persefoni tmur tixtri l-ħwejjeġ secondhand

Nathan Anthony Pace

Aħna nibdlu l-ġeneru
ma’ kull żerriegħa tar-rummien li nigdmu u nobżqu ’l barra.
Ġisimna jibdel l-istaġuni:
sitt xhur Ade
sitt xhur Demetra
sitt xhur alla bejniethom.

Il-libsa ħamravjola vjolenti fuq il-manikin
taħfinli ħarsti bħall-illużjoni tal-femminilità.
Fiċ-changing room għajnejk jaħarbu minn fuq ġismi għarqan bil-ponot ħotba
bħall-ganutell fuq sider il-libsa.
M’ilnix nafek siegħa u ġa rajtni għarwien:
għajni x-xellugija tingħalaq nofs
l-għazza sufija fuq it-tieni rukkell
ix-xaħam bqit f’żaqqi.
Subgħajk joborxuli l-ġilda huma u jaqflu l-buttuni ma’ dahri.
Il-kurpett jissikka donnu t-tgħanniqa li ma tajtnix.
Meta nilmaħni fil-mera
rummiena voluminuża
nħossni mara;
tgħidli l-libsa ma tagħmlekx mara:
il-mara qiegħda fik
is-sugu tagħha għad ixappap il-qxur imqaxqxa ta’ minkbejk.

Fl-ajruport tifkirtek tiżloqli żurżieqa bħal demgħa ta’ kafkaf.
Ma bqajtx tkellimni
minn wara li qaxxart ir-rummiena minn ma’ ġismi matt:
meta spiċċawlha ż-żrieragħ
baqgħet il-frotta ħofra skeletru mard.
Għala ma bqajtx tkellimni?
Stajna nixtru kilo rummien
nigdmu ż-żrieragħ u nobżquhom ’il barra
għax xejn ma jrabbi l-għeruq fina.

L-iżvilupp u l-pub­blikaz­zjoni ta’ dax-xogħol sar bl-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti bħala parti mill-Investiment f’Organizzazzjonijiet Kulturali 2026–2028.

Dekorazzjoni art-nouveau