Lejn l-aħħar t’April il-union sejħet strajk. Kien general strike, u ħadd ma ħadem. Ħadd ħadd ħadd ħadd. L-ebda ħanut ma fetaħ u l-ebda biċċa xogħol ma saret dakinhar. Fl-erbgħa ta’ filgħodu, konna diġà qed nistennew ħdejn il-pont. Il-union ħatret il-membri tagħha stess, biex tiżgura li ħadd ma jidħol ix-xogħol. Konna pickets, kellna faxex bojod biex nintgħarfu, biex kulħadd ikun jaf x’qed nagħmlu. Iltqajna għall-ħabta tal-erbgħa u nofs fin-Naxxar. Konna diġà rċevejna l-ordni biex nibqgħu fil-post, u biex nieħdu ħsieb l-affarijiet hawn f’pajjiżna stess, biex niżguraw li l-karozzi tal-linja ma jaħdmux. Konna ilna sitt snin fil-partit. Meta nqasam, għall-ewwel konna morna ma’ Boffa, imma mbagħad qlibna l-vot għal Mintoff. Konna favur l-Ingliżi aħna, favur l-Integration, u f’Boffa konna tlifna l-fiduċja għax ma kienx kapaċi jiqfilhom. Aħna kien jidhrilna li l-futur tagħna kien mal-Ingliżi, ġewwa l-Ingilterra, jew ir-Renju Unit, jew x’kienu ħa jsejħulu kieku sirna ħaġa waħda magħhom. Konna għadna ġuvintur dak iż-żmien, kellna ħafna ħin għall-politika u biex noqogħdu norganizzaw. Ħadd mill-grupp tagħna ma kien għadu żżewweġ. Il-kumitat kien jiltaqa’ għand tal-grocer wara li kien jagħlaq, u hemmhekk konna niddiskutu x’għandna nagħmlu. Waqt il-kampanja tal-Integration, konna morna nduru l-iskejjel nagħtu l-lectures fuq x’kien ikun ifisser għalina li nsiru parti mill-Ingilterra, li nsiru bħal Surrey jew Croydon jew Milton Keynes, kif se taffettwalhom ħajjithom lit-tfal meta jikbru. Bħala ħaddiema established mal-Ammiraljat, mad-dipartiment tal-armamenti, ma stajniex nistrajkjaw. Konna sirna skrivani u, bħall-iskrivani l-oħra, konna membri tas-Civil Service Clerical Association, li kienet affiljata mal-union. Konna naħdmu bħala fitters fl-RAF. Konna ilna apprendisti, żmien twil, minn mindu kellna tmintax jew dsatax-il sena. Dakinhar filgħodu ltqajna ma’ Mintoff fil-każin Laburista ta’ Bormla. Tana struzzjonijiet, li kulħadd għandu joqgħod il-belt jew ir-raħal tiegħu, u ma jmurx il-Belt. Imbagħad reġa’ telaq bil-karozza tiegħu u ’qas kien għadu sebaħ. Bdejna minn kmieni filgħodu l-Gżira, ħdejn il-pont ta’ Manoel Island. Qgħadna hemm fil-kwiet, l-uniku ħoss kien tal-għasafar qed iqumu. Iltqajna, madwar erbgħa minna, konna kollha żgħar, quddiem il-grada tal-Boom Defence, f’tarf il-Marsa, fit-triq għal Raħal Ġdid. Konna ppjanajnieha dit-tattika minn qabel, konna ilna jiem sħaħ niddiskutuha. Ħafna minna kienu jaħdmu hemm, il-Boom Defence. Il-Boom Defence tagħmel man-Navy. Ipoġġu x-xbieki biex jagħlqu l-bokka tal-port jekk ikun hemm bżonn, jekk ikun hemm xi attakk bit-torpidows. Ħafna sajjieda ħadmu hemmhekk matul il-gwerra. Konna ħdimna fil-Middle East u mbagħad ġejna lura u rġajna bdejna naħdmu hemm. Kienu jaħżnu l-bagi tan-navy u jsewwu l-lanċa. Resqet lejna karozza u kien Mintoff, ħiereġ minn Bormla, bilqiegħda fuq wara, in-naħa tax-xufier. Staqsiena kif sejrin. Għednielu li għadna kif bdejna, s’issa kollox kwiet. Kien għarafna għax ftit qabel ma konniex qbilna fuq xi azzjonijiet tal-union imma dakinhar filgħodu tkellimna, u wara kien ġie jarana Kordin. Il-karozza ta’ Mintoff saqet ’l hemm u kompliet lejn Tas-Sliema u mbagħad fil-ħamsa u nofs ta’ filgħodu, meta beda jbexbex, waslu l-ewwel pickets. Konna ilna attivi fil-union minn ftit qabel ma spiċċat il-gwerra. Konna għadna naħdmu mal-RAF meta dħalna. Imbagħad tlaqna naħdmu full-time mal-union stess. Meta nqasam il-partit, konna żammejna ma’ Boffa għax ridna nibqgħu fil-gvern. Hekk ħassejna, li kien iktar importanti li nibqgħu fil-gvern. Il-partit ma ridniex narawh maqsum. Fil-Gżira, Raħal Ġdid, ir-Rabat u n-Naxxar kulħadd kien inkwetat dwar il-karozzi tal-linja, li jekk jaħdmu l-istrajk ifalli, jew ikun qisu falla. Il-moral kien jinżel żgur. Imma konna inkwetati wkoll li jekk il-karozzi tal-linja jaħdmu, ikun diffiċli nieħdu ħsieb is-sewwieqa. U forsi l-passiġġieri ma jkunux safe, lanqas. Imxejna tul il-bankina quddiem il-baħar, nistennew biex naraw jekk in-nies kinux qed jaqbdu l-karozza tal-linja. Wara li kien kellem lill-oħrajn, Mintoff ġie fuqna u kellimna. Mal-ħamsa, in-nies bdew jinġabru. Sal-ħamsa u nofs kien hemm laqgħa ta’ ħamsin raġel, jistennew li l-ewwel ħaddiema jisfidaw id-direttivi tal-union. Daqt kien se jisbaħ u kulma stajna naħsbu fih kien jekk il-karozzi tal-linja kinux se jaħdmu wara kollox. Għattejna l-wiċċ tat-triq bil-ġebel imma xi xufiera kienu qed joħorġu mill-karozza tal-linja tagħhom, jiġbru l-ġebel u jarmuh mal-ġenb. Imbagħad kienu jippruvaw isuqu. F’Ponsonby St, il-Gżira, rajna karozza tal-linja fit-terminus. Ix-xufier kien xegħel il-magna, imma kien għadu fuq il-free, ma ċċaqlaqx. Bdejna nimxu lejh biex nistaqsuh għala kien se jaħdem illum. Ma deherx ħa gost xħin rana resqin lejh, u ma wera l-ebda intenzjoni li jkellimna. Imbagħad f’daqqa waħda beda jsuq dritt għal fuqna. Ersaqna mal-ġenb bl-eżatt għax kieku konna nibqgħu tal-post. Bdejna nħabbtu mal-pannelli, mal-ġenb tal-karozza tal-linja, bil-ponn. Imma baqa’ sejjer. Issa konna nafu żgur li jekk il-karozzi tal-linja ma nwaqqfuhomx bil-forza, kienu se jaħdmu. Morna nitkellmu ma’ xufier ieħor, kellu l-karozza ġa mimlija. Meta rana ġejjin startja l-magna. Sabbatna kemm flaħna mal-pannelli, bdew jagħmlu ħoss qisu ragħad, tieqa minnhom tfarrket u kien hemm il-ħġieġ kullimkien. Kien hemm passiġġier beda jgħajjat imma l-karozza tal-linja ma waqfitx. Wasalna l-każin Laburista ta’ Raħal Ġdid eżatt kif kienet waslet fi tmiemha l-laqgħa tal-kumitat ta’ azzjoni. Mintoff tana x’nagħmlu. Xogħolna kien li nwaqqfu t-traffiku. Jekk il-karozzi tal-linja jgħaddu minn Raħal Ġdid, daqslikieku kienet xi ġurnata oħra, allura jkun ifisser li l-istrajk falla. Il-gvernatur tkun għaddiet tiegħu. Lis-sewwieqa tal-karozzi tal-linja kien beżżagħhom li se jneħħilhom il-liċenzja. Konna ħsibna l-istess mingħajr ma ftehemna. Il-lejl ta’ qabel sraqna ż-żejt mill-Boom Defence, tankijiet ta’ erbgħa u erbgħin gallun minn bastiment irmiġġat hemm, u ferrajnieh f’kontenituri iżgħar. Matul il-lejl ħallejniehom fuq vapur ieħor, The Magnet kien jismu, irmiġġat hemm ukoll, il-Boom Defence. Għall-ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ filgħodu, ġbarna l-laned taż-żejt, il-jerrycans, u l-fliexken li konna mlejna biż-żejt. Imbagħad ħadniehom sa salib it-toroq li jagħti mill-Marsa għal Raħal Ġdid u hemmhekk xerridna ż-żejt mal-art. Ħallejna passaġġ wiesa’ biex il-karozzi tal-istrike control ikunu jistgħu jgħaddu minnu. Il-karozzi tal-linja kienu se jibdew dalwaqt, kien kważi d-dawl. Kienu ġabuna fuq magazine Ingliż, il-familja kollha, kien hemm stampa tagħna. L-erbgħa li aħna bl-għasafar fil-gaġeġ. Maltin, imma familjari mal-istil tal-ħajja tal-Ingliżi. Aħna diġà konna integrati, dak li riedu jgħidu, għax bħalhom. Il-magazine kien jismu John Bull. Fid-dlam ta’ filgħodu, l-ewwel li waslu kienu erba’ muturi tal-militar. Malli missew maż-żejt, skiddjaw waħda bl-ikrah. Allura wara ftit jgħaddi mutur, surġent tal-pulizija, surġent tal-armata, Ingliż, għamilnielu sinjal biex jieqaf imma baqa’ sejjer, u meta ġagħluh jieqaf, ħasad il-brejk u skiddja minħabba ż-żejt mal-art u baqa’ sejjer, fuq żaqqu jgħajjat ajma ajma, miskin. Baqa’ sejjer dritt sal-bankina mal-ġenb fejn kien hemm id-djar tan-nies, u l-mutur fuq in-naħa l-oħra. U mbagħad f’daqqa waħda l-mutur ħa n-nar u sadattant is-surġent kien qed jimsaħ idejh ma’ ħwejġu, ma’ sidru, u miexi lura lejn il-mutur li kellu n-nar ħiereġ minnu. Għajjatnielu biex ma jersaqx lejn il-mutur għax konna qed naħsbu, jekk imur ’l hemm jinħaraq għax miksi biż-żejt, kellu l-ħwejjeġ kollha żejt. Dan ma konniex qed nagħmluh biex inweġġgħu lil xi ħadd, ma ridna lil ħadd imut. Ix-xufiera tax-xarabank, meta ġew, kienu iktar attenti, waqfu bl-eżatt qabel ma r-roti kienu missew maż-żejt. Tfajna biċċiet tal-injam bl-imsiemer fuqhom, fuq wiċċ it-triq, u kull ħaġa oħra li stajna nsibu biex inwaqqfuhom il-karozzi tal-linja. Tfajnielhom li ġie f’idejna, kull xarabank li kienet qed taħdem tfajnielha minn kollox. In-nies kienu qed iħarsu lejhom mill-gallariji, li kienu ftit ogħla mill-passiġġieri fit-twieqi. Kellmuhom, qagħdu jgħidulhom x’inhu għaddej, qalulhom x’għandhom jagħmlu. Għatti wiċċek issa, hawn wieħed ħa jitfa’ xi ħaġa, baxxi rasek għax tlaqqatha. Konna grupp ta’ rġiel u bdejna nġibu ż-żejt tal-muturi u l-blat u l-ġebel. Ġarrejna kollox mill-mina li tieħdok Bormla minn Kordin. Inferrxu ż-żejt mal-art, saff iswed irqiq, ma kontx tarah, kien għadu d-dlam. Bnejna l-barrikati. Sa ftit qabel it-tmienja, il-mina kienet magħluqa, u l-pulizija ma kienu jidhru mkien. Allura issa konna mblukkajnieha l-mina ta’ Bormla, u minn hemm jgħaddu l-karozzi tal-linja kollha, dik ir-rotta kienet tgħaddi minn Bormla għall-Birgu, għal Raħal Ġdid, u mbagħad għall-Belt. Ħdejn it-triq tat-Tempji, Ħal Tarxien, ġiet karozza, ipparkjat u minnha ħareġ Mintoff. Qalilna oqogħdu attenti, u moħħkom hemm. Araw li ma tweġġgħux. Ħadna s-sidestreets, imxejna lejn Raħal Ġdid, u morna lura Ħal Tarxien. Imbagħad xi ħadd qalilna li ż-Żurrieq, il-karozzi tal-linja żgur kienu qed jaħdmu. Soqna lejn il-Marsa sparati u waqafna ħdejn iċ-Ċimiterju tat-Torok. Ġbarna biżżejjed terrapien u ħamrija u ġebel biex nimblukkaw it-triq, għall-inqas għalissa. U mbagħad meta l-karozza tal-linja kienet għaddejja, xi ħadd tefa’ skalpell u laqat passiġġier. Ix-xufier kien qalilhom lill-passiġġieri biex ibaxxu rashom u jibqgħu hekk imma l-ħġieġa tfarrket, l-iskalpell baqa’ dieħel. Imbagħad meta l-karozza tal-linja waslet l-istejġ ta’ wara, kulħadd niżel u l-karozza baqgħet hemm. Staqsejna ’x-xufier, għaliex qed taħdem? Ma tafx li llum general strike? Qalilna iwa kien jaf u ma kienx jaħdem kieku l-imgħallem ma bagħtux. Kienet għaddejja karozza tal-linja mimlija passiġġieri ħdejn il-pont ta’ Manoel Island, fejn konna. Kienet ġejja minn Spinola, sejra l-Belt. Morna fuq ix-xufier biex inkellmuh, biex nistaqsuh għaliex kien qed jikser l-istrajk. Qalilna għax kienu ordnawlu jaħdem. Imbagħad ħabbatna mal-ġenb tal-karozza tal-linja biex jinkisru xi twieqi u ma jkollux għalfejn jaħdem. Lix-xufier għednielu biex ma jerġax jgħaddi minn hawn, għax qed inżommu għajnejna fuq dir-rotta. It-tnejn konna fitters l-RAF. Konna ilna apprendisti sentejn. Konna żewġt aħwa, tmintax u dsatax. Issa kienu xi t-tmienja ta’ filgħodu, u konna diġà ħadna l-għarusa d-dar biex tibqa’ m’ommha l-ġurnata kollha. Xarabank oħra kienet qed tipprova tgħaddi, ukoll kienet ġejja minn Spinola għall-Belt. Waqqafna l-karozza u staqsejna ’x-xufier jekk kienx is-sid, jekk il-karozza kinitx tiegħu. U staqsiena, għala, intom min intom? Għednielu li konna tal-union, uffiċjali. Qalilna iwa, tiegħu, u għednielu ibqa’ għaddej imma terġax tidħol minn hawn meta tkun ġej lura, għax xi siegħa oħra l-affarijiet se jibdew jisħnu. It-tfal kienu qed jimblukkaw it-toroq bil-ġebel, iġorru l-ġebel sa nofs it-triq. Xi ħadd ġie u staqsiehom x’qed jagħmlu. Qalulu li kienu qed jagħlqu t-triq, għax in-nies f’dawn il-karozzi riedu jmorru x-xogħol, u llum kien general strike u għalhekk m’għandhomx imorru x-xogħol. Ħafna xufiera tal-karozzi tal-linja Malta kollha kienu għadhom it-terminus bilqiegħda fis-seat jistennew lil xi ħadd imur jgħidilhom li ma setgħux jaħdmu, xi ħadd mill-folla. Anki l-ħaddiema tal-gvern li kienu bagħtuhom biex jagħmlu xi xogħlijiet. Qagħdu jistennew biex xi ħadd jgħidilhom li m’għandhomx jaħdmu, għax illum strajk. Meta ġew jistaqsuhom għala qed jaħdmu qalulhom għax kienu ordnati jagħmlu hekk u mbagħad meta l-pickets qalulhom li m’għandhomx jaħdmu marru d-dar u lill-imgħallem qalulu li ma setgħux jaħdmu għax kienu waqqfuhom in-nies, u hekk baqgħu ħbieb ma’ kulħadd. Lilna qalulna li jibżgħu minnhom, u lilhom qalulhom li jibżgħu minna. Diġà dak il-ħin, kmieni fil-ġurnata, gruppi żgħar ta’ rġiel kienu bdew joħorġu fl-inħawi tagħna, biex jaraw kif se jaqtgħu l-wajers tar-Rediffusion. Oħrajn kienu qed iduru fit-toroq, iħarsu ’l barra, attenti għal movimenti ġodda u suspettużi. Il-pulizija u l-commandos qatt ma kienu ’l bogħod. Konna għedna lin-nisa tagħna biex imorru joqogħdu m’ommhom jew oħthom għax ħa jkun hemm l-inkwiet il-Belt. Dak kien li smajna, għajdut li l-inkwiet kien se jkun hemm l-aktar. Konna apprendisti, konna dħalna naħdmu għax in-navy kienet saħqet li dawk li qed jitħarrġu xorta għandhom jirrappurtaw għax-xogħol dakinhar, ma konniex koperti bi strike protection, u l-union kienet qablet dwar dan. Imma meta tlajna abbord il-vapur tagħna l-baħrin ma kellhomx xogħol għalina għax il-ħaddiema kollha kienu fuq strajk. Wieħed baħri Ingliż kien sorpriż ħafna meta rana. Tawwal ilsienu magħna, u qalilna xi ħaġa li ma daqqitilniex sew u ġibnieha bi kbira u bagħtuna d-dar, imma l-karozzi tal-linja ma kinux qed jaħdmu u mxejna fit-toroq mimlija ġebel, ramel, żejt u ċapep ta’ duħħan ’l hawn u ’l hemm. Rajna ħelikopter itir ’il fuq, jgħassilna, itir qalb iċ-ċapep ta’ duħħan. Kien hemm minna li qatt ma kienu raw ħelikopter, għalkemm il-Lords kellhom minnhom meta kienu ġew biex jaraw l-affarijiet b’għajnejhom stess waqt it-taħditiet tal-Integration. Wara li r-rally kienet imblukkat it-triq tal-Imdina, xi ħadd qalilna li f’barriera viċin kienu se jibdew jaqtgħu l-blat. Kollha kemm aħna morna l-barriera u ħadnieha mal-foreman, u x-xogħol waqaf. Fis-sitta, qabel ma telgħet ix-xemx, ħabbtilna l-bieb pulizija biex jgħidilna qisu li tirrappurtaw għax-xogħol. Imma ma stajniex immorru, ’qas kieku ridna, għax il-karozzi tal-linja ma kinux qed jaħdmu, u dawk li rnexxielhom jidħlu bagħtuhom id-dar. It-traffiku bejn Ħal Luqa u ż-Żurrieq kien twaqqaf għalkollox issa. Xi wħud minna konna libsin ilbiesi ġodda fjamanti għax konna ħsibna li se nkunu qed nagħmlu ħafna xogħol tal-union, xogħol uffiċjali, iżda l-biċċa l-kbira tax-xogħol li kien hemm bżonn isir kien li nġibu ż-żejt tal-muturi biex ngħattu t-triq. Konna żammejna magħha l-Integration għax kienu jogħġbuna l-Ingliżi bħala nies, ħdimna magħhom it-tarzna u kont tirranġa magħhom, għalkemm xorta waħda kienu jtuna l-impressjoni li ma riduniex daqshom. Kienu kuntenti bina biss jekk kienu fuqna. Hekk riedu. Riedu jimxu ta’ nies mas-sefturi. Allura issa aħna ridna niksruha mal-Ingliżi darba għal dejjem, dik kienet l-unika soluzzjoni li kien fadal. Konna koċċ ġuvintur minn Bormla, kollha tampar xulxin, u tlaqna bil-mixi, fit-triq, biex naraw ma’ xiex konna ħa niltaqgħu. Kien hemm ħafna nies fit-toroq. Morna lejn il-Marsa u hemmhekk beda l-inkwiet. Kellna l-pitrolju u ċ-ċraret qodma. Xi ħadd ġab miegħu serrieq tal-mastrudaxxa. Inżilna ċ-Ċimiterju tat-Torok, mhux ’il bogħod minn fejn kienu jgħixu xi tnejn jew tlieta minna. Konna nafu fejn kien hemm żewġ arbli tar-Rediffusion, kbar, tal-injam. Ridna naqtgħulhom il-wajers għax ma kinux riedu jxandru l-bulettini tal-union. Propaganda tal-Ingliżi biss riedu, il-ġurnata kollha. Għamilna toqba fl-arblu, xarrabna ċ-ċraret fil-pitrolju, u deffisniehom fit-toqba li konna taqqabna. Qabbadna ċ-ċraret b’sulfarina u rsaqna lura biex naraw l-arbli jinħarqu. Meta konna ċerti li kienu se jinħarqu sal-art, morna lura d-dar għax in-nisa kienu inkwetati u kienu qalulna biex ma nibqgħux barra tard, imma għall-inqas konna nafu li għamilna l-biċċa tagħna. Imbagħad waranofsinhar erġajna ħriġna. Konna xi mitt persuna, jew mitejn, tfajna l-ġebel fuq il-pulizija, u kissirna t-twieqi tal-karozzi li kienu fihom. Smajna li kienu sejrin lejn Blata l-Bajda, allura morn’hemm, ħdejn il-flats tal-Arċisqof, u xħin wasalna rajna li n-nies kienu qed jitfgħulhom il-ġebel lill-pulizija. Surġent ħareġ mill-karozza biex ineħħi l-ġebel li kien qed jimblokka t-triq u xi ħadd mir-Rerum Novarum Flats tefagħlu żewġt iqsari. Il-pulizija l-oħra kienu telgħin l-għolja biex jiċċirkundawna, allura qtajna qalbna u ħallejniehom jarrestawna. Tfajna landa petrol fuq il-gverta ta’ vapur imma ma ġara xejn. Għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħodu, konna f’karozza ma’ Agatha Barbara, konna qed insuquha lura lejn il-karozza tagħha tal-kiri, għax kienet issakkret barra biċ-ċwievet fiha. Konna qed insuqu Ħaż-Żabbar, u rajna vann jiġbor il-ħaddiema. Barbara għarfitu lix-xufier għax minn fejn toqgħod hi. Segwejna l-vann għal ftit sakemm ilħaqniehom u għamilnielhom sinjal biex jieqfu. Soqna għal naħa waħda tal-vann li issa stajna naraw li kien hemm fih ix-xufier u ħames passiġġieri, tliet nisa u żewġt irġiel, u minn tieqa fuq in-naħa tax-xufier Barbara qaltilhom ma tafux li hawn strajk? Ma tafux li ma tistgħux tmorru x-xogħol illum? Ix-xufier qal li kien ħaddiem l-isptar, u ma setax jistrajkja għax kien established. Kien qed jiġbor in-nurses u l-fattigi li kienu jaħdmu Frankuni. Barbara qaltlu li kienet taf fiċ-ċert li ma kienx established, u kellu kull dritt ma jidħolx ix-xogħol illum, u li ma jistax jieħu lill-oħrajn għax-xogħol għax jekk jipprova jgħaddi minn Raħal Ġdid kien hemm folla nies hemmhekk, xi mija jew mitejn, u żgur li kienu jaqilbulhom il-vann bihom b’kollox. Qaltlu pparkja l-vann xi mkien hawn u kulħadd imur id-dar bil-mixi. Waħda min-nisa għarfitha ’l Agatha Barbara minn meta kienet Ministru tal-Edukazzjoni u ħarġet mill-vann u qaltilha biex tħallihom jgħaddu. Barbara qaltilha li kien perikoluż għalihom għax jekk jippruvaw isuqu kienu jaqilbulhom il-vann għax kien hemm folla kbira. Fil-vann waħd’oħra min-nisa ħassha ħażin, u waħd’oħra bdiet tibki. Reġgħu daħlu kollha fil-vann u saqu lejn l-għassa ta’ Ħaż-Żabbar. Malli waqfu biex jippruvaw jipparkjaw, daret magħhom folla kbira. Aħna dorna d-dipartimenti tal-gvern wieħed wieħed u għednielhom bl-istrajk, spjegajnielhom min kellu jaħdem u min kellu dritt jistrajkja. Morna d-Dipartiment tas-Saħħa u, Strada Rjali, in-National Insurance. Il-Belt l-iktar li dakinhar baqgħet wieqfa. Tal-privat, ħafna minnhom ma ħadmux għax in-nies ma daħlux il-Belt, jew ma setgħux jiġu jew baqgħu d-dar. Il-Barclays kien magħluq u l-monti, quddiemu, kien vojt. Qatt ma konna rajnieh hekk il-Belt, baħħ. Il-ħwienet tal-Indjani kollha baqgħu magħluqin. Mhix ħaġa kbira din, għax dawk jifhmuna, jifhmu għaliex qed nagħmluh dan, jafu xi rridu aħna. Putirjal ma kienx hemm karozzi tal-linja, u t-tfal kienu qed jilagħbu flok marru l-iskola anki jekk fuq ir-Rediffusion dakinhar filgħodu kienu qalulhom biex imorru bħas-soltu. Imma min kien se jieħu ħsiebhom? L-għalliema baqgħu d-dar, jew ħafna minnhom. Kien hemm aktar pulizija l-Belt milli kien hemm nies. Pulizija u commandos. Bnew ħafna barrikati kontra l-baħħ. Barbed wire jaqsam it-toroq vojta, vannijiet u l-ambulanzi jistennew mimlijin pulizija tal-militar. Rajna grupp ta’ ħaddiema tal-gvern li kienu bdew jagħmlu xi xogħlijiet fit-toroq. Morna lejhom u ’l-foreman staqsejnieh, ma tafx li llum strajk ġenerali? Qalilna għax ma tiġux twaqqfuna? Għalhekk imxejna lejn Raħal Ġdid u ġbarna folla ta’ forsi tletin, u ħadniehom lura magħna fejn konna rajna x-xogħlijiet. Meta rawna ġejjin, il-ħaddiema ħarbu, u ħallew ix-xogħol nofs leħja, munzelli ta’ trab tas-siment niexef, għodda u anki l-ikel li kienu ġabu magħhom għal nofsinhar ħallewh hemm mal-art. Kissirnielhom l-għodda u xerridna s-siment. Dakinhar ma sar ebda xogħol fuq is-sit. Bdejna telgħin l-għolja u ndunajna li kien hemm wajers tar-Rediffusion tul it-triq kollha. Għalhekk wieħed minna tela’ fuq l-arblu tal-injam u pprova jiddendel mal-wajer imma ma riedx iċedi. Ma konniex ċerti li kienu tar-Rediffusion imma ma kellniex mod kif inkunu nafu żgur. Ma dehrux qishom mains, imma ma konniex ċerti. F’tarf il-Marsa u lejn Raħal Ġdid, il-pulizija kienu bdew resqin wara l-għaxra ta’ filgħodu meta ndunaw li dakinhar mhux il-Belt kienu se jiġru l-affarijiet. Morna l-każin ta’ Raħal Ġdid. Kien qisu nhar ta’ Ħadd jew xi festa, mimli nies. Folla żgħira baqgħet hemm, kulħadd jgħid x’ra jew x’għamel. Inġbarna madwar munzell irmied, u domna ftit biex nindunaw li dak l-irmied kien kulma kien fadal mill-gabbana ta’ ħdejn it-terminus tal-karozzi tal-linja. Tlaqna minn Raħal Ġdid u nżilna l-Marsa. Kien għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu, u konna quddiem it-Tiger Bar, fejn konna ndunajna li kienet ipparkjata Jeep tal-armata. Il-folla kienet diġà attakkatha u l-commandos ta’ ġewwa kienu ħarbu. Madwarna kien hemm barrikati tal-ġebel u t-toroq kienu jiżolqu biż-żejt, u stajna naraw il-pulizija ġejjin. Dawwarna l-Jeep u kissirnieha, imbuttajnieha lejn il-baħar u tfajnieha ġol-ilma. Lill-commandos tfajnielhom il-ġebel. Ma kinux armati u ħarġu l-imkatar qishom qed iċedu, u spiċċaw fl-ilma kollha kemm huma, lanqas biss konna missejniehom. Komplew ixejru l-imkatar u bqajna nitfgħulhom il-ġebel sakemm kienu s’għonqhom fl-ilma. Meta ma baqax ilaħħqilhom għamu ’l barra, u ġew lura lejn l-art minn xi mkien ieħor. Mhux qed ngħidu li ma bżajniex. Wara kollox, kien għad kellna ħdax-il sena. Dejjem ħa tħoss daqsxejn tensjoni, tara ’l ommok tibki d-dar. Mur ara fejn hu missierek, mur sibu, u għidlu li l-ikel lest, forsi hekk jiġi d-dar. Sibnieh ix-xatt, mal-pont. Issa l-pulizija kienu jidhru iktar determinati javvanzaw lejn Raħal Ġdid, għal fuq it-telgħa ta’ Kordin. Kienu l-istess pulizija li kienu telqu mill-Belt, u issa riedu jbattlu t-triq fejn konna aħna. Għaddew mill-Marsa u ġew lejna. Żgur kienu qed jaħsbu li jekk ikollhom ’il Raħal Ġdid f’idejhom it-toroq tad-dockyard ikunu miftuħa u kienu jerġgħu jieħdu l-kontroll tan-naħa t’isfel. Erġajna Raħal Ġdid, imma ħadna t-triq li ddur maċ-Ċimiterju tal-Addolorata. Rajna linja twila t’arbli tal-injam, arbli tar-Rediffusion. Intfajna naqtgħu l-cables wieħed wieħed, segwejniehom kollha tul it-triq. Ħdejn il-knisja ta’ Santa Ubaldesca ħareġ raġel mit-tieqa fl-ewwel sular u minn fejn konna stajna naraw li kellu senter f’idu. Qalilna jekk ħa nkomplu naqtgħu l-wajers jisparalna. Għall-ħabta ta’ nofsinhar konna fil-qiegħ tal-għolja, it-triq kienet ibbarrikata minn naħa għall-oħra, u dik triq wiesgħa ħafna, wisa’ t’erba’ karozzi. Hemmhekk kien hemm workshop u funderija żgħira. Kienu jagħmlu l-pajpijiet u l-għamara tal-ġnien, affarijiet hekk, bibien tal-garaxxijiet u gradi. Il-barrikata għamilnieha minn ġebel u oġġetti tal-metall li konna sibna barra dal-workshop. Rajna karozza ġejja u ndunajna li kien l-Arċisqof Gonzi. Din kienet sorpriża għalina. Kien jidher f’għajnejn kulħadd li għal ftit sekondi ma konniex nafu x’se naqbdu nagħmlu, kif kellna nittrattawh. X’kien qed jagħmel hemm? Fl-aħħar kellimna x-xufier u tajnieh parir fuq kif jaqbillu jgħaddi, liema toroq għandu jevita u liema kienu miftuħin. Ressaqna xi laned taż-żejt u xi erba’ ġebliet kbar u ħallejniehom jgħaddu. Imbagħad erġajna bnejnieha l-barrikata. Il-pulizija ppruvaw jieħdu kontroll ta’ dik il-parti ta’ Malta billi jduru mal-barrikati li konna bnejna. L-ewwel, ippruvaw min-naħa ta’ Ħal Tarxien. Fire engine mimlija pulizija bdiet iżżeġġeġ fit-toroq dojoq, daħlet ġol-pjazza, imbagħad għaddiet mit-toroq dojoq li joħorġu minnha. Imxew bla ħoss, bdew jiġru wara gruppi żgħar ta’ dimostranti, jeħduhom għal għarrieda, isuqu fuqhom bil-mod u jimbuttawhom għal ġos-sqaqien. Imbagħad meta jaqbduhom, jarrestawhom. Aħna konna erbgħa, tliet aħwa u l-kuġin li kien ilu magħna l-ġurnata kollha. Il-fire engine segwietna għal xi ftit minuti imma rnexxielna niġru ’l quddiem, u dorna l-kantuniera u konna d-dar qabel ma kellhom il-ħin jiksru għal ġot-triq tagħna. Kilna m’ommna u rġajna ħriġna, mill-bieb ta’ wara u qbiżna l-ħajt tal-ġnien. S’issa l-fire engine kienet telqet minn Raħal Ġdid imma kien ċar li l-pulizija ma kinux kuntenti jgħassu l-Belt, l-uffiċċji u l-palazzi, u jħallu l-kumplament tal-gżira f’idejna. Riedu jieħdu lura t-territorju kollu. Fil-qiegħ tat-telgħa ta’ Kordin, resqu lejn il-barrikati imma konna lesti għalihom. Kien hemm żewġ ringieli pulizija, riot police, u bilwieqfa eżatt warajhom stajna naraw commandos lebsin bħalhom. Il-pulizija kienu fuq quddiem, nixfin qishom fniek għall-qatla. Il-commandos kienu jitimgħuhom tajjeb, kienu jidhru ħafna ikbar minnhom, u ħadu ħsieb wara. Bdejna naħsbu li setgħu jiftħu n-nar fuqna bħalma kienu għamlu fl-1919. Kieku llum ir-ritratti jduru mad-dinja kollha sa filgħaxija. Fuq in-naħa tagħna tal-barrikati, in-naħa ta’ fuq, konna xi ftit mijiet, qisu xi elf minna jew hekk, u kellna f’idejna biċċiet tal-ħitan, biċċiet strambi tad-dinja nnifisha li kienu ilhom jiġru fil-pajsaġġ għal snin sħaħ, għal mijiet ta’ snin, forsi eluf. Biċċiet t’artna. Għalaqna l-ponn madwar dawk il-frammenti poliedriċi tal-ġebla tal-franka, tal-globiġerina, tal-ġebla tal-qawwi, biċċiet ta’ blat li xi darba kienu nqatgħu mill-art, li konna ssellifna mill-art biex nibnu djarna, djar li twaqqgħu min-nar tal-għadu, is-sisien tagħhom imġarrfa mhux ħtija tal-bennej: l-imramma ċediet fl-isparar bejn l-għadu tagħna u l-għadu tagħhom. Blat li kien is-sediment ikkompressat tal-iġsma mejta ta’ foraminifera li darba niżlu bħall-borra għal qiegħ il-baħar. Issa qbadniehom dawn il-frammenti f’idejna, idejn li qatt ma kienu ħadmu l-art, li kienu ġew imgerrxa minnha, mgħallma biex, minflok, jiggriżjaw il-fusijiet, idawru l-ispanners u t-turnaviti, imma issa f’daqqa waħda ftakru kif jaqbduh il-blat, kif jinħassu mal-ġilda x-xfar ħorox tal-ġebla. Aħna qbadna dal-ġebel f’idejna, dal-kuntratti, għedna li din l-art, din kienet ir-rokna tagħna tad-dinja, u żammejna f’idejna mhux trattati, mhux konvenji u ċertifikati, mhux sinjali arbitrarji ta’ skambju, lanqas bajjunetti, imma l-art innifisha. Kien b’dawn il-kambjali, dawn il-muniti li nħadmu minn art antika, li konna ħa nifdu artna. Hekk kif is-swaba’ rħew il-qabda tagħhom, għadma b’għadma, irħew dawn il-biljuni ta’ skeletri mgħaffġin, tal-plankton u l-qroll, il-fidwa raffa tagħna, idejna ddeskrivew il-bidu tat-trajettorja parabolika tal-ġebel lejn l-uniformijiet skuri, lejn l-elmu u t-tarka ta’ kontra r-rewwixti, il-pulizija, uħud minnhom kuġini tagħna stess, ħbieb tagħna, u warajhom il-commandos Ingliżi, forsi armati, forsi bl-azzarin moħbi. Xħetna l-ġebel lejn il-fillieri tal-pulizija. Għadda iktar ġebel minn fuqna li konna quddiem milli għadda minn fuq dawk ta’ wara, u għal ftit sekondi deher bħallikieku kien hemm blat fuqna daqskemm kien hemm taħtna. Il-pulizija kienu qed jitfgħu l-ġebel lura, imma aħna poġġejna biċċiet kbar ta’ pajpijiet, qishom katusi kbar li kienu mal-ġenb, irrumblajniehom ’l isfel lejhom u l-pulizija nxterdu f’kull direzzjoni. Wasalna fejn kien hemm xi friġis jew affarijiet hekk u kien hemm dawn ir-roti tas-snien enormi. Kien hemm ftit mhux ħażin, imma konna ħafna nies allura ġbidniehom għal nofs it-triq, waħda ħdejn l-oħra, u poġġejna ġebla quddiem kull waħda sakemm il-pulizija resqu lejna, u meta kienu qrib għedna issa u neħħejna l-ġebel, u r-roti bdew jirrumblaw ’l isfel u l-pulizija ħarbu b’dawn ir-roti tas-snien jiġru warajhom. Hekk iggwadanjajna l-ħin biex noħorġu minn hemm u komplejna sejrin lejn il-Belt u fit-triq iltqajna wkoll ma’ ħafna ostakli. Meta wasalna l-palazz fejn ipoġġi l-gvernatur, xi ħadd qal ejja nimbuttaw il-kanuni li hemm quddiemu, kanuni antiki ta’ żmien il-kavallieri, u kollha kemm aħna tlajna t-taraġ biex nimbuttawhom imma kien hemm il-pulizija fil-gallariji u kienu qed ixejru l-bnadar u jgħajtu magħna inżlu inżlu u jippruvaw iwaqqfuna. Kien hemm nies oħra li kienu qed jgħinuna, ma konniex weħidna, u fost dawn l-oħrajn li ngħaqdu magħna, kien hemm raġel li kellu qisu zokk jew għasluġ b’musmar kbir u meta pulizija kien ġej lejna fuq iż-żiemel, dar-raġel beda jagħtih fuq il-koxxa bl-għasluġ liż-żiemel. Iż-żiemel sfratta u, ovvjament, il-pulizija waqa’ minn fuq dahru u ħrabna. Ma konniex morna skola allura ridna naraw x’kien għaddej. Iddeċidejna li nimxu lejn Raħal Ġdid. Wasalna fil-bidu tat-telgħa ftit qabel il-pulizija, bit-tarki f’idejhom, bdew telgħin it-telgħa sal-barrikati tad-dimostranti. Il-pulizija avvanzaw f’żewġ fillieri, warajhom kien hemm gruppi żgħar ta’ commandos. B’kollox, dimostranti kien hemm xi seba’ mija jew aktar. Il-pulizija u l-commandos warajhom kienu jgħoddu ħafn’inqas, imma kienu armati ħafna aħjar. Rajna nies iduru lejn il-gabbana tal-pulizija minn fejn normalment kien ikun hemm kuntistabbli jidderieġi t-traffiku, u rajnieh isir irmied. Il-Marsa, rajna grupp jattakka Jeep tal-militar. Imbagħad, wasalna t-telgħa ta’ Kordin hekk kif il-pulizija kienu għadhom kif għamlu għal fuq in-nies miġburin isfel, f’salib it-toroq. Kien minn hemm li wara li għadda l-Isqof, rajna l-pulizija ġejjin. Imbagħad morna d-dar għax diġà kienu s-siegħa ta’ waranofsinhar u kilna mal-mara jew m’ommna u mbagħad erġajna ħriġna. Rajna lid-dimostranti jitfgħu l-ġebel lejn il-pulizija. Kien hemm ukoll dawk iċ-ċrieki kbar tal-ħadid fondut: ġibduhom għal ġo nofs it-triq u imbuttawhom lejn il-pulizija u l-commandos. Għal xi ħin, il-pulizija bdew jaqbdu l-ġebel li kien ġej fuqhom u jitfgħuh lura. Imbagħad, qishom irtiraw. Fil-bogħod stajna naraw il-commandos. Konna nafu li setgħu kienu armati. Xi subien ta’ ftit aktar minn tnax jew tlettax-il sena telgħu fuq il-bjut tal-imħażen u bdew joffendu ’l-pulizija minn hemm fuq. Il-pulizija telgħu għalihom. Mit-triq stajna narawhom fuq il-bjut jiġru wara s-subien u jsawtuhom. Il-folla rritaljat, reġgħet waqgħet xita ta’ ġebel fuq il-pulizija. Il-fire engine li kienet għassa Raħal Ġdid issa kienet ingaġġata bħala rinforz għall-pulizija, li avvanzaw lejn il-folla miġbura mal-barrikati. Il-pulizija kienu armati ħafna aħjar mid-dimostranti li bdew telgħin it-telgħa għal Raħal Ġdid. Oħrajn ixxerrdu fit-toroq tal-ġenb. Sibna folla ta’ nies li bdew jiġru lejn it-toroq tal-ġenb u ġejna wiċċ imb wiċċ ma’ grupp ta’ commandos. Xi wħud minna qabdu l-ġebel, u bdew jitfgħuhom lejhom. Tferrxu, ma fetħux in-nar. Meta rajna dan, aħna tferrixna wkoll. Meta l-pulizija ndunaw li konna qed ninxterdu bħala grupp bdew jaqbżu fuq l-individwi, jaqbduhom u jitfgħuhom fil-Jeep. Ġabru ’l wieħed minna u meta ta ismu, staqsewh jekk kienx jiġi minn ċertu qassis. Missek tistħi tagħti eżempju ħażin, qallu s-surġent, u niżżluh fil-kantuniera ta’ wara u reġa’ ġie jingħaqad magħna. Issa qisu l-gvernatur kien iddeċieda li jieħu Raħal Ġdid bil-forza, wara li ma rnexxilux l-ewwel darba. Kien hemm ftit minna minn Bormla u ddeċidejna li flok ngħaddu mit-triq ngħaddu mill-wied għax hemm ħafna siġar u iktar kien hemm ċans li nkunu nistgħu ninħbew, imma l-pulizija kienu qed jiġru warajna bil-klieb. Ftehemna li jekk ninfirdu kull wieħed minna jista’ jitla’ ma’ siġra, u nibqgħu telgħin kemm jista’ jkun fl-għoli, u l-pulizija ma jarawniex u jibqgħu għaddejjin. Hekk għamilna, u meta qabżuna biċċa sew, inżilna mis-siġar u tlajna l-għolja bil-kwiet. Wara s-siegħa, Raħal Ġdid kien hemm qisu assedju. Jekk kont maqbud hemm ġew, kont issibha bi tqila toħroġ. Il-pulizija issa kienu qed javvanzaw għal fuq it-telgħa ta’ Kordin. Ġlied serju kien għadu għaddej. Grupp ta’ nies kien irnexxielhom jgħaddu minn qalb it-tarki tal-pulizija u l-linji ta’ commandos u komplew neżlin sal-Marsa. Issa kienu xi s-siegħa ta’ waranofsinhar. Marru n-naħa tal-Boom Defence fejn kienu jafu li kien hemm il-laneċ tas-Servizz marbutin mal-moll. Kien hemm ftit commandos għassa magħhom. Fl-istess ħin, kienu qed joqorbu dimostranti oħra. Kulħadd beda jitfa’ l-ġebel lejn il-commandos. Huma rtiraw min-naħa tal-baħar, lejn it-telgħa ta’ Kordin, u folla żgħira telgħet fuq l-ewwel lanċa. Sibna bramel li ħsibniehom mimlijin bid-diesel, u ferrajniehom fuq il-gverta biex nagħtuha n-nar, imma l-bramel kienu mimlijin bl-ilma mhux bid-diesel. Għalhekk, qbadna l-għodda u qishom vireg tal-ħadid u minflok ippruvajna nkissru l-lanċa bid-daqqiet. Xi ħadd għajjat li l-commandos kienu ġejjin lura u qbiżna fuq il-moll. Is-suldati Ingliżi kienu hemm, b’idejhom lesti fuq l-ixkubetti. Ħrabna u ma ħarġux għalina. Kien madwar is-siegħa u nofs ta’ waranofsinhar. Issa li d-dimostranti kienu rtiraw lejn Raħal Ġdid, il-pjazza kienet iktar mimlija. Minn mument għall-ieħor, it-tensjoni setgħet tisplodi f’rewwixta kbira. Kulħadd kien qed jistenna attakk ieħor tal-pulizija. F’nofsinhar, il-BBC kienu qalu li ħafna ħaddiema kienu qed jinjorawha s-sejħa tal-union biex jistrajkjaw. Wieħed mid-dimostranti ntlaqat minn ġebla u kellu d-demm ħiereġ. Ippruvajna ndaħħluh f’dar privata biex nagħtuh ftit ilma, imma meta daqqejna l-qanpiena, dehret mara fil-gallarija u qaltilna li kienet tibża’ minna u ma daħħlitniex. Id-dimostranti li kienu ferrxuhom il-pulizija li telgħu l-għolja issa ffurmaw folla f’Ħal Tarxien. Għall-ħabta tas-sagħtejn, parti żgħira minn dil-folla attakkat l-għassa. Għal għoxrin minuta, kissirna u ħraqna kulma ġie f’idejna. L-oġġetti neqsin kienu stmati li jiswew £219.12s.0d. Ħelikopter kien qed itir baxx fuq rasna, josserva kollox. Kien qisu qed jipprova jidħol fl-għassa tal-pulizija, magna kbira, tqila u storbjuża, bħal insett kbir f’nofs l-arja. Kien hemm ħafna nies fejn konna, ħdejn il-bieb prinċipali tat-tarzna fi Pjazza Gavino Gulia, f’Bormla, iħarsu lejn l-għassa tal-pulizija, jarawha tinħaraq. Kienu sabu l-manetti u l-bullets u issa kienu qed iduru fl-idejn, xi ħadd kien seraqhom mill-għassa waqt li konna qed inkissruha. Ikkawżajna ħsara materjali stmata għal £6, u £1.3s għal tiswijiet oħra meħtieġa. Kellna dsatax-il sena u konna bla xogħol. Armejna l-manetti u l-bullets ftit wara għax ma ridniex inżommuhom, konna nafu li misruqin u li dan kien punibbli b’erbgħin jum ħabs b’xogħol iebes. Waslilna bulettin mill-union li kien jgħid li kollha għandna nkomplu bl-istrajk, bil-kalma, u biex kulħadd jibqa’ jobdi biss id-direttivi tal-union. Ordnaw lil kulħadd biex jibqa’ fir-raħal jew fil-belt tiegħu sal-aħħar tal-ġurnata, it-tmiem tal-istrajk, biex l-għada l-ħajja tkompli b’mod normali. Il-pulizija kienu qegħdin mal-għassa u konna bilwieqfa fuq bankijiet nitfgħulhom il-ġebel u lqatna xi wħud minnhom. Kien hemm surġent mimdud mal-art b’concussion. Meta waslu iktar pulizija l-għassa tal-Ħamrun, il-folla bdiet titfgħalhom ammont kbir ta’ ġebel. Kien hemm xi erbat elef ruħ fil-folla. Konna qed nidħlu l-għassa ta’ Bormla u ġie xi ħadd, xi avukat, biex iwaqqafna, ipprova jikkalmana. Konna qed nitfgħu l-iskrataċ u l-bullets ġon-nar quddiem l-għassa u oħrajn kienu qed jagħmlu l-istorbju u baqgħu jargumentaw ma’ dal-avukat siegħa sħiħa u fl-aħħar qata’ qalbu u telaq ’l hemm. Fil-bitħa tal-għassa kien hemm l-iskeletru maħruq ta’ mutur tal-pulizija. Kien għad hemm id-duħħan fl-arja. Waranofsinhar il-BBC qalu li l-istrajk kien fil-biċċa l-kbira rnexxa. Rajna karozza ġejja min-naħa ta’ Ħal Tarxien u kien Mintoff. Il-karozza waqfet u ħareġ u qalilna biex issa mmorru d-dar, l-avvenimenti tal-ġurnata kienu spiċċaw. Morna d-dar u kien hemm baħri mill-flotta qed jiekol ma’ missieri u ommi, ħabib tal-familja. Għednielu fejn għandu jevita biex jerġa’ lura l-barracks bil-kwiet. Meta l-għassa ta’ Bormla kienet kollha meqruda u l-pulizija kienu abbandunawha, xi ġuvintur bdew ikaxkru l-affarijiet barra u jpoġġuhom f’ħuġġieġa li xi nies oħra kienu xegħlu. Oħrajn kienu qed jinstigaw pubblikament lin-nies biex jiksru l-liġi, dan kien punibbli b’erbgħin jum ħabs b’xogħol iebes. Aħna għedna li m’aħna qed niksru l-ebda liġi għax il-gvern kien irriżenja u l-oppożizzjoni ma riditx tifforma gvern u mingħajr gvern ma kienx hemm min jgħid x’inhi l-liġi. Ma kien hemm l-ebda liġi x’tikser. Barra l-għassa ta’ Bormla, qlajna t-telefown minn mal-ħajt, intimidajna lil ħaddieħor, u għamilna ħsara volontarja li ma qabżitx it-£3. Rajna sett tat-telefown u qbadnieh imma mbagħad erġajna poġġejnieh mal-art. Sett ġdid jiswa £1.9s.2d, iżda kien magħmul minn ħafna partijiet li setgħu jinbidlu jekk issirilhom il-ħsara. Tajna fastidju lil nies oħra pubblikament, ksirna l-liġi, intimidajna n-nies u għamilna ħsara volontarja li ma taqbiżx it-£3. Ikkaġunajna ħsara ta’ aktar minn £100 u ħadna sehem fit-tfigħ tal-ġebel, u ksirna l-ordni pubblika u wettaqna serq ta’ oġġetti li jiswew aktar minn £100. Bormla ltqajna ma’ Mintoff u qalilna mmorru d-dar, u l-għada mmorru għax-xogħol bħas-soltu, allura tlaqna. Morna mill-qorti għall-ħabs Raħal Ġdid. Meta dħalna mill-bieb qalulna intom sejrin Division 5, u kellna nidħlu f’kamra biex ifittxulna. Żammewlna ċ-ċwievet u ċ-ċinturin, u min kien liebes l-ingravata ħaduhielu wkoll. Il-lazzijiet taż-żarbun ma stajniex noħduhom magħna fiċ-ċella. Meta kellna bżonn immorru t-toilet ġew magħna żewġ pulizija. Jekk kellna bżonn inqaxxru l-leħja kienu jtuna xafra waħda u joqogħdulna għassa. Magħna kienu ibsin għax konna fuq quddiem fir-ritratti kollha u ħasbuna mexxejna kollox. Ix-xogħol iebes kien jikkonsisti fil-ġarr ta’ ġebel u terrapien f’qoffa kbira, nimlewha bl-idejn u nġorruha fuq spallejna għal iktar minn mitt pied. Ħafn’iktar minn mitt pied. Il-ġebel kien kbir u żgħir, u kien hemm ħafna ħamrija u trab. U l-ġurnata tax-xogħol kienet tikkonsisti f’hekk, f’li nġorru dal-ġebel, u l-ħamrija li kienet mgħarbula sew apposta biex tibqa’ għaddejja mill-qoffa u jkollna nerġgħu mmorru lura niġbruha. Il-ħin kollu li ma konniex fiċ-ċella dak kien xogħolna, inġorru dal-ġebel u dil-ħamrija minn tarf għall-ieħor tal-bitħa għal erbgħin jum jew xahrejn u nofs jew sitt xhur .