżi ppruvaw jaqbżuh u jkellmu ’l-Vatikan, ħadha bi kbira sew. Mintoff, sadattant, kien qed imexxi s-“Sitt Punti” tiegħu, pjan għal kostituzzjoni sekulari. Fl-aħħar minuta, il-Gvern Ingliż qabel li jagħlaq għajn waħda dwar l-indħil tal-Knisja fl-elezzjonijiet u l-Gvern Malti qabel li jagħlaq għajn oħra dwar il-ħażna ta’ armi nukleari f’Malta; u l-Indipendenza setgħet tgħaddi.
Pirotta jtemm ix-xogħol tiegħu — xogħol li ħadlu ’l fuq minn tletin sena, mifrux fuq erba’ volumi u iktar minn tlett elef paġna — billi jgħid li dan l-istat independenti li kien għadu kif faqqas issa kellu bżonn sew tal-għaqda biex ikun jista’ jiffaċċja l-isfidi tal-ġejjieni:
… imma l-idea tal-indipendenza, u l-kburija nazzjonali li nisslet, malajr sabu espressjoni fix-xogħol ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ kittieba, poeti, drammaturgi u artisti. L-ekonomija bil-mod il-mod marret ’il quddiem, l-emigrazzjoni bdiet tbatti, u l-idea li tkun Malti ħadet tifsira ġdida għal ħafna li qabel ma kinux ħabblu rashom dwar x’sinifikat seta’ jkollha.
Wieħed minn ta’ quddiem nett li ħass din il-mewġa ta’ identità ġdida kien Charles Xuereb, li dak iż-żmien kien għadu s-sekondarja u flimkien ma’ xi studenti oħrajn beda joħroġ rivista bl-Ingliż u bil-Malti jisimha Malteen, immirata lejn it-teenagers, proprju mill-istess xahar tal-Indipendenza. Forsi inevitabbilment, intervjenew il-qassisin: id-dar ta’ Xuereb ma damx ma tfaċċat delegazzjoni Ġiżwiti biex twissi lil missieru li dir-rivista, bil-kontenut tagħha fuq il-mużika pop, kienet se ġġorr lil ibnu l-infern.
Fil-ktieb tiegħu Decolonising the Maltese Mind: In Search of Identity, Xuereb huwa interessat fid-dikolonizzazzjoni mhux fis-sens litterali li hu interessat fiha Pirotta — jiġifieri l-proċessi politiċi u ekonomiċi li wasslu biex Malta toħroġ mill-kolonjaliżmu Ingliż u ssir stat indipendenti — imma fis-sens ta’ dikolonizzazzjoni kulturali, tat-trawwim ta’ identità postkolonjali. Xuereb jagħti fatt wara fatt u statistika wara statistika, biex juri kemm kienu ftit dawk li ħaduh bis-serjetà l-impenn li jerġgħu jimmaġinaw lilhom infushom mill-ġdid: bħala Maltin f’Malta Indipendenti. Kull pajjiż ieħor li f’daqqa waħda sab ruħu f’realtà ġdida wkoll kien ħass il-bżonn li tinbena identità ġdida. Ngħidu aħna, Franza wara r-rivoluzzjoni, jew l-Italja wara l-unifikazzjoni. Xuereb isemmi dik is-sentenza famuża mill-memorji ta’ Massimo D’Azeglio: “L-Italja għamilnieha,” kien kiteb D’Azeglio. “Issa jonqosna nagħmlu t-Taljani.” Il-ktieb ta’ Xuereb huwa polemika biex juri li, għalkemm Malta “kienu għamluha” fl-1964 — jew fl-1974, jew fl-1979 — mhux talli l-Maltin għadna m’għamilnihomx, talli bilkemm ħadd juri xi interess li jibdieh dal-proġett.
Ebda imperu fl-istorja ma hu bħal ieħor, imma kull wieħed ħoloq idea ta’ dawk li jassar biex jiġġustifika l-jasar mingħajr ma jġib fix-xejn l-idea tiegħu nnifsu bħala imperu ċivilizzat. Jekk skont id-duttrina tal-liġi naturali ma tistax taħtaf art sempliċiment għax in-nies tal-post mhumiex Insara, imma tista’ biss jekk jiksru l-liġi naturali, mela ara kif malajr jinħolqu stejjer u miti u twemmin li n-nies tal-post huma kannibali, jew għażżenin, jew joqogħdu għarwenin! L-ewwel kapitlu ta’ dal-ktieb jibda b’ġirja mal-istorja tal-ħakkiema li kellha Malta li mbagħad tiżvolġi f’ġirja mal-istorja tal-imperi ġenerali. Xi daqqiet jaqbeż mill-passat għall-preżent f’daqqa waħda, minn paragrafu għall-ieħor.
Kif forsi seta’ jistenna kull min hu familjari max-xogħol ta’ Xuereb, kultant jgħaddilek minn rasek li ma jafx ikun għalkollox aħrax mal-proġett kolonjali Franċiż. Franza, jgħidilna, endorsjat — flok jgħid “iġġustifikat” — il-kolonizzazzjoni bil-“mission civilisatrice”. Din kienet tinvolvi t-tixrid tal-lingwa Franċiża u l-fidi Kattolika. Dil-prattika, jgħidilna, kienet tinvolvi ċerta dixxiplina kerha — “undesirable drills” — u din imbuttat lil ħafna kolonji lejn l-indipendenza. Imma forsi ma kinitx biss għax sabu r-rużarju tedjanti u s-subjonctif diffiċli li wassal lill-pajjiżi Afrikani biex ikunu jridu jinqatgħu għalkollox minn Franza. Imbagħad, fil-paragrafu ta’ wara jfakkarna li l-bċejjeċ ta’ imperu li fadlilha Franza kollha jibagħtu r-rappreżentanti għall-Parlament f’Pariġi, u n-nies tal-post għandhom ċittadinanza Franċiża. Meta tiġi l-elezzjoni, għandhom id-dritt huma wkoll jagħżlu bejn Emmanuel Macron u Marine Le Pen! Forsi jagħtik x’tissuspetta li, wara kollox, għandu xi ftit simpatija mal-“mission civilisatrice” Franċiża. Mhux l-ewwel darba li jiddistingwi bejn pajjiżi li kellhom ċivilizzazzjoni qabel ġew il-kolonizzaturi — bħalna! — u dawk li ma kellhomx. Din fiha l-eku ta’ dik il-prattika li kultant kienet daqsxejn ta’ sottotest fin-negozjati ta’ Malta mal-Ingliżi. Isma’, lilna ma tistax tittrattana bħall-Afrikani, jew l-Indjani, jew l-Għarab, ta! Aħna Ewropej bħalkom! Ġieli wkoll, għalkemm rari, dan intqal fil-beraħ. Dan id-dikolonjaliżmu tat-tifel bilqiegħda quddiem nett fil-klassi, mimli ansjetà bilkemm kapaċi jżomm milli jqum bilwieqfa, jimbotta l-werrej fl-arja biex jintgħażel hu. Malta taħt il-Franċiżi, jgħidilna Xuereb, kellha ċ-ċans tinqala’ mill-Medjuevu f’daqqa waħda, kieku l-qassisin u l-merkanti li kienu jiddominaw il-ġżira ma beżgħux mir-repubblikaniżmu. Forsi veru li, sub specie aeternitatis, hemm baħar jaqsam bejn l-indifferenza u d-disprezz tal-Ingliżi u l-ħerqa missjunarja tal-Franċiżi. Forsi xi ħadd li lest “iġiegħlek tkun ħieles” huwa aħjar minn xi ħadd li jħallik tagħmel li trid u tagħżaq fl-injoranza tiegħek. Imma issa impossibbli nkunu nafu x’kien jgħaddi mingħalina kieku bqajna taħthom. Forsi konna nilħqu wara biss ftit snin l-istess livell li kważi wasalna għalih mal-Ingliżi bl-Integration, imma ma wasalniex. Forsi Malta kienet issir Franċiża daqs Corsica, jew forsi kienu jindunaw li fuq il-mappa qegħdin fuq l-istess livell tal-Alġerija.
Min-naħa l-oħra, din l-insistenza biex jikkoreġi l-memorja storika tal-perjodu Franċiż f’Malta, għalkemm kultant jasal ikun xi ftit wisq ġentili magħhom, għandha wkoll l-utilità tagħha. Tfakkarna li l-passat kolonjali tagħna tant internalizzajnieh li jqarraqna biss mhux fejn jidħlu l-Ingliżi imma dwar il-bqija tal-istorja tagħna; jgħawweġ id-dawl u naraw kollox mil-lenti tiegħu. Il-preġudizzji u l-pika militari tal-Ingliżi għall-Franċiżi assorbejniehom kollha fil-memorja kulturali tagħna.
It-tolleranza, jew l-indifferenza, tal-kolonizzaturi Ingliżi hija famuża, anki notorja. Sakemm ma ttellifhomx mill-għanijiet tagħhom, sakemm tħallihom jikkummerċjaw, u jilagħbu l-logħob militari u jerdgħulek ir-riżorsi mill-art, iħalluk tagħmel li trid; rodd slaleb kemm trid, ilbes veli kemm trid, gedwed b’kemm-il lingwa trid. Imma l-kolonizzazzjoni li Xuereb qed jgħid li għandna niddikolonizzaw minnha hija dik li għad fadal f’moħħna speċifikament mill-Ingliżi. Il-parti l-kbira tal-ktieb tikkonsisti f’aneddotu wara aneddotu, każ wara każ, kull farka evidenza li turi biċ-ċar li “il-moħħ Malti” għadu kkolonizzat. Naturalment, ma jsibhiex diffiċli jġib għexieren ta’ eżempji. In-nuqqas ta’ għarfien tal-istorja. In-nuqqas ta’ rispett lejn il-monumenti ta’ Maltin prominenti bħal Mikiel Anton Vassalli. Ir-rispett żejjed lejn monumenti kolonjali bħal dak tal-Mausoleum ta’ Thomas Maitland fil-Barrakka t’Isfel. Il-George Cross fuq il-bandiera Maltija li, bir-raġun, ilu jkiddu lil Xuereb għal għexieren ta’ snin. Il-Maltin li jitkellmu bl-Ingliż f’Malta. Il-Maltin li jitkellmu bl-Ingliż f’Malta u jaħsbu li dan jagħtihom status soċjali ogħla. Il-Maltin li ma jafux jitkellmu bil-Malti u jaħsbu li dan jagħtihom status soċjali ogħla. L-aljenazzjoni kolonjali li tiġi mill-edukazzjoni f’kultura barranija, b’kotba tal-iskola mimlija ferroviji u xmajjar u djar bis-saqaf żurżieqa.
Il-ktieb seta’ jibbenefika minn żewġ dawriet oħra tal-editur. Footnotes mimlijin indirizzi ta’ websites twal tliet linji, bit-tracking codes ta’ Facebook b’kollox, kultant jaqbżu minn paġna għall-oħra. Dawn il-footnotes jiddominaw il-paġna, u jagħtu l-impressjoni ta’ ktieb akkademiku għalkemm ħafna minnhom jagħtu għal artikli tal-gazzetti. Kultant, ironikament, dawn ir‑referenzi jispiċċaw jagħtu l‑impressjoni li d‑dikolonizzazzjon dejjem issir ħafna aħjar “barra minn Malta”, saħansitra fl-Ingilterra. Is-sempliċi kxif ta’ monument għall-ġenerazzjoni Windrush f’Londra, pereżempju, jagħtih ħafna tama lil Xuereb. Kultant, imbagħad, footnotes importanti huma neqsin. Forsi stajna ngħaddu mingħajrha dik ir-referenza li tibgħatna fuq il-paġna ta’ Wikipedia dwar Walter Raleigh, imma kif nafu li meta n-nies indiġeni fl-Amerka t’Isfel kienu ġew wiċċ imb wiċċ mal-Ewropej kienu ħasbu li kienu ġejjin mis-smewwiet? L-eżempji li juża Xuereb ħafna drabi huma meħudin minn tfulitu, jew żgħożitu, għalkemm dejjem jirreferi għalih innifsu fit-tielet persuna, “dan l-awtur”, konvenzjoni ftit arkajka meta tqis il-kuntest li ħafna drabi tintuża fih hawnhekk. Kultant l-eżempji huma speċifiċi ħafna, pereżempju rimarka ta’ kummentatur sportiv waqt logħba tal-UEFA Under 17 fl-2014.
L-insistenza fuq il-bini ta’ identità faċli tinstema’ astratta u efimera wisq. Xuereb żgur mhux nazzjonalist li jemmen f’xi idea ta’ Malta eterna, oltre l-istorja u l-kultura tagħha u fil-mumenti li jagħtina idea ta’ x’jixtieq jara minflok x’m’għandux isir, jiddeskrivi idea progressiva ta’ soċjetà konxja mill-istorja tagħha. Hawnhekk, però, nistgħu nilmħu kemm hu faċli li jiżloqlok minn idek dan l-argument. Allura, bilfors irridu nkunu reliġjużi biex napprezzaw il-kultura tagħna? Dan żgur argument li jagħmluh xovinisti Ewropej. Allura, jekk irridu napprezzaw l-istorja tagħna, ma rridux napprezzaw il-perjodu ta’ meta konna taħt l-Ingliżi? Wara kollox, il-kultura Ingliża hija parti profonda tal-kultura tagħna. Ftit snin ilu, iż-żewġ kittieba li qed insemmi f’dan l-esej kienu involuti f’argument fuq it-Times of Malta dwar kemm jagħmel sens li tkompli tħanbaq dwar it-tneħħija tal-George Cross. Xuereb naturalment kien favur din it-tneħħija u kien qed isostni l-importanza tas-simboliżmu f’kif naraw lilna nfusna. Pirotta wera li ftit kellu interess f’dan l-impenn. Għalih, Malta hija de facto dikolonizzata; wara kollox, qatta’ parti kbira minn ħajtu jifli l-irċevuti.
Anki jekk f’xi mumenti Decolonising the Maltese Mind jieħu ftit ix-xejra ta’ ittra twila lit-Times, Xuereb għandu raġun joħodha bi kbira. Fis-17 ta’ April 2021, meta miet id-Duka ta’ Edinburgh, il-funeral tiegħu deher fuq tliet stazzjonijiet tat-televixin Malti, inkluż dak pubbliku, bl-iskuża tas-sentejn li dan kien qatta’ Malta f’Villa Guardamangia. L-istess jum inzerta kien il-mitt sena anniversarju minn meta Manwel Dimech miet f’kamp tal-priġunieri tal-gwerra, tliet snin wara li l-priġunieri l-oħrajn kollha kienu nħelsu. Dimech ma ssemma mkien, ħlief fuq “il-paġna tal-Facebook ta’ dan l-awtur”. Biex tagħqad, fuq il-BBC kienu qed jgħidu li għall-Prinċep Philip u r-Reġina Eliżabetta, dawk is-sentejn li qattgħu f’Malta kienu qishom f’post idilliku, u daqsxejn ta’ ħarba mill-awsterità li kienet tirrenja fl-Ingilterra ta’ wara l-gwerra. L-awsterità li kien hawn Malta donnhom ma ndunawx biha, u żgur ma tawx każ li f’dak l-istess żmien delegazzjoni wara l-oħra kienet qiegħda titla’ minn Malta biex tipprova tikkonvinċi l-Gvern Ingliż isib mod kif Malta tkun tista’ tgawdi mill-Marshall Aid.
Issa l-Gvern ta’ Malta xtara Villa Guardamangia għal €5 miljun biex tiġi restawrata — bi spiża ta’ €10 miljun oħra — f’mużew. Il-pretest għall-ispiża hu li l-interess fir-Reġina Eliżabetta II u r-raġel tagħha għad jissarraf fi dħul mit-turiżmu. Xuereb jikkonkludi l-ktieb b’kapitlu dwar it-turiżmu u kif dan jaħdem biex jipperpetwa ideat kolonjalisti għax l-inkontru turistiku għadu essenzjalment kolonjali, fejn it-turist jiġi biex jara t-traċċi tal-Imperu, il-familjarità taħt xemx tisreġ — minkejja li t-turiżmu mill-Ingilterra, li fis-sittinijiet kien 80% tat-turisti kollha, issa niżel għal xi 25%. Jgħid li kull attentat jew espressjoni ta’ identità f’Malta ssir fl-ambitu tal-industrija tat-turiżmu. Xuereb ilu ħafna snin jaħseb fuq das-suġġett. Imma jagħmel sens li dal-ktieb kitbu f’dak il-perjodu meta s-smewwiet kienu magħluqin għat-traffiku minħabba l-pandemija tal-Covid 19 u Malta kienet, għall-ewwel darba mill-Indipendenza ’l hawn, assolutament vojta mit-turisti; opportunità għall-introspezzjoni li probabbli qatt mhi se tirrepeti ruħha f’ħajjitna.
Apparti t-turist ta’ veru, però, hemm it-turist immaġinarju, il-grand autre, l-Ieħor il-kbir ta’ Lacan, dik l-għajn li għaliha nirreċtaw il-parti tagħna, forsi l-għajn li pereżempju għaliha dawn il-kotba, ta’ Xuereb u ta’ Pirotta, huma miktubin bl-Ingliż. U forsi anki l-għajn li għaliha Mintoff kiteb Malta’s Struggle for Survival. Probabbli miktubin bl-Ingliż biex ikollhom xi ftit appell internazzjonali u jgawdu minn suq li diġà, anki bl-Ingliż, huwa żgħir ħafna, aħseb u ara bil-Malti. Sal-ġenerazzjoni ta’ wara l-gwerra, ħafna Maltin kienu jsejħu ’l-barranin kollha “Ingliżi”. Insomma, mhux kollha eżattament. Mhux it-Taljani jew l-Afrikani jew l-Indjani, imma l-Amerikani, u dawk tal-Ewropa ta’ Fuq. Fi kliem ieħor, il-bojod. It-turist immaġinarju Ingliż, il-qarrej immaġinarju Anglofonu, għandu parti ħafna ikbar f’kif insawru lilna nfusna għal għajnejh minn kull turist jew qarrej ta’ veru. Dan ifakkarni f’dawk id-diski tan-New Cuorey fejn il-vuċi tal-qsim il-qalb ta’ Sammy Bartolo tkanta dwar il-bajjiet ta’ Malta; u wieħed mill-attributi l-iktar importanti tagħhom dawn il-bajjiet huwa l-fatt li jħobbuhom it-turisti, li jiġu minn barra biex jarawhom. Dawn jissemmew fl-istess nifs mas-sema kaħlani u l-għelieqi mħaddrin. L-Għadira, “turisti kbar kull sena jżuruha, u kull tifħir lilha huma jagħtuha”, it-turisti huma parti mill-“ġmiel naturali” li biha hi mżejna. Ir-Riviera Blu għandha “it-turisti kull fejn tmur” tant kemm hi sabiħa. Dawn il-“barranin” ma jifilħux ma jiġux jarawha, minkejja li hi l-għira tagħhom. Dawn id-diski li ħarġu fl-ewwel nofs tas-snin sebgħin kienu bla dubju parti minn dak il-moviment konxju minnu nnifsu li kien ilu ġej mill-1964 li forsi hu indipendenti, imma żgur għadu mhux ħieles.
Ftit xhur ilu mort nara lill-artist Salim Djaferi li ta performance tax-xogħol tiegħu Koulounisation. Djaferi jiddeskrivi lilu nnifsu bħala “Alġerin mill-Ewropa li l-Għarbi jitkellmu mfarrak”. Jibda l-performance billi jgħidilna li staqsa lil ommu kif tittraduċi “colonisation” mill-Franċiż għall-Għarbi. Hi twieġbu “koulounisation”, li tinstema’ kważi eżatt l-istess, imma din ma jsibhiex tweġiba sodisfaċenti. Fi kliemu, “jirrifjutaha”. Għandu jkun hemm kelma bl-Għarbi! Minn hawn jibda vjaġġ li jlaqqgħu ma’ ħafna nies, li jlaqqgħuh ma’ iktar nies waqt li jivvjaġġa bejn l-Alġerija u l-Belġju. Il-kliem kollu li jagħtuh kollu jkollu xi sfumatura partikolari, u jġorru parti differenti tal-istorja tal-kolonizzazzjoni. L-ewwel kelma li jgħidulu hija [isti’ammar] اسلاتعمار li hija derivattiv tal-verb [’amaar] عمار. Skont lil min ikellem jieħu interpretazzjoni differenti ta’ din il-kelma. “Pussess mingħajr awtorizzazzjoni”, jgħidlu Adel. “Imla biex tissostitwixxi”, “tħassar”, jgħidlu Khaled, “poġġi fl-ordni” jgħidlu s-Sur Lochon. Imbagħad jitgħallem [istidammar] الاستدعمار, terminu maħluq apposta għat-traduzzjoni ta’ Franz Fanon fl-Għarbi, sabiex jenfasizza d-dimensjoni tal-qerda, mill-għerq [damar] دمار li tfisser “qerda”. Waqt li qed jirrakkonta din l-istorja, iħoll spaga kollha għoqiedi u jipprova jistiraha madwar il-kamra.
Fis-sebgħinijiet f’Malta kien hawn attentat ta’ bidla radikali tal-lingwaġġ li bih niġġieldu l-kolonizzazzjoni. L-arma tar-Repubblika, li tant tnejku biha nies, kienet parti minn dan l-isforz: arma li litteralment ċaħdet il-lingwaġġ tal-kolonjaliżmu u d-drittijiet fewdali u li tant tinsab ’il bogħod mill-gosti puliti tal-lum; arma li l-elementi tagħha qishom glossarju ta’ ħontoloġija Mintoffjana. Forsi anki d-data magħżula għal Jum ir-Repubblika ma kinitx kumbinazzjoni. It-13 ta’ Diċembru, fl-1974, kien jaħbat il-Ġimgħa. Imma dan ma kienx sempliċiment logħob bis-simboli. Warajh kien hemm ideat politiċi tanġibbli; it-titjib materjali tal-ħajja tal-Maltin, id-dimilitarizzazzjoni u n-newtralità — l-idea li għaliha Mintoff fl-aħħar donnu warrab il-pragmatiżmu li kien mexa bih ħajtu kollha. Dan kollu kien parti minn lingwaġġ xellugi internazzjonali li ntrefa’ u ntesa fid-disgħinijiet f’dak il-mument li Francis Fukuyama sejjaħlu t-tmiem tal-istorja; fi kliem ieħor ir-rebħa finali u dejjiema tal-Imperu Amerikan. F’Malta forsi l-istorja ntemmet f’dan is-sens fl-2004 meta bdew deħlin il-fondi Ewropej u l-uniku argument politiku li baqa’ kien l-ammont ta’ korruzzjoni involut meta dawn il-flus jitħaddmu f’suq liberalizzat.
Is-suq jibla’ kollox. “Kulma hu magħqud, jinħall fix-xejn.” Bħalma Djaferi jirrifjuta li juża l-kelma kif inhi — il-kelma kif jgħiduha l-kolonizzaturi stess — għandna noqogħdu attenti mhux biss mill-kolonizzazzjoni imma wkoll mill-industrija tad-dikolonizzazzjoni. L-istituzzjonijiet li darba għamlu t-tqandil simboliku kollu biex inbnew l-imperi — il-BBC, il-British Council, il-British Museum, is-SOAS — u l-ekwivalenti tagħhom f’pajjiżi oħra Ewropej, fl-universitajiet, fil-biennali, ma jitgerrxux malli ssemmilhom il-kolonizzazzjoni. Anzi! Għaldaqstant għandna nkunu ċerti li mhux qegħdin sempliċiment noffru lilna nfusna bħala parti mill-istorja ta’ redenzjoni tal-kolonizzaturi, jew bħala mod kif dawn l-istituzzjonijiet jibqgħu relevanti waqt li l-forza ċentrifuga tal-attenzjoni tibqa’ tiġbed kollox lejhom. Dikolonizzazzjoni li tbeżża’ lill-kavallerija mingħajr ma tisfratta ż-żwiemel.
Fl-aħħar jiem tal-1950, Nerik Mizzi mar Ħal Luqa jistenna lill-Prinċipessa Margaret li kienet ġejja Malta biex tqatta’ xi ftit jiem ma’ oħtha Eliżabetta. Qamet grigalata u Margaret iddawret sew. Mizzi baqa’ jistennieha bit-tomna f’idu u b’rasu mikxufa — għax hekk imorru l-affarijiet — fix-xita u fir-riħ, jistenna litteralment bint dak l-Imperu li tant kien ħadem kontrih, f’tarf ta’ tapit aħmar b’taraġ fuq ir-roti li ma jwassal imkien. Marad mill-ewwel. Ħamest ijiem wara, tah attakk tal-qalb u miet .