Workshop online fit-13 ta’ Settembru 11:00–12:30
Għat-tielet sena konsekuttiva, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed iġedded il-kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Commonwealth sabiex kittieba Maltin ikunu jistgħu jidħlu għall-Premju Commonwealth għan-Novelli anki b’novelli miktubin bil-Malti. Bi tħejjija għal dan, il-KNK qed jingħaqad ma’ diversi organizzazzjonijiet biex jorganizzaw tour ta’ workshops dwar in-novella.
Is-sessjoni li se nieħdu ħsieb aħna se tħares lejn l-approċċ editorjali għan-novelli li żviluppajna f’Aphroconfuso matul l-ewwel sentejn tagħna, partikolarment dawk li għandhom l-għeruq fil-ħajja u l-kultura Maltija. Billi jislet mill-esperjenza tiegħu bħala kittieb bilingwi, traduttur u editur, il-koeditur ta’ Aphroconfuso Joe Gatt se jesplora, fost affarijiet oħra, l-ansjetajiet li jistgħu jiffaċċaw il-kittieba meta jkunu jafu li xogħolhom għad irid jiġi tradott qabel jasal għand il-qarrejja. Se jkun hemm ħin għal mistoqsijiet, u l-parteċipanti jistgħu anki jibagħtulna minn qabel xi kwistjonijiet li jixtiquna niddiskutu waqt il-workshop.
Il-workshop huwa mingħajr ħlas, u jkun bil-Malti.
Biex tieħu sehem applika hawn.
Joe Gatt twieled Malta, u emigra lejn Londra meta kien għadu żagħżugħ, u għex hemm għal żmien twil fejn ħadem bħala ġurnalist freelance u kellu karigi editorjali f’diversi magazines. Aktar tard, għex Berlin għal għaxar snin u issa jgħix Brussell. In-novelli riċenti tiegħu ġew ippubblikati f’
Scintillas: New Maltese Writing 1
(Praspar Press, 2021),
Antoloġija 1
(Aphroconfuso, 2024) kif ukoll f’
The London Magazine. Bħalissa qed jaħdem fuq traduzzjoni ta’
SAJF
ta’ Ryan Falzon, li se tiġi ppubblikata minn Foundry Editions fl-2026. It-traduzzjoni tiegħu tan-novella ta’ Glorianne Micallef “Sottomissjoni” dehret f’
Asymptote Journal
f’Lulju 2025. Huwa koeditur ta’ Aphroconfuso, li għalih ukoll jikkontribwixxi spiss.
Dan il-workshop hu mwieżen mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. L-edizzjoni 2026 tal-Premju Commonwealth
għan-Novelli, miftuħa mill-1 ta’ Settembru 2025 sal-1 ta’ Novembru 2025, taċċetta sottomissjonijiet bil-Malti u bl-Ingliż. It-tour tal-workshops jibda fid-29 ta’ Awwissu u jibqa’ sejjer sal-10 ta’ Ottubru. Is-sessjonijiet l-oħra se jkunu mmexxijin minn David Samuel Hudson, Leanne Ellul u Aaron Aquilina. Id-dettalji kollha
jinsabu hawn .